This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023CJ0326
Judgment of the Court (Fifth Chamber) of 7 November 2024.#C.W. S.A. and Others v Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji i Konsumentów.#Request for a preliminary ruling from the Sąd Najwyższy.#Reference for a preliminary ruling – Article 267 TFEU – Concept of ‘court or tribunal’ – Judge of the Civil Chamber of the Sąd Najwyższy (Supreme Court, Poland) – Judge appointed by the President of the Republic of Poland on the basis of a resolution of the Krajowa Rada Sądownictwa (National Council of the Judiciary, Poland) in its new composition – Reference for a preliminary ruling from a panel of judges without the status of an independent and impartial tribunal previously established by law – Inadmissibility.#Case C-326/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-7 ta’ Novembru 2024.
C.W. S.A. et vs Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji i Konsumentów.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Najwyższy.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal’ – Imħallef tal-Awla Ċivili tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) – Imħallef maħtur mill-President tar-Repubblika tal-Polonja abbażi ta’ riżoluzzjoni mill-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, il-Polonja) fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu – Rinviju għal deċiżjoni preliminari minn kulleġġ ġudikanti li ma għandux il-kwalità ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi – Inammissibbiltà.
Kawża C-326/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-7 ta’ Novembru 2024.
C.W. S.A. et vs Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji i Konsumentów.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Najwyższy.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal’ – Imħallef tal-Awla Ċivili tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) – Imħallef maħtur mill-President tar-Repubblika tal-Polonja abbażi ta’ riżoluzzjoni mill-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, il-Polonja) fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu – Rinviju għal deċiżjoni preliminari minn kulleġġ ġudikanti li ma għandux il-kwalità ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi – Inammissibbiltà.
Kawża C-326/23.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:940
SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
7 ta’ Novembru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal’ – Imħallef tal-Awla Ċivili tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) – Imħallef maħtur mill-President tar-Repubblika tal-Polonja abbażi ta’ riżoluzzjoni mill-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, il-Polonja) fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu – Rinviju għal deċiżjoni preliminari minn kulleġġ ġudikanti li ma għandux il-kwalità ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi – Inammissibbiltà”
Fil-Kawża C‑326/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), b’kulleġġ ġudikanti bi mħallef uniku, permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Marzu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Mejju 2023, fil-proċedura
C.W. S.A.,
C.O. S.A.,
D. sp. z o.o.,
G. S.A.,
C. sp. z o.o.,
C.1 S.A.
vs
Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji i Konsumentów,
fil-preżenza ta’:
L. S.A.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn I. Jarukaitis (Relatur), President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, D. Gratsias u E. Regan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Emiliou,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal C. sp. z o.o., minn P. K. Rosiak, M. Sendrowicz u K. Szczepanowska-Kozłowska, radcowie prawni, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn C.W. S.A., C.O. S.A., D. sp. z o.o., G. S.A., C. sp. z o.o. (iktar ’il quddiem il-“kumpannija C”) u C.1 S.A. au Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji i Konsumentów (il-President tal-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumaturi, il-Polonja) rigward deċiżjoni li timponi multi fuq dawn l-impriżi għal ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni. |
