Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CJ0666

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-1 ta’ Awwissu 2025.
CM u DS vs Volkswagen AG.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Landgericht Ravensburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2007/46/KE – Artikolu 18(1) – Artikolu 26(1) – Artikolu 46 – Regolament (KE) Nru 715/2007 – Artikolu 5(2) – Vetturi bil-mutur – Magna diżil – Emissjonijiet ta’ inkwinanti – Tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu (NOx) limitat minn ‘firxa tat-temperaturi’ – Apparat ta’ manipulazzjoni – Protezzjoni tal-interessi ta’ xerrej individwali ta’ vettura mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni illegali – Installazzjoni ta’ dan l-apparat wara d-dħul fis-servizz tal-vettura – Dritt għal kumpens abbażi tar-responsabbiltà delittwali tal-manifattur ta’ din il-vettura – Kawża ta’ eżenzjoni – Żball insormontabbli mill-manifattur fir-rigward tal-illegalità tal-apparat ta’ manipulazzjoni – Prinċipju ta’ effettività – Kumpens adegwat għad-dannu – Metodu ta’ kalkolu tat-tiswija – Firxa tat-kumpens.
Kawża C-666/23.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2025:604

 SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla)

1 ta’ Awwissu 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2007/46/KE – Artikolu 18(1) – Artikolu 26(1) – Artikolu 46 – Regolament (KE) Nru 715/2007 – Artikolu 5(2) – Vetturi bil-mutur – Magna diżil – Emissjonijiet ta’ inkwinanti – Tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu (NOx) limitat minn ‘firxa tat-temperaturi’ – Tagħmir ta’ riduzzjoni – Protezzjoni tal-interessi ta’ xerrej individwali ta’ vettura mgħammra b’tagħmir ta’ riduzzjoni illegali – Installazzjoni ta’ dan it-tagħmir wara d-dħul fis-servizz tal-vettura – Dritt għal kumpens abbażi tar-responsabbiltà delittwali tal-manifattur ta’ din il-vettura – Kawża ta’ eżenzjoni – Żball insormontabbli mill-manifattur fir-rigward tal-illegalità tat-tagħmir ta’ riduzzjoni – Prinċipju ta’ effettività – Kumpens adegwat għad-dannu – Metodu ta’ kalkolu tat-tiswija – Firxa tat-kumpens”

Fil-Kawża C‑666/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Ravensburg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Ottubru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Novembru 2023, fil-proċedura

CM,

DS

vs

Volkswagen AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, D. Gratsias, E. Regan, J. Passer u B. Smulders, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal CM, minn K. Borwieck, V. Brieske, C. Douhaire, R. Geulen, R. Klinger, D. Krebs u L. Rhiel, Rechtsanwälte,

għal Volkswagen AG, minn T. André, M. de Lind van Wijngaarden u H.-P. Schroeder, Rechtsanwälte,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Flett u M. Noll-Ehlers, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU 2007, L 171, p. 1.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn CM u DS, minn naħa, u Volkswagen AG, min-naħa l-oħra, dwar il-kumpens għad-dannu mġarrab minħabba x-xiri ta’ vetturi mgħammra b’tagħmir ta’ riduzzjoni illegali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 1999/44/KE

3

Id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223) tħassret bid-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE, u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE (ĠU 2019, L 136, p. 28, u rettifiki fil-ĠU 2019, L 305, p. 61, u fil-ĠU 2020, L 86, p. 18), b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2022. Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, id-Direttiva 1999/44 għadha applikabbli għal din tal-aħħar.

4

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 1999/44 kien jipprevedi:

“Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, l-konsumatur għandu jkun intitolat li l-oġġetti jinġiebu f’konformità mingħajr ħlas permezz ta’ tiswija jew tibdil, f’konformità mal-paragrafu 3, jew li jkollu tnaqqis xieraq fil-prezz jew il-kuntratt jitħassar rigward dawn l-oġġetti, f’konformità mal-paragrafi 5 u 6”

Id-Direttiva 2007/46/KE

5

Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Qafas) (ĠU 2007, L 263, p. 1). kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 385/2009 tas‑7 ta’ Mejju 2009 (ĠU 2009, L 118, p. 13, rettifika fil-ĠU 2009 L 128, p. 61) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2007/46”) tħassret mir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46 (ĠU 2018, L 151, p. 1), b’effett mill‑1 ta’ Settembru 2020. Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti tal-kawżi prinċipali, din id-direttiva tibqa’ applikabbli għal din tal-aħħar.

6

Il-punt 3, 5, 17 u 36 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/46 kien ifformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva u ta’ l-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV, ħlief jekk ipprovdut mod ieħor hemmhekk:

[…]

3.   ‘approvazzjoni tat-tip’ tfisser il-proċedura li biha Stat Membru jiċċertifika li tip ta’ vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata tissodisfa d-dispożizzjonijiet amministrattivi u l-ħtiġijiet tekniċi rilevanti;

[…]

5.   ‘approvazzjoni tat-tip tal-KE’ tfisser il-proċedura li biha Stat Membru jiċċertifika li tip ta’ vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata tissodisfa d-dispożizzjonijiet amministrattivi u l-ħtiġijiet tekniċi rilevanti ta’ din id-Direttiva u ta’ l-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV jew XI;

[…]

17.   ‘tip ta’ vettura’ tfisser vetturi ta’ kategorija partikolari li ma jvarjawx għall-inqas fl-aspetti essenzjali speċifikati fit-Taqsima B ta’ l-Anness II. Tip ta’ vettura jista’ jkollha varjanti u verżjonijiet kif definiti fit-Taqsima B ta’ l-Anness II;

[…]

36.   ‘ċertifikat ta’ konformità’ tfisser id-dokument stabbilit fl-Anness IX, maħruġ mill-manifattur u li jiċċertifika li vettura li tappartjeni għas-serje tat-tip approvat skond din id-Direttiva tikkonforma ma’ l-atti regolatorji kollha fil-mument tal-produzzjoni tagħha.”

7

L-Artikolu 8(6) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-awtorità ta’ l-approvazzjoni għandha tgħarraf mingħajr dewmien lill-awtoritajiet ta’ approvazzjoni ta’ l-Istati Membri l-oħra dwar iċ-ċaħda jew l-irtirar ta’ kwalunkwe approvazzjoni ta’ vettura, flimkien mar-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.”

8

L-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jagħtu approvazzjoni tat-tip tal-KE lil komponent jew unità teknika separata fir-rigward ta’ komponent jew unità teknika separata li tikkonforma mad-dettalji fil-folder ta’ informazzjoni u li tissodisfa l-ħtiġijiet tekniċi stipulati fid-Direttiva, jew ir-Regolament, separat rilevanti, kif hemm preskritt fl-Anness IV.”

9

L-Artikolu 13(1) tal-istess direttiva kien jipprevedi:

“Il-manifattur għandu jgħarraf mingħajr dewmien lill-Istat Membru li ħareġ l-approvazzjoni tat-tip tal-KE b’kull bidla fid-dettalji mniżżla fil-pakkett ta’ informazzjoni. Dak l-Istat Membru għandu jiddeċiedi, skond ir-regoli stabbiliti f’dan il-Kapitolu, liema proċedura trid tiġi segwita. Fejn ikun meħtieġ, l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi, f’konsultazzjoni mal-manifattur, li għandha tinħareġ approvazzjoni tat-tip tal-KE ġdida.”

10

Skont l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2007/46:

“Il-manifattur, fil-kapaċità tiegħu bħala d-detentur ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ vettura, għandu jipprovdi ċertifikat ta’ konformità flimkien ma’ kull vettura, kemm jekk kompluta, mhux kompluta jew ikkompletata, li tiġi manifatturata f’konformità mat-tip ta’ vettura approvat.”

11

L-Artikolu 26(1) ta’ din id-direttiva kien ifformulat kif ġej:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 29 u 30, l-Istati Membri għandhom jirreġistraw u jippermettu l-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ vetturi fil-każ biss li jkollhom magħhom ċertifikat ta’ konformità validu maħruġ skond l-Artikolu 18.

Fil-każ ta’ vetturi mhux kompluti l-Istati Membri għandhom jippermettu l-bejgħ ta’ tali vetturi iżda jistgħu jiċħdu r-reġistrazzjoni permanenti tagħhom u d-dħul fis-servizz għal dak iż-żmien li l-vetturi jibqgħu mhux kompluti.”

