This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023CJ0048
Judgment of the Court (Fifth Chamber) of 6 March 2025.#Alajärven Sähkö Oy e.a. and Elenia Verkko Oyj v Energiavirasto.#Request for a preliminary ruling from the Markkinaoikeus.#Reference for a preliminary ruling – Internal market for electricity – Directive (EU) 2019/944 – Article 57(4) and (5) – Independence of national regulatory authority in the exercise of its duties and powers – Policy guidelines issued by a Member State – Legislative amendment aimed at reducing electricity distribution prices – Decision concerning methods for monitoring electricity system operation charges taken by the regulatory authority concerned following that amendment – Account taken of the travaux préparatoires relating to the law that introduced that amendment.#Case C-48/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-6 ta’ Marzu 2025.
Alajärven Sähkö Oy e.a. u Elenia Verkko Oyj vs Energiavirasto.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Markkinaoikeus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Direttiva (UE) 2019/944 – Artikolu 57(4) u (5) – Indipendenza tal-awtorità regolatorja nazzjonali fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet u tal-kompetenzi tagħha – Linji gwida maħruġa minn Stat Membru – Emenda leġiżlattiva intiża għat-tnaqqis tal-prezzijiet tad-distribuzzjoni tal-elettriku – Deċiżjoni dwar il-metodi ta’ kontroll tat-tariffi għall-użu tan-network tal-elettriku adottata mill-awtorità regolatorja kkonċernata wara din l-emenda – Teħid inkunsiderazzjoni tax-xogħlijiet preparatorji tal-liġi li wettqet l-imsemmija emenda.
Kawża C-48/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-6 ta’ Marzu 2025.
Alajärven Sähkö Oy e.a. u Elenia Verkko Oyj vs Energiavirasto.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Markkinaoikeus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Direttiva (UE) 2019/944 – Artikolu 57(4) u (5) – Indipendenza tal-awtorità regolatorja nazzjonali fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet u tal-kompetenzi tagħha – Linji gwida maħruġa minn Stat Membru – Emenda leġiżlattiva intiża għat-tnaqqis tal-prezzijiet tad-distribuzzjoni tal-elettriku – Deċiżjoni dwar il-metodi ta’ kontroll tat-tariffi għall-użu tan-network tal-elettriku adottata mill-awtorità regolatorja kkonċernata wara din l-emenda – Teħid inkunsiderazzjoni tax-xogħlijiet preparatorji tal-liġi li wettqet l-imsemmija emenda.
Kawża C-48/23.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2025:144
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
6 ta’ Marzu 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Direttiva (UE) 2019/944 – Artikolu 57(4) u (5) – Indipendenza tal-awtorità regolatorja nazzjonali fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet u tal-kompetenzi tagħha – Linji gwida maħruġa minn Stat Membru – Emenda leġiżlattiva intiża għat-tnaqqis tal-prezzijiet tad-distribuzzjoni tal-elettriku – Deċiżjoni dwar il-metodi ta’ kontroll tat-tariffi għall-użu tan-network tal-elettriku adottata mill-awtorità regolatorja kkonċernata wara din l-emenda – Teħid inkunsiderazzjoni tax-xogħlijiet preparatorji tal-liġi li wettqet l-imsemmija emenda”
Fil-Kawża C‑48/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Frar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Frar 2023, fil-proċedura
Alajärven Sähkö Oy et,
Elenia Verkko Oyj
vs
Energiavirasto,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn I. Jarukaitis (Relatur), President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, D. Gratsias u E. Regan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Alajärven Sähkö Oy et, minn E. Ruohoniemi, asianajaja, |
– |
għal Elenia Verkko Oyj, minn M. Alkio, asianajaja, |
– |
għall-Energiavirasto, minn J. Tervo, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Finlandiż, minn M. Pere, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Ċiprijott, minn E. Symeonidou, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Beynet, J. Ringborg u T. Scharf, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Settembru 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 57(4) u (5) tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU 2019, L 158, p. 125). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Alajärven Sähkö Oy et u Elenia Verkko Oyj, impriżi Finlandiżi, operaturi tan-network tal-elettriku, u, min-naħa l-oħra, l-Energiavirasto (l-Aġenzija tal-Enerġija, il-Finlandja), fir-rigward tal-annullament ta’ deċiżjonijiet ta’ din tal-aħħar, sa fejn dawn emendaw il-metodi ta’ kontroll tat-tariffi għall-użu tan-network tal-elettriku. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2009/72/KE
3 |
