Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CC0790

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati fit-30 ta’ April 2025.


ECLI identifier: ECLI:EU:C:2025:311

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

DE LA TOUR

ippreżentati fit-30 ta’ April 2025 (1)

Kawża  C790/23 [Qassioun] (i)

X

vs

Maahanmuuttovirasto

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Korkein Hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja))

“ Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal ażil – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Il-kriterji u l-mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Artikolu 18 – Obbligazzjonijiet tal-Istat Membru responsabbli – Obbligi ta’ teħid lura ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali li l-‘applikazzjoni tiegħu ġiet miċħuda’ – Applikazzjoni ppreżentata fi Stat Membru li huwa suġġett għar-Regolament Nru 604/2013 iżda li ma huwiex marbut bid-Direttivi 2011/95/UE u 2013/32/UE – Ċittadin ta’ pajjiż terz li fir-rigward tiegħu r-Renju tad-Danimarka rtira l-protezzjoni temporanja mogħtija skont id-dritt nazzjonali – Kunċett ta’ ‘applikazzjoni (għall-protezzjoni internazzjonali li) miċħuda’”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħti mill-ġdid lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiddeċiedi dwar il-portata tal-konsegwenzi marbuta mal-parteċipazzjoni differenzjata tar-Renju tad-Danimarka fir-regoli li jiffurmaw is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (SEKA) (2).

2.        Fil-fatt, dan l-Istat Membru jgawdi, fir-rigward tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, li jkopri, b’mod partikolari, il-politiki dwar il-kontrolli tal-fruntieri, l-ażil u l-immigrazzjoni, minn status speċjali, bis-saħħa tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE, li jiddistingwiha mill-Istati Membri l-oħra. Għalkemm, taħt ftehim internazzjonali mal-Unjoni Ewropea (3), dan l-Istat Membru impenja ruħu li japplika r-Regolament (UE) Nru 604/2013 (4), mhuwiex marbut bid-Direttivi 2011/95/UE (5) u 2013/32/UE (6) assoċjati miegħu. Id-deċiżjonijiet meħuda mill-imsemmi Stat Membru fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali mressqa quddiemu skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt intern tiegħu huma għalhekk adottati fid-dawl ta’ kundizzjonijiet materjali u skont arranġamenti proċedurali speċifiċi għalih.

3.        It-talba għal deċiżjoni preliminari saret fil-kuntest ta’ kawża bejn ċittadina Sirjana u l-Maahanmuuttovirasto (l-Uffiċċju Nazzjonali għall-Immigrazzjoni, il-Finlandja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju Finlandiż tal-Immigrazzjoni”), li miegħu hija kienet ressqet applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali wara li kienet għadha kemm ġiet irtirata l-protezzjoni temporanja mogħtija lilha mir-Renju tad-Danimarka. L-Uffiċċju Finlandiż tal-Immigrazzjoni ċaħad l-applikazzjoni tagħha bħala inammissibbli għar-raġuni li r-Renju tad-Danimarka kien l-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina l-applikazzjoni tagħha, peress li barra minn hekk dan tal-aħħar qabel li jeħodha lura abbażi tal-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Dublin III. Il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), li hija l-qorti tar-rinviju, tikkontesta l-bażi legali li fuqha huwa bbażat dan it-teħid lura għar-raġuni li din id-dispożizzjoni tapplika għal ċittadin ta’ pajjiż terz “li l-applikazzjoni tiegħu tkun ġiet miċħuda u li jkun għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor”, li ma tikkorrispondix mas-sitwazzjoni tiegħu.

4.        Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi li Stat Membru li lilu persuna tkun ressqet talba ġdida għal protezzjoni internazzjonali jista’ jitlob lir-Renju tad-Danimarka jieħu lura l-persuna kkonċernata jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Dublin III (7). F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddetermina jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex effettivament issodisfatti f’sitwazzjoni fejn ir-Renju tad-Danimarka ma ċaħadx l-applikazzjoni preċedenti għall-protezzjoni internazzjonali tal-applikant fis-sens strett tal-kunċett, iżda rtira l-protezzjoni temporanja li huwa kien taha qabel skont id-dritt nazzjonali tiegħu.

5.        Għar-raġunijiet li issa ser nispjega, jiena tal-fehma li r-Renju tad-Danimarka ma jistax jitqies bħala l-Istat Membru responsabbli għall-obbligu ta’ teħid lura previst fl-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Dublin III. Huwa minnu, li l-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-regolament fir-rigward tar-Renju tad-Danimarka jimmilita favur interpretazzjoni wiesgħa tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, fil-fehma tiegħi, kif ser nispjega, din l-interpretazzjoni tmur kontra t-tifsira u l-portata tar-regoli u l-kunċetti li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea armonizza fid-Direttivi 2011/95 u 2013/32, li fuqhom huma bbażati r-Regolament Dublin III u, b’mod iktar wiesa’, is-SEKA.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u d-Danimarka

6.        Skont il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u d-Danimarka, li ġie approvat mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni 2006/188/KE (8), l-Unjoni u r-Renju tad-Danimarka qablu li jestendu “skont il-liġi internazzjonali”, l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 343/2003 (9) għar-relazzjonijiet bejniethom. Sussegwentement, skont l-Artikolu 3(2) ta’ dan il-ftehim, dan l-Istat Membru nnotifika lill-Kummissjoni Ewropea bid-deċiżjoni tiegħu li japplika l-“emenda” ta’ dan ir-regolament, ir-Regolament Dublin III.