12

L-Artikolu 30(1) tal-imsemmija direttiva kien jipprevedi:

“Jekk Stat Membru li ħareġ approvazzjoni tat-tip tal-KE jsib li vetturi, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati ġodda akkumpanjati b’ċertifikat ta’ konformità jew li għandhom fuqhom marka ta’ approvazzjoni ma jikkonformawx mat-tip li jkun approva, għandu jieħu l-miżuri meħtieġa, inkluż, meta meħtieġ, l-irtirar ta’ l-approvazzjoni tat-tip, biex jiżgura li l-vetturi, is-sistemi, il-komponenti jew l-unitajiet tekniċi separati tal-produzzjoni, skond il-każ, jinġiebu f’konformità mat-tip approvat. L-awtorità ta’ l-approvazzjoni ta’ dak l-Istat Membru għandha tavża lill-awtoritajiet ta’ approvazzjoni ta’ l-Istati Membri l-oħra dwar il-miżuri meħuda.”

13

L-Artikolu 46 tal-istess direttiva kien jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-penali applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, u b’mod partikolari tal-projbizzjonijiet stipulati jew li jirriżultaw mill-Artikolu 31, u ta’ l-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV, Parti I u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji għall-implimentazzjoni tagħhom. Il-pieni determinati għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mid-29 ta’ April 2009 u għandhom jinnotifikaw kwalunkwe modifika sussegwenti għalihom malajr kemm jista’ jkun.”

Ir‑Regolament Nru 715/2007

14

Skont il-premessi 1 u 15 tar-Regolament Nru 715/2007:

“(6)

B’mod partikulari, hemm bżonn ta’ tnaqqis konsiderevoli ta’ l-emissjonijiet ta’ l-ossidju tan-nitroġenu biex tittejjeb il-kwalità ta’ l-arja u biex ikun hemm konformità mal-valuri ta’ limitu għat-tniġġis. Dan jeħtieġ li, fl-istadju Euro 6, jintlaħqu valuri ta’ limitu ambizzjużi, mingħajr ma’ jkun hemm l-obbligu li jiġu abbandunati l-vantaġġi tal-magni diesel f’dak li għandu x’jaqsam mal-konsum tal-fjuwil u ma’ l-emissjonijiet ta’ idrokarburi u tal-monossidju tal-karbonju. Jekk jiġi stabbilit pass ta’ dan it-tip għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet ta’ l-ossidju tan-nitroġenu fi stadju bikri, tingħata sigurtà għall-ippjanar fit-tul, fl-Ewropa kollha għall-manifatturi ta’ vetturi.

[…]

(15)

Il-Kummissjoni għandha żżomm taħt konsiderazzjoni l-bżonn li tirrevedi ċ-Ċiklu l-Ġdid tas-Sewqan Ewropew (New European Drive Cycle) bħala proċedura ta’ ttestjar li tipprovdi l-bażi għar-regolamenti dwar emissjonijiet għall-approvazzjoni tat-tip KE. L-aġġornament jew is-sostituzzjoni taċ-ċikli ta’ ttestjar jistgħu jkunu meħtieġa biex jirriflettu l-bidliet fl-ispeċifikazzjonijiet tal-vetturi u l-imġieba tas-sewwieqa. Reviżjonijiet jistgħu jkunu meħtieġa biex jiżguraw li l-emissjonijiet fid-dinja reali jikkorrispondu għal dawk imkejla fl-approvazzjoni tat-tip. L-użu ta’ sistemi portable ta’ kejl ta’ emissjonijiet u l-introduzzjoni ta’ kunċett regolatorju ta’ ‘m’għandux jinqabeż’ għandhom jiġu kkunsidrati wkoll.”

15

Il-punt 10 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u l-miżuri ta’ l-implimentazzjoni tiegħu japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(10)

‘tagħmir ta’ riduzzjoni’ jfisser kull element tad-disinn li jħoss it-temperatura, il-veloċità tal-vettura, id-dawrien tal-magna (RPM), it-transmission gear, il-vakwu fil-manifold jew parametru ieħor bl-iskop li jattiva, jimmodula, jittardja jew iwaqqaf il-funzjonament ta’ xi parti mis-sistema ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet, li tnaqqas l-effettività tas-sistema ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet taħt kondizzjonijiet li wieħed raġonevolment jistenna li jiltaqa’ magħhom waqt it-tħaddim u l-użu normali ta’ vettura;

16

L-Artikolu 4(1) u (2) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“1.   Il-manifatturi għandhom juru li l-vetturi ġodda kollha mibjugħa, reġistrati jew mqiegħda fis-servizz fil-Komunità [Ewropea] għandhom l-approvazzjoni tat-tip skond dan ir-Regolament u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu. Il-manifatturi għandhom juru wkoll li t-tagħmir ġdid, użat biex jibdel tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis, kollu li jeħtieġ approvazzjoni tat-tip li jinbiegħ jew li jitqiegħed fis-servizz fil-Komunità għandu l-approvazzjoni tat-tip skond dan ir-Regolament u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu.

Dawn l-obbligi jinkludu r-rispett tal-limiti ta’ emissjoni stabbiliti fl-Anness I u l-miżuri ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 5.

2.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ l-approvazzjoni tat-tip għall-verifika tal-konformità fil-produzzjoni, il-perjodu tas-servizz tat-tagħmir tal-kontroll tat-tniġġis u l-konformità waqt is-servizz jiġu rispettati.

Barra minn hekk, il-miżuri tekniċi meħuda mill-manifattur jridu jkunu tali li jiġi żgurat li l-emissjonijiet mit-tailpipe jew evaporattivi huma effettivament limitati, skond dan ir-Regolament, tul il-ħajja normali tal-vettura li tintuża f’kundizzjonijiet normali. Għalhekk, miżuri ta’ konformità waqt is-servizz għandhom jiġu verifikati sa perijodu ta’ ħames snin jew 100000 km, liema minnhom jasal l-ewwel. L-ittestjar tal-perjodu tas-servizz tat-tagħmir tal-kontroll tat-tniġġis imressaq għall-approvazzjoni tat-tip għandu jkopri 160000 km. Biex jikkonformaw ma’ dan it-test tal-perjodu tas-servizz, il-manifatturi għandu jkollhom il-possibilità li jużaw testijiet ta’ riproduzzjoni, f’laboratorju tal-kundizzjonijiet ta’ użu (‘test bench ageing’), suġġett għall-miżuri ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 4.

Il-konformità waqt is-servizz għandha tkun ikkontrollata b’mod partikulari għall-emissjonijiet mit-tailpipe kif ittestjati mal-limiti ta’ emissjoni stabbiliti fl-Anness I. Sabiex jitjieb il-kontroll ta’ l-emissjonijiet evaporattivi u l-emissjonijiet f’temperatura ambjentali baxxa, il-proċeduri ta’ ttestjar għandhom ikunu riveduti mill-Kummissjoni.”

17

L-Artikolu 5(1) u (2) tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-manifattur għandu jattrezza l-vetturi b’mod li l-komponenti li jistgħu jaffettwaw l-emissjonijiet jiġu ddisinjati, mibnija u assemblati bil-għan li jippermettu li l-vettura, fl-użu normali, tikkonforma ma’ dan ir-Regolament u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu.

2.   L-użu ta’ tagħmir ta’ riduzzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi tal-kontroll ta’ l-emissjonijiet għandu jiġi pprojbit. Il-projbizzjoni m’ għandiex tapplika fejn:

(a)

il-bżonn tat-tagħmir huwa ġustifikat għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-magna mill-ħsara jew inċidenti u għat-tħaddim fis-sigurtà tal-vettura;

(b)

it-tagħmir ma jaħdimx għajr għall-ħtiġijiet ta’ l-istartjar tal-magna;

jew

(ċ)

il-kondizzjonijiet huma sostanzjalment inklużi fil-proċeduri tal-verifika ta’ l-emissjonijiet evaporattivi u l-medja ta’ l-emissjonijiet mit-tailpipe.”

18

Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 715/2007:

“1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet dwar il-penalitajiet applikabbli għall-ksur mill-manifatturi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penalitajiet pprovduti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. […]

2.   It-tipi ta’ ksur li huma suġġetti għal penali għandhom jinkludu:

[…]

(d)

l-użu ta’ tagħmir difettuż.

