This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62024CC0422
Opinion of Advocate General Medina delivered on 1 August 2025.###
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali L. Medina, ippreżentati l-1 ta’ Awwissu 2025.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali L. Medina, ippreżentati l-1 ta’ Awwissu 2025.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2025:623
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
MEDINA
ippreżentati fl‑1 ta’ Awwissu 2025 ( 1 )
Kawża C‑422/24
Integritetsskyddsmyndigheten
vs
AB Storstockholms Lokaltrafik
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u l-moviment liberu ta’ tali data – Regolament (UE) 2016/679 – Data personali miksuba permezz ta’ kamera korporali li tintlibes minn spetturi tal-biljetti li jaħdmu ma’ kumpannija tat-trasport pubbliku – Informazzjoni li għandha tingħata lis-suġġett tad-data – Artikoli 13 u 14”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Din il-kawża tikkonċerna l-obbligu ta’ kontrollur, kif iddefinit fil-punt 7 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679 (iktar ’il quddiem il-“GDPR”) ( 2 ), li jipprovdi informazzjoni lil suġġett tad-data meta d-data personali tinġabar permezz ta’ kamera korporali (bodycam) li tintlibes minn spetturi tal-biljetti ta’ kumpannija tat-trasport pubbliku. L-obbligu tal-kontrollur li jipprovdi informazzjoni lis-suġġetti tad-data dwar l-ipproċessar tad-data personali jikkostitwixxi l-korollarju tad-dritt għal informazzjoni li jingħata lis-suġġetti tad-data mill-Artikoli 12 sa 14 tal-GDPR ( 3 ). Bħala l-pedament tal-prinċipju tat-trasparenza ( 4 ), id-dritt għal informazzjoni “jiggarantixxi t-trasparenza tal-ipproċessar kollu” fil-kuntest tal-GDPR ( 5 ). |
|
2. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba, b’mod iktar speċifiku, biex tiddeċiedi dwar jekk, f’sitwazzjonijiet li jinvolvu l-ġabra tad-data permezz ta’ kamera korporali, il-bażi legali xierqa hija l-Artikolu 13 jew l-Artikolu 14 tal-GDPR. Id-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għandha implikazzjonijiet importanti għall-ħin meta għandha tingħata l-informazzjoni, u ukoll għall-eċċezzjonijiet possibbli. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
|
3. |
L-Artikolu 13 tal-GDPR, intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn tinġabar data personali mis-suġġett tad-data” jipprevedi: “1. Fejn data personali relatata ma’ suġġett tad-data tinġabar mingħand is-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu, fil-ħin li tinkiseb id-data personali, jipprovdi l-informazzjoni kollha li ġejja lis-suġġett tad-data:
2. Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-kontrollur għandu, meta tinkiseb id-data personali, jipprovdi lis-suġġett tad-data l-informazzjoni ulterjuri li ġejja meħtieġa biex jiġi żgurat ipproċessar ġust u trasparenti:
3. Fejn il-kontrollur ikollu l-intenzjoni li jipproċessa d-data personali ulterjorment għal fini differenti minn dak li għalih tkun inġabret id-data personali, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data, qabel dak l-ipproċessar ulterjuri, b’informazzjoni dwar dak il-fini l-ieħor u kwalunkwe informazzjoni ulterjuri rilevanti kif imsemmi fil-paragrafu 2. 4. Il-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandhomx japplikaw meta u sa fejn is-suġġett tad-data diġà jkollu l-informazzjoni.” |
|
4. |
L-Artikolu 14 tal-GDPR, intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn id-data personali ma tkunx inkisbet mis-suġġett tad-data”, jipprevedi: “1. Fejn ma tkunx inkisbet data personali mis-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data l-informazzjoni li ġejja:
2. Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data l-informazzjoni li ġejja li tkun meħtieġa biex jiġi żgurat pproċessar ġust u trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data:
3. Il-kontrollur għandu jipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2:
4. Fejn il-kontrollur ikollu l-intenzjoni li jipproċessa d-data personali ulterjorment għal fini differenti minn dak li għalih tkun inkisbet id-data personali, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data, qabel dak l-ipproċessar ulterjuri, b’informazzjoni dwar dak il-fini l-ieħor u bi kwalunkwe informazzjoni ulterjuri rilevanti kif imsemmi fil-paragrafu 2. 5. Il-paragrafi 1 sa 4 ma għandhomx japplikaw meta u sa fejn:
[…]” |
III. Il‑kuntest tal‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
5. |
AB Storstockholms Lokaltrafik (Trasport Pubbliku ta’ Stokkolma, iktar ’il quddiem “SL”) topera servizzi tat-trasport pubbliku. Il-kumpannija għammret lill-ispetturi tal-biljetti tagħha b’kameras korporali. Il-kameras jintużaw biex jiffilmjaw lill-passiġġiera li ma jkollhomx biljett validu meta jsiru spezzjonijiet tal-biljetti u li jiġu mmultati. L-użu tal-kameras korporali huwa intiż sabiex jipprevjeni u jiddokumenta theddid u vjolenza kontra l-ispetturi u għall-verifika tal-identità tal-passiġġiera li jridu jħallsu multa. |
|
6. |
Waqt l-attivitajiet superviżorji tagħha, l-Integritetsskyddsmyndigheten (l-Awtorità Svediża għall-Protezzjoni tal-Privatezza, iktar ’il quddiem l-“Awtorità għall-Protezzjoni tal-Privatezza”) eżaminat jekk l-ipproċessar minn SL tad-data personali miġbura permezz tal-użu tal-kameras korporali kinitx konformi mal-GDPR. Din l-awtorità ħarġet deċiżjoni superviżorja f’Ġunju 2021 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni superviżorja”), li tinkludi numru ta’ konstatazzjonijiet dwar l-użu u l-funzjonament tal-kameras korporali. B’mod iktar speċifiku, huwa ċar minn din id-deċiżjoni li l-ispetturi tal-biljetti jilbsu l-kameras matul ix-xift tax-xogħol tagħhom. Il-kameras jiffilmjaw kontinwament bl-istampi u l-ħsejjes. Għandhom l-hekk imsejħa “memorja ċirkolari”, li jfisser li, wara ċertu perijodu ta’ żmien, il-materjal kollu tal-video jitħassar awtomatikament. Wara t-tħassir, il-materjal irreġistrat jitneħħa. Fil-bidu, il-materjal irreġistrat kien jinħażen għal żewġ minuti iżda, waqt l-awditu superviżorju, dan il-perijodu tqassar għal minuta. Billi jagħfsu buttuna, l-ispetturi tal-biljetti jistgħu jissospendu t-tħassir awtomatiku, u b’hekk jiżguraw li r-reġistrazzjoni ma titneħħiex. L-ispetturi tal-biljetti għandhom struzzjonijiet li jissospendu t-tħassir awtomatiku fis-sitwazzjonijiet kollha fejn tinħareġ multa u ukoll fil-każ ta’ theddida. |
|
7. |