L-Artikolu 35 tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55), intitolat “Ħatra u indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji” kien jipprovdi, fil-paragrafi 4 u 5 tiegħu: “4. L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza tal-awtorità regolatorja u jiżguraw li din teżerċita is-setgħat tagħha b’mod imparzjali u trasparenti. Għal dan il-għan, Stat Membru għandu jiżgura li, meta twettaq il-kompiti regolatorji kkonferiti fuqha permezz ta’ din id-Direttiva u leġiżlazzjoni relatata, l-awtorità regolatorja:
5. Sabiex tkun protetta l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji, l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jiżguraw li:
Fir-rigward tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw skema ta’ rotazzjoni adegwata għall-bord jew għall-eżekuttiv għoli. Il-membri tal-bord jew, fin-nuqqas ta’ bord, il-membri tal-eżekuttiv għoli jistgħu biss jitneħħew mill-kariga matul il-mandat tagħhom jekk ma jibqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu jew jekk jinsabu ħatja ta’ mġiba ħażina skont il-liġi nazzjonali.” |
Id-Direttiva 2019/944
4 |
Skont il-premessi 80 u 87 tad-Direttiva 2019/944:
[…]
|
5 |
L-Artikolu 57 ta’ din id-direttiva, intitolat “Ħatra u indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji”, jipprovdi, fil-paragrafi 4 u 5 tiegħu: “4. L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza tal-awtorità regolatorja u jiżguraw li din teżerċita is-setgħat tagħha b’mod imparzjali u trasparenti. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta twettaq il-kompiti regolatorji kkonferiti fuqha permezz ta’ din id-Direttiva u l-leġislazzjoni relatata, l-awtorità regolatorja:
5. Sabiex tkun protetta l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji, l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jiżguraw li:
[…]” |
6 |
L-Artikolu 59 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dmirijiet u setgħat tal-awtoritajiet regolatorji”, jipprevedi, fil-paragrafu 1(a) u (m): “L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom id-dmirijiet li ġejjin:
[…]
|
Id-dritt Finlandiż
Il-Liġi ta’ Kontroll
7 |
Konformement mal-punt 1 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 tal-laki sähkö– ja maakaasumarkkinoiden valvonnasta (590/2013) (il-Liġi dwar il-Kontroll tas-Swieq tal-Elettriku u tal-Gass Naturali (590/2013), iktar ’il quddiem il-“Liġi ta’ Kontroll”), l-Aġenzija tal-Enerġija għandha, permezz ta’ deċiżjoni (deċiżjoni ta’ ffissar), tiddetermina b’mod vinkolanti, għall-operatur tan-network, l-operatur tan-network prinċipali responsabbli mis-sistema u l-operatur tan-network ta’ trażmissjoni responsabbli mis-sistema, il-metodi relatati mad-determinazzjoni, matul il-perijodu ta’ kontroll, tar-remunerazzjoni, għall-operat tan-network, li għandu jirċievi l-operatur tan-network u tat-tariffi miġbura għas-servizz ta’ trasport, u dan qabel l-introduzzjoni ta’ dawn il-metodi. |
8 |
It-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 ta’ din il-liġi jipprovdi li d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-metodi li għandhom jiġu applikati għall-iffissar tat-tariffi tista’ tirregola, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ evalwazzjoni tal-kapital allokat għall-operat tan-network jew għas-servizz, il-metodu ta’ determinazzjoni tar-remunerazzjoni aċċettabbli tal-kapital allokat għall-operat tan-network jew għas-servizz jew tar-remunerazzjoni aċċettabbli tas-servizz, il-metodu ta’ determinazzjoni tal-prestazzjoni tal-operat tan-network jew tas-servizz u l-aġġustament tal-kont tal-profitti u tal-bilanċ li dan jirrikjedi, l-għanijiet li jinkoraġġixxu l-operat effiċjenti tan-network, il-promozzjoni tal-integrazzjoni tas-swieq, it-tisħiħ tas-sigurtà tan-network u l-promozzjoni tal-attivitajiet ta’ riċerka relatati miegħu, l-iżvilupp tan-networks u l-provvista ta’ servizzi ta’ sistema li jippromwovu l-miżuri intiżi li jtejbu l-effiċjenza enerġetika tal-utenti tan-networks, u li din tista’ tirregola l-modalitajiet ta’ determinazzjoni ta’ dawn il-miri u l-metodi li permezz tagħhom l-imsemmija miri jiġu applikati fil-kuntest tal-iffissar tat-tariffi. |
9 |
Il-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-imsemmija liġi jipprevedi li l-Aġenzija tal-Enerġija tista’ temenda deċiżjoni ta’ ffissar billi tadotta deċiżjoni ġdida, fuq talba tad-destinatarju tad-deċiżjoni ta’ ffissar jew fuq inizjattiva tagħha stess. Deċiżjoni ta’ ffissar adottata għal perijodu ta’ żmien determinat tista’ tiġi emendata fuq l-inizjattiva tad-destinatarju tagħha jew tal-Aġenzija tal-Enerġija, u deċiżjoni ta’ ffissar adottata għal perijodu ta’ żmien indeterminat tista’ tiġi emendata fuq l-inizjattiva tal-Aġenzija tal-Enerġija jekk l-emenda tkun ibbażata fuq bdil ta’ leġiżlazzjoni. |
Il-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku
