EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2018/090A/05

Avviż ta’ reklutaġġ PE/214/S — Direttur (Grupp ta’ funzjonijiet AD, grad 14) — Direttorat Ġenerali għall-Innovazzjoni u s-Sostenn Teknoloġiku — Direttorat għall-Infrastrutturi u t-Tagħmir

OJ C 90A, 9.3.2018, p. 29–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 90/29


AVVIŻ TA’ REKLUTAĠĠ PE/214/S

DIRETTUR (Grupp ta’ funzjonijiet AD, grad 14)

DIRETTORAT ĠENERALI GĦALL-INNOVAZZJONI U S-SOSTENN TEKNOLOĠIKU — DIRETTORAT GĦALL-INFRASTRUTTURI U T-TAGĦMIR

(2018/C 090 A/05)

 

1.   Pożizzjoni battala

Il-President tal-Parlament Ewropew iddeċieda li jniedi l-proċedura biex timtela din il-pożizzjoni battala ta’ direttur  (1) (AD, grad 14) fid-Direttorat Ġenerali għall-Innovazzjoni u s-Sostenn Teknoloġiku – Direttorat għall-Infrastrutturi u t-Tagħmir, skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (minn hawn ’il quddiem imsejħa r-“Regolamenti tal-Persunal”).

Din il-proċedura ta’ selezzjoni, li għandha l-iskop li tagħti lill-Awtorità tal-Ħatra għażla akbar ta’ kandidati, se tiżvolġi b’mod parallel mal-proċedura interna u interistituzzjonali ta’ reklutaġġ.

Ir-reklutaġġ se jisir għall-grad AD14 (3). Is-salarju bażiku huwa ta’ EUR 14 303,51 fix-xahar. Ma’ dan is-salarju bażiku, li huwa soġġett għat-taxxa Komunitarja u eżenti mit-taxxa nazzjonali, jistgħu jiżdiedu ċerti allowances skont il-kundizzjonijiet previsti mir-Regolamenti tal-Persunal.

Il-kandidati għandhom jieħdu nota li dan l-impjieg huwa soġġett għar-regolament dwar il-politika tal-mobilità, li ġie adottat mill-Bureau tal-Parlament Ewropew fil-15 ta’ Jannar 2018.

Dan l-impjieg jitlob disponibilità kif ukoll kuntatt frekwenti ma’ nies fil-Parlament u barra minnu, b’mod partikolari mal-Membri tal-Parlament Ewropew. Id-direttur se jkun mitlub iwettaq missjonijiet frekwenti fil-postijiet tax-xogħol differenti tal-Parlament Ewropew u barra minnhom.

2.   Post tax-xogħol

Il-Lussemburgu. Dan l-impjieg huwa soġġett għal trasferiment f’xi wieħed mill-postijiet tax-xogħol l-oħra tal-Parlament Ewropew.

3.   Opportunitajiet indaqs

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

4.   Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

Uffiċjal ta’ livell għoli, id-direttur, kif imfisser fil-linji gwida u d-deċiżjonijiet stabbiliti mill-awtorità parlamentari u mid-Direttur Ġenerali, għandu l-kompiti li ġejjin (4):

jiżgura l-funzjonament tajjeb ta’ dipartiment kbir tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew li jinkludi diversi unitajiet li jkopru l-oqsma ta’ kompetenza tad-Direttorat,

jaħdem biex isir l-aħjar użu mir-riżorsi tad-dipartiment filwaqt li jiżgura servizz ta’ kwalità għolja (organizzazzjoni, ġestjoni tar-riżorsi umani u baġitarji, innovazzjoni, eċċ.),

ifassal l-objettivi u jissorvelja t-twettiq tagħhom – jiġġestixxi r-relazzjonijiet bejn id-direttorat tekniku minn naħa u l-amministrazzjoni u l-korpi politiċi, kif ukoll il-fornituri mill-oħra (f’livell għoli),

jieħu deċiżjonijiet dwar strateġiji teknoloġiċi u maniġerjali rigward l-ICT (għażla ta’ soluzzjonijiet tekniċi, servizzi offruti, approċċi għal twettiq u forniment),

jiżgura l-ġestjoni tal-operazzjonijiet u l-infrastrutturi, il-ħolqien, it-twettiq, l-iżvilupp u l-manutenzjoni tas-sistemi, l-istandardizzazzjoni u l-inġinerija fil-qafas tal-ICT,

