Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CJ0600

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-1 ta’ Awwissu 2025.
Royal Football Club Seraing vs Fédération internationale de football association (FIFA) et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour de cassation (Il-Belġju).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 19(1) TUE – Obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal rimedju effettiv – Possibbiltà li jintuża l-arbitraġġ – Arbitraġġ bejn individwi – Arbitraġġ impost – Deċiżjoni ta’ korp ta’ federazzjoni sportiva internazzjonali li timponi sanzjoni – Deċiżjoni tal-Qorti tal-Arbitraġġ għall-Isport (QAS) ikkonfermata b’deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat terz – Rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti, lil din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, l-awtorità ta’ res judicata bejn il-partijiet u saħħa probatorja fir-rigward ta’ terzi – Setgħat u obbligi tal-qrati nazzjonali li quddiemhom ġiet invokata l-imsemmija deċiżjoni ta’ arbitraġġ – Stħarriġ effettiv tal‑konformità ta’ tali deċiżjoni ta’ arbitraġġ mal-prinċipji u mad-dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt l-ordni pubbliku tal-Unjoni.
Kawża C-600/23.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2025:617

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

1 ta’ Awwissu 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 19(1) TUE – Obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal rimedju effettiv – Possibbiltà li jintuża l-arbitraġġ – Arbitraġġ bejn individwi – Arbitraġġ impost – Deċiżjoni ta’ korp ta’ federazzjoni sportiva internazzjonali li timponi sanzjoni – Deċiżjoni tal-Qorti tal-Arbitraġġ għall-Isport (QAS) ikkonfermata b’deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat terz – Rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti, lil din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, l‑awtorità ta’ res judicata bejn il-partijiet u saħħa probatorja fir-rigward ta’ terzi – Setgħat u obbligi tal-qrati nazzjonali li quddiemhom hija invokata l-imsemmija deċiżjoni ta’ arbitraġġ – Stħarriġ effettiv tal-konformità ta’ tali deċiżjoni ta’ arbitraġġ mal-prinċipji u mad‑dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt l-ordni pubbliku tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑600/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Settembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Ottubru 2023, fil-proċedura

Royal Football Club Seraing SA

vs

Fédération internationale de futbol association (FIFA),

Union des associations européennes de football (UEFA),

Union royale belge des sociétés de football association ASBL (URBSFA),

fil-preżenza ta’:

Doyen Sports Investment Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, K. Jürimäe, C. Lycourgos, I. Jarukaitis, M. L. Arastey Sahún, S. Rodin, A. Kumin, N. Jääskinen u D. Gratsias, Presidenti ta’ Awla, E. Regan, I. Ziemele, J. Passer (Relatur) u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: C. Di Bella, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑1 ta’ Ottubru 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Royal Football Club Seraing SA, minn J.-L. Dupont, M. Hissel u F. Stockart, avocats, F. Irurzun, abogado, u M. Orth, Rechtsanwalt,

għall-Fédération internationale de football association (FIFA), minn A. Laes, avocat, u D. Van Liedekerke, advocaat,

għall-Union des associations européennes de football (UEFA), minn P. González-Espejo García, abogado, B. Keane, D. Slater u D. Waelbroeck, avocats,

għall-Union royale belge des sociétés de football association ASBL (URBSFA), minn N. Cariat u A. Stévenart, avocats, u E. Matthys, advocaat,

għal Doyen Sports Investment Ltd, minn M. Hissel, avocat,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, L. Jans, C. Pochet u M. Van Regemorter, bħala aġenti, assistiti minn Y. Herinckx, avocat,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u A. Hoesch, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn K. Boskovits, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn B. Fodda, J.-B. Merlin, M. Raux u B. Travard, bħala aġenti,

għall-Gvern Litwan, minn S. Grigonis u V. Kazlauskaitė-Švenčionienė, bħala aġenti,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. H. S. Gijzen, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Erlbacher, T. Maxian Rusche, S. Noë u F. Ronkes Agerbeek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali fis-seduta tas‑16 ta’ Jannar 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 267 TFUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Royal Football Club Seraing SA (iktar ’il quddiem “RFC Seraing”), minn naħa, u l-Fédération internationale de football association (FIFA), l-Union des associations européennes de football (UEFA) u l-Union royale belge des sociétés de football association ASBL (URBSFA), min-naħa l-oħra, dwar talba għal dikjarazzjoni ta’ nullità, għal adozzjoni ta’ ordnijiet u għal kumpens għad-danni li RFC Seraing tqis li ġarrbet minħabba l-implimentazzjoni, minn dawn it-tliet assoċjazzjonijiet, ta’ regoli li għandhom jitqiesu li huma nulli minħabba li jiksru d-dritt tal-Unjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni.”

4

L-Artikolu 267 TFUE jipprevedi:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea għandha jkollha l-kompetenza li tagħti sentenzi preliminari dwar:

a)

l-interpretazzjoni tat-Trattati;

b)

il-validità u l-interpretazzjoni ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet, korpi jew organi ta’ l-Unjoni [Ewropea].

Meta l-kwistjoni titqajjem quddiem xi qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru, dik il-Qorti jew tribunal jistgħu, jekk ikun jidhrilhom li deċiżjoni fuq dik il-kwistjoni tkun meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza, jitolbu lill-Qorti sabiex tagħti deċiżjoni dwarha.

[…]”

5

L-Artikolu 47 tal-Karta, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, huwa fformulat kif ġej:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.

[…]”

Id-dritt Belġjan

Il-Kodiċi Ġudizzjarju

6

Il-Kodiċi Ġudizzjarju, kif emendat bil-liġi dwar diversi dispożizzjonijiet fil-qasam tal-ġustizzja, tal‑21 ta’ Diċembru 2018 (Moniteur belge tal‑31 ta’ Diċembru 2018, p. 106560) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ġudizzjarju”), jinkludi l-ewwel parti, intitolata “Prinċipji ġenerali”. Din l-ewwel parti tinkludi l-Kapitolu III, intitolat “Sentenzi u deċiżjonijiet”, li fih jinsab l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 ta’ dan il-kodiċi, li jipprovdi:

“Is-sentenza hija definittiva sa fejn teżawrixxi l-ġurisdizzjoni tal-qorti fuq kwistjoni kontenzjuża, ħlief ir-rimedji previsti mil-liġi.”

7

L-imsemmija l-ewwel parti tinkludi l-Kapitolu IV, intitolat “Dwar ir-res judicata”. Dan il-Kapitolu IV jiġbor fih l-Artikoli 23 sa 28 tal-imsemmi kodiċi, li jipprevedu dan li ġej:

“Artikolu 23

L-awtorità ta’ res judicata tiġi fis-seħħ biss fir-rigward ta’ dak li kien is-suġġett tad-deċiżjoni. Jeħtieġ li l-oġġett mitlub ikun l-istess; li t-talba tkun ibbażata fuq l-istess kawża, irrispettivament mill-bażi legali invokata; li t-talba tkun bejn l-istess partijiet, u tkun magħmula minnhom u kontra tagħhom fl-istess kwalità. L-awtorità ta’ res judicata madankollu ma testendix għat-talba bbażata fuq l-istess kawża iżda li l-qorti ma setgħetx tieħu konjizzjoni tagħha fid-dawl tal-bażi legali li fuqha hija tibbaża ruħha.

Artikolu 24

Kull deċiżjoni definittiva għandha, mal-għoti tagħha, l-awtorità ta’ res judicata.

Artikolu 25

L-awtorità ta’ res judicata tipprekludi r-repetizzjoni tat-talba.

Artikolu 26

L-awtorità ta’ res judicata tissussisti sakemm id-deċiżjoni ma tkunx ġiet annullata.

Artikolu 27

L-eċċezzjoni ta’ res judicata tista’ tiġi invokata fi kwalunkwe każ quddiem il-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu adita bit-talba.

Din ma tistax titqajjem ex officio mill-qorti.

Artikolu 28

Kull deċiżjoni tikseb l-awtorità ta’ res judicata malli ma tkunx għadha suġġetta għal oppożizzjoni jew appell, ħlief għall-eċċezzjonijiet previsti mil-liġi u mingħajr preġudizzju għall-effetti ta’ rimedji straordinarji.”

8

Il-Kodiċi Ġudizzjarju jinkludi wkoll is-Sitt Parti, intitolata “L‑arbitraġġ”. Fi ħdan il-Kapitolu VI ta’ din is-Sitt Parti, intitolat “Deċiżjoni ta’ arbitraġġ u għeluq tal-proċedura”, jinsab l-Artikolu 1713 ta’ dan il-kodiċi, li jinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“§ 1. It-tribunal tal-arbitraġġ jiddeċiedi definittivament jew qabel jaqta’ t-tilwima permezz ta’ deċiżjoni waħda jew iktar.

[…]

§ 9. Id-deċiżjoni għandha, fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet, l-istess effetti bħal deċiżjoni ta’ qorti.”

9

Il-Kapitolu VIII tal-imsemmija sitt parti, intitolat “Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ arbitraġġ”, jinkludi b’mod partikolari l‑Artikoli 1719 sa 1721 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, li jaqraw kif ġej:

“Artikolu 1719

§ 1. Id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, mogħtija fil-Belġju jew barra mill-pajjiż, tista’ tkun is-suġġett ta’ eżekuzzjoni forzata biss wara li tkun ingħatat il-forma eżekuttiva, kompletament jew parzjalment, mill-qorti tal-ewwel istanza skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 1720.

§ 2. Il-qorti tal-ewwel istanza tista’ tagħti lid-deċiżjoni l-forma eżekuttiva biss jekk id-deċiżjoni ma tkunx għadha tista’ tiġi kkontestata quddiem l-arbitri jew jekk l-arbitri jkunu ordnaw l-eżekuzzjoni provviżorja tagħha minkejja appell.

Artikolu 1720

§ 1. Il-qorti tal-ewwel istanza għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ talba dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija fil-Belġju jew barra mill-pajjiż.

[…]

§ 2. Meta d-deċiżjoni tkun ingħatat barra mill-pajjiż, il-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni territorjali hija l-qorti tal-ewwel istanza tas-sede tal-qorti tal-appell li fil-ġurisdizzjoni tagħha l-persuna li kontriha tintalab id-dikjarazzjoni eżekuttiva għandha d-domiċilju tagħha u, fin-nuqqas ta’ domiċilju, ir-residenza abitwali tagħha jew, jekk ikun il-każ, is-sede tagħha, jew fin-nuqqas ta’ dan, l-istabbiliment jew il-fergħa tagħha. […]

[…]

§ 5. Id-deċiżjoni tista’ tiġi rrikonoxxuta jew iddikjarata eżegwibbli biss jekk ma tiksirx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 1721.

Artikolu 1721

§ 1. Il-qorti tal-ewwel istanza għandha tirrifjuta r-rikonoxximent u d-dikjarazzjoni eżekuttiva ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ, irrispettivament mill-pajjiż fejn tkun ingħatat, biss fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:

[…]

b)

jekk il-qorti tal-ewwel istanza tikkonstata:

[…]

ii)

li r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tkun kuntrarja għall-ordni pubbliku.

[…]”

Il-liġi dwar il-Kodiċi tad-Dritt Internazzjonali Privat

10

L-Artikolu 22 tal-Liġi dwar il-Kodiċi tad-Dritt Internazzjonali Privat, tas‑16 ta’ Lulju 2004 (Moniteur belge tas‑27 ta’ Lulju 2004, p. 57344), intitolat “Rikonoxximent u dikjarazzjoni tas-saħħa eżekuttiva tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji barranin”, jipprovdi:

“1.   Deċiżjoni ġudizzjarja barranija eżegwibbli fl-Istat fejn tkun ingħatat għandha tiġi ddikjarata eżegwibbli fil-Belġju, kompletament jew parzjalment, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 23.

Deċiżjoni ġudizzjarja barranija hija rrikonoxxuta fil-Belġju, kompletament jew parzjalment, mingħajr il-ħtieġa li wieħed jirrikorri għall-proċedura prevista fl-Artikolu 23.

Jekk ir-rikonoxximent jiġi invokat b’mod inċidentali quddiem qorti Belġjana, dik il-qorti jkollha l-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha.