Id‑dritt Pollakk
Il‑Kostituzzjoni tar‑Repubblika tal‑Polonja,
|
3 |
L-Artikolu 179 tal-Konstytucja Rzeczypospolitej Polskiej (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja) jipprevedi: “L-imħallfin għandhom jinħatru mill-President tar-Repubblika fuq proposta tal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, il-Polonja) [(iktar ’il quddiem il-‘KRS’)], għal żmien indeterminat.” |
|
4 |
L-Artikolu 180 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja jgħid: “1. L-imħallfin ma jistgħux jitneħħew. 2. Imħallef ma jistax jitkeċċa, jiġi sospiż mill-funzjonijiet tiegħu, imċaqlaq għal ġurisdizzjoni oħra jew funzjoni oħra kontra r-rieda tiegħu ħlief skont deċiżjoni ġudizzjarja u biss f’każijiet previsti mil-liġi. […]” |
Il‑Liġi dwar il‑Qorti Suprema
|
5 |
L-Artikolu 29 tal-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema), tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 5), kif emendata bl-ustawa o zmianie ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħrajn) tad‑9 ta’ Ġunju 2022 (Dz. U. tal‑2022, intestatura 1259) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Qorti Suprema”), tipprevedi: “[…] 2. Fil-kuntest tal-attivitajiet tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] jew tal-korpi tagħha, ma għandux ikun permissibbli li titqiegħed f’dubju l-leġittimità tal-[qrati], il-korpi kostituzzjonali tal-Istat jew tal-korpi responsabbli għall-istħarriġ u l-protezzjoni tal-liġi. 3. Is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] jew awtorità oħra ma tistax tistabbilixxi jew tevalwa l-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew tas-setgħa li jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji li tirriżulta minn din il-ħatra. 4. Iċ-ċirkustanzi madwar il-ħatra ta’ mħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] ma jistgħux jikkostitwixxu raġuni esklużiva sabiex tiġi kkontestata deċiżjoni meħuda bil-parteċipazzjoni ta’ dan l-imħallef jew sabiex jitqajmu dubji dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tiegħu. 5. Huwa permess li tiġi eżaminata l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità minn imħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] jew imħallef ikkollokat lil [dik] il-qorti, b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi madwar il-ħatra tiegħu u l-aġir tiegħu wara l-ħatra, fuq talba tal-parti fil-kawża msemmija fil-paragrafu 7, jekk, fiċ-ċirkustanzi ta’ kawża partikolari, dan jista’ jwassal għal ksur tal-prinċipju ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità li jaffettwa l-eżitu tal-kawża, b’teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni tal-parti fil-kawża u tan-natura tal-kawża. 6. Talba għall-konstatazzjoni tal-osservanza tar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 5 tista’ titressaq kontra mħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] jew imħallef ikkollokat lil dik il-qorti assenjat għal kulleġġ ġudikanti li jeżamina:
[…] 7. Kull parti fil-proċedura quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] fil-każ imsemmi fil-paragrafu 6 għandha d-dritt li tippreżenta tali talba. […] 15. Is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] teżamina t-talba in camera f’kulleġġ ta’ ħames imħallfin li jkunu ttellgħu bix-xorti fost il-membri kollha tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], wara li jkun instema’ l-imħallef fil-mira tat-talba, sakemm smigħ ma jkunx impossibbli jew diffiċli ħafna. L-imħallef jista’ jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub. L-imħallef ikkonċernat huwa eskluż mit-tlugħ bix-xorti. […] 21. Id-digriet mogħti wara l-eżami tat-talba jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors quddiem [is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] f’kulleġġ ġudikanti ta’ seba’ mħallfin li jkunu ttellgħu bix-xorti fost il-membri kollha tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)]. L-imħallef ikkonċernat u l-imħallef li pparteċipa fid-digriet appellat huma esklużi mit-tlugħ bix-xorti.” |
Il‑Kodiċi tal‑Proċedura Ċivili
|
6 |