[…]”

Ir-Regolament Nru 692/2008

19

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 tal-18 ta’ Lulju 2008 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 (ĠU 2008, L 199, p. 1, rettifika fil-ĠU 2010, L 336, p. 68), ġie emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 566/2011 tat-8 ta’ Ġunju 2011 (ĠU 2011, L 158, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 692/2008”). Mill‑1 ta’ Jannar 2022, ir-Regolament Nru 692/2008 tħassar bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 tal‑1 ta’ Ġunju 2017 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1230/2012 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 (ĠU 2017, L 175, p. 1). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti tal-kawżi prinċipali, ir-Regolament Nru 692/2008 għadu applikabbli għal dawn il-kawżi.

20

L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 692/2008 kien jipprevedi:

“Il-manifattur għandu jiżgura li t-tagħmir sostitut għall-kontroll tat-tniġġis maħsub biex jitwaħħal fuq vetturi approvati għat-tip KE koperti mill-ambitu tar-Regolament [Nru 715/2007] jkunu approvati għat-tip KE, bħala unitajiet tekniċi separati fit-tifsira ta’ l-Artikolu 10(2) tad-[Direttiva 2007/46], skond l-Artikolu 12, l-Artikolu 13 u l-Anness XII ta’ dan ir-Regolament”.

Id‑dritt Ġermaniż

21

L-Artikolu 276 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili) (iktar ’il quddiem il-“BGB”), jipprevedi:

“1.   Id-debitur huwa obbligat li jkun responsabbli għall-fatti intenzjonali jew għan-negliġenza tiegħu, jekk ebda responsabbiltà mitigata jew imsaħħa ma tkun ġiet miftiehma jew ma tkun tista’ tinsilet mill-kontenut tar-rapport tal-obbligu, b’mod partikolari mill-aċċettazzjoni ta’ garanzija jew mill-aċċettazzjoni ta’ riskju. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 827 u 828 japplikaw konsegwentement.

2.   Jaġixxi b’negliġenza dak li ma jurix id-diliġenza meħtieġa fil-kummerċ.

3.   Id-debitur ma jistax jiġi eżentat minn qabel mir-responsabbiltà għal nuqqas intenzjonali.”

22

Skont l-Artikolu 823 tal-BGB:

“1.   Kull min, meta jaġixxi intenzjonalment jew b’negliġenza, jippreġudika b’mod illegali l-ħajja, il-ġisem, is-saħħa, il-libertà, il-proprjetà jew kwalunkwe dritt ieħor ta’ ħaddieħor, huwa obbligat li jikkumpensa d-dannu li jirriżulta minn dan.

2.   L-istess obbligu huwa intiż għal min jikser liġi intiża li tipproteġi lil ħaddieħor. Jekk, skont il-kontenut tal-liġi, ksur tal-liġi huwa possibbli anki mingħajr ħtija, l-obbligu li jitħallas kumpens iseħħ biss fil-każ ta’ ħtija.”

23

L-Artikolu 826 tal-BGB jipprevedi:

“Kull min jikkawża dannu lil ħaddieħor intenzjonalment u bi ksur tal-prinċipji aċċettati tal-moralità għandu jikkumpensa d-dannu.”

24

Il-Verordnung über die EG-Genehmigung für Kraftfahrzeuge und ihre Anhänger sowie für Systeme, Bauteile und selbständige technische Einheiten für diese Fahrzeuge (EG-Fahrzeugenehmigungsverordnung – EG-FGV) (ir-Regolament dwar l-Approvazzjoni tat-Tip tal-KE tal-Vetturi bil-Mutur, tal-Karrijiet Tagħhom, u tas-Sistemi, il-Komponenti u l-Unitajiet Tekniċi Maħsuba għal Dawn il-Vetturi (Regolament dwar l-Approvazzjoni tal-Vetturi KE, iktar ’il quddiem, l-“EG-FGV”), tat‑3 ta’ Frar 2011, jipprevedi, fl-Artikolu 6(1) tiegħu:

“Għal kull vettura li tikkonforma mat-tip approvat, id-detentur tal-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ vettura għandu joħroġ ċertifikat ta’ konformità fis-sens tal-Artikolu 18, moqri flimkien mal-Anness IX tad-Direttiva 2007/46. Skont l-Artikolu 18(3) tad-Direttiva 2007/46, iċ-ċertifikat ta’ konformità huwa mfassal b’mod li jeskludi kull falsifikazzjoni.”

25

L-Artikolu 27(1) tal-EG-FGV jipprevedi:

“Vetturi, entitajiet tekniċi jew komponenti ġodda li jeħtieġu ċertifikat ta’ konformità konformement mal-Anness IX tad-Direttiva 2007/46, […] jistgħu jiġu offruti għall-bejgħ, mibjugħa jew imqiegħda fis-suq fil-Ġermanja għall-użu fit-triq biss jekk ikunu akkumpanjati b’ċertifikat validu ta’ konformità. Dan ma japplikax għall-vetturi fis-sens tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2003/37.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

26

Volkswagen hija l-manifattur tal-vetturi bil-mutur li CM u DS xtraw bħala użati mingħand bejjiegħa professjonali.

27

Fir-rigward ta’ CM, huwa akkwista, skont ordni tal‑14 ta’ Marzu 2016 u bil-prezz ta’ EUR 49950, vettura tad-ditta Volkswagen b’magna diżil tat-tip EA 288. Fil-mument tal-akkwist ta’ din il-vettura, kienet mgħammra b’sistema ta’ detezzjoni tal-bank tat-test (test bench), li tħassret fl-10 ta’ Ottubru 2017 wara aġġornament tas-softwer kkonċernat, kif ukoll softwer ieħor ta’ programmazzjoni tal-magna li jnaqqas ir-rata ta’ riċirkolazzjoni tal-gassijiet tal-egżost meta t-temperaturi esterni jkunu jinsabu taħt ċertu limitu, li għandu bħala konsegwenza żieda fl-emissjonijiet ta’ NOx. B’hekk, din ir-riċirkolazzjoni hija biss kompletament effettiva jekk it-temperatura esterna ma tinżilx taħt dan il-limitu (iktar ’il quddiem l-“firxa tat-temperaturi”).

28

Minħabba l-preżenza ta’ dawn iż-żewġ tagħmir ta’ riduzzjoni allegatament illegali, CM tqis li hija vittma ta’ dannu li jirriżulta minn ksur intenzjonat u kuntrarju għall-ordni pubbliku u għall-prinċipji aċċettati tal-moralità, fis-sens tal-Artikolu 826 tal-BGB, imputabbli lil Volkswagen.

29

Permezz tar-rikors tiegħu ppreżentat quddiem il-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Ravensburg, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, huwa jitlob, bħala kumpens għad-dannu tiegħu, il-ħlas ta’ somma ta’ EUR 8938, li tirrappreżenta 20 % tal-prezz tax-xiri tal-vettura u, sussidjarjament, kumpens li l-ammont tiegħu jitħalla għall-evalwazzjoni ta’ din il-qorti, li madankollu ma jistax ikun inqas minn EUR 6 70350, ekwivalenti għal 15 % tal-prezz tax-xiri.

30

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, Volkswagen tammetti li s-sistema ta’ detezzjoni tal-bank tat-test (test bemch) tifforma parti minn softwer użat sabiex titnaqqas ir-rata ta’ riċirkolazzjoni tal-gassijiet tal-egżost barra miċ-ċiklu tas-sewqan Ewropew il-ġdid, meta t-temperatura operattiva tilħaq 200°grad Celsius. Minn din it-temperatura, is-sistema ta’ Tnaqqis Katalittiku Selettiv tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ NOx, b’tali mod li l-limitu ta’ tolleranza huma xorta waħda osservati.

31

Fir-rigward tal-firxa tat-temperaturi, din il-kumpannija ssostni li hemm tnaqqis tar-rata ta’ riċirkolazzjoni tal-gassijiet tal-egżost taħt temperatura ambjentali ta’ iktar minn 12-il grad Celsius. Din il-firxa tat-temperaturi hija legali peress li hija neċessarja għas-sigurtà tal-funzjonament tal-vettura.

32

Sussidjarjament, l-imsemmija kumpannija tinvoka, għall-finijiet tal-eżenzjoni mir-responsabbiltà tagħha, l-eżistenza ta’ żball insormontabbli fir-rigward tan-natura illegali tat-tagħmir ta’ riduzzjoni u tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq approvazzjoni msejħa “ipotetika” mill-Kraftfahrt-Bundesamt (l-Uffiċċju Federali għat-Traffiku tal-Vetturi bil-Mutur, il-Ġermanja), jiġifieri l-fatt li l-evalwazzjoni legali żbaljata tagħha dwar l-eżistenza ta’ tagħmir ta’ riduzzjoni legali kienet ġiet ikkonfermata minn din l-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE, fil-każ li tkun saret mistoqsija lil dan l-uffiċċju (iktar ’il quddiem l-“approvazzjoni ipotetika”).

