This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023CJ0393
Judgment of the Court (Fifth Chamber) of 13 February 2025.#Athenian Brewery SA and Heineken NV v Macedonian Thrace Brewery SA.#Reference for a preliminary ruling – Judicial cooperation in civil and commercial matters – Jurisdiction and the recognition and enforcement of judgments in civil and commercial matters – Regulation (EU) No 1215/2012 – Special jurisdiction – Article 8(1) – Multiple defendants – Claims ‘so closely connected’ that it is expedient to hear and determine them together – Article 102 TFEU – Concept of an ‘undertaking’ – Parent and subsidiary companies – Infringement committed by the subsidiary – Presumption of dominant influence exercised by the parent company – Joint and several liability – Decision of a national competition authority – Actions for compensation.#Case C-393/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-13 ta’ Frar 2025.
Athenian Brewery SA u Heineken NV vs Macedonian Thrace Brewery SA.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali – Ġuridizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni speċjali – Il-punt 1 tal-Artikolu 8 – Numru ta’ konvenuti – Talbiet b’‘rabta tant stretta’ li jkun hemm interess li jinstemgħu u li jiġu deċiżi fl-istess waqt – Artikolu 102 TFUE – Kunċett ta’ ‘impriża’ – Kumpannija omm u sussidjarja – Ksur imwettaq mis-sussidjarja – Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija omm – Responsabbiltà in solidum – Deċiżjoni ta’ awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali – Azzjonijiet għad-danni.
Kawża C-393/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-13 ta’ Frar 2025.
Athenian Brewery SA u Heineken NV vs Macedonian Thrace Brewery SA.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali – Ġuridizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni speċjali – Il-punt 1 tal-Artikolu 8 – Numru ta’ konvenuti – Talbiet b’‘rabta tant stretta’ li jkun hemm interess li jinstemgħu u li jiġu deċiżi fl-istess waqt – Artikolu 102 TFUE – Kunċett ta’ ‘impriża’ – Kumpannija omm u sussidjarja – Ksur imwettaq mis-sussidjarja – Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija omm – Responsabbiltà in solidum – Deċiżjoni ta’ awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali – Azzjonijiet għad-danni.
Kawża C-393/23.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2025:85
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
13 ta’ Frar 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali – Ġuridizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni speċjali – Il-punt 1 tal-Artikolu 8 – Numru ta’ konvenuti – Talbiet b’‘rabta tant stretta’ li jkun hemm interess li jinstemgħu u li jiġu deċiżi fl-istess waqt – Artikolu 102 TFUE – Kunċett ta’ ‘impriża’ – Kumpannija omm u sussidjarja – Ksur imwettaq mis-sussidjarja – Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija omm – Responsabbiltà in solidum – Deċiżjoni ta’ awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali – Azzjonijiet għad-danni”
Fil-Kawża C‑393/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Ġunju 2023, fil-proċedura
Athenian Brewery SA,
Heineken NV
vs
Macedonian Thrace Brewery SA
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, D. Gratsias (Relatur) u E. Regan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Lamote, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑6 ta’ Ġunju 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Athenian Brewery SA u Heineken NV, minn R. Dufour u E. Pijnacker Hordijk, advocaten, |
– |
għal Macedonian Thrace Brewery SA, minn A.J.M.J. de Moncuit de Boiscuillé, avocat, J. W. Fanoy, P. A. Fruytier, T. S. Hoyer u M.H.J. van Maanen, advocaten, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Noë u W. Wils, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Settembru 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Athenian Brewery SA (iktar’ il quddiem “AB”) u Heineken NV u, min-naħa l-oħra, Macedonian Thrace Brewery SA (iktar ’il quddiem “MTB”) dwar azzjoni intiża għall-ingaġġ tar-responsabbiltà in solidum ta’ AB u ta’ Heineken għall-kumpens tad-dannu mġarrab minn MTB minħabba ksur tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 2 tan-Nomos 3959/2011 prostasia tou eleutherou Antagonismou (il-Liġi Nru 3959 dwar il-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni), tal‑20 ta’ April 2011 (FEK A’93), imwettaq minn AB. |