Id-deċiżjoni tista’ tiġi rrikonoxxuta jew iddikjarata eżegwibbli biss jekk ma tiksirx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 25.

2.   Kull persuna li għandha interess […] tista’ titlob dikjarazzjoni, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 23, li d-deċiżjoni għandha tiġi rrikonoxxuta jew iddikjarata eżegwibbli, kompletament jew parzjalment, jew li ma tistax tiġi eżegwita.

3.   Fis-sens ta’ din il-liġi:

it-terminu deċiżjoni ġudizzjarja jkopri kull deċiżjoni mogħtija minn awtorità li teżerċita setgħa ta’ qorti;

ir-rikonoxximent jistabbilixxi bħala dritt dak li ġie deċiż barra mill-pajjiż.”

Ir‑regoli adottati mill‑FIFA

L-Istatut tal-FIFA

11

Il-FIFA hija assoċjazzjoni rregolata mid-dritt privat li għandha s-sede tagħha f’Zurich (l-Isvizzera).

12

Skont l-Artikolu 2 tal-Istatut tal-FIFA, fl-edizzjoni tiegħu tax-xahar ta’ Mejju 2024, li jikkorrispondi, essenzjalment u bla ħsara għan-numerazzjoni mill-ġdid tiegħu, għall-edizzjonijiet annwali preċedenti ta’ dan l-istatut, din l-assoċjazzjoni għandha l-għan, b’mod partikolari, “li tistabbilixxi regoli u dispożizzjonijiet li jirregolaw il-futbol u l‑kwistjonijiet relatati miegħu, u li tiżgura l-osservanza tagħhom”, kif ukoll “li tikkontrolla l-futbol f’kull forma tiegħu permezz tal-adozzjoni tal-miżuri kollha li huma neċessarji jew li jistgħu jiġu rrakkomandati sabiex jiġi evitat il-ksur tal-istatut, tar-regolamenti, tad-deċiżjonijiet tal-FIFA u tal-liġijiet tal-logħba” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fil-livell dinji.

13

Skont l-Artikoli 11 u 14 ta’ dan l-istatut, kull “assoċjazzjoni responsabbli mill-organizzazzjoni u l-kontroll tal-futbol” f’pajjiż partikolari tista’ ssir membru tal-FIFA bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li l-ewwel timpenja ruħha li tikkonforma ruħha, fost l-oħrajn, mal-istatut, mar-regolamenti u mad-direttivi tal-FIFA kif ukoll mad-deċiżjonijiet tal-korpi tagħha. Bħala membru tal-FIFA, tali assoċjazzjoni għandha, skont l-Artikoli 14 u 15 tal-imsemmi statut, l-obbligu, b’mod partikolari, li ġġiegħel lill-membri tagħha josservaw l-istatut, ir-regolamenti, id-direttivi tal-FIFA u d-deċiżjonijiet tal-korpi tagħha, kif ukoll li tiżgura li dawn jiġu osservati mill-atturi kollha tal-futbol, b’mod partikolari l-ligs u l-klabbs li huma suġġetti għaliha, skont l-Artikolu 20 tal-istess statut, kif ukoll il-plejers. Barra minn hekk, tali assoċjazzjoni għandha tissottometti ruħha għall-ġurisdizzjoni u għad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Arbitraġġ għall-Isport (QAS), u tipprevedi, fl-istatut tagħha stess, dispożizzjonijiet li jipprovdu li dawn l-atturi kollha għandhom huma wkoll jirrikonoxxu espliċitament lil din il-qorti u lil dawn id-deċiżjonijiet. Fil-prattika, bħalissa iktar minn 200 assoċjazzjoni nazzjonali tal-futbol huma membri tal-FIFA. Fost dawn il-membri hemm l-URBSFA, li għandha s-sede tagħha fil-Belġju u li l-għan tagħha huwa li tiżgura l-organizzazzjoni u l-promozzjoni tal-futbol f’dan l-Istat Membru.

14

L-Artikolu 44 tal-Istatut tal-FIFA, intitolat “Korpi ġudizzjarji”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-korpi ġudizzjarji tal-FIFA huma:

a)

il-Kumitat tad-Dixxiplina;

[…]

c)

il-Kumitat tal-Appell.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15

L-Artikolu 47 ta’ dan l-istatut, intitolat “Kumitat tal-Appell”, jipprovdi:

“1.   Il-funzjonament tal-Kumitat tal-Appell huwa rregolat mill-Kodiċi Dixxiplinari u mill-Kodiċi tal-Etika tal-FIFA.

2.   Il-Kumitat tal-Appell jittratta l-appelli mressqa kontra d-deċiżjonijiet tal-Kumitat tad-Dixxiplina li dan l-istatut u r-regolamenti tal-FIFA ma jiddikjarawx li huma definittivi.

3.   Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat tal-Appell huma definittivi u vinkolanti għall-partijiet ikkonċernati kollha, bla ħsara għall-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Arbitraġġ għall-Isport (QAS).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16

It-Taqsima IX tal-imsemmi statut, intitolata “Arbitraġġ”, tinkludi l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 49. Il-Qorti tal-Arbitraġġ għall-Isport (QAS)

1. Il-FIFA tirrikonoxxi l-użu tal-Qorti tal-Arbitraġġ għall-Isport (QAS), qorti tal-arbitraġġ indipendenti li s-sede tagħha tinsab f’Lausanne (l-Isvizzera), fil-każ ta’ tilwim bejn il-FIFA, l-assoċjazzjonijiet membri, il-konfederazzjonijiet, il-ligs, il-klabbs, il-plejers, l-uffiċjali, l-aġenti u l-aġenti li jorganizzaw il-logħbiet.

2. Il-proċedura tal-arbitraġġ hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Arbitraġġ dwar l-Isport tal-QAS. Il-QAS tapplika fl-ewwel lok id-diversi regolamenti tal-FIFA kif ukoll id-dritt Svizzeru b’mod supplenti.

[…]

Artikolu 50. Ġurisdizzjoni tal-QAS

1. Kull azzjoni kontra deċiżjonijiet meħuda fl-aħħar istanza mill-FIFA u l-korpi tagħha għandha titressaq quddiem il-QAS […]

[…]

4. L-azzjoni ma għandhiex effett ta’ sospensjoni. Il-korp deċiżjonali kompetenti tal-FIFA, jew fejn applikabbli l-QAS, jista’ jagħti effett sospensiv lill-azzjoni.

[…]

Artikolu 51. Obbligi dwar ir-riżoluzzjoni tat-tilwim

1. Il-konfederazzjonijiet, l-assoċjazzjonijiet membri u l-ligs jintrabtu li jirrikonoxxu l-QAS bħala korp ġudizzjarju indipendenti. Huma jintrabtu li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex il-membri tagħhom kif ukoll il-plejers u l-uffiċjali tagħhom jissottomettu ruħhom għall-arbitraġġ tal-QAS. […]

2. L-użu ta’ qrati ordinarji huwa pprojbit, sakemm ir-regolamenti tal-FIFA ma jipprovdix għal dan speċifikament. L-użu tal-qrati ordinarji għat-tipi kollha ta’ miżuri provviżorji huwa pprojbit ukoll.

3. L-assoċjazzjonijiet għandhom idaħħlu fl-istatut jew fir-regolamenti tagħhom dispożizzjoni li, fil-każ ta’ tilwim fi ħdan l-assoċjazzjoni jew fil-każ ta’ tilwim dwar il-ligs, il-membri tal-ligs, il-klabbs, il-membri tal-klabbs, il-plejers, l-uffiċjali u membri oħra tal-assoċjazzjoni, tipprojbixxi l-użu ta’ qrati ordinarji sakemm ir-regoli tal-FIFA u kif ukoll dispożizzjonijiet legali vinkolanti ma jipprovdux jew ma jistipulawx espressament l-użu tal-qrati ordinarji. B’hekk, għandha tkun prevista ġurisdizzjoni ta’ arbitraġġ minflok qrati ordinarji. It-tilwim hawn fuq imsemmi għandu jitressaq quddiem il-QAS jew quddiem qorti tal-arbitraġġ ordinarja u indipendenti rrikonoxxuta mir-regoli ta’ assoċjazzjoni jew ta’ konfederazzjoni.

L-assoċjazzjonijiet għandhom jiżguraw ukoll li din id-dispożizzjoni tiġi implimentata fl-assoċjazzjoni, jekk meħtieġ billi dan l-obbligu jiġi ttrasferit lill-membri tagħhom. L-assoċjazzjonijiet huma marbuta, minn naħa, li jissanzjonaw kull parti li ma tikkonformax ma’ dawn l-obbligi u, min-naħa l-oħra, li jistipulaw li r-rimedji kontra s-sanzjonijiet mogħtija jkunu bl-istess mod suġġetti biss għall-ġurisdizzjoni ta’ arbitraġġ u ma jistgħux jitressqu quddiem qorti ordinarja.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Ir-Regolament dwar l-Istatus u t-Trasferiment tal-Plejers

17

Fit‑22 ta’ Marzu 2014, il-FIFA adottat regolament intitolat “Regolament dwar l-Istatus u t-Trasferiment ta’ Plejers”, li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Awwissu 2014. Dan ir-regolament iħassar u jissostitwixxi regolament preċedenti bl-istess titolu, li kien ġie ppromulgat fil‑5 ta’ Lulju 2001.

18

L-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-regolament jistabbilixxi regoli universali u vinkolanti dwar l-istatus tal-plejers u l-eliġibbiltà tagħhom sabiex jieħdu sehem fil-futbol organizzat, kif ukoll it-trasferiment tagħhom bejn klabbs li jappartjenu għal diversi assoċjazzjonijiet. ” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

19

L-istess regolament ġie emendat matul ix-xahar ta’ Diċembru 2014 (iktar ’il quddiem ir-“RSTP”). Id-dispożizzjonijiet li jirriżultaw minn din l-emenda jinkludu b’mod partikolari l-Artikolu 18a tar-RSTJ, intitolat “Influwenza ta’ terz fuq il-klabbs”, li jipprevedi:

“1.   L-ebda klabb ma jista’ jiffirma kuntratt li jippermetti lill-klabb(s) avversarju(i), u viċi versa, jew lil xi parti oħra jew lil terzi jakkwistaw fl-ambitu tax-xogħol jew tat-trasferimenti l-kapaċità li jinfluwenzaw l-indipendenza jew il-politika tal-klabb jew il-prestazzjonijiet tat-timijiet tiegħu.

2.   Il-Kumitat tad-Dixxiplina tal-FIFA jista’ jimponi sanzjonijiet fuq il-klabbs li ma josservawx l-obbligi stipulati f’dan l-artikolu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

20

Dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu wkoll l-Artikolu 18b tar-RSTP, intitolat “Proprjetà tad-drittijiet ekonomiċi tal-plejers minn terzi”, li huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-ebda klabb jew plejer ma jista’ jiffirma ftehim ma’ terz li jippermettilu jitlob, parzjalment jew kompletament, kumpens pagabbli fir-rigward tat-trasferiment futur ta’ plejer minn klabb għal klabb ieħor, jew li jingħata kull dritt fir-rigward ta’ trasferiment futur jew kumpens għal trasferiment futur.

2.   Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 tidħol fis-seħħ fl‑1 ta’ Mejju 2015.

3.   Il-ftehimiet koperti mill-paragrafu 1 ta’ qabel l‑1 ta’ Mejju 2015 jistgħu jibqgħu validi sal-iskadenza kuntrattwali tagħhom. Madankollu, it-tul ta’ żmien tagħhom ma jistax jiġi estiż.

4.   It-tul ta’ kull ftehim kopert mill-paragrafu 1 iffirmat bejn l‑1 ta’ Jannar 2015 u t‑30 ta’ April 2015 ma jistax jaqbeż sena mid-data effettiva.

5.   Minn issa sal-aħħar tax-xahar ta’ April 2015, il-ftehimiet kollha eżistenti koperti mill-paragrafu 1 għandhom jidħlu fis-[Sistema Regolatorja tat-Trasferimenti (SRT)]. Il-klabbs kollha li jkunu ffirmaw ftehimiet ta’ dan it-tip għandhom jissottomettuhom – fl-intier tagħhom u filwaqt li jinkludu kull emenda jew anness – fis-SRT, filwaqt li jispeċifikaw l-informazzjoni dwar it-terz ikkonċernat, l-isem sħiħ tal-plejer u t-tul ta’ żmien tal-ftehim.

