This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023CJ0109
Judgment of the Court (Second Chamber) of 5 September 2024.#GM and ON v PR.#Request for a preliminary ruling from the Landgericht Berlin.#Reference for a preliminary ruling – Common foreign and security policy – Restrictive measures taken in view of Russia’s actions destabilising the situation in Ukraine – Regulation (EU) No 833/2014 – Article 5n(2) and (6) – Prohibition on the direct or indirect provision of legal advisory services to the Russian Government or to legal persons, entities or bodies established in Russia – Exemption concerning the provision of services which are strictly necessary to ensure access to judicial, administrative or arbitration proceedings in a Member State – Authentication and execution, by a notary, of a contract for the sale of immovable property – Assistance provided by an interpreter during such authentication.#Case C-109/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-5 ta’ Settembru 2024.
GM u ON vs PR.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landgericht Berlin.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina – Regolament (UE) Nru 833/2014 – Artikolu 5n(2) u (6) – Projbizzjoni li jingħataw, direttament jew indirettament, servizzi ta’ konsulenza legali lill-Gvern Russu jew lil persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja – Eżenzjoni li tikkonċerna l-għoti ta’ servizzi li jkunu strettament meħtieġa biex jiġi żgurat l-aċċess għal proċeduri ġudizzjarji, amministrattivi jew ta’ arbitraġġ fi Stat Membru – Awtentifikazzjoni u eżekuzzjoni, minn nutar, ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli – Assistenza minn interpretu waqt tali awtentifikazzjoni.
Kawża C-109/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-5 ta’ Settembru 2024.
GM u ON vs PR.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landgericht Berlin.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina – Regolament (UE) Nru 833/2014 – Artikolu 5n(2) u (6) – Projbizzjoni li jingħataw, direttament jew indirettament, servizzi ta’ konsulenza legali lill-Gvern Russu jew lil persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja – Eżenzjoni li tikkonċerna l-għoti ta’ servizzi li jkunu strettament meħtieġa biex jiġi żgurat l-aċċess għal proċeduri ġudizzjarji, amministrattivi jew ta’ arbitraġġ fi Stat Membru – Awtentifikazzjoni u eżekuzzjoni, minn nutar, ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli – Assistenza minn interpretu waqt tali awtentifikazzjoni.
Kawża C-109/23.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:681
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
5 ta’ Settembru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina – Regolament (UE) Nru 833/2014 – Artikolu 5n(2) u (6) – Projbizzjoni li jingħataw, direttament jew indirettament, servizzi ta’ konsulenza legali lill-Gvern Russu jew lil persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja – Eżenzjoni li tikkonċerna l-għoti ta’ servizzi li jkunu strettament meħtieġa biex jiġi żgurat l-aċċess għal proċeduri ġudizzjarji, amministrattivi jew ta’ arbitraġġ fi Stat Membru – Awtentifikazzjoni u eżekuzzjoni, minn nutar, ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli – Assistenza minn interpretu waqt tali awtentifikazzjoni”
Fil-Kawża C‑109/23 [Jemerak] ( i ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Jannar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Frar 2023, fil-proċedura
GM,
ON
vs
PR,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen (Relatur), N. Wahl, J. Passer u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,
Avukata Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: A. Juhász-Tóth, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑25 ta’ Jannar 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal PR, minn U. Karpenstein u R. Sangi, Rechtsanwälte, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u N. Scheffel, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Estonjan, minn M. Kriisa, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u H.S. Gijzen, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent, |
– |
għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn M. Bishop u T. Haas, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Carpus Carcea, C. Georgieva u M. Kellerbauer, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tal‑11 ta’ April 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 5n(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 1, rettifika fil-ĠU 2014, L 246, p. 59), kif emendat bir-Regolament tal‑Kunsill (UE) 2022/1904 tas‑6 ta’ Ottubru 2022 (ĠU 2022, L 259 I, p. 3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 833/2014”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn GM u ON, xerrejja ta’ appartament li jinsab f’Berlin (il-Ġermanja) u li huwa proprjetà lil persuna ġuridika stabbilita fir-Russja, u PR, nutar li jeżerċita fil‑Ġermanja, dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jawtentifika u jeżegwixxi l-kuntratt ta’ bejgħ ta’ dan l-appartament, minħabba li ma setax jiġi eskluż li din l‑awtentifikazzjoni tmur kontra l-Artikolu 5n(2) tar‑Regolament Nru 833/2014, li jipprojbixxi l-għoti ta’ servizzi ta’ konsulenza legali lil persuni ġuridiċi stabbiliti fir-Russja. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Ir-Regolament (UE) Nru 269/2014
3 |
L-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 269/2014 tal-Kunsill, tas‑17 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal‑Ukraina (ĠU 2014, L 78, rettifika fil-ĠU L 249 p. 6), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 476/2014 tal-Kunsill, tat‑12 ta’ Mejju 2014 (ĠU 2014, L 137, p. 1), jipprevedi: “1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, li huma l-proprjetà, li huma fil-pussess jew taħt il-kontroll ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp, jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness I, għandhom jiġu ffriżati. 2. Ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, għall-benefiċċju ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi, jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness I.” |
Ir-Regolament Nru 833/2014
4 |
Il-premessi 1 u 2 tar-Regolament Nru 833/2014 jistipulaw:
|
5 |
Skont l-Artikolu 5aa(1) tar-Regolament Nru 833/2014: “Għandu jkun ipprojbit li wieħed jidħol direttament jew indirettament fi kwalunkwe tranżazzjoni ma’:
|
6 |
L-Artikolu 5n(1), (2) u (6) ta’ dan ir-regolament jiddisponi: “1. Għandu jkun ipprojbit il-forniment, dirett jew indirett, ta’ kontabilità, awditjar, inkluż l-awditjar statutorju, iż-żamma tal-kotba u servizzi ta’ konsulenza dwar it-taxxa, jew servizzi ta’ konsulenza maniġerjali u dwar in-negozju jew servizzi ta’ relazzjonijiet pubbliċi lil:
2. Għandu jkun ipprojbit l-għoti, dirett jew indirett, ta’ servizzi arkitettoniċi u ta’ inġinerija, servizzi ta’ konsulenza legali u servizzi ta’ konsulenza tal-IT lil:
[…] 6. Il-paragrafu 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-forniment ta’ servizzi li huma strettament meħtieġa biex jiġi żgurat aċċess għal proċedimenti ġudizzjarji, amministrattivi jew ta’ arbitraġġ fi Stat Membru, jew għar-rikonoxximent jew l-infurzar ta’ sentenza jew deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija fi Stat Membru, dment li tali forniment ta’ servizzi jkun konsistenti mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament u r‑[Regolament Nru 269/2014.]” |
Id-Deċiżjoni (PESK) 2022/1909
7 |
Il-premessi (5) u (8) sa (10) tad-Deċiżjoni (PESK) 2022/1909 tal‑Kunsill tas‑6 ta’ Ottubru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar‑Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2022, L 259I, p. 122).
[…]
|
Ir‑Regolament 2022/1904
8 |
Il-premessi 2, 19 u 22 tar-Regolament Nru 2022/1904 jgħidu:
[…]
[…]
|
Id‑dritt Ġermaniż
Il‑BGB
9 |
L-ewwel frażi tal-Artikolu 311b(1) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il‑Kodiċi Ċivili), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“BGB”), tipprevedi li kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli għandu jiġi awtentifikat minn nutar. |
10 |
Konformement mal-Artikolu 873(1) tal-BGB, it-trasferiment tal‑proprjetà ta’ beni immobbli jirrikjedi l-ftehim taż-żewġ partijiet fuq dan it‑trasferiment u l-iskrizzjoni tiegħu fir‑reġistru tal-artijiet. |
11 |
Mill-Artikolu 925(1) tal-BGB jirriżulta li tali ftehim għandu, bħala prinċipju, jiġi ddikjarat quddiem nutar. |
12 |
Skont l-Artikolu 925a tal-BGB, in-nutar jista’ jikkonstata l-ftehim dwar it-trasferiment tal-proprjetà biss jekk l-att tal-bejgħ jiġi ppreżentat lilu. |
Il-Liġi dwar l-awtentifikazzjoni tad-dokumenti
13 |
Konformement mal-Artikolu 4 tal-Beurkundungsgesetz (il-Liġi dwar l‑Awtentifikazzjoni tad-Dokumenti), tat‑28 ta’ Awwissu 1969 (BGBl. 1969 I, p. 1513), kif emendat bil-liġi tal‑15 ta’ Lulju 2022 (BGBl. 2022 I, p. 1146), in-nutar għandu jirrifjuta l-awtentifikazzjoni ta’ att meta din ma tkunx konċiljabbli mad-dmirijiet marbuta mal-funzjoni tiegħu, b’mod partikolari meta jintalab jipparteċipa f’atti li jfittxu manifestament għan illeċitu jew diżonest. |
14 |
Bis-saħħa tal-Artikolu 17(1) tal-liġi dwar l-awtentifikazzjoni tad‑dokumenti, kif emendata bil-liġi tal‑15 ta’ Lulju 2022, in-nutar għandu d-dmir li jinforma lill-partijiet dwar il-portata ġuridika tal-att. |
Il-BNotO
15 |