jagħti pariri lid-Direttur Ġenerali, lis-Segretarjat Ġenerali u lill-Membri tal-Parlament Ewropew fl-oqsma ta’ attività tiegħu,

jikkoopera mad-direttorati differenti tas-segretarjat ġenerali, jirrappreżenta l-istituzzjoni u jinnegozja kuntratti jew ftehim fl-oqsma ta’ attività tiegħu,

jiġġestixxi u jwassal fi tmiemhom il-proġetti speċifiċi li jistgħu jinvolvu responsabilitajiet finanzjarji,

jirrappreżenta d-direttorat jew l-istituzzjoni fil-kumitati u l-laqgħat differenti (CODIT, CDI, CII, eċċ.),

iwettaq il-funzjoni ta’ uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega.

5.   Rekwiżiti ta’ eleġibilità

Din il-proċedura ta’ selezzjoni hija miftuħa għall-kandidati kollha li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin sad-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet:

(a)   Rekwiżiti ġenerali

Skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari jeħtieġ li l-kandidati:

ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,

igawdu mid-drittijiet ċivili tagħhom,

ikunu ssodisfaw kull obbligu impost mil-liġijiet ta’ reklutaġġ applikabbli fil-qasam militari,

joffru l-garanziji ta’ moralità mitluba għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet previsti.

(b)   Rekwiżiti speċifiċi

i)   Kwalifiki, diplomi u esperjenza professjonali meħtieġa

Livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċertifikati b’diploma, meta l-perjodu normali ta’ dawn l-istudji universitarji jkun ta’ erba’ snin jew aktar,

jew

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċertifikati b’diploma flimkien ma’ esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas sena (5) meta l-perjodu normali tal-istudji universitarji jkun għall-anqas ta’ tliet snin.

Esperjenza professjonali, ta’ mill-anqas tnax-il sena, miksuba wara li jkunu nkisbu l-kwalifiki msemmija hawn fuq, fosthom mill-anqas sitt snin ta’ esperjenza maniġerjali.

(ii)   Għarfien meħtieġ

Għarfien kulturali ġenerali eċċellenti tal-affarijiet Ewropej,

fehim eċċellenti ta’ kwistjonijiet politiċi interni, nazzjonali u internazzjonali, għarfien eċċellenti tat-Trattati,

għarfien eċċellenti tat-teknoloġiji, tal-ġestjoni tal-applikazzjoni tagħhom, tal-iżviluppi, tal-għażliet u tal-implikazzjonijiet,

fehim tajjeb ħafna tal-kulturi differenti rappreżentati fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej,

għarfien eċċellenti tal-istruttura tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew, kif ukoll tal-organizzazzjoni, l-ambjent u l-parteċipanti differenti tiegħu,

għarfien eċċellenti tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew, tal-proċeduri leġiżlattivi u tar-regoli u l-prattiki interni,

għarfien eċċellenti tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll tal-interpretazzjoni tagħhom u tar-regoli derivati minnhom,

għarfien eċċellenti tar-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u r-regoli ta’ applikazzjoni tagħhom u tar-regoli interni u testi oħra subordinati tal-Parlament Ewropew,

għarfien amministrattiv tajjeb ħafna (aspetti b’rabta mar-riżorsi umani, il-ġestjoni, il-baġit, il-finanzi, l-informatika, l-aspetti ġuridiċi, eċċ.),

għarfien eċċellenti tat-tekniki maniġerjali.

(iii)   Għarfien lingwistiku

Il-pożizzjoni tirrikjedi għarfien fil-fond ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (6), kif ukoll għarfien tajjeb ħafna ta’ mill-inqas waħda oħra minn dawn il-lingwi.

Il-Kumitat Konsultattiv iqis ukoll l-għarfien ta’ lingwi uffiċjali oħrajn tal-Unjoni Ewropea.

(iv)   Kapaċitajiet meħtieġa

Sens ta’ strateġija,

kapaċità maniġerjali,

kapaċità ta’ ppjanar bil-quddiem,

kapaċità ta’ reazzjoni għall-avvenimenti,

approċċ metikoluż,

kapaċità ta’ komunikazzjoni.