7.        Il-ħdax-il paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u d-Danimarka jipprovdi li “il-Qorti tal-Ġustizzja (tal-Unjoni Ewropea) għandu jkollha ġurisdizzjoni sabiex tassigura l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni uniformi ta’ dan il-Ftehim inklużi d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti u kull miżura ta’ implimentazzjoni tal-Komunità li jiffurmaw parti minn dan il-Ftehim”.

8.        L-ewwel Artikolu ta’ dan il-ftehim, intitolat “Skop” jipprevedi:

“1.      L-iskop ta’ dan il-Ftehim hu li japplika d-dispożizzjonijiet tar-(Regolament Dublin III) […] u l-miżuri ta’ implimentazzjoni (tagħhom) għar-relazzjoni bejn (l-Unjoni) u d-Danimarka, skond l-Artikolu 2(1) u (2).

2.      Huwa l-objettiv tal-Partijiet Kontraenti li jaslu għal applikazzjoni u interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħhom fl-Istati Membri kollha.

[…]”

9.        L-Artikolu 2(1) tal-imsemmi ftehim jiddisponi li:

“Id-dispożizzjonijiet tar-[Regolament Dublin II] [...] għandhom japplikaw skond id-dritt internazzjonali għar-relazzjonijiet bejn (l-Unjoni Ewropea) u d-Danimarka.”

2.      Ir-Regolament Dublin III

10.      L-Artikolu 2(c) u (d) tar-Regolament Dublin III jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

b)      ‘applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali’ tfisser applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kif definit fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva (2011/95/UE (10));

[…]

d)      ‘eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali’ tfisser kull eżami ta’, jew deċiżjoni dwar, applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali mill-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva 2011/95/UE u d-Direttiva 2013/32/UE ħlief għal proċeduri li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli skont dan ir-Regolament.”

11.      L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-aċċess għall-proċedura tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.

2.      Fejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha.

[…]”

12.      L-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi l-“Obbligi tal-Istat Membru responsabbli”, kif ġej:

“1.      L-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-Regolament għandu jkun obbligat:

[…]

d)      jieħu lura […] ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jkun irtira l-applikazzjoni taħt eżami u jkun għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza.

2.      […]

Fil-każijiet li jaqgħu taħt l-ambitu tal-paragrafu 1(d), fejn l-applikazzjoni ġiet irrifjutata biss fl-ewwel istanza, l-Istat Membru responsabbli għandu jiżgura li l-persuna kkonċernata għandha jew kellha l-opportunità li tfittex rimedju effettiv […]”

B.      Id-dritt Finlandiż

13.      Skont l-Artikolu 103(2) tal-ulkomaalaislaki (301/2004) (il-Liġi dwar il-Barranin (301/2004)) tat-30 ta’ April 2004, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tista’ tiġi miċħuda minħabba li hija inammissibbli jekk l-applikant ikun jista’ jintbagħat fi Stat Membru ieħor li, skont ir-Regolament Dublin III, huwa responsabbli għal eżami ta’ din l-applikazzjoni.

C.      Id-dritt Daniż

14.      L-Artikolu 7(1) sa (3) tal-udlændingeloven (il-Liġi dwar il-Barranin), fil-verżjoni applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (11), jipprovdi:

“1.      Permess ta’ residenza temporanju jingħata lil barrani fuq talba jekk jaqa’ fl-ambitu tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati [(12)].

2.      Permess ta’ residenza temporanju jingħata lil barrani fuq talba jekk, meta jirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, huwa jew hi qed jirriskja li jiġi soġġett għall-piena tal-mewt jew tortura jew trattament jew pieni inumani jew degradanti. Applikazzjoni kif imsemmija fis-sentenza preċedenti titqies ukoll bħala applikazzjoni għal permess ta’ residenza temporanja kif imsemmi fil-paragrafu 1.

3.      Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2, fejn ir-riskju li jiġi suġġett għall-piena tal-mewt jew għal tortura jew għal trattament jew pieni inumani jew degradanti jkun fil-kuntest ta’ sitwazzjoni partikolarment serja fil-pajjiż ta’ oriġini, ikkaratterizzata minn vjolenza arbitrarja u attakki kontra persuni ċivili, permess ta’ residenza temporanju għandu jingħata fuq talba. Applikazzjoni kif imsemmija fis-sentenza preċedenti titqies ukoll bħala applikazzjoni għal permess ta’ residenza kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2.”