Skont l-Artikolu 1 tal-Bundesnotarordnung (il-Kodiċi Federali tan‑Nutara), tal‑24 ta’ Frar 1961 (BGBl. 1961 I, p. 97), kif emendat bil‑liġi tal‑15 ta’ Lulju 2022 (BGBl. 2022 I, p. 1146) (iktar ’il quddiem il-“BNotO”), in-nutar jinħatar bħala uffiċjal pubbliku indipendenti inkarigat għall-awtentifikazzjoni ta’ atti ġuridiċi u ta’ kompiti oħra fil‑qasam tal-amministrazzjoni preventiva tal-ġustizzja. |
16 |
L-Artikolu 14 tal-BNotO jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li n-nutar ma huwiex ir-rappreżentant ta’ parti waħda jew l-oħra, iżda l-konsulent indipendenti u imparzjali tal-partijiet kollha. Konformement mal‑Artikolu 14(2) tiegħu, in-nutar għandu jirrinunzja milli jeżerċita l‑funzjonijiet tiegħu meta dawn ma jkunux konċiljabbli mad-dmirijiet li jirriżultaw minnhom. |
17 |
L-Artikolu 15 tal-BNotO jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li n-nutar ma jistax jirrifjuta li jipproċedi għall-awtentifikazzjoni ta’ att mingħajr raġuni suffiċjenti, u, fil-paragrafu 2 tiegħu, li jista’ jiġi ppreżentat rikors kontra r-rifjut tan-nutar li jawtentifika att. |
Il-liġi dwar ir-reġistru tal-artijiet
18 |
Konformement mal-Artikolu 29(1) tal-Grundbuchordnung (il-Liġi dwar iż-Żamma tar-Reġistru tal-Artijiet), tas‑26 ta’ Mejju 1994 (BGB1, 1994, p. 1114) fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, l-iskrizzjoni fir-reġistru tal-artijiet tista’ ssir biss jekk it-tranżazzjonijiet legali neċessarji għall-iskrizzjoni jiġu ċċertifikati permezz ta’ dokumenti uffiċjali jew atti awtentiċi. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
19 |
GM u ON, ċittadini Ġermaniżi, kienu ser jixtru appartament f’koproprjetà li jinsab f’Berlin. Dan l-appartament huwa rreġistrat fir‑Reġistru tal-Artijiet ta’ Berlin-Schöneberg, miżmum mill‑Amtsgericht Schöneberg (il-Qorti Distrettwali ta’ Schöneberg, il‑Ġermanja). Skont dan ir-reġistru, il-proprjetarja ta’ dan l-appartament hija, sa mis-sena 2013, Visit-Moscow Ltd, kumpannija rreġistrata fir‑Russja u li għandha s-sede tagħha f’Moska (ir-Russja). |
20 |
Għall-finijiet ta’ din it-tranżazzjoni, GM, ON u Visit-Moscow marru għand PR, nutar li jipprattika f’Berlin, u talbuh jirrediġi kuntratt ta’ bejgħ fil-forma awtentika, konformement mal-indikazzjonijiet tagħhom relatati mal-oġġett mibjugħ, mal-prezz tal-bejgħ u ma’ stipulazzjonijiet kuntrattwali oħra. Huma talbuh ukoll jeżegwixxi l-kuntratt hekk awtentifikat, ħaġa li kienet tirrikjedi, b’mod partikolari, it-traskrizzjoni tat‑trasferiment tal-proprjetà tal-appartament inkwistjoni fir-reġistru tal‑artijiet favur GM u ON, il-kisba tat-tneħħija tal-piżijiet fuq dan l‑appartament u d‑depożitu tal-fondi tal-bejgħ f’kont fiduċjarju għat‑trasferiment lil Visit-Moscow. |
21 |
Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Diċembru 2022, PR informa lil GM, ON u Visit-Moscow li huwa kien irrifjuta provviżorjament li jawtentifika l‑imsemmi kuntratt, għar-raġuni li ma setax jeskludi li l‑awtentifikazzjoni tiegħu tmur kontra l-projbizzjoni, stabbilita fl‑Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014, ta’ għoti ta’ servizzi ta’ konsulenza legali lil persuni ġuridiċi stabbiliti fir-Russja. |
22 |
PR ma qabilx mat-talba li jikkunsidra mill-ġdid dan ir-rifjut ippreżentata minn GM, ON u Visit-Moscow, ifformulata fir-rikors tagħhom ippreżentat kontra l-imsemmi rifjut, u, konformement mar-regoli applikabbli, huwa ttrażmetta dan ir-rikors lil-Landgericht Berlin (il‑Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju. |
23 |
Fl-ewwel lok, din il-qorti tqis neċessarju li jiġi ddeterminat jekk l‑awtentifikazzjoni, minn nutar, ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli tmurx kontra l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 5n(2) tar‑Regolament Nru 833/2014, meta l-bejjiegħ ikun persuna ġuridika stabbilita fir-Russja. |
24 |
F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tosserva, l-ewwel nett, li diversi kunsiderazzjonijiet jipprekludu li tali awtentifikazzjoni taqa’ taħt l‑imsemmija projbizzjoni. |
25 |
B’mod partikolari, nutar ma jagħtix servizz, iżda jeżerċita funzjonijiet uffiċjali. Huwa għandu l-kwalità ta’ uffiċjal pubbliku inkarigat għall‑awtentifikazzjoni ta’ atti ġuridiċi u minn kompiti oħra fil‑qasam tal‑amministrazzjoni preventiva tal-ġustizzja. Fl-eżerċizzju tal‑funzjonijiet tiegħu, in-nutar ma huwiex ir-rappreżentant ta’ parti waħda jew oħra, iżda l-konsulent indipendenti u imparzjali tal-partijiet kollha. Huwa jwettaq missjonijiet ta’ servizz pubbliku li l-Istat jafda lilu u li l-Istat ikollu, mingħajr din id-delega, iwettaq permezz tal-korpi tiegħu. Konsegwentement, in-nutar ma huwiex fornitur ta’ servizzi li jipprovdi s-servizzi tiegħu fuq bażi kuntrattwali rregolata mid-dritt ċivili, iżda uffiċjal pubbliku li jeżerċita, fuq talba tal-partijiet, kompiti, bħal dawk li jinforma lill‑partijiet kontraenti b’mod imparzjali dwar il‑portata ġuridika tal‑att ikkonċernat, li huma bbażati fuq id-dritt pubbliku. Il‑prerogattivi ta’ awtorità pubblika li tinvolvi l-funzjoni notarili jimmanifestaw ruħhom meta n-nutar jirrifjuta li jawtentifika kuntratt għal raġuni prevista mil‑liġi. |