10 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tas-sähkömarkkinalaki (588/2013) (il-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku (588/2013), iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku”), operatur ta’ network tal-elettriku għandu, sabiex jiżgura provvista ta’ elettriku ta’ kwalità suffiċjenti lill-utenti tan-network tiegħu, imantni, jopera u jiżviluppa dan in-network u l-konnessjonijiet ma’ networks oħra konformement mar-rekwiżiti ffissati għall-operat tan-networks tal-elettriku u mal-bżonnijiet raġonevoli tal-utenti tal-imsemmi network. |
11 |
Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 19 ta’ din il-liġi, li daħal fis-seħħ wara l-emenda tagħha bil-laki sähkömarkkinalain muuttamisesta (730/2021) (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku (730/2021) (iktar ’il quddiem il-“Liġi 730/2021”)), in-network tal-elettriku għandu jkun ikkonċepit, mibni u mantnut b’mod li, b’mod partikolari, jissodisfa r-rekwiżiti ta’ kwalità relatati mal-operat ta’ network tal-elettriku, li l-kwalità teknika tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-elettriku tkun barra minn hekk tajba u li l-operatur tan-network ikun f’pożizzjoni li jipprovdi servizzi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni lill-utenti tan-network tiegħu b’mod vijabbli. |
12 |
L-Artikolu 51 tal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku jinkludi dispożizzjonijiet iktar iddettaljati dwar ir-rekwiżiti ta’ kwalità relatati mal-operat tan-network ta’ distribuzzjoni. |
13 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 ta’ din il-liġi, kif emendata bil-Liġi 730/2021, jipprevedi li l-iżvilupp tan-network ta’ distribuzzjoni tal-elettriku għandu jkun ibbażat fuq pjan ta’ żvilupp trasparenti, li għandu jinkludi, b’mod partikolari:
|
14 |
L-Artikolu 119 tal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku, kif emendata bil-Liġi 730/2021, jinkludi dispożizzjoni tranżitorja dwar is-sigurtà tal-operat tan-network ta’ distribuzzjoni. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
15 |
Permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑30 ta’ Novembru 2015, l-Aġenzija tal-Enerġija stabbilixxiet, għall-perijodi ta’ kontroll inklużi rispettivament bejn l‑1 ta’ Jannar 2016 u l‑31 ta’ Diċembru 2019 kif ukoll bejn l‑1 ta’ Jannar 2020 u l‑31 ta’ Diċembru 2023, metodi ta’ kontroll relatati mad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni dovuta lill-operatur tan-network, għall-operat ta’ network, u tat-tariffi miġbura għas-servizz ta’ trasport. |
16 |
Permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑15 ta’ Diċembru 2021 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”), din l-aġenzija emendat id-deċiżjonijiet tagħha tat‑30 ta’ Novembru 2015. B’mod partikolari, hija rrevediet, għall-perijodu inkluż bejn l‑1 ta’ Jannar 2022 u l‑31 ta’ Diċembru 2023, dawn il-metodi ta’ kontroll. Barra minn hekk, fid-deċiżjonijiet kontenzjużi, hija indikat li kienet wettqet din l-emenda fuq inizjattiva tagħha stess wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi 730/2021. |
17 |
Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fis‑17 u fid‑19 ta’ Jannar 2022 quddiem il-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi, il-Finlandja), li hija l-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jitolbu, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi sa fejn dawn emendaw l-imsemmija metodi ta’ kontroll billi aġġornaw il-prezzijiet unitarji użati fil-kalkolu tal-bażi ta’ remunerazzjoni u billi neħħew il-metodu fakultattiv użat għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-rata tal-interessi mingħajr riskju. Dawn ir-rikorrenti jsostnu, b’mod partikolari, li l-Aġenzija tal-Enerġija ma adottatx dawn id-deċiżjonijiet b’mod indipendenti, fil-kapaċità tagħha ta’ awtorità regolatorja indipendenti, konformement mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 57 tad-Direttiva 2019/944. |
18 |
L-Aġenzija għall-Enerġija titlob lill-qorti tar-rinviju tiċħad dawn ir-rikorsi. Hija ssostni, quddiem din il-qorti, li l-bidla fil-metodi ta’ kontroll relatati mad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-operatur tan-network u tat-tariffi miġbura għas-servizz ta’ trażmissjoni tidħol fil-qafas tal-emendi magħmula għal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku u għal-Liġi ta’ Kontroll. Hija ssostni li l-leġiżlatur nazzjonali madankollu qies li dawn l-emendi huma konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni dwar l-indipendenza tal-awtorità regolatorja nazzjonali u li dawn sempliċement kienu jistabbilixxu linji gwida ġenerali. |
