Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62024CJ0253

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-4 ta’ Settembru 2025.
Ministero della Giustizia vs NZ.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill- Corte di Appello di L’Aquila.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim qafas bejn l-ETUC, l-UNICE u ċ-CEEP dwar xogħol għal żmien determinat – Klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Imħallfin onorarji u mħallfin ordinarji – Klawżola 5 – Miżuri intiżi li jipprevjenu u jissanzjonaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 7 – Dritt għal-leave annwali mħallas – Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Proċedura ta’ evalwazzjoni sabiex tiġi kkonfermata b’mod definittiv fil-kariga ta’ mħallef onorarju – Rinunzja ex lege għat-talbiet li jirriżultaw mill-funzjonijiet ta’ mħallef onorarju eżerċitati qabel il-proċedura ta’ evalwazzjoni – Telf ta’ dritt għal-leave annwali mħallas mogħti mid-dritt tal-Unjoni.
Kawża C-253/24.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2025:660

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

4 ta’ Settembru 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim qafas bejn l-ETUC, l-UNICE u ċ-CEEP dwar xogħol għal żmien determinat – Klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Imħallfin onorarji u mħallfin ordinarji – Klawżola 5 – Miżuri intiżi li jipprevjenu u jissanzjonaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 7 – Dritt għal-leave annwali mħallas – Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Proċedura ta’ evalwazzjoni sabiex tiġi kkonfermata b’mod definittiv fil-kariga ta’ mħallef onorarju – Rinunzja ex lege għat-talbiet li jirriżultaw mill-funzjonijiet ta’ mħallef onorarju eżerċitati qabel il-proċedura ta’ evalwazzjoni – Telf ta’ dritt għal-leave annwali mħallas mogħti mid-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑253/24 [Pelavi] ( i ),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill‑Corte d’appello di L’Aquila (Il-Qorti tal-Appell ta’ L’Aquila, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ April 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ April 2024, fil-proċedura

Ministero della Giustizia,

vs

NZ,

fil-preżenza ta’:

Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Jarukaitis, President tal‑Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Mħallef tar-Raba’ Awla, N. Jääskinen, A. Arabadjiev (Relatur) u R. Frendo, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal NZ, minn P. Perna, avukata,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. Fiandaca u G. Santini, avvocati dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Delaude u D. Recchia, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381), tal-Klawżoli 4 u 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim‑qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368), kif ukoll tal-Artikoli 31 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Ministero della Giustizia (il-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Italja), il-persuna li timpjega, u NZ, imħallef onorarju, dwar il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni ta’ NZ fi proċedura ta’ evalwazzjoni sabiex tiġi kkonfermata b’mod definittiv fil-funzjonijiet tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Ftehim qafas

3

Il-Klawżola 2 tal-Ftehim qafas, intitolata “L-iskop”, tipprovdi, fil-punt 1 tagħha:

“Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru.”

4

Il-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non‑diskriminazzjoni”, tistabbilixxi, fil-punt 1 tagħha:

“Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss [żmien determinat] sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.”

5

Skont il-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas, intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”:

“1. Sabiex jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss [żmien determinat], [l-Istati Membri,]wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

a)

raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

b)

iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss [żmien determinat];

ċ)

in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.

2. L-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali għandhom, meta approprjat, jiddeterminaw taħt liema kondizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss [żmien determinat]:

a)

għandhom jitqiesu bħala ‘suċċessivi’;

b)

għandhom jitqiesu bħala kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indefinit.”

Id-Direttiva 2003/88

6

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Leave annwali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.”

Id-dritt Taljan

7

L-Artikolu 29 tad-decreto legislativo n. 116 – Riforma organica della magistratura onoraria e altre disposizioni sui giudici di pace, nonché disciplina transitoria relativa ai magistrati onorari in servizio, a norma della legge 28 aprile 2016, n. 57 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 116 dwar ir-riforma organika tal-ġudikatura onorarja u dispożizzjonijiet oħra dwar l-imħallfin li jippresjedu l-Qorti Konċiljatorja, kif ukoll sistema tranżitorja applikabbli għall-imħallfin onorarji fis-servizz, skont il-Liġi Nru 57, tat‑28 ta’ April 2016), tat‑13 ta’ Lulju 2017 (GURI Nru 177, tal‑31 ta’ Lulju 2017, p. 1), kif emendat bil-legge n. 234 – Bilancio di previsione dello Stato per l’anno finanziario 2022 e bilancio pluriennale per il triennio 2022–2024 (il-Liġi Nru 234, dwar il-bilanċ provviżorju tal-Istat għas-sena baġitarja 2022 u bilanċ multiannwali 2022–2024), tat‑30 ta’ Diċembru 2021 (GURI Nru 310, tal‑31 ta’ Diċembru 2021, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 116/2017”), jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 3, 5 u 9 tiegħu:

“1.   L-imħallfin onorarji fis-servizz fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet leġiżlattiv jistgħu, fuq talba tagħhom, jiġu kkonfermati sakemm jilħqu l-età ta’ 70 sena.

