Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C/2024/06175

Avviż ta’ rekultaġġ PE/310/2024/S — Direttur ġenerali (grupp ta’ funzjonijiet AD, grad 15) — DĠ 1 (Direttorat Ġenerali għall-Politiki Ekonomiċi u Xjentifiċi)

ĠU C, C/2024/6175, 14.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6175/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6175/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/6175

14.10.2024

AVVIŻ TA’ REKULTAĠĠ PE/310/2024/S

DIRETTUR ĠENERALI

(grupp ta’ funzjonijiet AD, grad 15)

DĠ 1 (Direttorat Ġenerali għall-Politiki Ekonomiċi u Xjentifiċi) (1)

(C/2024/6175)

 

1.   Pożizzjoni vakanti

Il-President tal-Parlament Ewropew iddeċidiet li tniedi proċedura għall-pożizzjoni ta’ direttur ġenerali (AD, grad 15) fi ħdan id-DĠ 1(id-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Ekonomiċi u Xjentifiċi), skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (minn hawn ’il quddiem imsejħa r-“Regolamenti tal-Persunal”).

Din il-proċedura ta’ selezzjoni, li għandha l-iskop li tagħti lill-Awtorità tal-Ħatra għażla akbar ta’ kandidati, se tiżvolġi b’mod parallel mal-proċedura interna u dik interistituzzjonali ta’ reklutaġġ.

Ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet tal-impjieg huma previsti mir-Regolamenti tal-Persunal. Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD 15 (3). Ma’ dan is-salarju bażiku, li huwa soġġett għat-taxxa għall-benefiċċju tal-Unjoni u eżenti mit-taxxa nazzjonali, jistgħu jiżdiedu ċerti allowances skont il-kondizzjonijiet previsti mir-Regolamenti tal-Persunal.

Il-kandidati għandhom jieħdu nota tal-obbligu impost mir-Regolamenti tal-Persunal fuq kull membru ġdid tal-persunal li jtemm b’suċċess perjodu ta’ probazzjoni ta’ disa’ xhur u tal-fatt li dan l-impjieg huwa soġġett għar-regolament dwar il-politika tal-mobbiltà, li ġie adottat mill-Bureau tal-Parlament Ewropew fil-15 ta’ Jannar 2018.

Dan l-impjieg jirrikjedi disponibbiltà kif ukoll kuntatt frekwenti ma’ nies fil-Parlament u barra minnu, b’mod partikolari mal-Membri tal-Parlament Ewropew. Il-persuna reklutata bħala direttur ġenerali se tkun mitluba twettaq missjonijiet frekwenti fil-postijiet tax-xogħol differenti tal-Parlament Ewropew u barra minnhom.

2.   Post tax-xogħol

Brussell. Dan l-impjieg jaf jiġi trasferit lejn wieħed mill-postijiet tax-xogħol l-oħra tal-Parlament Ewropew.

3.   Opportunitajiet indaqs

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, kemm jekk tkun ibbażata fuq il-ġeneru, l-etniċità, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

4.   Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

Bħala uffiċjal ta’ livell għoli, il-persuna reklutata bħala direttur ġenerali, fid-dawl tal-linji gwida u d-deċiżjonijiet stabbiliti mill-awtorità parlamentari u mis-Segretarju Ġenerali, tkun inkarigata minn dawn il-kompiti (4):

tiżgura l-funzjonament tajjeb ta’ dipartiment kbir tas-Segretarjat Ġenerali li jinkludi diversi direttorati li jkopru l-oqsma ta’ attività tad-Direttorat Ġenerali;

tipproponi żviluppi, tiffissa l-objettivi u l-mezzi, timmaniġġja t-timijiet, tagħżel il-modi differenti ta’ organizzazzjoni, tuża r-riżorsi finanzjarji;

twettaq il-ġestjoni u/jew is-superviżjoni ta’ proġetti ta’ natura orizzontali;

tagħti pariri lis-Segretarju Ġenerali u lill-Membri tal-Parlament fl-oqsma ta’ attività tagħhom — tikkoopera mal-ġurikonsulti u mad-diretturi ġenerali l-oħra;

tirrappreżenta l-istituzzjoni, jekk ikun il-każ;

teżerċita l-funzjoni ta’ uffiċjal awtorizzanti b’delega;

tiżgura, jekk ikun il-każ, is-sostituzzjoni temporanja tas-Segretarju Ġenerali.