19 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li hija ser ikollha tiddeċiedi, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-kwistjoni dwar jekk l-Aġenzija tal-Enerġija setgħetx, permezz tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, temenda, waqt perijodu ta’ kontroll, dawn il-metodi ta’ kontroll. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, hija ser ikollha tiddetermina jekk l-emendi tal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku bil-Liġi 730/2021 jippreġudikawx l-indipendenza tal-awtorità regolatorja nazzjonali prevista mid-Direttiva 2019/944 fir-rigward tal-iffissar tat-tariffi tan-network u ta’ funzjonijiet oħra ta’ regolamentazzjoni li jaqgħu fuq din l-awtorità. Għal dan l-għan, huwa neċessarju li jiġu interpretati l-Artikolu 57(4) u (5) u l-Artikolu 59 ta’ din id-direttiva. |
20 |
L-Aġenzija tal-Enerġija ġġustifikat id-deċiżjonijiet kontenzjużi essenzjalment bix-xogħol preparatorju tal-Liġi 730/2021. F’dawn id-deċiżjonijiet huwa indikat, b’mod partikolari, li, wara l-emendi tal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku magħmula mil-Liġi 730/2021, li daħlu fis-seħħ fl‑1 ta’ Awwissu 2021, din l-aġenzija bdiet tipprepara bidla fl-imsemmija metodi ta’ kontroll sabiex tagħmilhom konformi mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni. L-għan prinċipali ta’ dawn l-emendi huwa li l-imsemmija aġenzija tingħata għodod ġodda li jippermettulha tinfluwenza l-iżvilupp tal-prezzijiet tat-trażmissjoni mingħajr ma jiġi kompromess l-iżvilupp ta’ networks tal-elettriku intelliġenti u filwaqt li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista. |
21 |
L-abbozz ta’ liġi li jipprevedi l-imsemmija emendi, imfassal mill-Gvern Finlandiż (iktar ’il quddiem l-“abbozz ta’ liġi”), jesponi li l-għan tagħhom huwa li titrażżan iż-żieda fil-prezzijiet ta’ distribuzzjoni tal-elettriku permezz ta’ miżuri intiżi li jnaqqsu l-livell tal-ispejjeż tal-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni u li titnaqqas iż-żieda fil-livell ta’ dawn l-ispejjeż. Dan l-abbozz ikkonċerna emendi tal-metodi ta’ kontroll li l-Aġenzija tal-Enerġija implimentat wara d-dħul fis-seħħ tal-emendi tal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku permezz tal-Liġi 730/2021. Fl-imsemmi abbozz, ġie espost li r-reviżjoni tal-metodi ta’ kalkolu ma hijiex suġġetta għall-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni li tirrigwarda direttament il-kontenut ta’ dawn il-metodi ta’ kalkolu. Barra minn hekk, fiha ġie spjegat li din l-aġenzija indikat, f’rapport qafas imfassal matul ix-xogħlijiet preparatorji tal-istess abbozz, li, minħabba l-emendi proposti tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-operaturi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni, hija għandha diġà temenda, għall-perijodu ta’ kontroll attwali, id-deċiżjonijiet tagħha ta’ ffissar fis-seħħ relatati mal-metodi ta’ kalkolu tat-tariffi ta’ dawn l-operaturi. |
22 |
Skont l-evalwazzjoni tal-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Impjieg esposta fl-abbozz ta’ liġi inkwistjoni, il-bidliet ta’ dawn il-metodi ta’ kalkolu għandhom effett sinjifikattiv fuq ir-remunerazzjonijiet tal-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni u tal-proprjetarji tagħhom. |
23 |
Barra minn hekk, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi tal-Parlament Finlandiż indika, f’rapport ippreżentat fil-kuntest tad-dibattiti parlamentari dwar dan l-abbozz ta’ liġi, li kellu jsir intervent fuq ir-remunerazzjonijiet eċċessivi tal-operaturi ta’ networks li kienu saru possibbli permezz tal-metodi ta’ kalkolu eżistenti. Skont dan ir-rapport, fil-kuntest tal-mudell ta’ kontroll fis-seħħ fi żmien il-fatti inkwistjoni, il-valur tan-network ġie ddeterminat fuq il-bażi tal-prezzijiet unitarji għal kull komponent stabbiliti mill-Aġenzija tal-Enerġija għal perijodu ta’ tmien snin, mis-sena 2016 sas-sena 2023, fejn dawn il-prezzijiet ma jirriflettux iktar il-livell tal-ispejjeż reali. Skont l-imsemmi rapport, l-emendi tal-liġi huma speċifikament intiżi sabiex jippermettu bidla fil-mudell ta’ kontroll matul il-perijodu ta’ kontroll attwali. |
24 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li mis-sentenzi tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Prezident Slovenskej republiky (C‑378/19, EU:C:2020:462), u tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Traspożizzjoni tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73) (C‑718/18, EU:C:2021:662), jirriżulta li la l-metodi ta’ kalkolu tat-tariffi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni tal-elettriku b’mod ġenerali, u lanqas id-diversi kwistjonijiet essenzjali relatati magħhom ma jistgħu jiġu ffissati, mid-dritt nazzjonali, b’mod vinkolanti għall-awtorità regolatorja nazzjonali. Għandu jingħad ukoll li, skont din il-ġurisprudenza, it-tmexxija tal-proċess deċiżjonali tal-awtorità regolatorja nazzjonali minn rappreżentanti ta’ ministeru fir-rigward tal-funzjonijiet u tal-kompetenzi regolatorji essenzjali ta’ din l-awtorità tikkostitwixxi preġudizzju għall-indipendenza tagħha. |