L-Artikolu 49 tal-ustawa – Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), tas‑17 ta’ Novembru 1964 (Dz. U. Nru 43, intestatura 296), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu: “[…] il-qorti tirrikuża lil imħallef fuq talba tiegħu jew ta’ parti, jekk teżisti ċirkustanza tali li tqajjem dubju leġittimu dwar l-imparzjalità ta’ dan l-imħallef fil-kawża kkonċernata.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
7 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Diċembru 2009, il-President tal-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumaturi kkonstata li l-ftehim konkluż mill-impriżi kkonċernati kien jikkostitwixxi prattika li tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq Pollakk tal-produzzjoni u tal-bejgħ ta’ siment griż. Konsegwentement, huwa impona fuq dawn l-impriżi multi għal ksur tar-regoli tad-dritt nazzjonali u tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni. |
|
8 |
Permezz ta’ sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2013, is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) bidlet parzjalment din id-deċiżjoni u naqqset il-multi imposti fuq l-impriżi kkonċernati. |
|
9 |
Wara appelli minn din is-sentenza, is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2018, naqqset l-ammont tal-multi msemmija fil-punt 7 ta’ din is-sentenza. |
|
10 |
Ġew ippreżentati appelli ta’ kassazzjoni kontra din l-aħħar sentenza. Permezz tas-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2020, l-Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych (l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) (iktar ’il quddiem l-“Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi”) ħassret parzjalment is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2018 u bagħtet lura l-kawża quddiem is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja), li reġgħet ħadet deċiżjoni permezz tas-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2021. |
|
11 |
Il-kumpannija C ippreżentat appell kontra din l-aħħar sentenza quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), fejn ikkontestat b’mod partikolari r-regolarità tal-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti tas-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja) li tat l-imsemmija sentenza tal-aħħar u dik tal-kulleġġ tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li tat is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2020. |
|
12 |
Ladarba ġiet informata bil-kompożizzjoni tal-kulleġġ tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar l-appell, il-kumpannija C ressqet, abbażi tal-Artikolu 29(5) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, talba intiża sabiex jiġi kkonstatat li wieħed mill-imħallfin li jifformaw dan il-kulleġġ ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità, fid-dawl taċ-ċirkustanzi madwar il-ħatra tiegħu fuq proposta tal-KRS. Konsegwentement, hija talbet ir-rikuża ta’ dan l-imħallef. |
|
13 |
Fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-kulleġġ ġudikanti tar-rinviju, kompost minn imħallef uniku, l-Imħallef T. S., li huwa membru tal-Awla Ċivili tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) (iktar ’il quddiem l-“Awla Ċivili”) indika li l-kawża ġiet eżaminata “waqt is-seduta li nżammet in camera quddiem l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi”, fil‑15 ta’ Marzu 2023. Madankollu, mid-dokumenti għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-imħallef tal-qorti tar-rinviju jagħmel parti mill-kulleġġ ta’ ħames imħallfin li ttellgħu bix-xorti fost il-membri kollha tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), li nħatar, konformement mal-Artikolu 29(15) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, sabiex jieħu konjizzjoni tal-proċedura inċidentali ta’ stħarriġ tal-osservanza tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità (iktar ’il quddiem it-“test ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità”) mibdi fuq talba tal-kumpannija C. |
|
14 |
Din il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tat-test ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità kif ukoll tal-proċedura ta’ rikuża prevista mid-dritt Pollakk. |
|
15 |
