EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2007C0155

Deċiżjoni ta' l-Awtorità ta' Sorveljanza EFTA Nru 155/07/COL tat- 3 ta’ Mejju 2007 dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija b’konnessjoni ma’ l-Artikolu 3 ta’ l-Att Norveġiż dwar il-kumpens għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) (in-Norveġja)

OJ L 249, 18.9.2008, p. 35–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/155(2)/oj

18.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 249/35


DEĊIŻJONI TA' L-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA EFTA

Nru 155/07/COL

tat-3 ta’ Mejju 2007

dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija b’konnessjoni ma’ l-Artikolu 3 ta’ l-Att Norveġiż dwar il-kumpens għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) (in-Norveġja)

L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TA’ L-EFTA (1),

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2), b’mod partikolari l-Artikoli 61 sa 63 u l-Protokoll 26 tiegħu,

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim bejn l-Istati ta’ l-EFTA dwar it-twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja (3), b’mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,

WARA LI KKUNSIDRAT l-Artikolu 1(2) fil-Parti I u l-Artikoli 4(4), 6, 7(5), 10 u 14 fil-Parti II tal-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti,

WARA LI KKUNSIDRAT il-Linji ta’ Gwida ta’ l-Awtorità (4) dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim taż-ŻEE,

WARA LI KKUNSIDRAT id-Deċiżjoni ta’ l-Awtorità ta’ l-14 ta’ Lulju 2004 dwar id-dispożizzjonijiet implimentattivi li jissemmew fl-Artikolu 27 fil-Parti II tal-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti,

WARA LI KKUNSIDRAT id-Deċiżjoni Nru 225/06/COL tad-19 ta’ Lulju 2006 biex jingħata bidu għal proċedura ta’ investigazzjoni formali rigward l-Artikolu 3 ta’ l-Att Norveġiż dwar il-kumpens għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) (5),

WARA LI SEJĦET lin-Norveġja u lill-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom dwar din id-Deċiżjoni u wara li kkunsidrat il-kummenti ta’ l-awtoritajiet Norveġiżi,

Billi:

I.   IL-FATTI

1.   Il-proċedura

B’ittra li ġġib id-data tas-16 ta’ Ottubru 2003, l-Awtorità rċeviet ilment fejn ġie allegat li tip partikolari ta’ skejjel, li jipprovdu servizzi speċjalizzati lis-settur barrani f’kompetizzjoni ma’ l-entità li qed tagħmel l-ilment, irċieva għajnuna mill-Istat permezz ta’ l-applikazzjoni ta’ kumpens għat-taxxa ta’ l-input ipprovduta fl-Artikolu 3 ta’ l-Att dwar il-Kumpens għat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) (6). L-iskejjel muniċipali li jipprovdu ċerti servizzi edukattivi eżentati mill-applikazzjoni tal-VAT li jikkompetu ma’ intrapriżi oħra jirċievu kumpens għall-VAT fuq l-input fuq oġġetti u servizzi mixtrija b’rabta mas-servizzi li jipprovdu fuq bażi kummerċjali, li l-kompetituri privati m’għandhomx jedd għalih. L-ittra waslet u kienet irreġistrata mill-Awtorità fl-20 ta’ Ottubru 2003 (Dok. Nru. 03-7325 A).

Wara diversi skambji ta’ korrispondenza (7), b’ittra li ġġib id-data tad-19 ta’ Lulju 2006 (Avveniment Nru 363440), l-Awtorità informat lill-awtoritajiet Norveġiżi li ddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista skond l-Artikolu 4 fil-Parti II tal-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti rigward l-Artikolu 3 ta’ l-Att Norveġiż dwar il-kumpens għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) bid-Deċiżjoni Nru 225/06/COL.

L-awtoritajiet Norveġiżi ressqu kummenti dwar din id-Deċiżjoni permezz ta’ ittra li kienet iġġib id-data tat-18 ta’ Settembru 2006 (Avveniment Nru 388922).

Id-Deċiżjoni ta’ l-Awtorità Nru 225/06/COL kienet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-UE C 305 ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006 u fis-Suppliment taż-ŻEE Nru 62 ta’ l-istess data. Wara l-pubblikazzjoni, ma wasal l-ebda kumment ieħor mingħand partijiet terzi.

2.   Il-qafas legali dwar il-VAT u dwar il-Kumpens għall-VAT fin-Norveġja

L-Att dwar il-Kumpens għall-VAT daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2004 bil-għan li jtaffi d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-Att dwar il-VAT.

Il-VAT hija taxxa fuq il-konsum li tinvolvi l-applikazzjoni ta’ taxxa eżattament proporzjonata mal-prezz tal-provvisti ta’ oġġetti u ta’ sevizzi, indipendentement min-numru ta’ tranżazzjonijiet li jseħħu fil-proċess ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni qabel l-istadju meta t-taxxa eventwalment tintalab mingħand klijent aħħari.

Bħala regola ewlenija, persuna involuta f’negozju jew f’kummerċ obbligata li tirreġistra għall-VAT (minn hawn ’il quddiem “persuna taxxabbli”), għandha tikkalkula u tħallas it-taxxa fuq il-bejgħ ta’ l-oġġetti u tas-sevizzi koperti mill-Att dwar il-VAT (8) u tista’ tnaqqas it-taxxa ta’ l-input fuq l-oġġetti u s-servizzi għal użu f’intrapriża mit-taxxa ta’ l-output imposta fuq il-bejgħ (9). B’hekk, is-sistema tal-VAT tintaxxa l-provvisti kollha mill-persuni taxxabbli kollha b’mod indaqs. Din in-newtralità hija waħda mill-karatteristiċi ewlenin tas-sistema tal-VAT.

Madankollu, l-Artikoli 5, 5(a) and 5(b) fil-Kapitolu I ta’ l-Att dwar il-VAT jeżentaw ċerti tranżazzjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Att dwar il-VAT: il-bejgħ minn ċerti istituzzjonijiet, organizzazzjonijiet, eċċ. (10), il-provvista u l-kiri ta’ proprjetà ta’ beni immobbli jew id-drittijiet għal proprjetà ta’ beni immobbli, il-provvista ta’ ċerti sevizzi, fost l-oħrajn, il-provvista ta’ servizzi sanitarji u dawk relatati mas-saħħa, servizzi soċjali, servizzi edukattivi, servizzi finanzjarji, servizzi relatati ma’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika, servizzi fil-forma ta’ jedd li wieħed jattendi wirjiet teatrali, operistiċi, tal-ballet, taċ-ċinema u taċ-ċirklu, wirjiet f’galleriji u f’mużewijiet, servizzi ta’ lotterija, servizzi konnessi ma’ li sservi oġġetti ta’ l-ikel fil-kantins ta’ l-iskejjel u ta’ l-istudenti, eċċ. (11).

Minn dak li ntqal aktar ’il fuq jirriżulta li kwalunkwe persuna taxxabbli li twettaq il-provvista ta’ oġġetti u ta’ servizzi li jkunu eżentati mill-Att dwar il-VAT tħallas taxxa ta’ l-input fuq ix-xiri ta’ oġġetti u ta’ servizzi imma ma tistax tnaqqas it-taxxa ta’ l-input mill-obbligi fiskali tagħha għaliex għal xiri ta’ din ix-xorta, il-persuna taxxabbli hija l-klijent aħħari.

Il-konsegwenza ta’ l-eżenzjoni hija li l-fornituri ta’ l-oġġetti u tas-servizzi eżentati jridu jħallsu t-taxxa ta’ l-input fuq is-servizzi u l-oġġetti li jixtru bħal kwalunkwe konsumatur finali (mingħajr ma jkollhom il-possibbiltà li jitolbu t-taxxa ta’ l-output mingħand il-konsumatur aħħari). Din il-konsegwenza loġika ta’ l-eżenzjonijiet tal-VAT madankollu ħolqot distorsjoni fuq livell ieħor. L-entitajiet pubbliċi, bħal kwalunkwe kumpanija integrata li tkun eżenti mit-taxxa, se jkollha inċentiv sabiex tikseb servizzi jew oġġetti “internament” (in-house) (12) minflok ma takkwista servizzi jew oġġetti fis-suq. Sabiex tinħoloq sistema bla ebda inċentiv partikolari sabiex ikunu prodotti oġġetti jew servizzi bir-riżorsi proprji meta paragunati ma’ akkwist estern, l-awtoritajiet Norveġiżi adottaw l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT.

L-Artikolu 2 ta’ l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT jelenka b’mod eżawrjenti l-entitajiet koperti mill-Att:

(a)

L-awtoritajiet lokali u reġjonali li jwettqu attivitajiet lokali jew reġjonali fejn il-kunsill lokali jew il-kunsill tal-kontea jew kunsill ieħor skond l-Att dwar il-Gvern Lokali (13) jew leġiżlazzjoni speċjali oħra dwar il-gvern lokali ikun il-korp suprem;

(b)

Il-kumpaniji intermuniċipali stabbiliti skond l-Att dwar il-Gvern Lokali jew leġiżlazzjoni speċjali oħra dwar il-gvern lokali;

(ċ)

L-intrapriżi privati jew mhux bi qligħ sakemm iwettqu servizzi sanitarji, edukattivi jew soċjali li jkunu obbligi statutorji ta’ l-awtoritajiet lokali jew reġjonali;

(d)

L-istituzzjonijiet għall-kura matul il-jum kif jissemma fl-Artikolu 6 ta’ l-Att dwar il-Kura Matul il-Jum (14);

(e)

Il-Kunsill Konġunt tal-Parroċċa (Kirkelig fellesråd).

Skond l-Artikolu 3, flimkien ma’ l-Artikolu 4(2) ta’ l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT, l-Istat Norveġiż jagħti kumpens għat-taxxa ta’ l-input imħallsa minn persuni taxxabbli koperti mill-Att dwar il-Kumpens għall-VAT meta jixtru oġġetti u servizzi mingħand persuni taxxabbli oħra meta ma jkollhomx id-dritt li jnaqqsu t-taxxa ta’ l-input peress li, skond l-Att dwar il-VAT, ikunu eżentati mit-taxxa (15).

3.   Id-dubji li wriet l-Awtorità fid-Deċiżjoni biex jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali

Fid-Deċiżjoni Nru 225/06/COL sabiex jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali rigward l-Artikolu 3 ta’ l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT, il-konsiderazzjoni preliminari ta’ l-Awtorità kienet li l-kumpens għat-taxxa ta’ l-input kif inhu provdut fl-Artikolu 3 ta’ l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT kien għajnuna mill-Istat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE.

