Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CJ0790

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-30 ta’ Ottubru 2025.
X vs Maahanmuuttovirasto.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE – Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Regolament Nru 604/2013 – Artikolu 18(1)(d) – Obbligi tal-Istat Membru responsabbli – Obbligu ta’ teħid lura ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li l-applikazzjoni tiegħu tkun ġiet miċħuda u li jkun ippreżenta applikazzjoni ġdida fi Stat Membru ieħor – Kunċett ta’ ‘applikazzjoni [għal protezzjoni internazzjonali]’ – Status partikolari tar-Renju tad-Danimarka – Kunċett ta’ ‘ċaħda’ – Deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni jew ta’ nuqqas ta’ tiġdid ta’ permess ta’ residenza temporanja – Esklużjoni.
Kawża C-790/23.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2025:838

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

30 ta’ Ottubru 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE – Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Regolament Nru 604/2013 – Artikolu 18(1)(d) – Obbligi tal-Istat Membru responsabbli – Obbligu ta’ teħid lura ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li l-applikazzjoni tiegħu tkun ġiet miċħuda u li jkun ippreżenta applikazzjoni ġdida fi Stat Membru ieħor – Kunċett ta’ ‘applikazzjoni [għal protezzjoni internazzjonali]’ – Status partikolari tar-Renju tad-Danimarka – Kunċett ta’ ‘ċaħda’ – Deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni jew ta’ nuqqas ta’ tiġdid ta’ permess ta’ residenza temporanja – Esklużjoni”

Fil-Kawża C‑790/23 [Qassioun] ( i ),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Diċembru 2023, fil-proċedura

X

vs

Maahanmuuttovirasto,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, J. Passer (Relatur), E. Regan, D. Gratsias u B. Smulders, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: G. Chiapponi, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Jannar 2025,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal X, minn V. Matilainen, asianajaja,

għall-Maahanmuuttovirasto, minn I. Haahtela u M. Montin, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

għall-Gvern Daniż, minn D. Elkan, M. Jespersen u C. A. Maertens, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller R. Kanitz u N. Scheffel, bħala aġenti,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u J. M. Hoogveld, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azéma, A. Katsimerou, T. Simonen u I. Söderlund, bħala aġenti,

għall-Gvern Svizzeru, minn L. Lanzrein u V. Michel, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ April 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (riformulazzjoni) (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017 L 49, p. 50).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn X, ċittadina Sirjana, u l-Maahanmuuttovirasto (l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni, il-Finlandja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju tal-Immigrazzjoni Finlandiż”) dwar deċiżjoni ta’ din l-awtorità nazzjonali li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mressqa minn X, li tipprevedi t-trasferiment tagħha lejn id-Danimarka u li timponilha projbizzjoni ta’ dħul fil-Finlandja.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka

3

L-Artikolu 1 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE (iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka”) jipprovdi:

“Id-Danimarka ma tieħux parti fl-adozzjoni mill-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] tal-miżuri proposti skont it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat [FUE]. [...]

[...]”

4

L-Artikolu 2 ta’ dan il-protokoll jipprovdi:

“Ebda dispożizzjoni tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat [FUE], l-ebda miżura adottata skond dak it-Titolu, l-ebda dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni [Ewropea] skond dak it-Titolu, u l-ebda deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea dwar l-interpretazzjoni ta’ kwalunkwe tali dispożizzjoni jew miżura jew kull miżura emendata jew emendabbli skond dak it-Titolu m’għandhom jorbtu lid-Danimarka jew ikunu applikabbli għaliha; u l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, miżuri jew deċiżjonijiet m’għandha b’xi mod taffettwa l-kompetenzi, id-drittijiet u l-obbligi tad-Danimarka; u l-ebda waħda minn dawk id-dispożizzjonijiet, miżuri jew deċiżjonijiet m’għandha b’xi mod taffettwa l-acquis tal-Komunità jew ta’ l-Unjoni u lanqas ma tifforma parti mil-liġijiet ta’ l-Unjoni kif dawn japplikaw għad-Danimarka. [...]”