Fid-deċiżjoni superviżorja tagħha, l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Privatezza kkonstatat li, minn Diċembru 2018 sad-data ta’ din id-deċiżjoni f’Ġunju 2021, permezz tal-użu ta’ kameras korporali inkonnessjoni mal-ispezzjonijiet tal-biljetti, SL kienet ipproċessat data personali b’mod kuntrarju għal diversi dispożizzjonijiet tal-GDPR. SL kienet, inter alia, naqqset milli tipprovdi informazzjoni adegwata lis-suġġetti tad-data kif meħtieġ mill-Artikolu 13 tal-GDPR. Konsegwentement, SL kienet ordnata tħallas multa amministrattiva ta’ 16‑il miljun krone (SEK) (madwar EUR 1422000), li minnhom SEK 4 miljun (madwar EUR 355000) irrelataw mal-provvista ta’ informazzjoni inadegwata lis-suġġetti tad-data. |
|
8. |
SL sfidat id-deċiżjoni superviżorja quddiem il-Förvaltningsrätten i Stockholm (il-Qorti Amministrattiva sedenti fi Stokkolma, l-Isvezja), li ċaħdet l-azzjoni sa fejn kienet tikkonċerna l-multa għall-provvista ta’ informazzjoni inadegwata. |
|
9. |
SL imbagħad ippreżentat appell quddiem il-Kammarrätten i Stockholm (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Stokkolma, l-Isvezja), li ħassret is-sentenza tal-ewwel istanza u annullat id-deċiżjoni superviżorja sa fejn imponiet multa fuq SL għall-provvista ta’ informazzjoni inadegwata fuq is-suġġetti tad-data. Fil-motivazzjoni tas-sentenza, il-Kammarrätten i Stockholm (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Stokkolma) irreferiet għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš (C‑212/13, EU:C:2014:2428; is-“sentenza Ryneš”), dwar l-operazzjoni ta’ sistema tal-kameras installata minn individwu f’dar tal-familja. Fl-opinjoni tal-Kammarrätten i Stockholm (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Stokkolma), isegwi minn din is-sentenza li, f’sitwazzjonijiet li jinvolvu s-sorveljanza bil-video, l-obbligu tal-kontrollur li jipprovdi informazzjoni adegwata huwa bbażat fuq l-Artikolu 11 tad-Direttiva 95/46/KE ( 6 ), li qabel kien ekwivalenti għall-Artikolu 14 tal-GDPR. Barra minn hekk, skont il-Kammarrätten i Stockholm (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Stokkolma), il-formulazzjoni tal-Artikolu 13 tal-GDPR tindika li jeħtieġ xi tip ta’ azzjoni intenzjonata mis-suġġett tad-data sabiex id-data personali titqies bħala li nġabret minn din il-persuna. Dan ma jistax jitqies li huwa l-każ meta d-data personali tinkiseb permezz ta’ kamera korporali. Il-Kammarrätten i Stockholm (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Stokkolma) ikkonkludiet li, peress li l-Artikolu 13 tal-GDPR ma japplikax, l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Privatezza ma kellhiex raġuni biex timponi multa fuq SL għall-ksur ta’ dan l-artikolu. |
|
10. |
L-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Privatezza ppreżentat appell mis-sentenza tal-Kammarrätten i Stockholm (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Stokkolma) quddiem il-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja), li hija l-qorti tar-rinviju, fejn talbet it-tħassir ta’ din is-sentenza sa fejn tirrelata mal-multa għan-nuqqas ta’ provvista lis-suġġetti tad-data ta’ informazzjoni adegwata. |
|
11. |
Quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Privatezza sostniet li l-Artikolu 13 tal-GDPR japplika anki jekk is-suġġett tad-data ma jipparteċipax attivament fil-ġbir tad-data. Peress li l-użu tas-sorveljanza bil-kameras tirrikjedi li l-informazzjoni tiġi pprovduta qabel ma jibda l-ipproċessar tad-data personali, huwa s-suġġett tad-data li, billi jidħol konxjament fiż-żona taħt sorveljanza, jippermetti l-ġbir tad-data personali. |
|
12. |
SL talbet quddiem il-qorti tar-rinviju li l-appell jiġi miċħud. Hija targumenta li l-formulazzjoni tal-Artikolu 13 tal-GDPR tissuġġerixxi li s-suġġett tad-data għandu jipparteċipa konxjament fil-ġbir tad-data personali. Barra minn hekk, l-approċċ f’saffi għall-provvista ta’ informazzjoni meta tintuża kamera ta’ sorveljanza hija iktar konformi mal-iskema tal-Artikolu 14 tal-GDPR milli ma’ dik tal-Artikolu 13 tal-GDPR. L-Artikolu 14(5)(b) ta’ dak ir-regolament jipprovdi għal eċċezzjoni għall-obbligu tal-provvista ta’ informazzjoni fejn il-provvista tal-informazzjoni tkun impossibbli li sseħħ jew tkun teħtieġ sforz sproporzjonat. SL targumenta li din l-eċċezzjoni għandha tapplika f’sitwazzjonijiet li jinvolvu l-użu tal-kameras korporali, għax ma jkunx prattiku li tiġi pprovduta informazzjoni individwalment lil kull passiġġier qabel ma ssir ir-reġistrazzjoni tad-data. |
|
13. |
Sabiex tiddeċiedi jekk l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Privatezza kinitx iġġustifikata meta imponiet multa fuq SL għall-ksur tal-Artikolu 13 tal-GDPR, il-qorti tar-rinviju tfittex li taċċerta jekk huwiex l-Artikolu 13 jew l-Artikolu 14 tal-GDPR li japplika meta d-data personali tinkiseb permezz ta’ kamera korporali. Id-determinazzjoni ta’ liema dispożizzjoni tapplika għandha implikazzjonijiet wkoll għal liema informazzjoni għandha tingħata meta jqum l-obbligu li tingħata informazzjoni, u jekk japplikawx kwalunkwe mill-eċċezzjonijiet għall-obbligu tal-provvista ta’ informazzjoni. |
|
14. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja: “Huwa l-Artikolu 13 jew l-Artikolu 14 [tal-GDPR] li japplika meta d-data personali tinkiseb permezz ta’ kamera korporali (bodycam)?” |
|
15. |
Osservazzjonijiet bil-miktub ġew sottomessi mill-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Awstrijak u dak Daniż u l-Kummissjoni Ewropea. |
IV. Evalwazzjoni
A. Osservazzjonijiet preliminari dwar il‑portata tad-domanda
|
16. |
Id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tikkonċerna l-obbligi relatati mal-informazzjoni ta’ SL, kumpannija li topera s-servizzi tat-trasport pubbliku, fir-rigward tal-użu tal-kameras korporali mill-ispetturi tagħha. Il-kameras inkwistjoni huma kameras korporali li jirreġistraw l-istampi u l-ħsejjes ( 7 ). L-għan tal-użu ta’ dawn il-kameras huwa l-iktar il-prevenzjoni u d-dokumentazzjoni ta’ theddid u vjolenza kontra l-ispetturi tal-biljetti. |
|
17. |
Huwa ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-ipproċessar tad-data rilevanti jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR. L-analiżi tiegħi, għalhekk, ma tkoprix l-ipproċessar tad-data mwettaq b’konnessjoni mal-użu ta’ kameras korporali mill-awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġi, li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/680 ( 8 ). |
|
18. |
Għandu jiġi nnotat ukoll li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tikkonċerna biss l-obbligu tal-kontrollur li jipprovdi informazzjoni skont l-Artikoli 13 u 14 tal-GDPR. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx mistoqsija dwar il-legalità tal-ipproċessar tad-data inkwistjoni skont l-Artikolu 6 tal-GDPR. |
B. Il-ġbir tad-data permezz ta’ kameras korporali u l-obbligu tal-provvista ta’ informazzjoni lis-suġġett tad-data: delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 13 u 14 tal-GDPR.