6.   Il-Kumitat tad-Dixxiplina tal-FIFA jista’ jimponi sanzjonijiet dixxiplinari fuq il-klabbs li ma josservawx l-obbligi inklużi f’dan l-artikolu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il‑fatti tal‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali

Il-kuntratti konklużi bejn RFC Seraing u Doyen

21

RFC Seraing hija klabb tal-futbol organizzat fil-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita fil-Belġju u affiljata mal-URBSFA.

22

Fit‑30 ta’ Jannar 2015, RFC Seraing ikkonkludiet l-ewwel kuntratt ma’ Doyen Sports Investment Ltd (iktar ’il quddiem “Doyen”), li hija kumpannija stabbilita f’Malta u li għandha bħala attività ekonomika prinċipali l-assistenza finanzjarja lill-klabbs tal-futbol fl-Ewropa. Dan l-ewwel kuntratt kellu l-għan, minn naħa, li jirregola l-konklużjoni futura ta’ ftehimiet ta’ finanzjament għal plejers u, min-naħa l-oħra, li jassenja lil Doyen parti mid-“drittijiet ekonomiċi” ta’ RFC Seraing fuq tliet plejers speċifiċi. Dawn id-drittijiet ekonomiċi għandhom l-għan li jirriflettu l-valur finanzjarju tal-plejers. Dawn huma marbuta mad-“drittijiet federattivi” li klabb jikseb meta jimpjega plejer partikolari, bħad-dritt li jirreġistra lil dan il-plejer jew id-dritt li jilagħbu. L-eżerċizzju tagħhom jippermetti lill-klabb li jżommhom li jirċievi s-somom dovuti, pereżempju, fil-każ ta’ self jew ta’ trasferiment tal-imsemmi plejer, abbażi tal-użu jew taċ-ċessjoni tad-drittijiet ta’ immaġni tiegħu jew ukoll minħabba t-terminazzjoni tal-kuntratt tiegħu.

23

Skont dan l-ewwel kuntratt, li t-terminu tiegħu kien stabbilit għall‑1 ta’ Lulju 2018, Doyen saret proprjetarja ta’ 30 % tad-drittijiet ekonomiċi miżmuma minn RFC Seraing fuq it-tliet plejers ikkonċernati u, bħala korrispettiv, ħallsitha s-somma ta’ EUR 300000. Min-naħa tagħha, RFC Seraing kienet ipprojbita milli tassenja “b’mod indipendenti u awtonomu” lil terz il-bqija tad-drittijiet ekonomiċi tagħha fuq dawn il-plejers.

24

Fis‑7 ta’ Lulju 2015, RFC Seraing u Doyen ikkonkludew it-tieni kuntratt (iktar ’il quddiem, flimkien mal-ewwel kuntratt, il-“kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali”). Dan kien jistipula ċ-ċessjoni lil Doyen ta’ 25 % tad-drittijiet ekonomiċi miżmuma minn RFC Seraing fuq ir-raba’ plejer, inkambju għall-ħlas, minn Doyen, tas-somma ta’ EUR 50000.

Il-proċeduri dixxiplinari u arbitrali mmexxija fl-Isvizzera

25

Wara investigazzjoni, il-FIFA, li aġixxiet bl-għajnuna tal-URBSFA, fetħet, fit‑2 ta’ Lulju 2015, proċedura dixxiplinari kontra RFC Seraing, li kellha bħala suġġett ksur possibbli tal-Artikoli 18a u 18b tar-RSTP minħabba l-konklużjoni minn din tal-aħħar tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

26

Fl‑4 ta’ Settembru 2015, il-Kumitat tad-Dixxiplina tal-FIFA adotta deċiżjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Kumitat tad-Dixxiplina tal-FIFA”) li permezz tagħha huwa, qabelxejn, iddikjara li RFC Seraing kienet kisret l-Artikoli 18a u 18b tar-RSTP meta kkonkludiet il-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, dan il-kumitat ipprojbixxa lil dan il-klabb milli jirreġistra plejers għal erba’ perijodi ta’ reġistrazzjoni konsekuttivi, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell internazzjonali. Fl-aħħar nett, l-imsemmi kumitat impona fuq dan il-klabb multa ta’ 150000 frank Svizzeru (jiġifieri madwar EUR 138000 b’applikazzjoni tar-rata tal-kambju applikabbli dak iż-żmien), pagabbli f’terminu ta’ 30 jum min-notifika tad-deċiżjoni tiegħu.

27

Fit‑30 ta’ Novembru 2015, RFC Seraing appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Kumitat tal-Appell tal-FIFA. Barra minn hekk, fit‑3 ta’ Diċembru 2015, dan il-klabb talab lil dan il-kumitat, fid-dawl tal-assenza ta’ effett sospensiv ta’ tali appell, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. Fl‑4 ta’ Diċembru 2015, il-president tal-imsemmi kumitat laqa’ din it-talba.

28

Fis‑7 ta’ Jannar 2016, il-Kumitat tal-Appell tal-FIFA ċaħad l-appell ippreżentat minn RFC Seraing kontra d-deċiżjoni tal-Kumitat tad-Dixxiplina tal-FIFA (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell tal-FIFA”).

29

Fid‑9 ta’ Marzu 2016, RFC Seraing ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell tal-FIFA quddiem il‑QAS. Barra minn hekk, fis‑17 ta’ Marzu 2016, dan il-klabb talab lil dan il-korp, fid-dawl tal-assenza ta’ effett sospensiv ta’ tali rikors, li l-istess rikors jingħata effett sospensiv, skont l-Artikolu 50 tal-Istatut tal-FIFA. Fit‑12 ta’ April 2016, l-imsemmi korp laqa’ din it-talba.

30

Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, RFC Seraing sostniet, essenzjalment, b’mod partikolari, li d-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell tal-FIFA u s-sanzjonijiet dixxiplinari li din id-deċiżjoni timponilha huma illegali minħabba li d-dispożizzjonijiet li fuqhom hija bbażata l-imsemmija deċiżjoni huma fihom innifishom illegali. F’dan ir-rigward, dan il-klabb sostna, inter alia, li l-Artikoli 18a u 18b tar-RSTP, sa fejn jistabbilixxu projbizzjoni totali tal-prattiki msejħa “third-party influence” u “third-party ownership”, flimkien mas-sanzjonijiet dixxiplinari, jiksru d-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, il-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà tal-moviment tal-kapital rispettivament iggarantiti mill-Artikoli 45, 56 u 63 TFUE kif ukoll ir-regoli tal-kompetizzjoni stipulati fl-Artikoli 101 u 102 TFUE. RFC Seraing invokat ukoll il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni Svizzeri.

31

Fid‑9 ta’ Marzu 2017, il-QAS tat deċiżjoni ta’ arbitraġġ (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-QAS”) li fiha hija qieset senjatament, f’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, id-dritt applikabbli għat-tilwima, li dan kien ikkostitwit mir-regolamenti tal-FIFA, mid-dritt Svizzeru u mid-dritt tal-Unjoni. Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, dan il-korp qies, qabelxejn, li l-kundizzjonijiet kumulattivi li jimponulu jieħu inkunsiderazzjoni l-libertajiet ta’ moviment u r-regoli tal-kompetizzjoni fil-kuntest tal-eżami tiegħu, bħala “dispożizzjonijiet imperattivi ta’ dritt għajr [id-dritt Svizzeru]”, fis-sens tad-dritt Svizzeru, kienu ssodisfatti. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu dawn il-libertajiet u dawn ir-regoli jitqiesu mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala li jagħmlu parti mill-ordni pubbliku tal-Unjoni. Barra minn hekk, teżisti rabta mill-qrib bejn is-suġġett tat-tilwima u dawn id-dispożizzjonijiet fid-dawl, minn naħa, tal-impatt manifest tar-RSTP fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll, b’mod iktar speċifiku, fuq l-attività tal-klabbs tal-futbol stabbiliti fl-Istati Membri, u, min-naħa l-oħra, tal-effett tad-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell tal-FIFA fuq il-possibbiltà, għal RFC Seraing, li tipparteċipa f’kompetizzjonijiet tal-futbol bejn il-klabbs organizzati f’dan it-territorju. Fl-aħħar nett, l-ordinament ġuridiku Svizzeru jikkondividi l-interessi u l-valuri protetti mill-imsemmija dispożizzjonijiet.

32

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-mertu tal-kawża, il-QAS ikkunsidrat, b’mod partikolari, li RFC Seraing ma kinitx uriet li l-Artikoli 18a u 18b tar-RSTP jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni Svizzeri. Dan il-korp ċaħad ukoll l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, tal-Artikoli 45, 56, 63, 101 u 102 TFUE.

33

F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-libertajiet ta’ moviment, il-QAS essenzjalment qieset, l-ewwel nett, li l-Artikoli 18a u 18b tar-RSTP kienu jostakolaw il-moviment liberu tal-kapital. Sussegwentement, dan il-korp qies li l-allegat effett negattiv ta’ dawn l-artikoli fuq il-libertajiet ta’ moviment tal-ħaddiema u ta’ provvista ta’ servizzi kien, min-naħa l-oħra, insuffiċjentement ipprovat u, fi kwalunkwe każ, limitat. Fl-aħħar nett, l-imsemmi korp osserva li, tkun xi tkun il-libertà kkunsidrata, l-eżistenza tal-imsemmija artikoli kienet, fi kwalunkwe każ, iġġustifikata mit-tfittxija ta’ għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali ta’ natura sportiva, relatati b’mod partikolari maż-żamma tal-integrità tal-kompetizzjonijiet, u li l-eżami tal-kontenut tagħhom kien juri mhux biss li kienu adatti sabiex jilħqu dawn l-għanijiet, iżda wkoll li ma kinux imorru lil hinn minn dak li kien neċessarju u proporzjonat għal dan l-għan.

34

Fir-rigward, it-tieni nett, tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, il-QAS ikkunsidrat, minn naħa, li l-Artikoli 18a u 18b tar-RSTP ma kellhomx l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, iżda li jfittxu l-għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali ta’ natura sportiva msemmija fil-punt preċedenti. Min-naħa l-oħra, hija qieset li RFC Seraing ma kinitx uriet li dawn l-artikoli kellhom l-effett attwali jew potenzjali li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

35

Fit-tielet lok, il-QAS ikkonfermat il-multa imposta fuq RFC Seraing kif ukoll il-projbizzjoni ta’ reġistrazzjoni ta’ plejers li kienet saritilha, filwaqt li naqqset it-tul ta’ din il-projbizzjoni għal tliet perijodi ta’ reġistrazzjoni konsekuttivi.

36

Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-QAS iddeċidiet li, fid-dawl tal-miżuri ta’ sospensjoni adottati suċċessivament mill-Kumitat tal-Appell tal-FIFA u minnha stess, dawn is-sanzjonijiet dixxiplinari huma applikabbli b’effett min-notifika tad-deċiżjoni tagħha lil RFC Seraing, b’mod li l-multa għandha, konsegwentement, titħallas f’terminu ta’ 30 jum minn din in-notifika u l-projbizzjoni ta’ reġistrazzjoni għandha, min-naħa tagħha, tkopri l-perijodi ta’ reġistrazzjoni li jiddekorru matul is-sajf tal‑2017, ix-xitwa tal‑2017/2018 u s-sajf tal‑2018.

37

Fil‑15 ta’ Mejju 2017, RFC Seraing ressqet, quddiem il-Qorti Federali (l-Isvizzera), azzjoni kontra d-deċiżjoni tal-QAS. Barra minn hekk, hija talbet lil din il-qorti tagħti effett sospensiv lil din l-azzjoni.

38

Permezz tad-digriet tas‑7 ta’ Awwissu 2017, il-President tal-Qorti Federali ċaħad din it-talba għal effett sospensiv.

