Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CC0281

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fis-16 ta’ Jannar 2025.
Polskie sieci elektroenergetyczne S.A. et vs L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER).
Appell – Suq intern tal-elettriku – Regolament (UE) 2019/942 – Bord tal-Appell tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) – Regolament (UE) 2017/2195 – Artikoli 20, 21 u 37 – Enerġija elettrika tal-ibbilanċjar – Operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni – Stabbiliment ta’ pjattaformi Ewropej għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar – Pjattaforma Ewropea għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni manwali (mFRR) – Pjattaforma Ewropea għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni awtomatika (aFRR) – Tfassil u approvazzjoni tal-oqfsa ta’ implimentazzjoni ta’ dawn il-pjattaformi – Funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-imsemmija pjattaformi – Kapaċità transżonali tal-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar – Deċiżjoni tal-ACER li tiċħad il-proposta komuni tal-operaturi tas-sistema.
Kawżi magħquda C-281/23 P u C-282/23 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2025:19

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fis‑16 ta’ Jannar 2025 ( 1 ) ( i )

Kawżi Magħquda C‑281/23 P u C‑282/23 P

Polskie sieci elektroenergetyczne S.A.,

RTE Réseau de transport d’électricité,

Svenska kraftnät,

TenneT TSO BV

vs

Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER)

“Appell – Suq intern tal-elettriku – Regolament (UE) 2019/942 – Bord tal-Appell tal-ACER – Intensità tal‑istħarriġ fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-ACER – Regolament (UE) 2017/2195 – Enerġija elettrika tal-ibbilanċjar – Operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni – Stabbiliment ta’ pjattaformi Ewropej għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar – Pjattaforma Ewropea għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni awtomatika (pjattaforma aFRR) – Pjattaforma Ewropea għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni manwal (pjattaforma mFRR) – Tfassil u approvazzjoni tal-oqfsa ta’ implimentazzjoni tal-pjattaformi – Funzjonijiet għall-operat tal-pjattaformi – Kapaċità transżonali tal-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar – Deċiżjoni tal-ACER li tiċħad il-proposta komuni tal-operaturi tas-sistema”

1.

Permezz ta’ dawn l-appelli, diversi operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni tal-elettriku (iktar ’il quddiem it-“TSOs”) ( 2 ) qegħdin jitolbu l-annullament ta’ żewġ sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Frar 2023, Austrian Power Grid et vs ACER ( 3 ), kif ukoll Austrian Power Grid et vs ACER ( 4 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenzi appellati”).

2.

Permezz ta’ dawn is-sentenzi, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi għal annullament ippreżentati minn ċerti TSOs kontra żewġ deċiżjonijiet tas‑16 ta’ Lulju 2020 tal-Bord tal-Appell tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), li jikkonfermaw il-validità tad-deċiżjonijiet li ġejjin ta’ din l-Aġenzija:

Id-Deċiżjoni 02/2020, tal‑24 ta’ Jannar 2020, dwar il-qafas ta’ implimentazzjoni għall-pjattaforma Ewropea għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni awtomatika (iktar ’il quddiem, il-“pjattaforma aFRR”) ( 5 ).

Id-Deċiżjoni 03/2020 tal-24 ta’ Jannar 2020 dwar il-qafas ta’ implimentazzjoni għall-pjattaforma Ewropea għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni manwali (iktar ’il quddiem, il-“pjattaforma mFRR”) ( 6 ).

3.

L-appelli jqajmu, essenzjalment, żewġ kwistjonijiet, waħda ta’ natura iktar ġenerali u l-oħra ta’ natura estremament teknika. Il-kwistjoni f’dawn iż-żewġ appelli hija dwar jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żbalji ta’ liġi:

meta ddeċidiet dwar l-intensità tal-istħarriġ (sħiħ jew ristrett) li l-Bord tal-Appell wettaq tad-Deċiżjonijiet 02/2020 u 03/2020 tal-ACER.

fl-interpretazzjoni tal-Artikoli 20 u 21, minn naħa, u 37, min-naħa l-oħra, tar-Regolament (UE) 2017/2195 ( 7 ), li jirregolaw rispettivament il-pjattaformi mFRR u aFRR, u l-“kalkolu tal-kapaċità transżonali”.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Ir-Regolament 2017/2195

4.

L-Artikolu 20 (“Pjattaforma Ewropea għall-iskambju ta’ enerġija tal-ibbilanċjar mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni manwali”) jindika li:

“1.   Sa sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, it-TSOs kollha għandhom jiżviluppaw proposta għall-qafas ta’ implimentazzjoni għal pjattaforma Ewropea għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni manwali.

2.   Il-pjattaforma Ewropea għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni manwali, imħaddma mit-TSOs jew permezz ta’ entità maħluqa mit-TSOs infushom, għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji tal-governanza u proċessi tan-negozju komuni u għandha tinkludi, tal-anqas, il-funzjoni ta’ ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u l-funzjoni tal-issetiljar TSO-TSO. Din il-pjattaforma Ewropea għandha tapplika mudell multilaterali bejn TSO-TSO, b’listi komuni skont il-mertu biex jiġu skambjati l-offerti kollha għall-enerġija tal-ibbilanċjar mill-prodotti standard għar-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni manwali, ħlief għall-offerti li ma jkunux disponibbli skont l-Artikolu 29(14).

3.   Il-proposta msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:

a)

id-disinn ta’ livell għoli tal-pjattaforma Ewropea;

b)

il-pjan direzzjonali u l-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tal-pjattaforma Ewropea;

c)

id-definizzjoni tal-funzjonijiet meħtieġa biex titħaddem [għall-operat] il-pjattaforma Ewropea;

d)

ir-regoli proposti dwar il-governanza u t-tħaddim tal-pjattaforma Ewropea, abbażi tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u li jiżguraw it-trattament ekwu tat-TSO membri kollha u li l-ebda TSO ma jibbenefika minn vantaġġi ekonomiċi mhux ġustifikati permezz tal-parteċipazzjoni f’funzjonijiet tal-pjattaforma Ewropea;

e)

id-deżinjazzjoni proposta tal-entità jew entitajiet li jwettqu l-funzjonijiet definiti fil-proposta […].

[…]

4.   Sa sitt xhur wara l-approvazzjoni tal-proposta għal qafas ta’ implimentazzjoni għal pjattaforma Ewropea għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni manwali, it-TSOs kollha għandhom jiddeżinjaw lill-entità/jiet proposti, inkarigati biex joperaw il-pjattaforma Ewropea b’konformità mal-paragrafu 3(e).

5.   Sa tmintax-il xahar wara l-approvazzjoni tal-proposta għal qafas ta’ implimentazzjoni għal pjattaforma Ewropea għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni manwali, it-TSOs kollha jistgħu jiżviluppaw proposta għall-modifika tal-pjattaforma Ewropea għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar minn riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni manwali skont il-paragrafu 1. Il-modifiki proposti għandhom ikunu appoġġati minn analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji magħmula mit-TSOs kollha skont l-Artikolu 61. Il-proposta għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni.

[…].”

5.

L-Artikolu 21 (“Pjattaforma Ewropea għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni awtomatika”) jispjega dan permezz ta’ termini simili għall-Artikolu 20.

6.

L-Artikolu 37 (“Il-kalkolu tal-kapaċità transżonali”) jipprovdi li:

“1.   Wara l-ħin tal-għeluq tan-negozju transżonali tal-istess ġurnata, it-TSOs għandhom jaġġornaw kontinwament id-disponibbiltà tal-kapaċità transżonali għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar jew għat-tħaddim tal-proċess tan-nettjar tal-iżbilanċi. Il-kapaċità transżonali għandha tiġi aġġornata kull darba li porzjon tal-kapaċità transżonali tkun intużat jew fejn il-kapaċità transżonali tkun ġiet ikkalkulata mill-ġdid.

2.   Qabel l-implimentazzjoni tal-metodoloġija tal-kalkolu tal-kapaċità skont il-paragrafu 3, it-TSOs għandhom jużaw il-kapaċità transżonali li jifdal wara l-ħin tal-għeluq tan-negozju transżonali tal-istess ġurnata.

3.   Sa ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, it-TSOs kollha ta’ reġjun tal-kalkolu tal-kapaċità għandhom jiżviluppaw metodoloġija għall-kalkolu tal-kapaċità transżonali fil-perjodu taż-żmien tal-ibbilanċjar għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar jew għat-tħaddim tal-proċess tan-nettjar tal-iżbilanċi. Tali metodoloġija għandha tevita d-distorsjonijiet tas-suq u għandha tkun konsistenti mal-kalkolu tal-kapaċità transżonali applikat fil-perjodu taż-żmien tal-istess ġurnata stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2015/1222.”

B.   Ir-Regolament (UE) 2019/942 ( 8 )

7.

Fl-Artikolu 6 (“Kompiti tal-ACER marbutin mal-awtoritajiet regolatorji”), il-punt 10, jipprovdi li:

“L-ACER għandu jkollha l-kompetenza li tadotta deċiżjonijiet individwali dwar kwistjonijiet regolatorji li jkollhom effetti fuq il-kummerċ transfruntier jew is-sigurtà tas-sistemi transfruntiera li jeħtieġu deċiżjoni konġunta ta’ mill-anqas żewġ awtoritajiet regolatorji, fejn dawk il-kompetenzi jkunu ġew konferiti lill-awtoritajiet regolatorji skont wieħed mill-atti ġuridiċi li ġejjin:

a)

att leġislattiv tal-Unjoni adottat skont il-proċedura leġislattiva ordinarja;

b)

il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida adottati qabel l‑4 ta’ Lulju 2019 u reviżjonijiet sussegwenti ta’ dawk il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida; jew

c)

il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida adottati bħala atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

L-ACER għandha tkun kompetenti tadotta deċiżjonijiet individwali kif speċifikat fl-ewwel subparagrafu fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

a)

meta l-awtoritajiet regolatorji kompetenti ma jkunx irnexxielhom jilħqu ftehim fi żmien sitt xhur wara li l-każ ikun ġie riferut lill-aħħar waħda minn dawk l-awtoritajiet regolatorji jew fi żmien erba’ xhur f’każijiet skont l-Artikolu 4(7) ta’ dan ir-Regolament jew skont il-punt (c) tal-Artikolu 59(1) jew il-punt (f) tal-Artikolu 62(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944; jew

b)

fuq il-bażi ta’ talba konġunta mill-awtoritajiet regolatorji kompetenti.

L-awtoritajiet regolatorji kompetenti jistgħu jitolbu, b’mod konġunt, li l-perjodu msemmi fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jiġi estiż b’perjodu sa sitt xhur, ħlief f’każijiet skont l-Artikolu 4(7) ta’ dan ir-Regolament jew skont il-punt (c) tal-Artikolu 59(1) jew il-punt (f) tal-Artikolu 62(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944.