L-Awtorità qieset li l-kumpens mogħti skond l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT ngħata mill-Istat permezz tar-riżorsi ta’ l-Istat mill-Baġit ta’ l-Istat. Fil-fehma ta’ l-Awtorità, ma kienx rilevanti għal din il-valutazzjoni jekk in-nefqa ta’ l-Istat għall-kumpens fuq il-livell ċentrali kienx ibbilanċjat jew le minn trasferimenti mnaqqsa lill-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala tali.

L-Awtorità qieset ukoll li, sakemm l-awtoritajiet Norveġiżi jagħtu kumpens għat-taxxa ta’ l-input fuq ix-xiri ta’ oġġetti u servizzi lil intrapriżi li mhumiex suġġetti għall-VAT imma li jaqgħu fl-ambitu ta’ l-Artikolu 2 ta’ l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT, dawn ikunu qed jagħtu vantaġġ ekonomiku lil dawk l-intrapriżi.

Fil-valutazzjoni tas-selettività, l-Awtorità qajmet dubji dwar jekk il-kumpens għall-VAT, li, fil-fehma tagħha, kien miżura materjalment selettiva, jistax ikun iġġustifikat min-natura u mil-loġika tas-sistema tal-VAT, jiġifieri jekk kienx jissodisfa l-għanijiet inerenti fis-sistema tal-VAT infisha, jew jekk kellux għanijiet oħra, esterni għas-sistema tal-VAT. Skond l-ispjegazzjonijiet li taw l-awtoritajiet Norveġiżi, l-għan segwit bl-introduzzjoni ta’ l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT kien li tkun iffaċilitata u inkoraġġita l-għażla mill-persuni taxxabbli koperti mill-Att dwar il-Kumpens għall-VAT bejn l-awto-provvista u l-outsourcing ta’ l-oġġetti u tas-servizzi suġġetti għall-VAT. L-Awtorità kellha dubji dwar jekk dan il-fini jistax jingħad li huwa fin-natura u fil-loġika tas-sistema tal-VAT infisha li hija taxxa fuq il-konsum. Fil-fehma preliminari ta’ l-Awtorità, il-kumpens għall-VAT ma kienx parti mis-sistema tal-VAT bħala tali, li ġiet stabbilita fl-1970, imma miżura separata li ġiet introdotta aktar tard sabiex jiġu rimedjati xi wħud mid-distorsjonijiet maħluqa mis-sistema tal-VAT.

L-Awtorità ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li filwaqt li jtaffi d-distorsjonijiet għall-akkwisti muniċipali, il-kumpens għall-VAT ħoloq distorsjonijiet fil-kompetizzjoni bejn l-intrapriżi li jwettqu l-istess attivitajiet ekonomiċi f’setturi eżentati mill-applikazzjoni tal-VAT.

L-Awtorità fakkret li, fil-prinċipju, il-benefiċjarji skond l-iskema ta’ kumpens għall-VAT jistgħu jirċievu kumpens għall-VAT fuq l-input fil-kundizzjonijiet ta’ l-iskema, irrispettivament minn jekk l-għajnuna lill-operaturi f’dawn is-setturi jkollhiex effett fuq il-kummerċ. Uħud mis-setturi koperti mill-Att dwar il-Kumpens għall-VAT huma parzjalment jew għalkollox miftuħa għall-kompetizzjoni minn madwar iż-ŻEE kollha. B’hekk, l-għajnuna mogħtija lill-intrapriżi f’dawn is-setturi tista’ taffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim taż-ŻEE. L-Awtorità kellha tivvaluta l-iskema bħala tali u mhux l-applikazzjoni tagħha għal kull settur individwali kopert. Ibbażata fuq il-ġurisprudenza, il-konklużjoni preliminari ta’ l-Awtorità kienet li, bħala skema ġenerali mifruxa man-nazzjon kollu, l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT seta’ jaffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti.

Fl-aħħarnett, l-Awtorità wriet dubji li l-kumpens għat-taxxa ta’ l-input jista’ jitqies kompatibbli mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Ftehim taż-ŻEE wara l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe waħda mill-eċċezzjonijiet previsti skond l-Artikolu 61(2) u (3) ta’ l-isemmi ftehim. Barra minn hekk, għalkemm l-għajnuna potenzjalment, f’uħud mis-sitwazzjonijiet, tista’ titqies bħala kompatibbli skond id-deroga prevista fl-Artikolu 59(2) tal-Ftehim taż-ŻEE, l-Awtorità kienet tal-fehma preliminari li din id-dispożizzjoni ma kinitx tiġġustifika l-kompatibbiltà ta’ l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT bħala skema.

4.   Il-kummenti ta’ l-awtoritajiet Norveġiżi

B’ittra li kienet iġġib id-data tat-18 ta’ Settembru 2006 (Avveniment Nru 388922), l-awtoritajiet Norveġiżi ressqu kummenti dwar id-Deċiżjoni ta’ l-Awtorità li tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Il-kummenti kienu maqsuma fi tliet taqsimiet:

4.1.   Il-qafas ta’ l-iskema għall-Kumpens tal-VAT

L-awtoritajiet Norveġiżi spjegaw li l-VAT hija taxxa ġenerali li tapplika, fil-prinċipju, għall-attivitajiet kummerċjali kollha li jinvolvu l-produzzjoni u d-distribuzzjonijiet ta’ l-oġġetti u l-proviżjonijiet tas-servizzi. Il-VAT li jkun hemm fuq l-infiq hija rekuperabbli biss sakemm min iħallas it-taxxa jipprovdi servizzi li jkunu suġġetti għall-VAT. Skond ir-regoli kurrenti dwar il-VAT, il-parti l-kbira ta’ l-attivitajiet fis-settur muniċipali mhumiex suġġetti għall-VAT:

“L-attività muniċipali ġeneralment tkun barra mis-sistema tal-VAT. L-attivitajiet muniċipali bażiċi bħas-servizzi sanitarji, edukattivi u soċjali mhumiex suġġetti għall-VAT. L-attivitajiet ekonomiċi fejn il-muniċipalitajiet ikunu involuti bħala “awtorità pubblika” huma barra l-ambitu tal-VAT. B’hekk, il-VAT imħallsa mill-muniċipalitajiet li hija relatata ma’ attivitajiet eżenti jew mhux taxxabbli hija spiża mhux rekuperabbli. Tista’ tissejjaħ “spiża moħbija tal-VAT”. Tista’ titqies ukoll bħala anomalija tas-sistema tal-VAT. Peress li s-sistema tal-VAT suppost tkun iggvernata minn prinċipju ta’ newtralità, it-trattament tal-VAT tal-muniċipalitajiet jista’ joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni. Minħabba l-fatt li l-muniċipalitajiet ma jistgħux jitolbu lura l-VAT imħallsa fuq l-inputs ipprovduti mis-settur privat, dan jista’ jintroduċi wkoll preġudizzju għall-awtoritajiet pubbliċi favur l-awto-provvista tas-servizzi li jkunu suġġetti għall-VAT kontra l-ħruġ ta’ kuntratti lis-settur privat.”

Billi l-muniċipalitajiet jingħataw kumpens għat-taxxa ta’ l-input fuq l-oġġetti u s-servizzi kollha, l-awtoritajiet Norveġiżi argumentaw li l-fini ta’ l-iskema ġenerali ta’ kumpens għall-VAT huwa li jinħolqu l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd bejn l-awto-provvista u l-outsourcing:

“Il-VAT mhux se toħloq aktar distorsjoni għall-inċentivi ta’ l-awtoritajiet muniċipali meta jagħżlu bejn produzzjoni “interna” (in-house) tas-servizzi u x-xiri ta’ servizzi li jkunu suġġetti għall-VAT minn fornituri privati tas-servizz. […] Għalhekk, in-newtralità tista’ titqies bħala l-għan assenjat lill-iskema ta’ kumpens għall-VAT.”

L-awtoritajiet Norveġiżi enfasizzaw il-fehma diġà espressa fil-fażi preliminari ta’ l-investigazzjoni li l-iskema ta’ kumpens għall-VAT mhix miżura ta’ għajnuna għall-intrapriżi li jaqgħu fl-ambitu ta’ l-Artikolu 2 ta’ l-Att dwar il-Kumpens għal-VAT. Ir-raġuni għal din id-dikjarazzjoni huwa li meta l-iskema ġenerali ta’ kumpens għall-VAT kienet introdotta fl-2004, l-approprjazzjonijiet muniċipali fil-baġit fiskali annwali konsegwentement tnaqqsu bl-ammont mistenni tat-taxxa ta’ l-input li ngħata kumpens għaliha. L-iskema ta’ kumpens għall-VAT għalhekk m’għandha l-ebda effett fuq id-dħul fejn għandu x’jaqsam il-Gvern. B’hekk is-sistema tista’ tiġi deskritta bħala sistema li tiffinanzja lilha nfisha permezz ta’ l-allokazzjoni ta’ spiża għar-ribass/għall-kumpens lill-muniċipalitajiet.

4.2.   L-għajnuna mill-Istat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE

Fl-ittra li ġġib id-data tat-18 ta’ Settembru 2006, l-awtoritajiet Norveġiżi esprimew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom mal-valutazzjoni ta’ l-Awtorità li l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT hija għajnuna mill-Istat għar-raġunijiet li ġejjin:

Il-vantaġġ ekonomiku

L-awtoritajiet Norveġiżi jemmnu li mhux korrett li l-kumpens għall-VAT jitqies bħala “vantaġġ”, li jeħles lill-intrapriżi minn ħlasijiet li normalment jinġarru mill-baġits tagħhom. Għaliex il-muniċipalitajiet jiffinanzjaw l-iskema ta’ kumpens għall-VAT huma stess permezz ta’ tnaqqis fl-għotjiet ġenerali, ma jingħata l-ebda ħelsien ekonomiku fattwali. L-iskema ta’ kumpens għall-VAT la timplika xi tnaqqis fl-ammont tat-taxxa u lanqas xi tip ta’ differiment fit-taxxa. Konsegwentement, fil-fehma ta’ l-awtoritajiet Norveġiżi, huwa ħażin li l-iskema ta’ kumpens għall-VAT tiġi paragunata ma’ miżuri li jimplikaw tnaqqis ġenwin fil-piż fiskali tad-destinatarju.

Is-selettività

L-ambitu ta’ l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT jiġi definit pożittivament peress li persuni legali biss li jaqgħu taħt l-Artikolu 2 ta’ l-Att jistgħu jingħataw kumpens għat-taxxa ta’ l-input fuq ix-xiri.

