This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022TN0396
Case T-396/22: Action brought on 28 June 2022 — Landesbank Baden-Württemberg v SRB
Kawża T-396/22: Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Ġunju 2022 – Landesbank Baden-Württemberg vs SRB
Kawża T-396/22: Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Ġunju 2022 – Landesbank Baden-Württemberg vs SRB
ĠU C 380, 3.10.2022, p. 8–9
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
3.10.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 380/8 |
Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Ġunju 2022 – Landesbank Baden-Württemberg vs SRB
(Kawża T-396/22)
(2022/C 380/10)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrent: Landesbank Baden-Württemberg (Stuttgart, il-Ġermanja) (rappreżentanti: H. Berger u M. Weber, avukati)
Konvenut: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
— |
tannulla d-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-11 ta’ April 2022 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-2022 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB/ES/2022/18), inklużi l-annessi tagħha, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata, inklużi l-Anness I, l-Anness II u l-Anness III tagħha, tikkonċerna l-kontribuzzjoni tar-rikorrenti; |
— |
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż tal-kawża. |
Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tqis li d-deċiżjoni kkontestata hija legalment ineżistenti minħabba li l-konvenut uża l-lingwa uffiċjali żbaljata u, għalhekk, ir-rikors għal annullament huwa inammissibbli minħabba nuqqas ta’ suġġett, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha,
— |
tiddikjara li d-deċiżjoni kkontestata hija legalment ineżistenti; |
— |
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż tal-kawża. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka disa’ motivi.
1. |
L-ewwel motiv: id-deċiżjoni tikser l-Artikolu 81(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 (1) moqri flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 (2), peress li ma hijiex redatta bil-lingwa Ġermaniża magħżula għar-rikorrenti. |
2. |
It-tieni motiv: id-deċiżjoni tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u fl-Artikolu 41(1) u (2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u d-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont l-Artikolu 47(1) tal-Karta, sa fejn il-motivazzjoni tagħha għandha lakuni partikolarment fir-rigward tal-applikazzjoni mill-konvenut tad-diversi setgħat diskrezzjonali legali u d-data tal-istituzzjonijiet l-oħra ma ġietx ikkomunikata b’tali mod li stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni huwa prattikament impossibbli. |
3. |
It-tielet motiv: id-deċiżjoni tikser l-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 kif ukoll l-Artikoli 16, 17, 41 u 53 tal-Karta, sa fejn il-konvenut stabbilixxa b’mod żbaljat il-baġit annwali fil-mira; sussidjarjament, l-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 jiksru dritt ta’ livell ogħla. |
4. |
Ir-raba’ motiv: it-tieni sentenza tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 (3) tikser dritt ta’ livell ogħla sa fejn tippermetti differenzjazzjoni oġġettivament mhux xierqa u sproporzjonata bejn il-membri ta’ sistema ta’ protezzjoni istituzzjonali (IPS) kif ukoll relattivizzazzjoni tal-indikatur IPS. |
5. |
Il-ħames motiv: id-deċiżjoni tikser inter alia l-Artikolu 113(7) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (4) u r-rekwiżit ta’ evalwazzjoni tal-kontribuzzjonijiet skont ir-riskji, sa fejn tapplika għar-rikorrenti koeffiċjent multiplikatur relattiv għall-indikatur IPS. Differenzjazzjoni bejn l-istituzzjonijiet fil-livell tal-indikatur IPS tmur kontra s-sistema u hija arbitrarja minħabba l-effett protettiv globali ta’ IPS. |
6. |
Is-sitt motiv: l-Artikoli 6, 7 u 9 u kif ukoll l-Anness I tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 jiksru dritt ta’ livell ogħla partikolarment minħabba li jmorru kontra r-rekwiżit li l-kontribuzzjonijiet jiġu kkalkolati skont ir-riskji, kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità u kontra r-rekwiżit li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti kollha. |
7. |
Is-seba’ motiv: id-deċiżjoni tikser il-libertà ta’ intrapriża tar-rikorrenti prevista fl-Artikolu 16 tal-Karta u l-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn il-multiplikaturi ta’ aġġustament tar-riskju użati ma humiex konformi mal-profil tar-riskju tar-rikorrenti, li huwa ogħla mill-medja. |
8. |
It-tmien motiv: id-deċiżjoni tikser l-Artikoli 16 u 20 tal-Karta kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità u d-dritt għal amministrazzjoni tajba minħabba żbalji manifesti fl-eżerċizzju ta’ diversi setgħat diskrezzjonali mill-konvenut. |
9. |
Id-disa’ motiv: l-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament ta’ Delega jiksru l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59/UE (5) kif ukoll ir-rekwiżit li l-kontribuzzjonijiet jiġu kkalkolati skont ir-riskji. |
(1) Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1)
(2) Regolament Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 3).
(3) Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).
(4) Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68 u fil-ĠU 2013, L 321, p. 6).
(5) Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190).