Meta l-kompetenzi biex tittieħed deċiżjoni dwar kwistjonijiet transfruntiera msemmija fl-ewwel subparagrafu jkunu ġew ikkonferiti lill-awtoritajiet regolatorji f’kodiċijiet tan-netwerk jew linji gwida ġodda adottati bħala atti delegati wara l‑4 ta’ Lulju 2019, l-ACER għandha tkun kompetenti biss fuq bażi volontarja skont il-punt (b) tat-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, fuq talba minn mill-inqas 60 % tal-awtoritajiet regolatorji kompetenti. Fejn ikunu involuti żewġ awtoritajiet regolatorji biss, kwalunkwe waħda minnhom tista’ jirreferi l-każ lill-ACER.

Sal‑31 ta’ Ottubru 2023, u kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-ħtieġa possibbli li jissaħħaħ aktar l-involviment tal-ACER fis-soluzzjoni ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet regolatorji dwar deċiżjonijiet konġunti dwar kwistjonijiet li dwarhom ġew ikkonferiti l-kompetenzi fuq dawk l-awtoritajiet regolatorji permezz ta’ att delegat wara l‑4 ta’ Lulju 2019 Meta jkun il-każ, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat bi proposta leġislattiva biex dawn is-setgħat jiġu mmodifikati jew biex is-setgħat meħtieġa jiġu ttrasferiti lill-ACER.”

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża

8.

Il-punti 2 sa 18 tas-sentenzi appellati jiddeskrivu l-fatti li taw lok għaż-żewġ tilwimiet fit-termini miġbura fil-qosor hawn taħt.

9.

Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2017/2195, fit‑18 ta’ Diċembru 2017, it-TSOs kollha fasslu, f’konformità mal-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament, proposta ta’ metodoloġija mFRR u, b’applikazzjoni tal-Artikolu 21(1) tiegħu, proposta ta’ metodoloġija aFRR.

10.

Fit‑18 ta’ Diċembru 2018, it-TSOs, f’konformità mal-Artikolu 5(1) u (2)(a) tar-Regolament 2017/2195, bagħtu għall-approvazzjoni tagħhom lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kollha (iktar ’il quddiem l-“ARN”), il-proposti tagħhom ta’ metodoloġiji aFRR u mFRR.

11.

L-ACER esprimiet in-nuqqas ta’ qbil tagħha ma’ dawn l-ewwel proposti u t-TSOs bagħtulha t-tieni u t-tielet proposta addizzjonali, inkluż ċerti varjanti.

12.

Fit‑18 ta’ Diċembru 2019, b’risposta għal posta elettronika tal-ACER tas‑17 ta’ Diċembru 2019, it-TSOs bagħtu lill-ACER verżjoni emendata tat-tielet proposta aFRR u tat-tielet proposta mFRR. Huma kkonfermaw li entità waħda (TSO wieħed jew kumpannija li tappartjeni għat-TSOs) għandha tieħu r-responsabbiltà sabiex teżerċita l-funzjonijiet speċifikament meħtieġa biex topera l-pjattaformi aFRR u mFRR, jiġifieri, l-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u tal-likwidazzjoni TSO–TSO, u li, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità, li kienet funzjoni ta’ pjattaformi multipli, din tista’ tiġi fdata lil entità waħda oħra (TSO wieħed jew kumpannija li tappartjeni għat-TSOs).

13.

Fl‑20 ta’ Diċembru 2019, l-ACER fasslet verżjoni finali tal-abbozzi ta’ deċiżjoni tagħha dwar il-metodoloġiji aFRR u mFRR, li hija kkomunikat lit-TSOs.

14.

Fl‑24 ta’ Jannar 2020, l-ACER adottat id-Deċiżjoni 02/2020, dwar il-metodoloġija aFRR, u d-Deċiżjoni 03/2020, dwar il-metodoloġija mFRR.

15.

Fit‑23 ta’ Marzu 2020, Austrian Power Grid, ČEPS, a.s., Polskie sieci elektroenergetyczne S.A., Red Eléctrica de España, S. A., RTE Réseau de transport d’électricité u Svenska kraftnät, appellaw, abbażi tal-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2019/942, id-Deċiżjoni 02/2020, appell inizjalment irreġistrat bin-numru A‑001‑2020, quddiem il-Bord tal-Appell tal-ACER. TenneT TSO BV u TenneT TSO GmbH ippreżentaw appell quddiem il-Bord tal-Appell tal-ACER kontra, b’mod partikolari, id-Deċiżjoni 02/2020, li inizjalment kienet irreġistrata bin-numru A‑004‑2020. Wara li kkonstata li dawn l-appelli kellhom l-istess suġġett, il-Bord tal-Appell ġabarhom flimkien taħt in-numru A‑001‑2020 (magħquda).

16.

Fis‑16 ta’ Lulju 2020, il-Bord tal-Appell ikkonferma d-Deċiżjoni 02/2020, u ċaħad l-appelli fil-Każ A‑001‑2020 (magħquda).

17.

L-istess TSOs ippreżentaw żewġ appelli kontra d-Deċiżjoni 03/2020, dwar il-metodoloġija mFRR, quddiem il-Bord tal-Appell tal-ACER, li ġew magħquda u rreġistrati taħt in-numru A‑002‑2020 (magħquda).

18.

Fis‑16 ta’ Lulju 2020, il-Bord tal-Appell ikkonferma d-Deċiżjoni 03/2020, u ċaħad l-appelli fil-Każ A‑002‑2020 (magħquda).

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali

19.

Fit‑30 ta’ Settembru 2020, diversi TSOs ippreżentaw żewġ rikorsi għal annullament kontra d-Deċiżjonijiet A‑001‑2020 u A‑002‑2020 tal-Bord tal-Appell tal-ACER, tas‑16 ta’ Lulju 2020, li jikkonfermaw id-Deċiżjonijiet 02/2020 u 03/2020 tal-ACER.

20.

Fil‑15 ta’ Frar 2023, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn ir-rikorsi għal annullament permezz tas-sentenzi appellati.

IV. L‑appell quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

21.

L-appellanti (Polskie sieci elektroenergetyczne, RTE Réseau de transport d’électricité, Svenska kraftnät u TenneT TSO) jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla, totalment jew parzjalment, is-sentenzi appellati;

tannulla, totalment jew parzjalment, id-Deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell tal-ACER A‑001‑2020 u A‑002‑2020, tas‑16 ta’ Lulju 2020.

tikkundanna lill-ACER għall-ispejjeż sostnuti mill-appellanti kemm fl-appell kif ukoll quddiem il-Qorti Ġenerali.

22.

L-ACER titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara l-appelli bħala totalment jew parzjalment inammissibbli u fi kwalunkwe każ, manifestament infondati, sabiex jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

tikkundanna lill-appellanti kemm għall-ispejjeż rispettivi tagħhom, kif ukoll għal dawk sostnuti mill-ACER fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

23.

Fl-appelli tagħhom, l-appellanti jinvokaw żewġ aggravji għall-annullament tas-sentenzi appellati:

Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell tal-ACER issodisfa l-obbligu tiegħu li jwettaq stħarriġ sħiħ u mhux limitat għall-iżbalji manifesti tad-deċiżjonijiet ikkontestati tal-ACER.

Il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat l-Artikoli 20 u 21, kif ukoll l-Artikolu 37 tar-Regolament 2017/2195, fl-evalwazzjoni tal-bażijiet legali applikabbli għall-operat tal-pjattaformi aFRR u mFRR. Hija ddeċidiet id-dibattitu favur l-argument tal-ACER u tal-Bord tal-Appell tagħha permezz ta’ interpretazzjoni li tiffavorixxi indebitament is-setgħat tal-ACER għad-detriment tat-TSOs innifishom u tal-ARN.

24.

Qabel ma nanalizza kull wieħed minn dawn iż-żewġ aggravji, ser nesprimi ruħi dwar l-eċċezzjonijiet fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-appell.

V. Fuq l-ammissibbiltà

25.

L-ACER issostni li l-appelli huma inammissibbli minħabba li:

L-aggravji jirrepetu argumenti li t-TSOs kienu diġà ressqu quddiem il-Qorti Ġenerali. Huma jippreżupponu eżami mill-ġdid tal-kwistjonijiet diġà deċiżi minnha, li ma huwiex possibbli fl-istadju tal-appell ( 9 ).

Fir-rigward tal-ewwel aggravju, dan ma għandux effetti fil-prattika, peress li d-diskrepanza legali tirrigwarda nota ta’ qiegħ il-paġna tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, li fiha dan tal-aħħar jafferma li jeżerċita stħarriġ limitat għal żball manifest dwar l-elementi tekniċi tal-imsemmija deċiżjoni. Madankollu, it-TSOs jammettu li l-Bord tal-Appell wettaq de facto stħarriġ sħiħ. Jekk dan ikun il-każ, l-aggravju jkun ipotetiku, ma jkollux effetti fil-prattika u ma jagħtihom ebda vantaġġ ( 10 ).

26.

L-eċċezzjoni doppja ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

27.

Meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea magħmula mill-Qorti Ġenerali, huwa ammissibbli li l-kwistjonijiet ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jiġu diskussi mill-ġdid fl-istadju tal-appell. Jekk l-appell ma jkunx jista’ jiġi bbażat fuq aggravji u argumenti diġà invokati quddiem il-Qorti Ġenerali, dan jitlef parti kbira mis-sens tiegħu ( 11 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li appell jista’ jiġi ppreżentat fuq il-bażi ta’ aggravji li jirriżultaw mis-sentenza appellata stess u li huma intiżi sabiex jikkritikaw, fid-dritt, il-fondatezza tagħha ( 12 ).

28.

Dan huwa l-każ fil-kawża ineżami: fl-indirizzar tar-raġunijiet tagħhom għal annullament, l-appellanti jidentifikaw l-allegati żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali. L-invokazzjoni fil-kuntest tal-appell ta’ żbalji ta’ liġi dwar kwistjonijiet legali diġà ttrattati fl-ewwel istanza tikkorrispondi, nirrepeti, għal-loġika li fuqha huma bbażati l-appelli.

29.

Fir-rigward tal-ewwel aggravju, jekk dan jiġi milqugħ dan iwassal għall-annullament kemm tas-sentenzi kif ukoll, jekk ikun il-każ, tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell u tad-deċiżjonijiet tal-ACER, u dan ikollu effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti. Għaldaqstant, dawn għandhom interess li l-ewwel aggravju tagħhom, li ma huwiex ipotetiku, jintlaqa’. Huwa biss l-eżami tal-mertu li għandu jippermetti li tingħata deċiżjoni jekk dan jintlaqax jew le.

VI. L-ewwel aggravju: intensità tal-istħarriġ tal-Bord tal-Appell dwar id-deċiżjonijiet tal-ACER

A.   L-argumenti tal-partijiet

30.

L-appellanti jqisu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Bord tal-Appell tal-ACER wettaq stħarriġ sħiħ tad-deċiżjonijiet kontenzjużi.

31.

Fl-opinjoni tagħhom, il-Qorti Ġenerali wettqet tali żball meta injorat l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell stess fir-rigward tal-intensità tal-istħarriġ li huwa japplika, u meta stħarrġet jekk l-istħarriġ kienx komplut jew le. Billi aġixxiet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma osservatx il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fis-sentenza ACER vs Aquind ( 13 ).