39

Insostenn tal-azzjoni tagħha, RFC Seraing invokat, b’mod partikolari, motiv ibbażat fuq l-inkompatibbiltà tad-deċiżjoni tal-QAS mal-“ordni pubbliku sostantiv”, fis-sens tad-dritt Svizzeru. F’dan ir-rigward, dan il-klabb sostna mill-ġdid, b’mod partikolari, li din id-deċiżjoni kienet tikser il-moviment liberu tal-ħaddiema, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-moviment liberu tal-kapital rispettivament iggarantiti mill-Artikoli 45, 56 u 63 TFUE, mir-regoli tal-kompetizzjoni stipulati fl-Artikoli 101 u 102 TFUE kif ukoll mir-regoli tal-kompetizzjoni Svizzeri.

40

Fin-noti jew l-osservazzjonijiet rispettivi tagħhom, il-FIFA u l-QAS talbu li l-azzjoni ta’ RFC Seraing tiġi miċħuda.

41

Permezz tas-sentenza tal‑20 ta’ Frar 2018, il-Qorti Federali ċaħdet din l-azzjoni. Fir-rigward tal-motiv ta’ RFC Seraing ibbażat fuq l-inkompatibbiltà tad-deċiżjoni tal-QAS mal-ordni pubbliku sostantiv u, b’mod iktar partikolari, mar-regoli tal-kompetizzjoni kif ukoll mal-libertajiet ta’ moviment, din il-qorti fakkret, fl-ewwel lok, il-ġurisprudenza stabbilita tagħha f’dan ir-rigward. Minn dan jirriżulta, l-ewwel nett, li deċiżjoni ta’ arbitraġġ tista’ titqies li hija inkompatibbli mal-ordni pubbliku sostantiv biss jekk tikser, bir-riżultat tagħha u mhux biss bil-motivi tagħha, il-valuri essenzjali u rrikonoxxuti b’mod wiesa’ li, skont il-kunċetti prevalenti fl-Isvizzera, għandhom jikkostitwixxu l-bażi ta’ kull ordinament ġuridiku. It-tieni nett, tali ksur jippreżupponi li din id-deċiżjoni tikser prinċipji fundamentali tad-dritt sostantiv sal-punt li ma tkunx iktar konċiljabbli mal-ordinament ġuridiku u mas-sistema tal-valuri determinanti. It-tielet nett, ir-regoli tal-kompetizzjoni ma jagħmlux parti mill-ordni pubbliku sostantiv.

42

Fit-tieni lok, l-imsemmija qorti żiedet, essenzjalment, li, fi kwalunkwe każ, il-motiv ibbażat fuq l-inkompatibbiltà tad-deċiżjoni tal-QAS mal-ordni pubbliku sostantiv kellu jiġi miċħud bħala inammissibbli f’dan il-każ, sa fejn dan jirrigwarda d-dritt tal-Unjoni u r-regoli tal-kompetizzjoni Svizzeri, peress li ma kienx josserva r-rekwiżit ta’ motivazzjoni applikabbli għall-azzjonijiet kontra deċiżjoni ta’ arbitraġġ.

Il-proċedura ġudizzjarja mmexxija fil-Belġju

43

Fit‑3 ta’ April 2015, jiġifieri qabel il-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari mill-FIFA, Doyen u l-assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru rregolata mid-dritt Belġjan RFC sérésien, li tmexxi lil RFC Seraing, ħarrku lill-FIFA, lill-UEFA u lill-URBSFA quddiem it-tribunal de commerce francophone de Bruxelles (il-Qorti Kummerċjali ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju).

44

Fit‑8 ta’ Lulju 2015, jiġifieri wara l-ftuħ ta’ din il-proċedura dixxiplinari iżda qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kumitat tad-Dixxiplina tal-FIFA, RFC Seraing intervjeniet volontarjament fil-proċedura, billi talbet lil din il-qorti tikkonstata n-nuqqas ta’ konformità mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar partikolari mal-Artikoli 45, 56, 63, 101 u 102 TFUE, tal-projbizzjoni totali tal-prattiki third-party influence u third-party ownership stipulata mill-Artikoli 18a u 18b tar-RSTP. Barra minn hekk, dan il-klabb talab lill-imsemmija qorti tiddikjara nulla kull dispożizzjoni li tistabbilixxi tali projbizzjoni totali, tagħti diversi ordnijiet kontra l-FIFA, l-UEFA u l-URBSFA, kif ukoll tordna li tingħatalu s-somma provviżorja ta’ EUR 500000 bħala kumpens għad-diversi danni li huwa jqis li ġarrab minħabba l-applikazzjoni tal-Artikoli 18a u 18b tar-RSTP.

45

Fis‑17 ta’ Novembru 2016, il-Qorti Kummerċjali ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża tat sentenza li fiha hija senjatament iddikjarat ruħha mingħajr ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tad-diversi talbiet ta’ RFC Seraing.

46

Fid‑19 ta’ Diċembru 2016, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kumitat tad-Dixxiplina tal-FIFA u ta’ dik tal-Kumitat tal-Appell tal-FIFA, iżda qabel l-għoti tad-deċiżjoni tal-QAS, RFC Seraing appellat minn din is-sentenza quddiem il-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju).

47

Fil-kuntest ta’ dan l-appell, dan il-klabb sostna b’mod partikolari li huwa ġarrab diversi danni kkawżati minn nuqqas imwettaq mill-FIFA bl-għajnuna tal-URBSFA, li jikkonsisti essenzjalment, għal dawn l-assoċjazzjonijiet, fil-fatt li ġew applikati l-Artikoli 18a u 18b tar-RSTP fil-konfront tiegħu, l-ewwel billi nfetħet proċedura dixxiplinari, imbagħad billi ġie akkużat li kiser il-projbizzjonijiet stipulati minn dawn l-artikoli, u fl-aħħar nett billi ġew imposti fuqu sanzjonijiet dixxiplinari. Fil-fatt, din il-proċedura dixxiplinari, dawn il-konstatazzjonijiet ta’ ksur u dawn is-sanzjonijiet dixxiplinari huma vvizzjati mill-fatt li l-Artikoli 18a u 18b tar-RSTP, li fuqhom huma bbażati, jiksru huma stess id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 45, 56, 63, 101 u 102 TFUE.

48

Fit‑12 ta’ Diċembru 2019, jiġifieri wara l-għoti tad-deċiżjoni tal-QAS u tas-sentenza tat-Tribunal Federali msemmija fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell tat sentenza (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Qorti tal-Appell ta’ Brussell”) li fiha hija ċaħdet it-talbiet kollha ta’ RFC Seraing.

49

F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell iddeċidiet b’mod partikolari, fl-ewwel lok, li l-aggravji ta’ RFC Seraing li jipprovdu li l-Artikoli 18a u 18b tar-RSTP jiksru d-dritt tal-Unjoni kienu diġà tqajmu minn dan il-klabb quddiem il-QAS, fil-kuntest tat-tilwima tiegħu mal-FIFA, u miċħuda fid-deċiżjoni tal-QAS. Issa, skont il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, id-deċiżjoni tal-QAS għandha titqies, fid-dawl tal-Artikoli 24 u 28 u tal-Artikolu 1713(9) tal-Kodiċi Ġudizzjarju, li għandha l-istess effetti bħal deċiżjoni ta’ qorti fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet, li għandha, għaldaqstant, tiġi rrikonoxxuta lilha l-awtorità ta’ res judicata mid-data tal-għoti tagħha u bħala li kisbet l-awtorità ta’ res judicata b’effett miċ-ċaħda, mill-Qorti Federali, tal-azzjoni mressqa kontriha. Il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell għalhekk ikkonkludiet li l-aggravji inkwistjoni kienu inammissibbli sa fejn dawn kienu indirizzati kontra l-FIFA.

50

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell irrilevat, essenzjalment, li, mill-mument li fih deċiżjoni ġudizzjarja jew deċiżjoni ta’ arbitraġġ tiġi rrikonoxxuta bħala li għandha l-awtorità ta’ res judicata fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet fit-tilwima, hija għandha konsegwentement tingħata, fir-rigward ta’ terzi għal din it-tilwima, li fil-konfront tagħhom tista’ tiġi invokata, is-saħħa probatorja marbuta ma’ tali awtorità. F’dan il-każ, skont din il-qorti, id-deċiżjoni tal-QAS għandha għalhekk saħħa probatorja fir-rigward tal-URBSFA, li ma kinitx parti fit-tilwima bejn RFC Seraing u l-FIFA quddiem il-QAS. Fid-dawl ta’ tali saħħa probatorja, kien l-obbligu ta’ RFC Seraing, sa fejn dan il-klabb jimputa wkoll nuqqas lill-URBSFA, li tikkonfuta l-preżunzjoni, ibbażata fuq id-deċiżjoni tal-QAS, li skontha l-Artikoli 18a u 18b tar-RSTP huma konformi mad-dritt tal-Unjoni. Issa, l-imsemmi klabb ma ssodisfax dan l-obbligu. Għaldaqstant, l-imsemmija qorti ċaħdet l-aggravji msemmija fil-punt preċedenti bħala infondati sa fejn dawn kienu diretti kontra l-URBSFA.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

51

RFC Seraing ippreżentat, quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju), li hija l-qorti tar-rinviju, appell ta’ kassazzjoni kontra s-sentenza tal-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell).

52

Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tindika li l-aggravji ta’ kassazzjoni ppreżentati lilha minn RFC Seraing iqajmu żewġ kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija tqis li joħolqu ħtieġa li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita.

53

Fl-ewwel lok, RFC Seraing issostni, permezz tal-ewwel aggravju tagħha, li l-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) kisret, b’mod partikolari, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 267 TFUE u l-Artikolu 47 tal-Karta billi ċaħdet bħala inammissibbli l-aggravji tagħha sa fejn dawn kienu indirizzati kontra l-FIFA. Fil-fatt, din il-qorti żbaljat meta kkunsidrat li d-deċiżjoni tal-QAS kellha tingħata l-awtorità ta’ res judicata, fir-rigward tal-FIFA, sa fejn din id-deċiżjoni kkonkludiet li l-Artikoli 18a u 18b tar-RSTP kienu konformi mad-dritt tal-Unjoni.

54

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenzi tat‑23 ta’ Marzu 1982, Nordsee (102/81, EU:C:1982:107), u tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158), jirriżulta b’mod ċar li, għalkemm individwi għandhom il-possibbiltà li jikkonkludu ftehim li jissottometti t-tilwimiet li jistgħu jqumu kontra korp ta’ arbitraġġ, dan ma għandux jippreġudika l-osservanza sħiħa, l-interpretazzjoni koerenti u l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni fit-territorju tagħha. Barra minn hekk, minn dan jirriżulta li tali rekwiżit jimplika fih innifsu li l-qrati nazzjonali kompetenti jkunu jistgħu jiddeċiedu dwar il-kwistjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni, billi jressqu, jekk ikun meħtieġ, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari, sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva lill-individwi.

55

Iktar minn hekk, jirriżulta, essenzjalment, mis-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos (C‑116/20, EU:C:2022:273), li, anki jekk id-dritt tal-Unjoni ma jimponix f’kull ċirkustanza li l-qrati nazzjonali kompetenti ma japplikawx ir-regoli tad-dritt intern li jagħtu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja, meta dan jippermetti li tiġi rrimedjata sitwazzjoni inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, tali regoli għandhom madankollu jissodisfaw, fi kwalunkwe każ, ir-rekwiżiti ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

56

Madankollu, dawn l-iżviluppi ġurisprudenzjali ma jippermettux li tingħata risposta għad-domanda, magħmula f’dan il-każ, dwar jekk huwiex konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li tiġi rrikonoxxuta l-awtorità ta’ res judicata, bejn il-partijiet f’tilwima pendenti quddiem qorti ta’ Stat Membru, lil deċiżjoni ta’ arbitraġġ li ma setgħetx tkun is-suġġett, qabel dan ir-rikonoxximent, ta’ stħarriġ tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni minn qorti li tista’ tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, minkejja li din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ittrattat kwistjonijiet relatati mad-dritt tal-Unjoni.

57

Fit-tieni lok, RFC Seraing issostni, permezz tat-tielet aggravju tagħha, li l-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) kisret, b’mod partikolari, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 267 TFUE u l-Artikolu 47 tal-Karta meta ċaħdet bħala infondati l-aggravji tagħha sa fejn dawn kienu indirizzati kontra l-URBSFA. Fil-fatt, din il-qorti żbaljat meta kkunsidrat li d-deċiżjoni tal-QAS kellha tingħata s-saħħa probatorja marbuta mal-awtorità ta’ res judicata fir-rigward tal-URBSFA, sa fejn din id-deċiżjoni kkonkludiet li l-Artikoli 18a u 18b tar-RSTP kienu konformi mad-dritt tal-Unjoni.

