Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0498

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-5 ta’ Settembru 2024.
    Novo Banco SA - Sucursal en España et vs C.F.O. et.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Riorganizzazzjoni u stralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu – Direttiva 2001/24/KE – Artikoli 3 u 6 – Miżura ta’ riorganizzazzjoni meħuda fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Trażmissjoni tal-obbligi u tar-responsabbiltajiet ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu lil ‘bank tranżitorju’ qabel il-preżentata ta’ azzjoni ġudizzjarja intiża għall-ksib tal-ħlas ta’ kreditu miżmum fir-rigward tal-imsemmija istituzzjoni ta’ kreditu – Trażmissjoni mill-ġdid fl-istess istituzzjoni ta’ kreditu ta’ wħud minn dawn l-obbligi u r-responsabbiltajiet – Liġi tal-Istat Membru tal-ftuħ tal-proċedura kkonċernata (lex concursus) – Effetti ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni fi Stati Membri oħra – Rikonoxximent reċiproku – Effetti tal-ksur tal-obbligu ta’ pubblikazzjoni tal-miżura ta’ riorganizzazzjoni – Artikoli 17, 21, 38 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għall-proprjetà – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KE – Artikolu 6(1) – Klawżoli inġusti – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Kwalità tal-‘bank tranżitorju’ ta’ locus standi in judicio.
    Kawżi magħquda C-498/22 u C-499/22.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:686

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla)

    5 ta’ Settembru 2024 (*)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Riorganizzazzjoni u stralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu – Direttiva 2001/24/KE – Artikoli 3 u 6 – Miżura ta’ riorganizzazzjoni meħuda fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Trażmissjoni tal-obbligi u tar-responsabbiltajiet ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu lil ‘bank tranżitorju’ qabel il-preżentata ta’ azzjoni ġudizzjarja intiża għall-ksib tal-ħlas ta’ kreditu miżmum fir-rigward tal-imsemmija istituzzjoni ta’ kreditu – Trażmissjoni mill-ġdid fl-istess istituzzjoni ta’ kreditu ta’ wħud minn dawn l-obbligi u r-responsabbiltajiet – Liġi tal-Istat Membru tal-ftuħ tal-proċedura kkonċernata (lex concursus) – Effetti ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni fi Stati Membri oħra – Rikonoxximent reċiproku – Effetti tal-ksur tal-obbligu ta’ pubblikazzjoni tal-miżura ta’ riorganizzazzjoni – Artikoli 17, 21, 38 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għall-proprjetà – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KE – Artikolu 6(1) – Klawżoli inġusti – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Kwalità tal-‘bank tranżitorju’ ta’ locus standi in judicio”

    Fil-Kawżi magħquda C‑498/22 sa C‑500/22,

    li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tad‑19 ta’ Lulju 2022, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 u fit‑22 ta’ Lulju 2022, fil-proċeduri

    Novo Banco SA – Sucursal en España,

    Banco de Portugal,

    Fundo de Resolução

    vs

    C.F.O. (C‑498/22),

    J.M.F.T.,

    M.H.D.S. (C‑499/22),

    Proyectos, Obras y Servicios de Badajoz SL (C‑500/22),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla),

    komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei, J.‑C. Bonichot, S. Rodin u L. S. Rossi (Relatriċi), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

    Reġistratur: L. Carrasco Marco, amministratriċi,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑26 ta’ Ottubru 2023,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal Novo Banco SA – Sucursal en España, minn B. Fiestas Muñoz, N. Rodríguez Fernández, u A. Suberviola Pagola, abogados,

    –        għal Banco de Portugal u Fundo de Resolução, minn C. García Vega u J. M. Rodríguez Cárcamo, abogados,

    –        għal C.F.O., minn J. M. Arroyo Lorenzo, abogado, u I. C. Covadonga Juliá Corujo, procuradora,

    –        għal J.M.F.T. u M.H.D.S., minn J. A. Ballesteros Garrido, abogado,

    –        għal Proyectos, Obras y Servicios de Badajoz SL, minn J. M. Aguado Maestro, abogado,

    –        għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz u A. Gavela Llopis, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, M. Esménio u A. Rodrigues, bħala aġenti, assistiti minn R. Esteves de Oliveira u P. Pinheiro, advogados,

    –        għall-Parlament Ewropew, minn J. Etienne, P. López-Carceller u A. Tamás, bħala aġenti,

    –        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn G. Rugge u A. Westerhof Löfflerová, bħala aġenti,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. L. Buendía Sierra, A. Nijenhuis, N. Ruiz García u D. Triantafyllou, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑21 ta’ Marzu 2024,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ April 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l‑istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 15), u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100), tal-Artikoli 17, 21, 38 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

    2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn Novo Banco SA – Sucursal en España (iktar ’il quddiem “Novo Banco”), sostnuta mill-Banco de Portugal (il-Bank tal-Portugall) u l-Fundo de Resolução (il-Fond ta’ Riżoluzzjoni, Portugall), u diversi klijenti ta’ Novo Banco dwar l-impatt, fuq diversi kuntratti ta’ prodotti u ta’ servizzi finanzjarji, tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni meħuda fil-konfront ta’ Banco Espíritu Santo SA (BES), istituzzjoni ta’ kreditu Portugiża, u tal-fergħa Spanjola tagħha (iktar ’il quddiem “BES Spanja”), li għaliha hija s-suċċessur Novo Banco.

     Ilkuntest ġuridiku

     Iddritt talUnjoni

     IdDirettiva 2001/24

    3        Il-premessi 3, 4, 6, 7, 11, 12 u 16 tad-Direttiva 2001/24 huma fformulati kif ġej:

    “(3)      Din id-Direttiva tifforma parti tal-qafas leġislattiv tal-Komunità mwaqqaf mid-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l‑20 ta’ Marzu 2000 dwar l-adozzjoni u l-eżerċizzju tan-negozju ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu [(Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Volum 3, p. 272)]. Isegwi minn dan li, waqt li qed jaħdmu, istituzzjoni ta’ kreditu u l-friegħi tagħha jiffurmaw entità waħda soġġetta għas-superviżjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat fejn ingħatat l-awtorizzazzjoni valida ġewwa l-Komunità [Ewropea] kollha.

    (4)      Ikun partikolarment mhux mixtieq li titneħħa din l-għaqda bejn istituzzjoni u l-friegħi tagħha fejn jeħtieġ li jkunu adottati miżuri ta’ riorganizzazzjoni jew jinbdew proċeduri ta’ l-istralċ.

    […]

    (6)      L-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini għandhom ikollhom is-setgħa waħedhom li jiddeċiedu u jimplimentaw il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni provduti fil-liġi u l-prattiċi fis-seħħ f’dak l-Istat Membru. Minħabba d-diffikultà li jkunu armonizzati l-liġijiet u l-prattiki ta’ l-Istati Membri, huwa meħtieġ li jkun stabbilit rikonoxximent reċiproku minn Stati Membri tal-miżuri meħuda minnhom kollha biex jerġgħu jsiru vijabbli l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li tkun aworizzat.