33

Fir-rigward ta’ DS, huwa akkwista, skont ordni tad‑29 ta’ Marzu 2016 u skont il-prezz ta’ EUR 32000, vettura tad-ditta Volkswagen b’magna diżil tat-tip EA 189. Fil-mument tal-akkwist tagħha, din il-vettura kienet mgħammra b’tagħmir ta’ riduzzjoni illegali, li kien jikkonsisti f’detezzjoni ta’ bank tat-test (test bench) b’sistema ta’ kommutazzjoni tal-magna.

34

L-Uffiċċju Federali għat-Traffiku tal-Vetturi bil-Mutur, permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑14 u tal-15 ta’ Ottubru 2015, ordna lil Volkswagen telimina dan it-tagħmir tal-vetturi mqiegħda fis-suq, softwer, żviluppat minn din il-kumpannija u approvat minn dan l-uffiċċju, ġie installat fuq il-vettura ta’ DS fis‑7 ta’ Marzu 2017. Madankollu, fl-istess ħin, ġie installat tagħmir ta’ riduzzjoni ieħor, jiġifieri tieqa ta’ temperaturi, fuq din il-vettura.

35

Minħabba f’hekk, DS iqis li huwa ġarrab dannu li jirriżulta minn ksur intenzjonali u li jmur kontra l-ordni pubbliku u l-prinċipji aċċettati tal-moralità imputabbli lil din il-kumpannija.

36

Permezz tar-rikors tiegħu ppreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju fl‑4 ta’ Marzu 2021, DS jitlob, minn naħa, il-ħlas ta’ kumpens li l-ammont tiegħu jitħalla għall-evalwazzjoni ta’ din il-qorti mingħajr ma jista’ jkun inqas minn EUR 4800, ekwivalenti għal 15 % tal-prezz tax-xiri, u, min-naħa l-oħra, li jiġi kkonstatat barra minn hekk li hija l-istess kumpannija li għandha tikkumpensah għad-dannu mġarrab minħabba l-installazzjoni tat-tagħmir ta’ riduzzjoni li jikkonsisti f’firxa tat-temperaturi.

37

Volkswagen qed tikkontesta din it-talba b’eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-preskrizzjoni u titlob, fi kwalunkwe każ, li din tiġi miċħuda fuq il-mertu.

38

Fir-rigward tal-firxa tat-temperaturi, din il-kumpannija tallega li r-riċirkolazzjoni tal-gassijiet tal-egżost titnaqqas biss taħt temperatura ta’ iktar minn 10 gradi Celsius, li huwa neċessarju għas-sigurtà tal-funzjonament tal-vettura.

39

Barra minn hekk, hija tindika li, fis-sentenzi tagħha tal‑14 ta’ Lulju 2022, GSMB Invest (C‑128/20, EU:C:2022:570), Volkswagen (C‑134/20, EU:C:2022:571), u Porsche Inter Auto u Volkswagen (C‑145/20, EU:C:2022:572), il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha, għall-vetturi tat-trade mark Volkswagen mgħammra b’tieqa ta’ temperaturi identiċi, fuq medda ta’ temperaturi li jinsabu bejn 15 u 33 grad Celsius għat-temperatura esterna. Dan l-approċċ huwa bbażat fuq konstatazzjonijiet ta’ fatt tal-qrati nazzjonali tar-rinviju li ma jikkorrispondux għaċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

40

L-imsemmija kumpannija tinvoka, sussidjarjament, żball insormontabbli fir-rigward tan-natura illegali ta’ dan it-tagħmir ta’ riduzzjoni u tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq approvazzjoni ipotetika mill-Uffiċċju Federali għat-Traffiku tal-Vetturi bil-Mutur.

41

Il-qorti tar-rinviju tqis, fl-ewwel lok, li dritt għal kumpens ta’ CM u ta’ DS, skont l-Artikolu 826 tal-BGB u minħabba dannu intenzjonali li jmur kontra l-ordni pubbliku u l-prinċipji aċċettati tal-moralità, ma jidhirx li huwa fondat.

42

Din il-qorti tirrileva li l-vettura ta’ CM kienet, ċertament, mgħammra fil-mument tal-akkwist tagħha b’tagħmir ta’ riduzzjoni illegali fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007 u li tali tagħmir, fir-rigward tal-vettura ta’ DS, ġie installat waqt aġġornament ta’ softwer.

43

F’dak li jirrigwarda dawn iż-żewġ vetturi, ir-riċirkolazzjoni tal-gassijiet tal-egżost titnaqqas minn temperatura ambjentali ta’ 10 gradi Celsius, raġuni li għaliha l-imsemmija qorti hija tal-fehma li teżisti, fiż-żewġ każijiet, firxa tat-temperaturi illegali. Din tal-aħħar ma tistax titqies li hija legali skont il-punt (a) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament, fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu evitati r-riskji immedjati ta’ ħsara jew ta’ inċident tal-magna, ikkawżati minn nuqqas ta’ funzjonament ta’ komponent tas-sistema ta’ riċirkolazzjoni tal-gassijiet tal-egżost, ta’ gravità tali li joħolqu perikolu konkret waqt is-sewqan tal-vettura mgħammra bl-imsemmi tagħmir.

44

Barra minn hekk, fir-rigward ta’ CM, l-istess qorti tqis li l-kriterju l-ieħor ta’ deroga li jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, li jgħid li tagħmir ta’ riduzzjoni ma għandux ikun attiv matul il-parti l-kbira tas-sena, lanqas ma għandu jitqies li huwa ssodisfatt fid-dawl tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, GSMB Invest (C‑128/20, EU:C:2022:570, punt 65). Fil-fatt, ir-riċirkolazzjoni tal-gassijiet tal-egżost ta’ din il-vettura titnaqqas minn temperatura ambjentali ta’ 12 grad Celsius, filwaqt li t-temperaturi medji annwali fil-Ġermanja huma inqas minn dan il-limitu.

45

Minkejja dawn l-elementi, il-qorti tar-rinviju ssostni li aġir intenzjonali u oġġettivament kuntrarju għall-ordni pubbliku u għall-prinċipji aċċettati tal-moralità, fis-sens tal-Artikolu 826 tal-BGB, huwa nieqes fil-kawżi prinċipali minħabba, b’mod partikolari, l-assenza ta’ tagħmir ta’ riduzzjoni “manifestament illegali” skont il-kliem tal-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja).

46

Fit-tieni lok, din il-qorti tqis li CM u DS jistgħu jibbenefikaw minn dritt għal kumpens ibbażat fuq l-Artikolu 823(2) tal-BGB.

47

Filwaqt li tirreferi għas-sentenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), tas‑26 ta’ Ġunju 2023 (iktar ’il quddiem is “sentenza tal-Bundesgerichtshof”), l-imsemmija qorti tindika li l-Artikolu 823(2) tal-BGB, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) u mal-Artikolu 27(1) tal-EG-FGV, jipproteġi l-interessi tax-xerrej ta’ vettura fir-rigward ta’ eventwali telf patrimonjali li joriġina min-nuqqas ta’ osservanza, mill-manifattur, tad-dritt tal-Unjoni dwar il-gassijiet tal-egżost tal-vetturi bil-mutur.

48

F’dan ir-rigward, jidher, l-ewwel nett, li Volkswagen naqset li tirrispetta dan id-dritt minħabba l-installazzjoni fuq il-vetturi kkonċernati ta’ firxa tat-temperaturi illegali.

49

It-tieni, id-dritt għal kumpens huwa wkoll suġġett għall-kundizzjoni li l-manifattur tal-vettura kkonċernata jkun, tal-inqas, wera negliġenza f’dak li jirrigwarda it-tagħmir ta’ riduzzjoni inkwistjoni, peress li l-ħtija tal-manifattur hija preżunta.

50

Dan il-manifattur jista’ jeżenta ruħu mir-responsabbiltà tiegħu billi jinvoka u billi juri l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li juru assenza ta’ negliġenza min-naħa tiegħu, ħaġa li tkopri l-prova ta’ żball insormontabbli fir-rigward tan-natura illegali tat-tagħmir ta’ riduzzjoni inkwistjoni.