58

F’dan ir-rigward, wara li rrilevat li l-ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jikkostitwixxi aggravju ta’ ordni pubbliku li jista’ jwassal waħdu għall-kassazzjoni tas-sentenza tal-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell), il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tosserva li l-eżami ta’ dan l-aggravju jimplika teħid ta’ deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk huwiex konformi ma’ din id-dispożizzjoni li tingħata saħħa probatorja, fir-rigward ta’ terzi għal tilwima pendenti quddiem qorti ta’ Stat Membru, lil deċiżjoni ta’ arbitraġġ li ma setgħetx tkun preċedentement is-suġġett ta’ stħarriġ ta’ konformità mad-dritt tal-Unjoni minn qorti awtorizzata tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, minkejja li din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ittrattat kwistjonijiet relatati mad-dritt tal-Unjoni.

59

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 267 TFUE u mal-Artikolu 47 tal-[Karta], jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali bħall-Artikoli 24 u 171(3)(9) tal-[Kodiċi Ġudizzjarju], intiżi li jistabbilixxu l-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata, għal deċiżjoni ta’ arbitraġġ li l-konformità tagħha mad-dritt tal-Unjoni ġiet mistħarrġa minn qorti ta’ Stat li ma huwiex Stat Membru tal-Unjoni, liema qorti ma tistax tagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari?

2)

L-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 267 TFUE u mal-Artikolu 47 tal-[Karta], jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tagħti saħħa probatorja fir-rigward ta’ terzi, bla ħsara għall-prova kuntrarja li huma għandhom l-oneru jipproduċu, għal deċiżjoni ta’ arbitraġġ li l-konformità tagħha mad-dritt tal-Unjoni ġiet mistħarrġa minn qorti ta’ Stat li ma huwiex Stat Membru tal-Unjoni, liema qorti ma tistax tagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari?”

Fuq id-domandi preliminari

Kunsiderazzjonijiet preliminari

60

Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tad-domandi preliminari u mill-motivazzjoni li fuqha huma bbażati, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 267 TFUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta, sabiex tkun tista’ tiddeċiedi fuq il-punt dwar jekk dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludux l-applikazzjoni, għal deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija mill-QAS u kkonfermata mill-Qorti Federali, minn naħa, ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrikonoxxu lid-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ finali l-awtorità ta’ res judicata fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet fit-tilwima u, min-naħa l-oħra, ta’ regola nazzjonali li tattribwixxilhom, minħabba din l-awtorità, saħħa probatorja fir-rigward ta’ terzi.

61

Madankollu, ċerti parteċipanti fil-proċedura jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, tieħu inkunsiderazzjoni wkoll, fil-kuntest tal-eżami tagħha, dispożizzjonijiet jew regoli tad-dritt nazzjonali oħra minbarra dawk speċifikament imsemmija mill-qorti tar-rinviju fid-domandi tagħha.

62

B’mod partikolari, il-Gvern Belġjan espona, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li, anki jekk l-Artikolu 1713(9) tal-Kodiċi Ġudizzjarju jipprovdi li deċiżjoni ta’ arbitraġġ għandha, bejn il-partijiet, l-istess effetti bħal deċiżjoni ġudizzjarja, inkluża l-awtorità ta’ res judicata msemmija fl-Artikolu 24 ta’ dan il-kodiċi, xorta huwa meħtieġ li din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tiġi integrata fl-ordinament ġuridiku Belġjan, konformement mal-Artikoli 1720 u 1721 tal-imsemmi kodiċi, li jipprevedu l-proċedura dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ fil-Belġju.

63

Waqt is-seduta, dan il-gvern ippreċiża li jeżistu, f’dan il-kuntest, tliet modi ta’ kontestazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ quddiem il-qrati Belġjani. Qabelxejn, meta parti tippreżenta quddiem il-qorti tal-ewwel istanza kompetenti, abbażi tal-Artikoli 1720 u 1721 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, talba intiża li tikseb ir-rikonoxximent ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ fil-Belġju, din il-qorti tista’, fuq talba tal-parti l-oħra jew ex officio, tirrifjuta li tilqa’ l-ewwel talba fil-każ li din id-deċiżjoni tkun kuntrarja għall-ordni pubbliku. Sussegwentement, parti li tixtieq tevita r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ tista’, abbażi tal-istess dispożizzjonijiet, tressaq talba għal nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ din id-deċiżjoni quddiem l-imsemmija qorti. Fl-aħħar nett, minkejja li dan ma huwiex previst espliċitament mill-Artikolu 1721 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, in-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ jista’ jintalab jew anki jiġi deċiż ex officio, b’mod inċidentali, kull darba li tali deċiżjoni tiġi invokata fil-kuntest ta’ proċedura quddiem qorti nazzjonali, bħalma huwa previst fl-Artikolu 22 tal-Liġi dwar il-Kodiċi tad-Dritt Internazzjonali Privat għad-Deċiżjonijiet Ġudizzjarji Barranin.

64

Bħall-Gvern Belġjan, il-FIFA u, essenzjalment, l-UEFA, jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-proċedura ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ barranin fil-Belġju.

65

Min-naħa tagħhom, il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Ġermaniż għandhom dubji, essenzjalment, dwar in-natura kompleta tal-preżentazzjoni magħmula, fid-deċiżjoni tar-rinviju, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu japplikaw f’dan il-każ, filwaqt li jfakkru li l-Qorti tal-Ġustizzja hija bħala prinċipju marbuta bl-interpretazzjoni tad-dritt intern adottata mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.

66

F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, li hija bbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni, b’mod partikolari, sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali (sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 36, u tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 76). Min-naħa tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li dwarhom tkun saret it-talba billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula lilha, kif iddefinit mill-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Laval un Partneri, C‑341/05, EU:C:2007:809, punt 47, u tal‑24 ta’ Frar 2022, Namur-Est Environnement, C‑463/20, EU:C:2022:121, punt 40).

67

Konsegwentement, hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali u teħodhom inkunsiderazzjoni sa fejn hija tqis li hemm lok li tagħmel dan.

68

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 267 TFUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, minn naħa, li l-awtorità ta’ res judicata tingħata lil deċiżjoni tal-QAS fit-territorju ta’ Stat Membru, fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet fit-tilwima li fil-kuntest tagħha ngħatat din id-deċiżjoni, fil-każ fejn il-konformità tal-imsemmija deċiżjoni mad-dritt tal-Unjoni ma tkunx ġiet mistħarrġa minn qabel minn qorti nazzjonali li tista’ tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari, u, min-naħa l-oħra, li, bħala konsegwenza ta’ din l-awtorità ta’ res judicata, tingħata saħħa probatorja lil tali deċiżjoni fit-territorju tal-istess Stat Membru, fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet fl-imsemmija tilwima u t-terzi.

Fuq il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-individwi fi ħdan l-Unjoni, inkluż fil-każ tal-użu tal-arbitraġġ

69

L-Unjoni hija Unjoni tal-Istat tad-dritt, fejn id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandu importanza kardinali, bħala garanti tal-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-partijiet fil-kawża jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 58, kif ukoll tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 51).

70

Huwa għalhekk li dan id-dritt, li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, huwa ggarantit ukoll lill-partijiet fil-kawża, fil-livell tal-Unjoni, taħt il-kundizzjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u fl-Artikolu 47 tal-Karta, b’dan li din id-dispożizzjoni tal-aħħar għandha tittieħed debitament inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-ewwel waħda (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 66; tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 35, kif ukoll tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rimedju), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 143).

71

Ir-rikonoxximent tad-dritt għal rimedju effettiv iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta, f’każ partikolari, jippreżupponi b’mod partikolari li l-persuna li tinvokah tinvoka drittijiet jew libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni (sentenzi tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 34, u tad‑29 ta’ Lulju 2024, protectus, C‑185/23, EU:C:2024:657, punt 71). Dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali, peress li, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, RFC Seraing tinvoka d-drittijiet u l-libertajiet li hija tislet mill-Artikoli 45, 56, 63, 101 u 102 TFUE.

72

Ma’ dan id-dritt għal rimedju effettiv iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi l-obbligu impost fuq l-Istati Membri, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal rimedju kontra talba għal informazzjoni fil‑qasam fiskali, C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 47, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Ċaħda ta’ teħid inkarigu ta’ minuri Eġizzjan mhux akkumpanjat), C‑19/21, EU:C:2022:605, punt 36).

73

Filwaqt li l-Artikolu 47 tal-Karta jikkontribwixxi għar-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ kull parti fil-kawża li tinvoka, f’kawża partikolari, dritt jew libertà li hija tgawdi bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huwa intiż li jiżgura li s-sistema ta’ rimedji stabbilita minn kull Stat Membru tiggarantixxi l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 52).

74

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-obbligu stipulat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, dan jimplika li l-istanzi kollha li jaqgħu taħt is-sistema ġudizzjarja tal-Istati Membri li jistgħu jintalbu, bħala “qrati” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, jinterpretaw jew japplikaw dan id-dritt għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 40, kif ukoll tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 40).

75

F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, id-dritt għal rimedju effettiv iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta, dan jirrikjedi, b’mod partikolari, li dawn il-qrati jkunu jistgħu jwettqu stħarriġ ġudizzjarju effettiv tal-atti, tal-miżuri jew tal-aġir li fir-rigward tagħhom jiġi sostnut, fil-kuntest ta’ tilwima partikolari, li dawn ikunu kisru d-drittijiet jew il-libertajiet li d-dritt tal-Unjoni jagħti lil parti f’kawża. Dan ir-rekwiżit jimplika, bħala prinċipju, li l-imsemmija qrati jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jeżaminaw il-kwistjonijiet kollha ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti sabiex isolvu din it-tilwima (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal rimedju kontra talba għal informazzjoni fil-qasam fiskali), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76

Madankollu, ebda waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma timplika li l-partijiet fil-kawża għandhom rimedju ġudizzjarju dirett li għandu bħala għan prinċipali l-kontestazzjoni ta’ miżura partikolari, sakemm ikun hemm ukoll, fis-sistema ġudizzjarja nazzjonali kkonċernata, rimedju ġudizzjarju wieħed jew iktar li jippermettulhom jiksbu, b’mod inċidentali, stħarriġ ġudizzjarju effettiv ta’ din il-miżura b’mod li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet u tal-libertajiet li d-dritt tal-Unjoni jiggarantilhom. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, EU:C:2007:163, punti 4749; tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal rimedju kontra talba għal informazzjoni fil-qasam fiskali), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 79; kif ukoll tat‑8 ta’ April 2025, Parquet européen (Stħarriġ ġudizzjarju ta’ atti proċedurali), C‑292/23, EU:C:2025:255, punt 79).

77

Barra minn hekk, ir-rimedji li jeżistu fis-sistema ġudizzjarja nazzjonali kkonċernata għandhom jippermettu lill-qorti nazzjonali kompetenti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni preliminari dwar kull kwistjoni li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew il-validità ta’ att tad-dritt tal-Unjoni, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl‑Artikolu 267 TFUE. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE, li tikkostitwixxi l-bażi fundamentali tas-sistema ġudizzjarja stabbilita permezz tat-Trattati, tistabbilixxi djalogu ġudizzjarju bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri bl-għan li tiġi żgurata l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u għalhekk tippermetti li jiġu żgurati l-koerenza, l-effett sħiħ u l-awtonomija tiegħu kif ukoll, fl-aħħar mill-aħħar, in-natura proprja tad-dritt stabbilit mit-Trattati (Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 176, kif ukoll is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 37, u tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 73). F’dan ir-rigward, din il-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari tikkostitwixxi komponent essenzjali tas-sistema stabbilita mit-Trattati bl-għan li tippermetti lill-qrati nazzjonali jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2021, IS (Illegalità tad-digriet tar-rinviju), C‑564/19, EU:C:2021:949, punt 76).