    (7)      Huwa essenzjali li jkun garantit li l-miżuri ta’ riorganizzazzjoni adottati mill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini u l-miżuri adottati minn persuni jew korpi appuntati minn dawk l-awtoritajiet biex jamministraw dawk il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni, inkluż miżuri li jinvolvu l-possibbiltà ta’ sospensjoni ta’ ħlasijiet, sospensjoni ta’ miżuri esekuttivi jew tnaqqis ta’ talbiet u kull miżura oħra li tista’ taffettwa jeddijiet eżistenti ta’ terzi persuni, huma effettivi fl-Istati Membri kollha.

    […]

    (11)      Jeħtieġ li terzi persuni jkunu nnotifikati bl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni fl-Istati Membri fejn jinsabu l-friegħi meta dawn il-miżuri jistgħu jfixklu l-eżerċizzju ta’ uħud mid-drittijiet tagħhom.

    (12)      Il-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-kredituri, fir-rigward ta’ l-opportunitajiet miftuħa għalihom biex tittieħed azzjoni, jeħtieġ li l-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini jadottaw dawk il-miżuri meħtieġa għall-kredituri fl-Istat Membru ospitanti biex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom li jieħdu azzjoni fil-limitu taż-żmien provdut.

    […]

    (16)      Trattament ugwali ta’ kredituri jeħtieġ li l-istituzzjoni tal-kreditu tkun stralċjata skond il-prinċipji ta’ l-unità u l-universalità, li jeħtieġu li l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini ikollhom ġurisdizzjoni waħedhom u d-deċiżjoniiet tagħhom jkunu rikonoxxuti u li jkunu kapaċi li jipproduċu fl-Istati Membri kollha l-oħra, mingħajr xi formalità, l-effetti mogħtiha lilhom bil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini, ħlief fejn din id-Direttiva tipprovdi mod ieħor.”

    4        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/24 jistabbilixxi:

    “Din id-Direttiva għandha tapplika għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-friegħi tagħhom mwaqqfa fl-Istati Membri tagħhom li ma jkunux dawk fejn jinsabu l-uffiċċji prinċipali, kif definiti fil-punti (1) u (3) ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/12/KE, bla ħsara għall-kondizzjonijiet u eżenzjonijiet provduti fl-Artikolu 2(3) ta’ dik id-Direttiva.”

    5        Konformement mas-seba’ inċiż tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/24, il-“miżuri ta’ riorganizzazzjoni” għandhom ifissru l-“miżuri li huma maħsuba biex jippreservaw jew iġibu lura s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu u li tista’ taffettwa d-drittijiet pre-eżistenti ta’ terzi, inkluż miżuri li jinvolvu l-possibbiltà ta’ sospensjoni ta’ ħlasijiet, sospensjoni ta’ miżuri ta’ infurżar jew tnaqqis ta’ talbiet”.

    6        It-Titolu II ta’ din id-direttiva, intitolat “Miżuri ta’ riorganizzazzjoni”, jinkludi l-Artikoli 3 sa 8 tagħha.

    7        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Adozzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni – liġi applikabbli”, jiddisponi:

    “1.      L-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini għandhom ikunu waħedhom mogħtija s-setgħa li jiddeċiedu fuq l-implimentazzjoni ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni jew iżjed f’istituzzjoni ta’ kreditu, inkluż friegħi stabbiliti fi Stati Membri oħra.

    2.      Il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni għandhom ikunu applikati skond il-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri applikabbli fl-Istat Membru ta’ oriġini, sakemm ma jkunx provdut mod ieħor f’din id-Direttiva.

    Għandhom ikunu effettivi għal kollox skond il-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru ġewwa l-Komunità kollha mingħajr kull formalità oħra, inkluż kontra terzi f’Istati Membri oħra, ukoll fejn ir-regoli ta’ l-Istat Membru ospitanti applikabbli għalihom ma jipprovdux għal dawk il-miżuri jew jagħmlu l-implimentazzjoni tagħhom soġġetta għall-kondizzjonijiet li ma jintlaħqux.

    Il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni għandhom ikunu effettivi ġewwa l-Komunità kollha ladarba jidħlu fis-seħħ fl-Istat Membru fejn ikunu ittieħdu.”

    8        L-Artikolu 6 tal-istess direttiva intitolat “Pubblikazzjoni”, jipprevedi:

    “1.      Fejn l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni deċiżi bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3(1) u (2) x’aktarx taffettwa d-drittijiet ta’ terzi persuni fi Stat Membru ospitanti u fejn appell jista’ jinġab fl-Istat Membru ta’ oriġini kontra d-deċiżjoni li tordna l-miżura, l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini, l-amministratur u kull persuna mogħtija s-setgħa li tagħmel hekk fl-Istat Membru ta’ oriġini għandhom jippubblikaw estratt mid-deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u f’żewġ gazzetti nazzjonali f’kull Stat Membru ospitanti, biex jitħaffef l-eżerċizzju tad-dritt ta’ appell fi żmien biżżejjed.

    2.      L-estratt mid-deċiżjoni provduta fil-paragrafu 1 għandu jintbagħat kemm jista’ jkun malajr, u bir-rotta l-aktar xierqa, lill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u lil żewġ gazzetti nazzjonali f’kull Stat Membru ospitanti.

    3.      L-uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej għandu jippubblika l-estratt f’mhux anqas minn tnax-il ġurnata minn meta jintbagħat.

    4.      L-estratt mid-deċiżjoni li għandu jkun ippubblikat għandu jispeċifika, fil-lingwa jew lingwi uffiċjali ta’ l-Istati Membri kkonċernati, partikolarment l-għan u l-bażi legali tad-deċiżjoni meħuda, it-termini għall-preżentata ta’ l-appelli, speċifikatament indikazzjoni li tiftiehem b’mod ċar tad-data ta’ l-iskadenza tat-termini, u l-indirizz sħiħ ta’ l-awtoritajiet jew il-qorti kompetenti li tisma l-appell.

    5.      Il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni għandhom japplikaw irrispettivament mill-miżuri preskritti fil-paragrafi 1 sa 3 u għandhom ikunu effettivi għal kollox kontra l-kredituri, ħlief jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat ta’ oriġini jew il-liġi ta’ dak l-Istat li jiggverna dawk il-miżuri tipprovdi mod ieħor.”

    9        L-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24, intitolat “Kawżi pendenti”, jiddisponi:

    “L-effetti ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni jew proċeduri ta’ stralċ fuq kawża pendenti dwar beni jew dritt li minnhom l-impriża ta’ l-assigurazzjoni tkun ġiet svestita għandhom ikunu iggvernati biss bil-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-kawza hija pendenti.”

