This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023CJ0383
Judgment of the Court (Fifth Chamber) of 13 February 2025.#Criminal proceedings against ILVA A/S.#Request for a preliminary ruling from the Vestre Landsret.#Reference for a preliminary ruling – Protection of personal data – Regulation (EU) 2016/679 – Article 83(4) to (6) and (9) – Concept of an ‘undertaking’ – Parent company and subsidiary – Infringement of that regulation by a subsidiary – Calculation of the amount of the fine – Consideration of the total turnover of the group of which that subsidiary forms part.#Case C-383/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-13 ta’ Frar 2025.
Anklagemyndigheden vs ILVA A/S.
Talba għal deċiżjoni, preliminari imressqa mill-Vestre Landsret.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 83(4) sa (6) u (9) – Kunċett ta’ ‘impriża’ – Kumpannija omm u sussidjarja – Ksur ta’ dan ir-regolament minn sussidjarja – Kalkolu tal-ammont tal-multa – Teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ globali tal-grupp li din is-sussidjarja tagħmel parti minnu.
Kawża C-383/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-13 ta’ Frar 2025.
Anklagemyndigheden vs ILVA A/S.
Talba għal deċiżjoni, preliminari imressqa mill-Vestre Landsret.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 83(4) sa (6) u (9) – Kunċett ta’ ‘impriża’ – Kumpannija omm u sussidjarja – Ksur ta’ dan ir-regolament minn sussidjarja – Kalkolu tal-ammont tal-multa – Teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ globali tal-grupp li din is-sussidjarja tagħmel parti minnu.
Kawża C-383/23.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2025:84
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
13 ta’ Frar 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 83(4) sa (6) u (9) – Kunċett ta’ ‘impriża’ – Kumpannija omm u sussidjarja – Ksur ta’ dan ir-regolament minn sussidjarja – Kalkolu tal-ammont tal-multa – Teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ globali tal-grupp li din is-sussidjarja tagħmel parti minnu”
Fil-Kawża C‑383/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vestre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Punent, id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Mejju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Ġunju 2023, fil-proċeduri kriminali kontra
ILVA A/S,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, D. Gratsias u Z. Csehi (Relatur), Imħallfin,
Avukata Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑19 ta’ Ġunju 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal ILVA A/S, minn D. B. Geary, advokater, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar, H. Kranenborg u C. Vang, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Settembru 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 83(4) sa (6) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali miftuħa mill-Anklagemyndigheden (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, id-Danimarka) kontra ILVA A/S għal allegat ksur tal-obbligi ta’ din il-kumpannija taħt il-GDPR fil-kwalità tagħha ta’ kontrollur tad-data personali relatata ma’ ex klijenti. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 |
Il-premessi 150 u 151 tal-GDPR huma fformulati kif ġej:
|
4 |
L-Artikolu 5 tal-GDPR jistabbilixxi l-prinċipji relatati mal-ipproċessar tad-data personali. |
5 |
L-Artikolu 6 tal-GDPR jiddetermina l-kundizzjonijiet li taħthom l-ipproċessar tad-data personali jitqies legali. |
6 |
L-Artikolu 58 tal-GDPR, intitolat “Setgħat”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “Kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħat kollha korrettivi li ġejjin: […]
[…]” |
7 |
L-Artikolu 83 tal-GDPR, intitolat “Kondizzjonijiet ġenerali biex jiġu imposti multi amministrattivi”, jipprovdi, fil-paragrafi 1, 2, 4 sa 6 u 9 tiegħu: “1. Kull awtorità superviżorja għandha tiżgura li l-impożizzjoni ta’ multi amministrattivi skont dan l-Artikolu fir-rigward ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament imsemmi fil-paragrafi 4, 5 u 6 għandha tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva f’kull każ individwali. 2. Il-multi amministrattivi għandhom, skont iċ-ċirkostanzi ta’ kull każ individwali, jiġu imposti flimkien ma’, jew minflok, miżuri msemmija fil-punti (a) sa (h) u (j) tal-Artikolu 58(2). Meta jiġi deċiż jekk għandiex tiġi imposta multa amministrattiva u jiġi deċiż l-ammont tal-multa amministrattiva, f’kull każ individwali, għandha tingħata konsiderazzjoni dovuta lil dawn li ġejjin:
