Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CJ0159

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-17 ta’ Ottubru 2024.
Sony Computer Entertainment Europe Ltd vs Datel Design and Development Ltd et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter – Direttiva 2009/24/KE – Artikolu 1 – Kamp ta’ applikazzjoni – Forom ta’ espressjoni ta’ programm tal-kompjuter – Kunċett – Artikolu 4(1)(b) – Alterazzjoni ta’ programm tal-kompjuter – Modifika tal-kontenut tal-varjabbli maħżuna fil-memorja prinċipali tal-kompjuter u użati matul l-operazzjoni ta’ eżekuzzjoni tal-programm.
Kawża C-159/23.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:887

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

17 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter – Direttiva 2009/24/KE – Artikolu 1 – Kamp ta’ applikazzjoni – Forom ta’ espressjoni ta’ programm tal-kompjuter – Kunċett – Artikolu 4(1)(b) – Alterazzjoni ta’ programm tal-kompjuter – Modifika tal-kontenut tal-varjabbli maħżuna fil-memorja prinċipali tal-kompjuter u użati matul l-operazzjoni ta’ eżekuzzjoni tal-programm”

Fil-Kawża C‑159/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Frar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Marzu 2023, fil-proċedura

Sony Computer Entertainment Europe Ltd

vs

Datel Design and Development Ltd,

Datel Direct Ltd,

JS,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala l-President tal-Ewwel Awla, A. Arabadjiev u I. Ziemele (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: N. Mundhenke, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑25 ta’ Jannar 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Sony Computer Entertainment Europe Ltd, minn B. Arnold, C. Rohnke u J. Wergin, Rechtsanwälte,

għal Datel Design and Development Ltd, Datel Direct Ltd u JS minn W. Scheuerl C. Triebe u T. von Plehwe, Rechtsanwälte,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda u G. von Rintelen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ April 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) sa (3), u tal-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑23 ta’ April 2009, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU 2009, L 111, p. 16).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Sony Computer Entertainment Europe Ltd (iktar ’il quddiem “Sony”), kumpannija li tiddistribwixxi b’mod partikolari consoles tal-logħob vidjo PlayStation u logħob għal dawn il-consoles, u Datel Design and Development Ltd u Datel Direct Ltd (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Datel”), grupp ta’ kumpanniji li jiżviluppa, jipproduċi u jiddistribwixxi softwares, kif ukoll id-direttur tagħhom, dwar l-allegat ksur, minn dawn tal-aħħar, tad-dritt esklużiv ta’ Sony li tawtorizza kull alterazzjoni ta’ programm tal-kompjuter li tiegħu din il-kumpannija hija l-proprjetarja.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt internazzjonali

It‑Trattat tal‑WIPO dwar id‑drittijiet tal‑awtur

3

L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) adottat f’Genève, fl‑20 ta’ Diċembru 1996, it-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur, li daħal fis-seħħ fis‑6 ta’ Marzu 2002. Dan it-trattat ġie approvat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE, tas‑16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208).

4

L-Artikolu 2 tal-imsemmi trattat jipprovdi:

“Il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur tkopri l-espressjoni iżda mhux l-ideja, proċeduri, metodi ta’ operazzjoni jew kunċetti matematiċi bħala tali.”

Il‑Ftehim TRIPs

5

Il-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali Relatati mal-Kummerċ (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPs”) li jinsab fl-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), ġie ffirmat f’Marrakech fil‑15 ta’ April 1994 u approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80, iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPs”).

6

L-Artikolu 10 tal-Ftehim TRIPs, intitolat “Programmi tal-Kompjuter u l-Kompilazzjoni ta’ Data” jipprovdi:

“1.   Programmi tal-kompjuter, jekk huma fil-kodiċi tas-sors jew ta’ l-oġġett, għandhom ikunu protetti bħal li kieku kienu xogħolijiet letterarji taħt il-Konvenzjoni ta’ Berne [għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, iffirmata f’Berne fid‑9 ta’ Settembru 1886, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-Att ta’ Pariġi tal‑24 ta’ Lulju 1971 (iktar ’il quddiem il-‘Konvenzjoni ta’ Berne’)].

2.   Il-kompilazzjoni ta’ data jew materjal ieħor, jekk jista’ jinqara minn magna jew xi forma oħra, li permezz ta’ l-għażla jew arranġament tal-kontenut tagħhom jistgħu jkunu kreazzjonijiet intelletwali għandhom ikunu protetti bħal li kieku kienu dawk stess. Protezzjoni bħal din, li ma tistax tkopri d-data jew il-materjal stess, għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe drittijiet ta’ l-awtur li jkunu dwar data jew materjal stess.”