78

Madankollu, l-ordinament ġuridiku stabbilit mit-Trattati ma jipprekludix, bħala prinċipju, li individwi li jaqgħu taħt dan l-ordinament ġuridiku abbażi tal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika, fit-territorju tal-Unjoni, jissuġġettaw it-tilwimiet li jistgħu jinqalaw bejniethom fil-kuntest ta’ dan l-eżerċizzju għal mekkaniżmu ta’ arbitraġġ.

79

Għall-kuntrarju, b’differenza mill-konklużjoni, minn naħa, ta’ ftehimiet bejn Stati Membri li jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ arbitraġġ obbligatorji li jeskludu mill-ġurisdizzjoni tal-qrati tagħhom tilwim li jista’ jirrigwarda l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, ta’ ftehimiet ta’ arbitraġġ ad hoc li jirrendu possibbli t-tkomplija ta’ arbitraġġi mibdija abbażi ta’ tali ftehimiet, li hija strettament ipprojbita (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punti 5455; tat‑2 ta’ Settembru 2021, Ir-Repubblika tal-Moldova, C‑741/19, EU:C:2021:655, punt 59, kif ukoll tas‑26 ta’ Ottubru 2021, PL Holdings, C‑109/20, EU:C:2021:875, punti 4445), l-użu minn individwi ta’ arbitraġġ huwa bħala prinċipju possibbli.

80

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, li fid-dawl tagħha għandu jiġi interpretat l-Artikolu 47 tal-Karta (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Deutsche Umwelthilfe, C‑752/18, EU:C:2019:1114, punt 37), għandha ssir distinzjoni bejn l-arbitraġġ forzat u l-arbitraġġ volontarju. Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li partijiet f’kuntratt huma liberi li jirrinunzjaw volontarjament għal ċerti drittijiet iggarantiti minn din il-konvenzjoni, inkluż id-dritt li jissottomettu lill-qrati statali ċerti tilwimiet li jistgħu jirriżultaw mill-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, sakemm tali rinunzja tkun libera, legali u inekwivoka (Qorti EDB, 2 ta’ Ottubru 2018, Mutu u Pechstein vs L-Isvizzera, CE:ECHR:2018:1002JUD004057510, punt 96).

81

Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li individwi għandhom il-possibbiltà li jikkonkludu ftehim li jissottometti, f’termini ċari u preċiżi, it-tilwimiet kollha jew parti minnhom marbuta miegħu lil korp ta’ arbitraġġ, minflok il-qorti li kien ikollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar dawn it-tilwimiet skont id-dispożizzjonijiet applikabbli fl-assenza ta’ tali ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, International Skating Union vs Il-Kummissjoni, C‑124/21 P, EU:C:2023:1012, punt 193).

82

Madankollu, mill-mument li fih il-mekkaniżmu ta’ arbitraġġ stabbilit jew indikat minn tali ftehim ikun meħtieġ li jiġi implimentat fit-territorju kollu tal-Unjoni jew f’parti minnu, fil-kuntest ta’ tilwim marbut mal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika f’dan it-territorju, dan il-mekkaniżmu għandu jiġi kkonċepit u implimentat b’mod li jiżgura, minn naħa, il-kompatibbiltà tiegħu mal-prinċipji li jistrutturaw l-arkitettura ġudizzjarja tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, l-osservanza effettiva tal-ordni pubbliku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, International Skating Union vs Il‑Kummissjoni, C‑124/21 P, EU:C:2023:1012, punti 188189).

83

Għal dan l-għan, għandu jiġi enfasizzat li, indipendentement mir-regoli li jistgħu japplikaw għall-korp ta’ arbitraġġ kompetenti bis-saħħa ta’ tali mekkaniżmu ta’ arbitraġġ, id-deċiżjonijiet mogħtija minn dan il-korp għandhom ikunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju xieraq sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li l-individwi kkonċernati għandhom dritt għaliha, skont l-Artikolu 47 tal-Karta, u li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiżguraw fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

84

Dan ir-rekwiżit ma jimplikax li għandu neċessarjament ikun hemm, fl-Unjoni, qorti jew qrati awtorizzati sabiex jeżaminaw il-kwistjonijiet kollha ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti sabiex isolvu t-tilwimiet li fil-kuntest tagħhom dawn id-deċiżjonijiet ikunu ngħataw, kif għandu jkun il-każ fl-assenza tal-użu tal-arbitraġġ, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 75 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, fid-dawl tal-possibbiltà mogħtija lill-individwi li jirrikorru għall-arbitraġġ, taħt il-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 82 ta’ din is-sentenza, u tar-rekwiżiti marbuta mal-effettività tal-proċedura ta’ arbitraġġ, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-imsemmija deċiżjonijiet jista’ validament ikun ta’ natura limitata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss, C‑126/97, EU:C:1999:269, punt 35; tas‑26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro, C‑168/05, EU:C:2006:675, punt 34; u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, International Skating Union vs Il-Kummissjoni, C‑124/21 P, EU:C:2023:1012, punt 193).

85

Madankollu, fi kwalunkwe każ, għandu jibqa’ possibbli, għall-individwi kkonċernati minn tali deċiżjonijiet, li jiksbu stħarriġ, minn qorti li tissodisfa r-rekwiżiti kollha li jirriżultaw mill-Artikolu 267 TFUE, tal-kwistjoni dwar jekk tali deċiżjonijiet humiex kompatibbli mal-prinċipji u mad-dispożizzjonijiet li jagħmlu parti mill-ordni pubbliku tal-Unjoni u li huma rilevanti fil-kuntest tat-tilwima kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss, C‑126/97, EU:C:1999:269, punt 37, u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, International Skating Union vs Il-Kummissjoni, C‑124/21 P, EU:C:2023:1012, punt 193).

86

Sabiex ikun effettiv, dan l-istħarriġ għandu jkun xieraq sabiex jiżgura l-osservanza ta’ dawn il-prinċipji u ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li jimplika li għandu jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-imsemmija prinċipji u tal-imsemmija dispożizzjonijiet, il-konsegwenzi ġuridiċi li għandhom jintrabtu magħhom f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom f’każ partikolari kif ukoll, jekk ikun hemm lok, il-klassifikazzjoni ġuridika, fid-dawl tagħhom, tal-fatti kif ikkonstatati u evalwati mill-korp ta’ arbitraġġ.

87

Fil-fatt, ma jistax jiġi aċċettat li, billi jirrikorru għall-arbitraġġ, individwi jistgħu jiksru l-prinċipji u d-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju jew sekondarju tal-Unjoni li huma ta’ natura essenzjali għall-ordinament ġuridiku stabbilit mit-Trattati jew li għandhom importanza fundamentali għat-twettiq tal-kompiti fdati lill-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss, C‑126/97, EU:C:1999:269, punt 36, u tas‑26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro, C‑168/05, EU:C:2006:675, punt 37). Għall-kuntrarju, l-osservanza ta’ dawn il-prinċipji u ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li jagħmlu parti mill-ordni pubbliku tal-Unjoni, hija imposta fuq l-individwi sakemm il-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni rispettiva tagħhom ikunu ssodisfatti f’każ partikolari. F’dan ir-rigward, l-osservanza ta’ dan l-ordni pubbliku tikkostitwixxi komplement essenzjali tan-network strutturat ta’ prinċipji, ta’ regoli u ta’ relazzjonijiet ġuridiċi reċiprokament interdipendenti li jorbtu lill-Unjoni u lill-Istati Membri kif ukoll lil dawn bejniethom (ara, f’dan ir-rigward tal-aħħar, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet li jagħmlu parti mill-ordni pubbliku tal-Unjoni jinkludu b’mod partikolari l-Artikoli 101 u 102 TFUE, li għandhom effett dirett u li joħolqu drittijiet għall-partijiet fil-kawża, li l-qrati nazzjonali għandhom jissalvagwardjaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss, C‑126/97, EU:C:1999:269, punti 36 sa 39, u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, International Skating Union vs Il‑Kummissjoni, C‑124/21 P, EU:C:2023:1012, punti 192193).

89

Il-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-moviment liberu tal-kapital iggarantiti rispettivament mill-Artikoli 45, 56 u 63 TFUE jifformaw ukoll parti mill-ordni pubbliku tal-Unjoni. Dawn it-tliet artikoli, li huma l-uniċi inkwistjoni fil-kuntest tal-kawża prinċipali, għandhom ukoll effett dirett (ara, fir-rigward tal-Artikolu 45 TFUE, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Royal Antwerp Football Club, C‑680/21, EU:C:2023:1010, punt 136 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u, fir-rigward tal-Artikolu 63 TFUE, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Grossmania, C‑177/20, EU:C:2022:175, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Dawn jifformaw parti mill-pedamenti tas-suq intern li jinkludu żona mingħajr fruntieri interni msemmija fl-Artikolu 26 TFUE.

Fuq l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-QAS fil-kuntest ta’ tilwim marbut mal-eżerċizzju ta’ sport bħala attività ekonomika fit-territorju tal-Unjoni

90

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-mekkaniżmi ta’ arbitraġġ li għalihom l-assoċjazzjonijiet sportivi internazzjonali bħall-FIFA jissottomettu r-riżoluzzjoni ta’ tilwim li jista’ jkollhom bejniethom jew bejn l-assoċjazzjonijiet nazzjonali membri tagħhom u l-individwi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni rispettiva tagħhom, kemm jekk ikunu impriżi jew sportivi, huma kkaratterizzati, minħabba l-istatuti u l-prerogattivi ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet sportivi, minn numru ta’ elementi speċifiċi għalihom.

91

Għal din ir-raġuni, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, fil-każ fejn dan it-tilwim ikun marbut mal-eżerċizzju ta’ sport bħala attività ekonomika fit-territorju tal-Unjoni, il-possibbiltà, għall-individwi kkonċernati, li jiksbu stħarriġ ġudizzjarju effettiv tal-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjonijiet mogħtija fil-kuntest tal-imsemmi tilwim humiex kompatibbli mal-prinċipji u mad-dispożizzjonijiet li jagħmlu parti mill-ordni pubbliku tal-Unjoni għandha importanza partikolari ħafna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, International Skating Union vs Il‑Kummissjoni, C‑124/21 P, EU:C:2023:1012, punti 193195).

92

Fil-fatt, fid-dawl tal-istatuti u tal-prerogattivi tal-assoċjazzjonijiet sportivi bħall-FIFA, l-użu ta’ tali mekkaniżmi ta’ arbitraġġ għandu jitqies li huwa impost unilateralment minn tali assoċjazzjonijiet fuq dawn l-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, International Skating Union vs Il-Kummissjoni, C‑124/21 P, EU:C:2023:1012, punti 193, 195225; Il-Qorti EDB, tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Mutu u Pechstein vs L-Isvizzera, CE:ECHR:2018:1002JUD004057510, punti 109 sa 115). Anki jekk, minn perspettiva formali, l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ dan it-tip għal individwu tista’ teħtieġ il-konklużjoni ta’ ftehim miegħu, il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim u l-inklużjoni, f’dan tal-aħħar, ta’ klawżola li tistipula l-użu tal-arbitraġġ huma, fir-realtà, imposti minn qabel minn regolamenti adottati mill-assoċjazzjoni kkonċernata u applikabbli għall-membri tagħha u għall-persuni affiljati ma’ dawn il-membri, jew anki għal kategoriji oħra ta’ persuni.

93

Din in-natura obbligatorja tal-mekkaniżmi ta’ arbitraġġ ta’ dan it-tip hija marbuta mill-qrib mal-fatt li dawn huma intiżi li japplikaw għal tilwim bejn, minn naħa, assoċjazzjoni sportiva li għandha setgħat regolatorji, ta’ superviżjoni u ta’ sanzjoni sui generis u partikolarment estiżi, u, min-naħa l-oħra, grupp ġenerali u indeterminat ta’ persuni ġuridiċi jew fiżiċi suġġetti għall-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħhom, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 74 u 75 tal-konklużjonijiet tagħha.

94

Ċertament, dan l-użu impost tal-arbitraġġ jista’ jiġi ġġustifikat, bħala prinċipju, fid-dawl tal-awtonomija ġuridika li għandhom l-assoċjazzjonijiet sportivi internazzjonali u fid-dawl tar-responsabbiltajiet tagħhom (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punti 75142 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), permezz tat-tfittxija ta’ għanijiet leġittimi bħal dak li jiġi żgurat it-trattament uniformi tat-tilwim marbut mad-dixxiplina sportiva li taqa’ taħt il-kompetenza tagħhom jew dak li jfittex li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli applikabbli għal din id-dixxiplina jkunu koerenti.