     IdDirettiva 2014/59/UE

    10      Il-premessa 65 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d‑Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2014, L 173, p. 190), hija fformulata kif ġej:

    “Bħala istituzzjoni kompletament jew parzjalment fil-pussess ta’ jew ikkontrollata minn awtorità pubblika waħda jew aktar jew ikkontrollata mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni, istituzzjoni tranżitorja jkollha bħala l-għan prinċipali tagħha li tiżgura li servizzi finanzjarji essenzjali jkomplu jiġu pprovduti lill-klijenti tal-istituzzjoni li qed tfalli u li l-attivitajiet finanzjarji essenzjali jkomplu jitwettqu. L-istituzzjoni tranżitorja għandha tiġi operata bħala avvjata vijabbli u għandha titqiegħed lura fis-suq meta l-kondizzjonijiet ikunu xierqa u fil-perjodu stabbilit f’din id-Direttiva jew tiġi stralċjata jekk ma tkunx vijabbli.”

    11      L-Artikolu 83 tad-Direttiva 2014/59, intitolat “Obbligi proċedurali tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni”, jiddisponi:

    “1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, malajr kemm raġonevolment prattiku wara li jieħdu l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4.

    […]

    4.      L-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tippubblika jew tiżgura l-pubblikazzjoni, jew ta’ kopja tal-ordni jew l-istrument li bih ittieħdet l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni, jew ta’ avviż li jagħti sommarju tal-effetti tal-azzjoni ta’ riżoluzzjoni, u b’mod partikolari tal-effetti fuq il-klijenti bl-imnut u, jekk applikabbli, it-termini u l-perjodu ta’ sospensjoni jew restrizzjoni msemmija fl-Artikoli 69, 70 u 71, bil-mezzi li ġejjin:

    (a)      fuq il-websajt uffiċjali tagħha;

    (b)      fuq il-websajt tal-awtorità kompetenti, jekk differenti mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni, u fuq il-websajt tal-[Awtorità Bankarja Ewropea];

    (c)      fuq il-websajt tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni;

    (d)      fejn l-ishma jew strumenti oħra ta’ sjieda jew strumenti tad-dejn tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni huma ammessi għal negozjar f’suq regolat, il-mezzi użati għad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni regolata dwar l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni skont l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tal‑15 ta’ Diċembru 2004 dwar l‑armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU 2004, L 390, p. 38)].

    […]”

    12      L-Artikolu 117 tad-Direttiva 2014/59, intitolat “Emendi għad-Direttiva 2001/24/KE”, jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, iż-żieda mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/24, ta’ paragrafu 5, li jipprevedi li “[l]-Artikoli 4 u 7 ta’ din id-Direttiva m’għandhomx japplikaw fejn japplika l-Artikolu 83 tad-Direttiva 2014/59/UE”.

    13      Bis-saħħa tal-Artikolu 130(1) tad-Direttiva 2014/59, it-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha kien sal‑31 ta’ Diċembru 2014.

    14      Konformement mal-Artikolu 131 ta’ din id-direttiva, hija daħlet fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fit‑2 ta’ Lulju 2014.

     IdDirettiva 93/13

    15      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi:

    “Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

    16      L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jiddisponi:

    “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

    17      L-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

     Iddritt Spanjol

    18      Il-Ley 6/2005 sobre saneamiento y liquidación de las entidades de crédito (il-Liġi 6/2005 dwar ir-Riorganizzazzjoni u l‑Istralċ ta’ Istituzzjonijiet ta’ Kreditu), tat‑22 ta’ April 2005 (BOE Nru 97, tat‑23 ta’ April 2005, p. 13912), ittrasponiet id-Direttiva 2001/24 fl-ordinament ġuridiku Spanjol.

    19      L-Artikolu 19(1) ta’ din il-liġi jipprevedi:

    “Meta miżura ta’ riorganizzazzjoni ġiet adottata jew proċedura ta’ stralċ ġiet miftuħa fil-konfront ta’ istituzzjoni ta’ kreditu approvata fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li għandha tal-inqas fergħa jew fornitur ta’ servizzi fi Spanja, din il-miżura jew proċedura tipproduċi mingħajr ebda formalità oħra l-effetti tagħha kollha fi Spanja, hekk kif tipproduċi l-effetti tagħha fl-Istat Membru li fih ġiet adottata l-miżura jew miftuħa l-proċedura.”

     Iddritt Portugiż

    20      L-Artikoli 145‑C et seq. tar-Regime Geral das Instituições de Crédito e Sociedades Financeiras (ir-Regoli Ġenerali dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu u l-Kumpanniji Finanzjarji), approvata mid-Decreto-Lei [que] Aprova o Regime Geral das Instituições de Crédito e Sociedades Financeiras (id-Digriet-Liġi li Japprova r-Regoli Ġenerali dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu u l-Kumpanniji Finanzjarji), tal‑31 ta’ Diċembru 1992, (Diário da República, serje I‑A, Nru 301‑A/2012, iktar ’il quddiem ir-“RGICSF”), ġew introdotti mid-Decreto-Lei n.º 31‑A/2012 (id-Digriet-Liġi Nru 31‑A/2012), tal‑10 ta’ Frar 2012 (Diário da República, Serje 1, Nru 30, tal‑10 ta’ Frar 2012). Dawn l-artikoli jirregolaw il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni u ta’ riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ kumpanniji finanzjarji.

     Ilkawżi prinċipali u ddomandi preliminari

     FilKawża C498/22

    21      Fil‑11 ta’ Diċembru 2006, C.F.O., konsumatur, ikkonkluda ma’ BES Spanja self b’garanzija ipotekarja li fih klawżola msejħa “klawżola ta’ rata minima” li tistipula rata ta’ interessi minima ta’ 2 %.

    22      Permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ Mejju 2013, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) iddikjarat li tali klawżola kienet inġusta minħabba nuqqas ta’ trasparenza. C.F.O. għalhekk indirizza applikazzjoni lil BES Spanja fejn stidinha ma tapplikax il-klawżola kkonċernata. BES Spanja waqfet tapplika din il-klawżola mix-xahar ta’ Ġunju 2013.

    23      Skont ir-RGICSF, u fil-kuntest tad-diffikultajiet finanzjarji serji ta’ BES, il-bord tad-diretturi tal-Bank tal-Portugall adotta, permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Awwissu 2014, emendata bid-deċiżjoni tal‑11 ta’ Awwissu 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tax-xahar ta’ Awwissu 2014”), miżuri msejħa “miżuri ta’ riżoluzzjoni” ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu.

    24      Permezz tad-deċiżjoni tax-xahar ta’ Awwissu 2014, il-Bank tal-Portugall ħoloq “bank tranżitorju” jew “istituzzjoni tranżitorja”, jiġifieri Novo Banco, li lilu ġew ittrasferiti l-attiv, il-passiv u l-elementi l-oħra la ma humiex patrimonjali ta’ BES deskritti fl-Anness 2 ta’ din id-deċiżjoni.