[…] 4. Il-ksur tad-dispożizzjonijiet li ġejjin għandu, f’konformità mal-paragrafu 2a, ikun soġġett għal multi amministrattivi sa EUR 10000000, jew fil-każ ta’ impriża, sa 2 % tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla: […] 5. Il-ksur tad-dispożizzjonijiet li ġejjin għandu, f’konformità mal-paragrafu 2a, ikun soġġett għal multi amministrattivi sa EUR 10000000, jew fil-każ ta’ impriża, sa 4 % tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla: […] 6. Nuqqas ta’ konformità ma’ ordni mill-awtorità superviżjorja kif imsemmija fl-Artikolu 58(2) għandu, f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, ikun soġġett għal multi amministrattivi sa EUR 20000000, jew fil-każ ta’ impriża, sa 4 % tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla. […] 9. Fejn is-sistema legali tal-Istat Membru ma tipprevedix multi amministrattivi, dan l-Artikolu jista’ jiġi applikat b’tali mod li l-multa tinbeda mill-awtorità superviżorja kompetenti u tiġi imposta minn qrati nazzjonali kompetenti, filwaqt li jiġi żgurat li dawk ir-rimedji legali jkunu effettivi u jkollhom effett ekwivalenti għall-multi amministrattivi imposti mill-awtoritajiet superviżorji. Fi kwalunkwe każ, il-multi imposti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Dawn l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet tagħhom li huma jadottaw skont dan il-paragrafu sal‑25 ta’ Mejju 2018 u, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe liġi ta’ emenda jew emenda sussegwenti li taffettwahom.” |
Id‑dritt Daniż
8 |
Il-lov nr. 502 om supplerende bestemmelser til forordning om beskyttelse af fysiske personer i forbindelse med behandling af personoplysninger og om fri udveksling af sådanne oplysninger (il-Liġi Nru 502 li tissupplimenta [l-GDPR]) tat‑23 ta’ Mejju 2018, tipprovdi, fl-Artikolu 41 tagħha: “1. Sakemm ma tkunx iġġustifikata piena ikbar taħt leġiżlazzjoni oħra, għandhom jiġu imposti multa jew piena ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn sitt xhur fuq kull min jikser id-dispożizzjonijiet dwar: […] (4) il-prinċipji bażiċi tal-ipproċessar, inklużi l-kundizzjonijiet għall-kunsens, li jinsabu fl-Artikoli 5 sa 7 u fl-Artikolu 9 tal-[GDPR] […] 3. L-Artikolu 83(2) tal-[GDPR] għandu jiġi osservat meta tiġi imposta piena skont is-subparagrafi 1 u 2. […] 6. Ir-responsabbiltà kriminali ta’, fost oħrajn, kumpannija (ta’ persuna ġuridika) tista’ tiġi stabbilita skont ir-regoli tal-Kapitolu 5 tal-[straffeloven (il-Kodiċi Kriminali)]. […]” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
9 |
ILVA topera numru ta’ ħwienet tal-għamara u tagħmel parti mill-grupp Lars Larsen Group. Id-dħul mill-bejgħ totali tal-grupp għas-sena finanzjarja 2016/2017 kien jammonta għal DKK 6.57 biljun (madwar EUR 881 miljun) u d-dħul mill-bejgħ ta’ ILVA kien jammonta għal kważi DKK 1.8 biljun (madwar EUR 241 miljun) għall-istess sena finanzjarja. |
10 |
ILVA tħarrket quddiem il-qrati Daniżi talli, matul il-perijodu mix-xahar ta’ Mejju 2018 sax-xahar ta’ Jannar 2019, naqset mill-obbligi tagħha taħt il-GDPR fil-kwalità tagħha ta’ kontrollur tad-data personali fil-kuntest taż-żamma tad-data ta’ mill-inqas 350000 ex klijent. |
11 |
Fuq rakkomandazzjoni tad-Datatilsynet (l-Awtorità għall-Protezzjoni tad-Data, id-Danimarka), l-Uffiċċju tal-Prosekutur talab l-impożizzjoni ta’ multa ta’ DKK 1.5 miljun (madwar EUR 201000) fuq ILVA. Il-kalkolu ta’ dan l-ammont mhux biss kien ibbażat fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ ILVA, iżda wkoll fuq id-dħul mill-bejgħ globali tal-grupp Lars Larsen Group. |
12 |
Permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Frar 2021, ir-retten i Aarhus (il-Qorti Muniċipali ta’ Aarhus, id-Danimarka) sabet lil ILVA ħatja tal-atti li kienet akkużata bihom u kkundannatha għall-ħlas ta’ multa ta’ DKK 100000 (madwar EUR 13400). Dik il-qorti qieset li ILVA kienet aġixxiet b’negliġenza, għall-kuntrarju ta’ dak li kien sostna l-Uffiċċju tal-Prosekutur. Hija qieset ukoll li, sa fejn ILVA biss kienet is-suġġett tal-proċeduri, ma kienx hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-grupp Lars Larsen Group sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa. Barra minn hekk, hija rrilevat li ILVA kienet teżerċita attività ta’ bejgħ bl-imnut indipendenti u li ma kinitx inħolqot mill-kumpannija omm ta’ dan il-grupp bl-għan uniku li jiġi żgurat l-ipproċessar tad-data tal-grupp. |
13 |
L-Uffiċju tal-Prosekutur appella minn din is-sentenza quddiem il-Vestre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Punent, id-Danimarka), li hija l-qorti tar-rinviju. L-Uffiċju tal-Prosekutur isostni li t-terminu “impriża”, kif jinsab fl-Artikolu 83(4) sa (6) tal-GDPR, għandu jinftiehem fis-sens li, sabiex tiġi ffissata multa fil-każ ta’ ksur tal-GDPR minn kumpannija, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-grupp li din il-kumpannija tkun tagħmel parti minnu. Mill-premessa 150 tal-GDPR effettivament jirriżulta, fil-fehma tiegħu, li dan it-terminu għandu jinftiehem skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE. |
14 |
ILVA, min-naħa l-oħra, hija tal-fehma li, sabiex tiġi ffissata multa għal ksur tal-GDPR minn kumpannija, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ globali tal-grupp li din tal-aħħar tkun tagħmel parti minnu. F’dan il-każ, inbdew proċeduri kontra ILVA biss, u mhux ukoll kontra l-kumpannija omm ta’ din tal-aħħar. |
15 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li r-risposta għal din id-domanda ma tirriżultax b’mod ċar mill-GDPR. |
16 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vestre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Punent) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
17 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 83(4) sa (6) tal-GDPR, moqri fid-dawl tal-premessa 150 ta’ dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li t-terminu “impriża”, li jinsab f’dawn id-dispożizzjonijiet, jikkorrispondi għall-kunċett ta’ “impriża”, fis-sens tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, b’tali mod li, meta tiġi imposta multa għal ksur tal-GDPR fuq kontrollur tad-data personali, li jkun impriża jew ikun jagħmel parti minn impriża, l-ammont tal-multa għandu jiġi ddeterminat abbażi ta’ perċentwali tad-dħul mill-bejgħ annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti tal-impriża, fis-sens ta’ dawn l-Artikoli 101 u 102. |
18 |
Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tagħti risposti għal ċerti domandi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 83 tal-GDPR fis-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Deutsche Wohnen (C‑807/21, EU:C:2023:950, punti 53 sa 59), liema sentenza ngħatat wara l-għeluq tal-proċedura bil-miktub f’din il-kawża. |
19 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “impriża”, fis-sens tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, ma għandu ebda rilevanza għall-kwistjoni dwar jekk multa amministrattiva tistax tiġi imposta, skont l-Artikolu 83 tal-GDPR, fuq kontrollur li jkun persuna ġuridika, u taħt liema kundizzjonijiet dan ikun jista’ jsir, peress li din il-kwistjoni hija rregolata b’mod eżawrjenti mill-Artikolu 58(2) u mill-Artikolu 83(1) sa (6) ta’ dan ir-regolament (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Deutsche Wohnen, C‑807/21, EU:C:2023:950, punt 53). |
20 |
Dan il-kunċett huwa effettivament rilevanti biss għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa amministrattiva imposta fuq kontrollur abbażi l-Artikolu 83(4) sa (6) tal-GDPR (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Deutsche Wohnen, C‑807/21, EU:C:2023:950, punt 54). |
21 |
Huwa f’dan il-kuntest speċifiku tal-kalkolu tal-multi amministrattivi imposti għal ksur imsemmi fl-Artikolu 83(4) sa (6) tal-GDPR, li għandu jinftiehem ir-riferiment, magħmul fil-premessa 150 ta’ dan ir-regolament, għall-kunċett ta’ “impriża”, fis-sens tal-Artikoli 101 u 102 TFUE (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Deutsche Wohnen, C‑807/21, EU:C:2023:950, punt 55). |