95

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, diversi drabi, li din l-awtonomija ġuridika ma tistax tiġġustifika li l-implimentazzjoni tas-setgħat miżmuma minn tali assoċjazzjonijiet twassal sabiex tillimita l‑possibbiltà għall-individwi li jinvokaw drittijiet u libertajiet li d-dritt tal-Unjoni jagħtihom u li jagħmlu parti mill-ordni pubbliku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 75, u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, International Skating Union vs Il-Kummissjoni, C‑124/21 P, EU:C:2023:1012, punt 196 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Issa, dan ir-rekwiżit jimplika fih innifsu li r-rispett ta’ dawn id-drittijiet u ta’ dawn il-libertajiet jista’ jkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv, iktar u iktar meta l-użu tal-arbitraġġ huwa impost fuq l-individwi kkonċernati (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss, C‑126/97, EU:C:1999:269, punti 36 sa 39, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2023, International Skating Union vs Il‑Kummissjoni, C‑124/21 P, EU:C:2023:1012, punti 192193).

96

F’dan il-każ, huwa b’applikazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ arbitraġġ li għandu jitqies li huwa, fil-prattika, impost unilateralment fuq l-individwi kkonċernati li ngħatat id-deċiżjoni tal-QAS, kif jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju u mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

97

Fil-fatt, skont l-Artikolu 47(3) u l-Artikolu 50(1) tal-Istatut tal-FIFA, kull azzjoni kontra deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell tal-FIFA u, b’mod iktar wiesa’, kontra deċiżjoni meħuda fl-aħħar istanza mill-FIFA u mill-korpi tagħha għandha titressaq quddiem il-QAS. Skont l-Artikolu 50(4) ta’ dan l-istatut, din l-azzjoni ma għandhiex effett sospensiv, anki jekk tali effett jista’ jingħatalha mill-QAS. Sussegwentement, skont l-Artikoli 11, 14 u 15 kif ukoll l-Artikolu 51 tal-imsemmi statut, l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol li huma membri tal-FIFA għandhom, minn naħa, jissuġġettaw ruħhom għall-ġurisdizzjoni u għad-deċiżjonijiet tal-QAS, u, min-naħa l-oħra, iwasslu lill-membri jew l-affiljati tagħhom stess, bħal-ligs, il-klabbs u l-plejers, sabiex jissottomettu ruħhom, skont il-każ, għal din il-ġurisdizzjoni u għal dawn id-deċiżjonijiet jew għall-ġurisdizzjoni u għad-deċiżjonijiet ta’ korpi tal-arbitraġġ stabbiliti fil-livell nazzjonali. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 51 tal-istess statut, kull azzjoni u kull talba għal miżuri provviżorji quddiem qorti ordinarja huma pprojbiti sakemm ma jkunux speċifikament previsti mir-regolamenti tal-FIFA. Bla ħsara għal dan, il-ġurisdizzjoni rispettiva tal-QAS u tal-korpi tal-arbitraġġ stabbiliti fil-livell nazzjonali hija għalhekk ta’ natura mhux biss ġenerali u obbligatorja, iżda wkoll esklużiva għall-kategoriji kollha ta’ persuni koperti minn dawn id-dispożizzjonijiet.

98

Għaldaqstant, għandhom jiġu ppreċiżati r-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti mill-istħarriġ ġudizzjarju tas-sentenzi mogħtija b’applikazzjoni ta’ tali mekkaniżmu, sabiex il-qrati nazzjonali kompetenti jkunu jistgħu jiggarantixxu lill-individwi l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li għaliha għandhom dritt, skont l-Artikolu 47 tal-Karta, u li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiżguraw fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

99

Fl-ewwel lok, kif ġie rrilevat fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ma jimplikax neċessarjament li għandu jeżisti, fit-territorju tal-Unjoni, rimedju ġudizzjarju dirett li għandu l-għan li jippermetti lill-individwi kkonċernati jikkontestaw tali deċiżjonijiet, bħal azzjoni għal annullament, oppożizzjoni jew appell, u, b’dan il-mod, jiksbu, mill-qorti kompetenti, stħarriġ ġudizzjarju effettiv ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Madankollu, huwa possibbli, għall‑assoċjazzjoni sportiva kkonċernata, li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ arbitraġġ suġġett, fid-dawl tas-sede tagħha, għal tali rimedju dirett fi ħdan l-Unjoni.

100

Min-naħa l-oħra, fil-każijiet kollha fejn tkun ingħatat deċiżjoni fil-kuntest ta’ tilwima marbuta mal-prattika tal-isport bħala attività ekonomika fit-territorju tal-Unjoni u fejn ma jkunx ġie previst rimedju ġudizzjarju dirett kontra din id-deċiżjoni quddiem qorti ta’ Stat Membru, għandu jkun hemm, kif tfakkar fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, possibbiltà għall-individwi kkonċernati li jiksbu b’mod inċidentali, fuq talba tagħhom jew ex officio, mingħand kull qorti ta’ Stat Membru li tista’ tieħu konjizzjoni ta’ tali deċiżjoni bi kwalunkwe mod, stħarriġ ġudizzjarju effettiv dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-imsemmija deċiżjoni tkunx kompatibbli mal-prinċipji u mad-dispożizzjonijiet li jagħmlu parti mill-ordni pubbliku tal-Unjoni, kif jirriżulta mill-punti 85 u 95 ta’ din is-sentenza. Fl-assenza ta’ tali stħarriġ inċidentali jew jekk dan ma jkunx ta’ natura effettiva, fid-dawl tal-elementi rrilevati fil-punti 92 u 93 ta’ din is-sentenza, ma jkunx hemm rimedju ġudizzjarju li jippermetti li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva għall-individwi kkonċernati, b’tali mod li l-obbligu ta’ stabbiliment ta’ tali rimedju ġudizzjarju jkun impost fuq l-Istat Membru kkonċernat.

101

Fit-tieni lok, il-qrati tal-Istati Membri li huma msejħa jwettqu tali stħarriġ għandhom, fil-każ fejn tali deċiżjoni tinkludi, bħal f’dan il-każ, interpretazzjoni jew applikazzjoni tal-prinċipji jew tad-dispożizzjonijiet li jagħmlu parti mill-ordni pubbliku tal-Unjoni u li jagħtu drittijiet jew libertajiet lill-individwi, ikunu jistgħu jistħarrġu l-interpretazzjoni li tkun saret ta’ dawn il-prinċipji jew ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-konsegwenzi legali marbuta ma’ din l-interpretazzjoni f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom għall-każ inkwistjoni u l-klassifikazzjoni ġuridika li ngħatat, fid-dawl tal-imsemmija interpretazzjoni, għall-fatti kif ikkonstatati u evalwati mill-korp tal-arbitraġġ, kif jirriżulta mill-punti 86 u 95 ta’ din is-sentenza.

102

Fit-tielet lok, dawn il-qrati ma jistgħux jillimitaw ruħhom li jikkonstataw, jekk ikun il-każ, li tali deċiżjoni hija inkompatibbli, totalment jew parzjalment, ma’ prinċipji jew dispożizzjonijiet li jagħmlu parti mill-ordni pubbliku tal-Unjoni.

103

Għall-kuntrarju, l-imsemmija qrati għandhom ukoll ikunu jistgħu jisiltu, fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom u konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, il-konsegwenzi ġuridiċi kollha meħtieġa fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ tali inkompatibbiltà. Fin-nuqqas ta’ dan, l-istħarriġ ġudizzjarju mwettaq ma jkunx, fil-fatt, effettiv, sa fejn ikun jista’ jippermetti li din l-inkompatibbiltà tippersisti.

104

B’mod partikolari, fil-każ fejn ikun hemm inkwistjoni ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-individwi kkonċernati għandhom ikunu jistgħu jitolbu lill-imsemmija qrati mhux biss li jikkonstataw dan il-ksur u li jordnaw il-kumpens għad-dannu li huwa kkawżalhom, iżda wkoll li jwaqqfu l-aġir li jikkostitwixxi l-imsemmi ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, International Skating Union vs Il‑Kummissjoni, C‑124/21 P, EU:C:2023:1012, punti 200201). L-istess japplika għal dak li jikkonċerna l-libertajiet ta’ moviment, sa fejn l-osservanza ta’ dawn il-libertajiet hija imposta fuq l-assoċjazzjonijiet sportivi meta huma jadottaw jew japplikaw regoli li għandhom effett dirett fuqhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punti 8586, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

105

Fir-raba’ u l-aħħar lok, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull qorti nazzjonali li quddiemha titressaq tilwima rregolata mid-dritt tal-Unjoni għandu jkollha s-setgħa li tagħti l-miżuri provviżorji li jippermettu li tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni li għandha tingħata fil-mertu, inkluż fil-każ fejn din il-qorti tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja u tissospendi l-proċeduri quddiemha sakemm tingħata r-risposta mingħandha. Barra minn hekk, tali qorti għandha tinjora r-regoli tad-dritt nazzjonali li jipprekludu tali setgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et, C‑213/89, EU:C:1990:257, punti 21 sa 23; digriet tal-president tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Frar 2021, Sea Watch, C‑14/21 u C‑15/21, EU:C:2021:149, punt 32).

106

Minn dan isegwi, minn naħa, li l-individwi kkonċernati għandu jkollhom il-possibbiltà li jitolbu lil kull qorti nazzjonali, adita b’mod validu bil-kwistjoni dwar jekk deċiżjoni ta’ arbitraġġ hijiex kompatibbli mal-prinċipji u mad-dispożizzjonijiet li jagħmlu parti mill-ordni pubbliku tal-Unjoni, tagħtihom miżuri provviżorji fl-istennija tad-deċiżjoni li għandha tingħata fil-mertu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, International Skating Union vs Il‑Kummissjoni, C‑124/21 P, EU:C:2023:1012, punt 201). B’mod iktar ġenerali, tali miżuri provviżorji għandhom ikunu jistgħu jintalbu mingħand kull qorti nazzjonali kompetenti sabiex tagħti deċiżjoni, fil-kuntest ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ nullità, ta’ adozzjoni ta’ ordni u ta’ kumpens bħal dik li tat lok għall-kawża prinċipali jew fil-kuntest ta’ kull proċedura ġudizzjarja nazzjonali oħra, fuq il-kwistjoni dwar jekk att, miżura jew aġir ta’ assoċjazzjoni sportiva internazzjonali jew nazzjonali, jew ta’ korp ta’ arbitraġġ li l-ġurisdizzjoni tiegħu hija, fil-prattika, imposta unilateralment fuq l-individwi minn tali assoċjazzjoni, huwiex kompatibbli ma’ dawn il-prinċipji u ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, mingħajr ma huwa neċessarju li wieħed jistenna li tingħata deċiżjoni fil-mertu dwar din il-kwistjoni. Fil-fatt, fl-assenza ta’ tali possibbiltà, l-effettività sħiħa ta’ tali deċiżjoni ma tistax tiġi ggarantita.

107

Min-naħa l-oħra, kull qorti nazzjonali kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar tali kwistjoni għandha twarrab kull regola li toħroġ minn Stat Membru jew, iktar u iktar, minn assoċjazzjoni sportiva, li tipprojbixxi lill-individwi kkonċernati milli jitolbuha tagħtihom tali miżuri provviżorji jew li b’xi mod ieħor tipprekludi li hija tkun tista’ tagħtihom tali miżuri provviżorji.

108

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-deċiżjoni tal-QAS tikkonċerna tilwima dwar sanzjonijiet dixxiplinari imposti mill-FIFA fir-rigward ta’ kuntratti konklużi bejn klabb tal-futbol stabbilit fil-Belġju u impriża stabbilita Malta li għandha bħala attività ekonomika l‑assistenza finanzjarja lill-klabbs tal-futbol fl-Ewropa. Din id-deċiżjoni ngħatat bis-saħħa ta’ mekkaniżmu ta’ arbitraġġ stabbilit mir-regolamenti stipulati mill-FIFA, li jipprevedu li tali deċiżjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ azzjoni għal annullament quddiem qorti ta’ Stat terz. Għaldaqstant, din hija deċiżjoni li fir-rigward tagħha l-individwi kkonċernati għandu jkollhom il-possibbiltà, fl-assenza ta’ rimedju dirett quddiem qorti ta’ Stat Membru, li jiksbu b’mod inċidentali, mingħand kull qorti ta’ Stat Membru li tista’ tieħu konjizzjoni ta’ tali deċiżjoni, assistita jekk ikun neċessarju mill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, stħarriġ effettiv tal-osservanza tal-prinċipji u tad-dispożizzjonijiet li jagħmlu parti mill-ordni pubbliku tal-Unjoni.