26 |
It-tieni nett, anki jekk l-attivitajiet notarili kellhom jiġu kklassifikati bħala “servizzi”, fis-sens tal-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014, dawk fost dawn l-attivitajiet li huma neċessarji għall‑finijiet tal-iskrizzjoni fir-reġistru tal-artijiet għandhom jiġu eżentati mill-projbizzjoni li jingħataw servizzi ta’ konsulenza legali lil persuni ġuridiċi stabbiliti fir-Russja bis-saħħa tal-Artikolu 5n(6) ta’ dan ir‑regolament, li japplika għall-għoti ta’ servizzi strettament neċessarji sabiex jiġi ggarantit l-aċċess għall-proċeduri ġudizzjarji, amministrattivi jew ta’ arbitraġġ fi Stat Membru. Fil-fatt, fid-dritt Ġermaniż, l‑iskrizzjoni fir-reġistru tal-artijiet hija kundizzjoni essenzjali għall‑istabbiliment u l-akkwist ta’ dritt fuq proprjetà immobbli. Iż‑żamma tar-reġistru tal-artijiet, fdata f’idejn sezzjonijiet speċifiċi tal‑qrati distrettwali u rregolata minn regoli dwar il-proċedura ġudizzjarja, hija proċedura ġudizzjarja jew, tal-inqas, proċedura amministrattiva, li fil-kuntest tagħha n-nutara għandhom rwol ċentrali. Talba għal iskrizzjoni f’dan ir-reġistru tkun, fil-fatt, valida biss jekk l‑operazzjoni ġuridika kkonċernata tiġi ċċertifikata minn dokumenti uffiċjali jew atti awtentiċi. Dan ifisser li, bħala regola ġenerali, l‑intervent ta’ nutar huwa neċessarju sabiex jipproċedi għall-iskrizzjoni fir-reġistru tal-artijiet. |
27 |
Barra minn hekk, peress li ma huwiex ipprojbit għall-persuni msemmija fl-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014 li jiddisponu minn proprjetà immobbli jew li jużawha ekonomikament, ma jmurx kontra l‑għan imfittex minn din id-dispożizzjoni li jitkompla li jingħata permess lil dawn il-persuni sabiex jingħataw aċċess għall-proċedura ta’ iskrizzjoni fir-reġistru tal-artijiet. |
28 |
It-tielet nett, anki jekk l-attività notarili kellha titqies li tinvolvi servizz ta’ konsulenza legali, li taqa’ taħt il-projbizzjoni li tinsab fl‑Artikolu 5n(2), mingħajr ma tkun tista’ tiġi eżentata minn din il‑projbizzjoni skont l-imsemmi Artikolu 5n(6), jeżistu indizji importanti li l-imsemmija projbizzjoni ma testendix għall‑parteċipazzjoni ta’ nutar fl-istabbiliment ta’ kuntratti ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli. |
29 |
Skont din il-qorti, għall-finijiet tat-trasferiment tal-proprjetà ta’ beni immobbli fil-Ġermanja, il-liġi Ġermaniża tirrikjedi, barra l-iskrizzjoni tal‑identità tax-xerrej fir-reġistru tal-artijiet, il-ftehim taż-żewġ partijiet għat-trasferiment tat-titolu, li għandu jiġi ddikjarat, bħala regola, quddiem nutar. Kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli għandu, fih innifsu, jiġi awtentifikat minn nutar. Konsegwentement, fl-ipoteżi fejn il‑projbizzjoni prevista fl-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014 kellha tapplika għall-awtentifikazzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli, il-persuni ġuridiċi stabbiliti fir-Russja jiġu mċaħħda legalment u fattwalment minn kull possibbiltà li jiddisponu mill-patrimonju tagħhom, peress li l-parteċipazzjoni ta’ nutar fil-bejgħ ta’ proprjetà immobbli hija neċessarja għat-trasferiment ta’ beni immobbli. Issa, dan jikkostitwixxi ksur serju tad-dritt fundamentali għall-proprjetà ta’ dawn il-persuni. |
30 |
B’dan, id-dipartimenti tal-Kummissjoni Ewropea ppubblikaw dokument intitolat “Provision of Services – Frequently asked questions concerning sanctions adopted following Russia’s military aggression against Ukraine and Belarus’ involvement in it” (“Għoti ta’ servizzi –Mistoqsijiet li jsiru ta’ spiss fir-rigward tas-sanzjonijiet adottati wara l‑aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukraina u l-involviment tal‑Bjelorussja fiha”), fil-verżjoni tiegħu tal‑21 ta’ Diċembru 2022. F’dan id-dokument, dawn id-dipartimenti qiesu li l-projbizzjoni taħt l‑Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014 hija applikabbli għall‑attività notarili f’isem il-persuni ġuridiċi stabbiliti fir-Russja. Għalkemm mhux vinkolanti, l-imsemmi dokument joħloq stat ta’ inċertezza fir-rigward tal-interpretazzjoni korretta ta’ din id‑dispożizzjoni. |
31 |
