Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022TJ0146

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tas-7 ta’ Frar 2024.
    Ryanair DAC vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija mill-Pajjiżi l-Baxxi lil KLM fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Garanzija mill-Istat għal self bankarju u self subordinat mill-Istat – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Rikors għal annullament – Locus standi – Effett negattiv sostanzjali fuq il-pożizzjoni tar-rikorrent fis-suq – Ammissibbiltà – Determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji.
    Kawża T-146/22.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2024:68

     SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

    7 ta’ Frar 2024 ( *1 )

    “Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija mill-Pajjiżi l-Baxxi lil KLM fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Garanzija mill-Istat għal self bankarju u self subordinat mill-Istat – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Rikors għal annullament – Locus standi – Effett negattiv sostanzjali fuq il-pożizzjoni tar-rikorrent fis-suq – Ammissibbiltà – Determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji”

    Fil-Kawża T‑146/22,

    Ryanair DAC, stabbilita fi Swords (l-Irlanda), irrappreżentata minn E. Vahida, F.-C. Laprévote, V. Blanc, D. Pérez de Lamo u S. Rating, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Georgieva, J. Carpi Badía u M. Farley, bħala aġenti,

    konvenuta,

    sostnuta minn

    Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn T. Stéhelin, B. Fodda, T. Lechevallier u P. Dodeller, bħala aġenti,

    minn

    Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. Bulterman, C. Schillemans, E. Besselink u J. Langer, bħala aġenti, assistiti minn S. Corrijn, avukat,

    minn

    Société Air France, stabbilita fi Tremblay-en-France (Franza),

    u

    Air France-KLM, stabbilita f’Pariġi (Franza),

    irrappreżentati minn J. Derenne u D. Vallindas, avukati,

    u minn

    Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV, stabbilita f’Amstelveen (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn K. Schillemans, P. Huizing u E. de Krom, avukati,

    intervenjenti,

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

    komposta minn A. Kornezov (Relatur), President, G. De Baere u D. Petrlík, Imħallfin,

    Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

    wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

    wara s-seduta tas‑7 ta’ Lulju 2023,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Ryanair DAC, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 5437 final tas‑16 ta’ Lulju 2021 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57116 (2020/N) – Il-Pajjiżi l-Baxxi – COVID‑19: Garanzija mill-Istat għal self u self mill-Istat lil KLM (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”)

    Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u l‑kuntest li fih tidħol il‑miżura inkwistjoni

    2

    Koninklijke Luchtvaart Maatschappij (iktar ’il quddiem “KLM”) tagħmel parti mill-grupp Air France-KLM. Fit-tmexxija tal-imsemmi grupp hemm il-kumpannija holding Air France-KLM (iktar ’il quddiem il-“kumpannija holding Air France-KLM”). Skont id-deċiżjoni kkontestata, dan il-grupp jinkludi, barra minn hekk, b’mod partikolari, lil Société Air France S.A. (iktar ’il quddiem “Air France”), “Air France-KLM International Mobility (l-Isvizzera)”, “Blueteam V (Franza)”, “BigBlank (Franza)”, “Air France-KLM Finance (Franza)” u “Transavia Company (Franza)”.

    3

    Skont id-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom 14.3 % u 14 %, rispettivament, tal-kapital tal-kumpannija holding Air France-KLM. Min-naħa tagħha, il-kumpannija holding Air France-KLM għandha 100 % tal-ishma ta’ Air France u, direttament u indirettament, 93.84 % tal-kapital azzjonarju ta’ KLM. L-imsemmija kumpannija holding għandha, barra minn hekk, 99.7 % tad-drittijiet ekonomiċi, jiġifieri tad-drittijiet għad-dividendi, u 49 % tad-drittijiet ta’ vot ta’ KLM. L-istess kumpannija holding għandha 100 % tal-ishma tal-kumpanniji sussidjarji l-oħra elenkati fil-punt 2 iktar ’il fuq.

    4

    Id-deċiżjoni kkontestata tidħol fil-kuntest ta’ sensiela ta’ miżuri oħra ta’ għajnuna mill-Istat intiżi sabiex isostnu s-settur tal-avjazzjoni u, b’mod iktar partikolari, il-kumpanniji li jagħmlu parti mill-grupp Air France-KLM.

    5

    B’mod partikolari, fl‑4 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni Ewropea awtorizzat għajnuna individwali mogħtija mir-Repubblika Franċiża lil Air France, fil-forma, minn naħa, ta’ garanzija mill-Istat ta’ 90 % fuq self li jammonta għal EUR 4 biljun mogħti minn konsorzju ta’ banek u, min-naħa l-oħra, ta’ self minn azzjonist li jammonta għal massimu ta’ EUR 3 biljun (iktar ’il quddiem is-“self minn azzjonist”) (Deċiżjoni C(2020)2983 final tal‑4 ta’ Mejju 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57082 (2020/N) – Franza – COVID-19: linji gwida temporanji (Artikolu 107(3)(b) TFUE) – Garanzija u self minn azzjonist favur Air France). Din id-deċiżjoni ġiet ikkoreġuta darbtejn, l-ewwel darba fis‑17 ta’ Diċembru 2020 (Deċiżjoni C(2020) 9384 final tal-Kummissjoni), u t-tieni darba, fis‑26 ta’ Lulju 2021, (Deċiżjoni C(2021) 5701 final tal-Kummissjoni) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Air France”). F’dik l-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-benefiċjarji tal-miżura ta’ għajnuna li hija s-suġġett tal-imsemmija deċiżjoni kienu Air France u s-sussidjarji li hija tikkontrolla. Min-naħa l-oħra, la l-kumpannija holding Air France-KLM u lanqas is-sussidjarji l-oħra tagħha, inkluż KLM u l-kumpanniji li din tal-aħħar tikkontrolla, ma tqiesu bħala benefiċjarji ta’ din il-miżura.

    6

    Fis‑26 ta’ Ġunju 2020, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kkomunika lill-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, għajnuna mill-Istat favur KLM, li kienet tikkonsisti, minn naħa, f’garanzija mill-Istat għal self li kien ser jingħatalha minn konsorzju ta’ banek u, min-naħa l-oħra, f’self mill-Istat (iktar ’il quddiem il- “miżura inkwistjoni”). Il-baġit totali tal-għajnuna kien jammonta għal EUR 3.4 biljun. L-għan tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni kien li tipprovdi temporanjament lil KLM il-likwidità li hija kellha bżonn sabiex taffronta r-riperkussjonijiet negattivi tal-pandemija tal-COVID-19. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi qies li, fid-dawl tal-importanza ta’ KLM għall-ekonomija tiegħu u għas-servizzi tal-ajru tagħha, il-falliment tagħha kien ikompli jaggrava d-disturb serju tal-ekonomija tiegħu kkawżat minn din il-pandemija.

    7

    Fit‑13 ta’ Lulju 2020, permezz tad-Deċiżjoni C(2020) 4871 final, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57116 (2020/N) – Il-Pajjiżi l-Baxxi – COVID-19: Garanzija mill-Istat u self mill-Istat lil KLM, il-Kummissjoni qieset li l-miżura inkwistjoni, minn naħa, kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u, min-naħa l-oħra, kienet kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Skont dik id-deċiżjoni, KLM kienet l-unika benefiċjarja tal-għajnuna, bl-esklużjoni tal-kumpanniji l-oħra tal-grupp Air France-KLM.

    8

    Fil‑5 ta’ April 2021, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2021) 2488 final dwar l-għajnuna mill-Istat SA.59913 – Franza – COVID-19 – Rikapitalizzazzjoni ta’ Air France u [tal-kumpannija holding] Air France-KLM (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Air France-KLM u Air France”), li fiha hija kkonkludiet li kienet kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE u l-Qafas Temporanju, għajnuna individwali mogħtija mir-Repubblika Franċiża fil-forma ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ Air France u tal-kumpannija holding Air France-KLM li tammonta għal ammont totali ta’ EUR 4 biljun. Din l-għajnuna tinkludi, minn naħa, parteċipazzjoni tar-Repubblika Franċiża fi proġett ta’ żieda fil-kapital ta’ ammont massimu ta’ EUR 1 biljun u, min-naħa l-oħra, il-konverżjoni tas-self ta’ azzjonist ta’ EUR 3 biljun, li kien jagħmel parti mill-miżura inkwistjoni fid-Deċiżjoni Air France, fi strument ibridu assimilat ma’ sehem fil-kapital. Skont id-Deċiżjoni Air France-KLM u Air France, il-benefiċjarji ta’ dawn il-miżuri kienu Air France u s-sussidjarji tagħha kif ukoll il-kumpannija holding Air France-KLM u s-sussidjarji li hija tikkontrolla, bl-esklużjoni ta’ KLM u s-sussidjarji ta’ din tal-aħħar.

    9

    Permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2021, Ryanair vs Il-Kummissjoni (KLM; COVID-19) (T‑643/20, EU:T:2021:286), il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 4871 final tat‑13 ta’ Lulju 2020, għar-raġuni li kienet ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni. Barra minn hekk, hija ddeċidiet li tissospendi l-effetti tal-annullament tal-imsemmija deċiżjoni sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 TFUE.

    10

    Fis‑16 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li fiha hija qieset li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, iżda kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, u li KLM u s-sussidjarji tagħha kienu l-uniċi benefiċjarji tal-għajnuna, bl-esklużjoni tal-kumpanniji l-oħra tal-grupp Air France-KLM.

    It‑talbiet tal‑partijiet

    11

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    12

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    13

    Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, KLM, Air France u l-kumpannija holding Air France-KLM jitolbu li r-rikors jiġi miċħud bħala infondat u li r-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

    14

    Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli, sa fejn ir-rikorrenti tikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, u li tiċħdu fuq il-mertu fir-rigward tal-kumplament.

    Id‑dritt

    Fuq l‑ammissibbiltà

    15

    Ir-rikorrenti targumenta, l-ewwel, li hija parti interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE u tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9), u li, għaldaqstant, hija għandha locus standi sabiex tiddefendi d-drittijiet proċedurali tagħha. It-tieni, hija ssostni li l-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq ġiet sostanzjalment affettwata mill-miżura inkwistjoni u li, konsegwentement, hija għandha locus standi sabiex tikkontesta wkoll il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata.

    16

    Il-Kummissjoni, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, KLM, il-kumpannija holding Air France-KLM u Air France ma jikkontestawx l-ammissibbiltà tar-rikors.

    17

    Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Franċiża ssostni li r-rikorrenti ma għandhiex locus standi sabiex tikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata.

    18

    F’dan il-każ, huwa paċifiku bejn il-partijiet li Ryanair hija kompetitriċi ta’ KLM u ma huwiex ikkontestat li, għaldaqstant, hija għandha titqies bħala parti interessata fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, u għandha locus standi sabiex tissalvagwardja d-drittijiet proċedurali li hija tislet mill-Artikolu 108(2) TFUE.

    19

    Fir-rigward tal-kwalità tar-rikorrenti sabiex tikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra att li tiegħu hija ma hijiex id-destinatarja, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, hija suġġetta għall-kundizzjoni li jkun irrikonoxxut il-locus standi tagħha, li jirriżulta f’żewġ każijiet. Minn naħa, tali rikors jista’ jiġi ppreżentat sakemm dan l-att ikun jikkonċernaha direttament u individwalment. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta rikors kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ eżekuzzjoni jekk dan jikkonċernaha direttament (sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punti 5991, u tat‑13 ta’ Marzu 2018, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni, C‑244/16 P, EU:C:2018:177, punt 39).

    20

    Peress li d-deċiżjoni kkontestata, li ġiet indirizzata lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ma tikkostitwixxix att regolatorju skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, minħabba li ma hijiex att ta’ portata ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 56), hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika jekk ir-rikorrenti hijiex direttament u individwalment ikkonċernata minn dik id-deċiżjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    21

    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jsegwi li l-persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jippretendu li huma individwalment ikkonċernati ħlief jekk dik id-deċiżjoni taffettwahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma speċifiċi għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak tad-destinatarju (sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223; tat‑28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et vs Il-Kummissjoni, 169/84, EU:C:1986:42, punt 22; u tat‑22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il-Kummissjoni, C‑260/05 P, EU:C:2007:700, punt 53).

    22

    Għalhekk, meta rikorrent jikkontesta l-fondatezza ta’ deċiżjoni ta’ evalwazzjoni ta’ għajnuna meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 108(3) TFUE jew insegwitu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali, is-sempliċi fatt li hija tista’ titqies bħala “persuna interessata”, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, ma huwiex biżżejjed biex ir-rikors jiġi kkunsidrat ammissibbli. Għalhekk hija jkollha turi li għandha status partikolari fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 21 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, dan ikun il-każ meta l-pożizzjoni tar-rikorrent fis-suq tkun affettwata sostanzjalment mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    23

    F’dan ir-rigward, it-turija, mir-rikorrent, ta’ ħsara sostanzjali għall-pożizzjoni tiegħu fis-suq ma timplikax li tingħata deċiżjoni definittiva dwar ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn din il-parti u l-impriżi benefiċjarji, iżda teħtieġ biss min-naħa tal-imsemmi parti li jindika b’mod rilevanti r-raġunijiet li għalihom id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tippreġudika l-interessi leġittimi tiegħu billi taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni tiegħu fis-suq inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    24

    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi għalhekk li l-ħsara sostanzjali għall-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrent fis-suq inkwistjoni ma tirriżultax minn analiżi fil-fond tad-diversi relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni f’dan is-suq, li tippermetti li tiġi stabbilita bi preċiżjoni l-portata tal-ħsara għall-pożizzjoni kompetittiva tiegħu, iżda, bħala prinċipju, minn konstatazzjoni prima facie li l-għoti tal-miżura msemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni jwassal sabiex jippreġudika sostanzjalment din il-pożizzjoni (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 58).

