EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2007/172/06

Wiċċ nazzjonali ġdid tal-muniti ta' l-euro fiċ-ċirkolazzjoni

OJ C 172, 25.7.2007, p. 6–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 172/6


Wiċċ nazzjonali ġdid tal-muniti ta' l-euro fiċ-ċirkolazzjoni

(2007/C 172/06)

Image

Il-muniti euro fiċ-ċirkolazzjoni huma valuta legali madwar iż-żona ta' l-euro kollha. Il-Kummissjoni tippubblika d-disinji l-ġodda tal-muniti euro kollha bil-ħsieb li tinforma lil kull min jgħaddu l-muniti minn taħt idejh (1). Skond il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2003 (2), l-Istati Membri taż-żona ta' l-euro u l-pajjiżi li kkonkludew il-Ftehim Monetarju mal-Komunità li jipprovdi għall-ħruġ tal-muniti euro kommemorattivi huma awtorizzati li joħorġu ċerti kwantitajiet ta' muniti euro kommemorattivi fiċ-ċirkolazzjoni bil-kundizzjoni li ma joħroġx iktar minn disinn wieħed ġdid ta' muniti f'kull pajjiż kull sena u li tintuża biss id-denominazzjoni ta' 2 euro. Dawn il-muniti għandhom il-karatteristiċi tekniċi tal-muniti ta' l-euro normali għaċ-ċirkolazzjoni, imma għandhom disinn kommemorattiv irrappreżentat fuq il-wiċċ nazzjonali tagħhom.

L-Istat li joħroġ il-munita: Monako

Suġġett tal-kommemorazzjoni: Il-25 anniversarju mill-mewt tal-Prinċipessa Grace

Deskrizzjoni tad-disinn: Il-parti interna tal-munita tirrappreżenta l-effiġja tal-Prinċipessa Grace, bi profil min-naħa tax-xellug. Il-kitba “MONACO”, segwita mill-marka monetarja, is-sena “2007” u l-marka taz-zekka, tinsab miktuba f'arka ta' ċirku, isfel fuq in-naħa tal-lemin tal-parti ta' ġewwa. Isem l-artist (R.B.BARON) jinsab miktub taħt xagħar il-Prinċipessa. Fuq il-parti esterna tal-munita jidhru t-tnax-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Il-volum tal-ħruġ: massimu ta' 20 001 munita

Id-data approssimattiva tal-ħruġ: Lulju 2007.

Simboli minquxa mad-dawra ta' barra: 2 ★★, imtenni sitt darbiet, orjentat darba wieqaf darba maqlub.


(1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 dwar l-uċuħ nazzjonali kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill “Affarijiet Ġenerali” tat-8 ta' Diċembru 2003 dwar il-bidliet tad-disinn ta' l-uċuħ nazzjonali tal-muniti euro. Ara wkoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Settembru 2003 dwar il-prattika komuni għat-tibdil fid-disinn ta' l-uċuħ nazzjonali tal-muniti euro fiċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 264, 15.10.2003, p. 38).


Top