Fit-tieni lok, fl-ipoteżi fejn titqies li l-awtentifikazzjoni, minn nutar, ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli ta’ persuna ġuridika stabbilita fir-Russja ma tmurx kontra l-projbizzjoni tal-Artikolu 5n(2)(b) tar‑Regolament Nru 833/2014, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk is‑servizzi mogħtija minn interpretu, li, skont il-liġi, għandu jiżgura t‑traduzzjoni lejn il-lingwa Ġermaniża għal parti li ma tkunx tafx din il‑lingwa, waqt din l‑awtentifikazzjoni jmorrux kontra l‑projbizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni meta dawn is-servizzi jingħataw lir‑rappreżentanti ta’ tali persuna ġuridika. |
32 |
Fit-tielet u l-aħħar lok, fl-ipoteżi msemmija fil-punt preċedenti, din il-qorti għandha dubji dwar jekk kompiti anċillari normalment imwettqa min‑nutar biex jiżgura l-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt ta’ bejgħ wara l‑awtentifikazzjoni tiegħu jmorrux kontra l-projbizzjoni prevista fl‑Artikolu 5n(2)(b) tar-Regolament Nru 833/2014, meta l-bejjiegħ ikun persuna ġuridika stabbilita fir-Russja. |
33 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill‑Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
34 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5n(2)(b) tar‑Regolament Nru 833/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li,
jaqgħu taħt il-projbizzjoni li jingħataw servizzi ta’ konsulenza legali lil tali persuna ġuridika, prevista f’din id-dispożizzjoni. |
35 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-awtentifikazzjoni, minn nutar ta’ Stat Membru, ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tinsab fit‑territorju ta’ dan l-Istat Membru u li tappartjeni lil persuna ġuridika stabbilita fir-Russja, skont il-kliem tal‑Artikolu 5n(2)(b) tar-Regolament Nru 833/2014 jirriżulta li “[għ]andu jkun ipprojbit l‑għoti, dirett jew indirett, ta’ […] servizzi ta’ konsulenza legali […] lil persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja”. |
36 |
L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, il-kunċett ta’ “servizzi ta’ konsulenza legali” msemmi f’din id-dispożizzjoni, dan la huwa ddefinit f’din id-dispożizzjoni u lanqas f’xi dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 833/2014. |
37 |
Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, id-determinazzjoni tat‑tifsira u tal-portata tal-kliem li fir-rigward tagħhom id-dritt tal‑Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni għandha ssir konformement mas-sens normali tagħhom fil-lingwa kurrenti, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxija mil‑leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2024 ta’ Marzu 2024, Trade Express-L u DEVNIA TSIMENT, C-395/22 u C‑428/22, EU:C:2024:374, punt 65 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata). |
38 |
Issa, skont is-sens abitwali tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, il-kliem “konsulenza legali” jirreferu, b’mod ġenerali, għal parir dwar kwistjoni ta’ liġi. Il-kliem “konsulenza legali”, użati, fl‑Artikolu 5n(2) tar‑Regolament Nru 833/2014, flimkien mal-kelma “servizzi”, jirreferu għall-eżerċizzju ta’ attività ta’ natura ekonomika, ibbażata fuq relazzjoni bejn fornitur u l-klijent tiegħu, li jkollha bħala għan l‑għoti ta’ pariri legali, li permezz tagħha fornitur jagħti pariri dwar kwistjonijiet ta’ liġi lil persuni li jitolbuhom. |
39 |
Din it-tifsira tal-kliem “servizzi ta’ konsulenza legali” hija kkonfermata mill-premessa 19 tar-Regolament 2022/1904 li tindika li dawn is‑servizzi jinkludu “l-għoti ta’ pariri legali lill-klijenti fi kwistjonijiet mhux kontenzjużi, inkluż tranżazzjonijiet kummerċjali, li jinvolvu l‑applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tal-liġi”, “il-parteċipazzjoni ma’ jew f’isem klijenti fi tranżazzjonijiet kummerċjali, negozjati kummerċjali u negozjati oħra ma’ partijiet terzi”, kif ukoll “[i]t-tħejjija, l-eżekuzzjoni u l-verifika ta’ dokumenti legali”. |
40 |
L-ewwel żewġ tipi ta’ attivitajiet imsemmija f’din il-premessa jirreferu fil-fatt għal relazzjoni bejn fornitur u l-“klijent” tiegħu u jinvokaw ir‑rwol ta’ dan il‑fornitur sa fejn jassisti u jagħti pariri lil dan il-klijent, fl-interess ta’ dan tal-aħħar, fir-rigward tal-aspetti legali ta’ tranżazzjonijiet tiegħu ma’ terzi. Min-naħa tiegħu, it-tielet tip ta’ attivitajiet imsemmija f’din il-premessa, li jikkonsistu fil‑“preparazzjoni, l-eżekuzzjoni u l-verifika ta’ dokumenti legali”, tikkonċerna attivitajiet anċillari għal dawn l-ewwel żewġ tipi ta’ attivitajiet. |
41 |
Issa, l-attivitajiet hekk koperti mill-kunċett ta’ “servizzi ta’ konsulenza legali” fis-sens tal-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014 huma nettament distinti minn dawk li l-awtoritajiet pubbliċi jew kull entità oħra inkarigata, mill-Istat, bl-eżerċizzju, taħt il-kontroll ta’ dawn l‑awtoritajiet, ta’ missjoni ta’ interess ġenerali u li tkun ingħatat, għal dan il‑għan, ċerti setgħat vinkolanti fir-rigward taċ-ċittadini, jistgħu jkunu meħtieġa jwettqu. Fil-fatt, l-imsemmija awtoritajiet ma għandhomx bħala missjoni li jipprovdu servizzi li jikkonsistu fl-għoti ta’ pariri jew rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ dritt lil persuni sabiex jippromwovu jew jiddefendu l-interessi partikolari ta’ dawn il-persuni. |
