EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2019/106/04

Sejħa għal proposti — GR/002/2019 — Netwerk ta’ Appoġġ għall-Proprjetà Intellettwali għall-Prosekuturi

OJ C 106, 20.3.2019, p. 23–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 106/23


SEJĦA GĦAL PROPOSTI

GR/002/2019

Netwerk ta’ Appoġġ għall-Proprjetà Intellettwali għall-Prosekuturi

(2019/C 106/04)

1.   Objettivi u Deskrizzjoni

L-Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali żviluppa numru ta’ inizjattivi biex jappoġġja x-xogħol tal-prosekuturi fil-qasam tal-proprjetà intellettwali tal-UE. Madanakollu, hemm bżonn ta’ aktar diskussjoni prattika u operazzjonali fost il-prosekuturi f’reġjuni differenti tal-UE. Din is-sejħa għal proposti għandha l-għan li tiffinanzja l-laqgħat tal-prosekuturi reġjonali biex:

Jiġu żviluppati l-kapaċitajiet ta’ kondiviżjoni ta’ prattiki tajbin tal-Istati Membri (SM) tal-UE, jinbena netwerking aktar b’saħħtu fost il-prosekuturi tal-SM tal-UE u jiġu ffaċilitati diskussjonijiet prattiċi u aktar speċifiċi ma’ pari reġjonali, biex tiġi żgurata kooperazzjoni ġudizzjarja tal-UE u internazzjonali aktar b’saħħitha

Jiġu mxerrdin, promossi u diskussi r-riżultati tal-istudji tal-każ A-Z żviluppati mill-UNICRI kull tlieta sa ħames snin li janalizzaw prosekuzzjonijiet ta’ suċċess f’każijiet kriminali ewlenin ta’ PI.

Jiġi appoġġjat l-użu prattiku tar-riċerka tal-EUIPO dwar il-mudelli ta’ negozju kriminali, il-modus operandi u oqsma oħrajn rilevanti

Jiġi promoss l-involviment tal-EUROJUST u l-użu tal-istrument “Skwadri ta’ Investigazzjoni Konġunta” (SIK) f’investigazzjonijiet kriminali ewlenin transfruntiera tal-PI

Jiġi mtejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u titrawwem il-kooperazzjoni mal-uffiċċji tal-proprjetà industrijali rilevanti, mal-awtoritajiet tad-dwana, mal-unitajiet tal-pulizija u ma’ aġenziji oħrajn rilevanti tal-infurzar tal-PI, kif ukoll ma’ rappreżentanti tas-settur privat.

2.   L-Applikanti Eliġibbli

Din is-sejħa hija miftuħa biss għall-awtoritajiet tal-prosekuturi pubbliċi tal-Istati Membri tal-UE (nazzjonali, reġjonali, lokali). Huma eliġibbli biss applikazzjonijiet minn entitajiet stabbiliti f’wieħed mill-Istati Membri tal-UE. Il-persuni fiżiċi mhumiex eliġibbli.

Applikazzjoni tista’ tiġi sottomessa minn applikant wieħed jew minn konsorzju ta’ entitajiet pubbliċi, kemm jekk stabbilit speċifikament għall-azzjoni jew le, sakemm:

ikun magħmul minn diversi entitajiet pubbliċi li jikkonformaw mal-kriterji ta’ eliġibbiltà, nonesklużjoni u għażla stabbiliti f’din is-sejħa għal proposti, u li jimplimentaw flimkien l-azzjoni proposta;

l-applikazzjoni tidentifika l-entitajiet imsemmija.

Għall-finijiet tad-dikjarazzjoni tal-ispejjeż eliġibbli kif speċifikati taħt it-taqsima 11.1 tas-Sejħa għall-proposti, l-entitajiet li jifformaw l-applikant għandhom jiġu trattati bħala entitajiet affiljati.

Sabiex tiġi vvalutata l-eliġibbilità tal-applikanti, id-dokumenti ta’ appoġġ li ġejjin huma meħtieġa għall-entitajiet pubbliċi: kopja tar-riżoluzzjoni, tad-deċiżjoni jew dokument uffiċjali ieħor li jistabbilixxi l-entità tal-liġi pubblika.