2.   L-imħallfin onorarji fis-servizz fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet leġiżlattiv, jekk ma jiksbux il-konferma minħabba li ma jkunux ressqu talba jew minħabba li ma jkunux eleġibbli abbażi tal-proċedura ta’ evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, għandhom dritt, bla ħsara għall-possibbiltà ta’ rifjut, għal kumpens ta’ EUR 2500 qabel it-tnaqqis tat-taxxa għal kull sena ta’ servizz li matulha l-imħallef ikun pparteċipa f’seduti għal mill-inqas 80 jum, u għal EUR 1500 qabel it-tnaqqis tat-taxxa għal kull sena ta’ servizz li matulha l-imħallef ikun pparteċipa f’seduti inqas minn 80 jum u, fi kwalunkwe każ, sa massimu għal kull persuna ta’ EUR 50000, qabel it-tnaqqis tat-taxxa. Is-servizz imwettaq għal perijodi ta’ iktar minn sitt xhur għandu jitqies bħala sena, għall-kalkolu tal-kumpens dovut għall-perijodu preċedenti. L-irċevuta tal-kumpens tinvolvi rinunzja għal kull pretensjoni oħra ta’ kwalunkwe natura li tirriżulta mit-tmiem tal-kariga tal-imħallef onorarju.

3.   Għall-finijiet tal-konferma msemmija fil-paragrafu 1, il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura għandu jorganizza, permezz ta’ deċiżjoni, tliet proċeduri ta’ evalwazzjoni separati li għandhom isiru kull sena matul il-perijodu ta’ tliet snin 2022‑2024. Dawn jikkonċernaw l-imħallfin onorarji fis-servizz li, rispettivament, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet, ikunu wettqu:

a)

iktar minn 16-il sena ta’ servizz;

b)

bejn 12 u 16-il sena ta’ servizz;

c)

inqas minn 12-il sena ta’ servizz.

[…]

5.   It-talba għal parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 għandha twassal għar-rinunzja ta’ kull pretensjoni oħra ta’ kwalunkwe natura li tirriżulta mill-funzjonijiet ta’ mħallef onorarju preċedenti, bla ħsara għad-dritt għall-kumpens previst fil-paragrafu 2 fil-każ ta’ nuqqas ta’ konferma.

[…]

9.   L-imħallfin onorarji fil-kariga fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet ma jibqgħux fil-kariga jekk ma jressqux talba għal parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 3.”

8

Din id-dispożizzjoni daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2022.

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

NZ ilha teżerċita, mill‑14 ta’ Frar 2001, il-funzjoni ta’ mħallef onorarju fit-Tribunale di Vasto (il-Qorti Distrettwali ta’ Vasto, l-Italja). Inizjalment maħtura għal perijodu ta’ tliet snin, hija ġiet estiża u mġedda f’din il-funzjoni kull erba’ snin, sat‑13 ta’ Diċembru 2022. F’din l-aħħar data, hija ġiet ikkonfermata b’mod definittiv fil-funzjonijiet tagħha sal-età ta’ 70 sena, skont l-Artikolu 29 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 116/2017, li jintroduċi l-possibbiltà, għall-imħallfin onorarji fil-kariga fid-data tal‑1 ta’ Jannar 2022, li jitolbu li jipparteċipaw fi proċedura ta’ evalwazzjoni għall-finijiet ta’ konferma definittiva fil-funzjonijiet tagħhom.

10

Bejn l‑14 ta’ Frar 2001 u t‑13 ta’ Diċembru 2022, NZ irċeviet allowances ikkalkolati, b’mod partikolari, skont in-numru ta’ seduti miżmuma.

11

NZ ma kinitx sedenti matul il-perijodi ta’ vaganzi ġudizzjarji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, bejn l‑1 u l‑31 ta’ Awwissu ta’ kull sena. Matul dawn il-perijodi, hija għalhekk ma rċevietx allowances.

12

Peress li kienet irreġistrata wkoll fl-Ordni tal-Avvukati, NZ setgħet tkompli teżerċita, b’mod parallel, u dan sat‑13 ta’ Diċembru 2022, il-professjoni ta’ avukat barra mill-ġurisdizzjoni territorjali tal-qorti li għaliha kienet assenjata.

13

Bħala avukata, hija kienet taqa’ taħt l-iskema obbligatorja ta’ sigurtà soċjali amministrata mill-Cassa Nazionale Forense (il-Fond Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali tal-Avukati, l-Italja). F’dan ir-rigward, hija kienet obbligata tħallas kontribuzzjoni li l-ammont tagħha kien jiddependi mid-dħul mill-attività tagħha ta’ avukat kif ukoll mill-allowance li tirriżulta mill-funzjoni tagħha ta’ mħallef onorarju.

14

Peress li qieset ruħha vittma ta’ differenza fit-trattament illegali fir-rigward tar-remunerazzjoni tal-funzjonijiet tagħha qabel id-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 29 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 116/2017 u l-konferma definittiva fil-kariga tagħha ta’ mħallef onorarju, NZ ippreżentat, quddiem il-qorti tal-ewwel istanza, rikors intiż li jiġi rrikonoxxut lilha, fir-rigward tal-funzjonijiet tagħha ta’ mħallef onorarju, il-kwalità ta’ “ħaddiem impjegat”, fis-sens tad-dritt Taljan, jew dik ta’ “ħaddiem”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, u, għaldaqstant, id-dritt li tibbenefika minn trattament ekonomiku u legali ekwivalenti għal dak tal-ħaddiema li jeżerċitaw funzjonijiet paragunabbli fis-servizz tal-Ministeru għall-Ġustizzja, inkluż sa fejn jirrigwarda l-festi pubbliċi, il-leave annwali, il-leave tal-maternità u tal-mard, l-allowances tal-mard u tal-inċidenti, it-trattament tat-tmiem tal-kuntratt, il-protezzjoni soċjali u l-assigurazzjoni. Hija talbet ukoll kumpens għad-dannu mġarrab minħabba l-allegat nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi previsti mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-leave, tal-leave tal-maternità u ta’ kull protezzjoni oħra. Barra minn hekk, NZ talbet li din il-qorti tikkonstata li dan il-ministeru kien, b’mod abbużiv, tenna fir-rigward tagħha l-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat u li l-imsemmi ministeru jiġi kkundannat jikkumpensa d-dannu li kien irriżulta minn dan għal NZ.