    25      Dan l-Anness 2 kien isemmi ċertu passiv li kien eskluż mit-trasferiment lil Novo Banco u li, għaldaqstant, baqgħu fil-patrimonju ta’ BES. Fost dan il-passiv hemm dawk elenkati fil-punt (b)(v) tal-ewwel paragrafu tal-imsemmi Anness 2, jiġifieri “kwalunkwe responsabbiltà jew perikolu, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw minn frodi jew mill-ksur ta’ dispożizzjonijiet jew ta’ deċiżjonijiet regolatorji, kriminali jew amministrattivi”.

    26      Wara t-trasferiment imsemmi fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, Novo Banco saret il-kreditur ipotekarju tal-kuntratt tas-self konkluż fil‑11 ta’ Diċembru 2006 u bdiet tiffattura lil C.F.O. il-pagamenti mensili tiegħu.

    27      Fit‑3 ta’ Ottubru 2014, Banco de España (il-Bank ta’ Spanja) ippubblika avviż fil-Boletín del Estado li fih indika li, permezz tad-deċiżjoni tax-xahar ta’ Awwissu 2014, il-Bank tal-Portugall kien applika fil-konfront ta’ BES miżura ta’ riżoluzzjoni li kienet tikkonsisti fit-trasferiment parzjali tal-attivitajiet ta’ din tal-aħħar lil Novo Banco, li kompliet mingħajr interruzzjoni l-attivitajiet ordinarji ta’ BES, peress li din il-miżura kienet meqjusa li hija miżura ta’ riorganizzazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/24.

    28      Fid‑29 ta’ Diċembru 2015, il-Bank tal-Portugall adotta żewġ deċiżjonijiet intiżi li jemendaw u jiċċaraw l-Anness 2 tad-deċiżjoni tax-xahar ta’ Awwissu 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Diċembru 2015”).

    29      Kien speċifikat b’mod partikolari fid-deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Diċembru 2015 li, “b’mod partikolari, sa minn dak il-jum, l-elementi ta’ passiv li ġejjin ta’ BES ma [kinux] ġew trażmessi lil Novo Banco: […] v) it-talbiet u l-kumpensi kollha marbuta mal-allegat annullament ta’ ċerti klawżoli ta’ kuntratti ta’ self li fihom BES kienet l‑entità li sellfet”.

    30      Wara l-għoti tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980), C.F.O. bagħtet, fix-xahar ta’ Jannar 2017, talba għar-rimbors tas-somom irċevuti minn BES Spanja skont il-klawżola “ta’ rata minima” tas-self ipotekarju.

    31      Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Marzu 2017, Novo Banco ċaħdet din it-talba għar-raġuni li BES Spanja kienet aġixxiet b’mod trasparenti fir-rigward tal-informazzjoni dwar din il-klawżola “ta’ rata minima”, li ġiet ikkomunikata fl-offerta ffirmata fl‑24 ta’ Novembru 2006.

    32      Fl‑4 ta’ Mejju 2017, C.F.O. ippreżentat rikors kontra Novo Banco intiż, minn naħa, sabiex tiġi kkonstatata n-nullità tal-imsemmija klawżola, minħabba li din tal-aħħar kienet ta’ natura inġusta, u, min-naħa l-oħra, sabiex Novo Banco tiġi kkundannata tirrimborsaha s-somom imħallsa indebitament b’applikazzjoni tal-istess klawżola.

    33      Novo Banco eċċepixxiet l-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, minħabba li hija ma kelliex locus standi in judicio, peress li l-kreditu li seta’ tnissel favur C.F.O., li jikkonsisti fil-ħlas lura tas-somom irċevuti minn BES Spanja abbażi tal-applikazzjoni tal-klawżola “ta’ rata minima” kkonċernata, ma kienx ġie ttrasferit lilha permezz tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni adottati mill-Bank tal-Portugall fir-rigward ta’ BES.

    34      Kemm il-qorti fl-ewwel istanza kif ukoll, fl-appell, l-Audiencia Provincial (il-Qorti Provinċjali, Spanja) ċaħdu l-eċċezzjoni mqajma minn Novo Banco u laqgħu r-rikors ta’ C.F.O..

    35      Novo Banco ppreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), li hija l-qorti tar-rinviju, li laqgħet t-talba tal-Bank tal-Portugall u tal-Fond ta’ Riżoluzzjoni sabiex jintervjenu insostenn tal-appell.

    36      Il-qorti tar-rinviju tirrileva, l-ewwel nett, li l-miżuri ta’ riorganizzazzjoni meħuda fir-rigward ta’ BES jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fis-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, BPC Lux 2 et (C‑83/20, EU:C:2022:346, punti 28 sa 30), b’tali mod li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha titqies li tikkaratterizza implimentazzjoni ta’ dan id-dritt, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

    37      It-tieni nett, hija tfakkar li, għalkemm id-deċiżjoni tax-xahar ta’ Awwissu 2014 u dawk tad‑29 ta’ Diċembru 2015 huma meqjusa li jikkostitwixxu miżuri ta’ riorganizzazzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2001/24, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Banco de Portugal et (C‑504/19, EU:C:2021:335), u għalkemm dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jaffettwaw lit-terzi, ebda pubblikazzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet ma ttieħdet, kuntrarjament għal dak li jeżiġi l-Artikolu 6(1) sa (4) ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-informazzjoni kkomunikata mill-Bank tal-Portugall fuq is-sit internet tagħha, bl-Ingliż u bil-Portugiż, kif ukoll fil-midja Spanjola dwar il-kriżi ta’ BES u l-ħolqien ta’ Novo Banco, kienet ġenerali wisq u ma kinitx tippermetti lill-klijenti kkonċernati jidentifikaw il-passiv eskluż mit-trasferiment tal-patrimonju kkonċernat u jieħdu konoxxenza tal-limitazzjoni tad-drittijiet tagħhom li din l-esklużjoni kienet timplika. Il-komunikazzjonijiet ta’ Novo Banco lill-klijenti tagħha kienu pjuttost intiżi sabiex jeskludu kull ipoteżi li dawn tal-aħħar setgħu jiġu affettwati mill-miżuri ta’ riorganizzazzjoni kkonċernati. Fuq kollox, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-avviż ippubblikat mill-Bank ta’ Spanja, imsemmi fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, lanqas kien jissodisfa l-kundizzjonijiet mitluba minn din id-dispożizzjoni.

    38      L-assenza ta’ pubblikazzjoni fit-termini meħtieġa mill-Artikolu 6(1) sa (4) tad-Direttiva 2001/24 ipprekludiet kważi l-klijenti kollha tal-bank ikkonċernat li jirrisjedu fi Spanja milli jippreżentaw rikors kontra d-deċiżjonijiet tal-Bank tal-Portugall u wassalhom sabiex jippreżentaw rikorsi kontra Novo Banco li fir-rigward tagħhom dan madankollu oppona eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà minħabba li l-miżuri ta’ riorganizzazzjoni kkonċernati ma ttrasferewx l-obbligu ta’ rimbors tas-somom imħallsa minn dawn il-klijenti minħabba l-applikazzjoni ta’ klawżola inġusta.