15.      L-Artikolu 11(2) tal-Liġi Daniża dwar il-Barranin jipprovdi:

“Permess ta’ residenza għal żmien fiss mogħti bil-possibbiltà ta’ residenza permanenti għandu jiġi estiż fuq talba, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet għall-irtirar tal-permess ta’ residenza […] L-estensjoni tal-permessi ta’ residenza temporanji msemmija fl-Artikolu 7 […] għandha tiġi deċiża ex officio mill-Udlændingestyrelsen (l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni, id-Danimarka (13)) jekk ir-raġunijiet li għalihom kienu ngħataw oriġinarjament […] jibqgħu jeżistu.”

III. Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16.      Ir-rikorrenti, ċittadina Sirjana, ippreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lill-awtoritajiet Daniżi fl-1 ta’ Lulju 2016.

17.      Fid-29 ta’ Awwissu 2016, inħareġ permess ta’ residenza abbażi tal-għoti ta’ protezzjoni temporanja skont l-Artikolu 7(3) tal-Liġi Daniża dwar il-Barranin. Dan il-permess ta’ residenza, li daħal fis-seħħ dakinhar li nħareġ, kien inizjalment validu għal perijodu ta’ sena. Sussegwentement ġie estiż diversi drabi għall-istess perijodu fuq inizjattiva tal-Uffiċċju Daniż tal-Immigrazzjoni. Madankollu, fis-17 ta’ Novembru 2020, l-istess Uffiċċju fuq inizjattiva tiegħu stess, ma ġeddidx il-permess, b’applikazzjoni tal-Artikolu 11(2) ta’ din il-liġi, minħabba li ma kienx għad hemm raġunijiet li jiġġustifikaw il-ħruġ tal-permess. Il-Flygtningenævnet (il-Bord tar-Refuġjati, id-Danimarka) ikkonferma din id-deċiżjoni fit-2 ta’ Lulju 2021 u ordna lir-rikorrenti sabiex tħalli d-Danimarka fi żmien xahar.

18.      Fis-27 ta’ Lulju 2021, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Finlandja.

19.      Fid-29 ta’ Lulju 2021, l-Uffiċċju Finlandiż tal-Immigrazzjoni, li huwa l-awtorità Finlandiża kompetenti sabiex teżamina din l-applikazzjoni, ippreżenta talba lir-Renju tad-Danimarka sabiex jieħu lura lir-rikorrenti skont l-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Dublin III. Fil-5 ta’ Awwissu 2021, dan tal-aħħar aċċetta din it-talba.

20.      Fit-12 ta’ Novembru 2021, l-Uffiċċju Finlandiż tal-Immigrazzjoni ċaħad it-talba għal protezzjoni internazzjonali tar-rikorrenti minħabba li kienet inammissibbli għar-raġuni li r-Renju tad-Danimarka kien responsabbli sabiex jeżamina din l-applikazzjoni, u b’hekk ipprovda għat-trasferiment tagħha lejn dan l-Istat Membru u impona projbizzjoni ta’ dħul ta’ sentejn fuqha.

21.      Ir-rikorrenti ressqet appell kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Helsinki, il-Finlandja), li ċaħditu. Sussegwentement ir-rikorrenti talbet permess sabiex tappella lill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema).

22.      Insostenn ta’ din it-talba, hija ssostni, b’mod partikolari, li d-deċiżjoni li ħa l-Uffiċċju Finlandiż tal-Immigrazzjoni meta ċaħad it-talba tagħha għal protezzjoni internazzjonali hija inammissibbli minħabba li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

23.      Il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, qiegħda tistaqsi jekk humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet li jagħtu bidu għall-obbligu ta’ teħid lura previst fl-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Dublin III u, b’mod iktar speċifiku, jekk jistax jiġi kkunsidrat li l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata mir-rikorrenti lid-Danimarka tikkostitwixxix “applikazzjoni (għall-protezzjoni internazzjonali) li ġiet miċħuda” mill-awtorità Daniża kompetenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

24.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva, fl-ewwel lok, li r-rikors inkwistjoni kien inizjalment is-suġġett ta’ sensiela ta’ deċiżjonijiet parzjalment favorevoli, peress li l-Uffiċċju Daniż tal-Immigrazzjoni ħareġ lir-rikorrenti permess ta’ residenza temporanja u li sussegwentement estenda f’diversi okkażjonijiet. Din il-qorti żżid li kien biss sussegwentement, u fuq inizjattiva ta’ din l-awtorità, li ttieħdet deċiżjoni sabiex dan il-permess ta’ residenza temporanja ma jiġġeddidx. L-imsemmija qorti tistaqsi jekk l-eżistenza ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Dublin III, tistax tiġi stabbilita f’sitwazzjoni bħal din.

25.      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tqis, fid-dawl tas-sitwazzjoni legali speċifika tar-Renju tad-Danimarka, li l-proċeduri nazzjonali għall-eżami ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali applikati f’dan l-Istat Membru huma differenti minn dawk applikati fl-Istati Membri l-oħra u konsegwentement tistaqsi x’definizzjoni għandha tingħata lill-kunċett ta’ “applikazzjoni”.