15

Permezz ta’ sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2022, il-qorti tal-ewwel istanza laqgħet parzjalment dan ir-rikors. Hija ddeċidiet li, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha ta’ mħallef onorarju, NZ kellha tiġi kklassifikata bħala “ħaddiem”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, u kellha d-dritt li tirċievi l-istess remunerazzjoni bħal dik imħallsa lil mħallef ordinarju. Madankollu, din il-qorti qieset li din il-klassifikazzjoni ma kinitx ta’ natura li tagħtiha d-dritt li tkun affiljata, mal-Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS) (l-Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali, l-Italja), mal-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-uffiċjali, fl-assenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg pubbliku. Konsegwentement, l-imsemmija qorti kkundannat lill-Ministeru għall-Ġustizzja jħallas lil NZ ir-remunerazzjonijiet dovuti għall-perijodu preċedenti għar-rikors tagħha, fil-limiti tal-preskrizzjoni ta’ ħames snin. Barra minn hekk, l-istess qorti qieset li r-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ NZ kienet ġiet irrepetuta b’mod abbużiv u kkundannat lil dan il-Ministeru jikkumpensa d-dannu mġarrab minn NZ sa disa’ menswalitajiet tar-remunerazzjoni mħallsa lil imħallef ordinarju.

16

Il-Ministeru għall-Ġustizzja appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Corte d’appello di L’Aquila (il-Qorti tal-Appell ta’ L’Aquila, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju, filwaqt li kkontesta n-natura paragunabbli tal-funzjonijiet ta’ mħallef onorarju u ta’ mħallef ordinarju kif ukoll in-natura inġusta tal-użu ta’ kuntratti għal żmien determinat.

17

NZ ippreżentat appell inċidentali, fejn ikkontestat il-klassifikazzjoni tat-talbiet tagħha bħala talba għal remunerazzjoni, u mhux bħala kumpens, li kien ġie deċiż mill-qorti tal-ewwel istanza kif ukoll l-applikazzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, u mhux ta’ għaxar snin, li kien irriżulta minn din il-klassifikazzjoni. Hija tikkontesta wkoll il-fatt li l-klassifikazzjoni tagħha bħala “ħaddiem”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, ma tathiex id-dritt li tiġi affiljata mal-INPS.

18

Filwaqt li l-proċedura tal-appell kienet pendenti, NZ temmet il-proċedura li kienet tipprevedi l-possibbiltà, għall-imħallfin onorarji fil-kariga fl‑1 ta’ Jannar 2022, li jitolbu li jipparteċipaw fi proċedura ta’ evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 29(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 116/2017.

19

Bħala mħallef onorarju kkonfermata b’dan il-mod, NZ ilha tibbenefika, mit‑13 ta’ Diċembru 2022, minn remunerazzjoni fissa, ikkalkolata abbażi tas-salarju ta’ uffiċjal impjegat mill-Ministeru għall-Ġustizzja, ta’ allowance ġudizzjarja u minn vawċers tal-ikel. Din ir-remunerazzjoni titħallas ukoll matul il-perijodu ta’ vaganzi ġudizzjarji, li matulu hija ma teżerċitax attivitajiet. Barra minn hekk, peress li għażlet is-sistema ta’ esklużività tal-funzjonijiet onorarji, NZ tħassret mir-reġistru tal-Kamra tal-Avukati u tal-Fond Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali u ġiet affiljata mal-INPS.

20

Fid-dawl tal-parteċipazzjoni ta’ NZ fil-proċedura ta’ evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 29(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 116/2017 u tal-fatt li dan l-Artikolu 29(5) jipprevedi li tali parteċipazzjoni timplika, għall-imħallfin onorarji kkonfermati fil-funzjonijiet tagħhom fi tmiem din il-proċedura, ir-rinunzja ex lege għal kull pretensjoni oħra li tirriżulta mir-relazzjoni ta’ xogħol onorarja preċedenti tagħhom, il-Ministeru għall-Ġustizzja jqis li t-tilwima fil-kawża prinċipali ma għadx għandha skop.

21

NZ topponi din it-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni u titlob lill-qorti tar-rinviju tqajjem kwistjoni ta’ legalità kostituzzjonali tal-Artikolu 29 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 116/2017, b’mod partikolari ta’ din ir-rinunzja ex lege prevista fil-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu.

22

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 29(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 116/2017 mal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas, mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 kif ukoll mal-Artikoli 31 u 47 tal-Karta, b’mod partikolari sa fejn l-imsemmija rinunzja ex lege taffettwa d-dritt għar-remunerazzjoni tal-leave ekwivalenti għal dak li jibbenefikaw minnu l-imħallfin ordinarji. Hija tqis opportun li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari f’dan ir-rigward, fid-dawl tal-effett dirett ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u tas-setgħa sussegwenti li hija għandha li teskludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra regola li għandha tali effett.

23

Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi jekk l-Artikolu 29(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 116/2017 jissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas. Hija tqis li huwa opportun li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja wkoll f’dan ir-rigward, sa fejn risposta min-naħa tagħha għal din it-tieni domanda tirrendi iktar faċli l-evalwazzjoni dwar in-neċessità li l-kwistjoni tal-kostituzzjonalità tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni tiġi suġġetta għall-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja).