|
19. |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk huwiex l-Artikolu 13 jew l-Artikolu 14 tal-GDPR li japplika f’sitwazzjoni fejn id-data personali tinġabar permezz ta’ kameras korporali li jintlibsu minn spetturi tal-biljetti li jaħdmu ma’ kumpannija li topera s-servizzi tat-trasport pubbliku. |
|
20. |
L-Artikoli 13 u 14 tal-GDPR ifasslu l-portata tal-obbligu tal-kontrollur fil-konfront tas-suġġett tad-data li jipprovdilu l-informazzjoni. L-Artikolu 13 japplika meta data personali tinġabar mis-suġġett tad-data (ġbir dirett), filwaqt li l-Artikolu 14 japplika meta data personali tkun għadha ma nġabritx mis-suġġett tad-data (ġbir indirett) ( 9 ). |
|
21. |
Il-biċċa l-kbira tal-elementi ta’ informazzjoni li għandhom jiġu pprovduti skont l-Artikoli 13 u 14 tal-GDPR huma l-istess, għalkemm hemm xi elementi differenti ( 10 ). L-iktar differenza importanti bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet tikkonċerna il-ħin meta għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni u eċċezzjonijiet possibbli għall-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni. |
|
22. |
Skont l-Artikolu 13(1) u (2) tal-GDPR, fejn data personali tinġabar mingħand is-suġġett tad-data, l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta, “fil-ħin li tinkiseb id-data personali”. Meta d-data personali ma tkunx inkisbet mis-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu jipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14(1) u (2) tal-GDPR fil-perijodi ta’ żmien mniżżla fl-Artikolu 14(3)(a), (b) u (c) tiegħu. Ir-regola ġenerali hi li l-kontrollur għandu jipprovdi l-informazzjoni fi żmien perijodu ta’ żmien raġonevoli wara l-kisba tad-data personali, iżda mhux iktar tard minn xahar, b’kont meħud taċ-ċirkustanzi speċifiċi li fihom tiġi pproċessata d-data personali (Artikolu 14(3)(a) tal-GDPR). Il-perijodu ta’ żmien li fih il-kontrollur għandu jipprovdi l-informazzjoni huwa differenti fis-sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 14(3)(b) u (c) ( 11 ). |
|
23. |
Fir-rigward tal-eċċezzjonijiet possibbli għall-obbligu tal-provvista ta’ informazzjoni, f’każijiet ta’ ġbir dirett ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 13 tal-GDPR, l-unika waħda li tapplika hija “meta u sa fejn is-suġġett tad-data diġà jkollu l-informazzjoni”. F’każijiet ta’ ġbir indirett, il-katalogu ta’ eċċezzjonijiet possibbli mfassal fl-Artikolu 14(5) tal-GDPR huwa itwal. Dawn l-eċċezzjonijiet jinkludu sitwazzjonijiet fejn il-provvista ta’ informazzjoni “tkun impossibbli li sseħħ jew tkun teħtieġ sforz sproporzjonat” (Artikolu 14(5)(b) tal-GDPR). F’tali każijiet il-kontrollur għandu “jieħu l-miżuri xierqa biex jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet u l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data, inkluż li jagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku”. |
|
24. |
Huwa ovvju minn dak li ntqal qabel li l-portata tal-obbligu tal-kontrollur li jipprovdi l-informazzjoni tvarja, skont jekk huwiex l-Artikolu 13 jew l-Artikolu 14 tal-GDPR li japplika. Ir-riżultat ta’ din id-determinazzjoni ser ikollha impatt fuq liema kwistjonijiet għandha tinvestiga awtorità superviżorja sabiex tiddetermina kienx hemm ksur tal-obbligu tal-provvista ta’ informazzjoni. |
|
25. |
Wara li jsiru dawn l-osservazzjonijiet ġenerali, imbagħad għandu jkun hemm eżami ta’ jekk l-ipproċessar tad-data permezz ta’ kamera korporali bħal dik użata fil-każ tal-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 13 jew tal-Artikolu 14 tal-GDPR. Għal dan il-għan, huwa neċessarju, skont ġurisprudenza stabbilita, li tiġi kkunsidrata mhux biss il-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet iżda wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li jiffurmaw parti minnha ( 12 ). |
|
26. |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikoli 13 u 14 tal-GDPR, għandu jiġi osservat, kif ikkjarifikat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Másdi, li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 14 huwa ddefinit b’mod negattiv b’referenza għall-Artikolu 13 tal-GDPR ( 13 ). Kif jidher mit-titoli nnifishom ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-Artikolu 13 jirrigwarda l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn tinġabar data personali mis-suġġett tad-data, filwaqt li l-Artikolu 14 jikkonċerna l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn data personali ma tinġabarx mis-suġġett tad-data ( 14 ). Kif qalet il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma reċiprokament esklużivi. Fid-dawl ta’ din id-dikotomija, is-sitwazzjonijiet kollha li fihom id-data tinġabar mis-suġġett tad-data jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 13 u s-sitwazzjonijiet kollha li fihom id-data ma tinġabarx mis-suġġett tad-data jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 14 ( 15 ). |
|
27. |
Huwa ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju li d-diffikultà fid-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa marbut speċifikament mal-kwistjoni ta’ jekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tal-GDPR hijiex suġġetta għal jekk is-suġġett tad-data kienx konxju tal-ġbir tad-data tiegħu jew għal xi azzjoni ddeliberata tiegħu fil-provvista tad-data (pereżempju, permezz tal-mili ta’ formola) ( 16 ). |
|
28. |