42 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, bis-saħħa tad-dritt Ġermaniż, kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tinsab fil-Ġermanja jeħtieġ obbligatorjament l‑intervent ta’ nutar, fil-kwalità tiegħu ta’ uffiċjal pubbliku indipendenti, sabiex jagħti l-kwalità ta’ att awtentiku lil dan il-kuntratt. Permezz ta’ din l‑awtentifikazzjoni, in-nutar jiċċertifika l-legalità tal-imsemmi kuntratt bit‑twaħħil ta’ siġill uffiċjali fuq l-arma tal-Land li tkun innominatu. Tali intervent, li jsir fuq talba tal-partijiet kontraenti, jaqa’ taħt il-missjonijiet ta’ servizz pubbliku li l-Istat inkariga lin-nutara u li l‑Istat ikollu, mingħajr din id-delega, iwettaq permezz tal-korpi tiegħu. Fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ din il-missjoni, in-nutara jingħataw setgħat vinkolanti, peress li jistgħu jirrifjutaw li jawtentifikaw tali kuntratt ta’ bejgħ għal raġuni prevista mil-liġi. |
43 |
Barra minn hekk, kif irrilevat ukoll l-Avukata Ġenerali fil-punti 43 u 44 tal-konklużjonijiet tagħha, l-intervent tan-nutar jidher li huwa limitat għal awtentifikazzjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ ikkonċernat jew, jekk ikun il‑każ, għal rifjut ta’ awtentifikazzjoni ta’ dan il-kuntratt sabiex jikkonforma ruħu, b’indipendenza u imparzjalità sħiħa, ma’ obbligu legali li għandu, mingħajr ma jagħti, barra din l‑awtentifikazzjoni, pariri legali intiżi li jippromwovu l-interessi speċifiċi tal-partijiet. |
44 |
Konsegwentement, fil-kuntest ta’ tali awtentifikazzjoni, in-nutar jidher li jaġixxi mhux bil-għan li jippromwovi l-interessi speċifiċi ta’ wieħed jew l-ieħor miż-żewġ partijiet ikkonċernati, iżda b’mod imparzjali, ekwidistanti fil-konfront ta’ dawn il-partijiet u tal-interessi rispettivi tagħhom, unikament fl-interess tal-liġi u taċ-ċertezza legali. Fid-dawl tal-modalitajiet speċifiċi tal-proċedura ta’ awtentifikazzjoni notarili tal‑atti u tal-effetti legali marbuta mal-atti awtentifikati fl‑ordinament ġuridiku nazzjonali Ġermaniż, imsemmija fil-punti 42 u 43 ta’ din is‑sentenza, din l-awtentifikazzjoni ma tidhirx li tikkorrispondi għall‑attivitajiet imsemmija fil-punt 38 ta’ din is‑sentenza. |
45 |
Minn dan isegwi, kif l-Avukata Ġenerali enfasizzat, essenzjalment, fil‑punti 35, 37 sa 39, 41 sa 43 u 47 tal-konklużjonijiet tagħha, u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li awtentifikazzjoni, minn nutar, ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli, bħal dik imsemmija fil-punti 42 u 43 ta’ din is-sentenza, ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tappartjeni lil persuna ġuridika stabbilita fir-Russja, ma taqax taħt il-kunċett ta’ “servizzi ta’ konsulenza legali” msemmi fl‑Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014, u, b’daqshekk, fil‑kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni li jiġu pprovduti t-tali servizzi lil tali persuna ġuridika, prevista fil-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni. |
46 |
It-tieni nett, tali interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 5n(2) tar‑Regolament Nru 833/2014 li tgħid li ma tirrigwardax l‑awtentifikazzjoni minn nutar ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli kif irregolata mid-dritt nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija kkorroborata mill‑kuntest normattiv li jagħmlu parti minnu din id-dispożizzjoni u dan ir-regolament. |
47 |
Fil-fatt, kif l-Avukata Ġenerali enfasizzat fil-punti 53 sa 55 u 60 sa 64 tal-konklużjonijiet tagħha, minn naħa, l-Artikolu 5aa(1) tar-Regolament Nru 833/2014 jipprevedi projbizzjoni ta’ parteċipazzjoni diretta jew indiretta f’kull tranżazzjoni ma’ persuni ġuridiċi li jissodisfaw ċerti kriterji, fosthom dawk li jkunu stabbiliti fir-Russja jew barra mill‑Unjoni, milli jidhru fil-lista ta’ kumpanniji tal-Istat Russi prevista fl‑Anness XIX ta’ dan ir-regolament, li jkunu kkontrollati mill-Istat Russu jew miżmuma f’iktar minn 50 % mill-Istat Russu jew li jkollhom rabtiet mill-qrib ma’ dan l-Istat jew ma’ entitajiet li jinsabu f’dan l‑anness. Madankollu, la din id-dispożizzjoni, u lanqas xi dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament ma jipprevedu projbizzjoni ġenerali tal‑parteċipazzjoni fi tranżazzjoni ma’ persuna ġuridika minħabba s‑sempliċi fatt li din tkun stabbilita fir-Russja jew projbizzjoni ta’ trasferiment ta’ proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju tal-Unjoni u li tappartjeni lil tali persuna. |
48 |