Il-Ftehim bejn l-Unjoni u d-Danimarka

5

L-Artikolu 1 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-istat responsabbli għall-eżami ta' talba għall-ażil iddepożitata fid-Danimarka jew f'xi Stat Membru ieħor ta' l-Unjoni Ewropea u eurodac għat-tqabbil tal-marki tas-swaba' għall-applikazzjoni effettiva tal-konvenzjoni ta’ Dublin (ĠU 2008, L 335M, p. 72, rettifika fil-ĠU 2009, L 64M, p. 29, iktar ’il quddiem il-“Ftehim bejn l-Unjoni u d-Danimarka”) li ġie approvat f’isem l-Unjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/188/KE tal-21 ta’ Frar 2006 (ĠU 2008, L 335M, p. 72), jipprovdi:

“1.   L-iskop ta’ dan il-Ftehim hu li japplika d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta’ Frar 2003 dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina talba għall-ażil iddepożitata [f'xi Stat Membru ieħor minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109 )], ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2725/2000 tal-11 ta’ Diċembru 2000 dwar l-istabbiliment ta’ “Eurodac” għat-tqabbil tal-marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta' Dublin [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 26, iktar ’il quddiem ir-‘Regolament Eurodac’)] u l-miżuri ta' implimentazzjoni tagħhom għar-relazzjoni bejn il-Komunità u d-Danimarka, skond l-Artikolu 2(1) u 2(2).

2.   Huwa l-objettiv tal-Partijiet Kontraenti li jaslu għal applikazzjoni u interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti u l-miżuri ta' implimentazzjoni tagħhom fl-Istati Membri kollha.

[...]”

6

Skont l-Artikolu 2(1) ta’ dan il-ftehim:

“Id-dispożizzjonijiet tar-[Regolament Nru 343/2003] li hu anness ma’ dan il-Ftehim u jifforma parti minnu, flimkien mal-miżuri ta' implimentazzjoni tiegħu [...] għandhom japplikaw skond id-dritt internazzjonali għar-relazzjonijiet bejn il-Komunità u d-Danimarka.”

7

L-Artikolu 3 tal-imsemmi ftehim, intitolat “Emendi għar-[Regolament Nru 343/2003] u għar-“Regolament Eurodac”, jipprovdi:

“1.   Id-Danimarka m’għandhiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ emendi għar-[Regolament Nru 343/2003] u għar-‘Regolament Eurodac’ u l-ebda tali emenda m'għandha torbot lid-Danimarka jew tkun applikabbli fiha.

2.   Kull meta jiġu adottati emendi għar-Regolamenti d-Danimarka għandha tgħarraf lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk hix ser timplimenta jew le l-kontenut ta’ dawn l-emendi. In-notifika għandha tingħata fil-mument ta’ l-adozzjoni ta’ l-emendi jew fi żmien 30 jum minn hemm ’il quddiem.

[...]”

8

Skont din l-aħħar dispożizzjoni, id-Danimarka nnotifikat lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħha li tapplika r-Regolament Nru 604/2013.

Ir-Regolament Nru 604/2013

9

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 604/2013 jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[...]

(b)

‘applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali’ tfisser applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kif definit fl-Artikolu 2(h) tad-[Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011 L 337, p. 9)];

[...]

(l)

‘dokument ta’ residenza’ tfisser kull awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jawtorizza ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida biex joqgħod fit-territorju tiegħu, inklużi d-dokumenti li jissostanzjaw l-awtorizzazzjoni biex jibqgħu fit-territorju taħt arranġamenti ta’ protezzjoni temporanja jew sakemm iċ-ċirkostanzi li jimpedixxu ordni ta’ tneħħija milli tkun eżegwita ma japplikawx aktar, ħlief viżas u awtorizzazzjonijiet maħruġa matul il-perijodu rekwiżit biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli kif stabbilit f’dan ir-Regolament jew matul l-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jew applikazzjoni għal permess ta’ residenza;

[...]”

10

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-aċċess għall-proċedura tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.

2.   Fejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha.

[...]”

11

Il-Kapitolu III tar-regolament imsemmi, intitolat “Il-kriterji biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli”, jinkludi fih l-Artikoli 7 sa 15 tiegħu. L-Artikolu 12 tal-istess regolament, intitolat “Ħruġ ta’ dokumenti ta’ residenza jew viża”, jipprovdi:

“1.   Fejn applikant ikun fil-pussess ta’ dokument ta’ residenza validu, l-Istat Membru li jkun ħareġ id-dokument għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.

2.   Fejn l-applikant ikun fil-pussess ta’ viża valida, l-Istat Membru li jkun ħareġ il-viża għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali[...]

[...]

4.   Fejn l-applikant ikun fil-pussess biss ta’ dokument ta’ residenza wieħed jew aktar li jkunu skadew inqas minn sentejn qabel jew viża waħda jew aktar li jkunu skadew inqas minn sitt xhur qabel u li ppermettwelu jew ippermettwelha biex attwalment jidħol/tidħol fit-territorju ta’ Stat Membru, il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw għal tali żmien li l-applikant ma jkunx ħareġ mit-territorji tal-Istati Membri.