25 |
Id-Direttiva 2019/944 ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jiddefinixxu u jimplimentaw il-politiki tagħhom dwar l-enerġija. Madankollu, il-linji gwida dwar il-politika ġenerali tal-enerġija fformulati mill-Istati Membri ma għandhomx ikunu ta’ restrizzjoni fuq l-indipendenza jew l-awtonomija tal-awtoritajiet regolatorji u lanqas ma għandhom jinterferixxu mal-funzjonijiet u mal-kompetenzi regolatorji essenzjali tagħhom. |
26 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva, barra minn hekk, li l-emendi għal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku permezz tal-Liġi 730/2021 ma kinux jikkonċernaw, bħala tali, il-metodi ta’ kontroll tal-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni applikati mill-Aġenzija tal-Enerġija sabiex tiġi ddeterminata r-remunerazzjoni raġonevoli tagħhom. Barra minn hekk, dawn l-emendi la biddlu direttament il-prezzijiet unitarji użati għall-finijiet tal-kalkolu tal-bażi ta’ din ir-remunerazzjoni u lanqas ir-rata ta’ interessi mingħajr riskju użata sabiex jiġi ddeterminat il-livell raġonevoli tal-imsemmija remunerazzjoni. Fil-fatt, l-għan tal-imsemmija emendi, kif jirriżulta mix-xogħlijiet preparatorji tagħhom, kien li jitnaqqsu l-prezzijiet tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Għal dan l-għan, l-awtorità regolatorja ngħatat mezzi u ġustifikazzjonijiet sabiex temenda l-metodi ta’ kalkolu sa min-nofs il-perijodu ta’ kontroll, fejn l-emendi ta’ dawn il-metodi u l-effetti tagħhom ġew evalwati bil-quddiem. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jidhru li kellhom inċidenza diretta fuq l-adozzjoni, mill-Aġenzija tal-Enerġija, tad-deċiżjonijiet kontenzjużi. |
27 |
Din il-qorti tqis li interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija neċessarja sabiex tiġi solvuta t-tilwima li għandha quddiemha dwar il-punt jekk l-għan, imfittex minn leġiżlazzjoni nazzjonali, li jikkonsisti f’li titrażżan iż-żieda fil-prezzijiet ta’ distribuzzjoni tal-elettriku u li jitnaqqsu l-ispejjeż relatati ma’ din id-distribuzzjoni, sabiex tiżdied l-effiċjenza fil-qasam tal-ispejjeż tal-impriżi tan-network, jistax jitqies li ma jaffettwax il-funzjonijiet u l-kompetenzi regolatorji tal-awtorità regolatorja nazzjonali, jew jekk għandux jitqies li dawn il-funzjonijiet jistgħu jiġu affettwati minn linji gwida ġenerali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. L-imsemmija qorti tistaqsi wkoll liema huma l-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni. F’dan il-kuntest, l-istess qorti tistaqsi, barra minn hekk, dwar it-tifsira li għandha tingħata f’dan ir-rigward lill-fatt li l-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jinsabu fix-xogħlijiet preparatorji ta’ liġi, fid-dawl, b’mod partikolari, tas-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Björnekulla Fruktindustrier (C‑371/02, EU:C:2004:275), kif ukoll dwar il-kwistjoni jekk dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħux jiġu kkunsidrati bħala “linji gwida ġenerali”, fis-sens tal-Artikolu 57 tad-Direttiva 2019/944. |
28 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
29 |
Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2019/944, moqri flimkien mal-Artikolu 59 tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li l-għan tagħha, kif jirriżulta mix-xogħlijiet preparatorji tagħha, jikkonsisti, b’mod partikolari, fl-eżerċizzju ta’ influwenza fuq il-prezzijiet ta’ distribuzzjoni tal-elettriku, mingħajr madankollu ma jkun fiha dispożizzjonijiet li jirregolaw speċifikament it-tariffi ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni tal-elettriku jew il-metodi ta’ kalkolu tagħhom, iżda li d-dħul fis-seħħ tagħha kellu l-effett li l-awtorità regolatorja nazzjonali tkun biddlet il-metodi ta’ kontroll tat-tariffi għall-użu tan-network tal-elettriku qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ kontroll li kien hemm fid-data ta’ dan id-dħul fis-seħħ. |
30 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 57(4) ta’ din id-direttiva jipprovdi, essenzjalment, li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza tal-awtorità regolatorja billi jiżguraw, għal dan il-għan, li, fl-eżekuzzjoni tal-kompiti regolatorji fdati lilha mill-imsemmija direttiva u mil-leġiżlazzjoni relatata, din l-awtorità tkun legalment distinta u funzjonalment indipendenti minn kwalunkwe entità pubblika jew privata oħra u li l-imsemmija awtorità tiżgura li l-persunal tagħha kif ukoll il-persuni responsabbli mill-ġestjoni tagħha jaġixxu b’mod indipendenti minn kwalunkwe interess kummerċjali u ma jitolbu jew jaċċettaw struzzjonijiet diretti minn ebda gvern jew entità pubblika jew privata oħra fl-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kompiti. Madankollu, skont dan l-Artikolu 57(4)(b)(ii), dan l-aħħar rekwiżit huwa bla ħsara għal konsultazzjoni mill-qrib, jekk ikun il-każ, mal-awtoritajiet nazzjonali l-oħra jew ma’ linji gwida ġenerali stabbiliti mill-Gvern li ma jikkonċernawx il-funzjonijiet u l-kompetenzi regolatorji previsti fl-Artikolu 59 tad-Direttiva 2019/944, li jinkludu, konformement mal-paragrafu 1(a) ta’ dan l-aħħar artikolu, il-funzjoni li jiffissaw jew japprovaw it-tariffi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni tal-elettriku jew il-metodi ta’ kalkolu tagħhom. |