109

Barra minn hekk, kif jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet u r-regoli nazzjonali li huma s-suġġett tad-domandi tal-qorti tar-rinviju jagħtu lid-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ definittivi, f’termini ġenerali u indeterminati, l-awtorità ta’ res judicata fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet u saħħa probatorja fir-rigward ta’ terzi, fit-territorju kollu tal-Istat Membru kkonċernat. Bħala tali, dawn ġew applikati għad-deċiżjoni tal-QAS fis-sentenza li hija s-suġġett tal-appell ta’ kassazzjoni pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

110

Għalhekk, din l-applikazzjoni għandha l-effett, minn naħa, li tagħti l-awtorità ta’ res judicata lil tali deċiżjoni ta’ arbitraġġ, fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet fit-tilwima li fiha ngħatat din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ.

111

Issa, l-imsemmija applikazzjoni ċċaħħad lill-parti li kontriha d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ inkwistjoni tiġi invokata sussegwentement mill-parti l-oħra, f’tilwima mressqa quddiem qorti tal-Istat Membru kkonċernat, mill-possibbiltà li tikseb min-naħa ta’ din il-qorti, fuq talba tagħha jew ex officio, stħarriġ effettiv tal-kwistjoni dwar jekk din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ hijiex kompatibbli mal-prinċipji u mad-dispożizzjonijiet li jagħmlu parti mill-ordni pubbliku tal-Unjoni.

112

Min-naħa l-oħra, l-istess applikazzjoni għandha l-effett li tagħti saħħa probatorja lil tali deċiżjoni ta’ arbitraġġ fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet fit-tilwima li fiha ngħatat din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ u t-terzi għal din it-tilwima.

113

Ċertament, kif ġie rrilevat kemm mill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-Avukata Ġenerali fil-punt 134 tal-konklużjonijiet tagħha, din is-saħħa probatorja tikkostitwixxi preżunzjoni li tista’ tiġi kkonfutata mill-parti li fil-konfront tagħha d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ inkwistjoni tiġi sussegwentement invokata minn terz għall-imsemmija tilwima, f’tilwima mressqa quddiem qorti tal-Istat Membru kkonċernat.

114

Madankollu, din id-deċiżjoni turi wkoll li l-għoti ta’ tali saħħa probatorja lid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ inkwistjoni hija waħda mill-konsegwenzi li d-dritt nazzjonali jorbot mal-awtorità ta’ res judicata, bl-għan li din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tkun opponibbli fil-konfront ta’ terzi. Din is-saħħa probatorja hija għalhekk mogħtija lill-imsemmija deċiżjoni ta’ arbitraġġ, bl-istess mod bħall-awtorità ta’ res judicata li tagħha hija tikkostitwixxi l-korollarju u li magħha hija direttament u intrinsikament marbuta, fl-assenza ta’ kwalunkwe stħarriġ, minn qorti ta’ Stat Membru, tal-konformità tagħha mal-ordni pubbliku tal-Unjoni.

115

Issa, ir-rekwiżit ta’ stħarriġ tal-osservanza tal-ordni pubbliku tal-Unjoni huwa impost sabiex jippermetti lill-parti fil-kawża kkonċernata teżerċita d-dritt tagħha għal rimedju effettiv u tibbenefika mill-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li għandha tiġi żgurata lilha, jekk ikun il-każ ex officio, konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta u mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, u dan irrispettivament mill-persuna li jkollha l-intenzjoni tinvoka fil-konfront tagħha deċiżjoni ta’ arbitraġġ bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

116

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet ta’ Arbitraġġ Barranin, iffirmata New York fl‑10 ta’ Ġunju 1958 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 330, p. 3), li ma torbotx lill-Unjoni, iżda li għaliha huma partijiet l-Istati Membri kollha u, barra minn hekk, il-Konfederazzjoni Svizzera, tipprevedi hija wkoll stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ li jirrigwardaw l-osservanza tal-ordni pubbliku.

117

Fil-fatt, kif essenzjalment fakkru, b’mod partikolari, il-Gvern Belġjan, Franċiż, Litwan u Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, minn din il-konvenzjoni jirriżulta li, għalkemm kull Stat parti għaliha għandu jirrikonoxxi l-eżistenza u l-awtorità ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ barranin mogħtija b’applikazzjoni ta’ ftehim li permezz tiegħu persuni fiżiċi jew ġuridiċi obbligaw ruħhom li jissottomettu għal arbitraġġ it-tilwim kollu jew parti minnu li jista’ jinqala’ bejniethom dwar relazzjoni legali partikolari, dan l-obbligu jmur id f’id ma’ dak, għal tali Stat, li jiġi żgurat lill-persuni kkonċernati l-possibbiltà li jiksbu min-naħa tal-qrati nazzjonali kompetenti, kemm jekk fuq talba tagħhom jew ex officio, stħarriġ tal-konformità ta’ dawn is-sentenzi mal-ordni pubbliku tiegħu. Fir-rigward tal-Istati Membri, dan l-aħħar obbligu jmur id f’id ma’ dak li jiġi żgurat lil dawn il-persuni l-possibbiltà li jiksbu stħarriġ tal-konformità tal-imsemmija deċiżjonijiet mal-ordni pubbliku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss, C‑126/97, EU:C:1999:269, punt 37).

118

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l‑Artikolu 47 tal-Karta huwa suffiċjenti fih innifsu u ma għandux jiġi ppreċiżat mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali sabiex jagħti lill-individwi dritt invokabbli bħala tali (sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 78; tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 56; u tat‑28 ta’ Jannar 2025, ASG 2, C‑253/23, EU:C:2025:40, punt 89).

119

Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, peress li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huwa fformulat f’termini ċari u preċiżi, minn naħa, u ma huwa suġġett għal ebda kundizzjoni, min-naħa l-oħra, dan għandu effett dirett (sentenzi tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 250; tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effet tas-sentenzi ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 58; kif ukoll tas‑6 ta’ Marzu 2025, D. K. (Żvestiment ta’ Mħallef), C‑647/21 u C‑648/21, EU:C:2025:143, punt 90).

120

Minn dan isegwi li, fil-każ fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma applikabbli għal tilwima partikolari jikkostitwixxu possibbilment ostakolu għall-effettività sħiħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, il-qorti nazzjonali kompetenti għandha, fin-nuqqas ta’ interpretazzjoni konformi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali, twarrabhom abbażi tal-awtorità tagħha stess. Fil-fatt, is-setgħa li jsir, fil-mument stess tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, dak kollu li huwa neċessarju sabiex titwarrab dispożizzjoni jew prattika nazzjonali li possibbilment tkun ta’ ostakolu għall-effettività sħiħa tar-regoli ta’ effett dirett ta’ dan id-dritt tagħmel parti integrali mir-rwol tal-qorti tal-Unjoni applikabbli għal qorti nazzjonali li għandha tapplika, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, dawn ir-regoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ qorti kostituzzjonali, C‑430/21, EU:C:2022:99, punti 5962 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121

Għalhekk, dan l-obbligu huwa impost, b’mod partikolari, fil-każ fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli jipprekludu lill-qorti nazzjonali kompetenti milli twettaq, b’mod inċidentali, stħarriġ effettiv tal-kwistjoni dwar jekk deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija mill-QAS, fil-kuntest ta’ tilwima marbuta mal-eżerċizzju ta’ sport bħala attività ekonomika fit-territorju tal-Unjoni, hijiex kompatibbli mal-prinċipji u mad-dispożizzjonijiet li jagħmlu parti mill-ordni pubbliku tal-Unjoni.

122

Għaldaqstant, l-imsemmi obbligu huwa impost, b’mod partikolari, fil-preżenza ta’ dispożizzjonijiet u ta’ regoli nazzjonali li jagħtu l-awtorità ta’ res judicata lil tali deċiżjoni ta’ arbitraġġ fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet, minn naħa, u saħħa probatorja tagħha fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet u t-terzi, min-naħa l-oħra, mingħajr ma din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tkun is-suġġett, minn qabel, ta’ stħarriġ li jippermetti lil qorti li taqa’ taħt l-Istat Membru kkonċernat tivverifika, b’mod effettiv, jekk hijiex kompatibbli mal-prinċipji u mad-dispożizzjonijiet li jagħmlu parti mill-ordni pubbliku tal-Unjoni. Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li huwa l-għoti stess ta’ tali awtorità u, konsegwentement, ta’ tali saħħa lill-imsemmija deċiżjoni ta’ arbitraġġ, li, f’tali kuntest, iseħħ bi ksur tar-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u fl-Artikolu 47 tal-Karta.

123

Fil-fatt, tali sitwazzjoni hija fundamentalment differenti minn dik imsemmija fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, fejn l-attribuzzjoni tal-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni ġudizzjarja jew lil deċiżjoni ta’ arbitraġġ li setgħet kienet is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv, konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, titqiegħed inkwistjoni minħabba li tipprekludi li jiġi kkonstatat u ssanzjonat ksur ta’ dispożizzjoni oħra jew ta’ prinċipju ieħor tad-dritt tal-Unjoni u li għalhekk tikser limitu li jimponi l-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni għall-awtorità ta’ res judicata bħala espressjoni tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri.

124

F’dan il-każ, minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet u r-regoli nazzjonali li fir-rigward tagħhom huma fformulati d-domandi tal-qorti tar-rinviju għandhom jiġu injorati, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet u dawn ir-regoli, ikkunsidrati jekk ikun il-każ flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt nazzjonali, ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li ma japplikawx fil-preżenza ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fatt li għandu jiġi ddeterminat biss mill-qorti tar-rinviju.

125

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 267 TFUE u l-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li:

l-awtorità ta’ res judicata tingħata lil deċiżjoni tal-QAS fit-territorju ta’ Stat Membru, fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet fit-tilwima li fil-kuntest tagħha tkun ingħatat din id-deċiżjoni, fil-każ fejn din it-tilwima tkun marbuta mal-eżerċizzju ta’ sport bħala attività ekonomika fit-territorju tal-Unjoni u fejn il-konformità tal-imsemmija deċiżjoni mal-prinċipji u mad-dispożizzjonijiet li jagħmlu parti mill-ordni pubbliku tal-Unjoni ma tkunx ġiet mistħarrġa minn qabel, b’mod effettiv, minn qorti ta’ dan l-Istat Membru, li tista’ tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari;

tingħata saħħa probatorja, bħala konsegwenza ta’ din l-awtorità ta’ res judicata, lil tali deċiżjoni fit-territorju tal-istess Stat Membru, fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet fl-imsemmija tilwima u t-terzi.

Fuq l-ispejjeż

126

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 267 TFUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li:

 

l-awtorità ta’ res judicata tingħata lil deċiżjoni tal-Qorti tal-Arbitraġġ għall-Isport (QAS) fit-territorju ta’ Stat Membru, fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet fit-tilwima li fil-kuntest tagħha tkun ingħatat din id-deċiżjoni, fil-każ fejn din it-tilwima tkun marbuta mal-eżerċizzju ta’ sport bħala attività ekonomika fit-territorju tal-Unjoni Ewropea u fejn il-konformità tal-imsemmija deċiżjoni mal-prinċipji u mad-dispożizzjonijiet li jagħmlu parti mill-ordni pubbliku tal-Unjoni ma tkunx ġiet mistħarrġa minn qabel, b’mod effettiv, minn qorti ta’ dan l-Istat Membru, li tista’ tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari;

tingħata saħħa probatorja, bħala konsegwenza ta’ din l-awtorità ta’ res judicata, lil tali deċiżjoni fit-territorju tal-istess Stat Membru, fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet fl-imsemmija tilwima u t-terzi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top