F’dan ir-rigward għandu jiġi nnotat li t-terminu data li “tinġabar” mis-suġġett tad-data kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tal-GDPR ma jirrikjedix azzjoni speċifika mis-suġġett tad-data. Il-“ġbir” huwa forma ta’ “ipproċessar” ta’ data u t-terminu tal-aħħar huwa ddefinit fil-punt 2 tal-Artikolu 4 tal-GDPR. Bħala tali, il-ġbir tad-data jirrikjedi azzjoni mill-kontrollur tad-data ( 17 ). Kif issottomettiet l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Privatezza quddiem il-qorti tar-rinviju, huwa l-kontrollur tad-data li għandu rwol attiv fil-ġbir tad-data, mhux is-suġġett tad-data. |
|
29. |
Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, il-Kummissjoni u l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Privatezza osservaw li l-verżjonijiet lingwistiċi bl-Ingliż u bl-Isvediż tal-Artikoli 13 u 14 tal-GDPR jużaw żewġ verbi differenti. Filwaqt li l-Artikolu 13 jirreferi għad-data li “tinġabar” mis-suġġett tad-data (“collected” bl-Ingliż u “samlas” bl-Isvediż), l-Artikolu 14 jirreferi għal data li ma tkunx “inkisbet” mis-suġġett tad-data (“obtained” bl-Ingliż u “erhållits” bl-Isvediż). Madankollu, kif innotat il-Kummissjoni, f’verżjonijiet lingwistiċi oħra jintuża l-istess verb ( 18 ) u, fi kwalunkwe każ, l-użu ta’ żewġ verbi differenti “ġabar” u “kiseb” ma jidher li għandu l-ebda sinjifikat. Dan jista’ jiġi wkoll inferit mis-sentenza Másdi, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tispjega li d-data personali li “inkisbet” mill-kontrollur skont it-tifsira tal-Artikolu 14 tal-GDPR hija dik id-data kollha li l-kontrollur “jiġbor mingħand persuna li ma tkunx is-suġġett tad-data [...]” ( 19 ). |
|
30. |
Id-dikotomija bejn l-Artikoli 13 u 14 tal-GDPR, li għaliha sar riferiment fil-punt 26 iktar ’il fuq, turi li l-bażi għad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħhom ma hijiex il-parteċipazzjoni attiva tas-suġġett tad-data fil-ġbir iżda s-sors tad-data. Jekk is-suġġett tad-data huwa s-sors tad-data, allura japplika l-Artikolu 13. Sabiex tapplika din id-dispożizzjoni, ma għandu jkun hemm l-ebda intermedjarju bejn is-suġġett tad-data u l-kontrollur. Jekk is-sors tad-data jkun kwalunkwe sors ieħor minbarra s-suġġett tad-data, allura japplika l-Artikolu 14. Kwalunkwe sors ieħor jista’ jkun, pereżempju, kontrolluri terzi, sorsi disponibbli pubblikament jew suġġetti tad-data oħra ( 20 ). |
|
31. |
Il-formulazzjoni tal-Artikolu 14(2)(f) tal-GDPR jikkonferma li s-sors tad-data huwa l-kriterju għad-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae bejn l-Artikoli 13 u 14. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, meta d-data ma tinkisibx mis-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu jinforma lis-suġġett tad-data “minn liema sors toriġina d-data personali” (enfasi miżjuda minni). |
|
32. |
Il-formulazzjoni tal-premessa 61 tal-GDPR tissuġġerixxi wkoll li s-sors tad-data hija l-kriterju li jiddistingwi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikoli 13 u 14. Din il-premessa tgħid li “[l]-informazzjoni fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali relatata mas-suġġett tad-data għandha tingħatalu meta tinġabar mis-suġġett tad-data, jew, fejn id-data personali tinkiseb minn sors ieħor, f’perijodu ta’ żmien raġonevoli, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ” (enfasi miżjuda minni). Din il-premessa żżid li l-informazzjoni ġenerali għandha tiġi pprovduta “[f]ejn il-oriġini tad-data personali ma setgħetx tingħata lis-suġġett tad-data peress li jkunu intużaw diversi sorsi” (enfasi miżjuda minni). |
|
33. |
Id-data tista’ tinġabar direttament mis-suġġett tad-data permezz ta’ metodi differenti. Tali ġbir ma jirrikjedix il-parteċipazzjoni jew l-inizjattiva tas-suġġett tad-data fil-provvista tad-data jew l-għarfien tal-ġbir. Dan l-approċċ huwa kkonfermat mil-Linji gwida tal-WP 29 dwar it-trasparenza, li jgħidu li l-Artikolu 13 japplika jew meta s-suġġett tad-data konxjament jipprovdi data personali lill-kontrollur tad-data jew meta l-kontrollur tad-data jiġbor id-data mis-suġġett tad-data b’osservazzjoni. L-eżempji tal-ġbir tad-data b’osservazzjoni mogħtija hemm jinkludu l-użu ta’ apparati awtomatizzati li jiġbru d-data jew software li jiġbor data bħal kameras ( 21 ). |
|
34. |
Fejn hemm il-ġbir dirett tad-data b’osservazzjoni, l-għarfien tal-ġbir mis-suġġett tad-data huwa l-konsegwenza tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tal-GDPR u l-obbligu li joħloq għall-kontrollur tad-data li jipprovdi informazzjoni lis-suġġett tad-data fil-ħin tal-ġbir. Fi kliem ieħor, l-għarfien tal-ġbir tad-data ma huwiex prerekwiżit sabiex japplika l-Artikolu 13, iżda huwa konsegwenza tal-obbligu previst taħt l-Artikolu 13 tal-GDPR biex jiġi informat is-suġġett tad-data fil-ħin meta tinkiseb id-data personali (l-iktar tard). |
|
35. |
Mill-mument meta jsir il-ġbir tad-data mis-suġġett tad-data u preċiżament minħabba tali ġbir, il-kontrollur tad-data għandu jipprovdi l-informazzjoni, b’hekk jagħmel is-suġġett tad-data konxju tal-ġbir tad-data. Kif kien sottomess mill-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Privatezza, fejn hemm żona taħt sorveljanza, għandu jkun hemm sinjal ta’ twissija rilevanti sabiex is-suġġett tad-data ikun konxju minn dan il-ġbir qabel ma jidħol fiż-żona ta’ sorveljanza ( 22 ). Billi jidħol konxjament fiż-żona mmonitorjata, is-suġġett tad-data jippermetti l-ġbir tad-data personali. |
|
36. |
Fil-każ tal-ġbir tad-data permezz ta’ kamera korporali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif osservat mill-Gvern Awstrijak, is-suġġett tad-data jsir is-sors tad-data miġbura sempliċiment permezz tal-presenza fiżika tiegħu fiż-żona rilevanti ssorveljata mill-kamera. |
|
37. |