Peress li tqis li jeżisti post għal “djalogu ġurisprudenzjali” li jippermetti li tiġi evitata kontradizzjoni irrikonċiljabbli bejn id-dritt tal-Unjoni u d-dritt kostituzzjonali Pollakk, l-imsemmija qorti tar-rinviju hija tal-fehma li la l-ewwel u lanqas it-tieni wieħed minn dawn iż-żewġ drittijiet ma jippermettu li tiġi kkontestata l-ħatra ta’ mħallef u li tiġi kkontestata l-kapaċità ta’ dan l-imħallef li jiddeċiedi meta ma teżistix rabta bejn iċ-ċirkustanzi madwar il-ħatra tal-imsemmi mħallef u ċ-ċirkustanzi tal-kawża li biha huwa adit u lanqas motiv ta’ kontestazzjoni tal-indipendenza tiegħu u tal-imparzjalità tiegħu minbarra dik dwar ir-regolarità tal-proċess ta’ ħatra. |
|
16 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), b’kulleġġ ġudikanti bi mħallef uniku, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari
|
17 |
Il-kumpannija C tesprimi dubji dwar il-kwalità ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, tal-korp tar-rinviju, kompost biss mill-Imħallef T. S., fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom saret il-ħatra ta’ dan l-imħallef fl-Awla Ċivili. Il-kumpannija C tenfasizza b’mod iktar partikolari li l-imsemmi mħallef huwa wieħed mill-imħallfin li fir-rigward tagħhom il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat is-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2022, Advance Pharma sp. z o.o. vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2022:0203JUD00146920, iktar ’il quddiem is-“sentenza Advance Pharma vs Il‑Polonja”). |
|
18 |
Il-Kummissjoni Ewropea għandha l-istess dubji espressi mill-kumpannija C. Abbażi tal-konstatazzjoni li t-talba għal deċiżjoni preliminari toriġina minn imħallef uniku maħtur fl-Awla Ċivili fl-istess ċirkustanzi bħal dawk li wasslu għall-ħatra tal-imħallfin li adixxew lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talbiet għal deċiżjonijiet preliminari fil-kawżi li taw lok għas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Krajowa Rada Sądownictwa (Żamma ta’ mħallef fil-kariga) (C‑718/21, iktar ’il quddiem is-sentenza Krajowa Rada Sądownictwa, EU:C:2023:1015), għad-digrieti tal‑15 ta’ Mejju 2024, Rzecznik Finansowy (C‑390/23, EU:C:2024:419), tad‑29 ta’ Mejju 2024, Rzecznik Praw Obywatelskich (Rikors straordinarju Pollakk) (C‑720/21, EU:C:2024:489), u tad‑29 ta’ Mejju 2024, Prokurator Generalny (Rikors straordinarju Pollakk II) (C‑43/22, EU:C:2024:459), hija tqis li din l-istanza tar-rinviju ma tistax titqies li hija qorti stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tad-dispożizzjonijiet magħquda tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. |
|
19 |
Bi tweġiba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura deċiża skont l-Artikolu 62(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Pollakk ikkonferma li l-imħallef uniku li jifforma l-korp tar-rinviju kien inħatar fl-Awla Ċivili fl‑10 ta’ Ottubru 2018 mill-President tar-Repubblika tal-Polonja abbażi ta’ proposta tal-KRS komposta mill-ġdid, li tinsab fir-Riżoluzzjoni Nru 330/2018 adottata fit‑28 ta’ Awwissu 2018 minn din l-istituzzjoni. Huwa kkonferma wkoll li din il-ħatra seħħet meta, permezz ta’ digriet tas‑27 ta’ Settembru 2018, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja) kienet issospendiet is-saħħa eżekuttiva tar-Riżoluzzjoni Nru 330/2018, li dik il-qorti finalment annullat permezz ta’ sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021. |
|
20 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex tevalwa jekk l-organu tar-rinviju għandux in-natura ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, kwistjoni li taqa’ unikament taħt id-dritt tal-Unjoni, u għalhekk tevalwa jekk it-talba għal deċiżjoni preliminari hijiex ammissibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha, bħal, b’mod partikolari, l-oriġini legali ta’ dan l-organu, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura tiegħu, l-applikazzjoni, mill-organu inkwistjoni, ta’ liġijiet kif ukoll l-indipendenza tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 1966, Vaassen-Göbbels,61/65, EU:C:1966:39, p. 395; Krajowa Rada Sądownictwa, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑7 ta’ Mejju 2024, NADA et, C‑115/22, EU:C:2024:384, punt 35). |
|