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi il-Corte d’appello di L’Aquila (il-Qorti tal-Appell ta’ L’Aquila) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 31(1) u l-Artikolu 47 tal-[Karta], l-Artikolu 7 tad-[Direttiva 2003/88] kif ukoll il-klawżola 4 tal-[Ftehim qafas] jopponu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li imħallef onorarju, li jista’ jiġi kklassifikat bħala ‘ħaddiem’ u ‘ħaddiem għal żmien fiss’ u li jkun ikkonfermat fil-funzjonijiet tiegħu sal-età ta’ 70 sena, jitlef id-dritt għal leave imħallas għall-perijodu ta’ qabel il-konferma?

2)

Il-klawżola 5(1) tal-[Ftehim qafas] jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, bħala miżura intiża sabiex tissanzjona l-użu abbużiv ta’ relazzjonijiet għal żmien determinat, il-konferma tal-imħallef onorarju fil-funzjonijiet tiegħu sakemm ikun laħaq l-età ta’ 70 sena, bil-kundizzjoni li jgħaddi b’suċċess minn proċedura ta’ evalwazzjoni li ma għandhiex in-natura ta’ kompetizzjoni, kif ukoll kumpens pekunjarju f’każ li l-proċedura ta’ evalwazzjoni tkun mingħajr suċċess, b’rinunzja, fiż-żewġ każijiet, ta’ kwalunkwe dritt relatat mal-perijodu ta’ qabel?”

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

25

Il-Gvern Taljan jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

26

Huwa jsostni, fl-ewwel lok, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġiet adita mill-Giudice di pace di Fondi (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Fondi, l-Italja) b’talba għal deċiżjoni preliminari, irreġistrata bin-numru C‑548/22, li tqajjem domandi identiċi u relatati mal-istess dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Dan il-gvern iqis, għal raġunijiet li jaqgħu, essenzjalment, taħt l-ekonomija tal-ġudizzju, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa irrilevanti u li l-kawża prinċipali kellha tiġi sospiża sakemm tingħata r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Kawża C‑548/22.

27

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju ma tistabbilixxi ebda rabta bejn il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li għalihom hija tagħmel riferiment u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

28

Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, it-tieni domanda hija ipotetika, peress li tikkonċerna sitwazzjoni differenti minn dik tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, sa fejn din tal-aħħar għaddiet b’suċċess mill-eżamijiet orali tal-proċedura ta’ evalwazzjoni u għalhekk ma bbenefikatx mill-kumpens pekunjarju fil-każ ta’ falliment ta’ din il-proċedura, imsemmija f’din id-domanda.

29

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li hija adita bit-tilwima u li hija responsabbli għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li tevalwa, fid-dawl tal-aspetti partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Burgo Group, C‑92/19, EU:C:2020:733, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Għaldaqstant, id-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Burgo Group, C‑92/19, EU:C:2020:733, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

F’dan ir-rigward, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħti interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali, l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jeżiġi li t-talba għal deċiżjoni preliminari tinkludi l-espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (sentenza tas‑27 ta’ April 2023, AxFina Hungary (C‑705/21, EU:C:2023:352, punt 26).

32

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm iċ-ċirkustanzi tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2024, Presidenza del Consiglio dei ministri et (Retribuzzjoni tal-imħallfin onorarji) (C‑548/22, EU:C:2024:730), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, iddikjarat it-talba għal deċiżjoni preliminari inammissibbli, huma paragunabbli għal dawk tal-kawża prinċipali u li dawn iż-żewġ kawżi jqajmu kwistjonijiet simili, xorta jibqa’ l-fatt li, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-ġurisprudenza stabbilita ċċitata fil-punti 29 u 30 ta’ din is-sentenza, bla ħsara għall-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw minnha, il-qorti nazzjonali tibqa’ libera li tressaq rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima li jkollha quddiemha. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ ġurisprudenza stabbilita fuq punt ta’ dritt tal-Unjoni, filwaqt li tista’ twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tadotta digriet skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, ma tista’ bl-ebda mod taffettwa l-ammissibbiltà ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-każ li qorti nazzjonali tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ din is-setgħa ta’ evalwazzjoni, li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE (sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 49).

33

Fit-tieni lok, billi ssemmi, b’mod motivat, id-dubji tagħha, minn naħa, dwar il-kwistjoni jekk, fid-dawl tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas, tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u tal-Artikolu 31 tal-Karta, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tistax tiġi mċaħħda mid-dritt għal-leave mħallas li minnu jibbenefika kull ħaddiem u, min-naħa l-oħra, dwar il-kompatibbiltà tal-proċedura ta’ evalwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas, il-qorti tar-rinviju tesponi b’mod suffiċjenti r-rabta li hija tistabbilixxi bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom hija titlob l-interpretazzjoni u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

34

Madankollu, fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju ma spjegatx b’mod suffiċjentement konkret kif interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija neċessarja għaliha sabiex tiddeċiedi fuq it-tilwima pendenti quddiemha u lanqas tiddeskrivi r-rabta li teżisti bejnha u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għal din it-tilwima, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li, minn naħa, l-imsemmija tilwima tikkonċerna l-eżerċizzju tad-dritt tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għall-kumpens għal leave annwali mħallas kif ukoll il-legalità tal-mekkaniżmu intiż għall-prevenzjoni u għas-sanzjoni tal-użu abbużiv ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi u li, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxiet lill-qrati nazzjonali kompetenti sabiex tikseb il-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet.