Ma tistax titnissel konklużjoni differenti, bl-effett li l-Artikolu 13 japplika biss meta s-suġġett tad-data jipprovdi attivament id-data, mill-formulazzjoni tal-Artikoli 13 u 14 tal-GDPR jew tal-premessi tiegħu. B’mod iktar speċifiku, kuntrarjament għas-sottomissjonijiet ta’ SL u tal-Gvern Daniż, ma tistax titnissel tali konklużjoni mill-Artikolu 13(2)(e) tal-GDPR, kif rifless fil-premessa 60 tiegħu. Skont din id-dispożizzjoni, meta d-data tinġabar mis-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu jipprovdi informazzjoni dwar “[...] jekk is-suġġett tad-data huwiex obbligat jipprovdi d-data personali u l-konsegwenzi possibbli meta wieħed jonqos milli jipprovdi tali data”. Kif qalet l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Privatezza quddiem il-qorti tar-rinviju, informazzjoni dwar obbligu possibbli li tipprovdi d-data tingħata biss jekk ikun meħtieġ f’każ speċifiku ( 23 ). L-Artikolu 13(2)(e) tal-GDPR ma għandux jiġi interpretat li jeħtieġ, fiċ-ċirkustanzi kollha, azzjoni partikolari mis-suġġett tad-data sabiex l-Artikolu 13 japplika. |
|
38. |
B’mod simili, lanqas il-formulazzjoni tal-Artikolu 14(1)(d) tal-GDPR ma tissuġġerixxi li għandu jkun hemm rwol attiv mis-suġġett tad-data fil-provvista tad-data jew li huwa għandu jkun konxju tal-ġbir tad-data sabiex japplika l-Artikolu 13. L-Artikolu 14(1)(d) tal-GDPR jirrikjedi li, meta d-data personali ma tinġabarx mis-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu jinforma lis-suġġett tad-data dwar il-kategoriji tad-data personali kkonċernata. Peress li ma hemm l-ebda rekwiżit għall-provvista ta’ tali informazzjoni skont l-Artikolu 13 tal-GDPR, SL u l-Gvern Daniż jinferixxu li l-Artikolu 13 japplika meta s-suġġett tad-data jkun diġà konxju tal-ġbir tad-data. Madankollu, ir-rekwiżit ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 14(1)(d) tista’ tkun ġġustifikata mill-fatt li l-kontrollur qiegħed jipproċessa d-data miksuba minn sorsi differenti mis-suġġett tad-data u ma huwiex f’kuntatt mas-suġġett tad-data fil-ħin meta tinkiseb id-data. |
|
39. |
Għaldaqstant, il-formulazzjoni rispettiva tal-Artikoli 13 u 14 tal-GDPR tappoġġa l-konklużjoni li l-ġbir tad-data permezz ta’ kamera korporali, bħala forma ta’ ġbir dirett tad-data mingħand suġġett tad-data, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13. |
|
40. |
Fit-tieni lok, il-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jikkorrobora tali interpretazzjoni. L-obbligi tal-provvista ta’ informazzjoni skont l-Artikoli 13 u 14 tal-GDPR huma espressjonijiet speċifiċi tal-prinċipju tat-trasparenza, li jiggverna l-ipproċessar tad-data personali, kif previst fl-Artikolu 5(1)(a) tal-GDPR. Skont din id-dispożizzjoni, id-data personali għandha tkun ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data. Isegwi li l-ipproċessar tad-data personali għandu, inter alia, jissodisfa rekwiżiti speċifiċi tat-trasparenza fir-rigward tas-suġġetti tad-data kkonċernati minn tali pproċessar ( 24 ). |
|
41. |
Id-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 13 u 14 tal-GDPR ibbażati fuq is-sors tad-data tippermetti għall-ipproċessar ġust u trasparenti. Meta d-data tinġabar direttament mis-suġġett tad-data, dan tal-aħħar għandu jiġi pprovdut b’informazzjoni fil-ħin tal-ġbir. Meta d-data ma tinġabarx direttament mis-suġġett tad-data, hemm ftit marġni għall-kontrollur tad-data biex jipprovdi l-informazzjoni – f’perijodu raġonevoli – preċiżament minħabba li ma hemm l-ebda kuntatt dirett mas-suġġett tad-data. |
|
42. |
Fil-każ tal-ġbir tad-data permezz ta’ kamera korporali, il-provvista immedjata ta’ informazzjoni lis-suġġett tad-data dwar il-ġbir jippermetti lis-suġġett tad-data jsir jaf dwar il-ġbir sabiex ikun jista’ jeżerċita d-drittijiet tiegħu bħala suġġett tad-data mill-ħin tal-ġbir jew anki minn qabel ma’ jibda l-ġbir. Kif kien osservat mill-Gvern Awstrijak, meta jsir jaf kmieni kemm jista’ jkun dwar il-ġbir tad-data, is-suġġett tad-data jista’, pereżempju, jiddeċiedi li ma jidħolx fiż-żona taħt sorveljanza jew li jadatta l-imġiba tiegħu. |
|
43. |
Fir-rigward tal-mezzi prattiċi għall-provvista tal-informazzjoni, wieħed irid iżomm f’moħħu li, skont l-Artikolu 12(1) tal-GDPR, il-kontrollur għandu jieħu “miżuri adatti” biex jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa “f’forma konċiża, trasparenti, intelliġibbli u faċilment aċċessibbli, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi”. |
|
44. |
Il-partijiet u partijiet ikkonċernati li ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub jaċċettaw bħala premessa ġenerali li, fil-każ tas-sorveljanza bil-kameras, l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta permezz ta’ “approċċ f’saffi”. Il-Linji gwida tal-EDPB dwar is-sorveljanza bil-video jagħtu ħarsa ġenerali ddettaljata u prattika tal-approċċ f’saffi. L-ewwel saff ta’ informazzjoni jikkonċerna l-“mod primarju ta’ kif il-kontrollur l-ewwel jikkomunika mas-suġġett tad-data”. Fil-każ tas-sorveljanza bil-video, dan normalment ikun sinjal ta’ twissija sabiex is-suġġett tad-data jkun konxju li qiegħed jidħol f’żona ta’ sorveljanza. L-informazzjoni tal-ewwel saff imbagħad għandha tiġi kkomplementata mill-informazzjoni tat-tieni saff, preferibbilment b’referenza għal sors diġitali (pereżempju kodiċi QR jew indirizz ta’ sit web), għalkemm l-informazzjoni għandha tkun disponibbli faċilment b’mod mhux diġitali ( 25 ). |
|
45. |