Il‑Konvenzjoni ta’ Berne

7

L-Artikolu 2(1) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Bern jipprevedi:

“(1)   It-termini ‘xogħlijiet letterarji u artisitiċi’ jkopru kull produzzjoni fil-qasam letterarju, xjentifiku u artistiku, indipendentement mill-mod jew mill-forma ta’ espressjoni bħal: kotba, fuljetti u kitbiet oħra; konferenzi, indirizzi, prietki jew xogħlijiet oħra tal-istess natura; xogħlijiet drammatiċi jew drammatiċi-mużikali; xogħlijiet ta’ koreografija u pantomimi; kompożizzjonijiet mużikali bi kliem jew mingħajr kliem; xogħlijiet ċinematografiċi, li magħhom huma inklużi x-xogħlijiet espressi permezz ta’ proċessi analogi għaċ-ċinematografija; xogħlijiet ta’ disinn, ta’ pittura, ta’ arkitettura, ta’ skultura, ta’ tinqix, ta’ litografija; xogħlijiet fotografiċi, li magħhom huma inklużi x-xogħlijiet espressi permezz ta’ proċessi analogi għall-fotografija; xogħlijiet tal-arti applikata; illustrazzjonijiet, mapep ġeografiċi; pjanti, skeċċjar jew xogħlijiet ta’ mudelli tal-plastik relatati mal-ġeografija, mat-topografija, mal-arkitettura jew max-xjenzi.

[…]

(3)   Huma protetti bħala xogħlijiet oriġinali, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-awtur tax-xogħol oriġinali, it-traduzzjonijiet, l-adattamenti, l-arranġamenti tal-mużika u alterazzjonijiet oħra ta’ xogħol letterarju jew artistiku.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 91/250

8

L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE tal‑14 ta’ Mejju 1991 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 114), intitolat “L-għan tal-protezzjoni” jipprovdi:

“1.   Skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, Stati Membri għandhom jipproteġu programmi tal-kompjuter, bid-drittijiet ta’ l-awtur, bħala xogħlijiet letterarji bit-tifsira tal-[Konvenzjoni ta’ Berne]. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu ‘programmi tal-kompjuter’ għandu jinkludi l-materjal preparatorju tad-disinn tagħhom.

2.   Protezzjoni skond din id-Direttiva għandha tapplika għall-espressjoni f’kull forma ta’ programm tal-kompjuter. Ideat u prinċipji li jservu ta’ bażi għal kull element ta’ programm tal-kompjuter, inklużi dawk li jservu ta’ bażi għall-interfaces tiegħu, mhumiex protetti bid-drittijiet ta’ l-awtur skond din id-Direttiva.

3.   Programm tal-kompjuter għandu jkun protett jekk ikun oriġinali fis-sens li jkun il-ħolqien intellettwali ta’ l-awtur stess. L-ebda kriterji oħra ma għandhom jiġu applikati biex tiġi stabbilita l-eliġibilità tiegħu għall-protezzjoni.”

9

Id-Direttiva 91/250 kienet ġiet issostitwita bid-Direttiva 2009/24 li daħlet fis-seħħ fil‑25 ta’ Mejju 2009.

Id‑Direttiva 2009/24

10

Il-premessi 2, 7, 10, 11 u 15 tad-Direttiva 2009/24 jipprovdu:

“(2)

L-iżvilupp ta’ programmi tal-kompjuter jeħtieġ investiment ta’ riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji konsiderevoli, filwaqt li programmi tal-kompjuter jistgħu jiġu ikkupjati b’parti tal-ispiża meħtieġa għall-iżvilupp tagħhom indipendentement.

[…]

(7)

Għall-fini ta’ din id-Direttiva, it-terminu ‘programm tal-kompjuter’ għandu jinkludi programmi f’kull forma, inklużi dawk li jkunu mdaħħla fil-hardware. Dan it-terminu jinkludi wkoll xogħol preparatorju ta’ disinn li jwassal għall-iżvilupp ta’ programm tal-kompjuter kemm-il darba n-natura tax-xogħol preparatorju huwa hekk li programm tal-kompjuter jista’ jirriżulta minnu fi stadju aktar ’il quddiem.