35

Fir-rigward, fit-tielet lok, tan-natura allegatament ipotetika tat-tieni domanda, kif jirriżulta mingħajr ekwivoku mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni tal-miżura li timponi fuq l-imħallfin onorarji, li jitolbu li jipparteċipaw fil-proċeduri ta’ evalwazzjoni li jirrinunzjaw għal kull dritt għall-perijodu preċedenti għal din il-proċedura u, b’mod partikolari, għad-dritt għal-leave annwali mħallas. Peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġiet ristretta, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, li tirrinunzja għal dan id-dritt, peress li hija talbet li tipparteċipa f’din il-proċedura, ir-relazzjoni bejn l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni u s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali tidher b’mod manifest u din it-tieni domanda ma hijiex ta’ natura ipotetika f’dak li jirrigwarda t-telf tal-imsemmi dritt.

36

Madankollu, huwa paċifiku li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali wasslet għas-suċċess il-proċedura ta’ evalwazzjoni u ġiet ikkonfermata definittivament fil-funzjonijiet tagħha ta’ mħallef onorarju. Għaldaqstant, il-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju dwar il-modalitajiet ta’ organizzazzjoni ta’ din il-proċedura u dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi kumpens pekunjarju fil-każ li l-imsemmija proċedura ma tirnexxix ma humiex inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, it-tieni domanda hija ipotetika sa fejn tikkonċerna dawn iż-żewġ mistoqsijiet.

37

Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli, bl-eċċezzjoni tat-tieni domanda sa fejn din tikkonċerna l-modalitajiet ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-imħallfin onorarji bl-għan tal-konferma definittiva tagħhom fil-funzjonijiet tagħhom u l-kumpens pekunjarju fil-każ li din il-proċedura ma tirnexxix.

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

38

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. Għal dan il-għan, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (sentenza tat‑30 ta’ April 2025, Genzyński, C‑278/24, EU:C:2025:299, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

F’dan il-każ, jidher li teżisti rabta stretta bejn iż-żewġ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, dawn jirrigwardaw id-drittijiet li l-imħallfin onorarji li ġew ikkonfermati fil-funzjonijiet tagħhom fi tmiem il-proċedura ta’ evalwazzjoni ma jistgħux, minħabba f’hekk, jinvokaw iktar. Għalhekk, l-ewwel domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas, tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 kif ukoll tal-Artikolu 31 tal-Karta u tikkonċerna, b’mod partikolari, it-telf tad-dritt għal-leave mħallas għall-perijodu preċedenti għal din il-konferma, filwaqt li t-tieni domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas u tirrigwarda, b’mod iktar wiesa’, ir-rinunzja għal kull dritt relatat ma’ dan il-perijodu preċedenti.

40

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-dispożizzjonijiet invokati fid-domandi magħmula, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-proċedura ta’ evalwazzjoni tikkostitwixxi miżura adottata sabiex tingħata risposta għat-talbiet tal-Kummissjoni Ewropea u għas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblica Italiana (Status tal-Qrati Konċiljatorji Taljani) (C‑658/18, EU:C:2020:572). F’din il-perspettiva, din il-proċedura suppost li timplimenta l-obbligu, li jirriżulta mill-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas, li jiġu adottati miżuri effettivi sabiex jipprevjenu u jissanzjonaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi.

41

Din il-qorti tistaqsi, fil-fatt, jekk il-proċedura ta’ evalwazzjoni hijiex suffiċjentement dissważiva sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala miżura li tissanzjona l-użu abbużiv ta’ tali kuntratti, fis-sens ta’ din il-Klawżola 5(1), u, konsegwentement, jekk tosservax ir-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

42

L-imsemmija qorti tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ppermettiet lil NZ tikseb is-sostenibbiltà tal-funzjoni tagħha kif ukoll garanziji għall-perijodu wara din is-sostenibbiltà, bħar-riformi eżaminati fil-kuntest tas-sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401), u tat‑8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti (C‑494/17, EU:C:2019:387). Madankollu, b’differenza minn dawn ir-riformi, din il-leġiżlazzjoni tipprevedi li t-talba għall-parteċipazzjoni fil-proċeduri ta’ evalwazzjoni timplika, għall-imħallfin onorarji, li jirrinunzjaw għal kull pretensjoni oħra li tirriżulta mir-relazzjoni ta’ xogħol onorarja preċedenti u, għaldaqstant, li jirrinunzjaw milli jinvokaw il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni previst fil-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas insostenn tat-talbiet tagħhom.

43

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk, essenzjalment, dwar il-kompatibbiltà tal-imsemmija leġiżlazzjoni mad-dispożizzjoni li hija għandha l-intenzjoni timplimenta, jiġifieri l-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas, intiża li tipprevjeni u tissanzjona l-użu abbużiv tal-kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, moqrija flimkien mal-Klawżola 4 ta’ dan il-ftehim, kif ukoll mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, li tikkonkretizza d-dritt għal-leave annwali mħallas, stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, li ħaddiem jista’ jinvoka fir-rigward tal-persuna li timpjegah (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, Keolis Agen, C‑271/22 sa C‑275/22, EU:C:2023:834, punt 28). Għaldaqstant, jidher opportun li jsir eżami konġunt tad-domandi preliminari.