26.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein Hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċaħda tal-applikazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tapplika għal sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid ta’ dokument ta’ residenza provviżorju, ibbażat fuq bżonn ta’ protezzjoni, preċedentement mogħti lill-persuna kkonċernata fid-Danimarka, meta d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid tkun ittieħdet mhux wara applikazzjoni minn din il-persuna, iżda ex officio mill-awtorità?”

27.      L-Uffiċċju Finlandiż tal-Immigrazzjoni, il-Gvern Finlandiż, Daniż, Ġermaniż, tal-Pajjiżi l-Baxxi u Żvizzeru kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn il-partijiet u l-partijiet interessati (bl-eċċezzjoni tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u dak Żvizzeru), li magħhom ġiet miżjuda ir-rikorrenti, ipparteċipaw fis-seduta li saret fid-29 ta’ Jannar 2025, li matulha wieġbu wkoll għad-domandi verbalment magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.

IV.    Analiżi

28.      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk l-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għal sitwazzjoni fejn tiġi ppreżentata applikazzjoni lil Stat Membru ieħor minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida wara li jkun ingħata protezzjoni temporanja mir-Renju tad-Danimarka, liema protezzjoni tiġi rtirata wara li tkun ippreżentata applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ta’ dak l-Istat Membru b’konformità mad-dispożizzjoni nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru.

A.      Osservazzjonijiet preliminari

29.      Preliminarjament, għandha tiġi ċċarata n-natura tal-protezzjoni li r-Renju tad-Danimarka ta lir-rikorrenti għal perijodu ta’ iktar minn erba’ snin abbażi tal-Artikolu 7(3), tal-Liġi Daniża dwar il-Barranin. Fil-fatt, il-Gvern Finlandiż jibbaża l-osservazzjonijiet tiegħu fuq il-premessa li l-għoti ta’ tali protezzjoni għandu jitqies ekwivalenti għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali.

30.      Madankollu, naħseb li din il-premessa għandha tiġi miċħuda, peress li l-protezzjoni temporanja li bbenefikat minnha r-rikorrenti ma tistax titqies bħala “protezzjoni internazzjonali” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2011/95. Jidher li hija ma ngħatatx status ta’ refuġjat fis-sens tal-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva jew status ta’ protezzjoni sussidjarja fis-sens tal-Artikolu 2(g) ta’ din id-direttiva.

31.      Huwa minnu, li din il-protezzjoni temporanja tingħata fuq il-bażi ta’ kundizzjonijiet pjuttost tixbaħ lil dawk li jirregolaw l-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja previsti fl-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva. Il-protezzjoni prevista fl-Artikolu 7(3) tal-Liġi Daniża dwar il-Barranin hija indirizzata lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jistgħu jkunu esposti għall-piena tal-mewt jew għat-tortura jew għal trattament jew pieni inumani jew degradanti, minħabba, pereżempju, is-sitwazzjoni ġenerali prevalenti fil-pajjiż ta’ oriġini, minħabba gwerra (14).

32.      Madankollu, hija differenti f’żewġ aspetti. Minn naħa, il-protezzjoni temporanja prevista fl-Artikolu 7(3), tal-Liġi Daniża dwar il-Barranin tingħata skont kundizzjonijiet sostantivi u tar-regoli proċedurali li huma speċifiċi għad-dritt Daniż. Min-naħa l-oħra, id-drittijiet mogħtija lill-benefiċjarju ta’ tali protezzjoni temporanja huma distinti, kemm fin-natura kif ukoll fil-portata tagħhom, mid-drittijiet marbuta mal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja stabbilit fil-Kapitolu VII tad-Direttiva 2011/95.

33.      Għalhekk ser neżamina d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju fuq il-premessa li l-protezzjoni temporanja prevista fl-Artikolu 7(3) tal-Liġi Daniża dwar il-Barranin tikkostitwixxi tip ieħor ta’ protezzjoni, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2011/95 u 2013/32, li hija prevista u mogħtija biss fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Daniż.

B.      Dwar il-mertu

34.      L-Artikolu 18 tar-Regolament Dublin III jistabbilixxi l-obbligi ġenerali u speċifiċi tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, li tintalab għall-finijiet tat-teħid ta’ inkarigu jew it-teħid lura ta’ applikant għal tali protezzjoni.