31 |
Barra minn hekk, l-imsemmi Artikolu 57 jipprevedi, fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5 tiegħu, li, sabiex tiġi protetta l-indipendenza tal-awtorità regolatorja, l-Istati Membri għandhom jiżguraw b’mod partikolari li din l-awtorità tkun tista’ tieħu deċiżjonijiet b’mod awtonomu, indipendentement minn kwalunkwe korp politiku. |
32 |
Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 57 tad-Direttiva 2019/944 jirriflettu, essenzjalment, il-kontenut tal-premessi 80 u 87 ta’ din id-direttiva, li skonthom, sabiex jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-elettriku, huwa neċessarju, minn naħa, li l-awtoritajiet regolatorji jkunu f’pożizzjoni li jieħdu deċiżjonijiet dwar l-aspetti regolatorji kollha rilevanti u li jkunu totalment indipendenti minn kull interess pubbliku jew privat ieħor u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija direttiva ma ċċaħħadx lill-Istati Membri mill-possibbiltà li jistabbilixxu u jippubblikaw il-politika nazzjonali tagħhom dwar l-enerġija. |
33 |
B’mod partikolari, f’dan ir-rigward, din il-premessa 87 tiddikjara li, skont l-arranġamenti kostituzzjonali ta’ Stat Membru, jista’ jkun fi ħdan il-kompetenza tal-Istat Membru li jiddetermina l-qafas ta’ politika li fih iridu joperaw l-awtoritajiet regolatorji, pereżempju fejn jikkonċerna s-sigurtà tal-provvista. Madankollu, il-linji gwida ġenerali dwar il-politika tal-enerġija maħruġa mill-Istat Membru ma għandhomx jeħtieġ jostakolaw l-indipendenza jew l-awtonomija ta’ din l-awtorità. |
34 |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-kunċett ta’ “indipendenza”, għandu jiġi osservat li dan ma huwiex iddefinit mid-Direttiva 2019/944. Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2009/72, li l-Artikolu 35(4) u (5) tagħha huwa, essenzjalment, identiku għall-Artikolu 57(4) u (5) tad-Direttiva 2019/944, jirriżulta li dan il-kunċett jindika, fis-sens abitwali tiegħu, fir-rigward tal-korpi pubbliċi, statut li jiżgura lill-korp ikkonċernat il-possibbiltà li jaġixxi fil-libertà kollha fil-konfront tal-organi li fir-rigward tagħhom għandha tiġi żgurata l-indipendenza ta’ dan il-korp, protett minn kull struzzjoni u minn kull influwenza esterna. Din l-indipendenza deċiżjonali timplika li, fil-kuntest tal-funzjonijiet u tal-kompetenzi tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, dawn għandhom jadottaw id-deċiżjonijiet tagħhom b’mod awtonomu, fuq is-sempliċi bażi tal-interess pubbliku, sabiex jiżguraw l-osservanza tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2009/72, mingħajr ma jkunu suġġetti għal istruzzjonijiet esterni li joriġinaw minn korpi pubbliċi jew privati oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Prezident Slovenskej republiky,C‑378/19, EU:C:2020:462, punti 32, 33 u 54, kif ukoll tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Traspożizzjoni tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73), C‑718/18, EU:C:2021:662, punti 108 u 109). |
35 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-indipendenza sħiħa tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fil-konfront tal-entitajiet ekonomiċi u tal-entitajiet pubbliċi, irrispettivament minn jekk ikunux korpi amministrattivi jew korpi politiċi u, f’dan l-aħħar każ, jekk ikollhomx setgħa eżekuttiva jew setgħa leġiżlattiva, hija neċessarja sabiex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet meħuda minn dawn l-awtoritajiet ikunu imparzjali u nondiskriminatorji, filwaqt li tiġi eskluża l-possibbiltà ta’ trattament ipprivileġġat tal-impriżi u tal-interessi ekonomiċi marbuta mal-gvern, mal-maġġoranza jew, fi kwalunkwe każ, mas-setgħa politika kif ukoll sabiex l-imsemmija awtoritajiet ikunu jistgħu jinkludu l-azzjoni tagħhom f’perspettiva ta’ pjan fit-tul, neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 2009/72. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandha tiġi ggarantita mhux biss fir-rigward tal-Gvern iżda wkoll fir-rigward tal-leġiżlatur nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il-Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Traspożizzjoni tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73), C‑718/18, EU:C:2021:662, punti 112 u 130). |
36 |