Il-kuntest ġuridiku
Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003
3 |
L-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), intitolat “Il-poteri ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri”, jipprevedi: “L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom ikollhom is-setgħa li japplikaw l-Artikol[i] [101] u [102 TFUE] f’każijiet individwali. […]” |
4 |
L-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-applikazzjoni uniformi tal-Liġi tal-Kompetizzjoni tal-Komunità”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Meta il-qrati nazzjonali jideċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi taħt l-Artikolu [101] jew l-Artikolu [102 TFUE] li huma diġa suġġetti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni [Ewropea], huma ma jieħdux id-deċiżjonijiet li jmorru kontra id-deċiżjoni adottata mil-Kummissjoni. Huma jridu jevitaw li jieħdu deċiżjonijiet li huma f’kunflitt ma deċiżjoni kontemplata mil-Kummissjoni fil-proċeduri li jniżjat. Għal dak l-effet, il-qrati nazzjonali jistgħu jagħmlu stima jekk huwiex neċessarju li jpoġġu [jissospendu] dawn il-proċeduri. Dan l-obligu hu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obligazzjonijiet taħt l-Artikolu [267 TFUE].” |
5 |
Skont l-Artikolu 23(2)(a) tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjonijiet tal-impriżi meta, b’intenzjoni jew b’negliġenza, huma jiksru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 jew tal-Artikolu 102 TFUE. |
Ir-Regolament Nru 1215/2012
6 |
Il-premessi 15, 16, u 21 tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdu:
[…]
|
7 |
L-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, li jagħmel parti mit-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tiegħu, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali”, huwa fformulat kif ġej: “Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.” |
8 |
L-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament, li jaqa’ taħt l-istess taqsima, jipprevedi: “Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jitressqu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla fit-Taqsimiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.” |
9 |
L-Artikolu 8(1) tal-istess regolament, li jaqa’ taħt it-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tiegħu, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”, jipprovdi: “Persuna li tkun domiċiljata fi Stat Membru tista’ wkoll tiġi mfittxija bil-qorti:
[…]” |
Id‑Direttiva 2014/104/UE
10 |
L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea, (ĠU 2014, L 349, p. 1) intitolat “Effett ta’ deċiżjonijiet nazzjonali”, jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni misjub b’deċiżjoni finali ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew minn qorti tal-appell, jiġi meqjus li hu stabbilit b’mod inkontestabbli għall-finijiet ta’ azzjoni għad-danni mressqa quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom skont l-Artikoli 101 jew 102 TFUE jew taħt il-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn deċiżjoni finali msemmija fil-paragrafu 1 tittieħed fi Stat Membru ieħor, dik id-deċiżjoni finali tista’, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, tiġi ppreżentata quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom bħala tal-inqas evidenza prima facie tal-fatt li seħħ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, u, kif xieraq, tista’ tiġi valutata flimkien ma’ kwalunkwe evidenza oħra ppreżentata mill-partijiet. 3. Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-qrati nazzjonali taħt l-Artikolu 267 TFUE.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
11 |
AB u MTB huma birreriji, stabbiliti fil-Greċja, li joperaw fis-suq Grieg tal-birra. AB tagħmel parti mill-grupp Heineken, li l-kumpannija omm tiegħu, Heineken, hija stabbilita f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi). Heineken tiddefinixxi l-istrateġija u l-għanijiet tal-grupp. Madankollu, hija stess ma teżerċitax attivitajiet operazzjonali fil-Greċja. Bejn ix-xahar ta’ Settembru 1998 u l‑14 ta’ Settembru 2014, Heineken kellha indirettament madwar 98.8 % tal-ishma tal-kapital ta’ AB. |
12 |