51

It-tielet nett, l-istess qorti tindika, minn naħa, li tali żball jeżisti meta, filwaqt li jeżerċita d-diliġenza meħtieġa, l-imsemmi manifattur ikun iddeċieda legalment minn eżami rigoruż tas-sitwazzjoni legali, billi ħa inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-ogħla qrati, u meta huwa ma setax jistenna evalwazzjoni differenti ta’ din is-sitwazzjoni. Min-naħa l-oħra, tali żball ikun insormontabbli meta l-manifattur ikun jista’ jsemmi approvazzjoni tat-tip tal-KE mogħtija għat-tagħmir ta’ riduzzjoni inkwistjoni konformement mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007.

52

Aċċettazzjoni sempliċement ipotetika, bħal dik imsemmija fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, tista’ minn issa ’l quddiem tkun biżżejjed skont is-sentenza tal-Bundesgerichtshof.

53

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, dritt għal kumpens tax-xerrej ta’ vettura li għandha tagħmir ta’ riduzzjoni illegali jistax jiġi rrifjutat għar-raġuni li l-manifattur ikkonċernat wettaq żball insormontabbli fir-rigward tan-natura illegali ta’ dan it-tagħmir u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, jekk l-eżenzjoni ta’ dan il-manifattur tistax tkun ibbażata fuq approvazzjoni effettiva tal-vettura inkwistjoni mill-awtorità nazzjonali kompetenti jew, anki, fuq approvazzjoni ipotetika.

54

Ir-raba’, din il-qorti tirrileva li, fir-rigward ta’ DS, id-dritt għal kumpens li joriġina mit-tagħmir ta’ riduzzjoni eżistenti waqt l-akkwist tal-vettura, jiġifieri d-detezzjoni tal-bank tat-test (test bench) bis-sistema ta’ kommutazzjoni tal-magna, huwa preskritt. Madankollu, sa fejn din il-vettura jkollha tagħmir ta’ riduzzjoni illegali ġdid fil-forma ta’ firxa tat-temperaturi mill-installazzjoni tal-aġġornament ipprovdut minn Volkswagen, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-proprjetarju tagħha għandux dritt għal kumpens fir-rigward tal-manifattur.

55

Il-ħames, l-imsemmija qorti tosserva li d-dritt għal kumpens skont l-Artikolu 823(2) tal-BGB, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) u mal-Artikolu 27(1) tal-EG-FGV, jirrigwarda l-“kumpens minuri”, jiġifieri l-ħlas ta’ somma flus li tirrappreżenta d-differenza bejn il-valur tal-vettura mgħammra b’tagħmir ta’ riduzzjoni illegali u dak ta’ din il-vettura mingħajr dan it-tagħmir.

56

Skont is-sentenza tal-Bundesgerichtshof, il-vantaġġi miksuba mill-użu tal-vettura għandhom jitnaqqsu mill-ammont tal-kumpens, meta dawn jaqbżu, bil-valur residwu ta’ din il-vettura, il-prezz tax-xiri, wara t-tnaqqis ta’ dan l-ammont. Barra minn hekk, din il-qorti teżiġi li l-ammont tal-kumpens ma jistax jaqbeż 15 % tal-prezz tax-xiri għal raġunijiet ta’ proporzjonalità.

57

Il-qorti tar-rinviju esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-ġurisprudenza mad-dritt tal-Unjoni.

58

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Ravensburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

It-talba għal kumpens tax-xerrej tal-vettura fil-konfront tal-manifattur tal-vettura minħabba t-tqegħid b’mod negliġenti fis-suq ta’ vettura b’tagħmir ta’ riduzzjoni li ma huwiex permissibbli fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament [Nru 715/2007], tista’ tiġi miċħuda minħabba li:

a)

kien hemm żball dwar in-natura illegali tal-att min-naħa tal-manifattur li kien insormontabbli?

Fl-affermattiv:

b)

l-iżball dwar in-natura illegali tal-att kien insormontabbli għall-manifattur peress li l-awtorità responsabbli għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE jew ta’ miżuri sussegwenti fil-fatt approvat it-tagħmir ta’ riduzzjoni installat fil-vettura?

Fl-affermattiv:

c)

l-iżball dwar in-natura illegali tal-att kien insormontabbli għall-manifattur peress li l-opinjoni legali tal-manifattur tal-vettura tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament [Nru 715/2007] kienet ikkonfermata mill-awtorità responsabbli għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE jew ta’ miżuri sussegwenti meta din kienet mistoqsija dwarha (approvazzjoni ipotetika)?

2)

Il-manifattur tal-vettura li jkun ipprovda aġġornament tas-softwer għandu jkun responsabbli għall-ħlas ta’ kumpens lis-sid tal-vettura jekk dan tal-aħħar isostni ħsara bħala riżultat tal-installazzjoni ta’ tagħmir ta’ riduzzjoni mhux awtorizzat mal-aġġornament tas-softwer fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007?

3)

Huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li, fit-talba għal kumpens fil-konfront tal-manifattur tal-vettura minħabba t-tqegħid b’mod negliġenti fis-suq ta’ vettura b’tagħmir ta’ riduzzjoni li ma huwiex permissibbli fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007

a)

ix-xerrej tal-vettura għandu jippermetti t-tpaċija tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu tal-vettura mal-ammont ta’ kumpens fit-talba tiegħu għal kumpens minuri, fejn il-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu, flimkien mal-valur residwu, jaqbżu l-prezz tax-xiri mħallas bit-tnaqqis tal-ammont ta’ kumpens? [;]

b)

it-talba tax-xerrej tal-vettura għal kumpens minuri hija limitata għal massimu ta’ 15 % tal-prezz tax-xiri imħallas?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

59

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li jkollha quddiemha. F’dan id-dawl, il-Qorti tal-Ġustizzja jaf ikollha tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha. Il-fatt li qorti nazzjonali tkun ifformulat, minn perspettiva formali, domanda preliminari billi tirreferi għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti l-punti kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża quddiemha, indipendentement minn jekk tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2024, Luxone u Sofein, C‑403/23 u C‑404/23, EU:C:2024:805, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-kawżi prinċipali jirrigwardaw id-dritt għal kumpens ta’ CM u ta’ DS mingħand Volkswagen għad-dannu subit wara l-użu, fil-vetturi rispettivi tagħhom, ta’ tagħmir ta’ riduzzjoni illegali, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, kif ukoll il-possibbiltà, għal dan il-manifattur tal-vetturi, li jinvoka bħala raġuni għal eżenzjoni mir-responsabbiltà tiegħu f’dan ir-rigward l-approvazzjoni ipotetika li tikkostitwixxi żball insormontabbli fir-rigward tal-illegalità ta’ dan it-tagħmir.

61

Għandu jiġi enfasizzat li mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2023, Mercedes-Benz Group (Responsabbiltà tal-manifatturi ta’ vetturi mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni) (C‑100/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza Mercedes-Benz Group, EU:C:2023:229, punt 91), jirriżulta li x-xerrej ta’ vettura mgħammra b’tagħmir ta’ riduzzjoni pprojbit jibbenefika, skont l-Artikolu 18(1), l-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2007/46, moqrija flimkien mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, minn dritt għal kumpens min-naħa tal-manifattur ta’ din il-vettura meta dan it-tagħmir ikkawża ħsara lil dan ix-xerrej.

62

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 18(1), l-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2007/46, moqrija flimkien mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu, fil-kuntest ta’ azzjoni mressqa mix-xerrej ta’ vettura bil-mutur għall-kumpens għad-dannu kkawżat mill-preżenza f’din il-vettura ta’ tagħmir ta’ riduzzjoni illegali, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 5(2), li l-manifattur tal-vettura jkun jista’ jinvoka, bħala raġuni għal eżenzjoni mir-responsabbiltà tiegħu f’dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ żball insormontabbli fir-rigward tal-illegalità ta’ dan it-tagħmir dovuta għall-fatt li approvazzjoni tat-tip tal-KE tal-imsemmi tagħmir jew tal-vettura li hija mgħammra bih ingħatat mill-awtorità nazzjonali kompetenti jew li din l-awtorità, li kieku ġiet mistoqsija minn dan il-manifattur, kienet tikkonferma l-evalwazzjoni ġuridika tiegħu fir-rigward tan-natura allegatament legali tat-tagħmir ta’ riduzzjoni kkonċernat.

63

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 18(1), l-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2007/46, moqrija flimkien mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, jipproteġu l-interessi partikolari tax-xerrej individwali ta’ vettura bil-mutur fil-konfront tal-manifattur tiegħu meta din il-vettura tkun mgħammra b’tagħmir ta’ riduzzjoni pprojbit, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni (sentenza Mercedes-Benz Group, punt 88).