5.   Rekwiżiti ta’ eleġibbiltà

Din il-proċedura ta’ selezzjoni hija miftuħa għall-kandidati kollha li, sad-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet, ikunu ssodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

a)   Kundizzjonijiet ġenerali

Skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal, jeħtieġ b’mod partikolari li l-kandidati:

ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (5),

igawdu d-drittijiet ċivili tagħhom,

ikunu ssodisfaw kull obbligu impost mil-liġijiet ta’ reklutaġġ applikabbli fil-qasam militari,

joffru l-garanziji ta’ moralità mitluba għat-twettiq tal-funzjonijiet previsti.

b)   Rekwiżiti speċifiċi

i)   Kwalifiki u diplomi meħtieġa

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma rikonoxxuta uffiċjalment f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni, meta l-perjodu normali ta’ dawn l-istudji universitarji jkun ta’ erba’ snin jew aktar,

jew

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma rikonoxxuta uffiċjalment f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni flimkien ma’ esperjenza professjonali xierqa ta’ sena jew aktar (6) meta l-perjodu normali ta’ dawn l-istudji universitarji jkun ta’ tliet snin jew aktar.

Id-diplomi, kemm jekk maħruġa fi Stat Membru tal-Unjoni jew f’pajjiż ieħor, iridu jiġu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru tal-Unjoni, bħall-ministeru tal-edukazzjoni ta’ Stat Membru.

Il-kandidati li jkollhom diplomi maħruġa f’pajjiż mhux membru (7) tal-Unjoni jeħtiġilhom jehmżu mal-applikazzjoni tagħhom ekwivalenza tal-UE għad-diplomi tagħhom. Għal aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki mhux tal-UE fin-networks ENIC-NARIC, ara https://www.enic-naric.net/.

ii)   Esperjenza professjonali meħtieġa

Esperjenza professjonali miksuba wara li jkunu nkisbu l-kwalifiki msemmija hawn fuq:

ħmistax-il sena, eżerċitati, mill-inqas parzjalment, fl-oqsma ta’ attività tad-Direttorat Ġenerali u li jinkludu minimu ta’ disa’ snin f’ambjent Ewropew u/jew internazzjonali, u minimu ta’ disa’ snin f’funzjonijiet maniġerjali ta’ dipartiment kbir.

iii)   Għarfien lingwistiku

Il-pożizzjoni teżiġi għarfien fil-fond ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (8), kif ukoll għarfien tajjeb ħafna ta’ mill-inqas lingwa waħda oħra minnhom.

Il-Kumitat Konsultattiv iqis ukoll l-għarfien ta’ lingwi uffiċjali oħrajn tal-Unjoni Ewropea.

6.   Testijiet

Sabiex jgħin lill-Awtorità tal-Ħatra fl-għażla tagħha, il-Kumitat Konsultattiv għall-Ħatra ta’ Uffiċjali Għolja jistabbilixxi l-lista tal-kandidati u jirrakkomanda lill-Bureau tal-Parlament Ewropew il-persuni li għandhom jiġu mistiedna għal intervista. Il-Bureau jiffinalizza l-lista ta’ dawn il-persuni, filwaqt li l-Kumitat jagħmel l-intervisti u jippreżenta r-rapport finali tiegħu lill-Bureau għad-deċiżjoni. F’dan il-qafas, il-Bureau jkun jista’ jipproċedi għas-smigħ tal-kandidati.