32.

L-ACER topponi dawn l-argumenti.

B.   L-evalwazzjoni

33.

Fis-sentenza ACER vs Aquind, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Bord tal-Appell tal-ACER għandu jeżerċita stħarriġ sħiħ mhux biss tal-evalwazzjonijiet legali, iżda wkoll tal-evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura teknika, xjentifika jew ekonomika, magħmula mill-ACER fid-deċiżjonijiet tagħha. Il-Bord tal-Appell ma jistax jillimita ruħu li jeżerċita stħarriġ ristrett, li jirrigwarda biss l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni ( 14 ).

34.

F’dan l-istadju, ma huwiex meħtieġ li jiġu spjegati f’iktar dettall ir-raġunamenti li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi dan il-metodu ta’ stħarriġ fuq il-Bord tal-Appell tal-ACER ( 15 ), wara li interpretat l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament (KE) Nru 713/2009 ( 16 ). Il-ġurisprudenza użata fis-sentenza ACER vs Aquind, ma hijiex diskussa fil-kuntest ta’ dawn l-appelli.

35.

Meta l-Bord tal-Appell tal-ACER adotta d-deċiżjonijiet kontenzjużi inkwistjoni f’din il-kawża (is-16 ta’ Lulju 2020), is-sentenza ACER vs Aquind kienet għadha ma ngħatatx. F’dak iż-żmien, il-Bord tal-Appell segwa l-prassi abitwali tiegħu, jiġifieri stħarriġ limitat ta’ evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura teknika, xjentifika jew ekonomika. L-eżami mill-ġdid tiegħu kien limitat għall-verifika ta’ jekk id-deċiżjonijiet tal-ACER kinux jinkludu żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

36.

Fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, mid-deċiżjonijiet ikkontestati ( 17 ) mit-TSOs jirriżulta li “l-Bord tal-Appell, f’konformità mal-prassi deċiżjonali tiegħu ta’ dak iż-żmien, wettaq stħarriġ sħiħ biss dwar l-evalwazzjonijiet legali tal-ACER fid-[Deċiżjonijiet] tagħha, iżda li huwa llimita ruħu li jwettaq biss stħarriġ limitat, għat-tfittxija ta’ żbalji manifesti, dwar l-evalwazzjonijiet fattwali kumplessi tagħha, ta’ natura teknika, billi rrikonoxxa, f’dan ir-rigward, ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lill-ACER ( 18 )”.

37.

Madankollu, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li:

“[I]l-Bord tal-Appell essenzjalment wettaq l-istħarriġ tiegħu fuq l-evalwazzjonijiet legali mwettqa mill-ACER fid-[Deċiżjonijiet tagħha], li fir-rigward tagħhom huwa wettaq stħarriġ sħiħ” (punt 203 tas-sentenzi appellati).

[F]il-każijiet rari fejn […] huwa ntalab jistħarreġ evalwazzjonijiet ta’ natura teknika kumplessi, il-Bord tal-Appell, fil-prattika, wettaq stħarriġ li jmur lil hinn minn sempliċi stħarriġ ristrett, sabiex b’hekk, de facto, dan tal-aħħar ikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu fir-rigward tal-intensità tal-istħarriġ li huwa kellu jwettaq dwar id-[Deċiżjonijiet tal-Acer].” (punt 204 tas-sentenzi appellati).

38.

L-approċċ tal-Qorti Ġenerali f’dawn iż-żewġ rikorsi għal annullament jikkuntrasta ma’ dak li hija stess osservat fil-Kawża T‑735/18 ( 19 ), li hija s-suġġett tas-sentenza ACER vs Aquind.

39.

Fil-Kawża T‑735/18, il-Qorti Ġenerali kkonfermat osservazzjoni analoga għal dik miktuba mill-ġdid hawnhekk, tal-Bord tal-Appell tal-ACER, u ma wettqitx il-verifika tal-kwistjoni dwar jekk, de facto, dan il-bord kienx wettaq stħarriġ sħiħ tal-evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi.

40.

Minkejja li, fil-kawża ACER vs Aquind, l-Aġenzija sostniet li, fir-realtà, il-Bord tal-Appell kien wettaq stħarriġ sħiħ ta’ kwistjonijiet tekniċi kumplessi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-Qorti Ġenerali ma kinitx wettqet żball ta’ liġi, peress li mill-punt 52 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell kien jirriżulta espressament li dan il-bord ried jillimita l-istħarriġ tiegħu (tad-Deċiżjoni Nru 05/2018) għal żball manifest ta’ evalwazzjoni ( 20 ).

41.

Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali tadotta approċċ differenti. Minflok ma assumiet li, hekk kif kien qiegħed isostni l-Bord tal-Appell stess, l-istħarriġ li huwa applika għall-kwistjonijiet tekniċi kumplessi kien limitat, il-Qorti Ġenerali, eżaminat fil-fond id-deċiżjonijiet ikkontestati, sabiex tivverifika jekk il-Bord tal-Appell kienx wettaq dak li huwa allega li ma wettaqx.

42.

Wara din il-verifika, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Bord tal-Appell kien stħarreġ, de facto, mingħajr limitazzjoni u b’mod sħiħ, l-evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura teknika tal-ACER. B’mod partikolari, hija kkonstatat li l-imsemmi bord kien ivverifika li l-proċess ta’ aġġornament kontinwu tal-kapaċità ta’ trażmissjoni transżonali disponibbli, b’mod ċentralizzat jew deċentralizzat, kien teknikament neċessarju sabiex jiġu operati l-pjattaformi aFRR u mFRR ( 21 ).

43.

Fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti Ġenerali twettaq żball ta’ liġi billi tinjora d-dikjarazzjoni tal-Bord tal-Appell. Jekk huwa jirrikonoxxi li wettaq kontroll limitat u marġinali fuq il-kwistjonijiet tekniċi kumplessi tad-deċiżjonijiet tal-ACER ikkontestati, ma narax kif tista’ tinjora din id-dikjarazzjoni u tibdilha b’waħda l-oppost tagħha.

44.

Kif issuġġerejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża ACER vs Aquind ( 22 ), u kif ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha ( 23 ), meta l-Bord tal-Appell jiddikjara li wettaq stħarriġ ristrett, limitat għall-evalwazzjoni tal-iżbalji manifesti li jikkonċernaw il-kwistjonijiet tekniċi kumplessi, tad-deċiżjonijiet tal-ACER, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tivverifika jekk l-imsemmi bord wettaqx “fil-prattika”stħarriġ sħiħ ta’ dawn il-kwistjonijiet.

45.

Abbażi ta’ din il-premessa, fil-kawża ineżami, il-Qorti Ġenerali kellha taċċetta bħala minnha d-dikjarazzjoni tal-Bord tal-Appell, li huwa l-iktar wieħed ikkwalifikat sabiex ikun jaf liema tip ta’ stħarriġ huwa applikat fid-deċiżjonijiet tiegħu stess.

46.

Jekk, bħal fil-kawża ineżami, il-Bord tal-Appell jiddikjara li applika stħarriġ limitat u marġinali, il-Qorti Ġenerali għandha, awtomatikament, tannulla d-deċiżjonijiet tal-imsemmi bord skont il-ġurisprudenza ACER vs Aquind. Minn dan l-annullament, il-Bord tal-Appell għandu jfassal deċiżjonijiet ġodda li fihom iwettaq stħarriġ sħiħ ta’ kwistjonijiet tekniċi kumplessi ( 24 ).

47.

Meta, għall-kuntrarju, il-Bord tal-Appell jiddikjara, f’deċiżjoni, li wettaq stħarriġ sħiħ tal-evalwazzjonijiet legali u tal-evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi li jinsabu f’deċiżjoni tal-ACER, il-Qorti Ġenerali għandha tanalizza l-portata ta’ dan l-istħarriġ, jekk ir-rikorrenti jqisu li ma għandux il-portata dovuta jew li huwa insuffiċjenti. Jekk il-Qorti Ġenerali ma tagħmilx dan, u jekk taċċetta bħala valida l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, hija tikser id-dritt tar-rikorrenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

48.

Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jwassluni sabiex nipproponi li l-ewwel aggravju jiġi milqugħ.

VII. It-tieni aggravju: il-Qorti Ġenerali ma applikatx b’mod korrett l-Artikoli 20, 21 u 37 tar-Regolament 2017/2195 meta evalwat il-bażijiet legali tal-funzjonijiet meħtieġa għall-ġestjoni tal-pjattaformi aFRR u mFRR

49.

Essenzjalment, dan l-aggravju jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żball ta’ liġi meta qieset li, skont ir-Regolament 2017/2195, il-“funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċità ta’ trażmissjoni transżonali ta’ enerġija tal-ibbilanċjar” hija funzjoni meħtieġa għall-ġestjoni tal-pjattaformi aFRR u mFRR.

50.

Iż-żewġ argumenti inkwistjoni jsostnu, abbażi ta’ pożizzjonijiet opposti li:

Din il-funzjoni għandha tiġi eżerċitata mill-pjattaformi Ewropej għall-allokazzjoni tal-ibbilanċjar (l-argument tal-ACER, sostnut mill-Bord tal-Appell u mill-Qorti Ġenerali).

Din il-funzjoni taqa’ taħt il-kompetenza tat-TSOs (argument tal-appellanti, li jikkorrispondi għal dak adottat mit-TSOs kollha qabel u wara d-Deċiżjonijiet 02/2020 u 03/2020 tal-ACER) ( 25 ).

51.

Minn perspettiva teknika, huwa probabbli li l-allokazzjoni ta’ din il-funzjoni lill-pjattaformi Ewropej għall-allokazzjoni tal-ibbilanċjar kienet tkun l-għażla mixtieqa. Madankollu, ser nesponi iktar ’il quddiem li din ma kinitx l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni, riflessa fl-Artikoli 20, 21 u 37 tar-Regolament 2017/2195.

52.

L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat l-Artikoli 20, 21 u 37 tar-Regolament 2017/2195 meta evalwat il-bażijiet legali tal-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaformi mFRR u aFRR. Fil-fehma tagħhom:

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-ġestjoni tal-kapaċità, bħala proċess ikkoordinat u ċċentralizzat f’livell ta’ pjattaformi multipli ta’ aġġornament kontinwu tal-kapaċità transżonali disponibbli, hija funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaformi mFRRy aFRR, fis-sens tal-Artikolu 20(3)(c) u tal-Artikolu 21(3)(c) tar-Regolament 2017/2195.

L-Artikolu 37 tar-Regolament 2017/2195 jimponi fuq it-TSOs il-ġestjoni tal-kapaċità transżonali tal-elettriku, iżda ma jimponix li din il-kapaċità tiġi inkluża bħala funzjoni meħtieġa fl-iżvilupp tal-pjattaformi mFRR u aFRR. Dawn il-pjattaformi huma żviluppati fil-kuntest ta’ proċeduri differenti, irregolati mill-Artikoli 20 u 21 tal-imsemmi regolament.

53.