    25

    Minn dan isegwi li din il-kundizzjoni tista’ tiġi ssodisfatta jekk ir-rikorrent jipproduċi provi li jippermettu li jintwera li l-miżura kkonċernata tista’ tippreġudika sostanzjalment il-pożizzjonijiet tiegħu fis-suq inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    26

    Fir-rigward tal-provi ammessi mill-ġurisprudenza sabiex tiġi stabbilita tali ħsara sostanzjali, għandu jitfakkar li s-sempliċi ċirkustanza li att jista’ jeżerċita ċerta influwenza fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni li jeżistu fis-suq rilevanti u li l-impriża kkonċernata tkun tinsab f’xi relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarju ta’ dan l-att ma hijiex suffiċjenti sabiex l-imsemmija impriża tkun tista’ titqies li hija individwalment ikkonċernata mill-imsemmi att. Għaldaqstant, impriża ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-kwalità tagħha ta’ kompetitriċi fil-konfront tal-impriża benefiċjarja (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    27

    It-turija ta’ ħsara sostanzjali kkawżata għall-pożizzjoni ta’ kompetitur fis-suq ma tistax tkun limitata għall-preżenza ta’ ċerti elementi li jindikaw degradazzjoni fil-prestazzjonijiet kummerċjali jew finanzjarji tar-rikorrent, bħal tnaqqis kunsiderevoli fid-dħul mill-bejgħ, telf finanzjarju mhux negliġibbli jew ukoll tnaqqis sinjifikattiv ta’ partijiet tas-suq wara l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni. L-għoti ta’ għajnuna mill-Istat jista’ jippreġudika s-sitwazzjoni kompetittiva ta’ operatur anki b’modi oħra, b’mod partikolari billi jikkawża lucrum cessans jew żvilupp inqas favorevoli minn dak li kien jirriżulta fl-assenza ta’ tali għajnuna (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 61).

    28

    Barra minn hekk, il-ġurisprudenza ma teżiġix li r-rikorrent għandu jipproduċi provi fir-rigward tad-daqs jew tal-portata ġeografika tas-swieq inkwistjoni, jew fir-rigward tal-partijiet tiegħu tas-suq jew dawk tal-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni jew ta’ kompetituri potenzjali fihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni (C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 65).

    29

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti pproduċietx provi li jippermettu li jintwera li l-miżura inkwistjoni tista’ tippreġudika sostanzjalment il-pożizzjoni tagħha fis-suq ikkonċernat.

    30

    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li, fl‑2021, hija kienet ittrasportat madwar 1.3 miljun passiġġier u kienet topera 37 rotta tal-ajru minn u lejn tliet ajruporti li jinsabu fil-Pajjiżi l-Baxxi. B’mod partikolari, hija tafferma li kienet f’kompetizzjoni diretta ma’ KLM fi tlettax minn dawn ir-rotot tal-ajru, li fuqhom hija kienet ittrasportat madwar 185000 passiġġier fl‑2021, konstatazzjoni li l-partijiet l-oħra ma jikkontestawx.

    31

    Barra minn hekk, id-data esposta fl-Anness A.3.6 tar-rikors, li lanqas ma hija kkontestata, turi li n-numru ta’ postijiet offruti mir-rikorrenti fuq l-imsemmija tlettax-il linja tal-ajru kien ta’ spiss paragunabbli ma’ dak offrut minn KLM, jew anki kien jaqbżu, f’ċerti każijiet. Il-kompetizzjoni bejniethom kienet, għalhekk, f’termini ta’ numru ta’ postijiet offruti, ukoll sinjifikattiva.

    32

    Barra minn hekk, skont l-affermazzjoni, mhux ikkontestata, tar-rikorrenti, it-tlettax-il rotta tal-ajru li fuqhom hija kienet f’kompetizzjoni diretta ma’ KLM kienu servuti minn ftit kumpanniji tal-ajru oħrajn.

    33

    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, mingħajr ma ġiet ikkontestata, li hija kienet qiegħda tipprevedi espansjoni kummerċjali fis-suq Olandiż, kif juri l-fatt li hija kienet ordnat 210 ajruplan Boeing 737 Max li ngħaqdu mal-flotta tagħha f’Ġunju 2021 u li jippermettulha ssegwi l-pjan ta’ espansjoni tagħha.

    34

    Fit-tielet lok, minn rapport tal-Fondazzjoni għall-Innovazzjoni Politika, prodott mir-rikorrenti, intitolat “Before COVID-19, air transportation in Europe: an already fragile sector” (it-trasport bl-ajru fl-Ewropa qabel il-pandemija tal-COVID-19: settur diġà fraġli), bid-data ta’ Mejju 2020, u li l-kontenut tiegħu ma huwiex ikkontestat mill-partijiet, isegwi li kien “probabbli li Ryanair […] [toħroġ] mill-kriżi tal-COVID-19 mingħajr wisq danni u [kellha] wkoll riżorsi finanzjarji suffiċjenti, b’mod partikolari permezz tad-dejn u x-xiri ta’ kumpanniji falluti, sabiex tipparteċipa fir-ristrutturazzjoni probabbli tat-trasport bl-ajru fl-Ewropa” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minn dan joħroġ li r-rikorrenti kienet tinsab f’pożizzjoni relattivament b’saħħitha meta mqabbla mal-kumpanniji tal-ajru tradizzjonali bħal KLM, li kienet qiegħda taffaċċja riskju ta’ insolvenza, jew saħansitra ta’ ħruġ mis-suq.

    35

    Fil-fatt, ir-riskju li KLM tfalli, fl-assenza tal-miżura inkwistjoni, joħroġ mid-deċiżjoni kkontestata, li tippreċiża li l-għan ta’ din il-miżura kien li tipprovdi lil KLM il-likwidità li hija kellha bżonn sabiex taffronta n-nuqqas ta’ likwidità wara r-riperkussjonijiet negattivi tal-kriżi sanitarja tal-COVID-19 u li jiġi evitat għalhekk il-falliment ta’ KLM.

    36

    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li r-relazzjoni kompetittiva bejnha u l-grupp Air France-KLM, meħuda fl-intier tagħha, hija saħansitra iktar evidenti. Għalhekk, hija l-ewwel kumpannija tal-ajru fil-livell tal-Unjoni bħala numru ta’ passiġġiera ttrasportati, filwaqt li l-grupp Air France-KLM huwa biss ir-raba’ waħda, konstatazzjoni li ma hijiex ikkontestata mill-partijiet l-oħra.

    37

    Barra minn hekk, minn rapport ta’ Exane BNP Paribas intitolat “European Airlines, Blinded by the light” (Linji tal-ajru Ewropej: Mogħmija bid-dawl) tal‑15 ta’ Lulju 2020, prodott mir-rikorrenti u li l-kontenut tiegħu ma huwiex ikkontestat mill-partijiet l-oħra, isegwi li l-kumpanniji tal-ajru tal-grupp Air France-KLM kienu saru, bis-saħħa tal-għajnuna mill-Istat, il-kumpanniji tal-ajru fl-Ewropa li flimkien kellhom l-ikbar volum ta’ likwidità u li, skont l-allegazzjoni mhux ikkontestata tar-rikorrenti, huma ssostitwixxewha bħala kumpannija tal-ajru Ewropea li, minn Lulju 2020, setgħet issostni l-ikbar perijodu ta’ immobilizzazzjoni sħiħa tal-flotta tagħha qabel l-eżawriment totali tal-flus tagħha.

    38

    L-elementi rrilevati fil-punti 30 sa 37 iktar ’il fuq, meħuda flimkien, jippermettu li jitqies li r-rikorrenti wriet li l-għoti tal-miżura inkwistjoni seta’ jsaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva ta’ KLM għad-detriment tagħha u li jwassal prima facie sabiex tiġi ppreġudikata sostanzjalment il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq, billi b’mod partikolari jiġi kkawżat telf mid-dħul jew żvilupp inqas favorevoli minn dak li kien ikun irreġistrat fl-assenza ta’ tali miżura (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27 iktar ’il fuq)

    39

    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-oġġezzjoni tar-Repubblika Franċiża li r-rikorrenti ma hijiex il-kompetitriċi prinċipali ta’ KLM fis-suq Olandiż.

    40

    Fil-fatt, il-ġurisprudenza ma teħtieġx li r-rikorrenti tkun il-kompetitriċi prinċipali tal-benefiċjarju ta’ miżura ta’ għajnuna sabiex il-pożizzjoni kompetittiva tagħha tkun tista’ titqies li hija sostanzjalment affettwata minnha.

    41

    Lanqas ma tista’ tintlaqa’ l-oġġezzjoni tar-Repubblika Franċiża li r-rikorrenti ma wrietx li d-deċiżjoni kkontestata taffettwaha minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tiddistingwiha mill-kompetituri l-oħra kollha ta’ KLM.

    42

    Fil-fatt, il-kundizzjoni tal-effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrent hija element speċifiku għaliha, li għandu jiġi evalwat biss fir-rigward tal-pożizzjoni tagħha fis-suq qabel l-għoti tal-miżura inkwistjoni jew fl-assenza tagħha. Għalhekk ma hijiex kwistjoni ta’ li jsir paragun tas-sitwazzjoni tal-kompetituri kollha preżenti fis-suq ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2020:862, punt 58). Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 28 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li ma kienx neċessarju li r-rikorrent jipproduċi elementi li jikkonċernaw il-partijiet tiegħu tas-suq jew dawk tal-benefiċjarju jew ta’ kompetituri oħra potenzjali f’dan is-suq. Minn dan jirriżulta li, sabiex jipprova effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tiegħu, ir-rikorrent ma jistax jintalab jistabbilixxi, bi provi insostenn, liema hija s-sitwazzjoni kompetittiva tal-kompetituri tiegħu kollha u li jiddistingwi ruħu minnha.

    43

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza ċċitata fl-punt 21 iktar ’il fuq tipprevedi żewġ kriterji distinti sabiex jintwera li l-persuni l-oħra minbarra d-destinatarji ta’ deċiżjoni huma individwalment ikkonċernati minnha, jiġifieri li d-deċiżjoni kkontestata tippreġudikahom minħabba “ċerti kwalitajiet li huma speċifiċi għalihom” jew “sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra”. Din il-ġurisprudenza għalhekk ma teħtieġx li rikorrent juri, fil-każijiet kollha, li s-sitwazzjoni fattwali tiegħu hija distinta minn dik ta’ kull persuna oħra. Fil-fatt, huwa biżżejjed li d-deċiżjoni kkontestata tolqot lir-rikorrent minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalih.

    44

    Dan huwa l-każ f’din il-kawża. Fil-fatt, l-elementi kollha msemmija fil-punti 30 sa 37 iktar ’il fuq huma intiżi sabiex jistabbilixxu, b’mod suffiċjentement plawżibbli, li l-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-swieq ikkonċernati kienet ikkaratterizzata minn ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha, jiġifieri l-fatt li r-rikorrenti tinsab f’kompetizzjoni diretta mal-benefiċjarja fuq numru kunsiderevoli ta’ rotot tal-ajru, li fihom, barra minn hekk, hija topera numru ta’ postijiet importanti, li hija kienet qiegħda tipprevedi espansjoni kummerċjali fis-suq Olandiż u li, fl-assenza tal-miżura inkwistjoni, kien jeżisti riskju li KLM issir insolventi jew tal-inqas tiddgħajjef b’mod sinjifikattiv, filwaqt li s-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti kienet tidher relattivament b’saħħitha meta mqabbla ma’ dik tal-benefiċjarja, li tpoġġiha għalhekk f’pożizzjoni li tista’ tippermettilha, fl-assenza tal-għajnuna, li tikseb partijiet tas-suq għad-detriment ta’ KLM.

    45

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti wriet b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-miżura inkwistjoni setgħet taffettwa b’mod sostanzjali l-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq ikkonċernat.

    46

    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti hija wkoll direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, peress li ma hemm l-ebda dubju dwar ir-rieda tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li jagħti għajnuna lil KLM u li tali ħlas jista’ jqiegħed lir-rikorrenti f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata u b’hekk jaffettwa d-dritt tagħha li ma ġġarrabx kompetizzjoni distorta minn din l-għajnuna. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C-624/16 P, EU:C:2018:873, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    47

    Għaldaqstant, ir-rikorrenti hija ammissibbli sabiex tikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata.