Ulterjorment, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rappreżentanti tal-ministeri nazzjonali ma jistgħux jużaw il-parteċipazzjoni tagħhom fi proċeduri dwar l-iffissar tal-prezzijiet sabiex jeżerċitaw kwalunkwe pressjoni fuq l-awtorità regolatorja jew sabiex jagħtuha struzzjonijiet li jistgħu jorjentaw id-deċiżjonijiet tagħha fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet u tal-kompetenzi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Prezident Slovenskej republiky,C‑378/19, EU:C:2020:462, punt 62). |
37 |
It-tieni nett, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kompetenzi rriżervati għall-awtorità regolatorja jaqgħu fil-qasam tal-eżekuzzjoni, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni teknika speċjalizzata tar-realtà, u, fl-eżerċizzju ta’ dawn il-kompetenzi, din l-awtorità hija suġġetta għal prinċipji u għal regoli stabbiliti minn qafas regolatorju ddettaljat fil-livell tal-Unjoni, li jillimitaw il-marġni ta’ evalwazzjoni tagħha u jipprekluduha milli tagħmel għażliet ta’ natura politika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Traspożizzjoni tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73), C‑718/18, EU:C:2021:662, punt 132). |
38 |
Fil-fatt, minkejja li, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 59(1)(m) tad-Direttiva 2019/944, huwa minnu li huma l-awtoritajiet regolatorji li għandhom jiżguraw l-osservanza tar-regoli dwar is-sigurtà u l-affidabbiltà tan-network kif ukoll li għandhom jevalwaw il-prestazzjonijiet tagħhom fil-passat, minn din il-formulazzjoni ma jirriżultax li l-istabbiliment ta’ dawn ir-regoli jaqa’ taħt il-kompetenzi tagħhom. |
39 |
F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-premessa 87 ta’ din id-direttiva u kif jipprevedi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE, l-Istati Membri għandhom id-dritt jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għall-użu tar-riżorsi tal-enerġija tagħhom. L-imsemmija direttiva għalhekk ma ċċaħħadx lill-Istati Membri mill-possibbiltà li jistabbilixxu u jippubblikaw il-politika tal-enerġija nazzjonali tagħhom kif ukoll li jiddeterminaw il-qafas ta’ azzjoni tal-awtoritajiet regolatorji, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda s-sigurtà tal-provvista. Għaldaqstant, l-Istati Membri huma liberi li jadottaw il-leġiżlazzjoni tagħhom stess dwar is-suq nazzjonali tal-elettriku, ħlief fir-rigward tal-funzjonijiet u tal-kompetenzi tal-awtoritajiet regolatorji previsti mill-istess direttiva. |
40 |
Minn din il-perspettiva, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 52 u 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-eżerċizzju, minn Stat Membru, tal-kompetenzi tiegħu fir-rigward tal-istabbiliment tal-politika tal-enerġija tiegħu jista’ jkollu riperkussjonijiet fuq l-ispejjeż ta’ operat tan-network tal-elettriku. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li Stat Membru, permezz tal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni, jipprova jbaxxi l-prezzijiet tad-distribuzzjoni tal-elettriku ma huwiex, bħala tali, inkompatibbli mal-Artikolu 57(4) u (5) tad-Direttiva 2019/944. |
41 |
Madankollu, ma jistgħux jiġu aċċettati, fid-dawl tal-Artikolu 57(4) u (5) tad-Direttiva 2019/944, miżuri regolatorji nazzjonali li jinkludu dispożizzjonijiet iddettaljati li jistabbilixxu, b’mod speċifiku, l-elementi li huma fid-diskrezzjoni tal-awtorità regolatorja, bħalma huma l-livell tat-tariffi tan-network tal-elettriku jew il-metodi konkreti tal-kalkolu tagħhom. |
42 |
F’dan ir-rigward, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà ta’ miżura regolatorja nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mal-prinċipju ta’ indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji, jekk l-emenda tal-metodi għall-iffissar tat-tariffi tan-network tal-elettriku mill-awtorità regolatorja nazzjonali hijiex il-konsegwenza ta’ liġi li tirrigwarda esklużivament aspett li ma huwiex marbut ma’ funzjoni ta’ din l-awtorità, fis-sens tal-Artikolu 59 tad-Direttiva 2019/944, bħas-sigurtà tal-provvista. |
43 |
Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat li l-kunsiderazzjonijiet ifformulati waqt il-proċess ta’ adozzjoni ta’ liġi mill-gvern ta’ Stat Membru, b’mod partikolari dawk dwar l-impatt possibbli ta’ din il-liġi dwar l-iffissar tat-tariffi tan-network tal-elettriku kkonċernat, li jinsabu fix-xogħlijiet preparatorji tal-imsemmija liġi, ma humiex ta’ natura vinkolanti u li f’ebda każ ma jistgħu jitqiesu, mill-awtorità regolatorja, li huma struzzjonijiet li magħhom hija għandha tikkonforma ruħha fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet u tal-kompetenzi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Prezident Slovenskej republiky,C‑378/19, EU:C:2020:462, punt 63). |
44 |