[…]

(10)

Il-funzjoni ta’ programm tal-kompjuter hija li jikkomunika u jaħdem flimkien ma’ komponenti oħra f’sistema ta’ kompjuters u ma’ utenti u, għal dan l-iskop, interkonnessjoni u interazzjoni loġika u, fejn ikun xieraq, waħda fiżika hija meħtieġa biex tippermetti l-elementi kollha tas-software u hardware li jaħdmu ma’ software u hardware ieħor u ma’ utenti fil-modi kollha li fihom huma maħsuba li jiffunzjonaw. […]

(11)

Biex jiġi evitat id-dubju, għandu jkun ċar li l-espressjoni biss ta’ programm tal-kompjuter hija protetta u li l-ideat u prinċipji li jservu ta’ bażi għal kull element fil-programm, inklużi dawk li jservu ta’ bażi għall-interfaces tiegħu, mhumiex protetti bid-drittijiet tal-awtur skont din id-Direttiva. Skont dan il-prinċipju tad-drittijiet tal-awtur, sal-punt li l-loġika, l-algoritmi u lingwi tal-programmi jinkludu ideat u prinċipji, dawk l-ideat u prinċipji mhumiex protetti skont din id-Direttiva. Skont il-leġiżlazzjoni u l-każistika tal-Istati Membri u l-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur, l-espressjoni ta’ dawk l-ideat u l-prinċipji għandha tkun protetta bid-drittijiet tal-awtur.

[…]

(15)

Ir-riproduzzjoni, traduzzjoni, adattament jew trasformazzjoni mhix awtorizzata tal-forma taċ-ċifrarju [kodiċi] li fih kopja ta’ programm tal-kompjuter tkun saret disponibbli, tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet esklussivi tal-awtur. Minkejja dan, jistgħu jeżistu ċirkostanzi meta din ir-riproduzzjoni taċ-ċifrarju u t-traduzzjoni tal-forma tiegħu huma indispensabbli biex tikseb l-informazzjoni meħtieġa biex tikseb l-interoperabilità ta’ programm maħluq indipendentement minn programmi oħra. Għalhekk għad għandu jiġi ikkunsidrat li dawn iċ-ċirkostanzi limitati biss, twettiq tal-atti ta’ riproduzzjoni u traduzzjoni minn jew f’isem persuna li għandha d-dritt li tuża’ kopja tal-programm hija leġittima u kompatibbli ma’ prattika ġusta u għandha għalhekk titqies li ma jkollhiex bżonn l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt. […]”

11

L-Artikolu 1(1) sa (3) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jipproteġu programmi tal-kompjuter, bid-drittijiet tal-awtur, bħala xogħlijiet letterarji skont it-tifsira tal-[Konvenzjoni ta’ Berne]. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu ‘programmi tal-kompjuter’ għandu jinkludi l-materjal preparatorju tad-disinn tagħhom.

2.   Protezzjoni skont din id-Direttiva għandha tapplika għall-espressjoni f’kull forma ta’ programm tal-kompjuter. Ideat u prinċipji li jservu ta’ bażi għal kull element ta’ programm tal-kompjuter, inklużi dawk li jservu ta’ bażi għall-interfaces tiegħu, m’humiex protetti bid-drittijiet tal-awtur skont din id-Direttiva.

3.   Programm tal-kompjuter għandu jkun protett jekk ikun oriġinali fis-sens li jkun il-ħolqien intellettwali tal-awtur stess. L-ebda kriterji oħra ma għandhom jiġu applikati biex tiġi stabbilita l-eliġibilità tiegħu għall-protezzjoni.”

12

L-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 u 6, id-drittijiet esklussivi tad-detentur tad-drittijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 2 għandhom jinkludu d-dritt li jagħmlu jew li jawtorizzaw:

[…]

(b)

it-traduzzjoni, addattament, arranġament u kull alterazzjoni oħra ta’ programm tal-kompjuter u r-riproduzzjoni tar-riżultati tagħhom, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-persuna li tibdel il-programm;

[…]”

Id‑dritt Ġermaniż

13

L-Artikolu 69a tal-Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte – Urheberrechtsgesetz (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati), tad‑9 ta’ Settembru 1965 (BGBl. 1965 I, p. 1273), kif emendat bil-liġi tat‑23 ta’ Ġunju 2021 (BGBl. 2021 I, p. 1858) (iktar ’il quddiem l-“UrhG”), jipprovdi:

“1.   Il-programmi tal-kompjuter fis-sens ta’ din il-liġi huma programmi fi kwalunkwe forma, inkluż il-materjal preparatorju tad-disinn.

2.   Il-protezzjoni mogħtija tapplika għal kull forma ta’ espressjoni ta’ programm tal-kompjuter. Ideat u prinċipji li jservu ta’ bażi għal kull element ta’ programm tal-kompjuter, inklużi dawk li jservu ta’ bażi għall-interfaces tiegħu, ma humiex protetti.