L-intervisti jkunu bbażati fuq id-deskrizzjoni tan-natura tal-funzjonijiet, kif imsemmija fil-punt 4 ta’ dan l-avviż, kif ukoll fuq il-kapaċitajiet li ġejjin:

sens ta’ strateġija,

kapaċità maniġerjali,

kapaċità ta’ ppjanar bil-quddiem,

kapaċità ta’ reazzjoni għall-avvenimenti,

approċċ metikoluż,

kapaċità ta’ komunikazzjoni.

7.   Tressiq tal-applikazzjonijiet

Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija:

it-Tnejn, 28 ta’ Ottubru 2024, f’12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell.

Il-kandidati huma mitluba jibagħtu, permezz ta’ email biss, f’format pdf, ittra ta’ motivazzjoni (Għall-attenzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew, Avviż ta’ reklutaġġ numru PE/310/2024/S) u curriculum vitae fil-format tal-Europass (9), b’indikazzjoni tar-referenza tal-avviż (PE/310/2024/S) fis-suġġett tal-messaġġ, fl-indirizz li ġej:

PERS-EPSeniorManagement@ep.europa.eu

u jitqiesu bħala prova d-data u l-ħin tat-trażmissjoni tal-email.

Il-kandidati jeħtiġilhom jiżguraw li d-dokumenti skennjati jkunu jistgħu jinqraw.

Il-kandidati li jissejħu għal intervista għandhom jieħdu nota li jeħtiġilhom jipprovdu, sad-data tal-intervista, kopji tad-dokumenti li jikkonfermaw l-istudji tagħhom, kif ukoll l-esperjenza professjonali tagħhom u l-attività li jeżerċitaw fil-preżent (10). L-ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma jingħata lura lill-kandidati.

Id-data ta’ natura personali li l-kandidati jibagħtu fil-qafas ta’ din il-proċedura ta’ selezzjoni se tkun ipproċessata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), speċjalment f’dak li jirrigwarda l-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta’ tali data.


(1)  L-isem tad-Direttorat Ġenerali huwa biss indikattiv, l-isem definittiv tiegħu u l-ismijiet tad-Direttorati se jkunu s-suġġett ta’ deċiżjoni separata tal-awtorità kompetenti.

(2)  Ara r-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1) emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 723/2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1) u l-aktar reċentement mir-Regolament (UE, Εuratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15).

(3)  Bħala uffiċjal, il-persuna reklutata tingħata grad skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(4)  Għall-kompiti prinċipali, ara l-Anness.

(5)  L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea huma: Il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Iżvezja.

(6)  Din is-sena ta’ esperjenza ma titqiesx għall-evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali li jirreferi għaliha l-paragrafu li jmiss.

(7)  Il-kwalifiki/diplomi Brittaniċi miksuba sal-31 ta’ Diċembru 2020 jiġu aċċettati mingħajr rikonoxximent ieħor. Għad-diplomi miksuba wara din id-data, huwa meħtieġ rikonoxximent NARIC. Fil-prattika, dan ifisser li d-diplomi Brittaniċi mogħtija mill-1 ta’ Jannar 2021 iridu jkunu akkumpanjati minn ekwivalenza mogħtija minn awtorità kompetenti ta’ Stat li jkun membru tal-UE.

(8)  Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma: il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.

(9)   https://europa.eu/europass/.

(10)  Dan ma japplikax għall-kandidati li jkunu fis-servizz tal-Parlament Ewropew fid-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet. Hija r-responsabbiltà tal-kandidati li jiżguraw li s-servizzi tal-Parlament ikollhom il-fajl komplut li jikkorrispondi għall-applikazzjoni tagħhom (fil-każ li xi dokumenti rilevanti jkunu neqsin fil-portal HRM (Streamline)).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

DĠ 1 (Direttiva Ġenerali tal-Politika Ekonomika u Xjentifika) (1)

Dmirijiet prinċipali

Jiddefinixxi l-istrateġija tad-Direttorat Ġenerali, jorganizza u jikkoordina l-attivitajiet tiegħu;

Jiżgura l-organizzazzjoni u l-funzjonament tajjeb tal-attivitajiet kollha relatati mal-kumitati parlamentari u mad-dipartimenti tematiċi fl-oqsma tal-politiki ekonomiċi u xjentifiċi;