22 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, imsemmija fl-Artikoli 101 u 102 TFUE, dan il-kunċett jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod kif tiġi ffinanzjata. Huwa jirreferi, għalhekk, għal unità ekonomika, anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika tkun magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Din l-unità ekonomika tikkonsisti f’organizzazzjoni unitarja ta’ elementi personali, tanġibbli u intanġibbli li tfittex li tilħaq għan ekonomiku speċifiku (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Deutsche Wohnen, C‑807/21, EU:C:2023:950, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
23 |
B’hekk, mill-Artikolu 83(4) sa (6) tal-GDPR, li jirrigwarda l-kalkolu tal-multi amministrattivi għat-tipi ta’ ksur elenkati f’dawn il-paragrafi, jirriżulta li, fil-każ fejn id-destinatarju tal-multa amministrattiva jkun impriża jew ikun jagħmel parti minn impriża, fis-sens tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, l-ammont massimu tal-multa amministrattiva għandu jiġi kkalkolat abbażi ta’ perċentwali tad-dħul mill-bejgħ annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti tal-impriża kkonċernata (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Deutsche Wohnen, C‑807/21, EU:C:2023:950, punt 57). |
24 |
Madankollu, id-determinazzjoni ta’ dan l-ammont massimu għandha tingħażel mill-kalkolu nnifsu tal-ammont tal-multa li l-awtorità ta’ kontroll kompetenti għandha timponi għal ksur speċifiku tal-GDPR li din il-multa tkun tissanzjona. |
25 |
B’hekk, skont l-Artikolu 83(1) tal-GDPR, kull awtorità ta’ kontroll għandha tieħu ħsieb li l-multi amministrattivi imposti bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu 83 għal ksur tal-GDPR imsemmi fil-paragrafi 4 sa 6 ta’ dan tal-aħħar ikunu, f’kull każ, effettivi, proporzjonati u dissważivi. |
26 |
Lil hinn mill-osservanza ta’ dawn it-tliet kundizzjonijiet, il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 83 jeżiġi li l-awtorità ta’ kontroll kompetenti għandha, sabiex tiddeċiedi jekk għandhiex tiġi imposta multa amministrattiva u għandux jiġi ffissat l-ammont ta’ din tal-aħħar, tieħu inkunsiderazzjoni, kif jixraq, u każ b’każ, ċertu numru ta’ fatturi. |
27 |
Skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, dawn il-fatturi jinkludu, fost oħrajn, in-natura, il-gravità u t-tul tal-ksur, in-numru ta’ suġġetti tad-data affettwati u l-livell ta’ dannu li huma jkunu ġarrbu, il-fatt li l-ksur ikun twettaq intenzjonalment jew b’negliġenza, il-miżuri meħuda mill-kontrollur tad-data personali jew mill-proċessur ta’ dan l-ipproċessar sabiex jittaffa d-dannu mġarrab, il-grad ta’ responsabbiltà ta’ dan il-kontrollur jew ta’ dan il-proċessur u l-kategoriji ta’ data personali kkonċernati mill-ksur. |
28 |
L-imsemmija fatturi jikkaratterizzaw jew l-aġir tal-imsemmi kontrollur jew tal-imsemmi proċessur, akkużat bi ksur ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-GDPR, jew dan il-ksur innifsu. Dawn huma għalhekk intiżi sabiex jiġi żgurat li kull ksur imsemmi jiġi evalwat abbażi taċ-ċirkustanzi individwali rilevanti kollha u sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mis-sistema ta’ sanzjonijiet prevista fil-GDPR. |
29 |
Għalkemm dawn il-fatturi ma jirreferux għall-kunċett ta’ impriża fis-sens tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li hija biss multa li tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-fatturi kollha li jikkaratterizzaw b’dan il-mod il-ksur ikkonstatat tal-GDPR iżda wkoll, jekk ikun il-każ, il-kapaċità ekonomika reali jew materjali tad-destinatarju tagħha li tissodisfa t-tliet kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 83(1) tal-GDPR, jiġifieri li tkun, fl-istess ħin, effettiva, proporzjonata u dissważiva. Issa, sabiex jiġu evalwati dawn il-kundizzjonijiet, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwistjoni dwar jekk dan id-destinatarju jkunx jagħmel parti minn impriża, fis-sens tal-Artikoli 101 u 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Deutsche Wohnen, C‑807/21, EU:C:2023:950, punt 58). |
30 |
L-interpretazzjoni tal-Artikolu 83 tal-GDPR li tirriżulta mill-punti 25 sa 29 ta’ din is-sentenza tapplika wkoll meta l-ksur ikkonstatat tal-GDPR ma jkunx issanzjonat b’multa amministrattiva iżda b’multa imposta mill-qrati nazzjonali kompetenti bħala sanzjoni kriminali. |