3.   Programm tal-kompjuter għandu jkun protett jekk ikun oriġinali fis-sens li jkun il-ħolqien intellettwali tal-awtur stess. L-ebda kriterju ieħor, b’mod partikolari kwalitattiv jew estetiku, ma għandu japplika għad-determinazzjoni ta’ jekk jikkwalifikax għal protezzjoni.”

14

L-Artikolu 69 tal-UrhG huwa fformulat kif ġej:

“Il-proprjetarju għandu d-dritt li jagħmel jew li jawtorizza:

[…]

2.

it-traduzzjoni, l-adattament, l-arranġament u kwalunkwe alterazzjoni oħra ta’ programm tal-kompjuter u r-riproduzzjoni li tirriżulta minn dan. Id-drittijiet tal-persuni li jadattaw il-programm tal-kompjuter jibqgħu mingħajr preġudizzju.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

15

Sony tikkummerċjalizza, bħala detentur ta’ liċenzja esklużiva għall-Ewropa, consoles ta’ logħob PlayStation kif ukoll logħob maħsub għal dawn il-consoles. Sal‑2014, Sony kienet tikkummerċjalizza b’mod partikolari l-console PlayStationPortable (iktar ’il quddiem il-“console PSP”) kif ukoll logħob intiż għal din il-console, fosthom il-logħba MotorStorm: Arctic Edge (iktar ’il quddiem il-“logħba inkwistjoni”).

16

Datel tiżviluppa, tipproduċi u tiddistribwixxi softwares, b’mod partikolari prodotti komplementari għall-consoles tal-logħob ta’ Sony, fosthom is-software Action replay PSP kif ukoll apparat, it-Tilt FX, flimkien ma’ software bl-istess isem, li jippermetti l-kontroll tal-console PSP permezz ta’ moviment. Dawn is-softwares jiffunzjonaw esklużivament mal-logħob oriġinali ta’ Sony.

17

Is-software Action Replay PSP jintuża billi wieħed iqabbad il-console PSP ma’ kompjuter u billi jdaħħal USB stick f’din il-console li tiċċarġja dan is-software. Wara r-reboot tal-imsemmija console, l-utent ikollu tab addizzjonali fl-interface “Action Replay” li toffri lill-utent għażliet ta’ logħob mhux previsti f’dan l-istadju tal-logħba minn Sony. Pereżempju fir-rigward tal-logħba inkwistjoni taħt din it-tab jidhru għażliet li jippermettu li titneħħa kwalunkwe restrizzjoni fl-użu tat-“turbo” (“booster”) jew l-għażla li wieħed ma jkollux biss uħud mis-sewwieqa, iżda jkollu sewwieqa oħra li, altrimenti, jkunu attivati biss ladarba jinkiseb ċertu numru ta’ punti.

18

Fir-rigward ta’ Tilt FX, l-utent għandu sensur li huwa konness mal-console PSP u li jippermetti l-kontroll ta’ din il-console permezz tal-movimenti. Għandu jiddaħħal ukoll USB stick fl-imsemmija console sabiex jiġi ppreparat l-intervent tas-sensur tal-moviment, u dan irendi disponibbli tab addizzjonali, fl-interface, li b’mod partikolari tneħħi ċerti restrizzjonijiet. Għaldaqstant, għal-logħob inkwistjoni, din il-funzjonalità tippermetti użu illimitat tat-turbo.

19

Fil-kawża prinċipali, Sony sostniet b’mod partikolari li, permezz tal-apparati u tas-softwares ta’ Datel, l-utenti jibdlu s-softwares li fuqhom hija bbażata din il-logħba b’mod illegali li jmur kontra d-drittijiet tal-awtur. F’dan ir-rigward, hija talbet b’mod partikolari l-waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn l-apparati u softwares, kif ukoll il-kumpens għad-dannu allegatament subit.

20

Permezz ta’ sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2012, il-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) laqgħet parzjalment it-talbiet ta’ Sony. Madankollu, din is-sentenza nbidlet fl-appell mill-Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg, il-Ġermanja), li ċaħdet ir-rikors ta’ Sony kollu kemm hu.

21

Il-qorti tar-rinviju, li hija adita b’rikors għal reviżjoni kontra s-sentenza tal-Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg), tirrileva li l-eżitu ta’ dan ir-rikors jiddependi mill-punt dwar jekk l-użu tas-softwares ta’ Datel jiksirx id-dritt esklużiv ta’ alterazzjoni ta’ programm tal-kompjuter, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 69c tal-UrhG, li tiegħu Sony hija d-detentur. Issa, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fil-kawża prinċipali tiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) sa (3) u tal-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2009/24.