    39      Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2001/24, li jipprevedi li l-miżuri ta’ riorganizzazzjoni għandhom japplikaw u jkunu effettivi irrispettivament mill-miżuri ta’ pubblikazzjoni previsti fl-Artikolu 6(1) sa (3) ta’ din id-direttiva, ma jistax jippermetti assenza fit-tul tal-pubblikazzjoni, fl-Istat Membru ospitanti, tal-limitazzjonijiet jew ta’ ċaħda ta’ drittijiet li dawn il-miżuri jimponu fuq il-klijenti tal-entità kkonċernata, u lanqas ta’ rimedji u ta’ modalitajiet ta’ azzjoni li l-persuni affettwati għandhom.

    40      Għalhekk, il-qorti tar-rinviju għandha dubju jekk l-obbligu ta’ rikonoxximent, fl-Istat Membru ospitanti, ta’ effetti ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni adottati fl-Istat Membru ta’ oriġini, stipulat fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24, jistax ikun kompatibbli mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, mal-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, prevista fl-Artikolu 21(2) tagħha, kif ukoll mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li tali miżuri ma ġewx ippubblikati skont kif mitlub mill-Artikolu 6(1) sa (4) ta’ din id-direttiva.

    41      It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tosserva li Novo Banco wieġbet fuq il-mertu għat-talba għal rimbors li saritilha minn C.F.O., billi enfasizzat li l-“bank [kien] aġixxa bi trasparenza sħiħa”. Konsegwentement, C.F.O. beda l-azzjoni ġudizzjarja tiegħu billi qies, b’fiduċja sħiħa, li Novo Banco, bħala istituzzjoni bankarja kkontrollata minn awtorità pubblika li taġixxi skont id-dritt tal-Unjoni, kienet ħadet f’idejha l-obbligi u r-responsabbiltajiet kollha ta’ BES Spanja b’rabta ma’ dan il-kuntratt.

    42      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju kellha dubji jekk, f’sitwazzjoni fejn konsumatur, li jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti, setax jibbaża aspettattivi leġittimi fl-aġir ta’ bank tranżitorju, ikkontrollat minn awtorità pubblika tal-Istat Membru ta’ oriġini, l-obbligu ta’ rikonoxximent tal-effetti tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni, stipulat fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24, huwiex konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta u mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

    43      Fl-aħħar, ir-raba’ nett, il-qorti tar-rinviju kellha dubji dwar il-legalità, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, tal-“frammentazzjoni” tar-relazzjoni kuntrattwali li tirriżulta mill-miżuri ta’ riorganizzazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, skont din il-qorti, filwaqt li l-konsumatur ikkonċernat huwa marbut bl-obbligi tiegħu fil-konfront ta’ Novo Banco, billi jħallas lil din tal-aħħar il-pagamenti mensili tas-self ipotekarju inizjalment konkluż ma’ BES Spanja, Novo Banco hija meħlusa mill-obbligu li tirrimborsa s-somom li rċeviet BES Spanja skont il-klawżola msejħa “ta’ rata minima” kkonċernata, li jwassal sabiex dan il-konsumatur ibati l-konsegwenzi pekunjarji ta’ klawżola inġusta, peress li huwa ma jistax, fi kwalunkwe każ, jirkupra dawn is-somom mingħand BES fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ insolvenza ta’ din tal-aħħar.

    44      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tqis li ma huwiex normali li d-drittijiet tal-konsumaturi ma jipprevalux fuq l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li, fis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) li tillimita l-effetti restitutorji tal-annullament ta’ klawżoli ta’ “rata minima” fil-kuntratti ta’ self ipotekarju konklużi minn bejjiegħ jew fornitur ma’ konsumatur, sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja Spanjola, li dakinhar kienet għaddejja minn kriżi serja, tikser l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13.

    45      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li r-rikonoxximent tal-effetti tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni li, fil-prattika, ma jippermettux lill-konsumatur ikkonċernat jibbenefika mid-dritt għall-ħlas lura tas-somom imħallsa minħabba l-applikazzjoni ta’ klawżola inġusta, filwaqt li, fl-istess ħin, dan il-konsumatur jibqa’ obbligat iħallas il-pagamenti kollha tas-self ipotekarju li jkun issottoskriva, jista’ jikkostitwixxi ndħil sproporzjonat fid-dritt għall-proprjetà tal-imsemmi konsumatur, li jmur kontra l-Artikolu 17 tal-Karta.

    46      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)      Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva [2001/24], li tinvolvi r-rikonoxximent, fi Stat Membru ospitanti, tal-effetti ta’ deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini li ma ġietx ippubblikata fit-termini meħtieġa mill‑Artikolu 6(1) sa (4) [ta’ din id-direttiva] hija kompatibbli mad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva previst fl-Artikolu 47 tal-[Karta], mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali u mal-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità previst fl‑Artikolu 21(2) tal-Karta?

    2)      Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24, li tinvolvi r-rikonoxximent, fi Stat Membru ospitanti, tal-effetti ta’ deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini li eskludiet ċerti obbligi u responsabbiltajiet mit-trasferiment lil ‘bank tranżitorju’ tal-attività ordinarja u ta’ ċertu numru ta’ elementi patrimonjali tal-bank li għalih japplikaw il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni, meta l-aġir ulterjuri tal-‘bank tranżitorju’ nnifsu, ikkontrollat minn awtorità pubblika li tapplika d-dritt tal-Unjoni, nissel fil-klijenti tal-Istat Membru ospitanti aspettattivi leġittimi fil‑fatt li l-bank tranżitorju kien ukoll assuma l-passif li jikkorrispondi għar-responsabbiltajiet u għall-obbligi li l-bank li huwa s-suġġett tal-miżura ta’ riorganizzazzjoni kellu fil-konfront tal-klijenti tiegħu, hija kompatibbli mad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva previst fl-Artikolu 47 tal-Karta u mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali?

    3)      Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24, li tinvolvi r-rikonoxximent, fi Stat Membru ospitanti, tal-effetti ta’ deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini li tittrasferixxi lil ‘bank tranżitorju’ l-pożizzjoni ta’ kreditur fil‑kuntest ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju, iżda li tħalli lill-bank mhux vijabbli l-obbligu li jirrimborsa lill-konsumatur li jissellef is‑somom miġbura minħabba l-applikazzjoni ta’ klawżola inġusta f’dan il-kuntratt, hija konformi mad-dritt fundamentali għall‑proprjetà previst fl-Artikolu 17 tal-Karta, mal-prinċipju ta’ protezzjoni għolja tal-konsumaturi previst fl-Artikolu 38 tal-Karta, mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [93/13] u mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali?”