Barra minn hekk, il-fatt li l-leġiżlatur nazzjonali emenda, qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ kontroll li kien hemm fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-istess liġi, ir-rekwiżiti dwar is-sigurtà ta’ provvista stabbiliti minn dan il-gvern u li, konsegwentement, dawn it-tariffi ġew emendati mill-awtorità regolatorja, ma jqegħidx inkwistjoni, bħala tali, in-natura indipendenti tal-eżerċizzju, minn din tal-aħħar, tal-kompetenzi tagħha. |
45 |
F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, sabiex ittejjeb is-sigurtà tas-sistemi ta’ distribuzzjoni tal-elettriku, b’mod partikolari fid-dawl tal-kundizzjonijiet meteoroloġiċi estremi li kkawżaw ostakoli sinjifikattivi fil-provvista tal-elettriku fil-Finlandja, il-leġiżlatur nazzjonali adotta l-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku, li tistabbilixxi għall-operaturi ta’ dawn is-sistemi miri intiżi li jtejbu s-sigurtà tal-provvista. Skont il-Gvern Finlandiż, din il-liġi kienet ipprevediet, għal dan l-għan, b’mod partikolari, obbligu, għal dawn l-operaturi, li jissodisfaw, fi stadji u sa tmiem is-sena 2028, fiż-żoni ta’ responsabbiltà rispettivi tagħhom, ir-rekwiżiti dwar il-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tal-imsemmija sistemi. Madankollu, l-emendi ta’ din il-liġi permezz tal-Liġi 730/2021 ġew adottati sabiex, kif jindika dan il-gvern, jiġi estiż il-perijodu ta’ implimentazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti sabiex jiġu limitati, skont ix-xogħlijiet preparatorji ta’ din il-Liġi 730/2021, iż-żidiet fil-prezzijiet tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Il-Qorti tar-rinviju tosserva, f’dan ir-rigward, li dawn l-emendi ma kinux jikkonċernaw, bħala tali, il-metodi ta’ kontroll tar-rati ta’ remunerazzjoni tal-operaturi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni applikati mill-Aġenzija tal-Enerġija. |
46 |
Fil-kuntest tal-proċess leġiżlattiv inkwistjoni fil-kawża prinċipali u b’għan ta’ prevedibbiltà tiegħu, l-Aġenzija tal-Enerġija ppreżentat rapport qafas dwar il-metodi ta’ kontroll tal-iffissar tat-tariffi għall-użu tan-network tal-elettriku, li għandu valur ta’ opinjoni ta’ espert indipendenti dwar l-effett potenzjali tal-imsemmija bidliet fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista fuq dawn it-tariffi. Barra minn hekk, fid-dawl tal-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u kif issostni din l-aġenzija, jidher, bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju, li, fid-deċiżjonijiet kontenzjużi, l-imsemmija aġenzija ħadet konjizzjoni, fuq inizjattiva tagħha stess, tal-kwistjoni ta’ dawn il-metodi ta’ kontroll wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi 730/2021, konformement mal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Liġi ta’ Kontroll, li jħalli espliċitament lill-imsemmija aġenzija s-setgħa li tevalwa n-neċessità u l-bażi tal-emendi tal-imsemmija metodi. |
47 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 57(4) u l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(5) tad-Direttiva 2019/944, moqri flimkien mal-Artikolu 59 tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li l-għan tagħha, kif jirriżulta mix-xogħlijiet preparatorji tagħha, jikkonsisti, b’mod partikolari, fl-eżerċizzju ta’ influwenza fuq il-prezzijiet ta’ distribuzzjoni tal-elettriku, mingħajr madankollu ma jkun fiha dispożizzjonijiet li jirregolaw speċifikament it-tariffi ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni tal-elettriku jew il-metodi ta’ kalkolu tagħhom, iżda li d-dħul fis-seħħ tagħha kellu l-effett li l-awtorità regolatorja nazzjonali biddlet il-metodi ta’ kontroll tat-tariffi għall-operat tan-network tal-elettriku qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ kontroll li kien hemm fid-data ta’ dan id-dħul fis-seħħ. |
Fuq l-ispejjeż
48 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 57(4) u l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(5) tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE, moqri flimkien mal-Artikolu 59 tagħha, |
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li l-għan tagħha, kif jirriżulta mix-xogħlijiet preparatorji tagħha, jikkonsisti, b’mod partikolari, fl-eżerċizzju ta’ influwenza fuq il-prezzijiet ta’ distribuzzjoni tal-elettriku, mingħajr madankollu ma jkun fiha dispożizzjonijiet li jirregolaw speċifikament it-tariffi ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni tal-elettriku jew il-metodi ta’ kalkolu tagħhom, iżda li d-dħul fis-seħħ tagħha kellu l-effett li l-awtorità regolatorja nazzjonali biddlet il-metodi ta’ kontroll tat-tariffi għall-operat tan-network tal-elettriku qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ kontroll li kien hemm fid-data ta’ dan id-dħul fis-seħħ. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.