Madankollu, miżura fiskali selettiva tista’ tkun iġġustifikata minħabba n-natura jew l-iskema ġenerali tas-sistema fiskali in kwistjoni. L-awtoritajiet Norveġiżi qiesu li bid-dikjarazzjoni li l-kumpens għall-VAT mhux parti mis-sistema tal-VAT, l-Awtorità ma laqgħetx l-argument tagħhom li l-kumpens għall-VAT jista’ jitqies bħala li huwa konformi man-natura u mal-loġika tas-sistema tal-VAT infisha. L-awtoritajiet Norveġiżi oġġezzjonaw għal dan il-metodu billi rreferew għall-Kapitolu 17B.3.1 et seq. tal-Linji ta’ Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat ta’ l-Awtorità fejn jitqiesu diversi aspetti tal-miżuri differenzjali. Huma qiesu li l-kumpens għall-VAT huwa ġustifikat min-natura jew mill-iskema ġenerali tas-sistema fiskali in kwistjoni u rreferew għall-Kapitolu 17B.3.4 tal-Linji ta’ Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat “L-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni kummerċjali diretta”. Huwa prinċipju fundamentali li s-sistema tal-VAT għandha tkun newtrali u mhux diskriminatorja. Fil-fehma ta’ l-awtoritajiet Norveġiżi, għalhekk, in-newtralità tista’ titqies bħala inerenti fis-sistema tal-VAT infisha. In-newtralità, li hija inerenti għas-sistema tal-VAT, hija wkoll l-għan assenjat lill-iskema ta’ kumpens għall-VAT. Għalhekk, l-awtoritajiet Norveġiżi kienu tal-fehma li huwa ġust li l-iskema ta’ kumpens għall-VAT titqies bħala li hija konformi man-natura u mal-loġika tas-sistema tal-VAT infisha.

Barra minn hekk, innotaw li f’każ li l-iskema ta’ kumpens għall-VAT tinqata’ bil-mod il-mod, it-tgħawwiġ fil-kompetizzjoni li jirriżulta mis-sistema tal-VAT jerġa’ jitfaċċa: “Il-fatt li l-muniċipalitajiet ma jistgħux jirkupraw il-VAT fuq l-inputs joħloq distorsjoni fl-inċentivi ta’ l-awtoritajiet muniċipali meta jagħżlu bejn il-produzzjoni interna (in-house) tas-servizzi u x-xiri tas-servizzi li jkunu suġġetti għall-VAT minn fornituri privati tas-servizz.”

L-awtoritajiet Norveġiżi ġibdu l-attenzjoni għall-fatt li, sabiex tittaffa d-distorsjoni fil-kompetizzjoni li jirriżulta mis-sistema tal-VAT, dak li jissejjaħ il-Kumitat Rattsø vvaluta diversi miżuri possibbli qabel ma ddeċieda li l-iskema ta’ kumpens għall-VAT tkun l-aktar waħda adattata (16). Waħda mill-miżuri possibbli tal-Kumitat li ġiet ivvalutata kienet li d-dritt tal-muniċipalitajiet sabiex inaqqsu l-VAT fuq l-input jiġi estiż. Miżura possibbli oħra tkun li jagħmlu l-muniċipalitajiet soġġetti għall-VAT b'mod ġenerali. Il-Kumitat Rattsø ma għażilx li jestendi d-dritt tal-muniċipalitajiet sabiex inaqqsu l-VAT fuq l-input peress li din il-miżura timplika diżordni fil-VAT bħala taxxa ġenerali. Tqies ukoll li din il-miżura tista’ toħloq pressjoni minn gruppi oħra. Il-Kumitat Rattsø lanqas ma għażel li jagħmel lill-muniċipalitajiet ġeneralment suġġetti għall-VAT. Fost fatturi oħra, il-Kumitat ġibed l-attenzjoni għall-fatt li peress li ħafna servizzi muniċipali jitwettqu bla ħlas, hemm nuqqas ta’ bażi għall-kalkolu tal-VAT:

“Kemm l-estensjoni tad-drittijiet tal-muniċipalitajiet għat-tnaqqis kif ukoll il-fatt li l-muniċipalitajiet isiru ġeneralment suġġetti għall-VAT huma soluzzjonijiet fis-sistema tal-VAT. Ir-raġuni ta’ dawn il-miżuri, sabiex tittaffa d-distorsjoni fil-kompetizzjoni li tirriżulta mis-sistema tal-VAT, madankollu tkun eżattament l-istess bħal dak ta’ l-iskema ta’ kumpens għall-VAT. Barra minn hekk, mil-lat ekonomiku, mhemm l-ebda differenza bejn l-iskema ta’ kumpens u l-estensjoni tad-dritt tal-muniċipalitajiet sabiex inaqqsu t-taxxa ta’ l-input. B’hekk, il-Ministeru jemmen li minnu stess it-tqegħid f’kuntest ta’ l-iskema ta’ kumpens għall-VAT ma jista’ jkollu l-ebda konsegwenza.”

L-effett fuq il-kummerċ

L-awtoritajiet Norveġiżi kkritikaw il-valutazzjoni ta’ l-Awtorità tal-kriterji ta’ “l-effett fuq il-kummerċ”.

“Permezz ta’ l-iskema ta’ kumpens għall-VAT, il-muniċipalitajiet primarjament jingħataw lura t-taxxa ta’ l-input fuq l-oġġetti u s-servizzi li nxtraw għall-attivitajiet mandatorji tagħhom. Bil-liġi, il-muniċipalitajiet iridu jagħtu ċerti servizzi. Dan huwa speċjalment il-każ fil-qasam edukattiv, sanitarju u soċjali. Pereżempju, fis-settur sanitarju l-muniċipalitajet, fost l-oħrajn, għandhom jipprovdu servizzi ta’ tabib tal-familja, servizzi ta’ infermieri, servizz ta’ qabla u servizzi ta’ djar tal-kura. Fis-settur soċjali, il-muniċipalitajiet għandhom jipprovdu appoġġ prattiku u ekonomiku lid-destinatarji, eż. djar soċjali.”

“Skond l-Artikoli 2 u 3 ta’ l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT, il-kumpens għall-VAT jista’ jingħata wkoll lill-muniċipalitajiet li jwettqu attivitajiet mhux mandatorji. Madankollu, minbarra t-taħriġ speċjali mill-iskejjel muniċipali topiċi tal-kontea, il-Ministeru ma jaf bl-ebda qasam barra mill-ambitu tas-sistema tal-VAT fejn hemm dubju jekk id-destinatarji tal-kumpens għall-VAT jwettqux is-servizzi tagħhom b’kompetizzjoni ma’ intrapriżi oħra fiż-ŻEE.”

Konsegwentement, l-awtoritajiet Norveġiżi kienu tal-fehma li f’setturi li huma eżentati mill-ambitu ta’ applikazzjoni ta’ l-Att dwar il-VAT, huma ftit ferm l-intrapriżi stabbiliti f’pajjiżi Ewropej ġirien li jipprovdu servizzi f’kompetizzjoni ma’ l-intarpriżi Norveġiżi koperti mill-Att dwar il-Kumpens għall-VAT. Barra minn hekk, ċirkostanzi bħad-distanza fiżika sal-fornitur tas-servizz, id-diffikultajiet lingwistiċi u forom oħra marbuta mal-kultura huma deċiżivi meta jintgħażel fornitur ta’ servizz.

L-awtoritajiet Norveġiżi qiesu li sabiex iwettqu valutazzjoni vera ta’ l-iskema ta’ kumpens għall-VAT b’rabta mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 61(1) ŻEE, għandu jkun rilevanti li l-kompetizzjoni bejn l-intrapriżi Norveġiżi u intrapriżi oħra fiż-ŻEE f’setturi eżentati mill-applikazzjoni tal-VAT hija pjuttost marġinali.

B’hekk, l-awtoritajiet Norveġiżi kienu tal-fehma li l-kumpens għall-VAT li ngħata lil intrapriżi f’setturi eżentati mill-applikazzjoni tal-VAT ma jistax jitqies bħala li seta’ jaffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim taż-ŻEE.

4.3.   Kummenti ġenerali

L-awtoritajiet Norveġiżi rreferew għal diversi Stati Membru ta’ l-UE li introduċew skemi ta’ ħlas lura għall-ispejjeż tal-VAT fuq attivitajiet mhux taxxabbli jew eżentati mit-taxxa għall-gvernijiet lokali. Fl-Iżvezja, fid-Danimarka, fil-Finlandja, fl-Olanda, u fir-Renju Uniti ġew stabbiliti skemi differenti li jipprovdu ħlasijiet lura tal-VAT lill-gvernijiet lokali sabiex jeliminaw id-distorsjonijiet fit-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ l-awtoritajiet pubbliċi bejn il-provvista pubblika u l-ħruġ ta’ kuntratti tas-servizzi pubbliċi. Diversi sistemi ta’ ħlas lura tal-VAT ta’ natura pjuttost simili ġew ukoll stabbiliti fi Franza, fil-Lussemburgu, fl-Awstrija u fil-Portugall.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Norveġiżi kkwotaw lill-eks-Kummissjarju, is-Sur Bolkestein. F’ittra, li ġġib id-data ta’ l-1 ta’ Frar 2000, lil Michel Hansenne (il-Belġju) li kien saqsa lill-Parlament Ewropew jekk l-iskema ta’ kumpens għall-VAT fir-Renju Unit kinitx konformi mas-sitt Direttiva dwar il-VAT, is-Sur Bolkestein iddikjara li skema ta’ kumpens għall-VAT “ma tidħolx f’kunflitt mas-sitt Direttiva dwar il-VAT” peress li “din tinvolvi operazzjoni purament finanzjarja bejn entitajiet pubbliċi differenti u tiġi regolata mill-politika nazzjonali rispettiva għall-finanzjament ta’ l-awtoritajiet pubbliċi”.

Is-Sur Bolkestein ikkumenta wkoll dwar “skema possibbli fejn il-Gvern Irlandiż jagħti sussidju lill-organizzazzjonijiet tal-karità Irlandiżi li jlaħħaq ammont ekwivalenti għall-VAT li ma titnaqqasx li jkunu weħlu”. Huwa ddikjara li “l-għotja tas-sussidji governattivi minnha nfisha mhix kontra l-liġi dwar il-VAT ta’ l-Unjoni Ewropea”.

L-awtoritajiet Norveġiżi ammettaw li l-ebda waħda mill-kwotazzjonijiet ma kienet tindirizza direttament r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Madankollu, fil-fehma tagħhom, minn dawn il-kwotazzjonijiet jidher li l-iskemi ta’ kumpens għall-VAT ma jitqisux li jinsabu f’kunflitt mas-sitt Direttiva dwar il-VAT. Fil-fehma tagħhom, dan jirrifletti l-fatt li l-iskemi ta’ kumpens għall-VAT huma konformi man-natura u mal-loġika tas-sistema tal-VAT infisha.

