Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2018/090A/06

Avviż ta’ Reklutaġġ PE/215/S — Direttur (Grupp ta’ Funzjonijiet AD, Grad 14) — Direttorat Ġenerali għas-Sigurtà u l-Protezzjoni — Direttorat għall-Istrateġija u r-Riżorsi

OJ C 90A , 9.3.2018, p. 37–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 90/37


AVVIŻ TA’ REKLUTAĠĠ PE/215/S

DIRETTUR (Grupp ta’ Funzjonijiet AD, Grad 14)

DIRETTORAT ĠENERALI GĦAS-SIGURTÀ U L-PROTEZZJONI — DIRETTORAT GĦALL-ISTRATEĠIJA U R-RIŻORSI

(2018/C 090 A/06)

 

1.   Pożizzjoni battala

Il-President tal-Parlament Ewropew iddeċieda li jniedi l-proċedura biex timtela din il-pożizzjoni battala ta’ Direttur  (1) (AD, Grad 14) fid-Direttorat Ġenerali għas-Sigurtà u l-Protezzjoni, id-Direttorat għall-Istrateġija u r-Riżorsi, skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (minn hawn ’il quddiem imsejħa r-“Regolamenti tal-Persunal”).

Din il-proċedura ta’ selezzjoni, li għandha l-iskop li tagħti lill-Awtorità tal-Ħatra għażla akbar ta’ kandidati, se tiżvolġi b’mod parallel mal-proċedura interna u interistituzzjonali ta’ reklutaġġ.

Ir-reklutaġġ qed isir għall-grad AD14 (3). Is-salarju bażiku huwa ta’ EUR 14 303,51 fix-xahar. Ma’ dan is-salarju bażiku, li huwa soġġett għat-taxxa Komunitarja u eżenti mit-taxxa nazzjonali, jistgħu jiżdiedu ċerti allowances skont il-kundizzjonijiet previsti mir-Regolamenti tal-Persunal.

Il-kandidati għandhom jieħdu nota li dan l-impjieg huwa soġġett għar-regolament dwar il-politika tal-mobilità, li ġie adottat mill-Bureau tal-Parlament Ewropew fil-15 ta’ Jannar 2018.

Dan l-impjieg jitlob disponibilità kif ukoll kuntatt frekwenti ma’ nies fil-Parlament u barra minnu, b’mod partikolari mal-Membri tal-Parlament Ewropew. Id-direttur se jkun mitlub iwettaq missjonijiet frekwenti fil-postijiet tax-xogħol differenti tal-Parlament Ewropew u barra minnhom.

2.   Post tax-xogħol

Brussell. Dan l-impjieg huwa soġġett għal trasferiment f’xi wieħed mill-postijiet tax-xogħol l-oħra tal-Parlament Ewropew.

3.   Opportunitajiet indaqs

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

4.   Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

Uffiċjal ta’ livell għoli, id-Direttur, kif imfisser fil-linji gwida u d-deċiżjonijiet stabbiliti mill-awtorità parlamentari u mid-Direttur Ġenerali, għandu l-kompiti li ġejjin (4):

jiżgura l-funzjonament tajjeb ta’ dipartiment kbir tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew li jinkludi diversi unitajiet li jkopru l-oqsma ta’ kompetenza tad-Direttorat,

imexxi, jistimola, jimmotiva u jikkoordina timijiet ta’ aġenti; jaħdem biex isir l-aħjar użu mir-riżorsi tad-dipartiment filwaqt li jiżgura servizz ta’ kwalità għolja (organizzazzjoni, ġestjoni tar-riżorsi umani u baġitarji, innovazzjoni, eċċ.) fl-oqsma ta’ attività tiegħu,

jippjana l-attivitajiet tad-Direttorat (definizzjoni tal-objettivi u l-istrateġiji); jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex jilħaq l-objettivi stabbiliti; jivvaluta s-servizzi pprovduti bl-iskop li jiggarantixxi l-kwalità tagħhom,

jagħti pariri lid-Direttur Ġenerali, lis-Segretarjat Ġenerali u lill-Membri tal-Parlament Ewropew fl-oqsma ta’ attività tiegħu,

jikkoopera mad-direttorati differenti tas-Segretarjat Ġenerali, jirrappreżenta lill-istituzzjoni u jinnegozja kuntratti jew ftehimiet fl-oqsma ta’ attività tiegħu,

jiġġestixxi u jwassal fi tmiemhom il-proġetti speċifiċi li jistgħu jinvolvu responsabilitajiet finanzjarji,

iwettaq il-funzjoni ta’ uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega.

