EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CO0030

Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-24 ta’ Marzu 2023.
DV vs Direktor na Teritorialno podelenie na Natsionalnia osiguritelen institut – Veliko Tarnovo.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Administrativen sad Veliko Tarnovo.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Ħaddiema migranti – Qgħad – Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika – Sigurtà soċjali – Artikolu 30 – Determinazzjoni tad-dritt għal allowance tal-qgħad – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 65(2) – Ċittadina ta’ Stat Membru li eżerċitat attività bħala persuna impjegata fir-Renju Unit – Terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha wara l-ħruġ tar-Renju Unit u t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni stabbilit minn dan il-ftehim – Dritt ta’ din iċ-ċittadina għal allowance tal-qgħad skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru għar-ritorn tagħha lejn dan tal-aħħar.
Kawża C-30/22.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:259

 DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

24 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Ħaddiema migranti – Qgħad – Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika – Sigurtà soċjali – Artikolu 30 – Determinazzjoni tad-dritt għal allowance tal-qgħad – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 65(2) – Ċittadina ta’ Stat Membru li eżerċitat attività bħala persuna impjegata fir-Renju Unit – Terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha wara l-ħruġ tar-Renju Unit u t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni stabbilit minn dan il-ftehim – Dritt ta’ din iċ-ċittadina għal allowance tal-qgħad skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru għar-ritorn tagħha lejn dan tal-aħħar”

Fil-Kawża C‑30/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Veliko Tarnovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Veliko Tarnovo, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Jannar 2022, fil-proċedura

DV

vs

Direktor na Teritorialno podelenie na Natsionalnia osiguritelen institut – Veliko Tarnovo,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen (Relatur) u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Bulgaru, minn M. Georgieva, T. Mitova u E. Petranova, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn O. Serdula, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u N. Nikolova, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 30 u 31 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”), iffirmat fi Brussell (il-Belġju) u f’Londra (ir-Renju Unit) fl‑24 ta’ Jannar 2020 u li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Frar 2020, kif ukoll tal-Artikolu 65(2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 (ĠU 2012, L 149, p. 4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn DV u d-Direktor na Teritorialno podelenie na Natsionalnia osiguritelen institut – Veliko Tarnovo (id-Direttur tad-Diviżjoni Territorjali tal-Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali ta’ Veliko Tarnovo, il-Bulgarija) dwar ir-rifjut tiegħu li jagħtiha benefiċċji tal-qgħad wara t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħha fir-Renju Unit fid‑29 ta’ Marzu 2021.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Il‑Ftehim dwar il‑Ħruġ

3

Il-Ftehim dwar il-Ħruġ ġie approvat f’isem l-Unjoni u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat‑30 ta’ Jannar 2020 (ĠU 2020, L 29, p. 1).

4

Skont is-sitt paragrafu tal-preambolu ta’ dan il-ftehim:

“FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li jeħtieġ li tiġi pprovduta protezzjoni reċiproka għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għal dawk tar-Renju Unit [tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq], kif ukoll għall-membri tal-familji rispettivi tagħhom, fejn huma eżerċitaw drittijiet ta’ moviment liberu qabel id-data stabbilita f’dan il-Ftehim, u li jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom taħt dan il-Ftehim ikunu infurzabbli u bbażati fuq il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni; filwaqt li jirrikonoxxu wkoll li d-drittijiet li joriġinaw minn perjodi ta’ assigurazzjoni ta’ sigurtà soċjali jenħtieġ li jiġu protetti”.

5

L-Artikolu 7(1) tal-imsemmi ftehim jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, ir-referenzi kollha għall-Istati Membri u għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni magħmula applikabbli minn dan il-Ftehim għandhom jinftiehmu bħala li jinkludu lir-Renju Unit u l-awtoritajiet kompetenti tiegħu, ħlief rigward:

[…]”

6

L-Artikolu 10(1)(a) tal-istess ftehim huwa fformulat kif ġej:

“Mingħajr preġudizzju għat-Titolu III, din il-Parti għandha tapplika għall-persuni li ġejjin:

(a)

ċittadini tal-Unjoni li eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fir-Renju Unit f’konformità mad-dritt tal-Unjoni qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u jibqgħu jirrisjedu hemmhekk wara dan”.