Għall-applikanti Brittaniċi: jekk jogħġobkom kunu afu li għandu jkun hemm konformità mal-kriterji ta’ eliġibbiltà għad-durata kollha tal-għotja. Jekk ir-Renju Unit jirtira mill-UE matul il-perjodu tal-għotja mingħajr ma jikkonkludi ftehim mal-UE li b’mod partikolari jiżgura li l-applikanti Brittaniċi jkomplu jkunu eliġibbli, inti tieqaf tirċievi finanzjament mill-UE (filwaqt li, sa fejn ikun possibbli, tkomplu tipparteċipaw) jew tkunu meħtieġa titilqu mill-proġett.

3.   Azzjonijiet Eliġibbli

It-tipi ta’ attivitajiet eliġibbli taħt din is-sejħa għall-proposti huma:

Konferenzi, seminars jew sessjonijiet ta’ ħidma reġjonali;

Attivitajiet ta’ taħriġ b’perspettiva reġjonali.

Attivitajiet li jinkludu azzjonijiet transfruntiera biss se ikunu eliġibbli. L-attivitajiet għandhom jirriżultaw f’kopertura reġjonali komprensiva, għalhekk il-parteċipazzjoni għandha tinkludi minn tal-inqas 4 Stati Membri tal-UE u/jew pajjiżi ġirien u jinvolvu lill-EUIPO, lill-EUROJUST u lill-UNICRI.

L-Attivitajiet għandhom jitlestew fi żmien 12-il xahar mill-iffirmar tal-ftehim tal-għotja.

4.   Kriterji ta’ Esklużjoni u ta’ Għażla

L-Applikanti m’għandhomx ikunu f’sitwazzjoni li teskludihom minn parteċipazzjoni u/jew minn għotja kif definit fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

L-applikanti għandu jkollhom il-kapaċità finanzjarja u operazzjonali meħtieġa sabiex iwettqu l-attivitajiet proposti.

5.   Kriterji tal-Għoti

Il-kriterji tal-valutazzjoni u tal-għotja għall-proposti eliġibbli huma allokati (minn total ta’ 100) abbażi tal-kriterji li ġejjin:

 

Limitu minimu

Punteġġ massimu

1.

Rilevanza tal-azzjoni u r-riżultati mistennija

15

30

2.

Effettività u loġika

15

30

3.

Effett ta’ multiplikazzjoni mistenni

15

30

4.

Kosteffettività

5

10

Total

50

100

Sabiex il-proposti jiġi kkunsidrati għall-finanzjament, dawn għandhom iġibu l-punteġġ ta’:

mill-inqas 50 punt b’mod ġenerali,

il-punti minimi f’kull wieħed mis-sub-kriterji.

6.   Baġit

Il-baġit totali disponibbli għall-kofinanzjament tal-proġetti taħt din is-sejħa huwa ta’ EUR 100 000.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EUIPO ma tistax taqbeż it-80 % tal-kostijiet totali eliġibbli ppreżentati mill-applikant u għandha tkun bejn l-ammonti minimi u massimi li ġejjin: EUR 10 000 sa EUR 50 000.

L-EUIPO jirriżerva d-dritt li ma jqassamx il-fondi kollha disponibbli.

7.   Data ta’ Skadenza għall-Preżentazzjoni tal-Applikazzjonijiet

Il-pakkett ta’ applikazzjoni huwa disponibbli fuq l-Internet fuq l-indirizz li ġej: https://euipo.europa.eu/ohimportal/en/grants

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati lill-EUIPO bl-użu ta’ formola ta’ applikazzjoni onlajn (formola elettronika) mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2019 fis-13:00 (ħin lokali).

Mhu se jiġi aċċettat l-ebda metodu ieħor ta’ preżentazzjoni ta’ applikazzjoni.

L-applikanti għandhom jiżguraw li d-dokumenti kollha mitluba u msemmija fil-formola elettronika jiġu pprovduti.

L-applikazzjonijiet li ma jinkludux l-annessi kollha stipulati u li ma jiġux ippreżentati qabel id-data ta’ skadenza mhux se jiġu kkunsidrati.

8.   Id-Dettalji Kollha

Il-kundizzjonijiet dettaljati għal din is-Sejħa għal Proposti tista’ tinstab fil-Linji Gwida għall-applikanti fl-indirizz tal-Internet li ġej: https://euipo.europa.eu/ohimportal/en/grants

L-applikazzjonijiet għandhom jikkonformaw mat-termini kollha tal-Linji gwida u għandhom jiġu ppreżentati fuq il-formoli pprovduti.

9.   Kuntatt

Għal aktar tagħrif jekk jogħġbok ikkuntattja l-kaxxa postali elettronika li ġejja: grants@euipo.europa.eu


Top