    Fuq il‑mertu

    48

    Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi, ibbażati, essenzjalment, l-ewwel, fuq żball ta’ liġi u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-esklużjoni tal-kumpannija holding Air France-KLM u Air France mill-perimetru tal-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni, it-tieni, fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt dwar in-nondiskriminazzjoni, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment, it-tielet, fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, ir-raba’, fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha u, il-ħames, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

    Fuq l-ewwel motiv, dwar l-esklużjoni tal-kumpannija holding Air France-KLM u ta’ Air France mill-perimetru tal-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni

    49

    Ir-rikorrenti tikkontesta d-determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni. Hija ssostni li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li KLM u l-kumpanniji li hija kienet tikkontrolla biss kienu l-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni, bl-esklużjoni tal-kumpannija holding Air France-KLM u ta’ Air France. F’dan ir-rigward, hija tipproduċi diversi provi sabiex turi li l-kumpannija holding Air France-KLM u Air France kienu wkoll benefiċjarji potenzjali jew indiretti tal-miżura inkwistjoni. Dawn l-elementi jikkonċernaw, essenzjalment, ir-rabtiet ta’ kapital, organiċi, funzjonali u ekonomiċi bejn il-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM, il-qafas kuntrattwali li abbażi tiegħu ngħatat il-miżura inkwistjoni kif ukoll il-kuntest li din taqa’ fih.

    50

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti billi tenfasizza, abbażi tal-elementi enfasizzati fid-deċiżjoni kkontestata, li Air France u KLM jibbenefikaw de facto minn awtonomija funzjonali, ekonomika u organika kbira, kemm waħda fir-rigward tal-oħra kif ukoll fir-rigward tal-kumpannija holding Air France-KLM. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, l-istruttura korporattiva u ta’ governanza tal-grupp Air France-KLM tevita wkoll kwalunkwe riskju ta’ trasferiment indirett tal-għajnuna bejn Air France u KLM. Barra minn hekk, il-miżura inkwistjoni tinkludi mekkaniżmi kuntrattwali ekwivalenti għal klawżola ta’ assenjazzjoni, li jwasslu l-vantaġġ finanzjarju u ekonomiku reali tal-imsemmija miżura esklużivament lil KLM.

    51

    Ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, KLM, Air France u l-kumpannija holding Air France-KLM jaqblu mal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.

    52

    Fid-deċiżjoni ikkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni kienu KLM u s-sussidjarji li hija tikkontrolla. Min-naħa l-oħra, minkejja li KLM tagħmel parti mill-grupp Air France-KLM, la l-kumpannija omm tagħha, jiġifieri l-kumpannija holding Air France-KLM, u lanqas il-kumpanniji oħt tagħha, inkluż Air France u s-sussidjarji li din tal-aħħar tikkontrolla, ma huma benefiċjarji tal-imsemmija miżura.

    53

    Dan il-motiv iqajjem għalhekk, essenzjalment, il-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-benefiċjarju ta’ miżura ta’ għajnuna fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji.

    54

    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jsegwi li diversi entitajiet ġuridiċi distinti jistgħu jitqiesu li jifformaw unità ekonomika waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, f’dan il-qasam, il-kwistjoni dwar jekk teżistix unità ekonomika bejn diversi entitajiet legalment distinti tqum b’mod partikolari meta jkun meħtieġ li jiġi identifikat il-benefiċjarju ta’ għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il-Kummissjoni, 323/82, EU:C:1984:345, punti 1112, u tad‑19 ta’ Mejju 2021, Ryanair vs Il-Kummissjoni (KLM; COVID-19), T‑643/20, EU:T:2021:286, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    55

    Fost l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-ġurisprudenza sabiex tiġi ddeterminata l-preżenza jew l-assenza ta’ unità ekonomika fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat hemm b’mod partikolari: il-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fi grupp ta’ kumpanniji li l-kontroll tagħhom huwa eżerċitat direttament jew indirettament minn waħda minnhom, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ekonomiċi identiċi jew paralleli u l-assenza ta’ awtonomija ekonomika tal-kumpanniji kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2004, Pollmeier Malchow vs Il-Kummissjoni, T‑137/02, EU:T:2004:304, punti 68 sa 70); il-formazzjoni ta’ grupp wieħed ikkontrollat minn entità, minkejja l-kostituzzjoni ta’ kumpanniji ġodda li kull waħda minnhom għandha personalità ġuridika distinta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il-Kummissjoni, 323/82, EU:C:1984:345, punt 11); il-possibbiltà, għal entità li żżomm ishma ta’ kontroll f’kumpannija oħra, li teżerċita, lil hinn minn sempliċi investiment ta’ kapital minn investitur, funzjonijiet ta’ kontroll, ta’ impetu u ta’ sostenn finanzjarju fil-konfront ta’ din il-kumpannija kif ukoll l-eżistenza ta’ rabtiet organiċi, funzjonali u ekonomiċi bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2010, AceaElectrabel Produzione vs Il-Kummissjoni, C‑480/09 P, EU:C:2010:787, punt 51, u tad‑19 ta’ Mejju 2021, Ryanair vs Il-Kummissjoni (KLM; COVID-19), T‑643/20, EU:T:2021:286, punt 47); l-eżistenza ta’ klawżoli kuntrattwali rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, AceaElectrabel Produzione vs Il-Kummissjoni, C‑480/09 P, EU:C:2010:787, punt 57).

    56

    Barra minn hekk, it-tip ta’ miżura ta’ għajnuna mogħtija, l-impenji eventwali meħuda mill-Istat Membru kkonċernat u l-kuntest li fih taqa’ din il-miżura jistgħu, skont il-każ, jikkostitwixxu wkoll elementi rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-preżenza jew l-assenza ta’ unità ekonomika fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

    57

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkjarifikat l-interpretazzjoni tagħha tal-kunċett ta’ “impriża” fl-Avviż tagħha dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, C 262, p. 1) (iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’”). Dan l-avviż, għalkemm ma jistax jorbot lill-Qorti Ġenerali, jista’ madankollu jservi bħala sors ta’ ispirazzjoni utli (ara s-sentenza tas‑6 ta’ April 2022, Mead Johnson Nutrition (Asia Pacific) et vs Il-Kummissjoni, T-508/19, EU:T:2022:217, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    58

    Il-Kummissjoni rrikonoxxiet, fil-paragrafu 11 tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’, li diversi entitajiet ġuridiċi distinti jistgħu jitqiesu li jifformaw unità ekonomika waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Għal dan l-għan, skont dan il-paragrafu, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ ishma ta’ kontroll ta’ waħda mill-entitajiet fl-oħra kif ukoll l-eżistenza ta’ rabtiet funzjonali, ekonomiċi u organiċi oħra bejniethom.

    59

    F’dan il-kuntest, ġie deċiż li l-Kummissjoni kellha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddetermina jekk kumpanniji li jagħmlu parti minn grupp kellhomx jitqiesu bħala unità ekonomika jew inkella bħala unitajiet ġuridikament u finanzjarjament awtonomi għall-finijiet tal-applikazzjoni tas-sistema ta’ għajnuna mill-Istat. Din is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni timplika t-teħid inkunsiderazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ fatti u ta’ ċirkustanzi ekonomiċi kumplessi. Peress li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-fatti tal-awtur tad-deċiżjoni, b’mod partikolari fuq il-livell ekonomiku, b’dik tagħha, l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali għandu, f’dan ir-rigward, ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2009, AceaElectrabel vs Il-Kummissjoni, T‑303/05, mhux ippubblikata, EU:T:2009:312, punti 101102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    60

    Madankollu, il-qorti tal-Unjoni għandha b’mod partikolari tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi prodotti, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura li jissostanzjaw il-konklużjonijiet li huma misluta minnhom (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑114/17 P, EU:C:2018:753, punt 104).

    61

    Barra minn hekk, hija l-Kummissjoni li għandha teżamina b’viġilanza partikolari r-rabtiet bejn il-kumpanniji li jappartjenu għall-istess grupp, meta jkun hemm lok għal tħassib dwar l-effetti fuq il-kompetizzjoni ta’ kumulu ta’ għajnuna mill-Istat fi ħdan l-istess grupp (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2021, Ryanair vs Il-Kummissjoni (KLM; COVID-19), T‑643/20, EU:T:2021:286, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    62

    Fid-dawl tal-kriterji identifikati fil-ġurisprudenza u tal-argumenti tal-partijiet, għandhom jiġu eżaminati b’mod konsekuttiv ir-rabtiet tal-kapital, organiċi, funzjonali u ekonomiċi bejn il-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM u s-sussidjarji rispettivi tagħhom, il-kuntratti li abbażi tagħhom ingħatat il-miżura inkwistjoni, kif ukoll it-tip ta’ miżura ta’ għajnuna mogħtija u l-kuntest li tidħol fih.

    – Fuq ir-rabtiet tal-kapital u organiċi bejn il-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM

    63

    Preliminarjament, il-Kummissjoni targumenta li, fir-rikors, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li kumpannija omm kellha l-possibbiltà de jure li teżerċita kontroll fuq is-sussidjarja tagħha kien biżżejjed “fih innifsu” sabiex jiġi kkunsidrat li l-kumpannija omm kellha tiġi inkluża bħala benefiċjarja ta’ miżura ta’ għajnuna. Issa, fir-replika, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-setgħa ta’ kontroll tal-kumpannija holding Air France-KLM fuq is-sussidjarji tagħha fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha. Peress li dan l-aħħar argument tar-rikorrenti ma jikkostitwixxix żvilupp tal-argument li jinsab fir-rikors, huwa għalhekk inammissibbli, għaliex tqajjem għall-ewwel darba fir-replika.

    64

    Hemm lok li jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni dwar l-inammissibbiltà tal-argument ifformulat mir-rikorrenti fir-replika li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-setgħa ta’ kontroll tal-kumpannija holding Air France-KLM fuq is-sussidjarji tagħha fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha sa fejn l-imsemmi argument jwettaq qari parzjali tar-rikors. Fil-fatt, f’dan tal-aħħar, minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma evalwatx korrettament l-effett tal-fatt li l-kumpannija holding Air France-KLM kellha l-possibbiltà statutorja li teżerċita funzjonijiet ta’ kontroll, ta’ impetu u ta’ għajnuna finanzjarja fuq is-sussidjarja tagħha KLM, u, min-naħa l-oħra, hija tikkritika l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ta’ diversi fatturi oħra li jikkonċernaw ir-rabtiet organiċi, funzjonali, ekonomiċi u kuntrattwali bejn id-diversi entitajiet tal-grupp Air France-KLM. L-argumenti esposti fir-rikors għalhekk ma kinux limitati li jinvokaw is-sempliċi possibbiltà de jure tal-kumpannija holding Air France-KLM li teżerċita kontroll fuq KLM. Għaldaqstant, peress li l-argument li jinsab fir-replika msemmija iktar ’il fuq jikkostitwixxi żieda, dan ma huwiex għaldaqstant inammissibbli.

    65

    Wara li dan ġie ppreċiżat, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat, fir-rigward tar-rabtiet ta’ kapital bejn id-diversi entitajiet li jappartjenu lill-grupp Air France-KLM, li, kif tfakkar fil-punt 3 iktar ’il fuq, Air France hija miżmuma 100 % mill-holding Air France-KLM u li din tal-aħħar iżżomm 93.84 % tal-kapital azzjonarju, 99.7 % tad-drittijiet ekonomiċi u 49 % tad-drittijiet ta’ vot ta’ KLM.

    66

    Għalkemm dan il-fatt jikkostitwixxi l-ewwel element rilevanti għall-eżami tal-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn dawn l-entitajiet, il-ġurisprudenza fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat teżiġi li jiġi vverifikat, barra minn hekk, jekk il-kumpannija omm teżerċitax effettivament kontroll billi tinvolvi ruħha direttament jew indirettament fil-ġestjoni tas-sussidjarji tagħha u b’hekk tipparteċipa fl-attività ekonomika eżerċitata mill-impriża kkontrollata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, AceaElectrabel Produzione vs Il-Kummissjoni, C-480/09 P, EU:C:2010:787, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    67

    Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ tali analiżi, sempliċi diviżjoni ta’ impriża f’żewġ entitajiet distinti, li waħda minnhom twettaq direttament l-attività ekonomika inkwistjoni u t-tieni waħda tikkontrolla l-ewwel waħda filwaqt li tieħu ħsieb l-amministrazzjoni tagħha, tkun biżżejjed sabiex iċċaħħad mill-effetti tagħhom ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar l‑għajnuna mill-Istat. Dan ikun jippermetti lit-tieni entità tibbenefika minn sussidji jew minn vantaġġi oħra mogħtija mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat u li tużahom kollha kemm huma jew parti minnhom favur l-ewwel entità, fl-interess, ukoll, tal-unità ekonomika magħmula miż-żewġ entitajiet (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, AceaElectrabel Produzione vs Il-Kummissjoni, C‑480/09 P, EU:C:2010:787, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    68

    F’dan il-każ, mill-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata jsegwi li l-kumpannija holding Air France-KLM għandha setgħa ta’ kontroll fuq KLM minħabba d-drittijiet ta’ veto li hija għandha, minn naħa, fuq il-pjanijiet ta’ direzzjoni tan-negozju u l-baġits ta’ KLM, u min-naħa l-oħra, fuq ir-remunerazzjoni, il-ħatra u t-tneħħija tad-diretturi tagħha, inkluż il-ħatra u t-tneħħija tal-membri tal-bord tad-diretturi ta’ KLM. Għalhekk, l-imsemmija kumpannija holding għandha tapprova d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw b’mod partikolari l-għażliet strateġiċi, il-baġit u l-pjan ta’ investiment tal-“grupp Air France-KLM, inkluż KLM” qabel ma dawn jiġu adottati jew implimentati.