7

It-Titolu III tat-Tieni Parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, intitolat “Koordinazzjoni ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali”, jinkludi l-Artikoli 30 sa 36 tiegħu.

8

L-Artikolu 30(1) sa (4) ta’ dan il-ftehim jipprevedi:

“1.   Dan it-Titolu għandu japplika għall-persuni li ġejjin:

(a)

ċittadini tal-Unjoni li jkunu soġġetti għal-leġislazzjoni tar-Renju Unit fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, kif ukoll il-membri tal-familja u s-superstiti tagħhom;

[…]

(c)

ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fir-Renju Unit u li jkunu soġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, kif ukoll il-membri tal-familja u s-superstiti tagħhom;

[…]

(e)

persuni li ma jaqgħux taħt il-punti minn (a) sa (d) iżda huma:

(I)

ċittadini tal-Unjoni li jkunu qed iwettqu attività bħala persuna impjegata jew li taħdem għal rasha fir-Renju Unit fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, u li, fuq il-bażi tat-Titolu II tar-[Regolament Nru 883/2004], ikunu soġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, kif ukoll il-membri tal-familja u s-superstiti tagħhom […]

[…]

2.   Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu koperti sakemm jibqgħu, mingħajr interruzzjoni, f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija f’dak il-paragrafu li jinvolvu kemm lil Stat Membru kif ukoll lir-Renju Unit simultanjament.

3.   Dan it-Titolu għandu japplika wkoll għall-persuni li ma jkunux koperti, jew li ma għadhomx, koperti mill-punti minn (a) sa (e) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu iżda huma koperti mill-Artikolu 10 ta’ dan il-Ftehim, kif ukoll il-membri tal-familji u s-superstiti tagħhom.

4.   Il-persuni msemmija fil-paragrafu 3 għandhom ikunu koperti sakemm ikun għad għandhom id-dritt ta’ residenza fl-Istat ospitanti skont l-Artikolu 13 ta’ dan il-Ftehim, jew id-dritt li jaħdmu fl-Istat tax-xogħol tagħhom taħt l-Artikolu 24 jew 25 ta’ dan il-Ftehim.”

9

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(1) tal-imsemmi ftehim jiddisponi:

“Ir-regoli u l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 48 TFUE, fir-[Regolament Nru 883/2004] u fir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU 2009, L 284, p. 1),] għandhom japplikaw għall-persuni koperti minn dan it-Titolu. għandhom japplikaw għall-persuni koperti minn dan it-Titolu.”

10

Skont l-Artikolu 32(1)(a) tal-istess ftehim:

“Ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet li ġejjin sa fejn stabbilit f’dan l-Artikolu, sakemm ikunu relatati ma’ persuni li mhumiex jew li ma għadhomx koperti mill-Artikolu 30:

(a)

il-persuni li ġejjin għandhom ikunu koperti minn dan it-Titolu għall-finijiet tal-użu u l-aggregazzjoni tal-perjodi ta’ assigurazzjoni, ta’ impjieg, ta’ impjieg għal rashom jew ta’ residenza, inklużi drittijiet u obbligi li jirriżultaw minn tali perjodi f’konformità mar-[Regolament Nru 883/2004]:

(i)

ċittadini tal-Unjoni […] li kienu soġġetti għal-leġislazzjoni tar-Renju Unit qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, kif ukoll il-membri tal-familja u s-superstiti tagħhom;

[…]

għall-finijiet tal-aggregazzjoni tal-perjodi, il-perjodi skorruti kemm qabel kif ukoll wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni f’konformità mar-[Regolament Nru 883/2004]”.

11

L-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jaqra kif ġej:

“Għandu jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni jew ta’ implimentazzjoni, li għandu jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u jintemm fil‑31 ta’ Diċembru 2020.”

Ir‑Regolament Nru 883/2004

12

L-Artikolu 1(j) tar-Regolament Nru 883/2004 jiddefinixxi, għall-finijiet ta’ dan tal-aħħar, il-kelma “residenza” bħala l-post fejn persuna għandha r-residenza abitwali tagħha.