II.   L-APPREZZAMENT

1.   Il-preżenza ta’ l-għajnuna mill-Istat

1.1.   Introduzzjoni

L-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE jipprovdi dan li ġej:

“Ħlief jekk ikun provdut mod ieħor f’dan il-Ftehim, kwalunkwe għajnuna mogħtija mill-Istati Membri tal-KE, mill-Istati ta’ l-EFTA jew permezz tar-riżorsi ta’ l-Istat fi kwalunkwe forma, tkun xi tkun, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti intrapriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti, sakemm taffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti, għandha tkun inkompatibbli mal-funzjonament ta’ dan il-Ftehim.”

L-Awtorità tixtieq tagħmel rimarka preliminari rigward l-ambitu tal-valutazzjoni kurrenti. Din id-Deċiżjoni ma tindirizzax id-deċiżjoni ta’ l-awtoritajiet Norveġiżi sabiex ċerti tranżazzjonijiet ikunu eżentati mill-ambitu ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Att dwar il-VAT. Tikkonċerna biss il-kumpens għat-taxxa ta’ l-input imħallsa minn ċerti persuni li jaqgħu fl-ambitu ta’ l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT.

Barra minn hekk, l-Awtorità tixtieq ukoll tenfasizza tliet rimarki li diġà għamlet fid-Deċiżjoni Nru 225/06/COL:

 

L-ewwelnett, bħala regola ġenerali, is-sistema fiskali ta’ Stat ta’ l-EFTA mhix koperta mill-Ftehim taż-ŻEE. Għandu jkun kull Stat ta’ l-EFTA li jfassal u japplika sistema fiskali skond l-għażliet politiċi li jagħmel. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ miżura fiskali, bħall-kumpens għat-taxxa ta’ l-input ipprovduta fl-Artikolu 3 ta’ l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT, jista’ jkollha konsegwenzi li jġibuha fl-ambitu ta’ l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE. Skond il-ġurisprudenza (17), l-Artikolu 61(1) ma jagħmilx distinzjoni bejn miżuri ta’ intervent mill-Istat b’referenza għall-kawżi jew għall-għanijiet tagħhom imma jiddefinihom b’relazzjoni għall-effetti li jkollhom.

 

It-tieninett, il-kwistjoni dwar jekk il-miżura konċernata hix għajnuna mill-Istat tinqala’ biss sakemm tikkonċerna attività ekonomika, jiġifieri, attività li tikkonsisti milli jkunu offruti oġġetti u servizzi f’suq partikolari (18). Miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat biss jekk tkun ta’ benefiċċju għall-intrapriżi. Għall-finijiet ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni, il-kunċett ta’ intrapriża jinkludi entitajiet “involuti f’attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali ta’ l-entità u mill-mod kif tiġi finanzjata” (19). Għalkemm uħud mill-entitajiet li jirċievu ħlasijiet lura tat-taxxa ta’ l-input ma jissodisfawx il-kundizzjoni li jkunu intrapriża, il-fatt li wħud mill-benefiċjarji ta’ l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT huma intrapriżi huwa raġuni biżżejjed sabiex l-iskema tiġi valutata bħala tali għal finijiet ta’ għajnuna mill-Istat (20).

 

It-tieletnett, l-għajnuna tista’ tingħata lil intrapriżi pubbliċi kif ukoll lil intrapriżi privati (21). Sabiex intrapriża pubblika titqies bħala destinatarja ta’ għajnuna mill-Istat mhux bilfors irid ikollha identità legali separata mill-Istat. Li entità tkun irregolata mid-dritt pubbliku u tkun istituzzjoni mhux bi qligħ mhux bilfors ifisser li mhix “intrapriża” fit-tifsira tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (22).

 

Ir-rabanett, rigward il-kummenti ġenerali mill-awtoritajiet Norveġiżi dwar l-eżistenza ta’ skemi simili fl-Unjoni Ewropea, l-Awtorità tixtieq tinnota li dawn is-sistemi jistgħu jkunu differenti mill-Att dwar il-Kumpens għall-VAT u li informat lill-Kummissjoni Ewropea bl-osservazzjonijiet ta’ l-awtoritajiet Norveġiżi. Barra minn hekk, skond il-ġurisprudenza, “kwalunkwe ksur min-naħa ta’ Stat Mmebru ta’ obbligu skond it-Trattat b’konnessjoni mal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 92 ma jistax ikun iġġustifikat mill-fatt li Stati Membri oħra ukoll qed jonqsu milli jissodisfaw dan l-obbligu.” (23)

F’dan li ġej, l-Awtorità se tivvaluta jekk l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT bħala skema (24) jissodisfax il-kriterji previsti skond l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE biex jitqies bħala għajnuna mill-Istat.

1.2.   Ir-riżosi ta’ l-Istat

Sabiex tkun għajnuna mill-Istat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE, l-għajnuna trid tingħata mill-Istat permezz ta' riżorsi ta’ l-Istat.

Il-kumpens jingħata direttament mill-Istat u għalhekk jingħata mill-Istat permezz ta' riżorsi ta’ l-Istat.

L-awtoritajiet Norveġiżi argumentaw li l-iskema ta’ kumpens għall-VAT mhix miżura ta’ għajnuna għaliex hija sistema li tiffinanzja lilha nfisha. Fil-fehma tagħhom, il-muniċipalitajiet jiffinanzjaw l-iskema ta’ kumpens għall-VAT huma stess permezz ta’ tnaqqis fit-trasferimenti ġenerali mill-baġit ta’ l-Istat lill-muniċipalitajiet. Bl-introduzzjoni ta’ l-iskema ta’ kumpens għall-VAT fl-2004, l-approprjazzjonijiet muniċipali fil-baġit fiskali annwali tnaqqsu skond l-ammont mistenni tat-taxxa ta’ l-input li ngħata kumpens għaliha.

L-Awtorità tqis li għal finijiet ta’ għajnuna mill-Istat mhux rilevanti jekk l-ammont ta’ flus li rċevew il-muniċipalitajiet naqasx jew le. Dak li huwa importanti huwa jekk l-intrapriżi, fit-tifsira tar-regoli dwar il-kompetizzjoni, irċevewx appoġġ finanzjarju mill-Istat permezz tar-riżorsi ta’ l-Istat. Meta muniċipalità tagħmilha ta’ intrapriża, għal finijiet ta’ għajnuna mill-Istat għandha titqies separatament mill-muniċipalità bħala awtorità pubblika. Jekk l-ispiża ta’ l-Istat tal-kumpens fuq livell ċentrali tiġix ibbilanċjata minn trasferimenti mnaqqsa lill-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala tali ma jbiddilx din il-konklużjoni. Il-ħlas lura għat-taxxa ta’ l-input jiġi finanzjat mill-baġit ta’ l-Istat u għalhekk huwa riżors ta’ l-Istat.

Barra minn hekk, skond kif tifhimha l-Awtorità, kull muniċipalità ma tiksibx tnaqqis fit-trasferiment ta’ l-Istat li jikkorrispondi eżattament għall-kumpens għall-VAT li tirċievi.

1.3.   Il-vantaġġ ekonomiku

Miżura finanzjarja li tingħata mill-Istat jew permezz tar-riżorsi ta’ l-Istat lil intrapriża li jeħilsuha mill-ispejjeż li normalment ikollhom jinġarru mill-baġit tagħha hija vantaġġ ekonomiku (25).

L-awtoritajiet Norveġiżi argumentaw li l-iskema ta’ kumpens għall-VAT mhix vantaġġ għaliex l-iskema la tinvolvi tnaqqis fl-ammont ta’ taxxa u lanqas ma tinvolvi xi differiment fit-taxxa. L-iskema ta’ kumpens għall-VAT ma timplika l-ebda tnaqqis fil-piż fiskali tad-destinatarju.

L-Awtorità ma taqbilx ma’ dan il-metodu. Fil-fehma tagħha, l-awtoritajiet Norveġiżi mhux qed jagħmlu d-divrenzjar meħtieġ bejn l-isferi differenti ta’ l-Istat, jiġifieri, f’dan il-każ, l-Istat bħala awtorità fiskali, il-muniċipalitajiet bħala entitajiet ta’ l-Istat u l-intrapriżi muniċipali bħala entitajiet separati għal finijiet ta’ għajnuna mill-Istat.

Sabiex tiddetermina jekk ngħatax vantaġġ ekonomiku, l-Awtorità trid tivvaluta jekk miżura teħlisx lill-benefiċjarji tagħha mill-ħlasijiet li normalment ikollhom joħorġu fl-andament tal-kummerċ tagħhom. Il-ħlas tat-taxxa ta’ l-input hija spiża operattiva relatata max-xiri fl-andament normali ta’ attività ekonomika ta’ intrapriża, li normalment toħroġ l-intrapriża stess. Sakemm l-awtoritajiet Norveġiż jagħtu kumpens għat-taxxa ta’ l-input fuq ix-xiri ta’ oġġetti u ta’ servizzi lil intrapriżi li jaqgħu fl-ambitu ta’ l-Artikolu 2 ta’ l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT, dawn ikunu qed jagħtu lil dawk l-intrapriżi vantaġġ ekonomiku. Jingħataw vantaġġ peress li l-ispejjeż operattivi li dawk l-intrapriżi se jkollhom iħallsu tnaqqsu skond l-ammont ta’ taxxa ta’ l-input li ngħata kumpens għaliha.

L-Att dwar il-Kumpens għall-VAT għalhekk jinvolvi l-għotja ta’ vantaġġ ekonomiku lill-benefiċjarji ta’ l-iskema.

1.4.   Is-selettività

Barra minn hekk, biex tkun għajnuna mill-Istat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE, il-miżura ta’ għajnuna trid tkun selettiva billi tiffavorixxi lil “ċerti intrapriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti”.

Fid-Deċiżjoni Nru 225/06/COL, l-Awtorità qieset li l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT kien miżura materjalment selettiva. L-ambitu ta’ l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT jiġi definit pożittivament billi l-persuni taxxabbli li jaqgħu fl-ambitu ta’ l-Artikolu 2 ta’ l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT biss jistgħu jingħataw kumpens għat-taxxa ta’ l-input fuq ix-xiri. Il-vantaġġ mogħti skond l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT għall-intrapriżi li ngħataw ħlas lura għat-taxxa ta’ l-input tagħhom jimplika ħelsien mill-obbligu li jsegwi mis-sistema ġenerali tal-VAT applikabbli għax-xerrejja kollha ta’ oġġetti u servizzi.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti stabbiliet li miżura fiskali speċifika, minkejja kollox, tista’ tkun iġġustifikata bil-loġika interna tas-sistema fiskali jekk tkun konsistenti magħha (26). Kwalunkwe miżura maħsuba parzjalment jew għalkollox biex teżenta d-ditti f’settur partikolari mill-ħlasijiet li jinqalgħu mill-applikazzjoni normali tas-sistema ġenerali hija għajnuna mill-Istat jekk ma jkun hemm l-ebda ġustifikazzjoni għal din l-eżenzjoni fuq il-bażi tan-natura u tal-loġika tas-sistema ġenerali (27).