B’deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2014, l-Epitropi Antagonismou (il-Kummissjoni tal-Kompetizzjoni, il-Greċja) ikkonstatat li AB kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq Grieg tal-birra matul il-perijodu msemmi fil-punt preċedenti u li dan l-aġir kellu jiġi kklassifikat bħala ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 102 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 2 tal-Liġi 3959 dwar il-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni. Minkejja li MTB kienet talbet lill-Kummissjoni tal-Kompetizzjoni tinkludi lil Heineken fl-investigazzjoni, din il-kummissjoni qieset, fost l-oħrajn, li ma kien hemm ebda prova ta’ involviment dirett ta’ Heineken fil-ksur ikkonstatat u li ċ-ċirkustanzi speċifiċi ma kinux jagħtu lok għall-preżunzjoni li Heineken kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq AB. Fl-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni tal-Kompetizzjoni ma ddeċidietx dwar il-preżunzjoni konfutabbli, irrikonoxxuta fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tipprovdi li, fil-każ partikolari fejn kumpannija omm iżżomm direttament jew indirettament il-kapital kollu jew kważi kollu tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, din il-kumpannija omm teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u tista’ tinżamm responsabbli għall-ksur bl-istess mod bħall-imsemmija sussidjarja (iktar ’il quddiem il-“preżunzjoni ta’ influwenza determinanti u ta’ responsabbiltà tal-kumpannija omm”). |
13 |
MTB ippreżentat rikors quddiem ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) intiż sabiex AB u Heineken jiġu ddikjarati responsabbli in solidum għall-ksur imsemmi fil-punt preċedenti u, għaldaqstant, ikkundannati in solidum għall-kumpens tad-dannu mġarrab minn MTB minħabba dan il-ksur. Min-naħa tagħhom, AB u Heineken talbu lir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors kontra AB. Ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) ikkonstatat li kellha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikorsi kontra Heineken skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 sa fejn is-sede ta’ din l-aħħar kumpannija kien jinsab f’Amsterdam. B’kuntrast, hija laqgħet it-talba ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni ppreżentata minn AB u Heineken u kkonstatat li ma kellhiex ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ AB minħabba l-assenza ta’ “talbiet marbuta tant strettament ma’ xulxin”, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, bejn l-azzjoni mressqa kontra Heineken u dik kontra AB li jkun hemm interess li jinstemgħu u li jiġu deċiżi fl-istess waqt sabiex jiġu evitati deċiżjonijiet li jistgħu jkunu irrikonċiljabbli jekk il-kawżi jiġu deċiżi separatament. |
14 |
Adita b’appell, il-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) annullat id-deċiżjoni tar-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam), ċaħdet it-talba inċidentali ta’ AB u ta’ Heineken u rrinvijat il-kawża quddiem din il-qorti għal eżami ġdid u għal deċiżjoni fuq il-mertu. Din il-qorti tal-appell qieset, essenzjalment, li dawn il-kumpanniji kienu jinsabu fl-istess sitwazzjoni ta’ fatt u li ma setax jiġi eskluż b’ċertezza suffiċjenti li huma kienu jifformaw l-istess impriża waħda. |
15 |
AB u Heineken ippreżentaw appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), li hija l-qorti tar-rinviju. |
16 |
Din il-qorti tirrileva li l-kawża li tressqet quddiemha hija differenti minn dik imsemmija fis-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, iddeċidiet li talbiet kontra impriżi li jkunu pparteċipaw b’mod differenti, fuq il-livell ġeografiku u temporali, fi ksur uniku u kontinwu tal-projbizzjoni tal-akkordji prevista mid-dritt tal-Unjoni kkonstatat minn deċiżjoni tal-Kummissjoni, kienu marbuta bejniethom b’“rabta tant stretta” li kien hemm interess li jinstemgħu u li jiġu deċiżi fl-istess waqt. F’dan il-każ, il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ma ġiex ikkonstatat minn deċiżjoni tal-Kummissjoni, iżda minn awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali, jiġifieri l-Kummissjoni tal-Kompetizzjoni. Barra minn hekk, huwa paċifiku li Heineken ma kellhiex hija stess twettaq operazzjonijiet fis-suq tal-birra Grieg u t-talba mressqa kontriha minn MTB kienet ibbażata esklużivament fuq l-influwenza determinanti li hija eżerċitat fuq l-aġir ta’ AB. Fejn, f’każ bħal dak inkwistjoni, il-konvenut jikkontesta bil-provi l-fatt li eżerċita tali influwenza, tqum il-kwistjoni dwar jekk, konformement mal-kriterju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37) u tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding (C‑12/15, EU:C:2016:449), huwiex possibbli li wieħed jibbaża ruħu fuq il-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti u ta’ responsabbiltà tal-kumpannija omm, f’liema każ il-qorti adita jkollha tirrikonoxxi l-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi l-kawża, sakemm il-kumpannija omm ikkonċernata, mingħajr evidenza ddettaljata, ma tikkonfutax din il-preżunzjoni. |
17 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
18 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, fil-każ ta’ talbiet intiżi sabiex kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha jiġu kkundannati in solidum jikkumpensaw id-dannu mġarrab minħabba t-twettiq, minn din is-sussidjarja, ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-qorti tad-domiċilju tal-kumpannija omm adita b’dawn it-talbiet tibbaża ruħha esklużivament, sabiex tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha, fuq il-preżunzjoni li, meta kumpannija omm iżżomm direttament jew indirettament il-kapital kollu jew kważi kollu ta’ sussidjarja li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, hija teżerċita influwenza determinanti fuq din is-sussidjarja. |
19 |
L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdi li persuna ddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru tista’, fil-każ ta’ diversi konvenuti, tiġi mħarrka quddiem il-qorti tad-domiċilju ta’ wieħed mill-konvenuti, bil-kundizzjoni li t-talbiet ikunu konnessi bejniethom b’”rabta tant stretta” li jkun hemm interess li jinstemgħu u li jiġu deċiżi fl-istess waqt sabiex jiġu evitati deċiżjonijiet li jistgħu jkunu irrikonċiljabbli jekk il-kawżi jiġu deċiżi separatament. |
20 |
L-għan tar-regola ta’ ġurisdizzjoni msemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1215/2012 tissodisfa, konformement mal-premessi 16 u 21 ta’ dan ir-regolament, għall-ħtieġa li tiġi ffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li titnaqqas kemm jista’ jkun il-possibbiltà ta’ proċeduri simultanji u li jiġu evitati deċiżjonijiet irrikonċiljabbli mogħtija fi Stati Membri differenti (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Beverage City Polska, C‑832/21, EU:C:2023:635, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
21 |
Din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali, sa fejn tidderoga mill-ġurisdizzjoni bbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut stabbilita fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1215/2012, għandha tiġi interpretata b’mod strett li ma jmurx lil hinn mill-każijiet previsti espressament minn dan ir-regolament (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Beverage City Polska, C‑832/21, EU:C:2023:635, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
22 |
Isegwi li, għall-applikazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1215/2012, hemm lok li jiġi vverifikat jekk, fost it-talbiet differenti, imressqa mill-istess rikorrent kontra konvenuti differenti, hemmx konnessjoni tali li jkun hemm interess li jiġu deċiżi flimkien sabiex jiġu evitati deċiżjonijiet li jistgħu jkunu irrikonċiljabbli jekk il-kawżi jiġu deċiżi separatament. F’dan ir-rigward, sabiex deċiżjonijiet jistgħu jitqiesu li huma irrikonċiljabbli, ma huwiex biżżejjed li jkun hemm diverġenza fis-soluzzjoni tal-kawżi, iżda tali diverġenza għandha tqum ukoll fil-kuntest tal-istess sitwazzjoni fattwali u legali (sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide, C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
23 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-regola stabbilita fil-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1215/2012 ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tista’ tippermetti lil rikorrent iressaq talba kontra diversi konvenuti bl-għan waħdieni li jeskludi l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat fejn wieħed mill-konvenuti jkun iddomiċiljat u, għalhekk, li jevita r-regola ta’ ġurisdizzjoni li tinsab f’din id-dispożizzjoni, billi joħloq jew iżomm b’mod artifiċjali l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Beverage City Polska, C‑832/21, EU:C:2023:635, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