22

Għaldaqstant, l-ewwel nett, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-użu tas-softwares ta’ Datel jaffettwax il-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni tal-programm tal-kompjuter meta ma jkunx hemm modifika tal-kodiċi sors jew tal-kodiċi oġġett ta’ dan il-programm jew tar-riproduzzjoni tiegħu, iżda meta programm tal-kompjuter ieħor, eżegwit fl-istess ħin mal-programm tal-kompjuter protett, ibiddel il-kontenut ta’ varjabbli li l-programm tal-kompjuter protett ikun inkluda fil-memorja prinċipali ta’ dan il-kompjuter u li huwa juża matul l-eżekuzzjoni ta’ dan il-programm. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kontenut ta’ tali varjabbli jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fuq il-programm tal-kompjuter.

23

It-tieni nett, huwa neċessarju li jiġi kkjarifikat li l-portata tal-kunċett ta’ “alterazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2009/24, b’mod partikolari l-punt dwar jekk dan il-kunċett jiftaħx is-sitwazzjoni fejn il-kodiċi oġġett jew il-kodiċi sors ta’ programm tal-kompjuter jew ir-riproduzzjoni tiegħu ma jiġix mibdul, iżda fejn programm ieħor eżegwit fl-istess ħin mal-programm tal-kompjuter protett ibiddel il-kontenut tal-varjabbli li l-programm tal-kompjuter protett ikun inkluda fil-memorja prinċipali u li juża waqt li jeżegwixxi dan il-programm.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Hemm ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni ta’ programm tal-kompjuter fis-sens tal-Artikolu 1(1) sa (3) tad-[Direttiva 2009/24/] jekk ma jkunx il-kodiċi oġġett jew il-kodiċi sors ta’ programm tal-kompjuter jew [tar-]riproduzzjoni tiegħu li jiġi mibdul, iżda jkun programm ieħor li jaħdem fl-istess ħin mal-programm tal-kompjuter protett li jbiddel il-kontenut tal-varjabbli li l-programm tal-kompjuter protett ħoloq fil-memorja prinċipali u juża fl-eżekuzzjoni tal-programm?

2)

Hemm alterazzjoni fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2009/24 jekk ma jkunx il-kodiċi oġġett jew il-kodiċi sors ta’ programm tal-kompjuter jew [tar-]riproduzzjoni tiegħu li jiġi mibdul, iżda jkun programm ieħor li jaħdem fl-istess ħin mal-programm tal-kompjuter protett li jbiddel il-kontenut tal-varjabbli li l-programm tal-kompjuter protett ħoloq fil-memorja prinċipali u juża fl-eżekuzzjoni tal-programm?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

25

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) sa (3) tad-Direttiva 2009/24 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kontenut tad-data varjabbli inkluża minn programm tal-kompjuter protett fil-memorja prinċipali ta’ dan il-kompjuter u użata minn dan il-programm matul l-eżekuzzjoni tiegħu, jaqa’ taħt il-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva

26

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni Ewropea ssostni li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tad-Direttiva 2009/24 iżda wkoll fid-dawl tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230) u ssostni, f’dan ir-rigward, li software bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi r-riproduzzjoni ta’ xogħol fis-sens tal-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva.

27

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. F’dan id-dawl, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tislet mill-informazzjoni kollha pprovduta mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, ir-regoli u l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li jkunu jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, sabiex tifformula mill-ġdid id-domandi li sarulha u tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li jkunu jeħtieġu l-qrati nazzjonali sabiex jiddeċiedu l-kawżi mressqa quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux indikati b’mod espress fl-imsemmija domandi (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland, C‑390/18, EU:C:2019:1112, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Madankollu, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tiddefinixxi s-suġġett tad-domandi li hija tkun trid tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domanda nnifisha ma turix in-neċessità li ssir tali formulazzjoni mill-ġdid, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, teżamina domandi li ma jkunux sarulha mill-qorti nazzjonali. Jekk din tal-aħħar, fid-dawl tal-iżvilupp tal-kawża, ikollha tqis neċessarju li tikseb informazzjoni addizzjonali ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huwa l-obbligu tagħha li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-ġdid (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland, C‑390/18, EU:C:2019:1112, punt 37).