    69

    Mill-punti 40 u 51 tad-deċiżjoni kkontestata jsegwi wkoll li l-kumpannija holding Air France-KLM għandha dritt ta’ approvazzjoni fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament tas-sussidjarji tagħha li jaqbżu l-EUR 150 miljun. Dan id-dritt irriżulta rilevanti f’din il-kawża, fid-dawl tal-fatt li, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, il-finanzjament mogħti mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien jaqbeż il-limitu ta’ EUR 150 miljun, b’tali mod li l-kumpannija holding Air France-KLM kellha tapprovah qabel ma dan ingħata.

    70

    Fit-tieni lok, fir-rigward tar-rabtiet organiċi bejn il-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM, ir-rikorrenti tagħmel riferiment b’mod partikolari għad-dokument ta’ reġistrazzjoni universali 2019 tal-imsemmija kumpannija holding ippreżentat quddiem l-Autorité des marchés financiers (l-Awtorità tas-Swieq Finanzjarji (AMF) (Franza)) skont ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU 2017, L 168, p. 12) (iktar ’il quddiem id-“dokument ta’ reġistrazzjoni universali 2019”), li tiegħu hija tippreżenta estratt quddiem il-Qorti Ġenerali u li ġie diskuss waqt is-seduta. Konformement mal-Artikoli 9 u 21 tar-Regolament 2017/1129, id-dokument ta’ reġistrazzjoni universali huwa dokument imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku li jiddeskrivi l-organizzazzjoni, l-attivitajiet, is-sitwazzjoni finanzjarja, ir-riżultati, il-prospetti, il-gvern u l-istruttura tal-azzjonisti tal-emittent inkwistjoni.

    71

    Mid-dokument ta’ reġistrazzjoni universali 2019 isegwi li jeżistu, fil-livell tal-grupp Air France-KLM, diversi korpi mħallta, komposti minn rappreżentanti ta’ livell għoli tal-kumpannija holding Air France-KLM, ta’ Air France u ta’ KLM, inkarigati mill-kontroll u mill-koordinazzjoni ta’ ċerti deċiżjonijiet importanti li għandhom jittieħdu fi ħdan l-imsemmi grupp.

    72

    Pereżempju, fi ħdan il-grupp Air France-KLM, l-investimenti kollha ta’ iktar minn EUR 5 miljun, l-istess bħall-operazzjonijiet li jirrigwardaw il-flotta, kif ukoll l-operazzjonijiet ta’ akkwist ta’ ishma u ta’ trasferiment, huma suġġetti għall-approvazzjoni ta’ “Kumitat Eżekuttiv Grupp”, kompost b’mod partikolari mid-diretturi ġenerali tal-kumpannija holding Air France-KLM, ta’ Air France u ta’ KLM, kif barra minn hekk ikkonfermat l-imsemmija kumpannija holding matul is-seduta.

    73

    Barra minn hekk, skont dan id-dokument ta’ reġistrazzjoni universali 2019, għalkemm il-ġestjoni tal-investimenti hija żgurata fil-livell ta’ kull kumpannija tal-grupp Air France-KLM, il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni huwa kkoordinat minn “Group Investment Committee (GIC)”, kompost mill-Assistent Direttur Ġenerali għall-Ekonomija u l-Finanzi tal-kumpannija holding Air France-KLM, mill-Assistent Direttur Ġenerali għall-Ekonomija u l-Finanzi ta’ Air France u miċ-“Chief Financial Officer” ta’ KLM.

    74

    Bl-istess mod, mid-dokument ta’ reġistrazzjoni universali 2019 jsegwi li l-ġestjoni tar-riskji tas-suq fi ħdan il-grupp Air France-KLM hija mwettqa minn “Risk Management Committee”, kompost ukoll minn mexxejja għolja tal-kumpannija holding Air France-KLM, ta’ Air France u ta’ KLM, li jiddeċiedi u jissorvelja r-riskji finanzjarji tal-imsemmi grupp u jiddetermina l-koperturi neċessarji li għandhom jiġu implimentati.

    75

    Minn dan isegwi wkoll li d-deċiżjonijiet meħuda minn dawn il-korpi mħallta fil-livell tal-grupp Air France-KLM huma sussegwentement implimentati minn kull entità tal-grupp.

    76

    Minn dan isegwi li r-rabtiet ta’ kapital u ta’ natura organika fi ħdan il-grupp Air France-KLM huma intiżi li juru li l-kumpannija holding Air France-KLM teżerċita effettivament kontroll billi tinvolvi ruħha direttament jew indirettament fil-ġestjoni ta’ Air France u ta’ KLM u għalhekk tipparteċipa fl-attività ekonomika eżerċitata minnhom. Minn dan jirriżulta wkoll li teżisti, fil-livell tal-imsemmi grupp, proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjoni ċċentralizzata u ċerta koordinazzjoni, żgurati permezz ta’ korpi mħallta li jiġbru flimkien rappreżentanti ta’ livell għoli tal-kumpannija holding Air France-KLM, ta’ Air France u ta’ KLM, tal-inqas f’dak li jirrigwarda t-teħid ta’ ċerti deċiżjonijiet importanti.

    77

    Ir-rabtiet ta’ kapital u organiċi fi ħdan il-grupp Air France-KLM huma għalhekk, kif issostni r-rikorrenti, l-ewwel element li juri li l-entitajiet ġuridiċi distinti fi ħdan l-imsemmi grupp jifformaw unità ekonomika waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

    – Fuq ir-rabtiet funzjonali bejn il-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM

    78

    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni rrilevat fil-punt 36 tad-deċiżjoni kkontestata li l-kumpannija holding Air France-KLM kienet timpjega l-impjegati tagħha stess u “[kienet] tibbaża ruħha” fuq impjegati kkollokati magħha minn Air France u KLM. Barra minn hekk, hija indikat fil-punti 33 u 112 ta’ dik id-deċiżjoni, bħalma tfakkar fil-punt 68 iktar ’il fuq, li l-imsemmija kumpannija holding kellha drittijiet ta’ veto fir-rigward tar-remunerazzjoni, tal-ħatra u tat-tneħħija tad-diretturi ta’ KLM u ta’ Air France. Minn dan isegwi li teżisti ċerta integrazzjoni bejn l-impjegati ta’ din il-kumpannija holding u tas-sussidjarji tagħha u li l-istess kumpannija holding hija involuta fl-iktar deċiżjonijiet importanti li jikkonċernaw id-diretturi tas-sussidjarji tagħha.

    79

    Fit-tieni lok, fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li l-kumpannija holding Air France-KLM ma kinitx “direttament” attiva fis-swieq tat-trasport bl-ajru li kienu attivi fihom Air France u KLM, filwaqt li kkonstatat li r-rwol tal-imsemmija kumpannija holding kien li tipprovdi appoġġ lis-sussidjarji tagħha “fil-qasam tal-informatika, tar-riżorsi umani, tal-marketing, diġitali, tal-komunikazzjoni u tal-innovazzjoni”.

    80

    Madankollu, fil-punt 42 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li Air France u KLM, taħt l-awspiċi tal-kumpannija holding Air France-KLM, kienu jikkoordinaw bejniethom fil-“qasam tal-bejgħ u tal-ġestjoni tal-prezzijiet u tad-dħul abbażi tal-istrateġija ddeterminata fil-livell tal-kumpannija holding [Air France-KLM]”, bl-għajnuna tal-impjegati ta’ Air France u ta’ KLM ikkollokati mal-imsemmija kumpannija holding għal dan l-għan. Tali konstatazzjoni tirriżulta wkoll mill-punt 112 tal-imsemmija deċiżjoni.

    81

    Minn dan jirriżulta li, għalkemm, ċertament, il-kumpannija holding Air France-KLM ma tipprovdix hija stess servizzi ta’ trasport bl-ajru, xorta jibqa’ l-fatt li hija għandha rwol strateġiku fil-provvista ta’ dawn is-servizzi, b’mod partikolari fil-qasam tal-bejgħ u tal-ġestjoni tal-prezzijiet u tad-dħul, u li hija, barra minn hekk, involuta fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-operazzjonijiet li jirrigwardaw il-flotta. (ara l-punt 72 iktar ’il fuq), li jikkonferma l-eżistenza ta’ livell ta’ integrazzjoni bejn il-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM.

    82

    L-eżistenza ta’ ċerta koordinazzjoni funzjonali fi ħdan il-grupp Air France-KLM hija, barra minn hekk, murija mill-eżempju ta’ “Transavia”, invokata mir-rikorrenti. Bħalma jsegwi mit-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet magħmula fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, fi ħdan l-imsemmi grupp, jeżistu diversi kumpanniji li jinkludu l-isem “Transavia”, li wħud minnhom huma attivi fis-suq tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġiera. Dawn huma Transavia France SAS u Transavia Airlines CV, imsejħa “Transavia France” u “Transavia Netherlands”, rispettivament, fid-deċiżjoni kkontestata. “Transavia France” u “Transavia Netherlands” huma sussidjarji ta’ Air France u ta’ KLM, rispettivament. Il-Kummissjoni indikat f’dan ir-rigward li, għalkemm dawn iż-żewġ kumpanniji għandhom il-“liċenzji, ċertifikati, drittijiet tat-traffiku, slots, assi, persunal u tmexxija” rispettivi tagħhom, huma jippreżentaw ruħhom fis-suq bl-istess trade mark Transavia u jaqsmu l-istess sit internet. Barra minn hekk, kif issostni r-rikorrenti, “Transavia” spiss tissemma bħala impriża unika fid-dokument ta’ reġistrazzjoni universali 2019 u d-dokument ta’ reġistrazzjoni universali 2020 tal-kumpannija holding Air France-KLM ippreżentat quddiem l-awtorità tas-swieq finanzjarji Franċiża skont ir-Regolament 2017/1129 (iktar ’il quddiem id-“dokument ta’ reġistrazzjoni universali 2020”) meta dawn id-dokumenti jagħmlu riferiment għall-parti “low cost” tal-attività kummerċjali ta’ dan il-grupp. Dan l-eżempju għalhekk huwa xhieda ta’ ċerta kooperazzjoni funzjonali u kummerċjali bejn żewġ kumpanniji sussidjarji ta’ Air France u ta’ KLM.

    83

    Fit-tielet lok, mill-punti 38 sa 40 u 112 tad-deċiżjoni kkontestata jsegwi li l-kumpannija holding Air France-KLM tassumi wkoll funzjonijiet finanzjarji għall-ħtiġijiet ta’ Air France u ta’ KLM. Minn naħa, hija tipprovdi b’mod partikolari istruzzjonijiet baġitarji lis-sussidjarji tagħha. Min-naħa l-oħra, hija tista’, “okkażjonalment” skont id-deċiżjoni kkontestata, iżżid il-kapital fis-swieq finanzjarji (dejn jew fondi proprji) favur is-sussidjarji tagħha skont il-ħtiġijiet individwali tagħhom.

    84

    Għandu jingħad ukoll, bħalma għamlet ir-rikorrenti u bħalma jsegwi mill-punti 70 sa 75 iktar ’il fuq, li l-kumpannija holding Air France-KLM hija involuta fil-koordinazzjoni u l-approvazzjoni tal-investimenti importanti tas-sussidjarji tagħha, l-operazzjonijiet ta’ akkwist ta’ ishma u ta’ trasferiment, u fil-ġestjoni tar-riskji finanzjarji u tal-koperturi neċessarji li għandhom jiġu implimentati, li huma s-suġġett ta’ monitoraġġ kontinwu u permanenti fil-livell tal-grupp Air France-KLM.

    85

    Ir-rwol finanzjarju assunt mill-kumpannija holding Air France-KLM huwa muri, f’din il-kawża, mill-fatt, irrilevat fil-punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata, li din għandha dritt ta’ approvazzjoni għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament tas-sussidjarji tagħha li jaqbżu l-EUR 150 miljun, u li, konsegwentement, hija kellha tapprova l-miżura inkwistjoni.

    86

    Fid-deċiżjoni kkontestata u waqt is-seduta, il-Kummissjoni, filwaqt li rrikonoxxiet ir-rwol finanzjarju li kellha l-holding Air France-KLM favur is-sussidjarji tagħha, irrelativizzat l-importanza tiegħu, billi kklassifikatu bħala “limitat” (punt 38 tad-deċiżjoni kkontestata).