5.   Rekwiżiti ta’ eleġibilità

Din il-proċedura ta’ selezzjoni hija miftuħa għall-kandidati kollha li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin sad-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet:

(a)   Rekwiżiti ġenerali

Skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari jeħtieġ li l-kandidati:

ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,

igawdu mid-drittijiet ċivili tagħhom,

ikunu ssodisfaw kull obbligu impost mil-liġijiet ta’ reklutaġġ applikabbli fil-qasam militari,

joffru l-garanziji ta’ moralità mitluba għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet previsti.

(b)   Rekwiżiti speċifiċi

i)   Kwalifiki, diplomi u esperjenza professjonali meħtieġa

Livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi ma’ studji universitarji kompluti, iċċertifikati b’diploma meta t-tul ta’ żmien normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ erba’ snin jew aktar

jew

Livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċertifikati b’diploma flimkien ma’ esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas sena (5) meta l-perjodu normali tal-istudji universitarji jkun għall-inqas ta’ tliet snin.

Esperjenza professjonali, ta’ mill-anqas tnax-il sena, miksuba wara li jkunu nkisbu l-kwalifiki msemmija hawn fuq, fosthom mill-anqas sitt snin ta’ esperjenza maniġerjali.

(ii)   Għarfien meħtieġ

Għarfien kulturali ġenerali eċċellenti tal-affarijiet Ewropej,

fehim eċċellenti ta’ kwistjonijiet politiċi interni, nazzjonali u internazzjonali,

għarfien eċċellenti tat-Trattati,

fehim tajjeb ħafna tal-kulturi differenti rappreżentati fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej,

għarfien eċċellenti tal-istruttura tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew, kif ukoll tal-organizzazzjoni, l-ambjent u l-parteċipanti differenti tiegħu,

għarfien eċċellenti tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew, tal-proċeduri leġiżlattivi u tar-regoli u l-prattiki interni,

għarfien eċċellenti tal-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll tal-interpretazzjoni tagħhom u tar-regoli derivati minnhom,

għarfien eċċellenti tar-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u r-regoli ta’ applikazzjoni tagħhom u tar-regoli interni u testi oħra subordinati tal-Parlament Ewropew,

għarfien eċċellenti tal-amministrazzjoni (l-aspetti tar-riżorsi umani, ġestjoni, baġit, finanzi, informatika, aspetti ġuridiċi, eċċ.),

għarfien eċċellenti ta’ tekniki maniġerjali.

(iii)   Għarfien lingwistiku

Il-pożizzjoni tesiġi għarfien fil-fond ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (6), kif ukoll għarfien tajjeb ħafna ta’ mill-inqas waħda minn dawn il-lingwi.

Il-Kumitat Konsultattiv iqis ukoll l-għarfien ta’ lingwi uffiċjali oħrajn tal-Unjoni Ewropea.

(iv)   Kapaċitajiet meħtieġa

Sens ta’ strateġija

Kapaċità maniġerjali

Kapaċità ta’ ppjanar bil-quddiem

Kapaċità ta’ reazzjoni għall-avvenimenti

Approċċ metikoluż

Kapaċità ta’ komunikazzjoni

6.   Proċedura ta’ selezzjoni

Sabiex jgħin lill-Awtorità tal-Ħatra fl-għażla tagħha, il-Kumitat Konsultattiv għall-ħatra ta’ uffiċjali għolja se jistabbilixxi l-lista ta’ kandidati u jirrakkomanda lill-Bureau tal-Parlament Ewropew il-persuni li għandhom jiġu mistiedna għal intervista. Il-Bureau jiffinalizza l-lista ta’ dawn il-persuni, filwaqt li l-Kumitat jagħmel l-intervisti u jissottometti r-rapport finali tiegħu lill-Bureau għad-deċiżjoni. F’dan il-qafas, il-Bureau jkun jista’ jipproċedi għas-smigħ tal-kandidati.

7.   Tressiq tal-applikazzjonijiet

Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija:

it-23 ta’ Marzu 2018, f’12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell.

Il-kandidati huma mitluba jibagħtu, permezz ta’ email biss, fil-format pdf, ittra ta’ motivazzjoni (à l’attention de Monsieur le Secrétaire général du Parlement européen, avis de recrutement numéro PE/215/S) u curriculum vitæ fil-format ta’ Europass (7), b’indikazzjoni tar-referenza tal-avviż (PE/215/S) fis-suġġett tal-messaġġ, fl-indirizz li ġej:

EP-SENIOR-MANAGEMENT@ep.europa.eu

u jitqiesu bħala prova d-data u l-ħin tat-trażmissjoni tal-email.