24 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li l-possibbiltà li rikorrent iressaq talba kontra diversi konvenuti bl-għan waħdieni li jeskludi l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat fejn wieħed mill-konvenuti jkun iddomiċiljat tkun eskluża meta jkun hemm rabta stretta bejn it-talbiet imressqa kontra kull wieħed mill-konvenuti, meta titressaq il-kawża, jiġifieri meta jkun hemm interess li jinstemgħu u jiġu deċiżi flimkien sabiex jiġu evitati soluzzjonijiet li jistgħu jkunu irrikonċiljabbli jekk il-kawżi jiġu deċiżi separatament (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑11 ta’ Ottubru 2007, Freeport, C‑98/06, EU:C:2007:595, punt 54; tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide, C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 28, kif ukoll tas‑7 ta’ Settembru 2023, Beverage City Polska, C‑832/21, EU:C:2023:635, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan hija ddeduċiet li, meta titressaq kawża, talbiet li jkunu konnessi fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), li jikkorrispondi għall-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1215/2012, il-qorti adita tista’ tikkonstata eventwali evitar tar-regola tal-ġurisdizzjoni li tinsab f’din id-dispożizzjoni biss jekk ikun hemm indizji probatorji li jippermettulha tikkonkludi li r-rikorrent ikun ħoloq jew żamm b’mod artifiċjali l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide, C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 29). |
25 |
Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-eżistenza tal-istess sitwazzjoni ta’ liġi u ta’ fatt, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tal-kawża li jkollha quddiemha, fir-rigward tat-talbiet diretti kontra d-diversi konvenuti, u tiżgura li t-talbiet diretti kontra kokonvenut wieħed biss li d-domiċilju tiegħu jiġġustifika l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita ma jkollhomx l-għan li jissodisfaw b’mod artifiċjali l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1215/2012 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Beverage City Polska, C‑832/21, EU:C:2023:635, punti 42 u 45). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma utli għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni. |
26 |
Minn din il-perspettiva, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kundizzjoni tal-eżistenza tal-istess sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi għandha titqies li tkun issodisfatta meta diversi impriżi li jkunu pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ikkonstatat f’deċiżjoni tal-Kummissjoni, ikunu suġġetti, bħala konvenuti, għal talbiet ibbażati fuq il-parteċipazzjoni tagħhom f’dan il-ksur, u dan minkejja l-fatt li jkun b’mod differenti, kemm mill-perspettiva ġeografika kif ukoll temporali, li l-konvenuti fil-kawża prinċipali pparteċipaw fl-implimentazzjoni tal-akkordju kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide, C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 21). |
27 |
Kif irrilevat essenzjalment l-Avukata Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tagħha, l-istess konstatazzjoni tapplika wkoll fil-każ ta’ talbiet ibbażati fuq il-parteċipazzjoni ta’ kumpannija fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni u mressqa kontra din il-kumpannija kif ukoll kontra l-kumpannija omm tagħha u li fihom jiġi huwa allegat li flimkien huma kienu jifformaw l-istess impriża waħda. |
28 |
Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jkopri l-attivitajiet tal-impriżi, b’tali mod li, peress li r-responsabbiltà għad-dannu li jirriżulta mill-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni hija ta’ natura personali, hija l-impriża li tikser dawn ir-regoli li għandha twieġeb għad-dannu kkawżat mill-ksur (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et, C‑724/17, EU:C:2019:204, punti 30 u 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