    87

    Madankollu, mill-punti 68 sa 85 iktar ’il fuq isegwi li d-deċiżjonijiet importanti jew strateġiċi fil-qasam tal-finanzjament, tal-investiment u tal-flotta huma kkoordinati, jew saħansitra approvati, mill-kumpannija holding Air France-KLM.

    88

    Din il-konklużjoni hija kkorroborata mid-data li tinsab fid-dokumenti ta’ reġistrazzjoni universali tal‑2019 u tal‑2020, li minnhom isegwi li l-kumpannija holding Air France-KLM wettqet sensiela ta’ ħruġ ta’ bonds ta’ ammonti sinjifikattivi, li “l-istrateġija finanzjarja hija deċiża mill-grupp [Air France-KLM] b’koordinazzjoni ma’ [Air France] u [KLM]”, li l-imsemmija kumpannija holding kienet l-emittent “prinċipali” tat-titoli ta’ bonds, u li l-imsemmi grupp kien jipprevedi “użu sistematiku tal-finanzjamenti fis-swieq [permezz ta’] Air France-KLM”.

    89

    Minkejja dan, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li Air France u KLM kienu “funzjonalment awtonomi”, billi bbażat ruħha fuq l-elementi li ġejjin (punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata).

    90

    L-ewwel, Air France u KLM għandhom “timijiet ta’ ġestjoni distinti” (l-ewwel inċiż tal-punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, din l-affermazzjoni għandha tiġi kwalifikata ħafna mill-elementi rrilevati fil-punti 68 sa 75 iktar ’il fuq, li minnhom isegwi li l-kumpannija holding Air France-KLM għandha dritt ta’ veto fir-rigward tar-remunerazzjoni, tal-ħatra u tat-tneħħija tad-diretturi tas-sussidjarji tagħha, li korpi mħallta fi ħdan il-grupp Air France-KLM huma inkarigati mill-kontroll u mill-koordinazzjoni ta’ ċerti deċiżjonijiet importanti li jikkonċernaw is-sussidjarji tagħha u li l-imsemmija kumpannija holding tibbaża ruħha fuq impjegati ta’ Air France u ta’ KLM ikkollokati magħha.

    91

    It-tieni, KLM hija “indipendenti u kompletament responsabbli” għall-“biċċa l-kbira” tal-elementi prinċipali tal-attivitajiet kummerċjali tagħha, b’mod partikolari r-riżorsi umani, il-flotta, l-iżvilupp tan-netwerk, l-esperjenza tal-klijent, il-ġestjoni tal-passiġġieri u tal-merkanzija, l-attivitajiet ta’ manutenzjoni, l-operazzjonijiet tal-ajru, is-servizzi abbord u l-kummerċjalizzazzjoni (l-ewwel inċiż tal-punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, dawn l-affermazzjonijiet jinjoraw ir-rwol li kellha l-kumpannija holding Air France-KLM kemm fir-rigward tat-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw il-flotta (ara l-punti 68 u 72 iktar ’il fuq) kif ukoll fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru, b’mod partikolari fil-qasam tal-bejgħ u tal-ġestjoni tal-prezzijiet u tad-dħul, li l-istrateġija tagħhom hija ddeterminata fil-livell tal-imsemmija kumpannija holding (ara l-punti 80 sa 82 iktar ’il fuq).

    92

    It-tielet, KLM għandha “organizzazzjoni finanzjarja indipendenti”, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-finanzjament u l-kontroll tar-relazzjonijiet interni u esterni, tat-teżor, tal-awditu u tat-tassazzjoni (it-tieni inċiż tal-punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, barra minn hekk, li l-attivitajiet finanzjarji “ta’ kuljum” jitwettqu minn Air France u KLM b’mod indipendenti. Madankollu, dawn id-dikjarazzjonijiet ma humiex konsistenti mal-fatt li kwalunkwe finanzjament lil hinn mil-limitu ta’ EUR 150 miljun jew kwalunkwe investiment li lil hinn minn EUR 5 miljun għandu jiġi approvat mill-kumpannija holding Air France-KLM. Barra minn hekk, il-fatt li l-attivitajiet finanzjarji “ta’ kuljum” huma amministrati minn Air France u KLM ma jikkontradixxix dak li ntqal hawn fuq.

    93

    Ir-raba’, KLM tamministra l-ħtiġijiet tagħha ta’ likwidità “b’mod indipendenti mingħajr intervent ta’ Air France”. Il-kumpannija holding Air France-KLM ma għandha l-ebda kontroll fuq il-fondi ta’ KLM. Pereżempju, ċerti deċiżjonijiet jittieħdu fil-livell tal-bord tad-diretturi ta’ KLM u mhux fil-livell tal-imsemmija kumpannija holding. Lanqas ma jeżisti “mekkaniżmu ta’ tqassim tal-profitti u tat-telf u lanqas ftehim ta’ tqassim tal-flus bejn Air France u KLM” (it-tieni inċiż tal-punt 40 u t-tielet inċiż tal-punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata).

    94

    Madankollu, minn naħa, il-fatt li Air France u KLM jamministraw b’mod indipendenti l-likwidità tagħhom għandu wkoll jiġi kkwalifikat, sa fejn il-kumpannija holding Air France-KLM iżżid il-kapital fis-swieq favur is-sussidjarji tagħha (ara l-punt 83 iktar ’il fuq), fejn hija tapprova l-operazzjonijiet ta’ finanzjament lil hinn minn EUR 150 miljun u fejn tagħti struzzjonijiet baġitarji lis-sussidjarji tagħha. Bl-istess mod, l-affermazzjoni li ċerti deċiżjonijiet jittieħdu fil-livell tal-Bord tad-Diretturi ta’ KLM u mhux fil-livell tal-kumpannija holding Air France-KLM għandha tiġi rrelativizzata fid-dawl taċ-ċirkustanzi rrilevati fil-punt 72 iktar ’il fuq, li minnu jsegwi li l-kumpannija holding hija involuta fit-teħid ta’ deċiżjonijiet importanti u strateġiċi fil-qasam tal-finanzjament, tal-investiment u tal-operazzjonijiet li jirrigwardaw il-flotta.

    95

    Min-naħa l-oħra, għalkemm il-Kummissjoni affermat li ma kienx jeżisti mekkaniżmu ta’ tqassim tal-profitti u tat-telf, u lanqas ftehim ta’ tqassim tal-flus bejn Air France u KLM, hija xorta waħda rrilevat, fil-punt 47 tad-deċiżjoni kkontestata, li kienu jeżistu “ftehimiet ta’ tqassim tal-ispejjeż” bejn Air France u KLM u s-sussidjarji tagħhom. Mill-istess punt isegwi li jeżistu “attivitajiet komuni mwettqa b’mod konġunt minn Air France u KLM jew mis-sussidjarji tagħhom”. Dawn l-elementi jikkonfermaw l-eżistenza ta’ ċerta integrazzjoni u kooperazzjoni funzjonali bejn dawn tal-aħħar fi ħdan il-grupp Air France-KLM.

    96

    Għalhekk, il-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni, jiġifieri li Air France u KLM kienu jgawdu minn awtonomija funzjonali, hija kkontestata mill-kunsiderazzjonijiet kollha li jidhru fil-punti 78 sa 95 iktar ’il fuq.

    97

    Għaldaqstant, ir-rabtiet funzjonali bejn il-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM jikkostitwixxu t-tieni element li juri li dawn l-entitajiet jifformaw unità ekonomika waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

    – Fuq ir-rabtiet ekonomiċi bejn il-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM

    98

    Fil-punti 43 sa 46 u 113 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-kumpannija holding Air France-KLM, KLM u Air France kienu jgawdu de facto minn awtonomija ekonomika, għar-raġunijiet li ġejjin.

    99

    Qabelxejn, il-kumpannija holding Air France-KLM ma għandha ebda attività li tiġġenera dħul estern, b’tali mod li hija ma tistax issostni b’mod awtonomu lil Air France u KLM. Id-dħul tal-imsemmija kumpannija holding huwa ġġenerat esklużivament internament mis-sussidjarji tagħha permezz ta’ kummissjoni ta’ ġestjoni li tkopri l-ispejjeż ta’ ġestjoni ta’ din il-kumpannija holding, ta’ royalties ta’ trade marks u ta’ ċerti mekkaniżmi ta’ ridistribuzzjoni tal-ispejjeż (punti 43 u 44 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, minkejja li l-kumpannija holding Air France-KLM tista’ tipprovdi ċerti servizzi finanzjarji lil KLM, tali servizzi ma jimplikawx il-provvista ta’ appoġġ finanzjarju lil KLM u lil Air France (punt 45 tal-imsemmija deċiżjoni). Fl-aħħar, ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn Air France u KLM jitmexxew f’kundizzjonijiet normali tas-suq u jiġu nnegozjati minn timijiet ta’ tmexxija awtonomi. Fir-rigward tal-ftehimiet ta’ tqassim tal-ispejjeż bejn dawn iż-żewġ kumpanniji, dawn jipprevedu kriterju ta’ tqassim ibbażat fuq l- “istandards tas-suq” (punti 46 u 47 ta’ dik id-deċiżjoni).

    100

    F’dan ir-rigward, l-ewwel, bħalma ssostni r-rikorrenti, il-fatt li l-kumpannija holding Air France-KLM tiġġenera d-dħul tagħha biss mis-sussidjarji tagħha juri li teżisti ċerta interdipendenza ekonomika bejn l-imsemmija kumpannija holding u s-sussidjarji tagħha. Dan huwa kkorroborat b’mod partikolari mill-fatt li Air France u KLM jippruvaw jiksbu sinerġiji permezz tal-koordinazzjoni tal-attivitajiet rispettivi tagħhom taħt l-awspiċi tal-kumpannija holding Air France-KLM, b’mod partikolari fil-qasam tal-bejgħ u tal-ġestjoni tal-prezzijiet u tad-dħul (ara l-punt 80 iktar ’il fuq), u li din il-kumpannija holding hija involuta fil-finanzjament tas-sussidjarji tagħha b’mod ikkoordinat (ara l-punti 83 sa 87 iktar ’il fuq).

    101

    It-tieni, anki jekk jitqies li l-kumpannija holding Air France-KLM taġixxi fis-swieq finanzjarji biss bħala “intermedjarja” bejn is-sussidjarji tagħha u l-investituri, dan jikkonferma l-fatt li l-imsemmija kumpannija holding taġixxi fl-interess tas-sussidjarji tagħha billi iżżid fondi għall-ħtiġijiet tagħhom f’dawn is-swieq finanzjarji. Dan il-fatt juri li din il-kumpannija holding tinnegozja t-termini tal-finanzjament fis-swieq finanzjarji billi tibbaża ruħha fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-grupp Air France-KLM kollu kemm hu. Għaldaqstant, huwa grazzi għall-holding Air France-KLM li jitwettqu s-sinerġiji fi ħdan l-imsemmi grupp.

    102

    Dan tixhdu ċ-ċirkustanza, invokata mir-rikorrenti, li l-kumpannija holding Air France-KLM kienet ħabbret pubblikament f’Lulju 2021 ordni komuni ta’ numru kbir ta’ ajruplani għall-ħtiġijiet ta’ KLM, ta’ “Transavia Netherlands” u ta’ “Transavia France”. Mistoqsija f’dan ir-rigward fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u matul is-seduta, il-Kummissjoni kkonfermat ir-realtà ta’ din l-ordni komuni, billi spjegat li l-imsemmija kumpannija holding kienet innegozjat it-termini tagħhom sabiex tikseb ftehim aħjar. Għalhekk, anki jekk il-kuntratti ġew iffirmati u mħallsa separatament minn KLM, “Transavia Netherlands” u “Transavia France”, xorta jibqa’ l-fatt li huwa grazzi għall-kumpannija holding Air France-KLM li KLM, “Transavia Netherlands” u “Transavia France” setgħu jibbenefikaw minn ftehim aħjar.

    103

    It-tielet, bħalma ġie rrilevat fil-punt 95 iktar ’il fuq, il-fatt, aċċettat mill-Kummissjoni, li jeżistu ftehimiet ta’ tqassim tal-ispejjeż bejn Air France u KLM kif ukoll attivitajiet imwettqa b’mod konġunt minn Air France u KLM u s-sussidjarji tagħhom jikkonferma l-eżistenza ta’ ċerta integrazzjoni u kooperazzjoni ekonomika bejniethom.