29

Fil-każ ineżami, u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe riferiment għad-Direttiva 2001/29 fl-ewwel domanda preliminari jew anki ta’ kwalunkwe spjegazzjoni oħra fid-deċiżjoni tar-rinviju tali li teżiġi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrifletti dwar l-interpretazzjoni tal-imsemmija direttivi sabiex tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju, ma hemmx lok li hija teżamina din il-kwistjoni fid-dawl tal-imsemmija direttiva. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li l-qorti tar-rinviju rrilevat espressament fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, mingħajr ma rreferiet għal din id-direttiva, li l-kwistjoni ta’ possibbiltà ta’ riproduzzjoni ma hijiex inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

30

Fir-rigward tar-risposta għad-domanda magħmula, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha, l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti u, fejn meħtieġ, l-oriġini tagħha (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2023, Seven.One Entertainment Group, C‑260/22, EU:C:2023:900, punt 22, u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Fl-ewwel lok, għal dak li jikkonċerna l-kliem tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/24 jiddefinixxi, skont it-titolu tiegħu, l-għan tal-protezzjoni tal-programmi tal-kompjuter.

32

Skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, il-programmi tal-kompjuter huma protetti bid-drittijiet tal-awtur, bħala xogħlijiet letterarji fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Berne. Il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu jagħti tali protezzjoni lil “espressjoni f’kull forma ta’ programm tal-kompjuter” u jippreċiża li l-ideat u l-prinċipji li jservu ta’ bażi għal kwalunkwe element ta’ programm tal-kompjuter, inklużi dawk li jservu ta’ bażi għall-interfaces tiegħu, ma humiex protetti bid-drittijiet tal-awtur taħt din id-direttiva. Il-paragrafu 3 tal-istess artikolu jipprovdi, barra minn hekk, li programm tal-kompjuter huwa protett jekk ikun oriġinali, fis-sens li huwa jkun il-ħolqien intellettwali tal-awtur stess, filwaqt li jippreċiża li ebda kriterju ieħor ma japplika sabiex jiġi ddeterminat jekk il-programm jistax jibbenefika minn protezzjoni.

33

Għaldaqstant, mill-kliem tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/24, b’mod partikolari mill-paragrafi 2 u 3 tiegħu, jirriżulta li huma protetti l-“forom kollha ta’ espressjoni” ta’ programm tal-kompjuter, bl-eċċezzjoni tal-ideat u tal-prinċipji li huma l-bażi tal-elementi li jikkomponuh, bil-kundizzjoni li tali programm ikun oriġinali, fis-sens li jkun il-ħolqien intellettwali tal-awtur tiegħu stess.

34

Fir-rigward tal-kontenut ta’ dan il-kunċett, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250, li l-formulazzjoni tiegħu hija identika għal dik tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/24 u li l-interpretazzjoni tiegħu tista’, għaldaqstant, tiġi trasposta għal din id-dispożizzjoni tal-aħħar, li l-“forom ta’ espressjoni” ta’ programm tal-kompjuter huma dawk li jippermettu r-riproduzzjoni tiegħu f’lingwi tal-informatika differenti, bħall-kodiċi sors u l-kodiċi oġġett (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Bezpečnostní softwarová asociace, C‑393/09, EU:C:2010:816, punt 35).

35

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-user interface grafiku ta’ programm tal-kompjuter, li ma jippermettix li jiġi riprodott dan il-programm, iżda jikkostitwixxi sempliċement element tal-imsemmi programm li permezz tiegħu l-utenti jużaw il-funzjonalitajiet tal-imsemmi programm, ma jikkostitwixxix forma ta’ espressjoni ta’ programm tal-kompjuter fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Bezpečnostní softwarová asociace (C‑393/09, EU:C:2010:816, punti 4142).

36

Bl-istess mod, hija qieset li la l-funzjonalità ta’ programm tal-kompjuter u lanqas il-lingwa ta’ programmar u l-format ta’ fajls ta’ data użati fil-kuntest ta’ programm tal-kompjuter sabiex jintużaw uħud mill-funzjonijiet tiegħu ma jikkostitwixxu forma ta’ espressjoni ta’ dan il-programm, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, li jiġi aċċettat li l-funzjonalità ta’ programm tal-kompjuter tista’ tiġi protetta mid-drittijiet tal-awtur twassal sabiex toffri l-possibbiltà li jiġu mmonopolizzati l-ideat għad-detriment tal-progress teknoloġiku u l-iżvilupp industrijali (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2012, SAS Institute, C‑406/10, EU:C:2012:259, punti 3940).

37

Għaldaqstant, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/24, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta li l-kodiċi sors u l-kodiċi oġġett jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “forma ta’ espressjoni” ta’ programm tal-kompjuter, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn jippermettu li dan il-programm jiġi riproduzzjoni jew maħluq fi stadju sussegwenti, filwaqt li elementi oħra tiegħu, bħal b’mod partikolari l-funzjonalitajiet tiegħu, ma humiex protetti minn din id-direttiva. L-imsemmija direttiva lanqas ma tipproteġi l-elementi li permezz tagħhom l-utenti jużaw tali funzjonalitajiet, mingħajr madankollu ma tippermetti tali riproduzzjoni jew ħolqien sussegwenti tal-imsemmi programm.

38

Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 38 u 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-protezzjoni ggarantita mid-Direttiva 2009/24 hija limitata għall-ħolqien intellettwali kif hija riflessa fit-test tal-kodiċi sors u tal-kodiċi oġġett u, għaldaqstant, għall-espressjoni letterali tal-programm tal-kompjuter f’dawn il-kodiċijiet, li jikkostitwixxu rispettivament sett ta’ istruzzjonijiet li skonthom il-kompjuter għandu jwettaq il-kompiti previsti mill-awtur tal-programm.

39

Fit-tieni lok, tali interpretazzjoni, ibbażata fuq il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, hija kkorroborata mill-kuntest, b’mod partikolari li jaqa’ taħt id-dritt internazzjonali, li taħtu jaqgħu dawn id-dispożizzjonijiet.

40

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, l-istess bħall-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2009/24, l-Artikolu 10(1) tal-Ftehim TRIPs li jipprevedi li l-programmi tal-kompjuter, sew jekk ikunu espressi fil-kodiċi sors jew inkella fil-kodiċi oġġett, għandhom ikunu protetti bħallikieku huma xogħlijiet letterarji taħt il-Konvenzjoni ta’ Berne.

41

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà fakkret, fir-rigward tal-Artikolu 2(1) ta’ din il-konvenzjoni, kif ukoll tal-Artikolu 2 tat-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur u tal-Artikolu 9(2) tal-Ftehim TRIPs, li huma l-espressjonijiet u mhux l-ideat, il-proċeduri, il-metodi ta’ funzjonament jew il-kunċetti matematiċi, bħala tali, li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ protezzjoni taħt id-drittijiet tal-awtur (sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, Levola Hengelo, C‑310/17, EU:C:2018:899, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

It-tieni nett, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata wkoll mill-preambolu tad-Direttiva 2009/24.

43

L-ewwel nett, il-premessa 7 tal-imsemmija direttiva tipprovdi li l-kelmiet “programm tal-kompjuter” jinkludu wkoll ix-xogħol preparatorju ta’ disinn li jwassal għall-iżvilupp ta’ programm, sakemm, madankollu, in-natura preparatorja ta’ dan tkun tali li tippermetti li jinħoloq programm bħal dan fi stadju sussegwenti.

44

Sussegwentement, mill-premessa 11 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li ma humiex protetti taħt l-istess direttiva l-ideat u l-prinċipji li huma l-bażi ta’ diversi elementi ta’ programm, bħall-ideat u l-prinċipji li huma l-bażi tal-loġika, tal-algoritmi u tal-lingwi ta’ programmazzjoni, peress li l-espressjoni biss ta’ dawn l-ideat u prinċipji hija protetta mid-drittijiet tal-awtur.

45

Fl-aħħar nett, isegwi li, skont il-premessa 15 tad-Direttiva 2009/24, għal dak li jirrigwarda d-drittijiet esklużivi tal-utent tal-protezzjoni, huma r-riproduzzjoni, it-traduzzjoni, l-adattament jew l-alterazzjoni mhux awtorizzata “tal-forma taċ-ċifrarju li fih kopja ta’ programm tal-kompjuter tkun saret disponibbli”, li jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet esklużivi tal-awtur.

46

L-interpretazzjoni msemmija fil-punt 37 tas-sentenza preżenti hija, fit-tielet lok, konformi mal-għanijiet imfittxija mill-protezzjoni legali tal-programmi tal-kompjuter skont id-Direttiva 2009/24.

47

F’dan ir-rigward, hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għan imfittex mis-sistema ta’ protezzjoni tal-programmi tal-kompjuter stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni huwa intiż, kif jirriżulta mill-premessa 2 tad-Direttiva 2009/24, li jipproteġi l-awturi tal-programmi kontra r-riproduzzjoni mhux awtorizzata ta’ dawn il-programmi, li fl-ambjent diġitali hija faċli ħafna u b’nefqa minima, kif ukoll kontra d-distribuzzjoni tal-kopji “pirati” tagħhom. Fil-fatt, din il-premessa tfakkar li l-ħolqien ta’ programmi tal-kompjuter jeżiġi l-implimentazzjoni ta’ riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji kunsiderevoli, filwaqt li huwa possibbli li dawn jiġu kkupjati bi spiża ħafna iżgħar minn dik meħtieġa għall-iżvilupp tagħhom indipendentement.