L-Awtorità se tivvaluta jekk il-ħlas lura tat-taxxa ta’ l-input ipprovdut fl-Artikolu 3 ta’ l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT jaqax fl-ambitu tal-loġika tas-sistema tal-VAT. Għal din il-valutazzjoni, l-Awtorità trid tqis jekk il-ħlas lura tat-taxxa ta’ l-input jissodisfax l-għanijiet inerenti fis-sistema tal-VAT infisha jew jekk għandux għanijiet oħra li mhumiex inklużi fis-sistema tal-VAT.

L-għan primarju tas-sistema tal-VAT huwa li tintaxxa ċerti provvisti ta’ oġġetti u ta’ servizzi. Il-VAT hija taxxa indiretta fuq il-konsum ta’ l-oġġetti u tas-servizzi. Bħala regola, il-VAT tiġi kalkulata fl-istadji kollha tal-katina ta’ provvista u fuq l-importazzjoni ta’ l-oġġetti u tas-servizzi minn barra. Il-konsumatur aħħari jħallas il-VAT bħala parti mill-prezz tax-xiri, mingħajr id-dritt li jnaqqas it-taxxa.

Għalkemm, fil-prinċipju, il-bejgħ kollu ta’ l-oġġetti u tas-servizzi jista’ jkun suġġett għall-VAT, uħud mit-tranżazzjonijiet jistgħu jkunu eżentati (u konsegwentement mingħajr kreditu għat-taxxa ta’ l-input) li jfisser li provvisti ta’ din ix-xorta mhumiex taxxabbli.

L-Artikoli 5, 5(a) u 5(b) fil-Kapitolu I ta’ l-Att Norveġiż dwar il-VAT jeżentaw tranżazzjonijiet bħall-provvista u l-kiri ta’ proprjetà ta’ beni immobbli, il-provvista ta’ servizzi sanitarji u ta’ servizzi relatati mas-saħħa, is-servizzi soċjali, is-servizzi edukattivi, is-servizzi finanzjarji, eċċ. Il-fornituri ta’ dawn l-oġġetti u s-servizzi jiġu trattati bħala konsumaturi finali għall-finijiet tal-VAT peress li jridu jħallsu t-taxxa ta’ l-input mingħajr ma jkunu jistgħu jitolbu t-taxxa ta’ l-output. Il-konsegwenza tal-loġika tas-sistema hija li l-provvisti eżentati ta’ oġġetti u ta’ servizzi u l-konsumaturi finali jħallsu t-taxxa ta’ l-input mingħajr ma jkollhom il-possibbiltà li jnaqqsuha.

Madankollu, din il-konsegwenza loġika tas-sistema tal-VAT ħolqot distorsjoni fuq livell ieħor, li l-awtoritajiet Norveġiżi provaw ipaċu bl-introduzzjoni ta’ l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT. Għaldaqstant, il-loġika ta’ l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT qiegħda biex tibbilanċja l-konsegwenza loġika naturali tas-sistema tal-VAT meta jkunu eżentati ċerti provvisti. B’hekk, il-loġika ta’ l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT mhix li tintaxxa lil ċerti utenti aħħarija, kif inhi fis-sistema ġenerali tal-VAT, imma li teħles lil ċertu grupp ta’ konsumaturi finali sabiex tkun evitata d-distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn is-servizzi interni (in-house) u l-outsourcing għal tranżazzjonijiet li jkunu suġġetti għall-VAT.

L-awtoritajiet Norveġiżi spjegaw li, skond l-Artikolu 1 ta’ l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT, l-għan tal-kumpens għat-taxxa ta’ l-input kien li jinħolqu l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd bejn l-awto-provvista u l-outsourcing ta’ l-oġġetti u tas-servizzi suġġetti għall-VAT.

L-Awtorità tqis li jekk jingħata kumpens għat-taxxa ta’ l-input imħallsa għal raġunijiet oħra għajr dawk iffissati fis-sistema tal-VAT, ma jkunx iġġustifikat mill-għan tat-tassazzjoni ta’ attività partikolari, li primarjament tispira lis-sistema tal-VAT. L-għan li għandhom l-awtoritajiet Norveġiżi meta ħolqu l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd bejn l-awto-provvista u l-outsourcing minn entitajiet pubbliċi ta’ oġġetti u ta’ servizzi suġġetti għall-VAT għandha tiġi mfaħħra bħala tali imma ma tantx jista’ jingħad li hija fin-natura u fil-loġika tas-sistema tal-VAT infisha. F’dan is-sens, l-Awtorità tirreferi b’mod partikolari għall-ġurisprudenza ta’ Heiser  (28), fejn is-sempliċi fatt li miżura jkollha fini ta’ min ifaħħru mhux biżżejjed biex jeskludiha milli tiġi klassifikata bħala għajnuna fit-tifsira ta’ l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE. L-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE ma jagħmilx distinzjoni bejn miżuri ta’ intervent mill-Istat b’referenza għall-kawżi jew għall-għanijiet tagħhom imma jiddefinihom b’relazzjoni għall-effetti li jkollhom (29).

L-Awtorità ma tinjorax l-għan li kellhom l-awtoritajiet Norveġiżi bl-introduzzjoni ta’ l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT li joħolqu newtralità fl-akkwist ta’ oġġetti u ta’ servizzi suġġetti għall-VAT għall-amministrazzjoni pubblika. Din in-newtralità ma tistax tiġi konfuża man-newtralità inerenti fis-sistema tal-VAT.

Peress li l-fini tal-ħolqien ta’ l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd bejn il-provvista interna (in-house) u l-outsourcing tal-provvisti ta’ oġġetti u ta’ servizzi għall-awtoritajiet pubbliċi mhux skond il-loġika tas-sistema tal-VAT, dan l-għan jista’ jitqies biss fil-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura in kwistjoni.

Għar-raġunijiet li ssemmew aktar ’il fuq, l-Awtorità tikkonkludi li l-kumpens għall-VAT ma jistax ikun iġġustifikat min-natura u mil-loġika tas-sistema tal-VAT. Għalhekk huwa miżura selettiva.

1.5.   Id-distorsjoni tal-kompetizzjoni

Miżura trid twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni biex taqa’ fl-ambitu ta’ l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE.

L-entitajiet pubbliċi jew privati li jaqgħu fl-ambitu ta’ l-Artikolu 2 ta’ l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT biss jistgħu jibbenefikaw minn kumpens għat-taxxa ta’ l-input. Madankollu, meta dawn l-entitajiet jipprovdu servizzi eżentati mill-applikazzjoni tal-VAT f’kompetizzjoni ma’ intrapriżi li jaqgħu barra mill-ambitu ta’ l-Artikolu 2 ta’ l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT, dawn ta’ l-aħħar se jkollhom jiffaċċjaw spejjeż akbar tax-xiri anki jekk iwettqu servizzi simili. Għalkemm il-kumpens għat-taxxa ta’ l-input kellu l-għan li jtaffi t-tgħawwiġ għall-akkwisti muniċipali, dan ħoloq tgħawwiġ fil-kompetizzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi li jwettqu attivitajiet ekonomiċi u l-intrapriżi privati li jwettqu l-istess attivitajiet ekonomiċi f’setturi eżentati mill-applikazzjoni tal-VAT. Għaldaqstant, minħabba l-intervent ta’ l-Istat, il-prodotti offruti mill-operaturi privati, meta l-fatturi l-oħra kollha jkunu simili, ikunu aktar għalja. B’hekk ikun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni. F’oqsma fejn kemm l-operaturi pubbliċi kif ukoll dawk privati jingħataw kumpens, l-għajnuna xorta thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi nazzjonali u operaturi oħra taż-ŻEE li joperaw fl-istess suq.

B’hekk, rigward il-kumpens mogħti lill-intrapriżi li jipproduċu oġġetti jew li joffru servizzi eżentati mill-applikazzjoni tal-VAT, l-Awtorità tqis li hemm distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn l-intrapriżi.

1.6.   L-effett fuq il-kummerċ

Miżura ta’ għajnuna mill-Istat taqa’ fl-ambitu ta’ l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE biss sakemm taffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim taż-ŻEE.

Fil-kummenti tagħhom għad-Deċiżjoni ta’ l-Awtorità Nru 225/06/COL, l-awtoritajiet Norveġiżi kkontestaw il-valutazzjoni ta’ l-Awtorità tal-kriterju ta’ l-effett fuq il-kummerċ li, fil-fehma tagħhom, ma kienx ibbażat fuq apprezzament ġust tas-sitwazzjoni. Fil-fehma tagħhom, permezz ta’ l-iskema ta’ kumpens għall-VAT il-muniċipalitajiet primarjament jingħataw ħlasijiet lura ta’ taxxa ta’ l-input fuq oġġetti u servizzi li nxtraw għall-attivitajiet mandatorji tagħhom. Rigward l-ativitajiet mhux mandatorji li jistgħu jwettqu il-muniċipalitajiet, l-awtoritajiet Norveġiżi ma raw l-ebda qasam eżentat mill-applikazzjoni tal-VAT fejn id-destinatarji tal-kumpens għall-VAT jwettqu s-servizzi tagħhom f’kompetizzjoni ma’ intrapriżi oħra fiż-ŻEE, minbarra t-tip partikolari ta’ skejjel indirizzati mill-entità li qed tagħmel l-ilment. L-awtoritajiet Norveġiżi jemmnu li hemm ferm ftit intrapriżi stabbiliti fil-pajjiżi Ewropej ġirien li jikkompetu ma’ l-intrapriżi Norveġiżi koperti mill-Att dwar il-Kumpens għall-VAT.

L-Awtorità irrepetiet il-pożizzjoni li esprimiet fid-Deċiżjoni Nru 225/06/COL rigward il-valutazzjoni ta’ l-effett fuq il-kummerċ. L-Awtorità hija meħtieġa teżamina jekk hux probabbli li skema ta’ għajnuna taffetwa l-kummerċ fiż-ŻEE u mhux tiddetermina l-effett attwali tagħha (30). Fil-prinċipju, il-benefiċjarji kollha fl-iskema ta’ kumpens għall-VAT, jistgħu jirċievu kumpens għall-VAT fuq l-input taħt il-kundizzjonijiet ta’ l-iskema, irrispettivament minn jekk l-għajnuna lil operatur konkret ikollhiex effett fuq il-kummerċ. Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja stabbiliet li “fil-każ ta' skema ta' għajnuna, il-Kummissjoni tista' tillimita ruħha biex teżamina l-karatteristiċi ġenerali ta' l-iskema in kwistjoni, mingħajr ma tkun fl-obbligu li teżamina kull każ partikolari li fih tkun applikabbli.” (31). Anki l-Qorti ta’ l-EFTA approvat din l-interpretazzjoni (32).