L-appellanti jaqsmu dan l-aggravju f’żewġ partijiet, li huma marbuta mill-qrib ma’ xulxin:

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-kalkolu tal-kapaċità transżonali, previst mill-Artikolu 37 tar-Regolament 2017/2195, għandu jitqies bħala funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaformi mFRR u aFRR, previsti mill-Artikoli 20 u 21 tiegħu. Permezz ta’ dan ir-raġunament, hija estendiet is-sistema tal-Artikoli 20 u 21 għall-funzjoni msemmija fl-Artikolu 37, li jipprevedi sistema ġuridika separata.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi ieħor meta interpretat l-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament 2017/2195, billi fixklet l-obbligi legali tat-TSOs mad-drittijiet li dawn jistgħu jeżerċitaw għall-finijiet tal-missjonijiet tal-pjattaformi mFRR u aFRR.

54.

L-ACER tiċħad dawn l-argumenti.

55.

Qabel ma nanalizza ż-żewġ partijiet tat-tieni aggravju hekk kif maqsuma mill-appellanti, inqis li huwa utli, fid-dawl tat-tekniċità estrema tiegħu, li jiġi spjegat il-funzjonament tas-suq tal-ibbilanċjar tal-elettriku u tal-pjattaformi Ewropej maħluqa sabiex jiffavorixxu l-konnessjonijiet transkonfinali bejn is-swieq tal-ibbilanċjar tal-elettriku nazzjonali.

A.   Osservazzjonijiet preliminari: swieq tal-ibbilanċjar tal-elettriku u pjattaformi Ewropej għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar

56.

Minħabba l-karatteristiċi fiżiċi tagħhom, hemm erba’ tipi ta’ swieq tal-elettriku bl-ingrossa msemmija fl-Artikoli 6 sa 9 tar-Regolament (UE) 2019/943 ( 26 ):

Is-swieq ta’ ġurnata bil-quddiem, fejn il-produzzjoni tista’ tiġi ppjanata u nnegozjata ġurnata bil-quddiem.

Is-swieq tal-istess ġurnata, fejn id-domanda ppjanata tista’ tiġi aġġustata bi ftit preavviż, skont il-bidliet li se jseħħu fil-ġenerazzjoni tal-elettriku, b’mod partikolari fid-dawl tal-proporzjon dejjem ikbar ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli, bħar-riħ u x-xemx.

Is-swieq forward, għandhom l-għan li jtaffu l-volatilità tal-prezzijiet spot. Fihom, il-parteċipanti fis-suq, inklużi s-sidien ta’ installazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli, huma protetti mir-riskji li jirriżultaw minn din il-volatilità.

Is-swieq tal-ibbilanċjar ġew stabbiliti sabiex id-domanda u l-offerta fuq is-sistema jkunu dejjem ugwali, u sabiex ir-riskju ta’ tnaqqis fil-provvista tal-elettriku jiġi nnewtralizzat. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, jeħtieġ li jkun hemm swieq fejn it-TSOs jistgħu jixtru l-enerġija meħtieġa biex jinżamm il-bilanċ tas-sistema ( 27 ) qrib il-ħin ta’ konsenja fiżika.

57.

Fir-rigward ta’ dawn is-swieq tal-aħħar, ir-Regolament 2017/2195 jistabbilixxi “sett ta’ regoli tekniċi, operazzjonali u marbuta mas-suq, applikabbli għall-UE kollha, biex jirregolaw il-funzjonament tas-swieq tal-ibbilanċjar tal-elettriku ( 28 ).”

58.

B’mod partikolari, ir-Regolament 2017/2195, bil-għan li jikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-suq intern tal-elettriku fl-Unjoni, huwa intiż sabiex l-allokazzjoni tal-enerġija tas-swieq tal-ibbilanċjar, preċedentement limitat għal-livell nazzjonali, tgħaddi sabiex titwettaq progressivament, skont l-iskeda prevista fih, fil-livell Ewropew.

59.

Ir-Regolament 2017/2195 juża, għal dan l-għan, erba’ pjattaformi Ewropej għall-allokazzjoni tal-ibbilanċjar ( 29 ), waħda għal kull wieħed mill-prodotti standard tal-ibbilanċjar iddefiniti ( 30 ):

Il-pjattaforma Ewropea għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar minn riżervi ta’ rimpjazzament, magħrufa bħala l-pjattaforma RR (Replacement Reserve Platform). Prevista fl-Artikolu 19 tar-Regolament 2017/2195, ġiet żviluppata mit-TSOs għat-twettiq tal-proċess tar-rimpjazzament ta’ riżervi konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Parti IV tar-Regolament 2017/1485 ( 31 ). Din il-pjattaforma ġiet żviluppata fil-kuntest tal-proġett TERRE (Trans-European Replacement Reserves Exchange), ibbażat fuq is-soluzzjoni LIBRA, li hija sistema tal-IT komuni ( 32 ). Il-pjattaforma ilha topera minn Jannar 2020, u l-funzjonament tagħha jifforma parti mill-qafas għall-implimentazzjoni tar-Replacement Reserve Implementation Framework ( 33 ).

Il-pjattaforma mFRR. Prevista fl-Artikolu 20 tar-Regolament 2017/2195, ġiet implimentata fil-kuntest tal-proġett Manually Activated Reserves Initiative (MARI), u ġiet irregolata bid-Deċiżjoni ACER 03/2020. Din ilha topera mill‑5 ta’ Ottubru 2022 u magħha qegħdin jingħaqdu progressivament it-TSOs tal-Istati Membri.

Il-pjattaforma aFRR. Prevista fl-Artikolu 21 tar-Regolament 2017/2195, ġiet implimentata fil-kuntest tal-proġett PICASSO (Platform for the International Coordination of Automated Frequency Restoration and Stable System Operation) u ġiet irregolata bid-Deċiżjoni ACER 02/2020. Din ilha topera mill‑1 ta’ Ġunju 2022 u magħha qegħdin jingħaqdu progressivament it-TSOs tal-Istati Membri.

Il-pjattaforma Ewropea għall-proċess tan-nettjar tal-iżbilanċi, magħrufa bħala Imbalance netting Platform jew IN Platform. Prevista fl-Artikolu 22 tar-Regolament 2017/2195, din ġiet stabbilita fl‑24 ta’ Ġunju 2021 abbażi tal-proġett International Grid Control Cooperation ( 34 ). It-TSOs iddeċidew li jużaw l-istess sistema tal-IT u l-mezzi ta’ komunikazzjoni għall-pjattaforma aFRR u għall-pjattaforma IN.

60.

It-TSOs ħatru lil Amprion GmbH u lil TransnetBW GmbH bħala entitajiet għall-iżvilupp, għall-manutenzjoni u għall-ġestjoni tal-pjattaformi mFRR u aFRR/IN ( 35 ). Hekk kif indikat l-ACER matul is-seduta, it-TSOs kellhom jinkorporaw ruħhom progressivament f’dawn il-pjattaformi matul perijodu tranżitorju, sal‑24 ta’ Ġunju 2024, iżda, fil-prattika, hemm xi dewmien fil-proċess ( 36 ).

61.

Kif jindikaw it-titoli tagħhom, id-differenza bejn il-pjattaformi mFRR u aFRR hija waħda li tiddependi fuq “jekk l-enerġija tal-ibbilanċjar hijiex attivata manwalment minn operatur jew awtomatikament f’ċirkwit magħluq ( 37 ).”

B.   Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju: konfużjoni bejn l-obbligi ġuridiċi imposti mill-Artikolu 37, minn naħa, u l-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament 2017/2195, min-naħa l-oħra

62.

L-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-kalkolu tal-kapaċità transżonali għandu jitqies bħala funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaformi mFRR u aFRR. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali estendiet is-sistema prevista fl-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament 2017/2195 għall-funzjoni msemmija fl-Artikolu 37, li jipprevedi sistema legali separata.

63.

Skont il-Qorti Ġenerali, il-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda li l-funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċità hija funzjoni oħra mill-funzjonijiet meħtieġa sabiex jiġu operati l-pjattaformi aFRR u mFRR. Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward jista’ jinġabar fil-qosor kif ġej ( 38 ):

Il-proposti għall-metodoloġiji ppreżentati mit-TSOs għandhom jinkludu d-definizzjoni tal-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaformi aFRR u mFRR.

Mir-Regolament 2017/2195 jirriżulta li dawn il-pjattaformi għandhom jinkludu mill-inqas il-funzjoni ta’ ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni ( 39 ) u tal-funzjoni tal-issetiljar TSO–TSO, iżda ma huwiex eskluż li dawn jinkludu funzjonijiet oħra.

Speċifikament, il-funzjoni ta’ “kalkolu tal-kapaċità tranżonali” tikkostitwixxi waħda mill-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaformi aFRR u mFRR. B’mod partikolari, dan ikun il-każ jekk iż-żieda ta’ tali funzjoni tkun neċessarja sabiex jintlaħaq disinn ta’ livell għoli ta’ dawn il-pjattaformi li jissodisfa l-prinċipji ta’ governanza u proċessi tan-negozju komuni.

L-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaformi aFRR u mFRR”, għandha tqis il-kuntest u l-għanijiet imfittxija mir-Regolament 2017/2195. Skont dawn il-kriterji, dawn huma funzjonijiet li, kemm mil-lat tekniku kif ukoll minn dak legali, jirriżultaw li huma meħtieġa għal implimentazzjoni u għal operat effettivi u siguri ta’ dawn il-pjattaformi.

Minn perspettiva legali, l-Artikolu 37(1) tar-Regolament 2017/2195 jimponi fuq it-TSOs l-obbligu li jaġġornaw kontinwament il-kapaċità transżonali disponibbli, għall-finijiet tal-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar jew tan-nettjar tal-iżbilanċi.

Minn perspettiva teknika, kif jirriżulta mill-proposti ta’ metodoloġiji aFRR u mFRR żviluppati mit-TSOs, l-aġġornament kontinwu ta’ din il-kapaċità, li fuqha hija bbażata l-funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċitajiet, huwa fattur essenzjali għall-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni. Din tal-aħħar, min-naħa tagħha, hija funzjoni neċessarja tal-pjattaformi, intiża sabiex tottimizza l-attivazzjoni tal-offerti ta’ enerġija tal-ibbilanċjar li jkollhom l-aħjar klassifikazzjoni (fil-lista fl-ordni tal-mertu komuni) skont il-kapaċitajiet transżonali limitati disponibbli.

Barra minn hekk, it-TSOs infushom żiedu l-funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċità mal-pjattaformi, sabiex dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-disinn ta’ livell għoli fil-qasam tal-effiċjenza u tas-sigurtà meħtieġa mir-Regolament 2017/2195.

64.

Fid-dawl ta’ dawn il-premessi, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li: “[…] il-funzjoni li tippermetti li l-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli tiġi kkalkolata u aġġornata b’mod kontinwu, billi tiġi segwita metodoloġija armonizzata fir-rigward tat-TSO kollha, għandha tiġi kkunsidrata, fid-dawl tal-għan li jiġi żgurat operat effiċjenti u sigur tal-pjattaforma […], kemm mil-lat tekniku kif ukoll minn dak ġuridiku, funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma li d-disinn tagħha, kif imfakkar fl-Artikolu 21(3)(a) (Artikolu 20(3)(a)] tar-Regolament 2017/2195, irid ikun ta’ livell għoli u jikkonforma mal-prinċipji ta’ governanza u ma’ proċessi tan-negozju komuni” ( 40 ).