48

Min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta fil-punti 3.6 u 3.12 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter, ippreżentati fil‑5 ta’ Jannar 1989 (ĠU 1989, C 91, p. 4), li tat lok għad-Direttiva 91/250, is-sistema legali tal-protezzjoni tal-programmi tal-kompjuter ma tagħtix monopolju li jipprekludi l-ħolqien indipendenti u għaldaqstant ma tostakolax il-progress tekniku. Barra minn hekk, il-kompetituri tal-awtur ta’ programm tal-kompjuter, mill-mument meta analiżi indipendenti tippermettilhom jiddeterminaw l-ideat, ir-regoli jew il-prinċipji użati, għandhom il-libertà kollha li joħolqu l-implementazzjoni tagħhom stess sabiex joħolqu prodotti kompatibbli. Barra minn hekk, huma jistgħu jisfruttaw l-istess idea, iżda mingħajr ma jużaw l-istess espressjoni bħal programmi protetti oħra.

49

Apparti dan, hekk kif tipprovdi l-premessa 10 tad-Direttiva 2009/24, il-funzjoni ta’ programm tal-kompjuter hija li jikkomunika u jaħdem flimkien ma’ komponenti oħra f’sistema ta’ kompjuters u ma’ utenti u, għal dan l-iskop, hija meħtieġa interkonnessjoni u interazzjoni loġika u, fejn ikun xieraq, waħda fiżika sabiex tippermetti l-elementi kollha tas-software u hardware li jaħdmu ma’ software u hardware ieħor u ma’ utenti fil-modi kollha li fihom huma maħsuba li jiffunzjonaw.

50

Fil-każ ineżami, il-qorti tar-rinviju tosserva li s-software ta’ Datel huwa installat mill-utent fuq il-console PSP u jeżegwixxi flimkien mas-software tal-logħba. Hija żżid tgħid li dan is-software la jemenda jew jirriproduċi l-kodiċi oġġett, la l-kodiċi sors, u lanqas l-istruttura interna u l-organizzazzjoni tas-software ta’ Sony, użat fuq il-console PSP, iżda sempliċement jimmodifika l-kontenut tal-varjabbli temporanjament imdaħħla mil-logħob ta’ Sony fil-memorja prinċipali tal-PSP, li jintużaw matul l-eżekuzzjoni tal-logħba, b’tali mod li dan jeżegwixxi abbażi ta’ dawn il-varjabbli bil-kontenut emendat.

51

Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju, jidher li s-software ta’ Datel, sa fejn jimmodifika biss il-kontenut tal-varjabbli inklużi minn programm tal-kompjuter protett fil-memorja prinċipali ta’ kompjuter u użati minn dan il-programm matul l-eżekuzzjoni tiegħu, ma jippermettix, bħala tali, li dan il-programm jiġi riprodott u lanqas parti minnu iżda jippreżupponi, għall-kuntrarju, li dan il-programm jiġi eżegwit fl-istess ħin. Hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kontenut tal-varjabbli jikkostitwixxi għalhekk element tal-imsemmi programm li permezz tiegħu l-utenti jużaw il-funzjonalitajiet ta’ tali programm, li ma huwiex protett bħala “forma ta’ espressjoni” ta’ programm tal-kompjuter fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/24, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

52

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(1) sa (3) tad-Direttiva 2009/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kontenut tad-data varjabbli inkluża minn programm tal-kompjuter protett fil-memorja prinċipali ta’ kompjuter u użata minn dan il-programm matul l-eżekuzzjoni tiegħu, ma jaqax taħt il-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva, sa fejn dan il-kontenut ma jippermettix ir-riproduzzjoni jew il-ħolqien sussegwenti ta’ tali programm.

Fuq it‑tieni domanda

53

Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l‑ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1(1) sa (3) tad-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

l-kontenut tad-data varjabbli inkluża minn programm tal-kompjuter protett fil-memorja prinċipali ta’ kompjuter u użata minn dan il-programm matul l-eżekuzzjoni tiegħu, ma jaqax taħt il-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva, sa fejn dan il-kontenut ma jippermettix ir-riproduzzjoni jew il-ħolqien sussegwenti ta’ tali programm.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top