    104

    Ir-raba’, il-Kummissjoni ssostni, fil-punti 44 u 46 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-relazzjonijiet finanzjarji u kummerċjali bejn il-kumpannija holding Air-France u s-sussidjarji tagħha Air France u KLM, kif ukoll bejn dawn tal-aħħar stess, jitmexxew f’“kundizzjonijiet normali tas-suq”. B’mod partikolari, fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn Air France u KLM, hija tagħmel riferiment, f’dan il-kuntest, għall-fatt li dawn jibqgħu taxxabbli fi Franza u fil-Pajjiżi l-Baxxi rispettivament, li l-leġiżlazzjoni fiskali Franċiża u dik Olandiża jipprevedu li t-tranżazzjonijiet kollha fi ħdan il-grupp għandhom isiru daqslikieku kienu ġew konklużi bejn partijiet indipendenti u li, għaldaqstant, ebda vantaġġ ma jista’ jgħaddi minn wieħed għall-ieħor permezz ta’ dan (l-ewwel inċiż tal-punt 46 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalkemm dawn l-elementi jidhru, ċertament, rilevanti għall-finijiet tat-tassazzjoni fiskali ta’ dawn il-kumpanniji fil-livell tal-Istati Membri, madankollu dawn ma humiex biżżejjed sabiex juru l-eżistenza ta’ awtonomija ekonomika bejn il-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM fi ħdan il-grupp Air France-KLM, fid-dawl tal-elementi indikati fil-punti 100 sa 103 iktar ’il fuq.

    105

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-għoti tal-miżura inkwistjoni kien iġġustifikat b’mod partikolari mill-ħtieġa li KLM tiġi sostnuta f’mument ta’ nuqqas serju ta’ likwidità u riskju ta’ falliment (punti 12 u 13 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-vantaġġ ta’ din il-miżura huwa rifless preċiżament fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ammonti kbar ta’ likwidità li ma kinux ikunu disponibbli f’kundizzjonijiet tas-suq. Għalhekk, minn naħa, tali miżura jkollha l-effett li ssaħħaħ il-pożizzjoni finanzjarja tal-grupp Air France-KLM fl-intier tiegħu, sa fejn din tevita r-riskju ta’ falliment ta’ waħda mis-sussidjarji prinċipali tiegħu, jiġifieri KLM, u b’hekk isserraħ moħħ il-kredituri tal-kumpanniji tal-imsemmi grupp, filwaqt li jiġi ppreċiżat, barra minn hekk, li s-self mill-Istat, li jagħmel parti mill-miżura inkwistjoni, kien subordinat għas-self bankarju jew bonds mhux iggarantiti u mhux subordinati (punt 81 tal-imsemmija deċiżjoni). Min-naħa l-oħra, fid-dawl tar-rwol finanzjarju tal-kumpannija holding Air France-KLM fi ħdan dan il-grupp, din tista’, jekk ikun il-każ, tikseb, fl-interess tas-sussidjarji tagħha u għall-ħtiġijiet tagħhom, finanzjament fis-swieq, li kien ikun inaċċessibbli għaliha fl-assenza tal-għajnuna jew b’kundizzjonijiet inqas favorevoli.

    106

    Barra minn hekk, fl-assenza tal-miżura inkwistjoni, KLM probabbilment ma kinitx tkun tista’ tkompli l-attivitajiet tagħha u, b’hekk, kienet ukoll tipperikola t-tkomplija tal-attivitajiet imwettqa konġuntament ma’ Air France (ara l-punti 80 sa 82, 95, 102 u 103 iktar ’il fuq). Billi tippermetti għalhekk it-tkomplija tal-attivitajiet ta’ KLM, l-imsemmija miżura tippermetti wkoll, impliċitament iżda neċessarjament, it-tkomplija tal-attivitajiet imwettqa b’mod konġunt minn Air France u KLM.

    107

    Għaldaqstant, ir-rabtiet ekonomiċi bejn il-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM jikkostitwixxu t-tielet element li juri li dawn l-entitajiet jifformaw unità ekonomika waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

    – Fuq il-kuntratti li abbażi tagħhom ingħatat il-miżura inkwistjoni

    108

    Fil-punti 53 u 114 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset, essenzjalment, li l-mekkaniżmi kuntrattwali, li abbażi tagħhom kienet ingħatat il-miżura inkwistjoni, kienu jiggarantixxu li KLM u s-sussidjarji tagħha kienu l-uniċi benefiċjarji tagħhom.

    109

    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, billi tagħmel riferiment għall-kontenut ta’ ċerti klawżoli tal-kuntratti inkwistjoni, li dawn tal-aħħar ma jistgħux jiggarantixxu li KLM hija l-unika benefiċjarja tal-miżura inkwistjoni.

    110

    Il-Kummissjoni twieġeb li l-mekkaniżmi kuntrattwali inkwistjoni huma ekwivalenti għal klawżola ta’ assenjazzjoni, li jwasslu l-vantaġġ finanzjarju u ekonomiku reali tal-miżura inkwistjoni esklużivament lil KLM.

    111

    Għandu jiġi kkonstatat li l-miżura inkwistjoni kellha tingħata abbażi b’mod partikolari tal-kuntratti li ġejjin, deskritti fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata: l-ewwel, ftehim qafas konkluż bejn l-Istat Olandiż, KLM u l-kumpannija holding Air France-KLM (iktar ’il quddiem il- “ftehim qafas”), it-tieni, ftehim dwar linja ta’ kreditu rinnovabbli konkluż bejn KLM u konsorzju ta’ banek (iktar ’il quddiem il-“ftehim dwar is-self bankarju”); u, it-tielet, kuntratt dwar self mill-Istat konkluż bejn l-Istat Olandiż u KLM (iktar ’il quddiem il-“ftehim dwar is-self mill-Istat”).

    112

    Għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlet ir-rikorrenti, li l-kumpannija holding Air France-KLM hija parti kontraenti għall-ftehim qafas li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw l-għoti tal-miżura inkwistjoni. Bħala tali, l-imsemmija kumpannija holding assumiet drittijiet u obbligi kuntrattwali fil-konfront tal-kokontraenti tagħha fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-miżura inkwistjoni.

    113

    Fil-fatt, l-ewwel, bħalma jsegwi mill-punt 51 tad-deċiżjoni kkontestata, il-ftehim qafas huwa l-mezz legali li permezz tiegħu l-finanzjament li joriġina mill-miżura inkwistjoni huwa approvat mill-kumpannija holding Air France-KLM, peress li l-operazzjonijiet kollha ta’ finanzjament li jaqbżu l-EUR 150 miljun huma suġġetti għall-approvazzjoni tagħha.

    114

    It-tieni, mill-punti 85 sa 90 tad-deċiżjoni kkontestata jsegwi li l-awtoritajiet Olandiżi jimponu “kundizzjonijiet addizzjonali” għall-għoti tal-miżura inkwistjoni. Issa, mit-tweġibiet mogħtija mill-Kummissjoni għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u matul is-seduta jsegwi li dawn il- “kundizzjonijiet addizzjonali” kienu jinsabu fil-ftehim qafas u li, għaldaqstant, il-kumpannija holding Air France-KLM impenjat ruħha speċifikament li timplimentahom bħala kundizzjonijiet għall-għoti tal-miżura inkwistjoni.

    115

    Għalhekk, pereżempju, mit-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jsegwi li l-kumpannija holding Air-France-KLM kellha tagħti l-kunsens tagħha għal pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ KLM, li, skont il-punt 89 tad-deċiżjoni kkontestata, kellu jiġi elaborat sa mhux iktar tard mill‑1 ta’ Ottubru 2020 u applikat sal‑2025 sabiex jittejjeb il-marġni ta’ qligħ ta’ KLM.

    116

    Barra minn hekk, il-kumpannija holding Air France-KLM kienet tat il-kunsens tagħha sabiex jiġu emendati, fil-ftehim qafas, ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehimiet konklużi bejn l-Istat Olandiż, l-imsemmija kumpannija holding u KLM fil-mument tal-approvazzjoni tal-konċentrazzjoni bejn Air France u KLM fl‑2004. Dawn l-emendi għandhom l-effett li jestendu għal ħames snin it-terminu ta’ preavviż għax-xoljiment tal-impenji assunti mill-partijiet skont dawn il-ftehimiet li jirrigwardaw b’mod partikolari l-post tal-istabbiliment ta’ KLM, il-bażi tas-servizz tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi u ż-żamma tal-liċenzji operattivi eżistenti tagħha.

    117

    Il-kumpannija holding Air France-KLM tat ukoll il-kunsens tagħha għall-implimentazzjoni ta’ kundizzjonijiet oħra previsti fil-ftehim qafas dwar, b’mod partikolari, id-dritt industrijali, il-kwalità tan-netwerk u s-sostenibbiltà.

    118

    Minn dan isegwi li diversi kundizzjonijiet għall-għoti tal-miżura inkwistjoni huma espliċitament suġġetti għall-approvazzjoni tal-kumpannija holding Air France-KLM jew huma s-suġġett ta’ impenn min-naħa tagħha. Dan juri li l-kuntratti li abbażi tagħhom ingħatat il-miżura inkwistjoni jimponu fuq l-imsemmija kumpannija holding drittijiet u obbligi kuntrattwali importanti fil-kuntest tal-għoti u tal-implimentazzjoni tal-imsemmija miżura.

    119

    Minkejja dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni qieset, fil-punti 53 u 114 tad-deċiżjoni kkontestata, li diversi mekkaniżmi kuntrattwali kienu jiggarantixxu li l-miżura inkwistjoni kienet tibbenefika biss lil KLM u s-sussidjarji tagħha.

    120

    L-ewwel, il-Kummissjoni kkonstatat, fl-ewwel inċiż tal-punt 53 tad-deċiżjoni kkontestata, li waħda mill-klawżoli tal-ftehim dwar is-self mill-Istat kienet tipprevedi li dan is-self jista’ jintuża biss għall-ħtiġijiet ġenerali korporattivi ta’ KLM u tas-sussidjarji tagħha u li ebda somma li ġejja minn dan is-self ma tista’ tiġi “mislufa” lil Air France jew lill-kumpannija holding Air France-KLM.

    121

    Issa, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlet ir-rikorrenti, li l-klawżola msemmija fil-punt 120 iktar ’il fuq, skont il-formulazzjoni tagħha kif irrapportata fid-deċiżjoni kkontestata, sempliċement tipprojbixxi li s-self inkwistjoni jkun “misluf” lill-kumpannija holding Air France-KLM jew lil Air France, mingħajr madankollu ma teskludi li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jibbenefikaw mod ieħor, anki jekk indirettament biss, mill-miżura inkwistjoni.

    122

    It-tieni, skont klawżola oħra tal-ftehim qafas, il-kumpannija holding Air France-KLM u KLM jimpenjaw ruħhom sabiex il-proċessi tal-miżura inkwistjoni ma jintużawx għall-benefiċċju “dirett” tal-kumpannija holding jew ta’ Air France. L-Istat Olandiż isemmi, barra minn hekk, wieħed mill-aġenti tiegħu sabiex jissorvelja l-użu minn KLM tal-fondi li joriġinaw mill-miżura inkwistjoni u b’mod partikolari li ma jintużawx għall-benefiċċju “dirett” tal-imsemmija kumpannija holding jew ta’ Air France (it-tieni u s-sitt inċiż tal-punt 53 tad-deċiżjoni kkontestata).

    123

    Madankollu, kif issostni essenzjalment ir-rikorrenti, il-klawżola msemmija fil-punt 122 iktar ’il fuq tirrigwarda biss il-benefiċċji “diretti” mingħajr madankollu ma teskludi li l-kumpannija holding jew Air France jkunu jistgħu jibbenefikaw indirettament mill-miżura inkwistjoni.

    124

    Skont il-ġurisprudenza, impriża li tibbenefika minn vantaġġ indirett għandha wkoll titqies bħala benefiċjarja tal-għajnuna. Fil-fatt, vantaġġ mogħti direttament lil ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi jista’ jikkostitwixxi vantaġġ indirett u, għaldaqstant, għajnuna mill-Istat lil persuni ġuridiċi oħrajn li huma impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑156/98, EU:C:2000:467, punt 26, u tat‑13 ta’ Ġunju 2002, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑382/99, EU:C:2002:363, punti 60 sa 66).

    125

    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi nnotat li, fid-dokument ta’ reġistrazzjoni universali 2020, li silta minnu hija ppreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali mir-rikorrenti, il-grupp Air France-KLM irrikonoxxa espressament li l-miżuri ta’ għajnuna mogħtija mir-Repubblika Franċiża u mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u approvati mill-Kummissjoni, ta’ ammont globali ta’ EUR 10.4 biljun, “ippermettew titjib tal-pożizzjoni ta’ likwidità tal-grupp”. Minn dan jsegwi li, fl-opinjoni tal-imsemmi grupp, l-imsemmija miżuri, inkluża l-miżura inkwistjoni, ibbenefikaw lil dan il-grupp kollu kemm hu, u mhux biss lil KLM.

    126

    Fil-fatt, billi tiggarantixxi l-vijabbiltà ta’ KLM, li hija waħda miż-żewġ sussidjarji prinċipali tal-kumpannija holding Air France-KLM, il-miżura inkwistjoni ssaħħaħ ukoll il-vijabbiltà ta’ din tal-aħħar. Fl-assenza ta’ din il-miżura, ir-riskju li KLM tfalli seta’ jaffettwa negattivament lill-imsemmija kumpannija holding u, b’hekk, lill-grupp Air France-KLM kollu kemm hu.