Fejn l-applikant ikun fil-pussess ta’ dokument ta’ residenza wieħed jew aktar li jkunu skadew aktar minn sentejn qabel jew viża waħda jew aktar li jkunu skadew aktar minn sitt xhur qabel u li ppermettwelu jew ippermettwelha biex attwalment jidħol/tidħol fit-territorju ta’ Stat Membru u fejn huwa/hija ma ħarġitx mit-territorji tal-Istati Membri, l-Istat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali hija ddepożitata għandu jkun responsabbli.

[...]”

12

Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 604/2013, intitolat “Obbligi tal-Istat Membru responsabbli”:

“1.   L-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-Regolament għandu jkun obbligat:

[...]

(d)

jieħu lura, [...], ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li l-applikazzjoni tiegħu kienet rifjutata u li għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza.

[...]”

13

L-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 604/2013 jipprevedi li r-Regolament Nru 343/2003 huwa mħassar u li r-riferimenti għal dan ir-regolament għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għar-Regolament Nru 604/2013.

Id-Direttiva 2011/95

14

L-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2011/95 jiddefinixxi l-espressjoni “applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali”, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, bħala “talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista' tinftiehem li tfittex status ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja, u li ma titlobx espliċitament tip ieħor ta’ protezzjoni, barra mill-iskop [tal-imsemmija]Direttiva, li tista' ssir applikazzjoni separata għaliha”.

15

L-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva, intitolat “Revoka ta’, tmiem ta’ jew rifjut għat-tiġdid ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja”, jipprovdi:

“1.   Rigward applikazzjonijiet għal protezzjonijiet internazzjonali [...], l-Istati Membri għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat mogħti minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju jekk hija tkun waqfet milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja [...].

[...]

4.   Mingħajr preġudizzju għad-dmir taċ-ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat [...] li tiżvela l-fatti rilevanti kollha u li tipprovdi d-dokumentazzjoni rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tagħha, l-Istat Membru, li jkun ta l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja għandu, fuq bażi individwali juri li l-persuna interessata tkun waqfet milli tkun jew qatt ma kienet eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja [...]”

Id-Direttiva 2013/32/UE

16

Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), tistabbilixxi, fl-Artikolu 11 tagħha, intitolat “Rekwiżiti għal deċiżjoni mill-awtorità determinanti”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jingħataw bil-miktub.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li, fejn applikazzjoni tiġi miċħuda fir-rigward tal-istatus ta’ rifuġjat u/jew l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt jiġu ddikjarati fid-deċiżjoni u tiġi mogħtija bil-miktub informazzjoni dwar kif tiġi kontestata deċiżjoni negattiva.

L-Istati Membri mhumiex meħtieġa jipprovdu bil-miktub informazzjoni dwar kif tiġi kontestata deċiżjoni negattiva flimkien ma’ deċiżjoni fejn l-applikant ikun ingħata tali informazzjoni fi stadju aktar kmieni bil-miktub jew b’mezz elettroniku aċċessibbli għall-applikant.

[...]”

Id-dritt Finlandiż

17

Skont l-Artikolu 103(2) tal-Ulkomaalaislaki (301/2004) (il-Liġi dwar il-Barranin (301/2004)) tat-30 ta’ April 2004, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata fil-Finlandja tista’ tiġi miċħuda bħala inammissibbli jekk il-persuna li tippreżenta din l-applikazzjoni tkun tista’ tintbagħat fi Stat Membru ieħor li, skont ir-Regolament Nru 604/2013, huwa responsabbli għall-eżami ta’ din l-applikazzjoni.

Id-dritt Daniż

18

L-Artikolu 7 tal-Udlændingeloven (il-Liġi dwar il-Barranin), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Barranin”), jipprovdi:

“[...]

2.   Permess ta’ residenza temporanju jingħata lil barrani fuq talba jekk, meta jirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, huwa jew hi qed jirriskja li jiġi soġġett għall-piena tal-mewt jew tortura jew trattament jew pieni inumani jew degradanti. [...]

3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2, fejn ir-riskju li jiġi suġġett għall-piena tal-mewt jew għal tortura jew għal trattament jew pieni inumani jew degradanti jkun fil-kuntest ta’ sitwazzjoni partikolarment serja fil-pajjiż ta’ oriġini, ikkaratterizzata minn vjolenza arbitrarja u attakki kontra persuni ċivili, permess ta’ residenza temporanju għandu jingħata fuq talba. [...]

[...]”