44

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, barra minn hekk, li, anki jekk il-qorti tar-rinviju ssemmi, fil-formulazzjoni tal-ewwel domanda magħmula, l-Artikolu 31(1) tal-Karta, li jistabbilixxi d-dritt ta’ kull ħaddiem għal kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu, mid-deċiżjoni tar-rinviju, kif ukoll mill-kuntest ta’ din id-domanda, jirriżulta li din tirrigwarda, fir-realtà, l-Artikolu 31(2).

45

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li għalkemm mill-formulazzjoni tad-domandi magħmula jirriżulta li l-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju li jikkonċernaw l-Artikolu 29(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 116/2017, li jimponi fuq l-imħallfin onorarji, waqt it-talba tagħhom għall-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ evalwazzjoni inkwistjoni, li jirrinunzjaw għal kull dritt li jirriżulta mir-relazzjoni onorarja preċedenti, din il-qorti ssemmi madankollu b’mod speċifiku, fil-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju, ir-rinunzja għad-dritt għal-leave annwali mħallas, dritt li l-imħallfin onorarji ma jibbenefikawx minnu matul il-perijodi ta’ vaganzi ġudizzjarji, b’differenza mill-imħallfin ordinarji.

46

Fil-fatt, fir-rigward ta’ dan id-dritt, il-qorti tar-rinviju tqis li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ mħallef ordinarju. Din il-qorti tirrileva, f’dan ir-rigward, li, qabel id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din ir-rikorrenti kellha, bħala “ħaddiema” u “ħaddiema għal żmien determinat”, ikollha t-talba tagħha għal remunerazzjoni għall-perijodu tal-vaganzi ġudizzjarji milqugħa, bla ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ preskrizzjoni rilevanti.

47

Għall-kuntrarju, fir-rigward tad-dritt għall-protezzjoni soċjali, il-qorti tar-rinviju tqis li s-sitwazzjoni tal-imħallfin onorarji u dik tal-imħallfin ordinarji ma hijiex paragunabbli u, fi kwalunkwe każ, li eventwali differenza fit-trattament tkun iġġustifikata.

48

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari, għandu għalhekk jiġi eżaminat biss wieħed mill-aspetti tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, enfasizzat mill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tagħha, jiġifieri r-rekwiżit ta’ rinunzja għad-dritt għal-leave annwali mħallas għall-perijodu preċedenti għall-proċedura ta’ evalwazzjoni.

49

Konsegwentement, għandu jitqies li, permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas, moqrija flimkien mal-Klawżola 4 ta’ dan il-ftehim, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 kif ukoll l-Artikolu 31(2) tal-Karta, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, intiża li tissanzjona l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, li tissuġġetta t-talba, għall-imħallfin onorarji fil-kariga, li jipparteċipaw fi proċedura ta’ evalwazzjoni sabiex jiġu kkonfermati fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom sal-età ta’ 70 sena, għar-rekwiżit li jiġi rrinunzjat id-dritt għar-remunerazzjoni tal-leave annwali li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, relatat mar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom b’mod onorarju preċedenti.

Fuq il-mertu

50

Il-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas timponi lill-Istati Membri, bil-għan ta’ prevenzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, l-adozzjoni ta’ mill-inqas waħda mill-miżuri li hija telenka, meta d-dritt intern tagħhom ma jkunx jinkludi miżuri legali ekwivalenti (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti, C‑494/17, EU:C:2019:387, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51

B’hekk, il-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas tagħti lill-Istati Membri għan ġenerali, li jikkonsisti fil-prevenzjoni ta’ tali abbuż, filwaqt li tħallilhom l-għażla tal-mezzi sabiex jilħqu dan l-għan, bil-kundizzjoni li huma ma jikkompromettux l-għan jew l-effett utli tal-Ftehim qafas (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti, C‑494/17, EU:C:2019:387, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52

Barra minn hekk, meta, bħal f’dan il-każ, id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdix sanzjonijiet speċifiċi fl-ipoteżi fejn madankollu ġew ikkonstatati abbużi, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jadottaw miżuri li għandhom ikunu mhux biss ta’ natura proporzjonata, iżda wkoll effettivi u dissważivi biżżejjed sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tar-regoli adottati bis-saħħa tal-Ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, DG de la Función Pública, Generalitat de Catalunya u Departamento de Justicia de la Generalitat de Catalunya, C‑331/22 u C‑332/22, EU:C:2024:496, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53

Għalhekk, meta jkun seħħ użu abbużiv ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, għandha tkun tista’ tiġi applikata miżura li tippreżenta garanziji effettivi u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ħaddiema sabiex dan l-abbuż jiġi debitament issanzjonat u jitneħħew il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti, C‑494/17, EU:C:2019:387, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

54

Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-obbligu li tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern, billi dan il-kompitu jaqa’ esklużivament fuq il-qorti tar-rinviju jew, jekk ikun il-każ, fuq il-qrati nazzjonali kompetenti, li għandhom jiddeterminaw jekk ir-rekwiżiti mfakkra fil-punti 50 sa 53 ta’ din is-sentenza humiex issodisfatti permezz tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 81).