35.      L-obbligi relatati mat-teħid jew teħid lura ta’ dan l-applikant, kif ukoll l-ipproċessar tal-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu ddeterminati skont l-istadju tal-proċedura għall-ipproċessar ta’ din l-applikazzjoni f’dak l-Istat Membru. L-Artikolu 18(1) tar-Regolament Dublin III jelenka b’mod eżawrjenti erba’ sitwazzjonijiet. L-ewwel, il-kura tal-applikant li jkun ressaq applikazzjoni fi Stat Membru ieħor (punt a)). It-tieni, it-teħid lura tal-applikant li l-applikazzjoni tiegħu tkun qiegħda tiġi eżaminata fl-Istat Membru responsabbli u li jkun issottometta applikazzjoni lil Stat Membru ieħor (punt b)). It-tielet, it-teħid lura ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jew ta’ persuna apolida li tkun irtirat l-applikazzjoni tiegħu jew tagħha waqt li kienet tkun qiegħda tiġi eżaminata fl-Istat Membru responsabbli u li tkun issottomettiet applikazzjoni lil Stat Membru ieħor (punt c)). Ir-raba’, it-teħid lura ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li “l-applikazzjoni tagħha (għall-protezzjoni internazzjonali) ġiet miċħuda u li tkun issottomettiet applikazzjoni lil Stat Membru ieħor” (punt d)). Hija din ir-raba’ sitwazzjoni li dwarha qiegħda tintalab interpretazzjoni tagħha. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Dublin III jinkludi l-każijiet fejn applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun ġiet irrifjutata permezz ta’ deċiżjoni ta’ din l-awtorità, li għadha ma saritx definittiva (15).

36.      Id-domanda mqajma mill-qorti tar-rinviju għandha l-għan li tiddetermina sa fejn jista’ jiġi kkunsidrat li r-Renju tad-Danimarka ċaħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tar-rikorrenti, fis-sens tal-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Dublin III, billi rtira l-protezzjoni temporanja li kien taha taħt id-dritt intern tiegħu.

37.      Jiena m’iniex insensittiv għall-argumenti mressqa minn ċerti Stati Membri li, b’kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni ġuridika partikolari tar-Renju tad-Danimarka, jipproponu li l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jiġi interpretat b’mod wiesa’ biżżejjed sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni effettiva ta’ dan l-Istat Membru fir-Regolament Dublin III, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-Artikolu 2 tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u d-Danimarka. Għalhekk, il-Gvern Ġermaniż isostni li interpretazzjoni stretta tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Dublin III tirrendi impossibbli l-applikazzjoni tagħhom fir-rigward tar-Renju tad-Danimarka, bi ksur tal-possibbiltà mogħtija lil dan l-Istat Membru li jipparteċipa b’mod volontarju u selettiva fl-ambitu ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

38.      Madankollu, fil-fehma tiegħi, dawn l-argumenti jmorru lil hinn, minn interpretazzjoni wiesgħa tat-termini tal-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Dublin III. Anki jekk din l-interpretazzjoni kienet limitata għall-obbligi ta’ kura jew ta’ teħid lura li jaqgħu fuq ir-Renju tad-Danimarka, dawn madankollu jintroduċu riskju ta’ konfużjoni bejn ideat u kunċetti li ġew armonizzati mid-Direttivi 2011/95 u 2013/32, u li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament Dublin III.

39.      Għalhekk, il-Gvern Daniż u l-Gvern Żvizzeru jsostnu, essenzjalment, it-teżi li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata fl-1 ta’ Lulju 2016 mir-rikorrenti ġiet miċħuda “temporanjament” mir-Renju tad-Danimarka meta ta u ġedded il-protezzjoni temporanja prevista mid-dritt intern tiegħu, u sussegwentement ċaħdu “b’mod definittiv”, fis-sens tal-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Dublin III, meta kkonferma l-irtirar ta’ dik il-protezzjoni fit-2 ta’ Lulju 2021. Skont din l-interpretazzjoni, it-talba għal protezzjoni internazzjonali, li abbażi tagħha ġew adottati d-deċiżjonijiet suċċessivi ta’ tiġdid u sussegwentement ta’ rifjut ta’ tiġdid tal-permess ta’ residenza temporanja, kienet għalhekk tkun pendenti mid-29 ta’ Awwissu 2016 sat-2 ta’ Lulju 2021, id-data li fiha ġiet miċħuda b’mod definittiv. Din hija wkoll il-konklużjoni li waslet għall-gvern Ġermaniż, li jibbaża ruħu, min-naħa tiegħu, fuq id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “irtirar (tal-)applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali”, stipulata fl-Artikolu 2(e) tar-Regolament Dublin III. Skont hu, ikun possibbli li jiġi kkunsidrat li, fin-nuqqas ta’ rtirar mir-rikorrenti tal-applikazzjoni tagħha, din l-applikazzjoni effettivament baqgħet teżisti sakemm ma kinitx is-suġġett ta’ deċiżjoni definittiva, pereżempju, peress li tat lok biss għal suċċessjoni ta’ deċiżjonijiet li joħorġu jew jestendu permess ta’ residenza temporanja. Barra minn hekk, il-Gvern Daniż iżid, li, f’dan il-kuntest, deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u deċiżjoni li tirtira protezzjoni temporanja għandhom l-istess effett legali.

40.      L-Uffiċċju Finlandiż tal-Immigrazzjoni ma jaqbilx ma’ din l-interpretazzjoni, billi jsostni, primarjament, li hija biss id-deċiżjoni tad-29 ta’ Awwissu 2016, li permezz tagħha nħareġ permess ta’ residenza temporanju lir-rikorrenti, li tista’ tiġi kkunsidrata bħala deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, peress li din id-deċiżjoni ma tatx protezzjoni internazzjonali lir-rikorrenti. Fil-fehma tiegħu, id-deċiżjoni li tiġi rtirata l-protezzjoni temporanja ma għandha l-ebda effett legali għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament Dublin III.