6.   Proċedura ta’ selezzjoni

Sabiex jgħin lill-Awtorità tal-Ħatra fl-għażla tagħha, il-Kumitat Konsultattiv għall-ħatra ta’ uffiċjali għolja se jistabbilixxi l-lista ta’ kandidati u se jirrakkomanda lill-Bureau tal-Parlament Ewropew il-persuni li għandhom jiġu mistiedna għal intervista. Il-Bureau jiffinalizza l-lista ta’ dawn il-persuni, filwaqt li l-Kumitat jagħmel l-intervisti u jissottometti r-rapport finali tiegħu lill-Bureau għad-deċiżjoni. F’dan il-qafas, il-Bureau jkun jista’ jipproċedi għas-smigħ tal-kandidati.

7.   Tressiq tal-applikazzjonijiet

Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija

t-23 ta’ Marzu 2018, f’12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell.

Il-kandidati huma mitluba jibagħtu, permezz ta’ email biss, fil-format pdf, ittra ta’ motivazzjoni (à l’attention de Monsieur le Secrétaire général du Parlement européen, avis de recrutement numéro PE/214/S) u curriculum vitae fil-format tal-Europass (7), b’indikazzjoni tar-referenza tal-avviż (PE/214/S) fis-suġġett tal-messaġġ, fl-indirizz li ġej:

EP-SENIOR-MANAGEMENT@ep.europa.eu

u jitqiesu bħala prova d-data u l-ħin tat-trażmissjoni tal-email.

Il-kandidati għandhom jiżguraw li d-dokumenti skennjati jkunu jistgħu jinqraw.

Il-kandidati li jissejħu għal intervista għandhom jieħdu nota li jridu jipprovdu, sad-data tal-intervista, kopji jew fotokopji tad-dokumenti li jikkonfermaw l-istudji tagħhom, kif ukoll l-esperjenza professjonali tagħhom u l-attività li jeżerċitaw attwalment  (8) . L-ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma jingħata lura lill-kandidati.

Id-data ta’ natura personali li jibagħtu l-kandidati, fil-qafas ta’ din il-proċedura ta’ selezzjoni, se tkun ipproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 (9).


(1)  Kull referenza f’dan l-avviż għal persuna tas-sess maskil tinkludi wkoll persuna tas-sess femminil, u viċe versa.

(2)  Ara r-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1) emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 723/2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1) u reċentement mir-Regolament (UE, Εuratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15).

(3)  Meta jiġi reklutat, l-uffiċjal jingħata grad skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(4)  Għall-kompiti ewlenin, ara l-Anness.

(5)  Din is-sena ta’ esperjenza professjonali mhux se titqies għall-valutazzjoni tal-esperjenza professjonali li jirreferi għaliha l-punt li jmiss.

(6)  Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma dawn li ġejjin: il-Ġermaniż, l-Ingliż, il-Bulgaru, il-Kroat, id-Daniż, l-Ispanjol, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Grieg, l-Ungeriż, l-Irlandiż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, in-Netherlandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Iżvediż, u ċ-Ċek.

(7)  http://europass.cedefop.europa.eu/

(8)  Dan ma japplikax għall-kandidati li jkunu fis-servizz tal-Parlament Ewropew sad-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet.

(9)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS

DIRETTORAT ĠENERALI GĦALL-INNOVAZZJONI U S-SOSTENN TEKNOLOĠIKU

DIRETTORAT GĦALL-INFRASTRUTTURI U T-TAGĦMIR

DMIRIJIET PRINĊIPALI

(Dipartiment magħmul minn 92 aġent: 81 uffiċjal, 8 aġenti temporanji u 3 aġenti kuntrattwali)

Jiżgura d-direzzjoni, il-koordinament u t-tmexxija tal-unitajiet u s-servizzi tad-Direttorat għall-Infrastrutturi u t-Tagħmir;

Jeżerċita s-setgħat ta’ Awtorità tal-Ħatra;

Jiżgura l-ġestjoni tal-proġetti;

Jirrappreżenta l-istituzzjoni fil-kumitati interni differenti u fil-laqgħat interistituzzjonali;

Iwettaq il-funzjoni ta’ uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega;

Jissorvelja l-ġestjoni tal-infrastrutturi tal-IT, bħaċ-ċentri tad-data u n-netwerks, imma wkoll it-tagħmir individwali tal-utenti, it-telefonija, il-vidjokonferenzi, l-istandards tal-IT u s-sigurtà tal-IT.