Għaldaqstant, meta jiġi stabbilit li kumpannija u s-sussidjarja tagħha jifformaw parti mill-istess unità ekonomika u, għalhekk, jifformaw impriża waħda, fis-sens tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hija għalhekk l-eżistenza stess ta’ din l-unità ekonomika li tkun wettqet il-ksur li tiddetermina, b’mod deċiżiv, ir-responsabbiltà ta’ kumpannija waħda jew l-oħra li tifforma l-impriża għall-aġir antikompetittiv ta’ din tal-aħħar. F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “impriża” u, permezz tiegħu, dak ta’ “unità ekonomika”, iwasslu ipso iure għal responsabbiltà bejn l-entitajiet li jifformaw l-unità ekonomika fil-mument tat-twettiq tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punti 43 u 44). |
30 |
F’dan ir-rigward, il-fatt li, bħal f’dan il-każ, ir-responsabbiltà in solidum tal-kumpannija omm u tas-sussidjarja tagħha għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma ġietx ikkonstatata f’deċiżjoni definittiva tal-Kummissjoni, ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1215/2012 għal tali talbiet. |
31 |
Għall-kuntrarju, kif indikat l-Avukata Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tagħha, huwa preċiżament biss f’tali sitwazzjoni li jkun jeżisti riskju li jingħataw deċiżjonijiet irrikonċiljabbli li jaqgħu fil-kuntest tal-istess sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi. Kif jirriżulta mill-premessa 21 tar-Regolament Nru 1215/2012, il-punt 1 tal-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament huwa intiż preċiżament sabiex jiġi evitat tali riskju. |
32 |
Fil-fatt, id-deċiżjonijiet definittivi tal-Kummissjoni dwar ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jorbtu, skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003, lil kull qorti ta’ Stat Membru li tiddeċiedi dwar l-istess ksur. Min-naħa l-oħra, għalkemm, konformement mal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2014/104, l-Istati Membri huma obbligati jiżguraw li l-qrati nazzjonali tagħhom ikunu marbuta biss mid-deċiżjonijiet definittivi tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tagħhom stess li jiddeċiedu dwar tali ksur, fir-rigward tad-deċiżjonijiet analogi meħuda minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru ieħor, il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 9 jipprevedi biss obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw li tali deċiżjonijiet ikunu jistgħu jiġu ppreżentati quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom bħala prova prima facie tal-ksur. |
33 |
Din l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1215/2012, fis-sens li din id-dispożizzjoni tapplika wkoll fil-każ ta’ talbiet imressqa kemm kontra kumpannija omm kif ukoll kontra s-sussidjarja tagħha li l-ewwel waħda tifforma unità ekonomika magħha u bbażati fuq il-parteċipazzjoni tat-tieni waħda fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hija konformi mal-għanijiet ta’ prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni u mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, imsemmija fil-premessi 15 u 16 ta’ dan ir-regolament. |
34 |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi b’mod partikolari li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali jiġu interpretati b’tali mod li jippermettu lil konvenut normalment avżat jipprevedi quddiem liema qorti, għajr dik tal-Istat tad-domiċilju tiegħu, tista’ titressaq kawża kontrih (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, Reisch Montage, C‑103/05, EU:C:2006:471, punt 25). |
35 |
Dan huwa l-każ ta’ kumpannija omm u tas-sussidjarja tagħha, iddomiċiljata fi Stat Membru ieħor. Fil-fatt, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 28 u 29 ta’ din is-sentenza, kull waħda minn dawn iż-żewġ kumpanniji tista’ raġonevolment tipprevedi li, fil-każ ta’ ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni mwettaq minn waħda minnhom, hija tista’ titressaq quddiem il-qrati tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-oħra sabiex tingħata risposta għal talbiet ibbażati fuq dan il-ksur. |
36 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod iktar partikolari, dwar l-implikazzjonijiet għall-applikazzjoni eventwali tal-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1215/2012, minħabba l-fatt, minn naħa, li rikorrent jinvoka, insostenn tat-talbiet tiegħu kontra kumpannija li tkun ipparteċipat fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll kontra l-kumpannija li żżomm il-kapital kollu jew kważi kollu tal-ewwel, il-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti u ta’ responsabbiltà tal-kumpannija omm u, min-naħa l-oħra, li t-tieni kumpannija tikkontesta l-fatt li tkun eżerċitat influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha u ffurmat unità ekonomika magħha. |