65.

Din l-affermazzjoni hija riprodotta f’termini analogi f’siltiet oħra tas-sentenzi appellati. B’mod partikolari, il-punt 122 tagħhom jipprovdi li “[…] l-funzjoni ta’ aġġornament kontinwu tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli, li hija sottostanti għall-funzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità, u, għaldaqstant, il-funzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità stess għandhom jiġu kklassifikati globalment bħala funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma […].”

66.

L-interpretazzjoni tiegħi tar-rabtiet bejn l-Artikolu 37 u l-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament 2017/2195, hija differenti minn dik tal-Qorti Ġenerali. Ser nirreferi, b’mod separat, għall-Artikolu 37, minn naħa, u għall-Artikoli 20 u 21, min-naħa l-oħra, sabiex imbagħad niġbor fil-qosor l-argumenti tiegħi dwar l-interpretazzjoni magħquda ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

1. Fuq l-Artikolu 37 tar-Regolament 2017/2195

67.

L-Artikolu 37 tar-Regolament 2017/2195 jistabbilixxi s-sistema legali għall-aġġornament kontinwu tad-disponibbiltà tal-kapaċità transżonali. Skont din is-sistema, l-Artikolu 37 tar-Regolament 2017/2195:

jobbliga lit-TSOs, wara l-ħin tal-għeluq tas-suq transżonali tal-istess ġurnata, jaġġornaw kontinwament id-disponibbiltà tal-kapaċità transżonali ta’ enerġija tal-ibbilanċjar jew għat-tħaddim tal-proċess tan-nettjar tal-iżbilanċi (punt 1).

Dan jirrikjedi li, sa mhux iktar tard minn ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament, it-TSOs kollha ta’ reġjun ta’ kalkolu tal-kapaċità għandhom jiżviluppaw metodoloġija għall-kalkolu tal-kapaċità transżonali fil-perijodu ta’ żmien tal-ibbilanċjar għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar jew għat-tħaddim tal-proċess tan-nettjar tal-iżbilanċi (punt 3).

Huwa jipprevedi li, qabel l-applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kalkolu tal-kapaċità skont il-punt 3, it-TSOs għandhom jużaw il-kapaċità transżonali li jifdal wara l-ħin tal-għeluq tas-suq transżonali tal-istess ġurnata (punt 2).

68.

Issa, l-obbligi imposti mill-Artikolu 37 tar-Regolament 2017/2195 huma indirizzati lit-TSOs u ma jinkludu ebda allużjoni għall-pjattaformi Ewropej ta’ allokazzjoni tal-bilanċ (l-Artikoli 19 sa 22 tal-istess regolament).

69.

Fil-fehma tiegħi, li tikkoinċidi ma’ dik tal-appellanti, għandha ssir distinzjoni bejn l-obbligi imposti fuq it-TSOs u l-funzjonijiet assenjati lill-pjattaformi. Ir-Regolament 2017/2195 jittratta t-tnejn li huma, minn perspettiva sistematika, f’intestaturi differenti:

Fit-Titolu II (“Is-suq tal-ibbilanċjar tal-elettriku”), Kapitolu 2 (“Pjattaformi Ewropej għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar”), jiddaħħlu l-Artikoli 20 u 21 li jirregolaw il-pjattaformi mFRR u aFRR.

Għall-kuntrarju, fit-Titolu IV (“Il-kapaċità transżonali għas-servizzi tal-ibbilanċjar”), Kapitolu 1 (“L-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar jew il-proċess tan-nettjar tal-iżbilanċi”), jirregola kif it-TSOs għandhom jużaw (l-Artikolu 36) u jikkalkulaw (l-Artikolu 37) il-kapaċità transżonali disponibbli.

70.

Id-distinzjoni ma ssirx biss f’termini ta’ lokalizzazzjoni sistematika fir-Regolament 2017/2195. Il-qari tal-Artikolu 37 juri li dan ma jinkludi ebda riferiment, u lanqas riferiment trasversali, għall-Artikoli 20 u 21. B’mod partikolari, mill-Artikolu 37 ma jistax jiġi dedott li l-ġestjoni tal-kapaċità transżonali hija meħtieġa għall-funzjonament tal-pjattaformi mFRR u aFRR. Dak li huwa meħtieġ mill-pjattaformi hija d-data dwar il-kapaċità ta’ enerġija transżonali tal-ibbilanċjar disponibbli għall-iskambju bejn it-TSOs, sabiex tiġi implimentata l-funzjoni tal-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni.

71.

Il-kunċett ta’ “funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma Ewropea”, ma jagħmilx parti mill-ħamsa u erbgħin kunċett iddefiniti fl-Artikolu 2 tar-Regolament 2017/2195. Dan il-kunċett jidher biss fl-Artikoli 20 u 21 tal-istess regolament, li jipprovdu li t-tifsira tiegħu għandha tiġi mfittxija.

2. Fuq l-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament 2017/2195

72.

L-ewwel punt ta’ dawn l-artikoli jipprevedi li t-TSOs għandhom jippreżentaw proposta dwar l-oqfsa ta’ implimentazzjoni tal-pjattaformi mFRR u aFRR. It-tieni punt jispeċifika l-karatteristiċi li ġejjin taż-żewġ pjattaformi: i) għandhom jiġu operati minn TSO jew minn entità maħluqa mit-TSOs infushom; ii) għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji tal-governanza u proċessi tan-negozju komuni; iii) għandhom jinkludu, mill-inqas, il-funzjoni tal-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u l-funzjoni tal-issetiljar TSO-TSO; iv) għandhom japplikaw mudell multilaterali bejn TSO-TSO, b’listi komuni skont il-mertu biex jiġu skambjati l-offerti kollha għall-enerġija tal-ibbilanċjar mill-prodotti standard għar-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni (manwali jew awtomatiku).

73.

Il-proposta tat-TSOs għandha tirrispetta dawn il-karatteristiċi tal-pjattaformi u għandha tinkludi, mill-inqas, l-elementi speċifikati fl-Artikolu 20(3) u fl-Artikolu 21(3) tar-Regolament 2017/2195. Dawn l-elementi jinkludu “a) id-disinn ta’ livell għoli tal-pjattaforma Ewropea” u “c) id-definizzjoni tal-funzjonijiet meħtieġa biex titħaddem [għall-operat] il-pjattaforma Ewropea.”

74.

Bħala funzjonijiet tal-pjattaformi mFRR u aFRR, għandu neċessarjament ikun hemm dawk ta’ ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u ta’ issetiljar TSO-TSO. Għalhekk, it-tnejn li huma, huma funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaformi mFRR u aFRR. Bl-istess mod, dawn għandhom jiġu inklużi, bħala tali, fil-proposti ppreżentati mit-TSOs.

75.

Id-dibattitu kien iffokat fuq l-interpretazzjoni tal-frażi “tal-anqas” li tinsab fl-Artikolu 20(2) u fl-Artikolu 21(2) tar-Regolament 2017/2195. Skont il-Qorti Ġenerali, ir-riferiment li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jagħmlu għall-funzjonijiet (minimi) ta’ ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u tal-issetiljar TSO–TSO ma jipprekludix lill-ACER milli timponi li l-pjattaformi jinkludu, taħt l-istess titolu ta’ funzjonijiet meħtieġa, funzjonijiet differenti minn dawn it-tnejn.

76.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, din l-interpretazzjoni ma hijiex korretta. Il-leġiżlatur ried jagħti lill-pjattaformi kontenut minimu ta’ funzjonijiet, billi qies li tnejn biss kienu indispensabbli (“meħtieġa”) għall-operat tagħhom. Naturalment, xejn ma jipprekludi li jiżdiedu funzjonijiet oħra, bħall-funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċità transżonali, iżda huma t-TSOs li għandhom jiddeċiedu jekk dawn jiġux jew ma jiġux miżjuda, u l-ACER ma hijiex awtorizzata li timponihom.

77.

It-TSOs appellanti ma jikkontestawx li d-data dwar il-kapaċità transżonali hija meħtieġa għall-funzjonament effiċjenti tal-pjattaformi tal-ibbilanċjar ( 41 ). Madankollu, minn din il-premessa ma jistax jiġi dedott li l-kalkolu ta’ din id-data għandu jitwettaq, –bħala funzjoni neċessarja– mill-entità maħtura għall-operat tal-pjattaforma jew mill-pjattaforma nnifisha.

78.

Fir-realtà, huwa l-Artikolu 37 tar-Regolament 2017/2195 li jattribwixxi lit-TSOs (u mhux lill-pjattaformi) il-kalkolu tal-kapaċità transżonali. Huma t-TSOs li huma responsabbli għall-proċess ta’ kalkolu u ta’ aġġornament tad-data dwar id-disponibbiltà ta’ din il-kapaċità.

79.

Il-fatt li din id-data hija indispensabbli għall-funzjonament tajjeb tal-pjattaformi mFRR u aFRR (punt li dwaru ma hemmx nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet) ma jfissirx, nirrepeti, li l-kalkoli tal-kapaċità transżonali u l-aġġornament permanenti tagħha għandhom b’mod imperattiv jiġu fdati lil dawn il-pjattaformi, permezz ta’ deċiżjoni tal-ACER. Nerġa’ nirrepeti li l-kalkolu tal-kapaċità transżonali ma għandux neċessarjament jitwettaq bħala funzjoni meħtieġa mill-pjattaformi u mill-entitajiet inkarigati mill-operat tagħhom.

80.

Id-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta enfasizzaw li l-Artikolu 37 tar-Regolament 2017/2195 jagħti lit-TSOs, taħt is-superviżjoni tal-ARN, il-kompitu li jiġġeneraw id-data dwar il-kapaċità transżonali tal-enerġija tal-ibbilanċjar u l-aġġornament permanenti ta’ din id-data. It-TSOs biss għandhom il-mezzi tekniċi u huma kapaċi jipproduċu din id-data, b’tali mod li ma huwiex possibbli li l-funzjoni tal-ġenerazzjoni ta’ din id-data tiġi ttrasferita għall-algoritmu ta’ pjattaforma. Jekk ikun mod ieħor, jista’ jkun li s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tat-TSOs fir-rigward tat-territorji rispettivi tagħhom, tiġi kompromessa.

81.

Għaldaqstant, jiena tal-fehma li huwa żbaljat li jitqies li l-funzjoni ta’ ġenerazzjoni u ta’ aġġornament tad-data tal-enerġija transżonali tal-ibbilanċjar għandha titqies bħala waħda mill-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaformi aFRR u mFRR. Iż-żewġ pjattaformi la jistgħu jimmaniġġjaw il-kapaċità transżonali tal-enerġija tal-ibbilanċjar u lanqas l-aġġornament tagħhom, għalkemm jeħtieġu din id-data għall-funzjonament tagħhom. It-TSOs għandhom l-obbligu li jittrażmettu tali data lill-pjattaformi b’mod individwali jew, jekk iqisu li dan ikun iktar konvenjenti, b’mod iċċentralizzat permezz ta’ modulu tal-IT komuni.