UNITÀ TAL-ĠESTJONI TAL-INFRASTRUTTURI

Inklużi s-Servizzi “Inġinerija u Arkitettura tan-Netwerks Informatiċi”, “Tnedija tal-Infrastrutturi tan-Netwerks”, “Tnedija tal-Infrastrutturi tal-Hosting” u “Konfigurazzjonijiet Standard”

Tiżgura l-koordinament tal-unità, il-ġestjoni amministrattiva u finanzjarja tal-oqsma kollha (xiri/ordnijiet/prestazzjoni/kunsinni/pagamenti) u l-ġestjoni tar-riżorsi umani.

Inġinerija u Arkitettura tan-Netwerks Informatiċi

Jelabora soluzzjonijiet u jsolvi problemi tal-funzjonament u tal-prestazzjoni ta’ infrastrutturi ta’ netwerks tal-IT, inkluż l-aċċessi esterni (Internet, Testa, EPNet…) u l-arkitetturi PKI;

Jiżgura l-inġinerija tal-evoluzzjoni ta’ sistemi kkonċernati (Firewall, DNS, Proxy, arkitettura LAN, aċċessi esterni);

Jiġġestixxi l-iżvilupp tal-arkitetturi tas-sigurtà tan-netwerk biex jappoġġjaw bżonnijiet ġodda li jirriżultaw mill-proġetti (VOD, streaming, ċentri ta’ kalkoli, arkitettura ta’ intrapriżi għall-programm UC u posta);

Jiżgura kontroll teknoloġiku u jforni konsulenza lid-DĠ u l-gruppi politiċi fl-oqsma ta’ kompetenza.

Tnedija tal-Infrastrutturi tan-Netwerks

Jiżgura d-direzzjoni u l-amministrazzjoni ta’ proġetti ta’ tnedija tan-netwerks u t-telecom fit-tliet postijiet tax-xogħol prinċipali u fl-uffiċċji ta’ kollegament;

Jiżgura l-ġestjoni, l-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni tal-baġit “proġetti” fl-oqsma tan-netwerks u t-telecom; Iniedi u jsegwi proċeduri ta’ sejħiet għal offerti fl-oqsma tan-netwerks u t-telecom;

Jiżgura d-direzzjoni u l-amministrazzjoni tal-proġetti fil-qasam tal-infrastruttura tal-kejbils u tat-tagħmir tal-kmamar tekniċi fit-tliet postijiet tax-xogħol prinċipali u fl-uffiċċji ta’ kollegament;

Ikun il-persuna prinċipali tad-DĠ ITEC li tiddjaloga mad-DĠ INLO għas-setturi tal-enerġija u tal-arja kundizzjonata, u għall-proġetti tal-bini tad-DĠ INLO;

Jikkoordina u jwettaq xogħol amministrattiv u xogħol ta’ implimentazzjoni tal-baġit marbutin mal-attivitajiet tas-servizz.

Tnedija tal-Infrastrutturi tal-Hosting

Jiġġestixxi proġetti kbar rigward l-infrastrutturi tal-IT tal-intrapriżi (fiċ-Ċentru tad-Data) u l-proġetti trasversali assoċjati;

Iforni l-konsultazzjoni u l-appoġġ “Livell 3” lis-servizzi l-oħrajn tal-istituzzjoni fl-oqsma ta’ kompetenza mogħtija lis-servizz;

Jikkoordina u jwettaq xogħol amministrattiv u xogħol ta’ implimentazzjoni tal-baġit marbutin mal-attivitajiet tas-servizz.

Konfigurazzjonijiet Standard

Ifassal, iżomm u jiżgura l-appoġġ tal-konfigurazzjonijiet standard tal-PE (kompjuters desktop, laptops, MAC, ibridi, tablets);

Ifassal, iżomm u jiżgura l-appoġġ tas-sistemi marbuta mal-konfigurazzjonijiet standard (SCCM, EPINCO, SURVEYOR, RDS/VDI, eċċ.);

Jipproponi lid-DĠ u l-gruppi politiċi, kif ukoll iżomm aġġornati l-ambjenti tal-ittestjar tal-applikazzjonijiet;

Jiżgura s-segwitu u l-appoġġ tal-entitajiet tal-IT tal-PE għall-prodott ORACLE;

Jikkoordina u jwettaq xogħol amministrattiv u xogħol ta’ implimentazzjoni tal-baġit marbutin mal-attivitajiet tas-servizz.