13

Intitolat “Benefiċċji mogħtija lil persuni li ma jkunux impjegati”, il-Kapitolu 6 tat-Titolu III ta’ dan ir-regolament jinkludi l-Artikoli 61 sa 65a tiegħu.

14

L-Artikolu 61 tal-imsemmi regolament, intitolat “Regoli speċjali dwar l-għadd flimkien ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg jew impjieg għal rashom”, jiddisponi:

“1.   L-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu tagħmel il-kisba, iż-żamma, l-irkupru jew it-tul tad-dritt għal benefiċċji kondizzjonali fuq l-ikkompletar ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni, jew ta’ perjodi ta’ impjieg jew ta’ perjodi ta’ impjieg għal rashom għandha, sa fejn ikun meħtieġ, tikkunsidra perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg jew impjieg għal rashom magħmula taħt il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru ieħor bħallikieku saru taħt il-leġislazzjoni applikata minnha.

Madanakollu, meta l-leġislazzjoni applikabbli tagħmel id-dritt għal benefiċċji kondizzjonali fuq l-ikkompletar ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni, il-perjodi ta’ impjieg jew impjieg għal rashom magħmula taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor ma għandhomx jitqiesu. Dan iżda ma japplikax jekk dawn il-perjodi kienu jitqiesu bħala perjodi ta’ assigurazzjoni li kieku kienu magħmula skond il-leġislazzjoni applikabbli.

2.   Minbarra fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 65(5)(a), l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tkun kondizzjonali fuq:

perjodi ta’ assigurazzjoni, jekk dik il-leġislazzjoni titlob perjodi ta’ assigurazzjoni,

perjodi ta’impjieg, jekk dik il-leġislazzjoni titlob perjodi ta’ impjieg, jew

perjodi ta’impjieg għal rasha, jekk dik il-leġislazzjoni titlob perjodi ta’ impjieg għal rasha, li l-persuna konċernata l-aħħar li ikkompletat, skond il-leġislazzjoni li taħtha qegħdin jintalbu l-benefiċċji.”

15

L-Artikolu 65(2) u (5) tal-istess regolament jipprevedi:

“2.   Persuna li ma għandha l-ebda impjieg u li, matul l-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, kienet residenti fi Stat Membru li mhux l-Istat Membru kompetenti u li tibqa’ residenti f’dak l-Istat Membru jew tmur lura lejn dak l-Istat Membru, għandha tagħmel lilha nnifisha disponibbli għas-servizzi ta’ impjieg fl-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha. Mingħajr ħsara għall-Artikolu 64, persuna li ma għandha l-ebda impjieg tista, bħala pass supplimentari, tagħmel lilha nnifisha disponibbli għas-servizzi ta’ impjieg ta’ l-Istat Membru fejn hija wettqet l-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha.

[…]

5.   

(a)

Il-persuna li ma għandhiex impjieg imsemmija fl-ewwel u fit-tieni sentenza tal-paragrafu 2 għandha tirċievi benefiċċji skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha bħallikieku kienet suġġetta għal dik il-leġislazzjoni matul l-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha. Dawn il-benefiċċji għandhom jingħataw mill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza.

[…]”

Id‑dritt Bulgaru

16

L-Artikolu 54a(1) tal-Kodeks za sotsialno osiguriavane (il-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali) (DV Nru 77 tas‑16 ta’ Settembru 2021, iktar ’il quddiem il-“KSO”), jiddisponi:

“Għandhom dritt għal benefiċċji tal-qgħad il-persuni li fir-rigward tagħhom tħallsu jew kienu dovuti taħt l-assigurazzjoni mill-Fond għall-Qgħad matul mill-inqas 12‑il xahar matul it‑18‑il xahar qabel it-tmiem tal-affiljazzjoni u li:

1.   ġew irreġistrati bħala persuni qiegħda mal-Aġenzija għall-Impjiegi;

2.   ma jkunux kisbu d-dritt għal pensjoni tal-irtirar fir-Repubblika tal-Bulgarija jew għal pensjoni tax-xjuħija fi Stat ieħor jew ma jirċevux pensjoni tal-irtirar imnaqqsa skont l-Artikolu 68a jew pensjoni professjonali skont l-Artikolu 168;