Il-kriterju ta’ l-effett fuq il-kummerċ ġie tradizzjonalment interpretat bħala li jgħid, f’termini ġenerali, li miżura titqies li hija għajnuna mill-Istat jekk tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati taż-ŻEE (33). Anki jekk l-awtoritajiet Norveġiżi huma korretti fl-istima tagħhom li huma biss ftit l-intrapriżi fiż-ŻEE li jikkompetu mal-benefiċjarji ta’ l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT, minkejja dan, il-miżura ta’ għajnuna tista’ taffettwa l-kummerċ peress li la n-numru ta’ benefiċjarji u lanqas in-numru ta’ kompetituri mhuma elementi sinifikanti għall-valutazzjoni tal-kriterju ta’ l-effett fuq il-kummerċ fit-tifsira ta’ l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE (34).

L-għotja ta’ appoġġ mill-Istat lil intrapriża tista’ twassal biex il-provvista interna tinżamm jew tiżdied, bil-konsegwenza tkun li jitnaqqsu l-opportunitajiet biex intrapriżi oħra jippenetraw is-suq ta’ l-Istati taż-ŻEE kkonċernati (35). Għalhekk, il-karattru ta’ l-għajnuna ma jiddependix mill-karattru lokali jew reġjonali tas-servizzi provduti jew fuq l-iskala tal-qasam ta’ attività kkonċernat (36).

Mhemm l-ebda limitu jew perċentwali li taħtu jista’ jitqies li l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti ma jiġix affettwat (37). Anzi bil-kontra, skond il-ġurisprudenza (38), kull meta għajnuna finanzjarja mill-Istat issaħħaħ il-pożizzjoni ta’ intrapriża meta paragunata ma’ intrapriżi oħra li jikkompetu fin-negozju fi ħdan iż-ŻEE, ta’ l-aħħar iridu jitqiesu bħala li ġew affettwati minn dik l-għajnuna.

L-Artikoli 5 u 5(a) fil-Kapitolu I ta’ l-Att dwar il-VAT jeżentaw ċerti tranżazzjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Att dwar il-VAT. Barra minn hekk, l-Artikolu 5(b) ta’ l-istess Att jipprevedi li l-provvista ta’ ċerti servizzi, fost l-oħrajn il-provvista ta’ servizzi sanitarji u dawk relatati mas-saħħa, is-servizzi soċjali, is-servizzi edukattivi, is-servizzi finanzjarji, is-servizzi relatati ma’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika, is-servizzi fil-forma ta’ jedd li wieħed jattendi wirjiet teatrali, operistiċi, tal-ballet, taċ-ċinema u taċ-ċirklu, il-wirjiet fil-galleriji u fil-mużewijiet, is-servizzi tal-lotterija, is-servizzi konnessi ma’ li jkunu servuti oġġetti ta’ l-ikel fil-kantins ta’ l-iskejjel u ta’ l-istudenti, eċċ., mhumiex koperti mill-Att. B’hekk, dawn is-servizzi kollha huma eżentati mill-applikazzjoni tal-VAT, imma fil-prinċipju, huma koperti mill-Att dwar il-Kumpens għall-VAT (39). Uħud minn dawn is-setturi bħal, pereżempju, is-servizzi finanzjarji, is-servizzi konnessi ma’ li jkunu servuti oġġetti ta’ l-ikel fil-kantins ta’ l-iskejjel u ta’ l-istudenti, uħud mis-servizzi dentali, uħud mis-servizzi edukattivi provduti bi ħlas, uħud mis-servizzi taċ-ċinema, huma parzjalment jew għalkollox miftuħa għall-kompetizzjoni mifruxa maż-ŻEE kollha. L-għajnuna mogħtija lill-intrapriżi f’setturi li huma miftuħa għall-kompetizzjoni għalhekk tista’ taffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim taż-ŻEE.

Għal dawn ir-raġunijiet, u meta titqies il-ġurisprudenza tal-Qorti, l-Awtorità tqis li l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT hija skema ta’ kumpens mifruxa man-nazzjon kollu li tista’ taffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim taż-ŻEE.

1.7.   Konklużjoni

Għar-raġunijiet li ssemmew aktar ’il fuq, l-Awtorità tikkonkludi li l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT hija skema ta’ għajnuna mill-Istat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE.

2.   Ir-rekwiżiti proċedurali

Skond l-Artikolu 1(3) fil-Parti I tal-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, “l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA għandha tkun informata, u tingħata żmien biżżejjed sabiex tkun tista’ tressaq il-kummenti tagħha, bi kwalunkwe pjan sabiex tingħata jew titbiddel l-għajnuna […]. L-Istat ikkonċernat m’għandux idaħħal fis-seħħ il-miżuri proposti sakemm il-proċedura tkun irriżultat f’deċiżjoni finali”.

L-Awtoritajiet Norveġiżi ma nnotifikawx l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT lill-Awtorità qabel ma daħħluh fis-seħħ. L-Awtorità għalhekk tikkonkludi li l-awtoritajiet Norveġiżi ma rrispettawx l-obbligi tagħhom skond l-Artikolu 1(3) fil-Parti I għall-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti.

3.   Il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna

L-Awtorità tqis li l-ebda waħda mid-derogi msemmija fl-Artikolu 61(2) tal-Ftehim taż-ŻEE ma tista’ tiġi applikata f’dan il-każ.

Safejn għandha x’taqsam l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 61(3) tal-Ftehim taż-ŻEE, il-kumpens għat-taxxa ta’ l-input ma jistax jitqies fil-qafas ta’ l-Artikolu 61(3)(a) tal-Ftehim taż-ŻEE peress li l-ebda reġjun Norveġiż ma jikkwalifika għal dan il-provvediment, li jeħtieġ standard ta’ l-għajxien li jkun baxx b’mod anormali jew livell għoli ta’ qgħad. Dan il-kumpens ma jidhirx li jippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġett importanti ta’ interess komuni Ewropew jew li huwa ta’ rimedju għal disturb serju fl-ekonomija ta’ Stat, kif jintalab għall-kompatibbiltà fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim taż-ŻEE.

Dwar l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ŻEE, l-għajnuna tista’ titqies li hija kompatibbli mal-Ftehim taż-ŻEE jekk tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti oqsma ekonomiċi mingħajr ma taffettwa ħażin il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt kuntrarju għall-interess komuni. L-iskema ta’ l-għajnuna in kwistjoni ma jidhirx li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew oqsma ekonomiċi imma, hekk kif iddikjaraw l-awtoritajiet Norveġiżi, għandha l-għan li jkunu stabbiliti l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd għall-oġġetti u għas-servizzi suġġetti għall-VAT bejn il-provvedimenti interni (in-house) u l-outsourcing tas-servizzi fil-muniċipalitajiet.

L-Awtorità tqis li tnaqqis fl-ispejjeż tal-ġestjoni ta’ intrapriża, bħat-taxxa ta’ l-input, huwa għajnuna operattiva. Din it-tip ta’ għajnuna, fil-prinċipju, hija projbita. Għalhekk, l-Awtorità tqis li l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT huwa skema ta’ għajnuna li, hekk kif inhu llum, ma jistax jitqies li huwa kompatibbli mar-regoli dwar l-għajnuna ta’ l-Istat tal-Ftehim taż-ŻEE.

Minkejja dan, l-Awtorità tfakkar li, kif issemma aktar ’il fuq, il-kwistjoni dwar jekk il-miżura hiex għajnuna ta’ l-Istat tinqala’ biss sakemm tikkonċerna attività ekonomika, jiġifieri, attività fejn jiġu offruti oġġetti u servizzi f’suq partikolari. F’dan il-każ, dan jimplika li sakemm il-benefiċjarji ta’ l-iskema jwettqu kompiti jew obbligi statutorji ta’ amministrazzjoni pubblika li mhumiex attività ekonomika, il-valutazzjoni ta’ l-għajnuna mill-Istat, inkluża l-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura, ma tapplikax għalihom.

Barra minn hekk, skond l-Artikolu 59(2) tal-Ftehim taż-ŻEE, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat mhumiex applikabbli għall-intrapriżi fdati bit-twettiq ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali u dan sakemm l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ din ix-xorta tostakola t-twettiq tal-kompiti partikolari assenjati lihom u sakemm il-kummerċ ma jiġix affettwat b'mod kuntrarju għall-interessi tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim.

B’mod ġenerali, l-Istati għandhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fid-definizzjoni ta’ servizzi li jistgħu jiġu klassifikati bħala li huma servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. F’dan ir-rigward, il-kompitu ta’ l-Awtorità huwa li tiżgura li mhemm l-ebda żball ċar rigward id-definizzjoni tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. F’dan il-kuntest, l-Awtorità ma tistax twettaq valutazzjoni dettaljata ta’ jekk il-fornituri kollha fis-setturi eżentati mill-applikazzjoni tal-VAT li jibbenefikaw mill-ħlas lura tat-taxxa ta’ l-input, jiġifieri li huma koperti mill-iskema ta’ għajnuna, humiex konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 59(2) tal-Ftehim taż-ŻEE. L-Awtorità tista’ tillimita lilha nfisha għalli tindika li, fil-każ li dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati, il-ħlas lura tal-VAT fuq l-input mogħti lil intrapriża partikolari jew lil grupp speċifiku ta’ intrapriżi jista’ jitqies bħala għajnuna mill-Istat kompatibbli fit-tifsira ta’ l-Artikolu 59(2) tal-Ftehim taż-ŻEE. L-Att dwar il-Kumpens għall-VAT mhux limitat b’dan il-mod.

Fit-28 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni Ewropea adottat Deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 86(2) tat-Trattat KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għas-servizz pubbliku mogħti lil ċerti intrapriżi fdati bit-twettiq ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (40). Din id-Deċiżjoni kienet inkorporata fil-Ftehim taż-ŻEE f’Lulju 2006 (41).