64

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li xerrej individwali ta’ vettura bil-mutur għandu, fil-konfront tal-manifattur ta’ din il-vettura, dritt li l-imsemmija vettura ma tkunx mgħammra b’tagħmir ta’ riduzzjoni pprojbit, fis-sens tal-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament (sentenza Mercedes-Benz Group, punt 89).

65

Għaldaqstant, huma l-Istati Membri, skont l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2007/46, li għandhom jiddeterminaw is-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tagħha. Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament. Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi (sentenza Mercedes-Benz Group, punt 90).

66

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif imsemmi fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, mill-Artikolu 18(1), mill-Artikolu 26(1) u mill-Artikolu 46 tad-Direttiva 2007/46, moqrija flimkien mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati jipprovdu li x-xerrej ta’ vettura bil-mutur mgħammra b’tagħmir ta’ riduzzjoni pprojbit, fis-sens tal-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament, jibbenefika minn dritt għal kumpens min-naħa tal-manifattur ta’ din il-vettura meta l-imsemmi tagħmir ikun ikkawża dannu lil dan ix-xerrej (sentenza Mercedes-Benz Group, punt 91).

67

Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw il-modalitajiet ta’ kisba ta’ kumpens għax-xerrejja ta’ tali vettura, huwa kull Stat Membru li għandu jiddetermina dawn il-modalitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mercedes-Benz Group, punt 92)

68

Madankollu,, leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrendi, fil-prattika, impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-kisba, mix-xerrej ta’ vettura bil-mutur, ta’ kumpens xieraq għad-danni kkawżati lilu mill-ksur, mill-manifattur ta’ din il-vettura, tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ effettività (sentenza Mercedes-Benz Group, punt 93).

69

B’mod partikolari, il-kundizzjonijiet li fihom manifattur ta’ vetturi jista’ jinvoka żball insormontabbli fir-rigward tal-illegalità tat-tagħmir ta’ riduzzjoni sabiex jiġi eżentat minn kull responsabbiltà f’dan ir-rigward ma jistgħux ikunu tali li jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-kisba, mix-xerrej ta’ vettura mgħammra b’dan t-tagħmir, ta’ tali tiswija.

70

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-manifattur tal-vetturi kkonċernat għandu l-possibbiltà, skont is-sentenza tal-Bundesgerichtshof, li jiġi eżentat minn kull responsabbiltà billi jinvoka u juri l-eżistenza ta’ żball insormontabbli fir-rigward tal-illegalità tat-tagħmir ta’ riduzzjoni mgħammar bil-vettura inkwistjoni, li jeskludi negliġenza min-naħa tiegħu u, bl-istess mod, dritt għal kumpens tax-xerrej ta’ din il-vettura.

71

Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-invokazzjoni ta’ żball insormontabbli fir-rigward tal-illegalità tat-tagħmir ta’ riduzzjoni hija prevista, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, bħala raġuni għal eżenzjoni mir-responsabbiltà għal negliġenza tal-manifattur tal-vetturi ta’ natura eċċezzjonali.

72

Barra minn hekk, kif tispjega l-qorti tar-rinviju, dan l-iżball insormontabbli fir-rigward tal-illegalità ta’ tagħmir ta’ riduzzjoni mgħammar b’vetturi bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jiġi invokat b’mod utli mill-manifattur tal-vetturi meta dan l-iżball ikun dovut għall-fatt li approvazzjoni KE għat-tip ta’ vettura kkonċernata tkun ingħatat mill-awtorità kompetenti.

73

Għandi jitfakkar, fl-ewwel lok, li, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, l-użu ta’ tagħmir ta’ riduzzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi tal-kontroll tal-emissjonijiet huwa pprojbit. Madankollu, din il-projbizzjoni għandha tliet eċċezzjonijiet li għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mercedes-Benz Group, punti 60 u 61).

74

Skont l-Artikolu 5(2)(a) sa (c) tar-Regolament Nru 715/2007, din il-projbizzjoni ma tapplikax meta “il-bżonn tat-tagħmir huwa ġustifikat għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-magna mill-ħsara jew inċidenti u għat-tħaddim fis-sigurtà tal-vettura” [punt (a)], meta “it-tagħmir ma jaħdimx għajr għall-ħtiġijiet ta’ l-istartjar tal-magna” [punt (b)], meta “il-kondizzjonijiet huma sostanzjalment inklużi fil-proċeduri tal-verifika ta’ l-emissjonijiet evaporattivi u l-medja ta’ l-emissjonijiet mit-tailpipe”. [(punt (ċ)].

75

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-vetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu mgħammra b’tagħmir ta’ riduzzjoni illegali, fis-sens tal-istess Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007.

76

Sa fejn ebda waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (c) ta’ din id-dispożizzjoni ma tapplika għat-tagħmir ta’ riduzzjoni inkwistjoni, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, manifattur tal-vetturi li l-vetturi tiegħu għandhom tali tagħmir ma jistax, għaldaqstant, jinvoka aġir legali fid-dawl tal-imsemmija dispożizzjoni.

77

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrrilevat li, skont il-punt 5 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/46, il-kunċett ta’ “approvazzjoni tat-tip tal-KE” jirreferi għall-proċedura li biha Stat Membru jiċċertifika li tip ta’ vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata tissodisfa d-dispożizzjonijiet amministrattivi u l-ħtiġijiet tekniċi rilevanti ta’ din id-Direttiva u ta’ l-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV jew XI ta’ din l-istess direttiva.

78

L-approvazzjoni tat-tip tal-KE tikkorrispondi għalhekk għal standard ta’ konformità għal numru kbir ta’ vetturi. Dan jikkostitwixxi indizju li d-disinn tat-tip ta’ vettura kkunsidrat, inkluż it-tagħmir ta’ riduzzjoni installat, huwa konformi mad-dispożizzjonijiet u r-rekwiżiti applikabbli msemmija fil-punt preċedenti.

79

Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li ma huwiex eskluż li tip ta’ vettura, koperta minn approvazzjoni tat-tip tal-KE, li tippermetti li din il-vettura tintuża fit-triq, jista’, inizjalment, jiġi approvat mill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-approvazzjoni mingħajr ma tkun ġiet żvelata lilha l-preżenza ta’ tagħmir ta’ riduzzjoni illegali skont firxa tat-temperaturi. F’dan ir-rigward, id-Direttiva 2007/46 tipprevedi s-sitwazzjoni li fiha l-illegalità ta’ element ta’ disinn ta’ vettura, fid-dawl, pereżempju, tar-rekwiżiti tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 715/2007, jiġi skopert biss wara din l-approvazzjoni tat-tip. F’tali każ, l-Artikolu 8(6) ta’ din id-direttiva jipprevedi li din l-awtorità tista’ tħassar l-approvazzjoni ta’ vettura. Barra minn hekk, mill-ewwel u mit-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li, meta manifattur jinforma lil Stat Membru li jkun ta l-approvazzjoni tat-tip tal-KE b’modifika tal-informazzjoni rreġistrata fil-fajl ta’ approvazzjoni, dan l-Istat Membru jista’, jekk dan ikun neċessarju, jiddeċiedi, billi jikkonsulta lill-manifattur, li għandha tingħata approvazzjoni tat-tip tal-KE ġdida. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 30(1) tal-istess direttiva jipprevedi li, jekk Stat Membru li jkun ta approvazzjoni tat-tip tal-KE ikkonstata nuqqas ta’ konformità mat-tip ta’ vettura li kien approva, huwa għandu jieħu l-miżuri neċessarji, inkluż, jekk ikun il-każ, l-irtirar ta’ din l-approvazzjoni, sabiex jiżgura li l-vetturi prodotti jinġiebu f’konformità ma’ dan it-tip (sentenza Mercedes-Benz Group, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80

Konsegwentement, l-illegalità ta’ tagħmir ta’ riduzzjoni mgħammar f’vettura bil-mutur, skoperta wara l-approvazzjoni tat-tip tal-KE għal din il-vettura, tista’ tikkontesta l-validità ta’ din l-approvazzjoni u, b’estensjoni, dik taċ-ċertifikat ta’ konformità li suppost jiċċertifika li l-imsemmija vettura, li tappartjeni lis-sensiela tat-tip approvat, kienet tissodisfa l-atti regolatorji kollha fil-mument tal-produzzjoni tagħha (sentenza Mercedes-Benz Group, punt 84).