3.   ma jeżerċitaw l-ebda attività professjonali li għaliha huma suġġetti għall-assigurazzjoni obbligatorja bis-saħħa ta’ dan il-kodiċi jew tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat ieħor, bl-eċċezzjoni tal-persuni msemmija fl-Artikolu 114a(1) tal-Kodeks na truda [(il-Kodiċi tax-Xogħol)].”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

17

DV hija ċittadina Bulgara. Mill‑1 ta’ Diċembru 2014 sad‑29 ta’ Marzu 2021, hija eżerċitat attività bħala persuna impjegata fir-Renju Unit ma’ persuni differenti li jimpjegaw, fil-qasam tas-servizzi soċjali u tas-saħħa.

18

Fit‑2 ta’ April 2021, DV, bħala persuna mingħajr impjieg, invokat id-drittijiet tagħha għal benefiċċji tal-qgħad fil-Bulgarija abbażi tal-KSO. Insostenn tat-talba tagħha, DV ipproduċiet ċerti dokumenti, fosthom dikjarazzjoni ta’ residenza għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 65(2) tar-Regolament Nru 883/2004. Barra minn hekk, sar skambju elettroniku ta’ informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ DV bejn ir-Renju Unit u r-Repubblika tal-Bulgarija.

19

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Awwissu 2021, l-Awtorità Bulgara tal-Assigurazzjoni tal-Qgħad irrifjutat li tilqa’ din it-talba, minħabba li l-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa minn DV fir-Renju Unit sad‑29 ta’ Marzu 2021 ma kinux ġew segwiti minn perijodi li matulhom kienet ġiet sottoskritta assigurazzjoni soċjali fil-Bulgarija. Skont din l-awtorità, l-Artikolu 30 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ ma kienx japplika, peress li DV kienet interrompiet, bir-ritorn tagħha lejn il-Bulgarija, is-sitwazzjoni transkonfinali li kienet tinsab fiha fid-data tat-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni stabbilit fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ tranżizzjoni”), jiġifieri l‑31 ta’ Diċembru 2020, u li, konsegwentement, is-sitwazzjoni tagħha ma kinitx għadha tikkonċerna kemm Stat Membru kif ukoll ir-Renju Unit. Barra minn hekk, fir-rigward tal-Artikolu 32 ta’ dan il-ftehim, li jikkonċerna l-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa qabel u wara t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, DV ma eżerċitatx, fil-Bulgarija, attività professjonali li l-waqfien tagħha kien jippermetti li jiġi ddeterminat jekk hija kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa mid-dritt Bulgaru li jirregola d-dritt għal benefiċċji tal-qgħad.

20

Fis‑27 ta’ Settembru 2021, l-azzjoni ppreżentata minn DV kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud mill-konvenut fil-kawża prinċipali. Sussegwentement, DV adixxiet lill-qorti tar-rinviju, l-Administrativen sad Veliko Tarnovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Veliko Tarnovo, il-Bulgarija) b’rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda.

21

Skont dik il-qorti, l-evalwazzjoni tal-legalità tal-imsemmija deċiżjoni ta’ ċaħda hija marbuta, jew saħansitra suġġetta, għall-applikabbiltà tar-regoli stabbiliti fl-Artikoli 61 sa 65 tar-Regolament Nru 883/2004 u tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 987/2009 li jispeċifikawhom għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-Artikolu 31(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, jew għall-applikabbiltà tal-Artikolu 32 ta’ dan il-ftehim għall-finijiet biss tal-aggregazzjoni tal-perijodi kkonċernati.

22

L-imsemmija qorti hija tal-fehma li s-sitwazzjoni ta’ DV ma tikkorrispondix għall-ipoteżi msemmija fl-Artikolu 30(1)(c) tal-imsemmi ftehim, li l-konvenuta fil-kawża prinċipali tqis rilevanti, iżda għal dik prevista f’dan l-Artikolu 30(1)(a), li japplika għaċ-ċittadini tal-Unjoni li huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit fi tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni.