19

L-Artikolu 11(2) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“[...] L-estensjoni temporanja tal-permessi ta’ residenza msemmija fl-Artikolu 7 [...] għandha tiġi deċiża ex officio mill-amministrazzjoni tal-barranin jekk ir-raġunijiet li għalihom ingħataw inizjalment jibqgħu jeżistu. [...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija ċittadina Sirjana.

21

Fl-1 ta’ Lulju 2016, hija ppreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fir-Renju tad-Danimarka.

22

Fid-29 ta’ Awwissu 2016, l-awtorità Daniża kompetenti f’dan il-qasam ħarġitilha permess ta’ residenza temporanja, skont l-Artikolu 7(3) tal-Liġi dwar il-Barranin. Dan il-permess ta’ residenza, li daħal fis-seħħ dakinhar li nħareġ, kien inizjalment validu għal perijodu ta’ sena. Sussegwentement ġie estiż diversi drabi għall-istess perijodu fuq inizjattiva tal-istess awtorità. Madankollu, fis-17 ta’ Novembru 2020, din l-awtorità ddeċidiet, dejjem fuq inizjattiva tagħha stess, li ma ġġeddidx l-imsemmi permess, b’applikazzjoni tal-Artikolu 11(2) tal-Liġi dwar il-Barranin.

23

Fis-27 ta’ Lulju 2021, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Finlandja.

24

Fid-29 ta’ Lulju 2021, l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni Finlandiż, li huwa l-awtorità Finlandiża kompetenti fil-qasam, ippreżenta quddiem l-awtorità Daniża kompetenti talba għall-finijiet tat-teħid lura tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali mir-Renju tad-Danimarka, skont l-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Nru 604/2013.

25

Fil-5 ta’ Awwissu 2021, ir-Renju tad-Danimarka aċċetta din it-talba.

26

Fit-12 ta’ Novembru 2021, l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni Finlandiż, peress li qies li r-Renju tad-Danimarka kien l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li kienet ġiet ippreżentata lilu mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, adotta deċiżjoni li tiċħad din l-applikazzjoni bħala inammissibbli, u ppreveda t-trasferiment tal-persuna kkonċernata lejn id-Danimarka u imponilha projbizzjoni ta’ dħul fil-Finlandja għal perijodu ta’ sentejn.

27

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet appell kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Helsinki, il-Finlandja), li ċaħditu.

28

Sussegwentement, din talbet permess sabiex tappella quddiem il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), li hija l-qorti tar-rinviju.

29

Sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar din it-talba, din il-qorti tqis, essenzjalment, li huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Nru 604/2013 huwiex applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik li tinsab fiha r-rikorrenti fil-kawża prinċipali u, għal dan l-għan, jekk l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minnha lir-Renju tad-Danimarka tistax titqies bħala “applikazzjoni [li] ġiet miċħuda”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

30

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva, fl-ewwel lok, li r-rikors inkwistjoni kien inizjalment is-suġġett ta’ sensiela ta’ deċiżjonijiet parzjalment favorevoli, peress li l-awtorità Daniża kompetenti ħarġet lir-rikorrenti permess ta’ residenza temporanja, li din sussegwentement estendiet f’diversi okkażjonijiet. Din il-qorti żżid li kien biss sussegwentement, u fuq inizjattiva ta’ din l-awtorità, li ttieħdet deċiżjoni sabiex dan il-permess ta’ residenza temporanja ma jiġġeddidx. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk huwiex possibbli li jitqies li l-imsemmija talba ġiet “miċħuda”, fis-sens tal-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Nru 604/2013.

31

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tfakkar li r-Renju tad-Danimarka jgawdi, kif jippermettilu l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, minn status partikolari fir-rigward tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil. Fil-fatt, skont il-Ftehim bejn l-Unjoni u d-Danimarka, dan l-Istat Membru impenja ruħu li japplika r-Regolament Nru 604/2013. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi Stat Membru ma impenjax ruħu li japplika l-atti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li jirreferi għalih dan ir-regolament. B’mod partikolari, huwa ma japplikax id-Direttiva 2011/95, li jirreferi għaliha b’mod partikolari l-Artikolu 2(b) tal-imsemmi regolament. Konsegwentement, l-uniċi forom ta’ protezzjoni internazzjonali li jistgħu jintalbu b’mod utli mingħand l-awtorità Daniża kompetenti u jingħataw minnha huma dawk li huma previsti mid-dritt intern, bl-esklużjoni ta’ dawk li għalihom tirreferi din id-direttiva, filwaqt li jiġi osservat, essenzjalment, li, f’dan il-każ, ma hijiex il-protezzjoni applikabbli għar-refuġjati iżda l-protezzjoni sussidjarja prevista mil-Liġi dwar il-Barranin li ngħatat lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Fid-dawl ta’ dan l-istatus partikolari, għandu jiġi ddeterminat jekk applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz lil din l-awtorità tistax titqies bħala “applikazzjoni [għal protezzjoni internazzjonali]”, fis-sens tal-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Nru 604/2013.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament [Nru 604/2013] għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċaħda tal-applikazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tapplika għal sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid ta’ dokument ta’ residenza provviżorju, ibbażat fuq bżonn ta’ protezzjoni, preċedentement mogħti lill-persuna kkonċernata fid-Danimarka, meta d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid tkun ittieħdet mhux wara applikazzjoni minn din il-persuna, iżda ex officio mill-awtorità?”