Jiżgura l-assistenza u l-appoġġ istituzzjonali għall-kumitati parlamentari kompetenti fil-politiki ekonomiċi u xjentifiċi;

Jagħti pariri u għarfien speċjalizzat lill-kumitati, lill-korpi parlamentari l-oħra kif ukoll lill-President tal-Parlament bl-għajnuna ta’ sommarji ta’ rapporti, analiżijiet approfonditi u studji dwar l-aspetti kollha tal-politiki ekonomiċi u xjentifiċi;

Jagħti pariri lis-Segretarju Ġenerali u jikkoopera mad-Direttorati Ġenerali l-oħra u mas-Servizz Legali;

Jirrappreżenta u/jew jiżgura r-rappreżentanza tad-Direttorat Ġenerali fil-korpi tal-Parlament, fil-laqgħat interni, kif ukoll f’ambiti interistituzzjonali u fil-kumitati konġunti jew kumitati oħra u jiżgura s-segwitu tagħhom;

Jiżgura l-ġestjoni tal-persunal; kull xahar, jorganizza u jippresjedi diversi laqgħat ta’ ġestjoni (diretturi, kapijiet ta’ unità);

Jimmaniġġja l-korrispondenza attribwita lid-Direttorat Ġenerali u jivverifika l-korrispondenza kollha li trid tiġi ffirmata mis-Segretarju Ġenerali u mill-President;

Jeżerċita l-funzjonijiet ta’ uffiċjal awtorizzanti b’delega;

DIRETTORAT A

Jiżgura d-direzzjoni, il-koordinament u t-tmexxija tal-unitajiet u tas-servizzi tad-Direttorat, kif ukoll il-ġestjoni tal-persunal u l-organizzazzjoni ġenerali tad-Direttorat;

Jagħti pariri lill-Membri tal-Parlament fl-oqsma ta’ attivitajiet tagħhom u jassistihom bħala membri tal-kumitati parlamentari tad-Direttorat, u b’mod partikolari lill-Presidenti u lir-Rapporteurs, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom;

Jipprovdi lill-kumitati parlamentari għarfien espert ta’ livell għoli, analiżijiet aġġornati u ħidma ta’ riċerka indipendenti fl-oqsma koperti mid-Direttorat;

Jiżgura l-ġestjoni ta’ proġetti fl-oqsma ta’ attività tal-unitajiet u tas-servizzi tad-Direttorat;

Jirrappreżenta l-istituzzjoni f’diversi kumitati interni u f’ambiti interistituzzjonali;

Jeżerċita l-funzjoni ta’ uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega.

DIRETTORAT B

Jiżgura d-direzzjoni, il-koordinament u t-tmexxija tal-unitajiet u tas-servizzi tad-Direttorat, kif ukoll il-ġestjoni tal-persunal u l-organizzazzjoni ġenerali tad-Direttorat;

Jagħti pariri lill-Membri tal-Parlament fl-oqsma ta’ attivitajiet tagħhom u jassistihom bħala membri tal-Kumitati Parlamentari tad-Direttorat, u b’mod partikolari lill-Presidenti u lir-Rapporteurs, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom;

Jipprovdi lill-kumitati parlamentari għarfien espert ta’ livell għoli, analiżijiet aġġornati u ħidma ta’ riċerka indipendenti fl-oqsma koperti mid-Direttorat;

Jiżgura l-ġestjoni ta’ proġetti fl-oqsma ta’ attività tal-unitajiet u tas-servizzi tad-Direttorat;

Jirrappreżenta l-istituzzjoni f’diversi kumitati interni u f’ambiti interistituzzjonali;

Jeżerċita l-funzjoni ta’ uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega.


(1)  L-isem tad-Direttorat Ġenerali huwa biss indikattiv, l-isem definittiv tiegħu u l-ismijiet tad-Direttorati se jkunu s-suġġett ta’ deċiżjoni separata tal-awtorità kompetenti.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6175/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)


Top