Min-naħa l-oħra, għalkemm ir-Regolament Nru 269/2014 jipprevedi miżuri restrittivi fir-rigward tal-persuni responsabbli għal azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, kif ukoll il-persuni u l-entitajiet assoċjati magħhom, l‑iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi kif ukoll il-projbizzjoni tat‑tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi li jimponi, fl-Artikolu 2(1) u (2) tiegħu, japplikaw biss għal ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati b’mod eżawrjenti fl‑Anness I ta’ dan ir-regolament. |
49 |
Issa, jekk l-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014 kellu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tkun applikabbli għal att ta’ awtentifikazzjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan iwassal, kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punti 59 u 64 tal-konklużjonijiet tagħha, għal inkoerenzi, minn naħa, fl‑applikazzjoni ta’ dan ir‑regolament u, min-naħa l-oħra, bejn l‑imsemmi regolament u r‑Regolament Nru 269/2014. |
50 |
Fil-fatt, filwaqt li t-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw proprjetajiet immobbli li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni u li jappartjenu lil persuni ġuridiċi stabbiliti fir-Russja jibqgħu awtorizzati bis-saħħa tar‑Regolament Nru 833/2014, dawn it-tranżazzjonijiet jistgħu jiġu, fil‑prattika, ostakolati f’ċerti Stati Membri, bħar-Repubblika Federali tal‑Ġermanja, li fihom l‑awtentifikazzjoni notarili tal-kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli tikkostitwixxi kundizzjoni essenzjali għat‑trasferiment ta’ tali proprjetà, u dan indipendentement mill‑kwistjoni dwar jekk dawn il‑persuni ġuridiċi jkunu, jew le, suġġetti għal projbizzjoni li jiddisponu mill-assi tagħhom skont ir-Regolament Nru 269/2014. |
51 |
Issa, tali varjabbiltà fl-effetti tal-projbizzjoni prevista fl‑Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014 minn Stat Membru għal ieħor, skont is‑sistema notarili applikabbli, ma setgħetx kienet ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni. |
52 |
It-tielet nett, kuntrarjament għal dak li l-Gvern Estonjan, Olandiż u Pollakk setgħu jagħtu x’jifhmu fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom jew waqt is-seduta, l-interpretazzjoni adottata fil-punt 45 ta’ din is‑sentenza ma tmurx kontra l-għan tar-Regolament Nru 833/2014, u lanqas dak tar-Regolament Nru 269/2014. |
53 |
Qabel kollox, kif jirriżulta mill-premessa 8 tad-Deċiżjoni 2022/1909 u mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 833/2014, miżuri restrittivi ġodda, fosthom il-projbizzjoni li jingħataw servizzi ta’ konsulenza legali, ġew introdotti “b’reazzjoni għall-azzjonijiet illegali tar-Russja” biex tkompli “tintensifika l-pressjoni fuq ir-Russja biex ittemm il-gwerra ta’ aggressjoni tagħha” kif ukoll “bl-għan li żżid l-ispiża tal-azzjonijiet tar-Russja biex iddgħajjef l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal‑Ukraina u biex tippromwovi soluzzjoni paċifika għall-kriżi”. Madankollu, la minn din id-deċiżjoni u lanqas minn dan ir-regolament jew mir-Regolament 2022/1904 ma jirriżulta li l-konsegwenza li, bl‑istabbiliment ta’ din il-projbizzjoni, il-Kunsill, awtur ta’ dawn l-atti, kellu l-intenzjoni joħloq b’mod kienet li, wara l-imsemmija projbizzjoni, il‑persuni ġuridiċi stabbiliti fir-Russja jkunu jistgħu jsibu ruħhom, f’ċerti Stati Membri, fl‑impossibbiltà li jiddisponu mill‑proprjetajiet immobbli tagħhom. |
54 |
Sussegwentement, waqt is-seduta, il-Kunsill mhux biss ċaħad li kellu l‑intenzjoni li jimponi projbizzjoni għall-persuni ġuridiċi stabbiliti fir‑Russja li jittrasferixxu l-proprjetà immobbli tagħhom li tinsab fit‑territorju tal-Unjoni, iżda ppreċiża, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-għan wara l-projbizzjoni li jingħataw servizzi ta’ konsulenza legali prevista fl-Artikolu 5n(2) tar‑Regolament Nru 833/2014, kien li jirrendi iktar diffiċli għall-persuni ġuridiċi Russi li joperaw fit-territorju tal-Unjoni t‑tkomplija tal‑attivitajiet kummerċjali tagħhom f’dan it-territorju, u b’dan il-mod, li jkollhom impatt fuq l-ekonomija Russa. Issa, l‑awtentifikazzjoni notarili, bħal dik irregolata mid-dritt Ġermaniż, ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tappartjeni lil persuna ġuridika stabbilita fir‑Russja ma tistax titqies li tmur kontra dan il-għan. |
55 |