Fuq it-talba ta’ ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

33

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Lulju 2025, il-Gvern Daniż talab il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn tat-talba tiegħu, huwa sostna, essenzjalment, li r-raġunament li fuqu huma bbażati l-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali ma ħax debitament inkunsiderazzjoni l-kuntest ġuridiku kollu tal-parteċipazzjoni tar-Renju tad-Danimarka fir-Regolament Nru 604/2013.

34

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-partijiet fil-kawża prinċipali u għall-persuni kkonċernati, li jippreżentaw osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali. Min-naħa l-oħra, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet immotivati dwar il-kawżi li, konformement mal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’ dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li permezz tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għalihom. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti fil-kawża prinċipali jew ta’ persuna kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, irrispettivament mill-kwistjonijiet li huwa jeżamina fihom, ma jikkostitwixxix, fih innifsu, raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2024, Bezirkshauptmannschaft Landeck (Tentattiv ta’ aċċess għad-data personali maħżuna fuq telefon ċellulari), C‑548/21, EU:C:2024:830, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Ċertament, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk tqis li ma jkollhiex biżżejjed informazzjoni, jew meta parti fil-kawża prinċipali jew persuna kkonċernata tkun ippreżentat, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jkollu influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni li din tintalab tagħti.

36

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis madankollu, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi u li t-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura mressqa mill-Gvern Daniż ma turi ebda fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni li hija mitluba tagħti.

37

Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq id-domanda preliminari

38

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Nru 604/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li n-nuqqas ta’ estensjoni jew in-nuqqas ta’ tiġdid ta’ permess ta’ residenza maħruġ preċedentement lil ċittadin ta’ pajjiż terz jistax jiġi pparagunat ma’ ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn dan iċ-ċittadin, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

39

Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Nru 604/2013 f’kuntest ġuridiku speċifiku.

40

Fil-fatt, is-suġġett tal-kawża prinċipali huwa li jiġi ddeterminat jekk ir-Renju tad-Danimarka huwiex obbligat jieħu lura ċittadina ta’ pajjiż terz li, wara li tkun ippreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’dan l-Istat Membru u kisbet il-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja prevista mid-dritt intern tiegħu, tkun ippreżentat applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali fil-Finlandja.

41

Issa, kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Renju tad-Danimarka jgawdi, bis-saħħa tal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, minn status partikolari, li jiddistingwih mill-Istati Membri l-oħra, fir-rigward tat-Tielet Parti tat-Titolu V tat-Trattat FUE, li taħtu jaqgħu, b’mod partikolari, il-politiki dwar il-kontrolli fil-fruntieri, l-ażil u l-immigrazzjoni (sentenza tat-22 ta’ Settembru 2022, Bundesrepublik Deutschland (Applikazzjoni għall-ażil miċħuda mid-Danimarka), C‑497/21, EU:C:2022:721, punt 35).

42

Fil-kuntest ta’ dan l-istatus partikolari, l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(1) tal-Ftehim bejn l-Unjoni u d-Danimarka jipprevedu li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 343/2003 għandhom jiġu implimentati wkoll mir-Renju tad-Danimarka. Wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 604/2013, li ħassar ir-Regolament Nru 343/2003, ir-Renju tad-Danimarka, skont l-Artikolu 3(2) ta’ dan il-ftehim, innotifika d-deċiżjoni tiegħu li japplika wkoll ir-Regolament Nru 604/2013.

43

L-Artikolu 18(1)(d) ta’ dan l-aħħar regolament jipprovdi li Stat Membru huwa marbut li jieħu lura liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li l-applikazzjoni tiegħu kienet irrifjutata u li ppreżenta applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza. Konsegwentement, f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fir-Renju tad-Danimarka, Stat Membru ieħor li quddiemu dan iċ-ċittadin ikun ippreżenta applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali jista’ jitlob lir-Renju tad-Danimarka jieħu lura l-imsemmi ċittadin, jekk il-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti.