41.      Min-naħa tiegħu, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-kunċett ta’ “applikazzjoni miċħuda” huwa espressjoni ġenerika li tkopri d-diversi sitwazzjonijiet li fihom l-applikant ma huwiex jew ma għadux eliġibbli għal protezzjoni internazzjonali.

42.      Jiena nemmen li, minħabba l-kontorsjonijiet legali li jinvolvu, tali interpretazzjonijiet jistgħu jqajmu iktar diffikultajiet milli jsolvu.

43.      Fl-ewwel lok, huma għandhom l-effett li jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Dublin III għal sitwazzjoni li ma kinitx imsemmija mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’din id-dispożizzjoni, iżda li hija rregolata speċifikament minnu fl-Artikolu 12(4) ta’ dan ir-regolament. L-Artikolu 12(4) tar-Regolament Dublin III, introdott fil-Kapitolu III tiegħu, jispeċifika espressament il-kundizzjonijiet li taħthom Stat Membru li jkun ħareġ permess ta’ residenza lil applikant għall-protezzjoni internazzjonali jista’ jitqies responsabbli sabiex jeżamina l-applikazzjoni tiegħu.

44.      It-tieni nett, dawn l-interpretazzjonijiet ma jieħdux inkunsiderazzjoni l-“applikazzjoni kkombinata” tad-Direttivi 2011/95 u 2013/32 u r-Regolament Dublin III li għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Diċembru 2020, Minister for Justice and Equality (Talba għal protezzjoni internazzjonali fl-Irlanda) (16). Billi jmorru lil hinn sew mit-tifsira u l-portata tal-kunċetti fundamentali definiti fil-qafas ta’ dawn id-direttivi, huma jġorru r-riskju li jintroduċu kundizzjoni b’ġeometrija varjabbli (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni (li) ġiet miċħuda”) fil-punt stess fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi metodu ċar u prattiku sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali (17), u li huma ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati skont il-premessi 4 u 5 ta’ dan ir-regolament.

45.      Huwa minnu li l-Artikolu 2 tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u d-Danimarka jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III japplikaw għal dan l-Istat Membru. Madankollu, mill-Artikolu 1(2) tiegħu jirriżulta wkoll li l-partijiet kontraenti għandhom jiksbu applikazzjoni u interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Dublin III u tal-miżuri ta’ implementazzjoni tiegħu fl-Istati Membri kollha. Skont il-ħdax-il punt tal-preambolu ta’ dan il-ftehim, il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni sabiex tiżgura tali uniformità.

46.      Madankollu, sa fejn il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Dublin III huma bbażati fuq regoli li ġew armonizzati bid-Direttivi 2011/95 u 2013/32, huwa aċċettat li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni, ir-Renju tad-Danimarka ċaħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, meta huwa sempliċiment temm protezzjoni nazzjonali li huwa kien ikkonċeda skont id-dritt intern tiegħu, li fil-fehma tiegħi, ippreġudika dan l-għan.

47.      Fil-fatt, il-kunċett ta’ “applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” jew “applikazzjoni”, imsemmi fl-Artikolu 18(1)(d) ta’ dan ir-regolament, huwa definit fl-Artikolu 2(b) ta’ dan ir-regolament, li jirreferi għall-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2011/95. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mressqa lill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju tad-Danimarka skont id-dispożizzjonijiet interni ta’ dan l-Istat Membru hija bla dubju “applikazzjoni” sottomessa lil Stat Membru, hija madankollu ddeċidiet li tali applikazzjoni ma tikkostitwixxix “applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” fis-sens ta’ din id-direttiva, jiġifieri applikazzjoni “għall-istatus ta’ refuġjat jew għall-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja”, peress li, skont il-Protokoll (Nru 22) il-pożizzjoni tad-Danimarka annessa mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE, din id-direttiva ma tapplikax għar-Renju tad-Danimarka, kif jirriżulta fil-premessa 51 tagħha (18).

48.      Minn dan nikkonkludi li, fin-nuqqas ta’ “applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” fis-sens tad-Direttiva 2011/95 ippreżentata lid-Danimarka, ma setax ikun hemm deċiżjoni li tiċħad tali applikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Dublin III.

49.      Inżid li ma naqbilx mal-fehma tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi li dan ir-regolament ma jispeċifikax xi tfisser l-espressjoni “applikazzjoni miċħuda”. Fil-fatt, l-Artikolu 2(d) tal-imsemmi regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” bħala li jfisser “il-miżuri ta’ analiżi, id-deċiżjonijiet jew is-sentenzi kollha mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2013/32 u d-Direttiva 2011/95, bl-eċċezzjoni tal-proċeduri għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-Regolament” (19). Għalhekk, meta deċiżjoni dwar l-istatus ta’ refuġjat u/jew l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja tiċħad applikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 18(1)(d) tal-istess regolament, din id-deċiżjoni għandha tiġi adottata skont ir-regoli u l-arranġamenti proċedurali stabbiliti fid-Direttiva 2013/32 u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tagħha (20).