    127

    Għalhekk, fid-dawl tal-livell ta’ integrazzjoni fi ħdan il-grupp Air France-KLM, u b’mod iktar konkret tal-ġestjoni kkoordinata u ċentralizzata tal-investimenti importanti, tal-operazzjonijiet fuq il-flotta u tal-ġestjoni tar-riskji finanzjarji fil-livell tal-imsemmi grupp (ara l-punti 68 sa 75 iktar ’il fuq), il-miżura inkwistjoni tista’ ssaħħaħ, tal-inqas indirettament, il-pożizzjoni finanzjarja ta’ dan il-grupp kollu kemm hu. Bl-istess mod, billi ttejjeb il-pożizzjoni ta’ likwidità tal-grupp kollu kemm hu, bħalma jammetti espressament id-dokument ta’ reġistrazzjoni universali 2020, l-imsemmija miżura tista’ ssaħħaħ il-kapaċità tal-kumpannija holding Air France-KLM li tiġbor fondi fis-swieq finanzjarji għall-ħtiġijiet tas-sussidjarji tagħha, inkluża Air France, bħalma ssostni ġustament ir-rikorrenti.

    128

    It-tielet, skont il-ftehim dwar is-self bankarju, KLM setgħet tissellef somom mil-linja ta’ kreditu rotanti għal żmien qasir biss skont il-ħtiġijiet tagħha ta’ likwidità. Għalhekk, jekk tali ħtieġa ma tkunx għadha teżisti, KLM ma tkunx tista’ tiffinanzja mill-ġdid is-self eżistenti u jkollha tirrimborsah. L-istess japplika indirettament f’dak li jirrigwarda l-ftehim dwar is-self mill-Istat. Barra minn hekk, skont il-ftehim qafas u l-ftehim dwar is-self mill-Istat, dan is-self kellu jitħallas f’partijiet u, għal kull talba għal ħlas, KLM kellha tikkonferma li l-kundizzjonijiet li jinsabu fil-ftehim dwar is-self mill-Istat kienu osservati u b’mod partikolari dik dwar il-projbizzjoni ta’ “self” tal-imsemmi self lill-kumpannija holding Air France-KLM u lil Air France (it-tielet u r-raba’ inċiżi tal-punt 53 tad-deċiżjoni kkontestata).

    129

    Madankollu, il-fatt li, skont il-ftehim dwar is-self mill-Istat, dan is-self jitħallas f’partijiet jew li, skont il-ftehim dwar is-self bankarju, dan is-self jieħu l-forma ta’ linja ta’ kreditu rotanti li ssegwi l-ħtiġijiet ta’ likwidità ta’ KLM bl-ebda mod ma jeskludi, għar-raġunijiet esposti fil-punti 125 sa 127 iktar ’il fuq, li dan is-self jista’, anki jekk indirettament, ikun ta’ benefiċċju għall-grupp kollu kemm hu.

    130

    Ir-raba’, KLM hija pprojbita milli tħallas dividendi jew remunerazzjonijiet oħra tal-kapital fil-perijodu tal-miżura inkwistjoni, li jipprekludi lil KLM milli tittrasferixxi l-għajnuna hekk miksuba lill-kumpannija holding jew lil Air France fil-forma ta’ dividendi (il-ħames inċiż tal-punt 53 tad-deċiżjoni kkontestata).

    131

    Madankollu, il-projbizzjoni inkwistjoni, li hija intiża, prinċipalment, sabiex jiġi evitat li l-fondi pubbliċi jintużaw ħażin għall-benefiċċju tal-azzjonisti tal-benefiċjarju fil-forma ta’ dividendi jew ta’ remunerazzjonijiet oħra tal-kapital, ma tpoġġix inkwistjoni l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 125 sa 127 iktar ’il fuq.

    132

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-mekkaniżmi kuntrattwali ċċitati fid-deċiżjoni kkontestata ma jippermettux li jiġi kkonstatat li l-uniċi benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni huma KLM u s-sussidjarji tagħha, bl-esklużjoni tal-kumpannija holding Air France-KLM u ta’ Air France, u tas-sussidjarji li huma jikkontrollaw.

    133

    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-Kummissjoni li l-ġurisprudenza aċċettat li l-benefiċjarju ta’ għajnuna mill-Istat jista’ jkun biss waħda mill-kumpanniji li jagħmlu parti minn grupp, meta jeżistu b’mod partikolari klawżoli ta’ assenjazzjoni li jwasslu l-vantaġġ tal-għajnuna lil waħda mill-kumpanniji tal-imsemmi grupp, bl-esklużjoni tal-kumpanniji l-oħra ta’ dan il-grupp.

    134

    F’dan ir-rigward, bħalma ġie rrilevat fil-punti 55 u 56 iktar ’il fuq, diversi fatturi għandhom, skont il-każ, jiġu eżaminati sabiex jiġi ddeterminat jekk entitajiet legali distinti jistgħux jitqiesu li jifformaw unità ekonomika waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, bħar-rabtiet tal-kapital, organiċi, funzjonali u ekonomiċi bejn dawn l-entitajiet, il-kuntratti li abbażi tagħhom ingħatat il-miżura ta’ għajnuna, kif ukoll it-tip ta’ miżura ta’ għajnuna mogħtija u l-kuntest li tidħol fih. Għaldaqstant, din hija evalwazzjoni globali ta’ diversi fatturi speċifiċi għal kull każ. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kuntratti li abbażi tagħhom ingħatat il-miżura ta’ għajnuna, l-evalwazzjoni tagħhom tiddependi evidentement mill-kontenut konkret tagħhom. Għalhekk, il-fatt li l-qrati tal-Unjoni kkonkludew, jew le, f’kawża partikolari, abbażi ta’ elementi konkreti speċifiċi għal dik il-kawża, li l-benefiċjarja ta’ miżura ta’ għajnuna partikolari kienet entità waħda li tappartjeni lil grupp ta’ kumpanniji, bl-esklużjoni tal-entitajiet l-oħra ta’ dan il-grupp, ma jistax iwassal għal konklużjoni ġenerali f’sens jew f’ieħor.

    135

    Fi kwalunkwe każ, iċ-ċirkustanzi partikolari li wasslu għall-kawżi li taw lok għas-sentenzi ċċitati mill-Kummissjoni ma humiex paragunabbli ma’ dawk li wasslu għal din il-kawża.

    136

    L-ewwel, fis-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2003, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C‑457/00, EU:C:2003:387), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punti 56 u 57, li, sabiex jiġi ddeterminat il-benefiċjarju ta’ miżura ta’ għajnuna, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-eżistenza u l-formulazzjoni ta’ klawżoli ta’ assenjazzjoni u li kien possibbli li tali analiżi twassal għall-konklużjoni li l-benefiċjarju tal-għajnuna huwa differenti mill-persuna li tissellef is-self kontenzjuż. Għalhekk, konformement ma’ dik is-sentenza, l-eżitu tal-imsemmija analiżi jiddependi mill-eżistenza u mill-kontenut preċiż tal-klawżoli kuntrattwali rilevanti. Issa, f’dan il-każ, bħalma jsegwi mill-punti 111 sa 132 iktar ’il fuq, huwa preċiżament skont il-kontenut tad-diversi klawżoli kuntrattwali applikabbli f’dik il-kawża li l-Qorti Ġenerali tqis li dawn ma jippermettux li jiġi kkonstatat li l-uniċi benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni huma KLM u s-sussidjarji tagħha, bl-esklużjoni tal-kumpannija holding Air France-KLM u ta’ Air France, u tas-sussidjarji li huma jikkontrollaw. Barra minn hekk, il-kumpannija holding Air France-KLM għandha f’dan il-każ drittijiet u obbligi kuntrattwali sinjifikanti fil-kuntest tal-miżura inkwistjoni u għalhekk hija direttament involuta fil-ġestjoni tagħha.

    137

    It-tieni, jeżistu diversi differenzi fattwali importanti bejn din il-kawża u dik li tat lok għas-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni (T‑371/94 u T‑394/94, EU:T:1998:140). Fil-fatt, ir-rabtiet organiċi, funzjonali u ekonomiċi bejn l-entitajiet tal-grupp Air France-KLM irrilevati f’din il-kawża ma humiex paragunabbli ma’ dawk eżistenti bejn il-kumpanniji kkonċernati fil-kawża msemmija iktar ’il fuq. Pereżempju, f’dan il-każ, il-kumpannija holding Air France-KLM żammet il-prerogattivi strateġiċi kollha tagħha fil-qasam tal-finanzjament, tal-investiment u tal-operazzjonijiet li jirrigwardaw il-flotta, li ma kienx il-każ tal-kumpannija holding fil-kawża msemmija iktar ’il fuq. Barra minn hekk, l-imsemmija kumpannija holding ma kellha ebda dritt jew prerogattiva paragunabbli ma’ dawk miżmuma mill-kumpannija holding Air France-KLM dwar l-għoti tal-miżura inkwistjoni.

    138

    It-tielet, il-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2005, Saxonia Edelmetalle u ZEMAG vs Il-Kummissjoni (T‑111/01 u T‑133/01, EU:T:2005:166), kienet tikkonċerna sitwazzjoni differenti ħafna minn dik inkwistjoni f’din il-kawża. Fil-fatt, din kienet tikkonċerna l-obbligu ta’ rkupru ta’ għajnuna mingħand ċerti sussidjarji ta’ grupp ta’ kumpanniji li kienu ġew indikati bħala l-benefiċjarji inizjali ta’ din l-għajnuna. F’dan ir-rigward, ġie deċiż, fil-punti 125 u 126 ta’ dik is-sentenza, li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni ma tistax ġustament timputa b’mod awtomatiku l-obbligu ta’ ħlas lura lill-imsemmija sussidjarji ta’ parti mill-għajnuna kontenzjuża, fl-assenza ta’ prova li dawn effettivament irċevewha, għas-sempliċi raġuni li huma kienu indikati bħala l-benefiċjarji inizjali tal-għajnuna kontenzjuża. Issa, din is-sitwazzjoni ma hijiex relatata ma’ din il-kawża, b’tali mod li ma tista’ tinsilet ebda konklużjoni utli għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża.

    139

    Għaldaqstant, il-kuntest kuntrattwali li abbażi tiegħu tingħata l-miżura inkwistjoni ma jippermettix li jiġi konkluż li l-uniċi benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni huma KLM u s-sussidjarji tagħha.

    – Fuq it-tip ta’ miżura ta’ għajnuna mogħtija u l-kuntest li tidħol fih

    140

    Fir-rigward tat-tip ta’ miżura ta’ għajnuna mogħtija u tal-kuntest li tidħol fih, ir-rikorrenti tikkritika, essenzjalment, il-fatt li l-Kummissjoni ma wettqitx eżami tal-effetti kumulattivi tal-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjonijiet Air France, Air France-KLM u Air France u tad-deċiżjoni kkontestata.

    141

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ssemmi biss il-miżura ta’ għajnuna li hija s-suġġett tad-Deċiżjoni Air France. Il-Kummissjoni tirriproduċi, fil-qosor, il-kunsiderazzjonijiet li hija invokat f’dik id-deċiżjoni sabiex tikkonkludi li la l-kumpannija holding Air France-KLM u lanqas KLM ma jistgħu jitqiesu bħala benefiċjarji ta’ din il-miżura (punti 118 sa 123 tad-deċiżjoni kkontestata).

    142

    Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata ma ssemmix il-miżura ta’ għajnuna li hija s-suġġett tad-Deċiżjoni Air France-KLM u Air France. F’dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet qieset kemm il-kumpannija holding Air France-KLM u s-sussidjarji tagħha kif ukoll Air France u s-sussidjarji tagħha, bl-esklużjoni ta’ KLM u s-sussidjarji ta’ din tal-aħħar, bħala benefiċjarji tal-miżura ta’ għajnuna li hija s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni.

    143

    Issa, id-Deċiżjoni Air France-KLM u Air France ġiet adottata fil‑5 ta’ April 2021, jiġifieri iktar minn tliet xhur qabel id-deċiżjoni kkontestata f’din il-kawża, tas‑16 ta’ Lulju 2021, b’tali mod li kienet tikkostitwixxi element rilevanti ta’ kuntest magħruf mill-Kummissjoni waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    144

    Fil-fatt, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, għandu jiġi kkonstatat li kienet teżisti rabta kronoloġika, strutturali u ekonomika bejn il-miżura inkwistjoni u dawk li huma s-suġġett tad-Deċiżjoni Air France u tad-Deċiżjoni Air France-KLM u Air France. Fil-fatt, minn naħa, dawn il-miżuri kollha ngħataw b’mod parallel fi żmien qasir. Min-naħa l-oħra, min-natura tagħhom, it-tip ta’ miżuri ta’ għajnuna li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata u tad-Deċiżjoni Air France kienu simili. Barra minn hekk, bħalma jsegwi mid-Deċiżjoni Air France u mid-Deċiżjoni Air France-KLM u Air France, is-self ta’ azzjonist li huwa s-suġġett ta’ din l-ewwel deċiżjoni ġie ttrasformat ftit xhur wara fi strument ibridu tal-istess ammont, li huwa s-suġġett ta’ din it-tieni deċiżjoni.