31 |
Kif indikat fil-premessa 151 tal-GDPR, ċerti sistemi legali nazzjonali, fosthom dik tar-Renju tad-Danimarka, ma jippermettux li jiġu imposti multi amministrattivi kif jipprevedi l-GDPR. |
32 |
Sabiex jiġi rregolat dan ix-xenarju, l-Artikolu 83(9) tal-GDPR jipprovdi li, jekk is-sistema legali ta’ Stat Membru ma tkunx tipprevedi l-impożizzjoni ta’ multi amministrattivi, dan l-Artikolu 83 jista’ jiġi applikat b’tali mod li, bħal f’dan il-każ, il-multa tkun iddeterminata mill-awtorità ta’ kontroll kompetenti u imposta mill-qrati nazzjonali kompetenti. |
33 |
Barra minn hekk, huwa ppreċiżat f’dan l-Artikolu 83(9), bħal fil-premessa 151 ta’ dan ir-regolament, li huwa meħtieġ li r-rimedji legali inkwistjoni jkunu effettivi u jkollhom effett ekwivalenti għall-multi amministrattivi imposti mill-awtoritajiet ta’ kontroll u li, fi kwalunkwe każ, il-multi imposti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. |
34 |
Madankollu, il-fatt li l-multa tiġi imposta minn qorti kriminali fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali jimplika li dik il-qorti għandha f’kull mument tosserva r-regoli applikabbli fil-qasam kriminali, fosthom, b’mod iktar speċifiku, id-drittijiet proċedurali li tgawdi l-persuna akkużata u l-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-piena, kif iggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
35 |
F’dan ir-rigward, kif indikat l-Avukata Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Artikolu 83 tal-GDPR jeżiġi li l-awtoritajiet ta’ kontroll kompetenti għandhom, mingħajr eċċezzjoni, jiżguraw l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kalkolu tal-ammont konkret tal-multa imposta, billi jilħqu bilanċ ġust bejn ir-rekwiżiti tal-interess ġenerali fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali u dawk tas-salvagwardja tad-drittijiet tal-kontrollur ta’ tali data, tal-proċessur ta’ dan l-ipproċessar jew tal-impriża li dawn tal-aħħar ikunu jagħmlu parti minnha. Minn dan jirriżulta li applikazzjoni tal-kunċett ta’ “impriża”, fis-sens tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 83(4) sa (6) tal-GDPR jidher li ma tirriskontra ebda ostakolu ta’ prinċipju meta ksur tal-GDPR ma jkunx issanzjonat b’multi amministrattivi, iżda b’multi imposti minn qrati kriminali. |
36 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 83(4) sa (6) tal-GDPR, moqri fid-dawl tal-premessa 150 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu “impriża”, li jinsab f’dawn id-dispożizzjonijiet, jikkorrispondi għall-kunċett ta’ “impriża”, fis-sens tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, b’tali mod li, meta tiġi imposta multa għal ksur tal-GDPR fuq kontrollur tad-data personali, li jkun impriża jew jkun jagħmel parti minn impriża, l-ammont massimu tal-multa għandu jiġi ddeterminat abbażi ta’ perċentwali tad-dħul mill-bejgħ annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti tal-impriża. Il-kunċett ta’ “impriża” għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-kapaċità ekonomika reali jew materjali tad-destinatarju tal-multa u b’hekk jiġi vverifikat jekk il-multa tkunx, fl-istess ħin, effettiva, proporzjonata u dissważiva. |
Fuq l‑ispejjeż
37 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 83(4) sa (6) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), moqri fid-dawl tal-premessa 150 ta’ dan ir-regolament, |
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
it-terminu “impriża”, li jinsab f’dawn id-dispożizzjonijiet, jikkorrispondi għall-kunċett ta’ “impriża”, fis-sens tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, b’tali mod li, meta tiġi imposta multa għal ksur tar-Regolament 2016/679 fuq kontrollur tad-data personali, li jkun impriża jew jkun jagħmel parti minn impriża, l-ammont massimu tal-multa għandu jiġi ddeterminat abbażi ta’ perċentwali tad-dħul mill-bejgħ annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti tal-impriża. Il-kunċett ta’ “impriża” għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-kapaċità ekonomika reali jew materjali tad-destinatarju tal-multa u b’hekk jiġi vverifikat jekk il-multa tkunx, fl-istess ħin, effettiva, proporzjonata u dissważiva. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.