SL u l-Gvern Daniż argumentaw li l-approċċ f’saffi huwa iktar konformi mal-iskema ġenerali tal-Artikolu 14 tal-GDPR milli l-Artikolu 13 tal-GDPR. Huma tal-opinjoni li d-diffikultà fil-provvista tal-informazzjoni fil-ħin tal-ġbir tad-data meta jintużaw kameras korporali għandha tqajjem l-eċċezzjoni taħt l-Artikolu 14(5)(b) tal-GDPR. Din l-eċċezzjoni tapplika meta l-provvista tal-informazzjoni “tkun impossibbli li sseħħ jew tkun teħtieġ sforz sproporzjonat”. F’tali każ, il-kontrollur għandu “jieħu l-miżuri xierqa biex jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet u l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data”. |
|
46. |
Ma iniex konvint minn dawn l-argumenti. L-ewwel, isegwi mill-Artikolu 12 tal-GDPR li “l-miżuri xierqa” li jrid jieħu l-kontrollur sabiex jipprovdi informazzjoni jirrelataw mal-informazzjoni msemmija kemm fl-Artikoli 13 u fl-Artikolu 14. Dan ifisser li l-kontrollur tad-data għandu jieħu miżuri xierqa sabiex jipprovdi informazzjoni f’sitwazzjonijiet kemm ta’ ġbir dirett kif ukoll indirett tad-data. |
|
47. |
It-tieni, kif innotat, essenzjalment, mill-Awtorità tal-Protezzjoni għall-Privatezza, l-adegwatezza tal-miżuri tiddependi fuq il-kuntest li fiha d-data tinġabar u tirrelata, inter alia, mal-interessi tas-suġġetti tad-data. Il-ġbir tad-data permezz ta’ kamera korporali huwa intrużiv daqs is-sorveljanza bil-video u jinvolvi riskji sinjifikattivi għall-privatezza tas-suġġetti tad-data ( 26 ). Meta l-kontrolluri tad-data jfittxu li jiddeterminaw l-iktar miżuri xierqa biex jipprovdu informazzjoni lis-suġġetti tad-data, għandha tittieħed kunsiderazzjoni dovuta tal-prinċipju ta’ trasparenza u l-grad ta’ intrużività tal-mezzi użati għall-ġbir tad-data. Jekk huwa ġeneralment aċċettat li l-approċċ f’saffi huwa xieraq għas-sorveljanza bil-video, li jinvolvi riskji sinjifikattivi għall-privatezza, għandu jkun l-istess għall-ġbir tad-data permezz tal-kameras korporali. |
|
48. |
It-tielet, hemm argumenti konvinċenti li juru li l-approċċ f’saffi ma huwiex “mhux prattiku” jew “impossibbli” fil-każ ta’ kamera korporali. L-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Privatezza, il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni ssottomettew li l-approċċ f’saffi għas-sorveljanza bil-video japplika b’mod simili fil-każ tal-kameras korporali, b’referenza għal-Linji gwida tal-EDPB dwar is-sorveljanza bil-video. In-natura mhux vinkolanti ta’ dawn il-linji gwida ma tbiddilx il-fatt li huma juru, f’termini konkreti li l-approċċ f’saffi huwa possibbli u prattikabbli ( 27 ). |
|
49. |
Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni li tipprovdi li l-Artikolu 13 japplika fil-każ ta’ data miġbura permezz ta’ kamera korporali hija konsistenti mal-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li l-Artikoli 13 u 14 tal-GDPR jiffurmaw parti minnha. L-għan segwit mill-GDPR, kif imniżżel fl-Artikolu 1 tiegħu u fil-premessi 1 u 10 tiegħu jikkonsisti, inter alia, fl-iżgurar ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi, b’mod partikolari id-dritt tagħhom għall-privatezza fir-rispett tal-ipproċessar tad-data personali, kif imnaqqax fl-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 16(1) TFUE ( 28 ). Skont dan l-għan, kwalunkwe ipproċessar ta’ data personali għandu, inter alia, ikun konformi mal-prinċipji li jirrelataw mal-ipproċessar ta’ tali data mniżżla fl-Artikolu 5 tal-GDPR, inkluż il-prinċipju tat-trasparenza. |
|
50. |
L-obbligu tal-kontrollur li jipprovdi informazzjoni kif previst fl-Artikoli 13 u 14 tal-GDPR huwa espressjoni tal-prinċipju tat-trasparenza. Kif ġie diġà osservat iktar ’il fuq ( 29 ), il-ħin tal-obbligu tal-provvista ta’ informazzjoni tvarja skont liema minn dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw. Il-ġbir dirett jirrikjedi l-provvista immedjata tal-informazzjoni. Meta l-ġbir ma jkunx dirett minħabba li d-data tinġabar minn sorsi oħrajn, l-informazzjoni tista’ tingħata fi stadju sussegwenti. Il-GDPR jippermetti ħinijiet differenti għall-provvista ta’ informazzjoni speċifikament minħabba li l-ġbir huwa indirett. |
|
51. |
Li kieku kellu jiġi aċċettat li l-Artikolu 14 tal-GDPR japplika fil-każ ta’ ġbir tad-data permezz ta’ kamera korporali, dan ifisser li s-suġġetti tad-data ma jingħatawx informazzjoni fil-ħin tal-ġbir tad-data, minkejja li huma s-sors tad-data. Kif ġie osservat, essenzjalment, mill-Gvern Awstrijak u mill-Kummissjoni, dan jista’ jdgħajjef l-effett utli tal-Artikolu 13 tal-GDPR. Fil-fatt, dan jippermetti lill-kontrolluri jastjenu milli jipprovdu informazzjoni lis-suġġetti tad-data immedjatament, minkejja l-fatt li d-data tkun inġabret direttament minn dawn is-suġġetti tad-data ( 30 ). Huwa joħloq ir-riskju li s-suġġetti tad-data ma jindunawx bil-ġbir tad-data u ta’ prattiki tas-sorveljanza moħbija ( 31 ). Tali evażjoni mill-Artikolu 13 tal-GDPR joħloq ksur serju tad-dritt għal informazzjoni tas-suġġett tad-data. |
|
52. |
Fl-aħħar, li kieku d-distinzjoni tal-kampijiet ta’ applikazzjoni ratione materiae rispettivi tal-Artikoli 13 u 14 tal-GDPR kellha tiddependi fuq jekk is-suġġett tad-data fil-fatt kienx konxju tal-ġbir tad-data tiegħu fil-ħin tal-ġbir, dan iċajpar il-konfini bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet u jagħmel l-applikazzjoni tagħhom dipendenti fuq ċirkustanzi każwali. |
|
53. |
Ghalhekk isegwi, minn interpretazzjoni letterali, kuntestwali u teleoloġika tal-Artikoli 13 u 14 tal-GDPR li, fil-każ tal-ġbir tad-data permezz ta’ kamera korporali, li huwa forma ta’ ġbir dirett tad-data minn suġġett tad-data, l-obbligu tal-kontrollur tad-data li jipprovdi informazzjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni ta’ qabel. |
|
54. |