3. L-argumenti favur li l-ewwel parti tat-tieni aggravju tiġi milqugħa

82.

Fl-ewwel lok, kif ammettiet il-Qorti Ġenerali ( 42 ), il-pjattaformi mFRR u aFRR inizjalment aġixxew mingħajr il-funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċità transżonali.

83.

Dan seħħ għaliex it-TSOs, f’konformità mal-Artikolu 37(3) tar-Regolament 2017/2195, kellhom qabelxejn ifasslu metodoloġija għall-kalkolu tal-kapaċità transżonali fil-perijodu taż-żmien tal-ibbilanċjar. It-TSOs iddeċidew li din il-funzjoni għandha titwettaq permezz ta’ modulu tal-IT, b’mod ikkoordinat u ċċentralizzat, fuq livell ta’ pjattaformi multipli, u għalhekk huma kellhom minn qabel joħolqu dan il-modulu u jorganizzaw il-ġestjoni tiegħu ( 43 ).

84.

Fit-tieni lok, kif diġà indikajt, l-Artikolu 37 tar-Regolament 2017/2195 jistabbilixxi sistema legali għall-aġġornament kontinwu tad-disponibbiltà tal-kapaċità transżonali u għall-ħolqien ta’ metodoloġija għall-kalkolu ta’ din il-kapaċità. Din is-sistema legali hija differenti minn dik applikabbli għall-erba’ pjattaformi Ewropej ta’ allokazzjoni tal-ibbilanċjar (l-Artikoli 19 sa 22 tal-istess regolament). Dawn huma sistemi differenti, li jirriflettu l-għażla tal-leġiżlatur li jagħtihom kontenut awtonomu.

85.

Fit-tielet lok, il-proċedura deċiżjonali applikata għall-ħolqien tal-pjattaformi mFRR u aFRR hija differenti minn dik użata fl-Artikolu 37 tar-Regolament 2017/2195. Skont l-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament, huma l-awtoritajiet regolatorji li għandhom japprovaw il-proposti mressqa mit-TSOs dwar: “a) l-oqsfa għall-istabbiliment ta’ pjattaformi Ewropej skont l-Artikoli 20(1), 21(1) […]” u “b) l-immodifikar tal-oqsfa għall-istabbiliment ta’ pjattaformi Ewropej skont l-Artikoli 20(5) u 21(5).” Għalhekk, l-ACER, fuq proposta tat-TSOs, tiddeċiedi dwar l-oqfsa ta’ implimentazzjoni u l-emendi tagħhom fir-rigward tal-pjattaformi mFRR u aFRR/IN.

86.

B’kuntrast ma’ dan, huma t-TSOs li għandhom jipproponu u huma l-ARN tar-reġjun ikkonċernat li għandhom japprovaw, skont l-Artikolu 5(3)(f) tar-Regolament 2017/2195, il-metodoloġija għall-kalkolu tal-kapaċità transżonali għal kull reġjun ta’ kalkolu, skont l-Artikolu 37(3) ( 44 ). L-intervent tal-ACER huwa possibbli f’tali każijiet meta l-ARN ma jkunux jistgħu jaslu għal ftehim jew jitolbu lil din l-aġenzija tiddeċiedi, konformement mal-Artikolu 5(7) tar-Regolament 2017/2195 u mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(10)(b) tar-Regolament (UE) 2019/942.

87.

L-utilità u l-effiċjenza ikbar tal-inklużjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità transżonali tal-enerġija tal-ibbilanċjar fil-pjattaformi Ewropej ma jiġġustifikawx, fil-fehma tiegħi, ir-rikonoxximent ta’ kompetenza impliċita lill-ACER sabiex tikklassifikaha bħala funzjoni meħtieġa għall-funzjonament tal-pjattaformi aFRR u mFRR. Huma t-TSOs li għandhom il-mezzi tekniċi sabiex jikkalkolaw u jaġġornaw il-kapaċità transżonali, u ma huwiex evidenti li l-pjattaformi aFRR u mFRR jistgħu jwettqu din l-attività b’mod iktar effiċjenti. Barra minn hekk, tali kompetenza impliċita tmur kontra l-Artikolu 37 tar-Regolament 2017/2195 ( 45 ).

88.

Fir-raba’ lok, l-Artikolu 37(1) tar-Regolament 2017/2195 jordna lit-TSOs jaġġornaw, b’mod kontinwu, id-disponibbiltà ta’ kapaċitajiet transżonali għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar. Għalhekk, kull TSO huwa obbligat jimmaniġġja l-kapaċità ta’ skambju, li huwa indispensabbli għall-iskambju transżonali tal-enerġija. L-Artikolu 37 ma jgħid xejn dwar il-fatt li din il-funzjoni għandha tingħata lill-pjattaformi Ewropej ta’ allokazzjoni tal-ibbilanċjar.

89.

Għalhekk, mill-Artikolu 37(1) tar-Regolament 2017/2195 jista’ jiġi dedott li l-informazzjoni dwar l-enerġija tal-ibbilanċjar għall-iskambju bejn iż-żoni, għandha tiġi pprovduta minn kull TSO. Kif diġà indikajt, huma t-TSOs li għandhom il-mezzi tekniċi biex jipprovdu d-data dwar il-kapaċità tal-enerġija transżonali tal-ibbilanċjar disponibbli. L-Artikolu 37(2) jelabora iktar dan l-argument billi jafferma li t-TSOs għandhom jużaw il-kapaċità transżonali li jifdal wara l-ħin tal-għeluq tas-suq transżonali tal-istess ġurnata, sakemm il-metodoloġija għall-kalkolu tal-kapaċità tiġi żviluppata u applikata skont il-punt 3.

90.

Fil-ħames lok, l-Artikolu 37(3) tar-Regolament 2017/2195 jipprevedi l-istabbiliment progressiv ta’ ġestjoni armonizzata tal-funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċità transżonali tal-enerġija tal-ibbilanċjar. B’mod partikolari, huwa jipprevedi li, fi żmien ħames snin, it-TSOs kollha ta’ reġjun ta’ kalkolu tal-kapaċità jiżviluppaw metodoloġija għall-kalkolu tal-kapaċità transżonali tal-enerġija tal-ibbilanċjar. Huma għalhekk it-TSOs li għandhom ifasslu din il-metodoloġija, u huma l-ARN li għandhom japprovawha. Huma wkoll it-TSOs li għandhom l-obbligu li jiżguraw il-konsistenza mal-metodoloġija għall-kalkolu tal-kapaċità transżonali applikata għall-perijodi ta’ żmien tas-suq tal-istess ġurnata stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2015/1222 ( 46 ).

91.

Ma jidhirlix li huwa loġiku, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Qorti Ġenerali, li l-funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċità transżonali tiġi attribwita lill-pjattaformi Ewropej u li, għall-kuntrarju, l-iżvilupp tal-metodoloġija ta’ din il-kapaċità transżonali tiġi attribwita lit-TSOs u li l-approvazzjoni tagħha tiġi attribwita lill-ARN. Għandu jkun hemm armonija bejn il-punti 1 u 3 tal-Artikolu 37 tar-Regolament 2017/2195, armonija li, fil-fehma tiegħi, ma hijiex osservata fis-sentenzi appellati.

92.

Il-Qorti Ġenerali ma tiħux inkunsiderazzjoni b’mod xieraq ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 37(3) tar-Regolament 2017/2195 u r-Regolament (UE) 2015/1222. Kif diġà semmejt, l-ewwel dispożizzjoni teżiġi li jkun hemm koerenza bejn il-metodoloġija għall-kalkolu tal-kapaċità transżonali, żviluppata mit-TSOs, għall-enerġija tal-ibbilanċjar u għall-metodoloġija tal-kalkolu tal-kapaċità transżonali applikata għall-perijodu ta’ żmien tal-ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata. Ir-Regolament 2015/1222 jipprevedi, fl-Artikolu 15(1) tiegħu, li t-TSOs kollha għandhom jiżviluppaw b’mod konġunt proposta komuni dwar id-determinazzjoni tar-reġjuni għall-kalkolu tal-kapaċitajiet ta’ skambju; u fl-Artikolu 20(2) tiegħu, li t-TSOs kollha ta’ kull reġjun ta’ kalkolu tal-kapaċità ta’ skambju għandhom jippreżentaw proposta ta’ metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-kapaċità fi ħdan ir-reġjun korrispondenti.

93.

Konsegwentement, ir-Regolament 2015/1222 ma jipprevedix metodoloġija komuni għat-TSOs kollha ( 47 ) għall-kalkolu tal-kapaċità transżonali f’perijodu ta’ żmien tal-ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata, iżda diversi metodoloġiji reġjonali differenti. Il-kalkolu tal-kapaċità transżonali tal-enerġija tal-ibbilanċjar ma għandux neċessarjament jitwettaq permezz ta’ metodoloġija waħda armonizzata u obbligatorja għat-TSOs kollha.

94.

Fis-sitt lok, l-interpretazzjoni sistematika u finalista tar-Regolament 2017/2195 adottata mill-Qorti Ġenerali ma hijiex determinanti sabiex tiġi identifikata l-ġestjoni tal-kapaċità transżonali tal-enerġija tal-ibbilanċjar tiġi identifikata bħala funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaformi mFRR u aFRR.

95.

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mir-Regolament 2017/2195 fil-premessi (1), (6), (7) u (10) tiegħu, kif ukoll fl-Artikolu 3 tiegħu, huwa biżżejjed li t-TSOs jipprovdu b’mod xieraq lill-pjattaformi Ewropej id-data dwar il-kapaċità transżonali tal-enerġija tal-ibbilanċjar.

96.

Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi milqugħa.

C.   Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju: ksur tal-obbligi legali tat-TSOs u tad-drittijiet mogħtija lilhom mill-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament 2017/2195

97.

Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żball ta’ liġi meta ma għamlitx distinzjoni bejn, minn naħa, l-obbligi li t-TSOs, bħala tali, għandhom fir-rigward tal-funzjonijiet “meħtieġa” għall-operat tal-pjattaformi mFRR u aFRR u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet tagħhom li jipproponu l-inklużjoni ta’ funzjonijiet addizzjonali fuq dawn il-pjattaformi. Huma jsostnu li l-ACER ma tista’ timponi fuqhom l-inklużjoni ta’ l-ebda funzjoni addizzjonali, kuntrarjament għal dak li ġie deċiż mil-Bord tal-Appell u mil-Qorti Ġenerali.

98.

L-ACER tiċħad dan l-argument u tqis li l-interpretazzjoni tas-sentenzi appellati hija fondata fid-dritt.

99.