UNITÀ TAT-TAGĦMIR INDIVIDWALI U L-LOĠISTIKA

Inklużi s-Servizzi “Sostenn għall-Evoluzzjoni tat-Tagħmir Individwali”, “Ġestjoni tal-Infrastrutturi Individwali” u “Servizzi Speċifiċi għall-Impriżi”

Tiżgura l-missjonijiet tat-tliet servizzi tal-unità;

Tiżgura l-ġestjoni tal-unità u s-servizzi.

Sostenn għall-Evoluzzjoni tat-Tagħmir Individwali

Imexxi l-programm “Unified Communications” u jiżgura l-koerenza tiegħu, inklużi l-email, it-telefonija bl-IP, il-faks f’kuntest ta’ diversi siti fissi u ta’ mobilità, u l-ġestjoni integrata tar-riżorsi ta’ komunikazzjoni;

Jiddefinixxi, jiġġestixxi u jopera s-servizzi “Unified Communications”;

Jiżgura l-ġestjoni u l-operabilità tat-telefonija fissa u mobbli, interna u esterna;

Jiżgura t-tħaddim u l-appoġġ tal-vidjokonferenzi, l-interkonnessjonijiet VoIP, bl-Internet u bl-awdjo ġewwa l-istituzzjoni u ma’ barra;

Jiżgura t-tħaddim, l-appoġġ u l-operabilità tad-distribuzzjoni tat-TV fil-postijiet tax-xogħol ta’ Brussell u Strasburgu;

Imexxi u jiżgura l-appoġġ tat-tieni livell tas-sistema tal-email, jiżgura l-koeżjoni u l-iżvilupp teknoloġiku u l-iżvilupp tas-servizz offrut;

Jiżgura l-appoġġ matul avvenimenti (JPO, EYE, …), u l-appoġġ tat-teleħaddiema u l-installazzjonijiet u ssegwi linji speċjali.

Ġestjoni tal-Infrastrutturi Individwali

Imexxi l-politika rigward it-tagħmir individwali, ta’ grupp (ħardwer u softwer) jew ta’ intrapriża (softwer), li jinkludi: l-appoġġ tekniku (aġġornament ta’ ħardwer, individwazzjoni ta’ soluzzjoni, tiswijiet), l-appoġġ amministrattiv (definizzjoni tal-ordnijiet ta’ ħardwer u softwer, sorveljanza tal-kunsinni, dekummissjonar), l-appoġġ loġistiku (xiri, kunsinni, installazzjoni, ħżin, tneħħija, ġestjoni tal-inventarju, dekummissjonar), ġestjoni tas-softwer kollu ta’ intrapriża (liċenzji korporattivi);

Iwettaq it-tneħħija, l-installazzjonijiet u t-tiswijiet tat-tagħmir individwali kollu (kompjuters/monitors/printers/telefons/TV) għall-utenti kollha tal-Parlament;

Jiżgura l-ġestjoni amministrattiva, finanzjarja u kuntrattwali tal-oqsma kollha (xiri/ordnijiet/prestazzjoni/kunsinni/pagamenti);

Jiġġestixxi l-inventarju tal-ġestjoni tal-liċenzji.

Servizzi Speċifiċi għall-Impriżi

Telekomunikazzjonijiet:

Jiddefinixxi l-politika applikabbli u jiġġestixxi s-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet (telefonija fissa u mobbli, aċċess għall-Internet, netwerk tal-uffiċċji ta’ kollegament, netwerk EPINET bejn il-postijiet tax-xogħol, teleħaddiema), fir-rigward tal-operaturi esterni u l-utenti interni;

Jivverifika u jikkontrolla l-użu, jistudja u jantiċipa l-iżviluppi fuq tul ta’ żmien medju u twil;

Jiżgura l-ġestjoni amministrattiva u kuntrattwali tal-oqsma kollha (xiri/ordnijiet/prestazzjoni/kunsinni/pagamenti).

Votazzjoni elettronika:

Jiddefinixxi, jippjana u jwettaq l-iżvilupp tal-infrastrutturi (ħardwer u softwer) tal-votazzjoni elettronika fl-emiċikli u l-kmamar tal-kumitati;

Jopera, jiġġestixxi u jiżgura l-votazzjonijiet matul is-sessjonijiet, il-laqgħat tal-kumitati u tal-gruppi politiċi jew avvenimenti oħrajn (Euroscola, eċċ…);

Jiżgura l-ġestjoni amministrattiva, finanzjarja u kuntrattwali tal-oqsma kollha (xiri/ordnijiet/prestazzjoni/kunsinni/pagamenti).