23

Fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 31(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u, għaldaqstant, tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 883/2004, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont il-konvenut fil-kawża prinċipali, is-sitwazzjoni ta’ DV ma taqax taħt il-każijiet imsemmija fl-Artikolu 30(1) ta’ dan il-ftehim, peress li l-applikazzjoni tagħhom hija kkundizzjonata mill-Artikolu 30(2) tal-imsemmi ftehim, li jipprovdi li l-persuni msemmija f’dan l-Artikolu 30(1) huma koperti “sakemm” jibqgħu, mingħajr interruzzjoni, f’waħda mis-sitwazzjonijiet stabbiliti fih u li tikkonċerna kemm Stat Membru kif ukoll ir-Renju Unit. Issa, it-terminazzjoni tal-impjieg ta’ DV fir-Renju Unit fid‑29 ta’ Marzu 2021 temmet is-sitwazzjoni li kienet taqa’ taħtha.

24

F’dan ir-rigward, dik il-qorti tistaqsi jekk it-terminu “sakemm” għandux jiġi interpretat fis-sens li l-persuni msemmija fl-imsemmi Artikolu 30(1) jaqgħux taħt waħda mis-sitwazzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni biss sakemm ikunu jinsabu f’din is-sitwazzjoni jew inkella fis-sens li, fid-dawl tal-loġika tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u tal-għan li għandu jintlaħaq minn dan tal-aħħar, dawn il-persuni jkomplu jaqgħu taħt l-imsemmija dispożizzjoni meta jkunu jinsabu fl-imsemmija sitwazzjoni matul il-perijodu kollu ta’ tranżizzjoni, b’tali mod li bidla fis-sitwazzjoni li sseħħ wara dan il-perijodu ma taffettwax l-applikabbiltà tal-istess dispożizzjoni.

25

Sussidjarjament, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar l-applikabbiltà possibbli tal-Artikolu 30(3) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ għat-tilwima fil-kawża prinċipali, peress li, fil-fehma tagħha, is-sitwazzjoni ta’ DV hija prevista fl-Artikolu 10(1)(a) ta’ dan il-ftehim, li għalih jirreferi dan il-paragrafu 3. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi jekk il-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 30(4) tal-imsemmi ftehim teskludix l-applikazzjoni tal-imsemmi paragrafu 3 għal DV, peress li hija ma għadhiex tibbenefika minn dritt ta’ residenza fir-Renju Unit minn tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol tagħha, jew jekk din il-limitazzjoni tirrigwardax l-eżistenza ta’ dritt ta’ residenza jew ta’ xogħol eżerċitat wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, mingħajr ma jkun rilevanti l-mument li fih dan id-dritt intemm wara dan il-perijodu.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Veliko Tarnovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Veliko Tarnovo) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 30(2) u tal-Artikolu 30(1)(a) tal-[Ftehim dwar il-Ħruġ] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-persuni msemmija f’din l-aħħar dispożizzjoni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 31(1) ta’ dan il-ftehim jekk dawn il-persuni kienu, mingħajr waqfien, ċittadini tal-istess Stat Membru wieħed u, fl-istess ħin, suġġetti għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni kollu, jew għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-persuni msemmija fl-Artikolu 30(1)(a) ta’ dan il-ftehim jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 31(1) [tal-imsemmi ftehim] fil-każ biss li kienu jeżerċitaw attività professjonali fit-territorju tar-Renju Unit fit-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni u/jew wara dan it-tmiem?

2)

Id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 30(2) u tal-Artikolu 30(1)(c) tal-[Ftehim dwar il-Ħruġ] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-persuni msemmija f’din l-aħħar dispożizzjoni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 31(1) ta’ dan il-ftehim kemm-il darba, fil-kwalità tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni, huma kienu residenti mingħajr waqfien u b’mod esklużiv fit-territorju tar-Renju Unit matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni kollu u, fl-istess ħin, matul dan il-perijodu ta’ tranżizzjoni kollu sat-tluq tagħhom, kienu suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-istess Stat Membru wieħed, jew għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-persuni msemmija fl-Artikolu 30(1)(c) ta’ dan il-ftehim ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 31(1) [tal-imsemmi ftehim] jekk ma jkunux baqgħu residenti fit-territorju tar-Renju Unit wara t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni?