37 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każ partikolari fejn kumpannija omm iżżomm direttament jew indirettament il-kapital kollu jew kważi kollu tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, teżisti preżunzjoni konfutabbli, jiġifieri l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti u ta’ responsabbiltà tal-kumpannija omm, li l-imsemmija kumpannija omm teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Global Steel Wire et vs Il-Kummissjoni, C‑457/16 P u C‑459/16 P sa C‑461/16 P, EU:C:2017:819, punt 84 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
38 |
Din il-preżunzjoni ġiet żviluppata fil-kuntest tal-kontestazzjoni, mill-impriżi kkonċernati, tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jkunu kkonstataw il-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li jkunu imponew fuqhom multi skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. F’dan il-kuntest, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li l-kapital kollu jew kważi kollu tas-sussidjarja jkun miżmum mill-kumpannija omm tagħha sabiex ikun jista’ jiġi preżunt li din tal-aħħar teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Sussegwentement, il-Kummissjoni tkun tista’ tqis lill-kumpannija omm responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha, sakemm din il-kumpannija omm, li jkollha l-oneru li tirribatti din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Global Steel Wire et vs Il-Kummissjoni, C‑457/16 P u C‑459/16 P sa C‑461/16 P, EU:C:2017:819, punt 84 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
Għalkemm żviluppata fil-kuntest tal-kontestazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni adottati skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti u ta’ responsabbiltà tal-kumpannija omm tista’ tapplika wkoll fil-każ ta’ talba ta’ persuna fiżika jew ġuridika li tallega li tkun ġarrbet dannu minħabba l-parteċipazzjoni ta’ kumpannija fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, imressqa kontra kumpannija oħra li żżomm il-kapital kollu jew kważi kollu tal-ewwel waħda. |
40 |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “impriża”, fis-sens tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jikkostitwixxi kunċett awtonomu ta’ dan id-dritt, ma jistax ikollu portata differenti fil-kuntest tal-impożizzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ multi skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u f’dak tal-azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 38). |
41 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fl-istadju tal-verifika tal-ġurisdizzjoni internazzjonali, il-qorti adita la għandha tevalwa l-ammissibbiltà u lanqas il-fondatezza tat-talba, iżda għandha tidentifika biss il-punti ta’ konnessjoni mal-Istat tal-forum li jiġġustifikaw il-ġurisdizzjoni tagħha skont il-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1215/2012. |
42 |
Dan premess, u għalkemm huwa minnu li r-Regolament Nru 1215/2012 ma jippreċiżax espliċitament il-portata tal-obbligi ta’ stħarriġ li għandhom il-qrati nazzjonali waqt il-verifika tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħhom, fir-rigward ta’ aspett tad-dritt proċedurali intern li dan ir-regolament ma għandux l-għan li jgħaqqad, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ddeċidiet li l-applikazzjoni tar-regoli rilevanti tad-dritt proċedurali intern ma għandhiex tikkomprometti l-effett utli tal-imsemmi regolament. Minkejja li l-għan ta’ ċertezza legali jeżiġi li l-qorti nazzjonali adita tkun tista’ faċilment tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni tagħha stess mingħajr ma tkun kostretta tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża, obbligu li twettaq, diġà f’dan l-istadju tal-proċedura, produzzjoni ddettaljata tal-evidenza fir-rigward tal-punti ta’ fatt rilevanti relatati kemm għall-ġurisdizzjoni kif ukoll għall-mertu jkollu r-riskju li jippreġudika l-eżami tal-fondatezza tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punti 61 sa 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li kemm l-għan ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja kif ukoll l-osservanza dovuta għall-awtonomija tal-qorti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha jeżiġu li l-qorti adita tkun tista’ teżamina l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha fid-dawl tal-informazzjoni kollha li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, inkluż, jekk ikun il-każ, dik ipprovduta mill-konvenut (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 64, u tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding, C‑12/15, EU:C:2016:449, punt 45). |
