EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2018C0018

Deċiżjoni Delegata tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA Nru 18/18/COL tad-9 ta' Frar 2018 dwar l-istatus mingħajr mard tan-Norveġja rigward il-Marteilia refringens u l-Bonamia ostreae [2018/1196]

OJ L 214, 23.8.2018, p. 5–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Imħassar b' E2021C0032

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_del/2018/1196/oj

23.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 214/5


DEĊIŻJONI DELEGATA TAL-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA

Nru 18/18/COL

tad-9 ta' Frar 2018

dwar l-istatus mingħajr mard tan-Norveġja rigward il-Marteilia refringens u l-Bonamia ostreae [2018/1196]

L-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, partikolarment l-Artikolu 109 u Protokoll 1 tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-twaqqif ta' Awtorità ta' Sorveljanza u ta' Qorti tal-Ġustizzja, partikolarment l-Artikolu 5(2)(d) u l-Protokoll 1 tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Att imsemmi fil-punt 8a tal-Parti 3.1 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim ŻEE, id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta' Ottubru 2006 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta' ċertu mard f'annimali akkwatiċi (1) (“id-Direttiva 2006/88/KE”) hekk kif emendat u adattat permezz tal-Protokoll 1 tal-Ftehim taż-ŻEE, b'mod partikolari l-Artikolu 53 ta' dak l-Att,

Billi:

Bid-deċiżjoni tagħha Nru 291/10/COL tas-7 ta' Lulju 2010, l-Awtorità rrikonoxxiet il-kosta sħiħa tan-Norveġja bħala żona mingħajr mard fir-rigward kemm tal-Marteilia refringens kif ukoll tal-Bonamia ostreae, bl-eċċezzjoni tal-kontea ta' Aust-Agder fin-Nofsinhar tan-Norveġja fir-rigward tal-Bonamia ostreae.

Fit-23 ta' Frar 2017, l-Awtorità tas-Sikurezza tal-Ikel Norveġiża nnotifikat permezz tas-Sistema ta' Twissija Bikrija tal-OIE (l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali) (2) suspett ta' infezzjoni ta' Marteilia refringens ta' molluski blu (Mytilus edulis) misjuba jikbru fis-salvaġġ ġewwa razzett tal-akkwakultura tal-gajdra ċatta (Ostrea edulis) fil-lokalità tal-muniċipalità ta' Bømlo fil-Kontea ta' Hordaland fin-Nofsinhar tan-Norveġja.

Permezz ta' email datata t-28 ta' Frar 2017 (Dok. Nru 844246), l-Awtorità Norveġiża għas-Sikurezza tal-Ikel infurmat lill-Awtorità dwar l-istess suspett u li r-restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-molluski blu jew gajdri ċatti barra jew ġewwa r-razzett tal-akkwakultura kienu ġew imposti.

L-Awtorità Norveġiża għas-Sikurezza tal-Ikel infurmat lill-Awtorità b'email datat is-16 ta' Marzu 2017 (Dok Nru 847935), wara notifika permezz tas-Sistema ta' Notifika tal-Mard tal-Annimali (ADNS) fl-istess jum, li l-Laboratorju ta' Referenza tal-Unjoni Ewropea għall-Mard tal-Molluski kien ikkonferma l-marda u li kienet se tkun stabbilita żona tat-trażżin Fmadwar ir-razzett tal-akkwakultura.

L-Artikolu 53(3) tad-Direttiva 2006/88/KE jipprovdi li fejn investigazzjoni epiżootika tikkonferma probabbiltà sinifikanti li ġrat l-infezzjoni, għandu jiġi rtirat l-istatus mingħajr mard tal-Istat Membru rilevanti, taż-żona jew tal-kompartiment, skont il-proċedura li taħtha kien iddikjarat dak l-istatus.

Il-Ministeru Norveġiż għall-Kummerċ, l-Industrija u s-Sajd kiteb lill-Awtorità fit-28 ta' Settembru (Dok Nru 875660) u inkluda ittra ta' notifika tal-Awtorità Norveġiża għas-Sikurezza tal-Ikel datata t-22 ta' Settembru 2017 (Dok Nru 875658) li tgħid li regolament li jistabbilixxi żona għat-trażżin tal-Marteilia refringens fil-muniċipalità ta' Bømlo fin-Norveġja (3) ġiet adottata u li tikkonferma li, f'konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti (4), “iż-żona kostali sħiħa tan-Norveġja hija fil-kategorija I għall-Marteilia refringens, bl-eċċezzjoni taż-żona tat-trażżin fil-muniċipalità ta' Bømlo fin-Norveġja”.