21 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) bħala tali tissodisfa r-rekwiżiti msemmija u ppreċiżati, peress li sakemm talba għal deċiżjoni preliminari tirriżulta minn qorti nazzjonali, għandu jiġi preżunt li din tissodisfa dawn ir-rekwiżiti indipendentement mill-kompożizzjoni konkreta tagħha (is-sentenzi tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank,C‑132/20, EU:C:2022:235, punti 68 u 69, kif ukoll Krajowa Rada Sądownictwa, punt 41). |
|
22 |
Hija wkoll fakkret li jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex, fid-dawl tat-tqassim tal-funzjonijiet bejnha u l-qorti nazzjonali, tiddetermina jekk id-deċiżjoni tar-rinviju saritx skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali dwar l-organizzazzjoni tal-qrati u l-proċedura tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha għad-deċiżjoni tar-rinviju maħruġa minn qorti ta’ Stat Membru, sakemm ma tkunx ġiet irrevokata fil-kuntest tar-rimedji li jistgħu jkunu previsti mid-dritt nazzjonali (sentenza Krajowa Rada Sądownictwa, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
23 |
Barra minn hekk, f’dan il-każ, minkejja li la mid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta b’mod ċar li l-istanza tar-rinviju, komposta minn imħallef uniku, għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi, waħedha, dwar it-talbiet għal test ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità u għal rikuża mressqa mill-kumpannija C, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tistax titqies li hija inammissibbli minħabba n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni ta’ din l-istanza. |
|
24 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-preżunzjoni mfakkra fil-punt 21 ta’ din is-sentenza tista’ tinqaleb meta deċiżjoni definittiva mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru jew minn qorti internazzjonali twassal biex jiġi kkunsidrat li l-imħallef li jikkostitwixxi l-qorti tar-rinviju ma jkollux in-natura ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (sentenzi tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank,C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 72, u Krajowa Rada Sądownictwa, punt 44). |
|
25 |
Issa, adita minn kulleġġi ġudikanti komposti minn imħallfin tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tagħha dwar l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, diversi konstatazzjonijiet u evalwazzjonijiet imwettqa, minn naħa, mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2021, Dolińska-Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2021:1108JUD004986819, iktar ’il quddiem is-“sentenza Dolińska-Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja”), u, min-naħa l-oħra, min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) f’sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2021, kienu jwasslu sabiex jitqies li tali kulleġġ ġudikanti ma kellux, minħabba l-modalitajiet li wasslu għall-ħatra tal-imħallfin li kienu jikkomponuh, il-kwalità ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Krajowa Rada Sądownictwa, punti 46 sa 58; digrieti tad‑29 ta’ Mejju 2024, Rzecznik Praw Obywatelskich (Rikors straordinarju Pollakk), C‑720/21, EU:C:2024:489, punt 24, u tal‑21 ta’ Ġunju 2024, Kancelaria B.,C‑810/23, EU:C:2024:543, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
26 |
Fil-punt 77 tas-sentenza Krajowa Rada Sądownictwa, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, meqjusa flimkien, l-elementi kollha kemm sistemiċi kif ukoll iddettaljati msemmija fil-punti 47 sa 57 ta’ dik is-sentenza, minn naħa, u fil-punti 62 sa 76 tal-imsemmija sentenza, min-naħa l-oħra, li kienu kkaratterizzaw il-ħatra, fi ħdan l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, tat-tliet imħallfin li jikkostitwixxu l-istanza tar-rinviju fil-kawża prinċipali kkonċernata, kellhom bħala konsegwenza li din l-istanza ma kellhiex tali kwalità. Fil-fatt, dawn l-elementi kollha kkunsidrati flimkien joħolqu dubji leġittimi, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-impermeabbiltà ta’ dawk l-imħallfin u tal-kulleġġ ġudikanti li fih huma sedenti fir-rigward ta’ elementi esterni, b’mod partikolari, ta’ influwenzi diretti jew indiretti tal-poter leġiżlattiv u eżekuttiv nazzjonali, u tan-newtralità tagħhom fil-konfront tal-interessi inkwistjoni. L-imsemmija elementi jistgħu għalhekk iwasslu għal assenza ta’ dehra ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità ta’ dawn l-imħallfin u ta’ din l-istanza, li tkun tali tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira f’dawn il-partijiet fil-kawża f’soċjetà demokratika u fl-Istat tad-dritt (sentenza Krajowa Rada Sądownictwa, punt 77; digrieti tad‑29 ta’ Mejju 2024, Rzecznik Praw Obywatelskich (Rikors straordinarju Pollakk), C‑720/21, EU:C:2024:489, punt 25, u tal‑21 ta’ Ġunju 2024, Kancelaria B.,C‑810/23, EU:C:2024:543, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