55

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa sa fejn il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni kif ukoll l-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt intern jikkostitwixxu miżura adegwata sabiex jiġi ssanzjonat l-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi u sabiex jiġu eliminati l-konsegwenzi. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, meta tkun qiegħda tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, jekk ikun il-każ, tagħti indikazzjonijiet intiżi li jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fl-evalwazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punti 8283 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

56

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, il-Ftehim qafas ma jistabbilixxix obbligu ġenerali tal-Istati Membri li jipprevedu l-bidla ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat. Fil-fatt, il-Klawżola 5(2) tal-Ftehim qafas tħalli bħala prinċipju lill-Istati Membri l-kompitu li jiddeterminaw taħt liema kundizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat jitqiesu li ġew konklużi għal żmien indeterminat. Minn dan jirriżulta li l-Ftehim qafas ma jippreskrivix il-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jintużaw kuntratti għal żmien indeterminat (sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 80 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57

Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà, fil-kuntest tal-miżuri intiżi li jipprevjenu jew li jissanzjonaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, ibiddlu r-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat f’relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien indeterminat, peress li l-istabbiltà tal-impjieg li dawn tal-aħħar joffru tikkostitwixxi l-element prinċipali tal-protezzjoni tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti, C‑494/17, EU:C:2019:387, punt 39).

58

Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, ikkunsidrat li leġiżlazzjoni li tipprevedi b’mod imperattiv li, fil-każ ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, dawn tal-aħħar jinbidlu f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, bl-esklużjoni ta’ kull kumpens pekunjarju, tista’ tinkludi miżura li tissanzjona effettivament tali użu abbużiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti, C‑494/17, EU:C:2019:387, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

59

Għaldaqstant, il-ġurisprudenza ma teħtieġx akkumulazzjoni ta’ miżuri. Barra minn hekk, la l-prinċipju ta’ kumpens sħiħ għad-dannu subit u lanqas il-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jimponu l-ħlas ta’ danni punittivi. Fil-fatt, dawn il-prinċipji jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu kumpens adegwat, li jeċċedi kumpens purament simboliku, mingħajr madankollu ma jmur lil hinn minn kumpens sħiħ (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti, C‑494/17, EU:C:2019:387, punti 41 sa 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60

Il-Ftehim qafas għalhekk ma jimponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu, fil-każ ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, dritt għal kumpens li jiżdied mal-bidla tar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti, C‑494/17, EU:C:2019:387, punt 45).

61

F’dan il-każ, il-Gvern Taljan jenfasizza li l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa li l-imħallfin onorarji fis-servizz jingħataw il-garanziji kollha li jibbenefika minnhom ħaddiem impjegat, billi tiġi prevista l-possibbiltà ta’ żamma fil-kariga sal-età ta’ 70 sena, bil-kundizzjoni li jgħaddu b’suċċess mill-proċedura ta’ evalwazzjoni, intiża li jiġi vverifikat li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji huma dejjem issodisfatti, konformement mal-ġurisprudenza tal-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali).

62

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, l-ewwel nett, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għaddiet b’suċċess mill-proċedura ta’ evalwazzjoni fid-dawl tal-konferma definittiva tagħha fil-funzjonijiet ta’ mħallef onorarja prevista mill-imsemmija leġiżlazzjoni.

63

It-tieni nett, qabel il-konferma definittiva tagħha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma żammitx seduta matul il-perijodi ta’ vaganzi ġudizzjarji annwali tal-qorti li fiha hija teżerċita l-funzjoni ta’ mħallef onorarju u ma rċevietx remunerazzjoni għal dawn il-perijodi.

64

It-tielet nett, it-talba għall-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ evalwazzjoni timplika rinunzja għad-dritt għal-leave annwali mħallas għall-perijodu preċedenti għal din il-konferma definittiva ggarantit mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u mill-Artikolu 31(2) tal-Karta.

65

Skont il-Gvern Taljan, il-fatt li wieħed jirrinunzja “għal kull pretenzjoni oħra”, u għalhekk għad-dritt għal-leave annwali mħallas għal perijodu preċedenti, jikkostitwixxi korrispettiv adegwat tal-konferma definittiva fil-funzjonijiet ta’ mħallef onorarju, peress li s-suċċess fil-proċedura ta’ evalwazzjoni ma joħloqx sempliċi ċans li r-relazzjoni ta’ impjieg preċedenti tiġi pperpetwata, iżda jimplika l-kontinwità effettiva ta’ din ir-relazzjoni ta’ impjieg. Il-fatt li wieħed jirrinunzja għal pretensjonijiet preċedenti huwa għalhekk il-konsegwenza diretta tal-“kumpens in natura” mogħti lill-imħallfin onorarji li ġew ikkonfermati.

66

Dan il-gvern isostni wkoll li għandha tiġi evitata diskriminazzjoni inversa fir-rigward tal-imħallfin ordinarji li għalihom japplikaw b’mod sħiħ il-prinċipji tal-kompetizzjoni u tal-esklużività tal-funzjoni ġudizzjarja.

67

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Klawżola 4(1) tal-Ftehim‑qafas tistabbilixxi projbizzjoni ta’ trattament, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ impjieg, tal-ħaddiema għal żmien determinat li jkunu inqas favorevoli minn dawk tal-ħaddiema għal żmien indeterminat paragunabbli, biss għar-raġuni li huma jeżerċitaw attività taħt kuntratt għal żmien determinat, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat abbażi ta’ raġunijiet oġġettivi (sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Peigli, C‑41/23, EU:C:2024:554, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

Jekk jiġi stabbilit li mħallfin onorarji, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-imħallfin ordinarji, fatt li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi vverifikat jekk jeżistux raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw tali differenza fit-trattament (sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Peigli, C‑41/23, EU:C:2024:554, punt 50).

69

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont din il-qorti, ma huwiex iġġustifikat li ma jingħata ebda jum ta’ leave mħallas lill-imħallfin onorarji.