Fl-aħħar nett, peress li l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 5n(2) tar‑Regolament Nru 833/2014 għandha tinftiehem bħala li tfittex l‑għan imsemmi fil-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2022/1909 li tiġi prekluża l‑evażjoni tas-sanzjonijiet adottati dak iż-żmien, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet l-Avukata Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tagħha, li, sa fejn it-tranżazzjonijiet kummerċjali ma’ persuni ġuridiċi stabbiliti fir-Russja ma humiex suġġetti għal projbizzjoni ġenerali bis‑saħħa ta’ dan ir-regolament, ma jidhirx kif l-awtentifikazzjoni notarili, bħal dik irregolata mid-dritt Ġermaniż, ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tappartjeni lil persuna ġuridika stabbilita fir-Russja tista’, a priori u b’mod ġenerali, tikkontribwixxi sabiex jiġu evitati l-miżuri restrittivi adottati. |
56 |
Mill-elementi kollha preċedenti jirriżulta li ma jidhirx li l‑awtentifikazzjoni, minn nutar Ġermaniż, ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tinsab fil-Ġermanja li tappartjeni lil persuna ġuridika stabbilita fir-Russja taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑projbizzjoni li jingħataw servizzi ta’ konsulenza legali, prevista fl‑Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014. |
57 |
Fit-tieni lok, id-dubji tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk il-kompiti, previsti mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża, li n-nutar iwettaq biex jiżgura l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ awtentifikat ta’ proprjetà immobbli li tinsab fil-Ġermanja li tappartjeni lil persuna ġuridika stabbilita fir‑Russja, jaqgħux taħt din il-projbizzjoni. |
58 |
Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, dawn il-kompiti jikkonsistu b’mod partikolari fiż-żamma tal-fondi tal-bejgħ f’kont fiduċjarju u fit‑trasferiment tagħhom lill-bejjiegħ, fit-tneħħija tal-piżijiet fuq din il‑proprjetà immobbli u fit-traskrizzjoni fir-reġistru tal-artijiet tat‑trasferiment tal-proprjetà tiegħu. |
59 |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa għal kull waħda mill‑imsemmija kompiti, jekk dawn jimplikawx l-għoti, min-nutar, ta’ konsulenza legali lill-partijiet, fis-sens tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “servizzi ta’ konsulenza legali” mogħtija fil-punt 38 ta’ din is‑sentenza. |
60 |
F’dan ir-rigward u bla ħsara wkoll għall-evalwazzjoni finali tal‑qorti tar-rinviju, ma jidhirx li l-kompiti inkwistjoni jimplikaw l‑għoti, min-nutar, ta’ xi parir legali lill-partijiet fil-kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli. |
61 |
Fit-tielet u fl-aħħar lok, id-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw is‑servizzi ta’ traduzzjoni mogħtija minn interpretu waqt l‑awtentifikazzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tinsab fil-Ġermanja li jappartjeni lil persuna ġuridika stabbilita fir-Russja, sabiex jassisti lir-rappreżentant ta’ din il‑persuna ġuridika li ma jkollhiex l-għarfien tal-lingwa tal-proċedura ta’ awtentifikazzjoni. |
62 |
Peress li l-professjoni ta’ interpretu ma hijiex ta’ natura ġuridika, is‑servizzi ta’ traduzzjoni pprovduti minn interpretu waqt l‑awtentifikazzjoni ta’ att ma jistgħux jippreżentaw element ta’ “konsulenza legali”, kif mifhum skont is-sens normali tal‑kliem imsemmija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, anki meta l-għoti ta’ servizzi kkonċernata tikkonsisti fl-għoti ta’ assistenza lil professjonist legali li jaġixxi f’qasam ġuridiku. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill‑punt 56 ta’ din is-sentenza, ma jidhirx li l-awtentifikazzjoni, minn nutar Ġermaniż, ta’ att ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑projbizzjoni li jingħataw servizzi ta’ konsulenza legali, prevista fl-Artikolu 5n(2) tar‑Regolament Nru 833/2014. Minn dan isegwi li, billi jagħti servizzi ta’ traduzzjoni fil-kuntest tal-proċess ta’ awtentifikazzjoni notarili ta’ tali att, sabiex jassisti lir-rappreżentant ta’ tali persuna ġuridika li ma tkunx tifhem il-lingwa tal-proċedura ta’ awtentifikazzjoni, l-interpretu ma jagħtix “servizzi ta’ konsulenza legali”, fis-sens ta’ din id‑dispożizzjoni, lil din il-persuna ġuridika. Għaldaqstant, dawn l‑aħħar provvisti ma jaqgħux taħt il‑projbizzjoni prevista fl-imsemmija dispożizzjoni. |
63 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad‑domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 5n(2)(b) tar‑Regolament Nru 833/2014 għandha tiġi interpretata fis-sens li:
ma jaqgħu taħt il-projbizzjoni li jingħataw servizzi ta’ konsulenza legali lil tali persuna ġuridika, prevista f’din id-dispożizzjoni. |
Fuq l‑ispejjeż
64 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 5n(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina, kif emendat bir-Regolament tal‑Kunsill (UE) 2022/1904 tas‑6 ta’ Ottubru 2022 |
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
ma jaqgħu taħt il-projbizzjoni li jingħataw servizzi ta’ konsulenza legali lil tali persuna ġuridika, prevista f’din id-dispożizzjoni. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-kawża.