Għall-finijiet ta’ kompletezza ser noffri ftit rimarki finali dwar ir-rilevanza tas-sentenza Ryneš għall-kawża preżenti ( 32 ). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-eċċezzjoni għall-applikazzjoni tad-Direttiva 95/46 fil-każ ta’ attività purament “personali jew domestika”, kif imniżżel fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva. Hija ddeċidiet, essenzjalment, li l-operazzjoni ta’ sistema tal-kameras, installata minn individwu fid-dar tal-familja tiegħu għall-finijiet tal-protezzjoni tal-proprjetà, saħħa u ħajja tas-sidien tad-dar, iżda li wkoll timmonitorja spazju pubbliku, ma setgħetx tkun ikkunsidrata bħala attività li hija purament “personali jew domestika” għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, tali pproċessar ma setax jiskappa mill-applikabbiltà tad-Direttiva 95/46. |
|
55. |
Fil-paragrafu 34 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li “[f]l-istess ħin, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva tippermetti, jekk ikun il-każ, li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari skont [l-Artikolu 7(f), l-Artikolu 11(2) u l-Artikolu 13(1)(d) u (g)] tal-imsemmija direttiva, l-interessi leġittimi tal-kontrollur [...]”. |
|
56. |
Ir-referenza għall-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 95/46 f’dan il-paragrafu speċifiku ma jammontax għal interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-bażi legali xierqa għall-kontrollur tad-data biex jipprovdi informazzjoni fil-każ tas-sorveljanza bil-video. Il-kwistjoni mqajma f’dik is-sentenza kienet kompletament differenti minn dik fil-kawża preżenti, peress li kienet tikkonċerna l-applikazzjoni tal-“eċċezzjoni għal attivitajiet domestiċi”, mhux l-obbligu tal-provvista ta’ informazzjoni. F’dan il-punt il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċiment turi li huwa possibbli li wieħed jikkunsidra l-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur fid-dawl tal-limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet imniżżla fid-Direttiva 95/46. Il-Kummissjoni wkoll ġustament tosserva li jidher mid-domanda preliminari fil-każ li wassal għas-sentenza Ryneš li, fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali, l-awtorità superviżorja nazzjonali kienet ikkunsidrat li kien hemm ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta l-Artikolu 11 tad-Direttiva 95/46. |
|
57. |
Fi kwalunkwe każ, il-ħin li fih trid tingħata l-provvista ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 14 tal-GDPR ma jikkorrispondix mal-ħin li kien imniżżel fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 95/46 ( 33 ). Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-UE kkjarifika d-distinzjoni tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-Artikoli 13 u 14 tal-GDPR b’riferiment għas-sors tad-data fil-premessa 61 tiegħu ( 34 ). |
|
58. |
Għal dawn ir-raġunijiet, nemmen li s-sentenza Ryneš ma hijiex rilevanti għal din il-kawża u ma hijiex kapaċi twassal għal konklużjoni differenti minn dik proposta f’dawn il-konklużjonijiet. |
|
59. |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, nikkunsidra li l-Artikoli 13 u 14 tal-GDPR għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn id-data personali tinġabar permezz ta’ kameras korporali li jintlibsu minn spetturi tal-biljetti li jaħdmu ma’ kumpannija tat-trasport pubbliku, l-Artikolu 13 japplika filwaqt li l-Artikolu 14 ma japplikax. |
V. Konklużjoni
|
60. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja) bil-mod li ġej: L-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn id-data personali tinġabar permezz ta’ kameras korporali li jintlibsu minn spetturi tal-biljetti li jaħdmu ma’ kumpannija tat-trasport pubbliku, l-Artikolu 13 japplika filwaqt li l-Artikolu 14 ma japplikax. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2‑5).
( 3 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Meta Platforms Ireland (Azzjoni rappreżentattiva) (C‑757/22, EU:C:2024:598, punt 58).
( 4 ) Vrabec, H. U., Data Subject Rights under the GDPR, Oxford University Press, Oxford, 2021, p. 64.
( 5 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Bara et (C‑201/14, EU:C:2015:461, punt 74).
( 6 ) Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU 1995, L 281, p. 31).
( 7 ) Ara l-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 8 ) Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6). Dwar id-distinzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni bejn il-GDPR u d-Direttiva 2016/680, ara s-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains (C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 67 et seq.).
( 9 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Másdi (C‑169/23, EU:C:2024:474), punti 23 sa 25). Dwar id-distinzjoni bejn il-ġbir tad-data dirett u indirett, ara d-Direttiva 95/46, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2013, IPI (C‑473/12, EU:C:2013:715, punt 24).
( 10 ) B’mod iktar speċifiku, skont l-Artikolu 13(2)(e) tal-GDPR, il-kontrollur għandu jinforma lis-suġġett tad-data dwar jekk il-provvista ta’ data personali hijiex rekwiżit statutorju jew kuntrattwali, u jekk is-suġġett tad-data huwiex obbligat jipprovdi d-data personali u l-konsegwenzi possibbli meta wieħed jonqos milli jipprovdi tali data Skont l-Artikolu 14(1)(d) tal-GDPR, il-kontrollur tad-data għandu jipprovdi informazzjoni dwar il-kategoriji ta’ data personali inkwistjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 14(2)(f) tal-GDPR, il-kontrollur tad-data għandu jinforma lis-suġġett tad-data minn liema sors toriġina d-data personali.