44 |
F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-eżistenza ta’ rabta, tkun rilevanti l-informazzjoni intiża sabiex tistabbilixxi li r-rikors għandu effettivament bħala suġġett l-istess sitwazzjoni ta’ fatt u, jekk ikun il-każ, ta’ dritt. Għaldaqstant, din il-qorti tista’ tqis bħala stabbiliti, sabiex tiġi stabbilita rabta, l-allegazzjonijiet rilevanti tar-rikorrent fir-rigward tal-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà delittwali jew kważi delittwali fformulati fit-talbiet tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding, C‑12/15, EU:C:2016:449, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
45 |
Konsegwentement, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, il-qorti adita tista’ tillimita ruħha li tivverifika li ma huwiex eskluż a priori li kienet teżisti influwenza determinanti tal-kumpannija omm fir-rigward tas-sussidjarja sabiex hija tkun tista’ tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sa fejn jippermetti d-dritt nazzjonali. |
46 |
Dan ikun il-każ jekk ir-rikorrent jinvoka l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti u ta’ responsabbiltà tal-kumpannija omm. Madankollu, il-verifika tal-assenza tan-natura artifiċjali tat-talba mressqa kontra l-kumpannija omm, li d-domiċilju tagħha jiġġustifika l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita, tippreżupponi li l-konvenuti jkunu f’pożizzjoni li jinvokaw indizji probatorji li jissuġġerixxu li l-kumpannija omm ma kinitx iżżomm direttament jew indirettament il-kapital kollu jew kważi kollu tas-sussidjarja tagħha, jew li din il-preżunzjoni għandha madankollu tiġi kkonfutata. |
47 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, fil-każ ta’ talbiet intiżi sabiex kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha jiġu kkundannati in solidum jikkumpensaw id-dannu mġarrab minħabba t-twettiq, mis-sussidjarja, ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-qorti tad-domiċilju tal-kumpannija omm adita b’dawn it-talbiet tibbaża ruħha, sabiex tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha, fuq il-preżunzjoni li, meta kumpannija omm iżżomm direttament jew indirettament il-kapital kollu jew kważi kollu ta’ sussidjarja li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, hija teżerċita influwenza determinanti fuq din is-sussidjarja, sa fejn il-konvenuti ma jkunux imċaħħda mill-possibbiltà li jinvokaw indizji probatorji li jissuġġerixxu li din il-kumpannija omm ma żżommx direttament jew indirettament il-kapital kollu jew kważi kollu tal-imsemmija sussidjarja tagħha, jew sa fejn din il-preżunzjoni jkollha madankollu tiġi kkonfutata. |
Fuq l-ispejjeż
48 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Il-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali |
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
ma jipprekludix li, fil-każ ta’ talbiet intiżi sabiex kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha jiġu kkundannati in solidum jikkumpensaw id-dannu mġarrab minħabba t-twettiq, mis-sussidjarja, ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-qorti tad-domiċilju tal-kumpannija omm adita b’dawn it-talbiet tibbaża ruħha, sabiex tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha, fuq il-preżunzjoni li, meta kumpannija omm iżżomm direttament jew indirettament il-kapital kollu jew kważi kollu ta’ sussidjarja li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, hija teżerċita influwenza determinanti fuq din is-sussidjarja, sa fejn il-konvenuti ma jkunux imċaħħda mill-possibbiltà li jinvokaw indizji probatorji li jissuġġerixxu li din il-kumpannija omm ma żżommx direttament jew indirettament il-kapital kollu jew kważi kollu tal-imsemmija sussidjarja tagħha, jew sa fejn din il-preżunzjoni jkollha madankollu tiġi kkonfutata. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.