    145

    Barra minn hekk, bħalma ġie rrilevat fil-punt 125 iktar ’il fuq, huwa l-effett kumulattiv ta’ dawn id-diversi miżuri ta’ għajnuna li tqies, fid-dokument universali ta’ reġistrazzjoni 2020, bħala li jtejjeb il-pożizzjoni ta’ likwidità tal-grupp Air France-KLM kollu kemm hu.

    146

    Għaldaqstant, f’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ineżami, u fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 61 iktar ’il fuq, kien il-kompitu tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest li fih taqa’ l-miżura inkwistjoni, b’mod partikolari id-Deċiżjoni Air France-KLM u Air France, aspett li hija naqset milli tagħmel.

    – Fuq id-differenza bejn vantaġġ, dirett jew indirett, minn naħa, u sempliċi effetti ekonomiċi sekondarji, min-naħa l-oħra

    147

    Il-Kummissjoni ssostni li l-miżura inkwistjoni għandha biss, l-iktar l-iktar, “sempliċi effetti ekonomiċi sekondarji” fil-konfront tal-kumpannija holding Air France-KLM u ta’ Air France, li huma inerenti għal kull għajnuna mill-Istat, iżda li ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala vantaġġ dirett jew indirett favur dawn tal-aħħar.

    148

    Ir-rikorrenti tirribatti li l-Kummissjoni ma wrietx b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-miżura inkwistjoni ma setgħetx tibbenefika lill-kumpanniji l-oħra tal-grupp Air France-KLM, pereżempju billi ssaħħaħ is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpannija holding Air France-KLM u, indirettament, dik ta’ Air France. Tali effett imur lil hinn mis-sempliċi effett sekondarju inerenti għal kull miżura ta’ għajnuna.

    149

    F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “vantaġġ indirett” u dak ta’ “effetti sekondarji inerenti għal kull miżura ta’ għajnuna”.

    150

    Bħalma tfakkar fil-punt 124 iktar ’il fuq, impriża li tibbenefika minn vantaġġ indirett għandha titqies bħala benefiċjarja tal-għajnuna. Għalhekk, vantaġġ mogħti direttament lil ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi jista’ jikkostitwixxi vantaġġ indirett u, għalhekk, għajnuna mill-Istat lil persuni ġuridiċi oħra li huma impriżi.

    151

    Barra minn hekk, skont il-paragrafu 115 tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, “[m]iżura tista’ tikkostitwixxi wkoll kemm vantaġġ dirett lill-impriża riċeventi kif ukoll vantaġġ indirett lil impriżi oħra, pereżempju, impriżi li joperaw fuq livelli sussegwenti ta’ attività”. In-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 179 ta’ dan l-avviż tippreċiża li, fil-każ fejn impriża intermedjarja hija sempliċi strument inkarigat mit-trasferiment tal-vantaġġ lill-benefiċjarju u hija ma żżomm l-ebda vantaġġ, hija normalment ma għandhiex titqies bħala l-benefiċjarju ta’ għajnuna mill-Istat.

    152

    Il-paragrafu 116 tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” jindika, barra minn hekk, li għandha ssir distinzjoni bejn il-vantaġġi indiretti u sempliċi effetti ekonomiċi sekondarji li huma inerenti fi kważi l-miżuri kollha ta’ għajnuna mill-Istat. Għal dan l-għan, skont l-imsemmi paragrafu, għandhom jiġu eżaminati l-effetti prevedibbli tal-miżura minn perspettiva ex ante. Għalhekk, jeżisti vantaġġ indirett jekk il-miżura tkun imfassla b’tali mod li tgħaddi l-effetti sekondarji tagħha “lejn impriżi identifikabbli jew gruppi ta’ impriżi [identifikabbli]”. In-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 181 ta’ dan l-avviż tispjega li, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ sempliċi effett ekonomiku sekondarju fil-forma ta’ żieda fil-produzzjoni, li ma tammontax għal għajnuna indiretta, tista’ tiġi stabbilita jekk l-għajnuna sempliċement titwassal permezz ta’ impriża, per eżempju, minn intermedjarju finanzjarju, li tgħaddiha kollha kemm hi lill-benefiċjarju tagħha.

    153

    F’dan il-każ, mill-analiżi li tinsab fil-punti 111 sa 132 iktar ’il fuq jsegwi li r-rwol tal-kumpannija holding Air France-KLM ma huwiex limitat għal “sempliċement strument għat-trasferiment tal-vantaġġ lill-benefiċjarju” jew għal “intermedjarju finanzjarju” fis-sens tal-paragrafi 115 u 116 tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”. Fil-fatt, l-imsemmija kumpannija holding effettivament teżerċita kontroll fuq is-sussidjarji tagħha billi tipparteċipa direttament jew indirettament fil-ġestjoni tagħhom u b’hekk tipparteċipa fl-attività ekonomika eżerċitata minnhom, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 66 u 67 iktar ’il fuq, li jippermettilha tikkontrolla u tmexxi l-attivitajiet tas-sussidjarji tagħha skont l-interessi rispettivi tagħha u dawk tal-grupp b’mod ġenerali. L-argument tal-Kummissjoni li l-kumpannija holding Air France-KLM u Air France jibbenefikaw biss minn sempliċi effetti ekonomiċi sekondarji inerenti għal kull għajnuna mill-Istat għandu għalhekk jiġi miċħud.

    154

    Bl-istess mod, l-effetti prevedibbli tal-miżura inkwistjoni minn perspettiva ex ante jissuġġerixxu, fid-dawl tat-tip ta’ miżura ta’ għajnuna mogħtija u tal-kuntest li din taqa’ fih, li tikkonsisti essenzjalment f’soluzzjoni ta’ finanzjament, li din is-soluzzjoni ta’ finanzjament setgħet tkun ta’ benefiċċju għall-grupp Air France-KLM kollu kemm hu, billi ttejjeb il-pożizzjoni finanzjarja globali tiegħu, li jindika l-eżistenza tal-inqas ta’ vantaġġ indirett għall-benefiċċju ta’ “grupp ta’ impriżi [identifikabbli]” fis-sens tal-paragrafu 116 tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”.

    155

    Fil-fatt, b’mod partikolari mill-punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata jsegwi li, fid-dawl tal-impatt finanzjarju sinjifikattiv u immedjat tal-pandemija tal-COVID-19, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ddeċieda li jappoġġja lil KLM f’mument ta’ nuqqas serju ta’ likwidità u riskju li tfalli. Għalhekk, peress li l-għan tal-miżura inkwistjoni huwa li tinstab soluzzjoni ta’ finanzjament sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet ta’ likwidità ta’ KLM u peress li mill-proċess isegwi li l-kumpannija holding Air France-KLM għandha ċertu rwol fil-finanzjament tal-grupp, l-imsemmija miżura għandha bħala effetti prevedibbli ex ante, minn naħa, li ttejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja tal-imsemmija kumpannija holding, parti għall-ftehim qafas u li għandha drittijiet u obbligi kuntrattwali importanti f’dan ir-rigward, u b’hekk, tal-imsemmi grupp kollu kemm hu, u, min-naħa l-oħra, li tiggarantixxi l-istabbiltà finanzjarja, inkluż f’għajnejn is-swieq finanzjarji, ta’ dan il-grupp kollu kemm hu, inkluża Air France.

    156

    Barra minn hekk, bħalma ġie rrilevat fil-punt 126 iktar ’il fuq, fl-assenza tal-miżura inkwistjoni, il-perikolu immedjat fuq il-kontinwità tal-attivitajiet ta’ KLM, ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata, seta’ jaffettwa negattivament lill-grupp Air France-KLM kollu, peress li din tal-ewwel tikkostitwixxi waħda mis-sussidjarji prinċipali ta’ dan il-grupp, li tiġġenera parti sinjifikattiva mid-dħul tiegħu.

    157

    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mid-digriet tal‑21 ta’ Jannar 2016, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni (C‑604/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:54), iċċitat mill-Kummissjoni insostenn tal-argument tagħha li, meta hija tikkalkola l-ammont tal-għajnuna, hija ma teżaminax l-effetti sekondarji tagħha għall-konsumaturi, għall-fornituri, għall-investituri jew għall-impjegati tal-benefiċjarju. Minn naħa, bħalma ssostni r-rikorrenti, il-kawża li tat lok għal dan id-digriet ma kinitx tikkonċerna sitwazzjoni intragrupp. Min-naħa l-oħra, kif ġie rrilevat fil-punti 153 sa 156 iktar ’il fuq, f’dan il-każ ma humiex involuti effetti ekonomiċi sekondarji ta’ miżura ta’ għajnuna fuq il-konsumaturi, il-fornituri, l-investituri jew l-impjegati.

    158

    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni, skont liema il-miżura inkwistjoni għandha biss, l-iktar l-iktar, sempliċi effetti ekonomiċi sekondarji fir-rigward tal-kumpannija holding Air France-KLM u tas-sussidjarji l-oħra tagħha, inkluża Air France u s-sussidjarji ta’ din tal-aħħar.

    Konklużjoni

    159

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni kienu KLM u s-sussidjarji tagħha, bl-esklużjoni tal-kumpannija holding Air France-KLM u tas-sussidjarji l-oħra tagħha, inkluża Air France u s-sussidjarji ta’ din tal-aħħar, u konsegwentement, għandu jintlaqa’ l-ewwel motiv.

    160

    Issa, l-Artikolu 107(3)(b) TFUE jeżiġi mhux biss li l-Istat Membru kkonċernat ikun effettivament ikkonfrontat b’disturb serju tal-ekonomija tiegħu iżda wkoll li l-miżuri ta’ għajnuna adottati sabiex jiġi rrimedjat dan id-disturb ikunu, minn naħa, neċessarji għal dan l-għan u, min-naħa l-oħra, xierqa u proporzjonati sabiex jintlaħaq dan l-għan. Dan l-istess rekwiżit isegwi wkoll mill-paragrafu 19 tal-qafas temporanju (sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2021, Ryanair vs Il-Kummissjoni (KLM; COVID-19), T‑643/20, EU:T:2021:286, punt 74).

    161

    Barra minn hekk, u b’mod iktar partikolari, konformement mal-paragrafu 25(d) tal-qafas temporanju, l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji pubbliċi ġodda fuq is-self hija kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, sa fejn, għas-self li jiskadi wara l‑31 ta’ Diċembru 2020, l-ammont globali tiegħu għal kull benefiċjarju ma jkunx jaqbeż id-doppju tal-kont annwali tal-pagi tal-benefiċjarju għall‑2019 jew għall-aħħar sena disponibbli. L-istess limitu japplika għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ sussidji għas-self pubbliku, konformement mal-paragrafu 27(d) tal-imsemmi qafas (sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2021, Ryanair vs Il-Kummissjoni (KLM; COVID-19), T-643/20, EU:T:2021:286, punt 75).

    162

    Għalhekk, l-eżami tan-neċessità u tal-proporzjonalità tal-għajnuna, b’mod ġenerali, u tal-osservanza tal-kundizzjonijiet iċċitati bħala eżempju fil-punt 161 iktar ’il fuq, b’mod partikolari, jippreżumi li l-benefiċjarju tal-għajnuna jkun identifikat minn qabel. Fil-fatt, l-identifikazzjoni żbaljata jew inkompleta tal-benefiċjarju ta’ miżura ta’ għajnuna jista’ jkollha effett fuq l-analiżi kollha tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern.

    163

    Għaldaqstant, hemm lok li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra tar-rikors.

    164

    Fl-aħħar, fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jagħtu għajnuna mill-Istat lil kumpanniji li jappartjenu lil grupp ta’ kumpanniji attivi f’diversi Stati Membri, għandu jitfakkar, għall-finijiet utli kollha, li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma marbuta bi dmirijiet reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali, konformement mal-Artikolu 4(3) TUE. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom għalhekk jikkollaboraw in bona fide sabiex jiżguraw l-osservanza sħiħa tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, b’mod partikolari dawk dwar l-għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja, C-507/08, EU:C:2010:802, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali u ta’ koordinazzjoni japplika iktar u iktar meta diversi Stati Membri jkollhom l-intenzjoni li jagħtu fl-istess ħin għajnuna lil entitajiet li jappartjenu għall-istess grupp ta’ kumpanniji li jopera b’mod ikkoordinat fis-suq intern bl-għan li jibbenefika minnha b’mod sħiħ.

    Fuq l‑ispejjeż

    165

    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll għal dawk tar-rikorrenti, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar.

    166

    Konformement mal-Artikolu 138(1) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 5437 final tas‑16 ta’ Lulju 2021 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57116 (2020/N) – Il-Pajjiżi l-Baxxi – COVID-19: Garanzija mill-Istat għal self u self mill-Istat lil KLM, hija annullata.

     

    2)

    Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn Ryanair DAC.

     

    3)

    Ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, Air France-KLM, Société Air France u Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

     

    Kornezov

    De Baere

    Petrlík

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-7 ta’ Frar 2024,

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top