44

Min-naħa l-oħra, skont il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, id-Direttiva 2011/95 ma tapplikax għar-Renju tad-Danimarka (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2022, Bundesrepublik Deutschland (Applikazzjoni għall-ażil miċħuda mid-Danimarka) (C‑497/21, EU:C:2022:721, punt 43).

45

Għalhekk, b’mod partikolari, ma tapplikax għal dan l-Istat Membru d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” li tinsab fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 604/2013, sa fejn din id-definizzjoni tirreferi hija stess għall-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2011/95, li jipprovdi li dan il-kunċett ikopri applikazzjoni għal protezzjoni li ġiet ippreżentata lil Stat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida u li tista’ tinftiehem bħala intiża għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

46

Konsegwentement, huwa fid-dawl ta’ dan il-kuntest ġuridiku speċifiku, li jirriżulta mill-istatus partikolari li jgawdi minnu r-Renju tad-Danimarka, li hemm lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, dwar ir-rekwiżit, previst fl-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Nru 604/2013, li jgħid li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandha tkun ġiet miċħuda.

47

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fir-rigward tar-Renju tad-Danimarka, l-applikazzjoni li għandha tkun ġiet għalhekk miċħuda tista’ tkun biss applikazzjoni ppreżentata lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru sabiex jinkiseb il-benefiċċju ta’ waħda mill-forom ta’ protezzjoni internazzjonali previsti mid-dritt intern tiegħu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu.

48

Fil-fatt, peress li d-Direttiva 2011/95 ma tapplikax għall-imsemmi Stat Membru, kif jirriżulta mill-punt 44 ta’ din is-sentenza, l-applikazzjonijiet li jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet kompetenti tiegħu ma jistgħux ikunu intiżi b’mod utli għall-kisba ta’ waħda mill-forom ta’ protezzjoni internazzjonali previsti minn din id-direttiva (sentenzi tat-22 ta’ Settembru 2022, Bundesrepublik Deutschland (Applikazzjoni għall-ażil miċħuda mid-Danimarka), C‑497/21, EU:C:2022:721, punt 43, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2024, Khan Yunis u Baabda, C‑123/23 u C‑202/23, EU:C:2024:1042, punt 60).

49

Fuq dan il-punt, l-implimentazzjoni tal-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Nru 604/2013 fil-każ li jiġi ddeterminat jekk obbligu ta’ teħid lura jaqax jew le fuq ir-Renju tad-Danimarka hija għalhekk differenti mill-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fir-rigward ta’ kull Stat Membru ieħor, li teħtieġ l-eżistenza ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2011/95.

50

Madankollu, peress li l-Unjoni u r-Renju tad-Danimarka kkonkludew ftehim internazzjonali intiż li jippermetti lil dan l-Istat Membru jipparteċipa fl-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 604/2013, it-talbiet li jiġu ppreżentati lill-imsemmi Stat Membru sabiex jinkiseb il-benefiċċju ta’ waħda mill-forom ta’ protezzjoni internazzjonali previsti mid-dritt intern ta’ dan tal-aħħar għandhom jiġu pparagunati, għall-finijiet tal-Artikolu 18(1)(d) ta’ dan ir-regolament, mat-talbiet li jistgħu jiġu ppreżentati f’kull Stat Membru ieħor sabiex jinkiseb il-benefiċċju ta’ waħda mill-forom ta’ protezzjoni internazzjonali previsti mid-Direttiva 2011/95. Fil-fatt, tali assimilazzjoni hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat l-effett utli ta’ dan il-ftehim internazzjonali, li jirrifletti r-rieda komuni tal-Unjoni u tar-Renju tad-Danimarka li jippermettu lil dan l-Istat Membru jipparteċipa fl-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 604/2013.

51

Fit-tieni lok, it-talba li jirreferi għaliha l-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Nru 604/2013 għandha tkun ġiet miċħuda mill-awtorità kompetenti.

52

Peress li t-terminu “miċħud” li jinsab f’din id-dispożizzjoni ma jinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt intern tal-Istati Membri, għandu jitqies li l-kunċett ta’ “ċaħda”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jkun is-suġġett, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ interpretazzjoni uniformi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Natura tad-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE), C‑624/20, EU:C:2022:639, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata), li għandha ssir billi jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss dan it-terminu nnifsu iżda wkoll il-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Nru 604/2013 kif ukoll l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha din id-dispożizzjoni.