81

Minn dan isegwi li l-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ vettura mgħammra b’tagħmir ta’ riduzzjoni ma tfissirx neċessarjament li l-awtorità nazzjonali kompetenti kkonfermat l-evalwazzjoni tal-manifattur tal-vettura kkonċernata fir-rigward tan-natura allegatament legali ta’ dan it-tagħmir. Fi kwalunkwe każ, tali approvazzjoni jew, inqas u inqas, approvazzjoni ipotetika ma tistax teżenta lil dan il-manifattur mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa lix-xerrej tal-vettura kkonċernata għall-eventwali dannu kkawżat mill-preżenza tal-imsemmi tagħmir fil-vettura tiegħu.

82

Li jiġi aċċettat li l-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ vettura mgħammra b’tagħmir ta’ riduzzjoni tista’ tikkostitwixxi raġuni għal eżenzjoni mir-responsabbiltà tal-manifattur tal-vettura jkollu l-konsegwenza li jirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-kisba, mix-xerrej tal-imsemmija vettura, ta’ kumpens adegwat għad-danni li ġew ikkawżati lilu mill-ksur, mill-manifattur ta’ din il-vettura, tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, li jmur kontra l-prinċipju ta’ effettività. Fil-fatt, l-adozzjoni ta’ tali raġuni għal eżenzjoni timplika li d-dritt għal tiswija adegwata jiġi mfixkel fil-każijiet kollha li fihom il-vettura kkonċernata tkun konformi mat-tip approvat, anki jekk huwa paċifiku li din il-vettura hija mgħammra b’tagħmir ta’ riduzzjoni illegali.

83

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 18(1), l-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2007/46, moqrija flimkien mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu, fil-kuntest ta’ azzjoni mressqa mix-xerrej ta’ vettura bil-mutur għal kumpens għad-dannu kkawżat mill-preżenza f’din il-vettura ta’ tagħmir ta’ riduzzjoni illegali, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 5(2), li l-manifattur tal-vettura jkun jista’ jinvoka, bħala raġuni għal eżenzjoni mir-responsabbiltà tiegħu f’dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ żball insormontabbli fir-rigward tal-illegalità ta’ dan it-tagħmir dovuta għall-fatt li approvazzjoni tat-tip tal-KE tal-imsemmi tagħmir jew tal-vettura li hija mgħammra bih ingħatat mill-awtorità nazzjonali kompetenti jew li din l-awtorità, li kieku ġiet mistoqsija minn dan il-manifattur, kienet tikkonferma l-evalwazzjoni legali tiegħu fir-rigward tan-natura legali tat-tagħmir ta’ riduzzjoni kkonċernat.

Fuq it‑tieni domanda

84

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod ġenerali, jekk manifattur tal-vettura li jkun ipprovda aġġornament tas-softwer għandux ikun responsabbli għall-ħlas ta’ kumpens lis-sid tal-vettura jekk dan tal-aħħar isostni ħsara bħala riżultat tal-installazzjoni tat-tagħmir ta’ riduzzjoni illegali, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, installat bl-aġġornament ta’ dan is-softwer.

85

Madankollu, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din id-domanda hija intiża sabiex tiddetermina, b’mod iktar preċiż, jekk il-fatt li tagħmir ta’ riduzzjoni illegali kien diġà installat fil-mument meta l-approvazzjoni tat-tip tal-KE tal-vettura mgħammra bih ingħatatx jew, min-naħa l-oħra, ingħatatx biss wara din l-approvazzjoni, skont l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007 kif ukoll l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 692/2008, għandux effett fuq id-dritt għal kumpens tax-xerrej tal-vettura kkonċernata li ġarrab dan id-dannu, kif previst mid-dritt tal-Unjoni.

86

Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet u fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 59 ta’ din is-sentenza,-it-tieni domanda għandha tiġi fformulata mill-ġdid b’tali mod li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007 kif ukoll l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 692/2008 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jeżiġu li x-xerrej ta’ vettura jkollu dritt għal kumpens mill-manifattur tal-vetturi, meta dan ix-xerrej ikun ġarrab dannu dovut għal tagħmir ta’ riduzzjoni illegali, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, installat minn dan il-manifattur permezz ta’ aġġornament ta’ softwer wara l-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ din il-vettura.

87

F’dan ir-rigward, la mill-formulazzjoni tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, li jipprevedi li l-użu ta’ tagħmir ta’ riduzzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet huwa pprojbit, bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet, u lanqas minn dik tal-punt 10 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “tagħmir ta’ riduzzjoni”, ma jsegwi li hemm lok li ssir distinzjoni skont jekk tali tagħmir huwiex installat fl-istadju tal-produzzjoni ta’ vettura jew biss wara d-dħul fis-servizz ta’ din tal-aħħar, b’mod partikolari, wara tiswija, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 1999/44, sabiex jiġi evalwat jekk l-użu ta’ dan it-tagħmir huwiex ipprojbit (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Volkswagen,C‑134/20, EU:C:2022:571, punt 88).

88

Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-kuntest li jagħmlu parti minnu dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 715/2007 u mill-għan li għandu jiġi segwit minn dan tal-aħħar (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Volkswagen,C‑134/20, EU:C:2022:571, punt 89).

89

Fil-fatt, minn naħa, f’dak li jirrigwarda l-kuntest tal-imsemmija dispożizzjonijiet, għandu jitfakkar li, konformement mat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, il-manifatturi għandhom juru li t-tagħmir ġdid kollu sostitut għall-kontroll tat-tniġġis li jeħtieġ approvazzjoni u li jinbiegħ jew jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni Ewropea ġie approvat konformement ma’ dan ir-regolament u mal-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu. Dan it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) jippreċiża li dan l-obbligu jinkludi l-osservanza tal-limiti ta’ emissjoni msemmija fl-Anness I tal-imsemmi regolament u l-miżuri ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 tal-istess regolament (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Volkswagen,C‑134/20, EU:C:2022:571, punt 90).

90

Meta xerrej individwali jixtri vettura li tappartjeni għas-serje ta’ tip ta’ vettura approvat, u, għaldaqstant, flimkien ma’ ċertifikat ta’ konformità, konsumatur jista’ raġonevolment jistenna li r-Regolament Nru 715/2007 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 5 tiegħu, jiġi osservat fir-rigward ta’ din il-vettura, u dan anki fl-assenza ta’ klawżoli kuntrattwali speċifiċi (sentenza Mercedes-Benz Group, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91

Barra min hekk, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 692/2008, “Il-manifattur għandu jiżgura li t-tagħmir sostitut għall-kontroll tat-tniġġis maħsub biex jitwaħħal fuq vetturi approvati għat-tip KE koperti mill-ambitu tar-Regolament [Nru 715/2007] jkunu approvati għat-tip KE, bħala unitajiet tekniċi separati fit-tifsira ta’ l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva [2007/46], [2007/46], skond l-Artikolu 12, l-Artikolu 13 u l-Anness XII ta’ dan ir-Regolament” (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Volkswagen,C‑134/20, EU:C:2022:571, punt 91).

92

Minn dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 715/2007 u Nru 692/2008 jirriżulta li t-tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis għandu josserva l-obbligi previsti mir-Regolament Nru 715/2007, kemm jekk ikun installat oriġinarjament jew wara d-dħul fis-servizz ta’ vettura (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Volkswagen,C‑134/20, EU:C:2022:571, punt 92).

93

Min-naħa l-oħra, li l-manifatturi tal-vetturi jitħallew jinstallaw, wara d-dħul fis-servizz ta’ vettura, tagħmir ta’ riduzzjoni li ma josservax dawn l-obbligi, imur kontra l-għan imfittex mir-Regolament Nru 715/2007, li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u, b’mod iktar speċifiku, li jitnaqqsu kunsiderevolment l-emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu (NOx) tal-vetturi b’magna diżil sabiex tiġi mtejba l-kwalità tal-arja u jiġu osservati l-valuri limitu f’termini ta’ tniġġis (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Volkswagen,C‑134/20, EU:C:2022:571, punt 93).

94

Il-fatt li tagħmir ta’ riduzzjoni ġie installat wara d-dħul fis-servizz ta’ vettura, waqt tiswija fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 1999/44/KE ma huwiex rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk l-użu ta’ dan it-tagħmir huwiex ipprojbit skont dan l-Artikolu 5(2), moqri flimkien mal-punt 10 tal-Artikolu 3 tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Volkswagen,C‑134/20, EU:C:2022:571, punt 94).