UNITÀ TAL-OPERAZZJONIJIET U L-HOSTING TAT-TEKNOLOĠIJI TAL-INFORMAZZJONI U TAL-KOMUNIKAZZJONI

Inklużi s-servizzi “Superviżjoni u Operazzjonijiet”, “Kapaċità u Kontinwità” u “Ġestjoni tat-Talbiet ta’ Hosting u ta’ Servizz”

Tiżgura l-isfruttar u t-tħaddim taċ-Ċentru tal-IT u tan-netwerk tal-IT;

Torganizza u tiġġestixxi s-servizzi bażiċi biex jappoġġjaw l-operazzjonijiet (ġestjoni tal-kapaċità, ġestjoni tas-sigurtà operattiva, kontinwità tas-servizzi, eċċ.);

Tiżgura l-hosting tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-PE;

Tappoġġja l-iżviluppi tal-infrastruttura;

Tiżgura l-ġestjoni tar-riżorsi umani;

Tiżgura l-ġestjoni kuntrattwali, baġitarja u amministrattiva.

Superviżjoni u Operazzjonijiet

Jiżgura u jamministra s-servizzi tal-infrastruttura bażika tal-IT (Active Directory, DNS, NTP, servers tal-Windows, servers tal-Unix & Linux, servizz ta’ virtwalizzazzjoni, servizz ta’ databases, servizz ta’ backup, ħżin SAN u NAS);

Jiżgura s-Service Desk tat-tieni livell “24 siegħa x 365 jum” (servers, ħżin u netwerk)

Jissorvelja, jiġġestixxi u jopera 24 siegħa kuljum il-produzzjoni tal-IT (is-servizz email, il-pjattaforma SharePoint, il-preżenza tal-Internet tal-PE, l-Intranet tal-PE, l-applikazzjonijiet użati mis-servizzi differenti tal-PE);

Jissorvelja, jiġġestixxi u jħaddem 24 siegħa kuljum in-netwerk tal-IP (netwerk bażiku bejn il-postijiet tax-xogħol, netwerks lokali fit-tliet postijiet tax-xogħol, netwerk wifi, links mal-uffiċċji ta’ kollegament, infrastruttura TOIP, infrastruttura għall-vidjokonferenzi, infrastruttura għall-encoders VOD, konnettività esterna (Fornitur tas-Servizz tal-Internet, istituzzjonijiet oħrajn, amministrazzjonijiet oħrajn)).

Kapaċità u Kontinwità

Iwettaq u jżomm il-pjattaformi tal-hosting taċ-ċentri tal-IT: Solaris, Windows, Linux, VMware;

Jiġġestixxi u jamministra l-kapaċità taċ-ċentri tal-IT: kapaċità tal-pjattaformi tal-hosting, kapaċità tas-servizz tal-ħżin (SAN/NAS);

Jiżgura s-servizzi ta’ kontinwità operattiva: reżiljenza, kapaċità li jsir DR, sigurtà u integrità tal-infrastrutturi;

Iqiegħed għad-dispożizzjoni l-għodod operattivi u jżommhom tajbin: superviżjoni, CMDB, rappurtar, eċċ.;

Jiġġestixxi ċ-ċentri tad-data u l-postijiet tat-tagħmir tal-Unità Operazzjonijiet: kunsinni, installazzjoni tat-tagħmir, ġestjoni tal-istokk, eċċ.

Ġestjoni tat-Talbiet ta’ Hosting u ta’ Servizzi

Jiżgura l-ħolqien ta’ softwer jew elementi ġodda fl-infrastruttura tal-IT tal-PE (ippjanar, disponibilità tar-riżorsi umani u materjali, adattament għar-restrizzjonijiet operattivi tal-unità);

Jiżgura l-ġestjoni tat-tibdil u s-segwitu tal-proċessi tan-negozju: “release and change management”;

Jagħmel testijiet tat-tagħbija u ta’ nonregressjoni (ippjanar, ġestjoni tar-riżorsi u prestazzjoni);

Jikkoordina u jittratta talbiet straordinarji (riskji għoljin, impatti importanti, barra mill-istandards);

Jiżgura d-disponibilità tal-katalogu tas-servizzi tal-unità kif ukoll l-adattament u l-iżvilupp tiegħu.


Top