L-argument tal-Qorti Ġenerali, fost il-punti ta’ tluq tagħha, huwa dan li ġej:

“[…] it-tielet proposta emendata tal-mFRRIF [aFRRIF], li finalment ittieħdet inkunsiderazzjoni mill-ACER, kienet tipprevedi l-indikazzjoni ta’ entità unika inkarigata miż-żewġ funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR [aFRR] fis-sens tal-Artikolu 20(3)(c) tar-Regolament 2017/2195, li kienu espressament imsemmija fl-Artikolu 20(2) [l-Artikolu 21(2)] ta’ dan l-istess regolament, jiġifieri l-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u l-issetiljar TSO-TSO. Il-ġestjoni tal-kapaċità kienet ukoll ittieħdet inkunsiderazzjoni, fit-tielet proposta tal-mFRRIF [aFRRIF], bħala funzjoni ta’ pjattaformi multipli li l-eżekuzzjoni tagħha kienet neċessarja għall-operat tal-pjattaforma mFRR [aFRR], anki jekk ma kinitx ġiet ikklassifikata, fiha, bħala funzjoni meħtieġa għall-imsemmi operat, fis-sens tal-Artikolu 20(3)(c) [Artikolu 21(3)(c)] tar-Regolament 2017/2195 […]” ( 48 ).

“[…] it-TSO stess, fit-tielet proposta emendata tal-mFRRIF [aFRRIF] kienu pproponew, għal raġunijiet intiżi li jtejbu l-koordinazzjoni bejn il-pjattaformi ta’ bbilanċjar, li tinħatar entità unika inkarigata mill-eżekuzzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità, bħala funzjoni ta’ pjattaformi multipli. Ċertament, għall-kuntrarju tal-ACER, it-TSO kienu sostnew li l-ġestjoni tal-kapaċità ma kinitx funzjoni meħtieġa għall-operat ta’ kull pjattaforma […]” ( 49 ).

100.

Il-Qorti Ġenerali tikkonferma, b’mod definittiv, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li, min-naħa tiegħu, jikkonferma d-deċiżjonijiet tal-ACER kuntrarji għall-pożizzjoni tat-TSOs. Hija tiddikjara li l-ġestjoni tal-kapaċità transżonali, prevista fl-Artikolu 37 tar-Regolament 2017/2195, għandha tkun “kklassifikat[a] globalment” ( 50 ) bħala funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaformi mFRR u aFRR.

101.

Fil-fehma tiegħi, wara li jiġi osservat li l-kontenut ta’ din il-parti tat-tieni aggravju jikkoinċidi, fil-parti l-kbira, ma’ dak tal-ewwel waħda, l-iżball ta’ liġi tas-sentenzi appellati jinsab, għal darba oħra fil-fatt, li ma huwiex ikkonstatat li l-funzjonijiet meħtieġa, inkwantu indispensabbli skont l-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament 2017/2195, għall-istabbiliment tal-pjattaformi mFRR u aFRR huma, kif jindikaw dawn l-istess dispożizzjonijiet, dawk ta’ ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u tal-issetiljar TSO-TSO.

102.

Il-funzjoni ta’ ġestjoni u ta’ aġġornament kontinwu tal-kapaċità transżonali disponibbli ma hijiex, nirrepeti, funzjoni meħtieġa għall-funzjonament tal-pjattaformi tal-ibbilanċjar, iżda hija suġġetta għas-sistema legali, differenti, tal-Artikolu 37 tar-Regolament 2017/2195.

103.

Permezz tal-attribuzzjoni, mill-ACER u kuntrarjament għall-pożizzjoni tat-TSOs, tal-funzjoni ta’ ġestjoni u ta’ aġġornament kontinwu tal-kapaċità transżonali lill-pjattaformi mFRR u aFRR, it-TSOs u l-ARN jitilfu, fir-realtà, id-dritt mogħti lilhom mill-Artikolu 37 tar-Regolament 2017/2195. Huma għalhekk ġew imċaħħda mis-setgħa tagħhom li jiddeċiedu b’mod konġunt dwar l-aħjar mod kif jamministraw din il-funzjoni, li, skont il-proposta tagħhom, kienet li tiġi nnominata entità unika inkarigata mill-ġestjoni tal-kapaċità bħala funzjoni ta’ pjattaformi multipli.

104.

Fil-proposti ppreżentati lill-ACER għall-pjattaformi mFRR u aFRR, it-TSOs qiesu, bi qbil komuni, li l-funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċità kienet, fil-fatt, funzjoni ta’ pjattaforma multipli li għandha tiġi implimentata minn dawn il-pjattaformi kollha, b’mod ikkoordinat u ċċentralizzat. Il-kalkolu tal-kapaċità transżonali jitwettaq, għat-TSOs kollha kkonċernati, permezz ta’ “modulu tal-IT tal-ġestjoni tal-kapaċitajiet” li jżid direttament ir-riżultati miksuba mal-funzjoni ta’ ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni ta’ dawn il-pjattaformi.

105.

Fil-proposti tagħhom, it-TSOs indikaw li xtaqu jibqgħu liberi li jkunu jistgħu jafdaw il-ġestjoni tal-kapaċità, f’din il-forma kkoordinata u ċċentralizzata, lil entità li ma tkunx l-entità unika responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u tal-issetiljar TSO-TSO. Fl-istennija tal-implimentazzjoni tal-funzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità, f’din il-forma kkoordinata u ċċentralizzata, it-TSO kienu jqisu li, teoretikament, l-entità unika responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u tal-issetiljar TSO-TSO tista’ wkoll teżegwixxi l-ġestjoni tal-kapaċità billi ddaħħal, fil-funzjoni tal-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni, id-data li tkun ġiet ipprovduta minn kull wieħed mit-TSO ikkonċernati ( 51 ).

106.

Kif diġà spjegajt, ma huwiex ikkontestat li l-pjattaformi mFRR u aFRR jeħtieġu data dwar il-kapaċità transżonali tal-enerġija tal-ibbilanċjar. Issa, din id-data tista’ tiġi pprovduta lill-pjattaformi mit-TSOs u ma għandhiex neċessarjament tiġi ġestita direttament fuq dawn il-pjattaformi.

107.

Xejn ma jipprekludi lit-TSOs milli jiddeċiedu, bi qbil komuni, li jipproponu l-inklużjoni fil-pjattaformi mFRR u aFRR tal-ġestjoni tal-kapaċitajiet, bħala funzjoni addizzjonali, jekk din twassal għal żieda fl-effiċjenza. Madankollu, din hija deċiżjoni li taqa’ taħt il-kompetenza tagħhom u tal-ARN, skont l-Artikolu 37 tar-Regolament 2017/2195, u li ma tistax tiġi imposta fuqhom mill-ACER b’applikazzjoni tal-Artikoli 20 u 21 ta’ dan l-istess regolament.

108.

Għalhekk, inqis li anki t-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi milqugħa.

VIII. Fuq id-deċiżjoni tar-rikorsi għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali

109.

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell jiġi milqugħ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ taqta’ definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

110.

Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appelli tat-TSOs u konsegwentement tannulla s-sentenzi appellati. Ma jidhirlix li huwa possibbli li s-sentenzi appellati jiġu annullati parzjalment minħabba li l-punti vvizzjati bi żbalji ta’ liġi huma kruċjali għalihom. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li dawn jiġu annullati fl-intier tagħhom.

111.

Barra minn hekk, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi definittivament fuq l-appelli għal annullament kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati quddiem il-Qorti Ġenerali.

112.

Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, hemm lok li t-tielet aggravju għal annullament ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali jiġi milqugħ f’ dak li jirrigwarda l-ksur mill-Bord tal-Appell tal-obbligu tiegħu li jwettaq stħarriġ sħiħ tad-deċiżjonijiet tal-ACER, l-istess jgħodd għar-raba’ sat-tmien parti tat-tieni aggravju għal annullament. Konsegwentement, hemm lok li ż-żewġ deċiżjonijiet ikkontestati tal-Bord tal-Appell tal-ACER jiġu annullati fl-intier tagħhom.

IX. Fuq l‑ispejjeż

113.

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l-appell ikun fondat u meta l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, din għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

114.

Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli tal-proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

115.

L-appellanti talbu li l-ACER tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Jekk, kif nissuġġerixxi, l-appelli tagħhom jiġu milqugħa, l-ACER għandha tiġi kkundannata kemm għall-ispejjeż tal-appelli kif ukoll għal dawk tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

X. Konklużjoni

116.

Fid-dawl ta’ dak li ġie espost, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

Tilqa’ l-appelli ppreżentati u tannulla s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Frar 2023, Austrian Power Grid et vs ACER (T‑606/20, EU:T:2023:64); u Austrian Power Grid et vs ACER (T‑607/20, EU:T:2023:65).

Tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) tas‑16 ta’ Lulju 2020, li tikkonferma d-Deċiżjoni 02/2020 tal-ACER, tal‑24 ta’ Jannar 2020 dwar il-qafas għall-implimentazzjoni tal-pjattaforma Ewropea għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni awtomatika u tiċħad ir-rikors tal-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni tal-elettriku fil-Każ A‑001‑2020 (konsolidat).

Tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) tas-16 ta’ Lulju 2020, li tikkonferma d-Deċiżjoni 03/2020 tal-ACER, tal-24 ta’ Jannar 2020 dwar il-qafas ta’ implimentazzjoni għall-pjattaforma Ewropea għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni manwali u tiċħad ir-rikors tal-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni tal-elettriku fil-Każ A‑002‑2020 (konsolidat).

Tikkundanna l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) għall-ispejjeż.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( i ) Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.

( 2 ) It-TSOs huma responsabbli għall-operat, il-manutenzjoni u, jekk ikun meħtieġ, għall-iżvilupp tas-sistema ta’ trażmissjoni f’żona partikolari u, fejn xieraq, għall-interkonnessjonijiet tagħha ma’ sistemi oħra. Huma għandhom jiżguraw li s-sistema interkonnessa ta’ vultaġġ għoli u sistema ta’ vultaġġ għoli jkollha l-kapaċità li tissodisfa, fuq medda twila ta’ żmien, domanda raġonevoli għat-trażmissjoni tal-elettriku sabiex din is-sistema tiġi pprovduta lil klijenti finali jew lid-distributuri, iżda mingħajr ma tinkludi l-provvista.

( 3 ) T‑606/20, EU:T:2023:64.

( 4 ) T‑607/20, EU:T:2023:65.

( 5 ) Il-Każ A-001-2020 (konsolidat). L-akronimu aFRR jikkorrispondi għat-terminu Ingliż European platform for the exchange of balancing energy from frequency restoration reserves with automatic activation.

( 6 ) Il-Każ A‑002‑2020 (konsolidat). L-akronimu mFRR jikkorrispondi għat-terminu Ingliż European platform for the exchange of balancing energy from frequency restoration reserves with manual activation.

( 7 ) Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2195 tat-23 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi linja gwida dwar l-ibbilanċjar tal-elettriku (ĠU 2017, L 312, p. 6).

( 8 ) Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (riformulazzjoni) (ĠU 2019, L 158, p. 22).

( 9 ) Id-Digrieti tas‑16 ta’ Marzu 2021, XH vs Il‑Kummissjoni (C‑399/20 P, EU:C:2021:205, punt 21); u tat‑12 ta’ Novembru 2020, Lazarus vs Il‑Kummissjoni (C‑85/20 P, EU:C:2020:912, punt 39).