27 |
Għaldaqstant, minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, fil-punt 78 tas-sentenza Krajowa Rada Sądownictwa, li l-preżunzjoni mfakkra fil-punt 21 ta’ dik is-sentenza għandha titqies li nqalbet u, konsegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-kulleġġ ġudikanti tal-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi li ressaq it-talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma huwiex “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, b’tali mod li din it-talba għandha tiġi ddikjarata inammissibbli. |
|
28 |
Għad irid jiġi ddeterminat jekk il-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 47 sa 57 u 62 sa 76 tas-sentenza Krajowa Rada Sądownictwa dwar elementi li kkaratterizzaw il-ħatra, fi ħdan l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, tal-imħallfin li jifformaw l-istanza tar-rinviju li kienet adixxietha b’talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, jistgħux jiġu trasposti għas-sitwazzjoni tal-imħallef uniku li jifforma l-istanza tar-rinviju fil-kawża prinċipali, minkejja l-fatt li dan l-imħallef ma kienx maħtur għall-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, iżda fl-Awla Ċivili. |
|
29 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li s-sentenza Dolińska-Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja u s-sentenza tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tal‑21 ta’ Settembru 2021, li jirrigwardaw iċ-ċirkustanzi li fihom l-imħallfin tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi nħatru abbażi tar-Riżoluzzjoni Nru 331/2018, għandhom il-kontroparti tagħhom, għas-seba’ mħallfin tal-Awla Ċivili maħtura abbażi tar-Riżoluzzjoni Nru 330/2018, rispettivament fis-sentenza Advance Pharma vs Il‑Polonja u fis-sentenza tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tas‑6 ta’ Mejju 2021, li permezz tagħha dik il-qorti annullat din l-aħħar riżoluzzjoni. |
|
30 |
Fil-fatt, peress li dawn is-seba’ mħallfin tal-Awla Ċivili, fosthom l-Imħallef T. S., inħatru fi tmiem proċedura identika għal dik segwita għall-ħatra tal-imħallfin tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem waslet, fil-paragrafi 321 u 334 tas-sentenza Advance Pharma vs Il‑Polonja, għal konklużjonijiet identiċi għal dawk li hija kienet stabbilixxiet fil-paragrafi 320 u 338 tas-sentenza Dolińska-Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja. Għalhekk hija kkonstatat li, sa fejn dawn kienu intervjenew, minn naħa, abbażi ta’ proposti magħmula mill-KRS f’kompożizzjoni ġdida li ma kinitx tippreżenta garanziji suffiċjenti ta’ indipendenza fir-rigward tas-setgħat leġiżlattivi u eżekuttivi u, min-naħa l-oħra, minkejja li s-saħħa eżekuttiva tar-riżoluzzjonijiet tal-KRS kienet ġiet sospiża min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema), dawn il-ħatriet kienu jiksru manifestament ir-regoli nazzjonali fundamentali li jirregolaw il-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin. |
|
31 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, is-sentenza tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tas‑6 ta’ Mejju 2021, għandu jiġi rrilevat li, permezz ta’ dik is-sentenza, dik il-qorti annullat ir-Riżoluzzjoni Nru 330/2018, inkluża l-parti tagħha li pproponiet il-ħatra tal-imħallfin, billi bbażat ruħha b’mod partikolari fuq konstatazzjonijiet u evalwazzjonijiet li s-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2021, imsemmija fil-punt 54 tas-sentenza Krajowa Rada Sądownictwa, kienet illimitat ruħha sabiex tirriproduċi b’mod identiku. |
|
32 |
Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-konstatazzjonijiet imsemmija fil-punti 7.1 sa 7.6 ta’ dawn iż-żewġ sentenzi tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) li skonthom, evalwati fil-kuntest fattwali u ġuridiku tagħhom, l-emendi mwettqa lid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw ir-rikors ġudizzjarji miftuħ kontra r-riżoluzzjonijiet tal-KRS kellhom bħala għan ċar li jipprekludu li qorti tista’ teżamina sa liema punt l-għaqda ta’ fatturi differenti seta’ kellha bħala konsegwenza li l-imħallfin maħtura reċentement fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) fuq proposta tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u, li jipprekludu li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi f’dan ir-rigward. |
|
33 |
Ċertament, fl-evalwazzjoni globali tal-kuntest ġuridiku u fattwali li fih saru l-emendi tal-leġiżlazzjoni Pollakka, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll, fil-punti 52 u 66 tas-sentenza Krajowa Rada Sądownictwa, elementi speċifiċi għall-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi. F’dan il-punt 52, il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk irreferiet għall-paragrafi 331 sa 333 tas-sentenza Dolińska-Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja, li fihom il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem enfasizzat li l-gravità tal-ksur tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, kienet iktar u iktar stabbilita fid-dawl tal-importanza fundamentali u tan-natura sensittiva tal-kompetenzi mogħtija lil din l-awla. Fir-rigward tal-punt 66 tas-sentenza Krajowa Rada Sądownictwa, dan isemmi l-ħolqien ex nihilo tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, il-fatt li din l-awla hija esklużivament komposta minn imħallfin maħtura fuq proposta tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu u l-attribuzzjoni lill-imsemmija awla ta’ kompetenzi f’oqsma partikolarment sensittivi. |
|
34 |
Issa, għalkemm fit-talba għal deċiżjoni preliminari ġie indikat li l-kawża ġiet eżaminata waqt is-seduta tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, huwa paċifiku, madankollu, li l-imħallef li jifforma l-istanza tar-rinviju, li ttella’ bix-xorti sabiex jagħmel parti mill-kulleġġ ġudikanti speċjali responsabbli sabiex jiddeċiedi dwar it-test ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità, inħatar fl-Awla Ċivili. |
|
35 |
Xorta jibqa’ l-fatt li l-vizzji li affettwaw il-proċess li wassal għall-ħatra tal-Imħallef T. S., imfakkra fil-punti 30 u 31 ta’ din is-sentenza, huma identiċi għal dawk li affettwaw il-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, u huma suffiċjenti, waħedhom, sabiex joħolqu dubji leġittimi u serji, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ dan l-imħallef, minkejja l-ħatra tiegħu f’awla li ma għandhiex l-istess karatteristiċi bħall-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi. |
|
36 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li ċ-ċirkustanzi ta’ natura li jqajmu tali dubji sistemiċi jirrigwardaw, bħala prinċipju, is-sitwazzjoni individwali tal-imħallef jew tal-imħallfin li jressqu talba skont l-Artikolu 267 TFUE u, b’mod partikolari, l-irregolaritajiet imwettqa matul il-ħatra tagħhom fi ħdan is-sistema ġudizzjarja kkonċernata, u mhux l-assenjazzjoni ta’ dawn l-imħallfin f’kulleġġ ġudikanti partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank,C‑132/20, EU:C:2022:235, punti 72, 73 u 75). |
|
37 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-preżunzjoni mfakkra fil-punt 21 ta’ din is-sentenza għandha, f’din il-każ, titqies li nqalbet u, konsegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-imħallef tal-Awla Ċivili li waħdu jifforma l-kulleġġ ġudikanti li ressaq din it-talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jikkostitwixxix “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, b’tali mod li din it-talba għandha tiġi ddikjarata inammissibbli. |
Fuq l‑ispejjeż
|
38 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
It-talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), b’kulleġġ ġudikanti bi mħallef uniku, b’deċiżjoni tal‑15 ta’ Marzu 2023, hija inammissibbli. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.