53

Fir-rigward, qabel kollox, tat-terminu “ċaħda”, għandu jiġi rrilevat li, skont is-sens normali tiegħu, dan it-terminu jirreferi għall-azzjoni li tikkonsisti fir-rifjut li tingħata azzjoni pożittiva għal talba. L-imsemmi terminu għalhekk ma jistax jirreferi għall-azzjoni li tikkonsisti fl-aċċettazzjoni li jingħata segwitu pożittiv għal tali talba, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk din l-aċċettazzjoni u din is-segwitu pożittiv humiex ta’ natura temporanja jew definittiva.

54

Għaldaqstant, fuq livell strettament letterali, il-kunċett ta’ “ċaħda” li jinsab fl-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Nru 604/2013 ma jistax jiġi interpretat b’tali mod li jinkludi n-nuqqas ta’ estensjoni jew in-nuqqas ta’ tiġdid ta’ permess ta’ residenza maħruġ preċedentement lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Għall-kuntrarju, l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ estensjoni jew ta’ dan in-nuqqas ta’ tiġdid timplika neċessarjament li din it-talba ngħatat segwitu pożittiv fi stadju preċedenti, anki jekk dan is-segwitu pożittiv kien ta’ natura temporanja.

55

Minn din il-perspettiva, il-qorti tar-rinviju tqis, essenzjalment, li, għall-finijiet tat-tilwima fil-kawża prinċipali, deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità Daniża kompetenti toħroġ permess ta’ residenza temporanja lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fir-Renju tad-Danimarka, skont l-Artikolu 7(2) u (3) tal-Liġi dwar il-Barranin, għandha tiġi pparagunata, fid-dawl tal-kontenut ta’ din il-liġi, ma’ deċiżjoni li tagħti protezzjoni sussidjarja, b’mod temporanju, lil dan iċ-ċittadin. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Daniż jispjega, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li teżisti korrispondenza bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ deċiżjonijiet. B’mod partikolari, huwa jenfasizza li l-permess ta’ residenza temporanja li nħareġ lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jimmaterjalizza l-għoti tal-protezzjoni sussidjarja li tikkorrispondi, fid-dritt intern, għall-protezzjoni sussidjarja prevista mid-Direttiva 2011/95.

56

Sussegwentement, minn perspettiva kuntestwali, għandu jiġi kkonstatat li kemm l-analiżi tar-Regolament Nru 604/2013 stess kif ukoll dik ta’ atti oħra tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, b’koerenza li magħhom dan ir-regolament għandu jiġi interpretat sa fejn id-dispożizzjonijiet rispettivi tagħhom jistgħu jiġu applikati flimkien, jikkorroboraw l-interpretazzjoni letterali li tinsab fil-punt 54 ta’ din is-sentenza.

57

F’dak li jirrigwarda, minn naħa, ir-Regolament Nru 604/2013, għandu jiġi osservat, b’mod partikolari, li l-Artikolu 2(l) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “permess ta’ residenza”, għall-finijiet tal-imsemmi regolament, bħala kull awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru li tawtorizza r-residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jew ta’ persuna mingħajr Stat fit-territorju tiegħu, bl-eċċezzjoni tal-viżi u tal-awtorizzazzjonijiet ta’ residenza maħruġa matul il-perijodu neċessarju sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli skont l-istess regolament jew matul l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ residenza.

58

Għalhekk, din id-definizzjoni tikkonferma li l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz jimmaterjalizza awtorizzazzjoni mogħtija lil dan iċ-ċittadin sabiex jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, minħabba l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali lilu. Minn din il-perspettiva, huwa irrilevanti li dan l-għoti u dan il-ħruġ ikunu s-suġġett, skont id-dritt intern applikabbli, ta’ atti ġuridiċi distinti u suċċessivi, ta’ atti ġuridiċi distinti iżda simultanji jew inkella tal-istess att ġuridiku wieħed, bħalma huwa l-każ hawnhekk, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet tal-Gvern Daniż imfakkra fil-punt 55 ta’ din is-sentenza. Bħala tali, l-imsemmi ħruġ jimplika li ngħata segwitu pożittiv għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tal-imsemmi ċittadin, raġuni li għaliha dan ma jistax jiġi pparagunat, anki meta jkun ta’ natura temporanja, ma’ forma ta’ “ċaħda” ta’ din l-applikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 18(1)(d) tal-imsemmi regolament.