( 10 ) Sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 2023, D & A Pharma vs EMA (C‑136/22 P, EU:C:2023:572, punti 43) sa 45; u tas‑27 ta’ Marzu 2019, Canadian Solar Emea et vs Il‑Kunsill (C‑236/17 P, EU:C:2019:258, punt 92).

( 11 ) Sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il‑Kummissjoni (C‑131/03 P, EU:C:2006:541), punt 51; tas‑16 ta’ Mejju 2002, ARAP et vs Il‑Kummissjoni (C‑321/99 P, EU:C:2002:292), punt 49; u tat‑13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il‑Kummissjoni (C‑210/98 P, EU:C:2000:397), punt 43.

( 12 ) Sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2020, SEAE vs Alba Aguilera et (C‑427/18 P, EU:C:2020:109), punt 54; u tas‑6 ta’ Settembru 2018, Ir-Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (C‑4/17 P, EU:C:2018:678), punt 24.

( 13 ) Sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, ACER vs Aquind (C‑46/21 P, EU:C:2023:182; iktar ’il quddiem is-“sentenza ACER vs Aquind”, punti 53 sa 74).

( 14 ) Fil-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża (C‑46/21 P, EU:C:2022:695, punti 36 sa 78), sostnejt l-istess argument.

( 15 ) Dwar l-attività tal-Bord tal-Appell tal-ACER sal‑2021, ara Ollier, J., u Piebalgs, A., “The appeal procedure in the application of the EU Energy Law. Experience from ACER’s Board of Appeal 2016-2021”, Robert Schuman Center Policy Paper, 2023/06.

( 16 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU 2009 L 211, p. 1).

( 17 ) Il-Qorti Ġenerali tiċċita n-nota ta’ qiegħ il-paġna numru 83 u l-punt 193 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell dwar id-Deċiżjoni 03/2020 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna numru 81 u l-punt 192 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell dwar id-Deċiżjoni 02/2020.

( 18 ) Sentenzi appellati, punt 200. Fil-punti interkonnessi (192 u 193) tad-deċiżjonijiet tiegħu, il-Bord tal-Appell afferma li, fil-livell tekniku, il-kwistjoni dwar jekk il-pjattaformi aFRR u mFRR jeħtiġux il-funzjoni inkwistjoni hija kwistjoni teknika kumplessa li fuqha l-ACER tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni u l-istħarriġ tal-Bord tal-Appell huwa limitat għall-verifika ta’ jekk din wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni, fil-linja tal-prattika deċiżjonali tagħha.

( 19 ) Sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Aquind vs ACER (T‑735/18, EU:T:2020:542).

( 20 ) Sentenza ACER vs Aquind, punti 73 u 74.

( 21 ) Punti 204 tas-sentenzi appellati.

( 22 ) Punti 80 u 81.

( 23 ) Sentenza ACER vs Aquind, punt 74.

( 24 ) Il-persuni kkonċernati jistgħu jikkontestaw din id-deċiżjoni l-ġdida u jiddiskutuha fil-kuntest ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali, li jiggarantixxi d-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

( 25 ) Dan huwa rrikonoxxut mill-Qorti Ġenerali fil-punti 142 u 143 tas-sentenzi appellati, fir-rigward tal-proposti tat-TSOs qabel id-Deċiżjonijiet 02/2020 u 03/2020 tal-ACER. Sussegwentement, it-TSOs żammew dan l-argument, kif tirrikonoxxi l-ACER fid-Deċiżjoni 14/2022 tagħha, tat‑30 ta’ Settembru 2022, li temenda l-qafas ta’ implimentazzjoni tal-pjattaforma mFRR: “The nature of the CMF [capacity management function] as a required function pursuant to Article 12(2) of ACER Decision 03/2020 is currently the subject matter of actions for annulments in case T‑607/20 pending before the General Court. In that regard the TSOs [transmission system operators] mentioned that their submission in the present proceedings is without prejudice to their position, recorded in their final proposal of 18 December 2019 underlying Decision No 03/2020 of 24 January 2020, that the CMF is not a required platform function and does not fall within the scope of Articles 20, 21 and 22 of the EB Regulation” (nota ta’ qiegħ il-paġna 4).

( 26 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (riformulazzjoni) (ĠU 2019, L 158, p. 54).

( 27 ) Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament 2017/2195, it-terminu “bbilanċjar” jirreferi għall-“azzjonijiet u l-proċessi kollha, fil-perjodi kollha ta’ żmien, li permezz tagħhom it-TSOs jiżguraw, b’mod kontinwu, iż-żamma tal-frekwenza tas-sistema b’firxa tal-istabbiltà predefinita kif stipulat fl-Artikolu 127 tar-Regolament (UE) 2017/1485 u l-konformità mal-ammont ta’ riżervi meħtieġa fir-rigward tal-kwalità meħtieġa. kif stabbilit fil-Parti IV, Titolu V, Titolu VI u Titolu VII tar-Regolament (UE) 2017/1485.” Ara r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1485 tat-2 ta’ Awwissu 2017 li jistabbilixxi linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku (ĠU 2017, L 220, p. 1).

( 28 ) Il-premessa (5) tar-Regolament 2017/2195 iżżid tgħid li r-Regolament “[j]istabbilixxi r-regoli għall-akkwist tal-kapaċità tal-ibbilanċjar, l-attivazzjoni tal-enerġija tal-ibbilanċjar u l-issetiljar finanzjarju tal-partijiet responsabbli mill-ibbilanċjar. Jeżiġi wkoll l-iżvilupp ta’ metodoloġiji armonizzati għall-allokazzjoni tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali għal finijiet tal-ibbilanċjar. Regoli bħal dawn iżidu l-likwidità tas-swieq għal perjodu qasir billi jippermettu aktar kummerċ transfruntier u jippermettu użu aktar effiċjenti tal-grilja eżistenti għall-finijiet tal-enerġija tal-ibbilanċjar. Hekk kif l-offerti għall-enerġija tal-ibbilanċjar jikkompetu fuq pjattaformi tal-ibbilanċjar madwar l-UE kollha kemm hi, dan ikollu effetti pożittivi fuq il-kompetizzjoni.”

( 29 ) Fuq dawn il-pjattaformi, ara s-sit web tal-European Network of Transmission System Operators for Electricity (ENTSO-E) https://www.entsoe.eu/network_codes/eb/#implement, kif ukoll is-sit web tal-ACER https://www.acer.europa.eu/electricity/market-rules/electricity-balancing/balancing-energy-platforms. Ara wkoll l-analiżi ta’ Gröper, F., u Stamati, M., “Network regulation and third party access”, f’Jones, C., u Kettlewell, W-J., (eds.), EU Energy Law. Vol. I: The Internal Energy Market, il-5 edizzjoni, Claeys el Casteels, Deventer, 2021, p. 38 sa 41.

( 30 ) L-istat tal-iżvilupp ta’ dawn il-pjattaformi jista’ jinstab fuq l-ENTSO-E, ENTSO-E Market Report 2023, p. 37 u 38, u 65 sa 78, disponibbli fuq https://ee-public-nc-downloads.azureedge.net/strapi-test-assets/strapi-assets/ENTSO_E_Market_Report_2023_11a344f1c1.pdf.

( 31 ) https://www.entsoe.eu/network_codes/eb/terre/. Ir-riżervi ta’ rimpjazzament għandhom l-għan li jsolvu l-iżbilanċi bejn il-ġenerazzjoni u l-konsum li jistgħu jiġu identifikati wara l-għeluq tas-suq tal-istess ġurnata.

( 32 ) Dwar din il-pjattaforma, ara l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott, Swissgrid vs Il‑Kummissjoni (C‑121/23 P, EU:C:2024:615), kawża li għaliha għadha ma ngħatatx sentenza u li tikkonċerna biss il-locus standi tat-TSO Swissgrid, sabiex jippreżenta rikors għal annullament kontra ittra tal-Kummissjoni, li tipprekludih milli jipparteċipa f’din il-pjattaforma.

( 33 ) L-iżvilupp ta’ din il-pjattaforma huwa speċifikat fl-Implementation framework for the exchange of balancing energy from replacement Reserves in accordance with Artikolu 19 of Commission Regulation (EU) 2017/2195 of 23 November 2017 establishing a guideline on electricity balancing, tal‑10 ta’ Marzu 2023. Ara l-informazzjoni dwarha fuq https://www.entsoe.eu/network_codes/eb/terre/.

( 34 ) Ara l-informazzjoni dwar il-European platform for operating the imbalance netting process fuq https://www.entsoe.eu/network_codes/eb/imbalance-netting/.

( 35 ) ENTSO-E: Explanatory document of proposals for amendment of the implementation frameworks for the European balancing platforms in accordance with articles 20(1), 21(1) and 22(1) of Commission Regulation (EU) 2017/2195 of 23 November 2017 establishing a guideline on electricity balancing, 31 ta’ Marzu 2022, p. 4.

( 36 ) Ara d-dokumenti aFRR-Platform Accession roadmap, tas-26 ta’ Settembru 2024, disponibbli f’PICASSO_12th_Accession_roadmap_ext.pdf (eepublicdownloads.blob.core.windows.net); u mFRR-Platform Accession roadmap, tal-10 ta’ Ottubru 2024, disponibbli f’MARI_Accession_roadmap_OCT_2024.pdf (eepublicdownloads.blob.core.windows.net).

( 37 ) Ara l-punt 34 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2017/2195.

( 38 ) Punti 110 sa 124 tas-sentenzi appellati.

( 39 ) Skont il-punt 39 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2017/2195, il-“funzjoni ta’ ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni” hija l-“funzjoni tat-tħaddim tal-algoritmu applikat biex jiġu ottimizzati l-offerti għall-enerġija tal-ibbilanċjar”.

( 40 ) Punti 115 tas-sentenzi appellati.

( 41 ) Punt 32 tal-appell tagħha.

( 42 ) Sentenzi appellati, punti 120 u 121.

( 43 ) Spjegazzjoni ta’ dan il-modulu tista’ tinstab fl-ENTSO-E, ENTSO-E Market Report 2023, p. 78 u 79.

( 44 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, BNetzA vs ACER (T‑631/19, EU:T:2022:509, punti 37 sa 39).

( 45 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑24 ta’ Ottubru 2019, E-Control vs ACER (T‑332/17, EU:T:2019:761), punt 69; u tal‑25 ta’ Settembru 2024, RTE vs ACER (T‑472/21, EU:T:2024:648), punt 194.

( 46 ) Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222, tal‑24 ta’ Lulju 2015, li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni (ĠU 2015, L 197, p. 24).

( 47 ) L-Artikolu 21(4) tar-Regolament (UE) 2015/1222 jistabbilixxi li “t-TSOs kollha ta’ kull reġjun bil-kapaċità kkalkolata, sa fejn ikun possibbli għandhom jużaw l-inputs armonizzati tal-kalkolu tal-kapaċità.”

( 48 ) Punt 135 tas-sentenzi appellati.

( 49 ) Punt 143 tas-sentenzi appellati.

( 50 ) Punt 122 tas-sentenzi appellati.

( 51 ) Ara s-sentenzi appellati, punti 118 u 119.

Top