EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2016/040/05

Sejħa Speċifika Għall-Proposti — EACEA/08/2016 — Il-Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja 2014-2020

OJ C 40, 3.2.2016, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 40/5


SEJĦA SPEĊIFIKA GĦALL-PROPOSTI — EACEA/08/2016

Il-Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja 2014-2020

(2016/C 40/05)

1.   Introduzzjoni

Din is-sejħa għal proposti hija bbażata fuq ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 Tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi “Erasmus+”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (1).

2.   Objettivi u deskrizzjoni

Il-Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja (ECHE) tipprovdi l-qafas ta’ kwalità ġenerali għal attivitajiet ta’ kooperazzjoni Ewropej u internazzjonali li istituzzjoni ta’ edukazzjoni superjuri (HEI) tista’ twettaq fi ħdan il-Programm Erasmus+. L-għoti ta’ Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja hija prerekwiżit għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni superjuri kollha li qegħdin f’wieħed mill-pajjiżi elenkati hawn taħt u li jridu japplikaw u jipparteċipaw fil-mobilità tat-tagħlim ta’ individwi u/jew fil-kooperazzjoni għall-innovazzjoni u l-prattiki tajba skont il-Programm. Għal dawk l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni superjuri li qegħdin f’pajjiżi oħra, il-Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja mhijiex meħtieġa, u l-qafas ta’ kwalità qed ikun stabbilit permezz ta’ ftehim interistituzzjonali bejn l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni superjuri. Il-Karta tingħata għat-tul kollu tal-Programm Erasmus+. L-implimentazzjoni tal-Karta se tiġi mmonitorjata u kwalunkwe ksur tal-prinċipji u tal-impenji tagħha jista’ jwassal għall-irtirar tagħha mill-Kummissjoni Ewropea.

3.   Applikanti eliġibbli

L-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni superjuri stabbiliti f’wieħed mill-pajjiżi li ġejjin huma eliġibbli li japplikaw għal Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja:

l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

il-pajjiżi tal-EFTA-ŻEE (l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja), dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u t-Turkija.

L-awtoritajiet Nazzjonali se jinnominaw, fost l-applikanti, lill-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Superjuri (2) li huma eliġibbli biex jipparteċipaw fil-mobilità tat-tagħlim ta’ individwi u/jew fil-kooperazzjoni għall-innovazzjoni u l-prattiki tajba skont il-Programm Erasmus+, fit-territorji rispettivi tagħhom.

4.   Data ta’ skadenza għas-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet u data indikattiva ta’ meta se jiġu ppublikati r-riżultati tal-għażla

Il-formola onlajn ta’ applikazzjoni lesta kif imiss għandha tintbagħat onlajn sa 12.00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell, Central European Time) fuq 31 mar 2016.

Id-data indikattiva ta’ meta se jiġu ppubblikati r-riżultati tal-għażla hija l-1 ta’ Ottubru 2016.

5.   Informazzjoni sħiħa

L-informazzjoni dwar il-Programm Erasmus+ hija disponibbli fuq is-sit elettroniku li ġej: http://ec.europa.eu/erasmus-plus

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi skont il-linji gwida mogħtija mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura u huma disponibbli fl-indirizz: https://eacea.ec.europa.eu/erasmus-plus/funding/erasmus-charter-for-higher-education-2014-2020-selection-2017_en


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50.

(2)  “istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja” skont kif inhi ddefinita fl-Artiklu 2 tal-bażi legali tal-Programm Erasmus+ hija:

(a)

kull tip ta’ istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja li skont il-liġi jew il-prattika nazzjonali, toffri lawrji rikonoxxuti jew kwalifiki rikonoxxuti oħra ta’ livell terzjarju irrispettivament mill-isem ta’ tali stabbiliment;

(b)

kull istituzzjoni li, skont il-liġi jew il-prattika nazzjonali, toffri edukazzjoni jew taħriġ vokazzjonali fuq livell terzjarju.


Top