This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CN0259
Case C-259/22 P: Appeal brought on 15 April 2022 by Arysta LifeScience Great Britain Ltd against the judgment of the General Court (Seventh Chamber) delivered on 9 February 2022 in Case T-740/18, Taminco and Arysta LifeScience Great Britain v Commission
Kawża C-259/22 P: Appell ippreżentat fil-15 ta’ April 2022 minn Arysta LifeScience Great Britain Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba' Awla) fid-9 ta’ Frar 2022 fil-Kawża T-740/18, Taminco u Arysta LifeScience Great Britain vs Il-Kummissjoni
Kawża C-259/22 P: Appell ippreżentat fil-15 ta’ April 2022 minn Arysta LifeScience Great Britain Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba' Awla) fid-9 ta’ Frar 2022 fil-Kawża T-740/18, Taminco u Arysta LifeScience Great Britain vs Il-Kummissjoni
ĠU C 222, 7.6.2022, p. 22–24
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 222, 7.6.2022, p. 21–23
(GA)
7.6.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 222/22 |
Appell ippreżentat fil-15 ta’ April 2022 minn Arysta LifeScience Great Britain Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba' Awla) fid-9 ta’ Frar 2022 fil-Kawża T-740/18, Taminco u Arysta LifeScience Great Britain vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-259/22 P)
(2022/C 222/33)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellant: Arysta LifeScience Great Britain Ltd (rappreżentant: C. Mereu, avocat)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Taminco BVBA
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
— |
tannulla s-sentenza appellata; |
— |
tannulla r-regolament ikkontestat (1) u tordna li l-appellanti tiġi rrimborsata l-ispejjeż li hija sostniet fil-kuntest kemm ta’ dan l-appell kif ukoll tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, jew inkella, tordna li l-appellanti tiġi rrimborsata l-ispejjeż li hija sostniet fil-kuntest ta’ dan l-appell u tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid. |
Aggravji u argumenti prinċipali
1. |
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li d-drittijiet tad-difiża tal-appellanti huma limitati għad-dispożizzjonijiet speċifiċi previsti fl-Artikoli 12(3) u 14(1) tar-Regolament 844/2012. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tqis li l-proċess għat-tiġdid tal-approvazzjoni ta’ sustanzi huwa ta’ natura amministrattiva u, għalhekk, l-appellanti tista’ teżerċita d-drittijiet ta’ difiża tagħha lil hinn mid-dispożizzjonijiet previsti fil-qafas legali rrilevanti li jipprevedi espliċitament tali drittijiet (per eżempju r-Regolamenti 1107/2009 (2) u 844/2012 (3)). |
2. |
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-appellanti ma tistax tirtira wieħed mill-użi rappreżentattivi tad-dossier tan-notifika. Skont ir-Regolamenti 1107/2009 u 844/2012, il-libertà li jintgħażlu l-użi rappreżentattivi fil-bidu tal-proċedura għat-tiġdid tirrifletti u neċessarjament tinvolvi l-libertà li dawn jiġu rtirati matul tali proċedura. Il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Linji Gwida Amministrattivi tal-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel (EFSA) huma applikabbli. Il-proċedura għat-tiġdid hija proċedura waħda li tiġbor taħtha żewġ fażijiet interkonnessi. Għalhekk huwa irrilevanti li l-Linji Gwida Amministrattivi tal-EFSA jirrigwardaw il-proċedura li tinbeda permezz tal-“preżentazzjoni ta’ applikazzjoni u li tintemm bl-adozzjoni u l-pubblikazzjoni tal-konklużjonijiet tal-EFSA”, u li, b’konsegwenza ta’ dan, l-irtirar seta’ jseħħ biss matul l-ewwel fażi quddiem l-EFSA. |
3. |
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u/jew żnaturat il-provi, u għalhekk waslet għal konklużjoni legali żbaljata, meta rreferiet għall-użi tas-sustanza fuq il-weraq sabiex tiġġustifikax d-deċiżjonijiet dwar l-użu tat-trattament taż-żrieragħ. Hija b’mod inkonsistenti għamlet riferimenti għal kwistjonijiet relatati mal-użi fuq il-weraq – li ġie rtirat mill-appellanti – sabiex tiddeċiedi li “il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tibbaża r-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat biss fuq raġunijiet marbutin mal-użu tat-tiram għat-trattament taż-żrieragħ”. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u/jew żnaturat il-provi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet emendat ir-regolament ikkontestat b’mod korrett sabiex jirrifletti l-irtirar tal-użi fuq il-weraq. Ir-regolament ikkontestat għadu jsostni n-nuqqas ta’ tiġdid tat-tiram abbażi ta’ kwistjonijiet relatati mal-użi fuq il-weraq (per eżempju l-premessa 8 tar-regolament ikkontestat tipprevedi: “L-Awtorità identifikat riskju għoli għall-konsumaturi u għall-ħaddiema mill-applikazzjoni tat-tiram permezz tal-bexx tal-weraq.”), li ġie rtirat mill-appellanti. |
4. |
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, żnaturat il-provi u/jew ibbażat id-deċiżjoni tagħha fuq motivazzjoni inkonsistenti u/jew mingħajr ma pprovdiet motivazzjoni suffiċjenti, meta qieset li l-metabolita M1 huwa rrilevanti għall-evalwazzjoni tal-użu tat-trattament taż-żrieragħ. Il-Qorti Ġenerali kellha tinjora kull riferimenti għall-metabolita M1 – relatat direttament mal-użi fuq il-weraq – minħabba li dan l-użu kien ġie rtirat. Il-Qorti Ġenerali għamlet l-istess meta ddeċidiet li hemm riskju għall-użu tat-trattament taż-żrieragħ minħabba l-preżenza tal-metabolita DMCS. Ir-riskju għandu jitqies bħala aċċettabbli għat-trattament taż-żrieragħ f’dak li jirrigwarda l-metabolita DMCS peress li r-rati huma ħafna iktar baxxi għat-trattament taż-żrieragħ u nstabu li huma taħt il-livell ta’ tħassib. |
5. |
Il-Qorti Ġenerali interpretat il-prinċipju ta’ prekawzjoni b’mod żbaljat u/jew wettqet żball ta’ liġi u/jew żnaturat il-provi tal-proċess u għalhekk waslet għal konklużjoni legali żbaljata meta ddeċidiet li l-Kummissjoni wettqet analiżi ta’ impatt xieraq taħt il-prinċipju ta’ prekawzjoni. Il-Kummissjoni ma wettqet ebda analiżi ta’ impatt, iżda sempliċement iddeċidiet li “ir-riskji u l-problemi kkonstatati [jieħdu s-sopravvent] fuq l-effett tal-eventwali telf tas-sustanza”. Il-Kummissjoni setgħet minn tal-inqas speċifikat l-elementi allegatament meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tasal għal tali Deċiżjoni. |
(1) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1500 tad-9 ta’ Ottubru 2018 li jikkonċerna n-nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva tiram, li jipprojbixxi l-użu u l-bejgħ taż-żrieragħ ittrattati bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom it-tiram, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU 2018, L 254, p. 1).
(2) Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1).
(3) Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012 tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 (ĠU 2012, L 252, p. 26).