3)

Fil-każ li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 30(2) u tal-Artikolu 30(1)(a) u (c) tal-[Ftehim dwar il-Ħruġ] twassal għall-konklużjoni li dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx għall-fatti fil-kawża prinċipali minħabba li ċ-ċittadin tal-Unjoni ma baqax residenti fit-territorju tar-Renju Unit wara t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 30(4) [ta’ dan il-ftehim,] ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 30(3) ta’ dan il-ftehim, il-persuni li joqogħdu fl-Istat ospitanti jew li jaħdmu fl-Istat tax-xogħol tagħhom ma jibqgħux koperti mill-Artikolu 31(1) [tal-imsemmi ftehim] meta r-relazzjoni legali tagħhom bħala ħaddiem (impjegat) tintemm u għalhekk tilfu d-dritt ta’ residenza tagħhom u telqu mit-territorju tal-Istat tax-xogħol jew tal-Istat ospitanti wara t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, jew dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-restrizzjoni, imposta fl-Artikolu 30(4) [tal-istess ftehim], tapplika għad-dritt ta’ residenza jew għad-dritt ta’ xogħol eżerċitat wara t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni irrispettivament mid-data li fiha dawn id-drittijiet ikunu sussegwentement intemmu, jekk kienu jeżistu wara t-tmiem ta’ dan il-perijodu ta’ tranżizzjoni?”

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

27

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura mħaffa għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn tat-talba tagħha, dik il-qorti tirrileva li DV ma għadhiex tirċievi dħul mit-tmiem tal-attività tagħha bħala persuna impjegata fir-Renju Unit u li huwa possibbilment neċessarju għaliha li tinvoka d-dritt tagħha għal benefiċċji tal-qgħad f’dan l-Istat, fit-termini u fil-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni ta’ dan tal-aħħar.

28

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Frar 2022, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, ċaħad din it-talba minħabba, minn naħa, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, la s-sempliċi interess tal-partijiet fil-kawża, irrispettivament minn kemm huwa importanti u leġittimu, sabiex mill-iktar fis possibbli tiġi ddeterminata l-portata tad-drittijiet mogħtija lilhom mid-dritt tal-Unjoni u lanqas in-natura ekonomikament u soċjalment sensittiva tat-tilwima fil-kawża prinċipali ma jimplikaw madankollu n-neċessità li din tiġi ttrattata fi żmien qasir, fis-sens tal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑27 ta’ Frar 2019, M.V. et, C‑760/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:170, punt 18 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tan-neċessità possibbli għal DV li tinvoka d-dritt tagħha għal benefiċċji tal-qgħad fir-Renju Unit, li l-qorti tar-rinviju ma kinitx ippreċiżat liema kien it-terminu previst għal dan l-għan mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat u lanqas ma kienet esponiet ir-raġunijiet li għalihom DV kienet prekluża milli tinvoka dan id-dritt qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

29

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja, fit‑30 ta’ Settembru 2022, indirizzat talba għal informazzjoni lil din il-qorti intiża sabiex isir magħruf liema kien l-Istat ta’ residenza, fis-sens tal-Artikolu 1(j) u tal-Artikolu 65(2) tar-Regolament Nru 883/2004, ta’ DV matul il-perijodu ta’ eżerċizzju ta’ attività bħala persuna impjegata fir-Renju Unit bejn l‑1 ta’ Diċembru 2014 u d‑29 ta’ Marzu 2021.

30

Fil‑11 ta’ Ottubru 2022, l-imsemmija qorti wieġbet għal din it-talba li, matul dan il-perijodu kollu, l-Istat ta’ residenza ta’ DV kien ir-Renju Unit, kif jirriżulta kemm mill-iskambji elettroniċi ta’ informazzjoni bejn dan l-Istat u r-Repubblika tal-Bulgarija kif ukoll mid-dikjarazzjoni ta’ residenza prodotta minn DV għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 65(2) tar-Regolament Nru 883/2004.

Fuq id‑domandi preliminari

31

Bis-saħħa tal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għal tali domanda ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

32

F’din il-kawża hemm lok li tiġi applikata din id-dispożizzjoni.

