Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62024CN0455

Kawża C-455/24 P: Appell ippreżentat fis-26 ta’ Ġunju 2024 minn UC mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fis-17 ta’ April 2024 fil-Kawża T-6/23, UC vs Il-Kunsill

ĠU C, C/2024/5222, 2.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5222/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5222/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/5222

2.9.2024

Appell ippreżentat fis-26 ta’ Ġunju 2024 minn UC mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fis-17 ta’ April 2024 fil-Kawża T-6/23, UC vs Il-Kunsill

(Kawża C-455/24 P)

(C/2024/5222)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Appellant: UC (rappreżentant: S. Bekaert, Rechtsanwalt)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-6/23 u konsegwentement:

1. prinċipalment, tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2398 (1) kontenzjuża u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2397 (2)kontenzjuż, sa fejn jikkonċernaw lill-appellant;

sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni mill-ġdid.

Aggravji u argumenti prinċipali

1.

L-ewwel aggravju

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-miżuri inkwistjoni ma jiksrux l-Artikolu 31(1) TUE, li jipprojbixxi lill-Kunsill milli jeżerċita funzjonijiet leġiżlattivi.

2.

It-tieni aggravju

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-miżuri inkwistjoni ma jiksrux il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 29 TUE.

3.

It-tielet aggravju

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-limiti imposti fuq il-Kunsill dwar l-iffriżar tal-assi, kif ipprovdut fl-Artikolu 75 TFUE, ma japplikawx għas-sanzjonijiet kontra l-appellant. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni fis-sens li l-miżuri li jiffriżaw l-assi tal-appellant ma humiex suġġett għall-kundizzjonijiet u għal-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 75 TFUE, tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

4.

Ir-raba’ aggravju

L-appellant talab lill-Qorti Ġenerali tordna li l-Kunsill jiġi obbligat jipprovdi atti proċedurali u verbali tal-votazzjoni li wasslu għall-miżuri inkwistjoni, bl-għan li tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti formali u mar-regoli ta’ votazzjoni. Dan huwa rilevanti fil-kuntest tal-prinċipju tal-legalità u tal-eċċezzjoni ta’ illegalità. Il-Qorti Ġenerali żbaljatament irrifjutat li tindirizza dan u għamlet riferiment, b’mod żbaljat ukoll, għall-eċċezzjonijiet ipprovduti fir-Regolament Nru 1049/2001 (3) u fir-Regoli tal-Proċedura tal-Kunsill, minkejja l-fatt li l-Kunsill ma kienx ibbaża ruħu fuq dawn l-eċċezzjonijiet fid-difiża tiegħu u minkejja li dawn l-eċċezzjonijiet ma humiex applikabbli fil-każ preżenti.

5.

Il-ħames aggravju

It-test tal-Artikolu 3(2)(g) tad-Deċiżjoni (4) u l-Artikolu 2b(1)(g) tar-Regolament (5) li l-miżuri inkwistjoni huma bbażati fuqu huwa wiesa’ ħafna. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-miżuri inkwistjoni huma bbażati mhux fuq il-punt (g) iżda fuq il-punt (f).

6.

Is-sitt aggravju

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni u l-oneru tal-prova, u żnaturat il-fatti li tressqu quddiemha għall-evalwazzjoni. Il-Qorti Ġenerali eċċediet il-limiti tal-kompetenzi tagħha stess billi żiedet raġunijiet fid-difiża tal-miżuri inkwistjoni li ma kinux parti mill-motivazzjoni oriġinali.

7.

Is-seba’ aggravju

L-appellant huwa ċittadin tal-Unjoni. Id-digriet appellat tal-Qorti Ġenerali jikser il-moviment liberu u d-dritt ta’ residenza u ta’ stabbiliment, li huma drittijiet fundamentali. Barra minn hekk, il-miżuri inkwistjoni ma jissodisfawx il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ effettività.


(1)  Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2398 tat-8 ta’ Diċembru 2022 li timplimenta d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU 2022 L 316I, p. 7).

(2)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2397 tat-8 ta’ Diċembru 2022 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1183/2005 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU 2022, L 316I, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

(4)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/788/PESK tal-20 ta’ Diċembru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2008/369/PESK (ĠU 2010 L 336, p. 30).

(5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1183/2005 tat-18 ta’ Lulju 2005 li jimponi ċerti miżuri restrittivi diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur għall-embargo ta’ l-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU 2005 L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2023 L 233, p. 89).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5222/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)


Top