Il-kandidati għandhom jiżguraw li d-dokumenti skennjati jkunu jistgħu jinqraw.

Il-kandidati li jissejħu għal intervista għandhom jieħdu nota li jridu jipprovdu, sad-data tal-intervista, kopji jew fotokopji tad-dokumenti li jikkonfermaw l-istudji tagħhom, kif ukoll l-esperjenza professjonali tagħhom u l-attività li jeżerċitaw attwalment  (8) . L-ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma jingħata lura lill-kandidati.

Id-data ta’ natura personali li jibagħtu l-kandidati, fil-qafas ta’ din il-proċedura ta’ selezzjoni, se tkun ipproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 (9).


(1)  Kull referenza f’dan l-avviż għal persuna tas-sess maskil tinkludi wkoll persuna tas-sess femminil, u viċeversa.

(2)  Ara r-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1) emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 723/2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1) u reċentement mir-Regolament (UE, Εuratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15).

(3)  Meta jiġi reklutat, l-uffiċjal jingħata grad skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(4)  Għall-kompiti ewlenin, ara l-Anness.

(5)  Din is-sena ta’ esperjenza professjonali mhux se titqies għall-valutazzjoni tal-esperjenza professjonali li jirreferi għaliha l-punt li jmiss.

(6)  Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma dawn li ġejjin: il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, il-Kroat, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.

(7)  http://europass.cedefop.europa.eu/

(8)  Dan ma japplikax għall-kandidati li jkunu fis-servizz tal-Parlament Ewropew sad-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet.

(9)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS

DIRETTORAT ĠENERALI GĦAS-SIGURTÀ U L-PROTEZZJONI

DIRETTORAT GĦALL-ISTRATEĠIJA U R-RIŻORSI

DMIRIJIET PRINĊIPALI

(Dipartiment magħmul minn 195 aġent: 60 uffiċjal, 0 aġent temporanju u 135 aġent kuntrattwali)

Jiżgura d-direzzjoni, il-koordinament u t-tmexxija tal-unitajiet u s-servizzi tad-Direttorat;

Jiżgura l-funzjoni ta’ uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega;

Jikkontribwixxi għad-definizzjoni ta’ objettivi u strateġiji fil-qasam tas-sigurtà kif ukoll l-implimentazzjoni tagħhom mis-servizzi konċernati;

Jassigura u jadotta politika ta’ ġestjoni tal-persunal speċifika u adatta għall-bżonnijiet tad-DĠ bl-ottimizzazzjoni tar-riżorsi umani skont il-qasam ta’ attività, it-taħriġ iniżjali u kontinwu tal-persunal, il-ġestjoni tal-iskedi tax-xogħol għall-aġenti tas-sigurtà u tal-akkreditazzjoni;

Joffri b’mod kontinwu soluzzjonijiet xierqa għall-eżiġenzi rilevanti tas-sigurtà permezz tas-servizzi tal-prevenzjoni u tas-sorveljanza mill-bogħod tal-binjiet u tal-installazzjonijiet tekniċi;

Jiżgura l-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tal-kuntratti, tal-programmazzjoni u tal-akkwist tad-DĠ;

Jiżgura l-installazzjoni, il-funzjonament u l-manutenzjoni tas-sistemi tas-sigurtà fiżiċi tal-istituzzjoni fit-tliet siti – jagħti lill-istituzzjoni kunċett u teknoloġija moderna fil-qasam tas-sigurtà filwaqt li jiżgura l-funzjonament permanenti (iPACS- “Integrated Parliament Access Control”);

Jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Bureau rigward it-tisħiħ tal-livell tal-protezzjoni tal-binjiet kollha tal-Parlament fit-tliet siti tiegħu, kif ukoll il-ħolqien ta’ perimetri esterni tas-sigurtà madwarhom;

Jevalwa, jadatta u jarmonizza l-miżuri tas-sigurtà applikati għall-Uffiċċji ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew fl-Istati Membri;

Jassigura s-segretarjat tas-“Security Management Steering Committee” u l-ġestjoni tan-“Network of Security Correspondants”.