50.      F’dan il-kuntest, ma naħsibx li, fil-kawża prinċipali, huwa possibbli li jiġi aċċettat li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali baqgħet pendenti għal erba’ snin konsekuttivi li matulhom ġiet miċħuda temporanjament u mbagħad b’mod definittiv.

51.      Minn dan isegwi li d-deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet Daniżi li jirtiraw il-permess ta’ protezzjoni temporanja u l-permess ta’ residenza mogħtija lilha fid-29 ta’ Awwissu 2016 skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt intern ma tistax tiġi kklassifikata bħala “deċiżjoni ta’ rifjut” fis-sens tal-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Dublin III peress li, minn naħa, ma tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-istatus ta’ refuġjat fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95 jew għall-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja fis-sens tal-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva u meta, min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni ma ġietx adottata fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet proċedurali previsti fid-Direttiva 2013/32.

52.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma naqbilx mal-argument tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi li l-għan tar-Regolament Dublin III jiġi ppreġudikat jekk t-tieni Stat Membru (f’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Finlandja) kellu jsir responsabbli għall-ipproċessar ta’ din l-applikazzjoni, filwaqt li l-ewwel Stat Membru (jiġifieri r-Renju tad-Danimarka) kien diġà eżamina jekk l-applikant huwiex (jew ma għadux) eliġibbli għal protezzjoni internazzjonali. Fil-fatt, f’każ bħal dan, l-awtoritajiet Finlandiżi ma jkunux obbligati jeżaminaw mill-ġdid il-konklużjoni li waslet għalihom l-awtoritajiet Daniżi peress li l-proċedura ta’ eżami tkun irregolata minn regoli differenti, definiti mid-Direttivi 2011/95 u 2013/32, kif interpretati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li r-Renju tad-Danimarka mhuwiex marbut magħhom.

53.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, inqis li ma jistax jiġi aċċettat li r-Renju tad-Danimarka ċaħad l-applikazzjoni tar-rikorrenti għall-protezzjoni internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Dublin III.

54.      Din il-konklużjoni hija konformi ma’ dik li waslet għall-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bundesrepublik Deutschland (Talba għall-Ażil miċħuda mid-Danimarka), li kienet tikkonċerna d-Direttiva 2013/32.

55.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li deċiżjoni meħuda mir-Renju tad-Danimarka fir-rigward ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma tistax tiġi kklassifikata bħala “deċiżjoni finali” fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2013/32 (21), jiġifieri, bħala deċiżjoni li tistabbilixxi jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida għandux jingħata l-istatus ta’ refuġjat jew ta’ protezzjoni sussidjarja skont id-Direttiva 2011/95 u li ma għadhiex is-suġġett ta’ applikazzjoni ppreżentata skont il-Kapitolu V tad-Direttiva 2013/32.

56.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-eżistenza ta’ deċiżjoni preċedenti li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata lil dan l-Istat Membru ma tippermettix li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(q) u tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti” fis-sens tal-Artikolu 2(q) u tal-Artikolu 33(2)(d) tal-istess Direttiva, ippreżentati mill-persuna kkonċernata lil Stat Membru ieħor wara l-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni preċedenti (22). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li la l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u d-Danimarka u lanqas il-possibbiltà li l-leġiżlazzjoni Daniża tipprevedi, għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, kundizzjonijiet identiċi għal dawk previsti mid-Direttiva 2011/95, jew simili, ma jwasslu għal konklużjoni differenti (23).

57.      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal sitwazzjoni li fiha ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida tkun ġiet irtirata protezzjoni nazzjonali mogħtija lilu mir-Renju tad-Danimarka wara li tressqet talba għal protezzjoni internazzjonali skont dak l-Istat Membru, u wara ppreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, lil Stat Membru ieħor.

58.      Għaldaqstant, huma l-awtoritajiet kompetenti Finlandiżi li għandhom jiddeterminaw liema Stat Membru huwa indikat skont il-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III bħala responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tal-applikant (24). B’mod partikolari, għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi evalwat jekk ir-Renju tad-Danimarka jistax jinżamm responsabbli abbażi tal-Artikolu 12(4) tal-imsemmi regolament, minħabba li dan l-Istat Membru jkun, fil-passat, ħareġ permess ta’ residenza lill-applikant jew jekk, għall-kuntrarju, hemmx raġunijiet ibbażati fuq is-sitwazzjoni personali jew familjari tal-applikant li tiġġustifika lir-Repubblika tal-Finlandja hija stess responsabbli għal din l-applikazzjoni.

V.      Konklużjoni

59.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Korkein Hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja) kif ġej:

L-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma għandux japplika għal sitwazzjoni fejn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida kellha protezzjoni nazzjonali mogħtija lilha mir-Renju tad-Danimarka rtirata wara l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali skont id-dispożizzjonijiet interni ta’ dak l-Istat Membru, u wara dak l-irtirar, issottomettiet applikazzjoni fi Stat Membru ieħor.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.