     FilKawża C499/22

    47      J.M.F.T. u M.H.D.S. fetħu kont ta’ titoli u kkonkludew kuntratt ta’ ġestjoni ta’ portafoll ta’ investimenti ma’ BES Spanja.

    48      Fit‑3 ta’ Ottubru 2007, huma kkonkludew kuntratt finanzjarju atipiku (iktar ’il quddiem is-“KFA”) ma’ BES Spanja, li kien prodott finanzjarju kumpless b’riskju għoli, b’rata ta’ interess varjabbli indiċjata mal-iżvilupp tal-azzjonijiet ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu oħra. Il-KFA skada fil‑11 ta’ Ottubru 2014, data li fiha huwa ġie xolt u llikwidat b’telf minn Novo Banco, li, sadanittant, kienet is-suċċessur ta’ BES Spanja.

    49      Fit‑28 ta’ April 2008, J.M.F.T. u M.H.D.S. ikkonkludew ukoll ma’ BES Spanja, kuntratt relatat ma’ prodott finanzjarju strutturat li skada fit‑28 ta’ April 2013 u li ġie llikwidat b’telf minn BES Spanja.

    50      Fix-xahar ta’ Awwissu 2014, J.M.F.T. irċieva diversi komunikazzjonijiet mingħand Novo Banco li jirreferu, wara d-deċiżjonijiet meħuda mill-Bank tal-Portugall fir-rigward ta’ BES, għall-kontinwità tar-relazzjonijiet bankarji bejn il-klijenti ta’ BES Spanja u l-entità l-ġdida, jiġifieri Novo Banco, kif ukoll l-istqarrija tal-istat finanzjarju tal-KFA.

    51      Fis‑17 ta’ April 2017, J.M.F.T. u M.H.D.S. ippreżentaw rikors kontra Novo Banco li fih talbu, prinċipalment, l-annullament taż-żewġ kuntratti finanzjarji għal żball fil-kunsens, minħabba informazzjoni difettuża li kienet ġiet ipprovduta lilhom minn BES Spanja, kif ukoll il-ħlas lura tas-somom irċevuti minn kull parti, flimkien mal-interessi mid-data ta’ kull pagament. Sussidjarjament, J.M.F.T. u M.H.D.S. talbu li Novo Banco tiġi kkundannata tikkumpensahom għat-telf imġarrab mill-akkwist taż-żewġ prodotti finanzjarji kkonċernati, flimkien mal-interessi kkalkolati bir-rata ta’ interessi legali b’effett mill-komunikazzjoni ta’ dan ir-rikors.

    52      Novo Banco eċċepixxiet l-inammissibbiltà tal-imsemmi rikors, minħabba li hija ma kellhiex locus standi in judicio, minħabba li l-kreditu li seta’ tnissel favur J.M.F.T. u M.H.D.S., li jikkonsisti jew fir-restituzzjoni tas-somom imħallsa minnhom bis-saħħa tal-prodotti finanzjarji minħabba possibbiltà ta’ nullità tal-kuntratti kkonċernati, jew fil-kumpens ta’ telf subit mill-fatt li l-klijenti ma kinux informati bir-riskji tal-istrumenti finanzjarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma kienx ġie ttrasferit lil Novo Banco permezz tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni meħuda mill-Bank tal-Portugall fir-rigward ta’ BES.

    53      Ir-rikors ġie milqugħ fl-ewwel istanza.

    54      L-Audiencia Provincial (il-Qorti Provinċjali, Spanja) laqgħet l-appell ippreżentat minn Novo Banco, sa fejn kien jikkonċerna l-kuntratt konkluż fit‑28 ta’ April 2008, minħabba li dan il-kuntratt kien ġie llikwidat minn BES Spanja fit‑28 ta’ April 2013, jiġifieri qabel il-ħolqien ta’ Novo Banco fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni ta’ BES. Skont din il-qorti, it-tranżazzjoni kkonċernata kienet għalhekk eżawrixxiet l-effetti tagħha qabel dawn il-miżuri, b’tali mod li l-ebda obbligu jew responsabbiltà li tirriżulta minn dan il-kuntratt ma ġie ttrasferiet lil Novo Banco.

    55      B’kuntrast ma’ dan, l-Audiencia Provincial (il-Qorti Provinċjali) ikkonfermat is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza sa fejn din kienet tikkonċerna l-KFA, ġestita minn Novo Banco, u mbagħad illikwidata minn din tal-aħħar fix-xahar ta’ Ottubru 2014. Din il-qorti indikat ukoll li d-deċiżjoni tax-xahar ta’ Awwissu 2014 kienet teskludi mit-trasferiment mhux prodott strutturat bħall-KFA, iżda l-istrumenti ta’ dejn maħruġa mill-istituzzjonijiet ta’ BES.

    56      Adita b’appelli minn din is-sentenza, fosthom dik ta’ Novo Banco, sostnut mill-Bank tal-Portugall u mill-Fond ta’ Riżoluzzjoni, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) kellha dubji dwar il-legalità tal-obbligu ta’ rikonoxximent, fl-Istat Membru ospitanti, tal-effetti tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni meħuda fl-Istat Membru ta’ oriġini, stabbilit fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet u tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni msemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑498/22, bl-eċċezzjoni tad-Direttiva 93/13, u abbażi ta’ raġunijiet sostanzjalment analogi għal dawk miġbura fil-qosor fil-punti 37 sa 42 ta’ din is-sentenza relatati ma’ din id-deċiżjoni tar-rinviju.

    57      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)      Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva [2001/24] li tinvolvi r-rikonoxximent, fi Stat Membru ospitanti, tal-effetti ta’ deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini li ma ġietx ippubblikata fit-termini meħtieġa mill-Artikolu 6(1) sa (4) [ta’ din id-direttiva], hija kompatibbli mad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva previst fl‑Artikolu 47 tal-[Karta], mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali u mal-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità previst fl-Artikolu 21(2) tal-Karta?

    2)      Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24, li tinvolvi r-rikonoxximent, fi Stat Membru ospitanti, tal-effetti ta’ deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini li eskludiet ċerti obbligi u responsabbiltajiet mit-trasferiment lil ‘bank tranżitorju’ tal-attività ordinarja u ta’ ċertu numru ta’ elementi patrimonjali tal-bank li għalih japplikaw il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni, meta l-aġir ulterjuri tal-‘bank tranżitorju’ nnifsu, ikkontrollat minn awtorità pubblika li tapplika d-dritt tal-Unjoni, nissel fil-klijenti tal-Istat Membru ospitanti aspettattivi leġittimi fil‑fatt li l-bank tranżitorju kien ukoll assuma l-passif li jikkorrispondi għar-responsabbiltajiet u għall-obbligi li l-bank li huwa s-suġġett tal-miżura ta’ riorganizzazzjoni kellu fil-konfront tal-klijenti tiegħu, hija kompatibbli mad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva previst fl-Artikolu 47 tal-Karta u mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali?