UNITÀ TAD-DISPATCHING

Tiżgura li tkun miftuħa 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, tiżgura s-segwitu u l-feedback tal-aspetti kollha li jirrigwardaw is-sigurtà ġenerali u s-sikurezza kontra n-nirien bl-istess konsistenza ta’ azzjoni fit-tliet siti tal-Parlament Ewropew;

Tassisti lill-Membri, lill-persunal, lid-delegazzjonijiet u lill-viżitaturi b’kollaborazzjoni mal-unitajiet tas-sigurtà u tal-prevenzjoni waqt il-ħinijiet tax-xogħol;

Tiżgura t-twettiq tal-funzjonijiet tas-sigurtà ġenerali u tas-sikurezza kontra n-nirien barra mill-ħiniiet tax-xogħol (jiġifieri l-iljieli, il-weekends u l-festi) fi Brussell u fi Strasburgu. TJiġġestixxi l-fajl tal-internalizzazzjoni fir-rigward tal-Lussemburgu filwaqt li jkompli jsegwi l-ħidma tal-kumpanija tas-sigurtà;

Tiggarantixxi komunikazzjoni eċċellenti u interazzjoni proattiva mad-Direttorati A u B tad-DĠ SAFE u s-servizzi differenti konċernati tal-istituzzjoni (Protokoll, Servizz Mediku, Ġestjoni tal-Infrastrutturi, eċċ.);

Tadatta fil-ħin reali, waqt kull sitwazzjoni ta’ kriżi li tolqot il-funzjonament tajjeb tas-servizzi tal-Parlament Ewropew, il-miżuri ta’ sigurtà għall-bżonnijiet tal-istituzzjoni, tiżgura kollegament effikaċi bejn is-servizzi involuti kif ukoll il-komunikazzjoni mas-servizzi nazzjonali tas-salvataġġ u tas-sigurtà;

Tiġbor l-informazzjoni, tittrattaha u tikklassifikaha. Issib is-soluzzjonijiet xierqa, tikkoordina l-azzjonijiet u tiżgura s-segwitu tagħhom. Tagħti feedback lis-servizzi konċernati;

Tassisti biex jissolvew inċidenti u/jew sitwazzjonijiet ta’ kunflitt fil-binjiet tal-Parlament Ewropew permezz tas-sala ta’ kontroll.

UNITÀ TAL-PERSUNAL U L-IPPJANAR

Tiżgura l-ippjanar annwali ta’ aktar minn 700 kollega tad-DĠ SAFE u tiżviluppa s-sinerġiji mas-servizzi operazzjonali u partikolarment l-unità “Need to Know” biex jitkoprew il-ħtiġijiet tas-sigurtà tal-istituzzjoni skont l-attività parlamentari u anke biex ikun iggarantit il-bilanċ “xogħol/ħajja privata” tal-aġenti. Tiżviluppa l-għodod tal-IT tal-ippjanar biex iwieġbu għall-eżiġenzi tal-istituzzjoni rigward il-kapaċità, il-flessibilità u t-trasparenza;

Tiddefinixxi l-implimentazzjoni tal-politika l-ġdida tal-ġestjoni tal-persunal tad-DĠ SAFE. Tiżgura l-ġestjoni tar-riżorsi umani tad-DĠ: il-karrieri tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra (konkorsi, reklutaġġi, evalwazzjoni, mobilità, attivitajiet esterni, riżenji, irtirar, allowances, eċċ.), il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-karigi fl-organigramma (rivalutazzjoni ta’ karigi, ċaqliq Ringbook, eċċ.), u l-baġits tad-DĠ (missjonijiet, aġenti kuntrattwali, ħaddiema temporanji, taħriġ);

Tiżviluppa programm ta’ professjonalizzazzjoni tal-persunal tas-sigurtà u tal-ġestjoni tat-talenti ffukat fuq il-ħtiġijiet tad-DĠ SAFE. Tistabbilixxi għodda tal-ġestjoni integrata tal-iżvilupp tal-kompetenzi. Tiddefinixxi l-ħtiġijiet tat-taħriġ tad-DĠ biex tiggarantixxi l-kisba ta’ kompetenzi u tekniki tas-sigurtà ġodda u twieġeb għall-eżiġenzi tas-sigurtà tal-Parlament Ewropew. Tistabbilixxi l-pjan tat-taħriġ għad-DĠ u tara li dan jiġi implimentat sabiex jintlaħqu l-objettivi tat-taħriġ;

Timplimenta l-politika tal-benesseri fi ħdan id-DĠ SAFE biex tiggarantixxi lill-aġenti l-aħjar kundizzjonijiet ta’ xogħol possibbli filwaqt li jiġu rispettati r-regoli fis-seħħ. Tiffinalizza stampa sħiħa tal-okkupazzjoni tal-uffiċċji mid-DĠ, tiżgura l-ġestjoni tal-beni immobiljarji (GBI), l-apparat u l-kunsinna annwali tal-uniformijiet tas-servizz u tal-protezzjoni għal 700 aġent u koordinatur.