Skond din id-Deċiżjoni (42), l-isptarijiet u l-intrapriżi inkarigati mid-djar soċjali li huma fdati b’kompiti li jinvolvu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali għandhom karatteristiċi speċifiċi li jeħtieġ li jitqiesu. L-intensità tad-distorsjoni fil-kompetizzjoni f’dawk is-setturi fl-istadju kurrenti ta’ l-iżvilupp tas-suq intern mhux bilfors huwa proporzjonat għal-livell tal-fatturat u tal-kumpens. Għalhekk, l-isptarijiet li jipprovdu kura medika, inklużi fejn ikun applikabbli, is-servizzi ta’ emerġenza u s-servizzi anċillari direttament relatati ma’ l-attivitajiet ewlenin, prinċipalment fil-qasam tar-riċerka, u l-intrapriżi inkarigati mid-djar soċjali li jipprovdu djar għaċ-ċittadini żvantaġġjati jew gruppi soċjalment inqas vantaġġjati li, minħabba l-limiti ta’ solvenza, ma jistgħux jiksbu djar skond kundizzjonijiet tas-suq, huma eżentati min-notifika.

Madankollu, kwalunkwe ħlas lura ta’ taxxa ta’ l-input mogħti lil intrapriża għall-parti ta’ l-attivitajiet ekonomiċi li twettaq li mhumiex parti minn dan l-obbligu ta’ servizz pubbliku mhux koperti minn din l-eċċezzjoni. Kif ġie vvalutat aktar ’il fuq, din l-iskema ta’ ħlas lura hija għajnuna mill-Istat u ma tistax titqies li hija kompatibbli mar-regoli tal-Ftehim taż-ŻEE. F’dan il-kuntest, tista’ ssir referenza għal uħud mis-setturi ta’ attività kkonċernati, jiġifieri, għas-setturi li huma eżentati mill-applikazzjoni tal-VAT u li fir-rigward tagħhom jidher biċ-ċar mill-prattika tal-każi eżistenti jew mill-Kummissjoni Ewropea, jew mill-Awtorità jew mill-ġurisprudenza eżistenti li l-attività hija attività ekonomika li titwettaq f’kompetizzjoni ma’ oħrajn. B'mod partikolari dan huwa l-każ fil-każ tas-servizzi tad-dentisti (43) jew ta’ l-ambulanzi (44).

Barra minn hekk, uħud mid-destinatarji ta’ l-għajnuna, skond l-iskema ta’ kumpens għall-VAT, jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjonijiet oħra bħall-għajnuna de minimis, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-regolamenti ta’ eżenzjoni ġenerali, bħar-regolament ta’ eżenzjoni ta' kategorija dwar l-SMEs, eċċ.

Madankollu, din l-iskema, kif inhi bħalissa, ma tiġix interpretata bħala li tindirizza biss obbligi ta’ servizz pubbliku jew kwalunkwe waħda mill-eżenzjonijiet li ssemmew aktar ’il fuq. L-Att dwar il-Kumpens għall-VAT jiġi applikat u jinftiehem b’mod wiesa’. Ma jinkludix il-kriterji meħtieġa li għandhom jiżguraw li dawn l-eżenzjonijiet jiġu sodisfatti. Għalhekk, l-iskema bħala tali ma tistax titqies li hija kompatibbli mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Ftehim taż-ŻEE.

4.   Konklużjoni

L-Awtorità temmen li l-awtoritajiet Norveġiżi implimentaw illegalment l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT bi ksur ta’ l-Artikolu 1(3) fil-Parti I tal-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti. Il-ħlas lura tat-taxxa ta’ l-input previst skond dan l-Att kif inhu llum mhux kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE għar-raġunijiet li ġew stabbiliti aktar ’il fuq.

Skond l-Artikolu 14 fil-Parti II tal-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, f’każi ta’ għajnuna illegali, jekk jinstab li tkun inkompatibbli, bħala regola l-Awtorità tordna li l-Istat ta’ l-EFTA kkonċernat jikseb lura l-għajnuna mingħand id-destinatarju.

L-Awtorità hija tal-fehma li, f’dan il-każ, l-ebda prinċipju ġenerali ma jipprekludi l-irkupru. Skond il-ġurisprudenza stabbilita, l-abolizzjoni ta’ l-għajnuna illegali permezz ta’ l-irkupru hija l-konsegwenza loġika tas-sejbien li din kienet illegali. Konsegwentement, l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istati mogħtija illegalment, sabiex terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel, fil-prinċipju ma tistax titqies bħala sproporzjonata għall-għanijiet tal-Ftehim taż-ŻEE rigward l-għajnuna mill-Istat. Billi l-għajnuna titħallas lura, id-destinatarju jitlef il-vantaġġ li kieku kien igawdi fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq, u terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni li kien hemm qabel ma tħallset l-għajnuna (45). Minn dik il-funzjoni tal-ħlas lura ta’ l-għajnuna jirriżulta wkoll li, bħala regola ġenerali ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali, l-Awtorità mhux se teċċedi l-limiti tad-diskrezzjoni tagħha, li ġew rikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk titlob lill-Istat ta’ l-EFTA kkonċernat biex jirkupra s-somom li ngħataw bħala għajnuna illegali peress li qed tirripristina s-sitwazzjoni li kien hemm qabel (46).

Barra minn hekk, minħabba n-natura mandatorja tas-superviżjoni ta’ l-għajnuna mill-Istat mill-Awtorità skond il-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-intrapriżi li ngħatatilhom l-għajnuna, fil-prinċipju, ma jistax ikollhom aspettattiva leġittima li l-għajnuna hija legali sakemm ma tkunx ingħatat skond il-proċedura stabbilita fid-dispożizzjonijiet ta’ dak il-Protokoll (47).

Id-dikjarazzjonijiet li għamel il-Kummissarju Bolkestein, li ssemmew mill-awtoritajiet Norveġiżi, kienu jirreferu għall-konformità ta’ l-iskemi kkonċernati mar-regoli dwar il-VAT bħala tali. Barra minn hekk, mill-inqas f’waħda mid-dikjarazzjonijiet, is-Sur Bolkestein inkluda l-kundizzjoni “sakemm jiġu osservati r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat”. B’hekk, l-Awtorità tqis li f’dawn id-dikjarazzjonijiet ma tista’ tkun iġġustifikata l-ebda aspettattiva leġittima.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Norveġiżi ma rreferew għall-ebda skema ta’ għajnuna mill-Istat simili li ġiet approvata jew mill-Kummissjoni Ewropea jew mill-Awtorità li fuq il-bażi tagħha tista’ tiġi sostanzjata l-eżistenza ta’ l-aspettattivi leġittimi rigward l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT.

Għal dawn ir-raġunijiet, l-Awtorità tqis li, f’dan il-każ, mhemm l-ebda ċirkostanza eċċezzjonali apparenti li kienet twassal għal aspettattivi leġittimi min-naħa tal-benefiċjarji ta’ l-għajnuna.

L-irkupru għandu jinkludi l-imgħax kompost, skond l-Artikolu 14(2) fil-Parti II tal-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti u skond l-Artikoli 9 u 11 tad-Deċiżjoni ta’ l-Awtorità Nru 195/04/COL ta’ l-14 ta’ Lulju 2004 (48).

L-awtoritajiet Norveġiżi għalhekk qed jintalbu jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jirkupraw kwalunkwe għajnuna inkompatibbli li ngħatat fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 3 ta’ l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT u li jinformaw lill-Awtorità b’dan fi żmien xahrejn.

L-awtoritajiet Norveġiżi għandhom jemendaw l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT b’effett immedjat sabiex jeskludu li tingħata għajnuna mill-Istat. Fi żmien xahrejn, għandhom jinformaw lill-Awtorità bl-emendi leġiżlattivi meħtieġa li wettqu.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat mogħtija b’konnessjoni ma’ l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT, li ġie implimentat mill-awtoritajiet Norveġiżi, mhix kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE.

Artikolu 2

In-Norveġja għandha temenda l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT b’effett immedjat sabiex ikun eskluż li tingħata għajnuna mill-Istat.

Artikolu 3

L-awtoritajiet Norveġiżi għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jirkupraw l-għajnuna li tissemma fl-Artikolu 1 mingħand kwalunkwe intrapriża benefiċjarja.

Artikolu 4

L-irkupru għandu jsir mingħajr dewmien u skond il-proċeduri tad-dritt nazzjonali sakemm dawn jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni. L-għajnuna li għandha tiġi rkuprata għandha tinkludi l-imgħax u l-imgħax kompost mid-data minn meta l-għajnuna kienet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sad-data ta’ meta tiġi rkuprata. L-imgħax għandu jiġi kalkulat fuq il-bażi ta’ l-Artikoli 9 u 11 tad-Deċiżjoni ta’ l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA Nru 195/04/COL.

Artikolu 5

L-awtoritajiet Norveġiżi għandhom jinformaw lill-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA, fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, bil-passi li ħadu sabiex jikkonformaw magħha.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Norveġja.

Artikolu 7

Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika.

Magħmula fi Brussell, 3 ta’ Mejju 2007.

Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA,

Bjørn T. GRYDELAND

President

Kurt JÄGER

Membru tal-Kulleġġ


(1)  Minn hawn ’il quddiem se tissejjaħ l-Awtorità.

(2)  Minn hawn ’il quddiem se jissejjaħ il-Ftehim taż-ŻEE.

(3)  Minn hawn ’il quddiem se jissejjaħ il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti.

(4)  Il-Linji ta’ Gwida dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim taż-ŻEE u l-Artikolu 1 fil-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, li ġew adottati u nħarġu mill-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA fid-19 ta’ Jannar 1994, ippubblikati fil-ĠU 1994 L 231, is-Supplimenti taż-ŻEE tat-03.09.94 Nru 32. Il-Linji ta’ Gwida kienu emendati l-aħħar fis-7 ta’ Frar 2007. Minn hawn ’il quddiem se jissejħu l-Linji ta’ Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat.

(5)  Ippubblikata fil-ĠU C 305 ta’ l-14.12.2006 u fis-Suppliment taż-ŻEE Nru 62 ta’ l-14.12.2006, p. 1.

(6)  L-Att Nru 108 tat-12 ta’ Diċembru 2003 dwar il-kumpens għall-VAT lill-awtoritajiet lokali u reġjonali (Lov om kompensasjon av merverdiavgift for kommuner, fylkeskommuner mv). Minn hawn ’il quddiem se jissejjaħ l-“Att dwar il-Kumpens għall-VAT”.

(7)  Għal aktar dettalji ara d-Deċiżjoni ta’ l-Awtorità Nru 225/06/COL, li ġiet ippubblikata fil-ĠU C 305 ta’ l-14.12.2006.

(8)  L-Artikolu 10(1) fil-Kapitolu III ta’ l-Att dwar il-VAT. F’dan ir-rigward ara l-Kapitolu IV b’konnessjoni mal-Kapitolu I ta’ l-Att dwar il-VAT.

(9)  L-Artikolu 21 fil-Kapitolu VI ta’ l-Att dwar il-VAT.