    3)      Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24, li tinvolvi r-rikonoxximent, fi Stat Membru ospitanti, tal-effetti ta’ deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini li tittrasferixxi lil ‘bank tranżitorju’ l-pożizzjoni ta’ kreditur fir‑relazzjonijiet kuntrattwali li kienu ġew miftiehma mal-bank li huwa s-suġġett tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni, iżda li tħalli lill‑bank mhux vijabbli l-obbligu li jirrimborsa lill-klijent is-somom imħallsa minnu skont kuntratti li ġew annullati minħabba żball fil‑kunsens dovut għall-insuffiċjenza tal-informazzjoni pprovduta mill-bank, hija kompatibbli mad-dritt fundamentali għall-proprjetà previst fl-Artikolu 17 tal-Karta, mal-prinċipju ta’ protezzjoni għolja tal-konsumaturi previst fl-Artikolu 38 tal-Karta u mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali?”

     FilKawża C500/22

    58      Fis‑17 ta’ Novembru 2014, Proyectos, Obras y Servicios de Badajoz SL (iktar ’il quddiem “POSB”) xtrat fis-suq sekondarju bond ipprivileġġjata bl-isem “Senior Bond NB 6.875 % maturity July 2016”, li timmatura fil‑15 ta’ Lulju 2016, għal ammont ta’ EUR 100 000.

    59      Din il-bond kienet inħarġet minn BES, iżda, fil-mument tax-xiri tagħha minn POSB, permezz ta’ impriża ta’ investiment terza, dan l-istrument ta’ dejn mhux subordinat kien jagħmel parti mill-patrimonju ta’ Novo Banco, li lilha ġie ttrasferit bis-saħħa tad-deċiżjoni tax-xahar ta’ Awwissu 2014.

    60      Fix-xahar ta’ Lulju 2015, Novo Banco ħallset lil POSB dħul minn rendimenti ta’ bonds għall-perijodu 2014/2015.

    61      Meta l-imsemmija bond skadiet, Novo Banco la ħallset ir-rendimenti ta’ bonds għall-perijodu 2015/2016 u lanqas ħallset lura l-valur nominali ta’ din lil POSB.

    62      B’risposta għat-talba ta’ din tal-aħħar, Novo Banco indikat li r-rifjut ta’ ħlas tagħha kien ibbażat fuq id-deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Diċembru 2015 li permezz tagħhom il-Bank tal-Portugall kien “ittrasferixxa mill-ġdid” il-passiv marbut ma’ din il-bond ta’ Novo Banco lil BES. Fil-fatt, dawn id-deċiżjonijiet kienu jipprevedu b’mod partikolari t-“trasferiment mill-ġdid” ta’ bonds mhux subordinati, minn Novo Banco għal BES, fosthom id-drittijiet u r-responsabbiltajiet li jirriżultaw mill-istrumenti ta’ dejn mhux subordinat elenkati fl-Anness 2B tal-imsemmija deċiżjonijiet, strumenti li fosthom kien hemm “Senior Bond NB 6.875 % maturity July 2016”.

    63      Fil‑25 ta’ Ġunju 2017, POSB introduċiet rikors kontra Novo Banco intiż għall-ħlas ta’ rendimenti ta’ dan il-bond għas-sena 2015/2016 u għar-restituzzjoni tal-ammont li jikkorrispondi mal-valur nominali tal-bond.

    64      Novo Banco eċċepiet l-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, minħabba li hija ma kellhiex locus standi in judicio peress li l-passiv marbut mal-imsemmi bond kienu ġew “ittrasferiti mill-ġdid” lil BES.

    65      Kemm il-qorti adita fl-ewwel istanza kif ukoll, fl-appell, l-Audiencia Provincial (il-Qorti Provinċjali) ċaħdu l-eċċezzjoni mqajma minn Novo Banco u laqgħu r-rikors.

    66      Adita b’appell ippreżentat minn Novo Banco, sostnuta mill-Bank tal-Portugall u mill-Fond ta’ Riżoluzzjoni, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) kellha dubji, fl-ewwel lok, dwar il-legalità tal-obbligu ta’ rikonoxximent, fl-Istat Membru ospitanti, tal-effetti tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni meħuda fl-Istat Membru ta’ oriġini, stabbilit fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24, fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza kif ukoll ta’ dak ta’ projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità msemmija fl-Artikolu 21(2) tal-Karta, abbażi ta’ motivi sostanzjalment analogi għal dawk miġbura fil-qosor fil-punti 37 sa 40 ta’ din is-sentenza relatati mad-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑498/22.

    67      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li ż-żamma ta’ titolu ta’ dejn mhux subordinat tagħti lil POSB il-protezzjoni tad-dritt fundamentali għall-proprjetà rrikonoxxut fl-Artikolu 17 tal-Karta. Issa, skont din il-qorti, it-“trasferiment mill-ġdid” lil BES ta’ responsabbiltajiet u ta’ obbligi marbuta ma’ dan it-titolu ta’ dejn iwassal, fil-prattika, għal ċaħda tad-dritt għall-proprjetà tagħha, peress li BES hija bank insolventi, mingħajr l-attiv tagħha.

    68      Ċertament, il-qorti tar-rinviju tindika li hija kompletament konxja mill-fatt li d-dritt fundamentali rrikonoxxut fl-Artikolu 17 tal-Karta ma huwiex dritt assolut u li d-detentur ta’ tali dritt jista’ jiġi mċaħħad mill-proprjetà tiegħu għal raġunijiet ta’ utilità pubblika f’każijiet u f’kundizzjonijiet previsti mil-liġi u permezz, fi żmien xieraq, ta’ kumpens ġust għaċ-ċaħda tiegħu.

    69      Il-qorti tar-rinviju ssostni li wieħed minn dawn il-każijiet huwa dak tal-azzjonisti u tal-kredituri li huma fil-preżenza ta’ miżuri ta’ riżoluzzjoni meħuda fil-konfront ta’ bank mhux vijabbli. Madankollu, hija tosserva li POSB la hija azzjonista u lanqas kreditur ta’ BES, iżda saret, fil-mument tax-xiri tat-titolu ta’ dejn mhux subordinat, kreditur ta’ bank b’kapital u solventi, jiġifieri Novo Banco.

    70      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tqis li ċ-ċaħda ta’ proprjetà ta’ POSB, mingħajr kumpens ġust fi żmien xieraq, abbażi tas-setgħat ta’ “trasferiment mill-ġdid” mogħtija lill-Bank tal-Portugall permezz ta’ deċiżjoni ta’ din l-istess awtorità li ma kinitx is-suġġett tal-pubbliċità meħtieġa fid-Direttiva 2001/24 tista’ tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ndħil sproporzjonat fid-dritt fundamentali għall-proprjetà stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta.