UNITÀ TAL-BAĠIT

Tiżgura l-ġestjoni baġitarja, jiġifieri l-koordinazzjoni, il-monitoraġġ, il-konsulenza u l-assistenza lis-servizzi biex tiżgura t-tħejjija u l-eżekuzzjoni tal-baġit tad-DĠ SAFE; tiżgura s-segwitu baġitarju u l-eżekuzzjoni tal-kuntratti u/jew ordnijiet ta’ xiri (tħejjija u segwitu tal-fajls ta’ impenn u tal-ħlas u l-ġestjoni tad-dħul assenjat). Tagħmel l-aġġustamenti għall-infiq tas-sigurtà tad-Djar tal-Ewropa; tiżgura l-kuntratti u l-korrispondenza mal-kuntrattur; tistabbilixxi l-ordnijiet ta’ rkupru u eżonerazzjonijiet tal-VAT;

Tiżgura l-ġestjoni tal-akkwisti pubbliċi u tal-kuntratti, jiġifieri l-koordinazzjoni, il-monitoraġġ, il-konsulenza u l-assistenza lis-servizzi operazzjonali kollha tad-DĠ SAFE biex tiżgura l-programmazzjoni annwali tas-sejħiet għall-offerti tad-DĠ, u s-segwitu tagħhom; tabbozza d-dokumenti tas-sejħa għall-offerti, tvara l-proċeduri (inkluż l-eTendering), tiżgura l-ġestjoni u s-segwitu tal-akkwist pubbliku sal-għoti tal-kuntratti; tiżgura s-segwitu tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti u jħejji kwalunkwe emenda;

Tiżgura l-kontroll ex ante tal-proċeduri tas-suq u tal-atti baġitarji kollha, taż-żamma tajba tal-inventarju finanzjarju (ELS) u tal-konservazzjoni tal-atti baġitarji kollha u d-dokumenti ta’ sostenn rilevanti u tad-dokumenti relatati mal-proċeduri tal-għoti tal-kuntratti;

Tabbozza r-rapporti perjodiċi u annwali ta’ attività, ir-risposti għar-riżoluzzjonijiet baġitarji u għall-kwestjonarji tal-Parlament (il-Kumitati BUDG u CONT) kif ukoll għall-awtoritajiet ta’ kontroll (l-awditur intern, il-Qorti tal-Awdituri, eċċ.); tiżgura s-segwitu tal-“istandards minimi ta’ kontroll intern”, inklużi l-funzjonijiet sensittivi u r-Risk Register;

Tiżgura s-segwitu baġitarju u l-eżekuzzjoni tal-infiq eventwali ġġenerat mill-Memorandum ta’ Qbil (MtQ) fil-kuntratti kollha tal-Parlament Ewropew, tirrappreżenta d-DĠ SAFE fil-Grupp ta’ Ħidma Forum Akkwisti Pubbliċi (PPF), il-Grupp ta’ Tmexxija InterDĠ tal-Finanzi u l-EMAS (inkluż il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku u l-Kumitat tal-Iskart), il-Grupp Interservizzi tal-Uffiċjali tal-Amministrazzjoni tad-Dokumenti (GIDOC), il-Kumitat ta’ Tmexxija GEDA, is-Sistema tal-Ġestjoni Finanzjarja (FMS).

UNITÀ TAT-TEKNOLOĠIJI U S-SIGURTÀ TAL-INFORMAZZJONI

Tiżgura l-installazzjoni, il-funzjonament u l-manutenzjoni tas-sistemi tas-sigurtà fiżika fit-tliet siti (Brussell, Strasburgu u Lussemburgu);

Tiggarantixxi l-operazzjonijiet tal-ICT, l-appoġġ informatiku u l-iżvilupp ta’ sistemi tal-informazzjoni;

Tiżgura l-eżekuzzjoni u l-ippjanar tal-akkwist u l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sistemi teknoloġiċi u tas-sigurtà fiżika;

Tiżgura s-segwitu tal-installazzjonijiet u s-sistemi tas-sigurtà fiżika fl-Uffiċċji ta’ Kollegament tal-PE, b’kollaborazzjoni mas-servizzi l-oħra konċernati;

Tiżgura l-abbozzar, il-ġestjoni u l-kontroll tal-implimentazzjoni tal-politika tas-sigurtà tal-informazzjoni.


Top