( 11 ) Skont il-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 (WP29), Linji gwida dwar it-trasparenza skont ir-Regolament 2016/679, 29 ta’ Novembru 2017, WP260 rev. 01, punt 28, approvat mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (iktar ’il quddiem l-“EDPB”) fil‑25 ta’ Mejju 2018 (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-WP 29 dwar it-trasparenza”), it-terminu massimu li fih l-informazzjoni skont l-Artikolu 14 għandha tiġi pprovduta huwa ta’ xahar, fi kwalunkwe każ.
( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2024, Másdi (C‑169/23, EU:C:2024:988, punt 39).
( 13 ) Sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2024, Másdi (C‑169/23, EU:C:2024:988, punt 48).
( 14 ) Ibid.
( 15 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2024, Másdi (C‑169/23, EU:C:2024:988, punt 48).
( 16 ) Ara l-punti 9, 11 u 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 17 ) Ara, Roßnagel, A., “Kapitel I Allgemeine Bestimmungen, Artikel 4 Nr. 2 Begriffsbestimmung ‘Verarbeitung’”, f’Simitis, S., Hornung, G. et al., Datenschutzrecht, Datenschutzgrundrechtverordnung, Bundesdatenschutzgesetz, Nomos, Baden-Baden, it-tieni edizzjoni, 2025, punt 15.
( 18 ) Dan huwa l-każ, pereżempju fil-verżjoni lingwistika Franċiża, Ġermaniża u Griega tal-GDPR.
( 19 ) Sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2024, Másdi (C‑169/23, EU:C:2024:988, punt 47) (enfasi miżjuda minni).
( 20 ) Linji gwida tal-WP 29 dwar it-trasparenza, punt 26.
( 21 ) Ibid.
( 22 ) Ara EDPB, “Linji gwida 3/2019 dwar l-ipproċessar ta’ data personali permezz ta’ apparat video”, 29 ta’ Jannar 2020, punt 113 (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-EDPB dwar is-sorveljanza bil-video”). Jekk is-suġġett tad-data fil-fatt fehemx l-informazzjoni hija kwistjoni separata u tiddependi fuq jekk l-informazzjoni ngħatatx “f’forma konċiża, trasparenti, intelliġibbli u faċilment aċċessibbli, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi”, skont l-Artikolu 12 tal-GDPR.
( 23 ) Il-Linji gwida tal-WP 29 dwar it-trasparenza jagħtu eżempju ta’ informazzjoni li jista’ jeħtieġ li tingħata lil persuna li timpjega kurrenti jew prospettiva f’kuntest ta’ impjieg.
( 24 ) Sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Meta Platforms Ireland (Azzjoni rappreżentattiva) (C‑757/22, EU:C:2024:598, punt 53).
( 25 ) Ara, f’iktar dettall, il-Linji gwida tal-EDPB dwar is-sorveljanza bil-video, punti 112 sa 119.
( 26 ) Ara, b’mod ġenerali, il-Linji gwida tal-EDPB dwar is-sorveljanza bil-video, punt 1 et seq.
( 27 ) Dwar l-implimentazzjoni prattika tar-rekwiżiti tal-provvista tal-informazzjoni fil-każ tal-użu tal-kameras korporali, ara Data Protection Commission (Ireland) (il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Data (l-Irlanda)), Guidance on the use of body worn cameras or action cameras, 10 ta’ Jannar 2020, p. 3, li tgħid li “l-miżuri xierqa biex titwassal din l-informazzjoni lis-suġġett tad-data jiddependu fuq il-kuntest u l-ambjent speċifiku li fihom tinġabar u tiġi pproċessata d-data, u fil-każ ta’ kameras korporali tista’ tinkludi avviżi viżibbli li jinkludu l-informazzjoni, ‘badges’ ħdejn it-tagħmir li jinkludu informazzjoni jew ħoloq, sinjali pubbliċi jew b’mod ieħor jiddikjaraw l-informazzjoni rilevanti lis-suġġetti tad-data jew iġibuha għall-attenzjoni tagħhom” [traduzzjoni libera]. Ara wkoll Datenschutzkonferenz (DSK) (il-Konferenza għall-Protezzjoni tad-Data, il-Ġermanja) Orientierungshilfe der Datenschutzaufsichtsbehörden zu dem Einsatz von Bodycams durch private Sicherheitsunternehmen, 22 ta’ Frar 2019, (iktar ’il quddiem “DSK Orientierungshilfe”) p. 4. Isegwi minn dawn il-linji gwida li hemm mezzi prattiċi sabiex l-ipproċessar rilevanti jinġieb għall-attenzjoni tas-suġġett tad-data. Pereżempju, meta l-kamera korporali ma tkunx attivata, għandu jiġi attivat sinjal ottiku (“dawl aħmar” (“rote Lampe”)) u l-persuni lebsin il-kameras korporali għandu jkollhom sinjali viżibbli, bħal ġkieket ta’ twissija b’simboli tal-kameras (“beschriftete Warnwesten mit Kamerasymbolen”).
( 28 ) Sentenza tat‑3 ta’ April 2025, Ministerstvo zdravotnictví (Data dwar ir-rappreżentant ta’ persuna ġuridika) (C‑710/23, EU:C:2025:231, punt 29).
( 29 ) Ara l-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 30 ) Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ kwalunkwe restrizzjonijiet fuq id-dritt tas-suġġett tad-data li jingħata informazzjoni skont il-kundizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 23 tal-GDPR.
( 31 ) Ara, f’dan is-sens, DSK Orientierungshilfe, nota ta’ qiegħ il-paġna 28, op. cit., p. 1.
( 32 ) Il-Kammarrätten i Stockholm (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Stokkolma) ibbażat ir-raġunament tagħha fuq din is-sentenza biex tikkonkludi li l-Artikolu 13 tal-GDPR ma japplikax għal din il-kawża preżenti. Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, SL u l-Gvern Daniż ukoll jargumentaw li din is-sentenza hija rilevanti fil-kawża attwali.
( 33 ) Skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 95/46, il-kontrollur huwa obbligat jipprovdi l-informazzjoni lis-suġġett tad-data “fil-mument li jibdew ir-reġistrazzjoni tad-data personali, jew jekk ikun maħsub li d-data tiġi żvelata lil parti terza, mhux iktar tard miż-żmien li d-data tkun żvelata l-ewwel darba”.
( 34 ) Kif innotat il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-formulazzjoni tal-premessa 61, “fejn id-data personali tinkiseb minn sors ieħor, f’perijodu ta’ żmien raġonevoli”, hija ġdida meta mqabbla mad-Direttiva 95/46. Ara l-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.