33

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha. Minn din il-perspettiva, jekk ikun il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha mhux biss tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha, iżda wkoll tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li għalihom il-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, RegioJet, C‑57/21, EU:C:2023:6, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

F’dan il-każ, id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 30 u 31 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ biss u huma intiżi sabiex jiddeterminaw l-applikabbiltà tagħhom għal sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha persuna li tkun ħadmet fit-territorju tar-Renju Unit għal diversi snin tirritorna fil-Bulgarija wara t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni u titlob, f’dan l-Istat Membru, il-benefiċċji tal-qgħad.

35

F’dan ir-rigward, mis-sitt paragrafu tal-preambolu ta’ dan il-ftehim jirriżulta li huwa neċessarju li tingħata protezzjoni reċiproka liċ-ċittadini tal-Unjoni u liċ-ċittadini tar-Renju Unit li eżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta’ moviment liberu qabel data stabbilita fl-imsemmi ftehim, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw minn perijodi ta’ affiljazzjoni ma’ skema ta’ sigurtà soċjali.

36

Barra minn hekk, l-Artikolu 7(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jippreċiża li, għall-finijiet tiegħu, ir-riferimenti kollha għall-Istati Membri u għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li saru applikabbli permezz ta’ dan il-ftehim għandhom jinftiehmu, ħlief f’ċerti eċċezzjonijiet, bħala li jinkludu r-Renju Unit u l-awtoritajiet kompetenti tiegħu.

37

Minn dan jirriżulta li l-għan tal-Ftehim dwar il-Ħruġ ma huwiex li joħloq drittijiet indipendenti mid-dritt tal-Unjoni, iżda li jipproteġi d-drittijiet eżerċitati bis-saħħa ta’ dan id-dritt qabel tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni, billi jirrendi d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi dritt imsemmija f’dan il-ftehim applikabbli għas-sitwazzjonijiet iddefiniti f’dan tal-aħħar, li jinvolvu liċ-ċittadini, il-leġiżlazzjoni jew it-territorju tar-Renju Unit.

38

B’mod iktar partikolari, l-Artikolu 31 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, li jagħmel parti mit-Titolu III tat-Tieni Parti ta’ dan il-ftehim, intitolat “Koordinazzjoni ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li r-regoli u l-għanijiet stabbiliti, b’mod partikolari, mir-Regolament Nru 883/2004 japplikaw għall-persuni koperti minn dan it-titolu.

39

Minn dan isegwi li, qabel ma jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jistgħux jiġu applikati għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 883/2004 li DV tinvoka kinux applikabbli għaliha indipendentement mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni jew mill-fatt li hija kienet eżerċitat l-attività tagħha bħala persuna impjegata f’dan l-Istat, u mhux fi Stat Membru tal-Unjoni. Fil-fatt, li kieku dan ma kienx il-każ, l-eżistenza ta’ dritt miksub bis-saħħa ta’ dan ir-regolament, għall-perijodu ta’ attività bħala persuna impjegata eżerċitata minn DV fir-Renju Unit, li l-Ftehim dwar il-Ħruġ għandu l-għan li jipproteġi, kienet tkun nieqsa.

40

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, minn naħa, li l-Awtorità Bulgara tal-Assigurazzjoni tal-Qgħad irrifjutat l-għoti ta’ benefiċċji tal-qgħad lil DV minħabba li, wara li wettqet perijodi ta’ assigurazzjoni fir-Renju Unit abbażi tal-eżerċizzju ta’ attività bħala persuna impjegata fit-territorju ta’ dak l-Istat, DV irritornat fil-Bulgarija, fejn hija talbet tali benefiċċji mingħajr ma eżerċitat attività professjonali jew wettqet perijodi ta’ assigurazzjoni fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tqis li, bis-saħħa tal-Artikolu 31(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-legalità ta’ dik id-deċiżjoni ta’ rifjut hija kkundizzjonata mill-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 61 sa 65a tar-Regolament Nru 883/2004 għal tali ċirkustanzi.

41

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 61 ta’ dan ir-regolament jipprevedi b’mod partikolari, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu tissuġġetta l-kisba tad-dritt għall-benefiċċji tal-qgħad għat-twettiq ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, sa fejn ikun neċessarju, il-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor bħallikieku dawn kienu twettqu taħt il-leġiżlazzjoni li hija tapplika. Madankollu, mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 61 jirriżulta li, minbarra fir-rigward tas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 65(5)(a) tal-imsemmi regolament, l-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 61(1) hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tkun wettqet fl-aħħar lok, konformement mal-leġiżlazzjoni li taħtha jintalbu l-benefiċċji, perijodi ta’ assigurazzjoni, jekk din il-leġiżlazzjoni teħtieġhom.