L-awtorità tqis li l-kundizzjonijiet tad-dispożizzjoni għall-irtirar tal-istatus mingħajr mard taż-żona ġeografika milquta tal-muniċipalità ta' Bømlo fin-Norveġja huma sodisfatti.

Għalhekk, u fl-interess tas-simplifikazzjoni, id-Deċiżjoni Nru 291/10/COL tas-7 ta' Lulju 2010 għandha tiġi revokata u għandha tinbidel b'deċiżjoni ġdida.

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Veterinarju tal-EFTA li jassisti l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-istatus mingħajr mard tan-Norveġja fir-rigward il-Marteilia refringens u l-Bonamia ostreae huwa deskritt fl-Anness.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni Nru 291/10/COL qed tiġi revokata.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-8 ta' Frar 2018.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lin-Norveġja.

Artikolu 5

It-test Ingliż biss tad-deċiżjoni hi kkunsidrata bħala awtentika.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Frar 2018.

Għall-awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA, li taġixxi taħt id-Deċiżjoni Delegata Nru 494/13/COL,

Högni S. KRISTJÁNSSON

Membru tal-Kulleġġ Responsabbli

Carsten ZATSCHLER

Kontrofirma bħala Direttur, Affarijiet Legali u Eżekuttivi


(1)  ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14.

(2)  NOR 24-02-17 Twissija tal-OIE.

(3)  Forskrift om kontrollområde for å bekjempe sykdommen Marteiliose hos bløtdyr, Bømlo kommune, Hordaland, FOR-2017-09-08-1377 (Regolamenti dwar iż-żona ta' kontroll għall-ġlieda kontra l-marda Marteiliose fil-molluski, muniċipalità ta' Bømlo, Hordaland)

(4)  Forskrift om omsetning av akvakulturdyr og produkter av akvakulturdyr, forebygging og bekjempelse av smittsomme sykdommer hos akvatiske dyr, FOR-2008-06-17-819 (Regolamenti dwar il-bejgħ ta' annimali tal-akkwakultura u prodotti tal-annimali tal-akkwakultura, il-prevenzjoni u l-kontroll ta' mard li jittieħed fl-annimali akkwatiċi)


ANNESS

1.

Iż-żona kostali sħiħa tan-Norveġja hija żona mingħajr mard fir-rigward tal-Marteilia refringens, bl-eċċezzjoni taż-żona tat-trażżin fil-muniċipalità ta' Bømlo fil-Kontea ta' Hordaland fin-Nofsinhar tan-Norveġja, speċifikament deskritta f'§ 2 tar-Regolamenti Norveġiżi dwar iż-żona ta' kontroll għall-ġlieda tal-marda Marteiliose fil-molluski, il-muniċipalità ta' Bømlo, Hordaland (FOR-2017-09-08-1377) (ir- “Regolament”) (1) li huwa definit b'linja dritta minn:

punt (59° 44.805′ N; 5° 27.560′ E) fuq il-parti t'isfel ta' Stord, fid-direzzjoni lejn in-Nofsinhar

għall-fruntiera muniċipali bejn Bømlo u Sveio u imbagħad f'direzzjoni lejn il-Lbiċ tul il-fruntiera muniċipali għal

punt (59° 34.420′ N; 5° 14.623′ E) fil-baħar u lil hinn fid-direzzjoni tal-Punent għal punt (59° 33.72′ N; 5° 05.46′ E) fil-baħar. Imbagħad fid-direzzjoni tat-Tramuntana lejn il-fruntiera muniċipali bejn Austevoll u Bømlo u imbagħad lejn il-Punent tul il-fruntiera muniċipali għal

punt (59° 59.948′ N; 5° 19.629′ E) fil-baħar u mbagħad fid-direzzjoni tan-Nofsinhar-Lbiċ għal

punt (59° 58.917′ N; 5° 19.114′ E) fil-ponta tat-Tramuntana ta' Stord.

Il-mappa taż-żona ta' kontroll mehmuża mar-Regolament hija riprodotta fl-Appendiċi għal din id-Deċiżjoni.

2.

l-kosta sħiħa tan-Norveġja hija żona mingħajr mard fir-rigward tal-Bonamia ostreae bl-eċċezzjoni ta':

il-kontea ta' Aust-Agder fin-Nofsinhar tan-Norveġja.

Appendiċi

Image

(1)  Forskrift om kontrollområde for å bekjempe sykdommen Marteiliose hos bløtdyr, Bømlo kommune, Hordaland, FOR-2017-09-08-1377.


Top