(10)  Qed issir referenza għall-Artikolu 5 ta’ l-Att dwar il-VAT li jistabbilixxi li l-bejgħ ta’ ċerti entitajiet bħall-mużewijiet, it-teatri, l-assoċjazzjonijiet mhux bi qligħ, eċċ., huwa eżentat mill-applikazzjoni tal-VAT. L-Artikolu 5(2) ta’ l-Att dwar il-VAT jiddikjara li l-Ministeru tal-Finanzi jista’ joħroġ regolamenti li jiddelimitaw u jissuplimentaw id-dispożizzjonijiet fl-ewwel subartikolu u jista’ jistipula li n-negozji msemmija fl-ewwel subartikolu, 1(f) minkejja kollox għandhom jikkalkulaw u jħallsu t-taxxa ta’ l-output jekk l-eżenzjoni ġġib distorsjoni sinifikanti fil-kompetizzjoni b’relazzjoni ma’ negozji reġistrati oħra li jipprovdu oġġetti u servizzi ekwivalenti.

(11)  Ara l-Artikolu 5(b) ta’ l-Att dwar il-VAT.

(12)  L-akkwist “intern” (in-house) ma jitqiesx bħala tranżazzjoni taxxabbli għal finijiet ta’ VAT.

(13)  L-Att Nru 107 tal-25 ta’ Settembru 1992 dwar il-Gvern Lokali (Lov om kommuner og fylkeskommuner).

(14)  L-Att Nru 64 tas-17 ta’ Ġunju 2005 dwar l-Istituzzjonijiet tal-Kura Matul il-Jum (Lov om barnehager).

(15)  Għal spjegazzjoni aktar dettaljata dwar il-funzjonament tas-sistema tal-VAT fin-Norveġja, ara t-Taqsima I.2 “Il-qafas legali dwar il-VAT u l-kumpens għall-VAT fin-Norveġja” tad-Deċiżjoni Nru 225/06/COL, p. 2.

(16)  Norges Offentlige Utredinger (NOU) 2003: 3, Merverdiavgiften og kommunene, Konkurransevridninger mellom kommuner og private (minn hawn ’il quddiem se jissejjaħ ir-“rapport ta’ Rattsø”).

(17)  Kawża E-6/98 In-Norveġja vs L-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA [1999] Rapport tal-Qorti ta’ l-EFTA, p. 76, paragrafu 34; Kawżi Magħquda E-5/04, E-6/04 u E-7/04 Fesil u Finnfjord, PIL u oħrajn u In-Norveġja vs L-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA [2005] Rapport tal-Qorti ta’ l-EFTA, p. 121, paragrafu 76; Kawża 173/73 L-Italja vs Il-Kummissjoni [1974] ECR 709, paragrafu 13; u Kawża C-241/94 Franza vs Il-Kummissjoni [1996] ECR I-4551, paragrafu 20.

(18)  Kawżi Magħquda C-180/98 sa C-184/98 Pavlov u oħrajn [2000] ECR I-6451, paragrafu 75.

(19)  Kawża C-41/90 Höfner u Elser [1991] ECR I-1979, paragrafu 21.

(20)  Kawża E-2/05 L-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA vs L-Iżlanda [2005] Rapport tal-Qorti ta’ l-EFTA, p. 202, paragrafu 24.

(21)  Kawża C–387/92 Banco Exterior de España [1994] ECR I-877, paragrafu 11.

(22)  Kawża C-244/94 Fédération Française des Sociétés d'Assurance u oħrajn [1995] ECR I-4013, paragrafu 21; u Kawża 78/76 Steinike & Weinlig [1977] ECR 595, paragrafu 1.

(23)  Kawża 78/76 Steinike & Weinlig, iċċitata aktar ’il fuq, paragrafu 24, Kawża T-214/95 Het Vlaamse Gewest vs Il-Kummissjoni [1998] ECR II-717, paragrafu 54.

(24)  Fit-Taqsima II.2.1 tad-Deċiżjoni Nru 225/06/COL, l-Awtorità vvalutat li l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT huwa skema ta’ għajnuna. Qed issir referenza għal dik il-valutazzjoni.

(25)  Kawżi Magħquda E-5/04, E-6/04 u E-7/04 Fesil u Finnfjord, PIL u oħrajn u In-Norveġja vs L-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA, iċċitati aktar ’il fuq, paragrafi 76 u 78-79; Kawża C-301/87 Franza vs Il-Kummissjoni [1990] ECR I-307, paragrafu 41.

(26)  Kawża E-6/98 In-Norveġja vs L-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA, iċċitata aktar ’il fuq, paragrafu 38; Kawżi Magħquda E-5/04, E-6/04 u E-7/04 Fesil u Finnfjord, PIL u oħrajn u In-Norveġja vs L-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA, iċċitata aktar ’il fuq, paragrafi 84-85; Kawżi Magħquda T-127/99, T-129/99 u T-148/99 Territorio Histórico de Alava u oħrajn vs Il-Kummissjoni [2002] ECR II-1275, paragrafu 163, Kawża C-143/99 Adria-Wien Pipeline [2001] ECR I-8365, paragrafu 42; Kawża T-308/00 Salzgitter vs Il-Kummissjoni [2004] ECR II-1933 paragrafu 42, Kawża C-172/03 Wolfgang Heiser [2005] ECR I-1627, paragrafu 43.

(27)  Kawża E-6/98 In-Norveġja vs L-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA [1999] Rapport tal-Qorti ta’ l-EFTA, p. 76, paragrafu 38; Kawżi Magħquda E-5/04, E-6/04 u E-7/04 Fesil u Finnfjord, PIL u oħrajn u In-Norveġja vs L-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA, iċċitati aktar ’il, paragrafi 76-89; Kawża 173/73 L-Italja vs Il-Kummissjoni [1974] ECR 709, paragrafu 16.

(28)  Kawża C-172/03 Wolfgang Heiser, iċċitata aktar ’il fuq.

(29)  Kawża C-159/01 L-Olanda vs Il-Kummissjoni [2004] ECR I-4461, paragrafu 51.

(30)  Kawża C-298/00 P L-Italja vs Il-Kummissjoni [2004] ECR I-4087, paragrafu 49, u Kawża C-372/97 L-Italja vs Il-Kummissjoni [2004] ECR I-3679, paragrafu 44.

(31)  Kawża T-171/02 Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni [2005] ECR II-2123, paragrafu 102; Kawża 248/84 Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni [1987] ECR 4013, paragrafu 18; Kawża C-75/97 Il-Belġju vs Il-Kummissjoni [1999] ECR I-3671, paragrafu 48; u Kawża C-278/00 Il-Greċja vs Il-Kummissjoni [2004] ECR I-3997, paragrafu 24.

(32)  Kawża E-6/98 In-Norveġja vs L-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA, iċċitata aktar ’il fuq, paragrafu 57 u Kawża E-2/05 L-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA vs L-Iżlanda [2005] Rapport tal-Qorti ta’ l-EFTA, p. 202, paragrafu 24.

(33)  Kawżi Magħquda T-298/97-T-312/97 u oħrajn, Alzetta u oħrajn vs Il-Kummissjoni [2000] ECR II-2319, paragrafi 76-78.

(34)  Kawża C-71/04 Administración del Estado vs Xunta de Galicia [2005] ECR I-7419, paragrafu 41; Kawża C-280/00 Altmark Trans [2003] ECR I-7747, paragrafu 81; Kawżi Magħquda C-34/01 sa C-38/01 Enirisorse [2003] ECR I-14243, paragrafu 28; Kawża C-142/87 Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (“Tubemeuse”) [1990] ECR I-959, paragrafu 43; Kawżi Magħquda C-278/92 sa C-280/92 Spanja vs Il-Kummissjoni [1994] ECR I-4103, paragrafu 42.

(35)  Kawża E-6/98 In-Norveġja vs L-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA, iċċitata aktar ’il fuq, paragrafu 59; Kawża C-303/88 L-Italja vs Il-Kummissjoni [1991] ECR I-1433, paragrafu 27; Kawżi Maqgħuda C-278/92 sa C-280/92 Spanja vs Il-Kummissjoni [1994] ECR I-4103, paragrafu 40, Kawża C-280/00 Altmark Trans, iċċitata aktar ’il fuq, paragrafu 78.

(36)  Kawża C-280/00 Altmark Trans, iċċitata aktar ’il fuq, paragrafu 77; Kawża C-172/03 Wolfgang Heiser [2005] ECR I-1627, paragrafu 33; Kawża C-71/04 Administración del Estado vs Xunta de Galicia [2005] ECR I-7419, paragrafu 40.

(37)  Kawża C-280/00 Altmark Trans [2003] ECR I-7747, paragrafu 81, Kawża C-172/03 Wolfgang Heiser [2005] ECR I-1627, paragrafu 32.

(38)  Kawża E 6/98 In-Norveġja vs L-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA, iċċitata aktar ’il fuq, paragrafu 59; Kawża 730/79 Philip Morris vs Il-Kummissjoni [1980] ECR 2671, paragrafu 11.

(39)  L-Artikolu 4 ta’ l-Att dwar il-Kumpens għall-VAT jintroduċi xi limitazzjoni għall-possibbiltà li jingħata kumpens.

(40)  Ippubblikata fil-ĠU L 312 tad-29.11.2005, p. 67.

(41)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/842/KE tat-28 ta’ Novembru 2005 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 86(2) tat-Trattat KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku mogħti lil ċerti intrapriżi fdati bit-twettiq ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, kien inkorporat fl-Anness XV għall-Ftehim taż-ŻEE bħala l-punt 1(h) tad-Deċiżjoni Nru 91/2006 (ĠU No L 289, 19.10.2006, p. 31 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 52, 19.10.2006, p. 24), e.i.f. 8.7.2006.

(42)  Punt 15.

(43)  Kawża C-172/03 Wolfgang Heiser, iċċitata aktar ’il fuq.

(44)  Kawża C-475/99, Firma Ambulanz Glöckner vs Landkreis Südwestpfalz [2001] ECR I-8089.

(45)  Kawża C-350/93 Il-Kummissjoni vs L-Italja [1995] ECR I-699, paragrafu 22.

(46)  Kawża C-75/97 Il-Belġju vs Il-Kummissjoni [1999] ECR I-3671, paragrafu 66, u Kawża C-310/99 L-Italja vs Il-Kummissjoni [2002] ECR I-2289, paragrafu 99.

(47)  Kawża C-169/95 Spanja vs Il-Kummissjoni [1997] ECR I-135, paragrafu 51.

(48)  Ippubblikata fil-ĠU L 139, 25.5.2006, p. 37 u fis-Suppliment taż-ŻEE Nru 26 tal-25.05.2006, p. 1.


Top