42

Konsegwentement, sa fejn mill-Artikolu 54a(1) tal-KSO jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Bulgara tissuġġetta l-kisba tad-dritt għall-benefiċċji tal-qgħad għat-twettiq ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni u sa fejn DV ma tkun wettqet l-ebda waħda minn dawn il-perijodi mar-ritorn tagħha fil-Bulgarija, hija tkun tista’ titlob il-benefiċċji tal-qgħad bis-saħħa tar-Regolament Nru 883/2004, permezz tal-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fi Stat ieħor, f’dan il-każ ir-Renju Unit, biss jekk is-sitwazzjoni tagħha tikkorrispondi għal dik prevista fl-Artikolu 65(5)(a) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien ma’ dan l-Artikolu 65(2).

43

F’dan ir-rigward, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 65(2) tal-imsemmi regolament tipprovdi li persuna li ma għandha l-ebda impjieg li, matul l-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, kienet residenti fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru kompetenti u li tkompli tirrisjedi fl-istess Stat Membru jew li tirritorna f’dan l-Istat Membru għandha tagħmel lilha nnifisha disponibbli għas-servizzi ta’ impjieg tal-Istat Membru ta’ residenza. Tali persuna tibbenefika, skont dan l-Artikolu 65(5)(a), mill-benefiċċji tal-qgħad skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza, bħallikieku hija kienet suġġetta għal din il-leġiżlazzjoni matul l-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha. Dawn il-benefiċċji għandhom jingħataw mill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza.

44

Issa, mit-tweġiba għat-talba għal informazzjoni, imsemmija fil-punti 29 u 30 ta’ dan id-digriet, ipprovduta mill-qorti tar-rinviju, li hija biss għandha ġurisdizzjoni, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li tevalwa l-fatti tal-kawża li għandha quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, Fossil (Gibraltar), C‑705/20, EU:C:2022:680, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata), jirriżulta b’mod ċar li, matul il-perijodu kollu ta’ eżerċizzju tal-attività bħala persuna impjegata ta’ DV fit-territorju tar-Renju Unit, din kienet tirrisjedi, fis-sens tal-Artikolu 1(j) u tal-Artikolu 65(2) tar-Regolament Nru 883/2004, f’dan l-Istat, li kien l-Istat kompetenti, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, matul dan il-perijodu. Huwa biss wara l-waqfien ta’ din l-attività bħala persuna impjegata li DV irritornat fil-Bulgarija sabiex titlob l-għoti ta’ benefiċċji tal-qgħad mingħand l-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru.

45

Minn dan jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari mqajma fil-punt 39 ta’ dan id-digriet hija li l-Artikolu 65(2) tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal sitwazzjoni li fiha persuna titlob il-benefiċċji tal-qgħad mingħand l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li fih hija ma wettqitx perijodi ta’ assigurazzjoni, ta’ impjieg jew ta’ attività bħala persuna li taħdem għal rasha u li fit-territorju tiegħu hija tirritorna fi tmiem perijodu ta’ assigurazzjoni, ta’ impjieg jew ta’ attività bħala persuna li taħdem għal rasha mwettqa fi Stat ieħor, li fih hija kienet tirrisjedi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, matul dan il-perijodu kollu.

46

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għal din id-domanda preliminari, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l‑ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 65(2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

ma japplikax għal sitwazzjoni li fiha persuna titlob il-benefiċċji tal-qgħad mingħand l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li fih hija ma wettqitx perijodi ta’ assigurazzjoni, ta’ impjieg jew ta’ attività bħala persuna li taħdem għal rasha u li fit-territorju tiegħu hija tirritorna fi tmiem perijodu ta’ assigurazzjoni, ta’ impjieg jew ta’ attività bħala persuna li taħdem għal rasha mwettqa fi Stat ieħor, li fih hija kienet tirrisjedi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, matul dan il-perijodu kollu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Top