70

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-eżistenza ta’ modalità ta’ reklutaġġ permezz ta’ kompetizzjoni rriżervata biss għall-pożizzjonijiet ta’ mħallfin ordinarji għall-finijiet tal-aċċess għall-ġudikatura, li għalhekk ma tapplikax għar-reklutaġġ tal-imħallfin onorarji, tippermetti li jiġi eskluż li dawn tal-aħħar jibbenefikaw bis-sħiħ mid-drittijiet mogħtija lill-imħallfin ordinarji. Madankollu, għalkemm ċerti differenzi fit-trattament jistgħu jiġu ġġustifikati mid-differenzi fil-kwalifiki meħtieġa u min-natura tal-kompiti li l-imħallfin ordinarji għandhom jassumu r-responsabbiltà għalihom, l-esklużjoni ta’ kull dritt għal-leave mħallas fir-rigward tal-imħallfin onorarji ma tistax tiġi aċċettata fid-dawl tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Peigli, C‑41/23, EU:C:2024:554, punti 5354 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

71

Fil-fatt, dan id-dritt jinsab fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, li jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat”.

72

Hija ġurisprudenza stabbilita li din id-dispożizzjoni tirrifletti u tikkonkretizza d-dritt fundamentali għal perijodu annwali ta’ leave mħallas, stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, Keolis Agen, C‑271/22 sa C‑275/22, EU:C:2023:834, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

Barra minn hekk, id-dritt għal perijodu ta’ leave annwali mħallas, stabbilit għal kull ħaddiem fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, għandu, fir-rigward tal-eżistenza tiegħu stess, natura kemm imperattiva kif ukoll inkundizzjonat, peress li din id-dispożizzjoni fil-fatt ma għandhiex tiġi kkonkretizzata b’dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali, li huma biss meħtieġa sabiex jippreċiżaw it-tul eżatt tal-leave annwali mħallas u, fejn xieraq, ċerti kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt. Minn dan isegwi li l-imsemmija dispożizzjoni hija suffiċjenti fiha nnifisha sabiex tagħti lill-ħaddiema dritt invokabbli bħala tali, f’tilwima kontra l-persuna li timpjegahom f’sitwazzjoni koperta mid-dritt tal-Unjoni u li, għalhekk, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 74).

74

Għalhekk, il-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u l-Artikolu 31(2) tal-Karta jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, b’differenza minn dak li hija tipprevedi għall-imħallfin ordinarji, teskludi, għall-imħallfin onorarji li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, kull dritt għall-ħlas ta’ kumpens matul il-perijodu tal-leave li matulu l-attivitajiet ġudizzjarji ġew sospiżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Peigli, C‑41/23, EU:C:2024:554, punt 59).

75

Minn dan isegwi li, minn naħa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 53 u 57 ta’ din is-sentenza, sabiex tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas, leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tipprevedi, fil-każ ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, garanziji effettivi sabiex jiġi ssanzjonat dan l-abbuż u sabiex jiġu eliminati l-konsegwenzi tiegħu, peress li l-bidla tar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat tikkostitwixxi, bħala prinċipju, sanzjoni effettiva ta’ tali abbuż.

76

Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-punt 73 ta’ din is-sentenza, id-dritt għal perijodu ta’ leave annwali mħallas jikkostitwixxi dritt suġġettiv ta’ kull ħaddiem, li jingħatalu b’mod imperattiv u inkundizzjonat mid-dritt tal-Unjoni.

77

Għaldaqstant, il-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-applikazzjoni tal-miżuri meħuda minn Stat Membru sabiex jissanzjona l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat u sabiex iħassar il-konsegwenzi tagħhom tista’ tiġi suġġetta għal rekwiżit, għall-ħaddiem ikkonċernat, li jirrinunzja għal dritt mogħti lilu mid-dritt tal-Unjoni skont il-Klawżola 4 ta’ dan il-ftehim. Fil-fatt, il-Klawżola 5(1) u l-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandhom kampijiet ta’ applikazzjoni awtonomi, intiżi, rispettivament, li jissanzjonaw tali abbuż u sabiex jiżguraw it-trattament ekwivalenti tal-ħaddiema meta jaħdmu abbażi ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat.

78

Għalhekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tissanzjona l-użu abbużiv tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi billi tipprevedi l-possibbiltà għal imħallef onorarju li r-relazzjonijiet tiegħu jinbidlu f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat ma tistax tissuġġetta għal rekwiżit, għal dan l-imħallef, li jirrinunzja għad-drittijiet mogħtija lilu mid-dritt tal-Unjoni.

79

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas, moqrija flimkien mal-Klawżola 4 ta’ dan il-ftehim, mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 kif ukoll mal-Artikolu 31(2) tal-Karta, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, intiża li tissanzjona l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, li tissuġġetta t-talba, għall-imħallfin onorarji fil-kariga, li jipparteċipaw fi proċedura ta’ evalwazzjoni sabiex jiġu kkonfermati fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom sal-età ta’ 70 sena, fir-rekwiżit li jirrinunzjaw għad-dritt għal-leave annwali mħallas li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, relatat mar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom onorarja preċedenti.

Fuq l-ispejjeż

80

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, moqrija flimkien mal-Klawżola 4 ta’ dan il-ftehim, mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, kif ukoll mal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

 

tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, intiża li tissanzjona l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, li tissuġġetta t-talba, għall-imħallfin onorarji fil-kariga, li jipparteċipaw fi proċedura ta’ evalwazzjoni sabiex jiġu kkonfermati fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom sal-età ta’ 70 sena, fir-rekwiżit li jirrinunzjaw għad-dritt għal-leave annwali mħallas li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, relatat mar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom onorarja preċedenti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

Top