95

Fil-fatt, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk tagħmir ta’ riduzzjoni kienx oriġinarjament installat, jiġifieri fil-mument tal-approvazzjoni tat-tip tal-KE, jew jekk kienx installat wara, dan it-tagħmir huwa ta’ natura li joħloq inċertezza fir-rigward tal-possibbiltà ta’ reġistrazzjoni, ta’ bejgħ jew ta’ tqegħid fis-servizz tal-imsemmija vettura u, eventwalment, li jippreġudika lix-xerrej ta’ vettura b’tali tagħmir (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mercedes-Benz Group, punt 84).

96

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007 kif ukoll l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 692/2008 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jeżiġu li x-xerrej ta’ vettura jkollu dritt għal kumpens fir-rigward tal-manifattur tal-vetturi, meta dan ix-xerrej ikun ġarrab dannu dovut għal tagħmir ta’ riduzzjoni illegali, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 5(2), installat minn dan il-manifattur permezz ta’ aġġornament ta’ softwer wara l-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ din il-vettura.

Fuq it‑tielet domanda

97

Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, minn naħa, li jitnaqqas mill-ammont tal-kumpens dovut lix-xerrej ta’ vettura mgħammra b’tagħmir ta’ riduzzjoni illegali, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, li ġarrab dannu kkawżat minn dan it-tagħmir, ammont li jikkorrispondi għall-benefiċċju miksub mill-użu ta’ din il-vettura u, min-naħa l-oħra, limitazzjoni ta’ dan il-kumpens għal ammont li jirrappreżenta 15 % tal-prezz tax-xiri tal-vettura.

98

Għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw il-modalitajiet ta’ kisba ta’ kumpens mix-xerrejja ta’ tali vettura għad-danni kkawżati mit-tagħmir ta’ riduzzjoni illegali mgħammar b’din il-vettura, huwa kull Stat Membru li għandu jiddetermina dawn il-modalitajiet.

99

Madankollu, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, ma ta humiex konformi mal-prinċipju ta’ effettività, modalitajiet iddeterminati mill-Istati Membri li kunx konformi mal-prinċipju ta’ effettività leġiżlazzjoni nazzjonali li jirrendu, fil-prattika, impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-kisba, mix-xerrej ta’ vettura bil-mutur, ta’ kumpens adegwat għad-danni kkawżati lilu mill-ksur, mill-manifattur ta’ din il-vettura, tal-projbizzjoni stabbilita fl-imsemmi Artikolu 5(2).

100

Bla ħsara għal din ir-riżerva, għandu jiġi rrilevat li l-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw li l-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, inkluż dak tax-xerrej ta’ vettura bil-mutur għal kumpens adegwat għad-danni kkawżati lilu mill-ksur, mill-manifattur ta’ din il-vettura, tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, ma twassalx għal arrikkiment indebitu tal-aventi kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mercedes-Benz Group, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101

B’hekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-imputazzjoni tal-benefiċċju miksub minn vantaġġ għax-xerrej ikkonċernat fil-kuntest tal-użu tal-vetturi inkwistjoni jew, f’dan il-każ, dik tal-benefiċċju miksub mill-użu effettiv tal-vetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tiżgurax tali kumpens adegwat lix-xerrejja kkonċernati, sakemm jiġi stabbilit li dawn tal-aħħar ġarrbu dannu marbut mal-installazzjoni ta’ tagħmir ta’ riduzzjoni pprojbit f’dawn il-vetturi, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 5(2) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mercedes-Benz Group, punt 95).

102

F’dan il-kuntest, il-fatt li Stat Membru jistabbilixxi rabta bejn il-prezz tax-xiri ta’ tali vettura u l-ammont tal-kumpens li jikkumpensa d-dannu mġarrab mix-xerrej tal-vettura kkonċernata ma jistax jitqies li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni, sa fejn l-evalwazzjoni tal-portata ta’ dan id-dannu, li timmaterjalizza ruħha b’mod partikolari fir-riskju li din il-vettura ma tkunx tista’ tiġi rreġistrata, mibjugħa jew imqiegħda fis-servizz, hija marbuta mal-prezz tax-xiri.

103

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-Bundesgerichtshof, il-portata tal-kumpens għad-dannu taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu, iżda ma tistax tkun inqas minn 5 % ta’ dan il-prezz tax-xiri, jew tkun ogħla minn 15 % tal-istess prezz, għal raġunijiet ta’ proporzjonalità.

104

Konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, id-determinazzjoni, minn Stat Membru, ta’ tali firxa tat-kumpens li tikkonsisti f’perċentwali minima u perċentwali massima tal-prezz tax-xiri, sabiex jiġi ffissat l-ammont ta’ kumpens adegwat li minnu għandu jibbenefika x-xerrej tal-vettura kkonċernata lanqas ma tista’, bħala prinċipju, titqies li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, sakemm din il-firxa ma twassalx għal kumpens inadegwat għad-dannu mġarrab mix-xerrej ta’ vettura li għandha tagħmir ta’ riduzzjoni.

105

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li CM talab il-ħlas ta’ somma li tirrappreżenta 20 % tal-prezz tax-xiri u, fin-nuqqas ta’ dan, mill-inqas 15 % ta’ dan il-prezz, filwaqt li DS talab il-ħlas ta’ kumpens li tħalla għall-evalwazzjoni ta’ din il-qorti, mingħajr ma dan jista’ jkun inqas mill-ekwivalenti ta’ 15 % tal-prezz tax-xiri.

106

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-firxa tat-kumpens imsemmija fil-punt 103 ta’ din is-sentenza tirrendix prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-kisba minn CM u DS ta’ kumpens adegwat għad-danni mġarrba.

107

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, minn naħa, li jitnaqqas mill-ammont tal-kumpens dovut lix-xerrej ta’ vettura mgħammra b’tagħmir ta’ riduzzjoni illegali, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, li ġarrab dannu kkawżat minn dan it-tagħmir, ammont li jikkorrispondi għall-benefiċċju miksub mill-użu ta’ din il-vettura u, min-naħa l-oħra, limitazzjoni ta’ dan il-kumpens għal ammont li jirrappreżenta 15 % tal-prezz tax-xiri tal-vettura, sakemm l-imsemmi kumpens jikkostitwixxi kumpens adegwat għad-dannu mġarrab.

Fuq l‑ispejjeż

108

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 18(1), l-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Qafas) kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 385/2009 tas-7 ta’ Mejju 2009, moqrija flimkien mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu, fil-kuntest ta’ azzjoni mressqa mix-xerrej ta’ vettura bil-mutur għal kumpens għad-dannu kkawżat mill-preżenza f’din il-vettura ta’ tagħmir ta’ riduzzjoni illegali, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 5(2), li l-manifattur tal-vettura jkun jista’ jinvoka, bħala raġuni għal eżenzjoni mir-responsabbiltà tiegħu f’dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ żball insormontabbli fir-rigward tal-illegalità ta’ dan it-tagħmir dovuta għall-fatt li approvazzjoni tat-tip tal-KE tal-imsemmi tagħmir jew tal-vettura li hija mgħammra bih ingħatat mill-awtorità nazzjonali kompetenti jew li din l-awtorità, li kieku ġiet mistoqsija minn dan il-manifattur, kienet tikkonferma l-evalwazzjoni legali tiegħu fir-rigward tan-natura legali tat-tagħmir ta’ riduzzjoni kkonċernat.

 

2)

l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007 kif ukoll l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 692/2008 tat-18 ta’ Lulju 2008 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 566/2011 tat-8 ta’ Ġunju 2011,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jeżiġu li x-xerrej ta’ vettura jkollu dritt għal kumpens fir-rigward tal-manifattur tal-vetturi, meta dan ix-xerrej ikun ġarrab dannu dovut għal tagħmir ta’ riduzzjoni illegali, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 5(2), installat minn dan il-manifattur permezz ta’ aġġornament ta’ softwer wara l-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ din il-vettura.

 

3)

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, minn naħa, li jitnaqqas mill-ammont tal-kumpens dovut lix-xerrej ta’ vettura mgħammra b’tagħmir ta’ riduzzjoni illegali, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, li ġarrab dannu kkawżat minn dan it-tagħmir, ammont li jikkorrispondi għall-benefiċċju miksub mill-użu ta’ din il-vettura u, min-naħa l-oħra, limitazzjoni ta’ dan il-kumpens għal ammont li jirrappreżenta 15 % tal-prezz tax-xiri tal-vettura, sakemm l-imsemmi kumpens jikkostitwixxi kumpens adegwat għad-dannu mġarrab.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top