59

Barra minn hekk, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-interpretazzjoni li tinsab fil-punti 54 u 58 ta’ din is-sentenza hija sostnuta mill-fatt li s-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandu permess ta’ residenza skadut, minn naħa, u li ma telaqx mit-territorju tal-Istati Membri, min-naħa l-oħra, hija espliċitament imsemmija fl-Artikolu 12(4) tar-Regolament Nru 604/2013, u għalhekk minn dispożizzjoni differenti mill-Artikolu 18(1)(d) ta’ dan ir-regolament. Dan l-Artikolu 12(4) jirregola preċiżament il-modalitajiet ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli f’sitwazzjoni bħal din. F’dan ir-rigward, minn din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li tali determinazzjoni tiddependi miż-żmien li jkun għadda mid-data li fiha l-permess ta’ residenza maħruġ liċ-ċittadin ikkonċernat ikun skada, element li għandu jiġi vverifikat biss mill-qorti tar-rinviju.

60

Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 1(2) tal-Ftehim bejn l-Unjoni u d-Danimarka, l-osservanza tar-rekwiżit ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni uniformi tar-Regolament Nru 604/2013 għandha tiġi żgurata wkoll fis-sitwazzjonijiet li jinvolvu lir-Renju tad-Danimarka.

61

L-imsemmi rekwiżit jimplika li r-Regolament Nru 604/2013 għandu jiġi interpretat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95 u dawk tad-Direttiva 2013/32, sa fejn dan it-teħid inkunsiderazzjoni sempliċement jiċċara l-portata tal-kunċett ta’ “ċaħda” li jinsab fl-Artikolu 18(1)(d) ta’ dan ir-regolament.

62

Issa, dawn iż-żewġ direttivi jiddistingwu b’mod ċar is-sitwazzjoni li fiha applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi “miċħuda” mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru mis-sitwazzjonijiet li fihom din l-awtorità ttemm il-protezzjoni internazzjonali li ngħatat lil ċittadin ta’ pajjiż terz, tirtiraha, tirrevokaha jew ma ġġeddidhiex. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-protezzjoni sussidjarja prevista mid-Direttiva 2011/95, l-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva jippreċiża b’mod partikolari, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu, il-kundizzjonijiet li fihom l-istatus mogħti minn din il-protezzjoni jista’ jitneħħa fil-każ fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ingħata dan l-istatus ma jibqax jista’ jibbenefika minnu. Dispożizzjoni analoga hija prevista minn dispożizzjonijiet oħra tal-imsemmija direttiva f’dak li jirrigwarda l-istatus ta’ refuġjat.

63

Id-deċiżjonijiet meħuda f’dan il-qasam, li jippreżupponu kollha li preċedentement ingħata segwitu pożittiv għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn dan iċ-ċittadin, jiddistingwu ruħhom barra minn hekk, fuq livell kemm sostantiv kif ukoll proċedurali, mid-deċiżjonijiet li permezz tagħhom tali applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi miċħuda, imsejħa wkoll “deċiżjonijiet negattivi”, li huma, min-naħa tagħhom, imsemmija fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2013/32.

64

Għalhekk, l-eżami tal-kuntest tal-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Nru 604/2013 jikkonferma li l-kunċett ta’ “ċaħda” li għalih tirreferi din id-dispożizzjoni ma jistax jiġi interpretat b’tali mod li jinkludi n-nuqqas ta’ estensjoni jew in-nuqqas ta’ tiġdid ta’ permess ta’ residenza maħruġ preċedentement lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

65

Fl-aħħar nett, l-analiżi testwali u kuntestwali tal-kunċett ta’ “ċaħda” li jinsab fl-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Nru 604/2013, kif esposta fil-punti 53 sa 64 ta’ din is-sentenza, tissodisfa l-għan ta’ dan ir-regolament li jikkonsisti, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1) u (2) tiegħu, fis-sottomissjoni tal-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali lil Stat Membru wieħed, indikat bħala responsabbli skont il-kriterji uniformi stabbiliti fil-Kapitolu III tal-imsemmi regolament. Dan l-għan huwa, barra minn hekk, imfakkar mill-Ftehim bejn l-Unjoni u d-Danimarka, kif jirriżulta mill-punt 60 ta’ din is-sentenza.

66

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Nru 604/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li n-nuqqas ta’ estensjoni jew in-nuqqas ta’ tiġdid ta’ permess ta’ residenza maħruġ preċedentement lil ċittadin ta’ pajjiż terz ma jistax jiġi pparagunat ma’ ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn dan iċ-ċittadin, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

67

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex ikun determinat l-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

n-nuqqas ta’ estensjoni jew in-nuqqas ta’ tiġdid ta’ permess ta’ residenza maħruġ preċedentement lil ċittadin ta’ pajjiż terz ma jistax jiġi pparagunat ma’ ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn dan iċ-ċittadin, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

Top