2      Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2022, Bundesrepublik Deutschland (Talba għall-Ażil miċħuda mid-Danimarka) (C‑497/21, iktar ’il quddiem s-“sentenza Bundesrepublik Deutschland (Talba għall-Ażil miċħuda mid-Danimarka)”, EU:C:2022:721).


3      Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil ippreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz fid-Danimarka jew fi kwalunkwe Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea u s-sistema “Eurodac” għat-tqabbil tal-marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta’ Dublin (ĠU 2006, L 66, p. 38), iktar ’il quddiem il-“Ftehim bejn l-Unjoni u d-Danimarka”.


4      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50), iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Dublin III”.


5      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).


6      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).


7      Ara s-sentenza Bundesrepublik Deutschland (Talba għall-Ażil miċħuda mid-Danimarka)(punt 49).


8      Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Frar 2006 dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka li jestendi għad-Danimarka d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2725/2000 dwar l-istabbiliment ta’ “Eurodac” għat-tqabbil tal-marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta’ Dublin (ĠU 2006, L 66, p. 37).


9      Regolament tal-Kunsill tat-18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU 2003, L 50, p. 1) iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin II”. Dan ir-regolament ġie mħassar bir-Regolament Dublin III.


10      L-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2011/95 jiddefinixxi “applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali” bħala “talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li tfittex status ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja, u li ma titlobx espliċitament tip ieħor ta’ protezzjoni, barra mill-iskop ta’ din id-Direttiva, li tista’ ssir applikazzjoni separata għaliha”.


11      Liġi kif ikkonsolidata minn lovbekendtgørelse nr. 1079 (id-Digriet ta’ Konsolidazzjoni Nru 1079), tal-10 ta’ Awwissu 2023, minn hawn ’il quddiem “il-Liġi Daniża dwar il-Barranin”.


12      Iffirmat f’Ġinevra fit-28 ta’ Lulju 1951 (Serje ta’ Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), daħal fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954 u ssupplimentat mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967 u daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967.


13      Iktar ’il-quddiem l-“Uffiċċju Daniż tal-Immigrazzjoni”.


14      Għal rendikont tal-ambitu tal-protezzjoni temporanja taħt it-Taqsima 7(3) tal-Liġi Daniża dwar il-Barranin, ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Højesteret (il-Qorti Suprema, id-Danimarka) tas-6 ta’ Novembru 2017, Nru 107/2017.


15      Ara s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, X (C‑213/17, EU:C:2018:538, punti 31 u 32).


16      C‑616/19, EU:C:2020:1010, punt 47.


17      Ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2024, Tudmur (C‑185/24 u C‑189/24, EU:C:2024:1036, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2024, Khan Yunis et (C‑123/23 u C‑202/23, EU:C:2024:1042, punt 60), li tirreferi għas-sentenza Bundesrepublik Deutschland (Talba għall-Ażil miċħuda mid-Danimarka) (punti 35 u 43). Din l-aħħar sentenza tinkorpora l-insenjament meħud mis-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2021, L.R. (Talba għall-Ażil miċħuda min-Norveġja) (C‑8/20, EU:C:2021:404), peress li r-Renju tan-Norveġja, huwa pajjiż terz li japplika r-Regolament Dublin III permezz ta’ Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi għall-istabbiliment ta’ l-Istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għal ażilju ppreżentata fi Stat Membru jew fl-Islanda jew fin-Norveġja – Dikjarazzjonijiet (ĠU 2001, L 93, p. 40), approvat f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni 2001/258/KE tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2001 (ĠU 2001, L 93, p 38).


19      Korsiv miżjud minni.


20      Dan l-artikolu jipprovdi li “l-Istati Membri għandhom jiżguraw […] li, meta applikazzjoni għal status ta’ refuġjat u/jew status ta’ protezzjoni sussidjarja tiġi miċħuda, id-deċiżjoni tkun motivata fil-fatt u fil-liġi u li l-possibbiltà ta’ appell kontra deċiżjoni negattiva jiġu kkomunikati bil-miktub. L-Istati Membri mhumiex meħtieġa jikkomunikaw bil-miktub, b’rabta ma’ deċiżjoni, il-possibbiltajiet li jappellaw kontra deċiżjoni negattiva fejn l-applikant ikun ġie infurmat fi stadju iktar bikri b’dawk il-possibbiltajiet bil-miktub jew b’mezz elettroniku li jkollu aċċess għalihom”.


21      Ara s-sentenza Bundesrepublik Deutschland (Talba għall-Ażil miċħuda mid-Danimarka) (punt 45).


22      Ara s-sentenza Bundesrepublik Deutschland (Talba għall-Ażil miċħuda mid-Danimarka)(punt 47).


23      Ara s-sentenza Bundesrepublik Deutschland (Talba għall-Ażil miċħuda mid-Danimarka)(punt 48).


24      Ara l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III u s-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 56).

Top