    71      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)      Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva [2001/24], li tinvolvi r-rikonoxximent, fi Stat Membru ospitanti, tal-effetti ta’ deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini li ma ġietx ippubblikata fit-termini meħtieġa mill‑Artikolu 6(1) sa (4) [ta’ din id-direttiva], hija kompatibbli mad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva previst fl-Artikolu 47 tal-[Karta], mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali u mal-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità previst fl‑Artikolu 21(2) tal-Karta?

    2)      Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24, li tinvolvi r-rikonoxximent, fi Stat Membru ospitanti, tal-effetti ta’ deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini li ttrasferixxiet mill-ġdid lill-bank mhux vijabbli li għalih ġew applikati l-miżuri ta’ riżoluzzjoni l-obbligi u r-responsabbiltajiet li jirriżultaw minn titolu ta’ dejn mhux subordinat li nxtara minn terz meta dawn l-obbligi u responsabbiltajiet kienu fil-patrimonju tal‑‘bank tranżitorju’ hija konformi mad-dritt fundamentali għall‑proprjetà previst fl-Artikolu 17 tal-Karta u mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali?”

     Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

    72      Konformement mal-Artikolu 54 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Settembru 2022 li jgħaqqad il-Kawżi C‑498/22 sa C‑500/22 għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u tal-fażi orali tal-proċedura kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

     Fuq iddomandi preliminari

     Fuq lewwel domanda filKawżi C498/22 sa C500/22

    73      Permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawżi C‑498/22 sa C‑500/22, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/24, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 21(2) u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu, fl-assenza tal-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, ir-rikonoxximent, minn qorti ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini, tal-effetti ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni adottata, qabel it-tressiq tal-kawża quddiem din il-qorti, fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ kreditu u li għaddiet parzjalment l-obbligi u r-responsabbiltajiet ta’ din tal-aħħar lil bank tranżitorju.

    74      Kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, huwa stabbilit li d-deċiżjoni tax-xahar ta’ Awwissu 2014 u dawk tad‑29 ta’ Diċembru 2015, adottati mill-Bank tal-Portugall fir-rigward ta’ BES u li permezz tagħhom parti mill-attiv u mill-passiv ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu ġiet ittrasferita lill-bank tranżitorju, jiġifieri Novo Banco, jikkostitwixxu miżuri ta’ riorganizzazzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2001/24.

    75      Din id-direttiva, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 4 u 16 tagħha, hija bbażata fuq il-prinċipji ta’ unità u ta’ universalità u tistabbilixxi bħala prinċipju r-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni kif ukoll tal-effetti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Banco de Portugal et, C‑504/19, EU:C:2021:335, punt 33), mingħajr ma tfittex li tarmonizza l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali f’dan il-qasam (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2022, Banka Slovenije, C‑45/21, EU:C:2022:670, punt 121 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    76      Fil-fatt, bis-saħħa tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24, il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni huma, bħala prinċipju, applikati konformement mal-liġi tal-Istat Membru ta’ oriġini. Minn naħa, mit-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li tali miżuri jipproduċu l-effetti tagħhom skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru fl-Unjoni kollha mingħajr ebda formalità oħra, inkluż fir-rigward ta’ terzi fl-Istati Membri l-oħra, anki jekk ir-regoli tal-Istat Membru ospitanti applikabbli għalihom ma jipprevedux tali miżuri jew jissuġġettaw l-implimentazzjoni tagħhom għal kundizzjonijiet li ma humiex issodisfatti. Min-naħa l-oħra, konformement mat-tielet subparagrafu tal-imsemmija dispożizzjoni, il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni jipproduċu l-effetti tagħhom fl-Unjoni kollha malli dawn il-miżuri jipproduċu l-effetti tagħhom fl-Istat Membru ta’ oriġini.

    77      Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu li, bħala prinċipju, il-liġi tal-Istat Membru tal-ftuħ tal-proċedura (lex concursus) tirregola l-miżuri ta’ riorganizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kif ukoll l-effetti tagħhom, ħlief għal eċċezzjonijiet li jeħtieġu, f’ċerti każijiet espressament previsti mid-Direttiva 2001/24, limitazzjoni indispensabbli għall-prinċipju tal-applikabbiltà tal-liġi tal-Istat Membru tal-oriġini (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Banco de Portugal et, C‑504/19, EU:C:2021:335, punti 34 u 35, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    78      Għal dak li jirrigwarda l-pubblikazzjoni ta’ tali miżuri ta’ riorganizzazzjoni, għandu jiġi rrilevat qabelxejn li, bis-saħħa tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/24, meta l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni, deċiżi konformement mal-Artikolu 3(1) u (2) ta’ din id-direttiva x’aktarx taffettwa d-drittijiet ta’ terzi persuni fl-Istat Membru ospitanti u fejn rikors jista’ jinġieb fl-Istat Membru ta’ oriġini kontra d-deċiżjoni li tordna dawn il-miżuri, l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini, l-amministratur u kull persuna mogħtija s-setgħa li tagħmel hekk f’dan l-Istat Membru għandhom jippubblikaw estratt mid-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u f’żewġ gazzetti nazzjonali f’kull Stat Membru ospitanti, sabiex jitħaffef l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rikors fi żmien biżżejjed.

    79      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/24 jissuġġetta għalhekk l-obbligu li jiġu ppubblikati l-miżuri ta’ riorganizzazzjoni għall-issodisfar ta’ żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. Minn naħa, dawn il-miżuri għandhom ikunu jistgħu jaffettwaw id-drittijiet ta’ terzi fl-Istat Membru ospitanti u, min-naħa l-oħra, għandu jkun hemm rikors fl-Istat Membru ta’ oriġini kontra d-deċiżjoni li tordna l-imsemmija miżuri.

    80      Hekk kif il-qorti tar-rinviju tidher li tikkunsidra, dawn il-kundizzjonijiet jidhru li huma ssodisfatti f’dak li jirrigwarda l-miżuri ta’ riorganizzazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. Fil-fatt, minn naħa, kif jikkonferma l-Gvern Portugiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u konformement mad-dispożizzjonijiet tar-RGICSF, deċiżjoni tal-Bank tal-Portugall li tadotta tali miżuri tista’ tkun is-suġġett, fil-Portugall, ta’ rikors taħt il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni dwar il-kontenzjuż amministrattiv. Min-naħa l-oħra, l-individwi fil-kawżi prinċipali, kollha residenti jew stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti u klijenti tal-istituzzjoni ta’ kreditu li kienet is-suġġett ta’ dawn il-miżuri, jistgħu jiġu affettwati minnhom.

    81      Għalhekk ma huwiex neċessarju, fil-kuntest ta’ dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari, li tiġi eżaminata l-validità ta’ tali kundizzjonijiet fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta.

    82      Sussegwentement, konformement mal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2001/24, huma l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini li għandhom jippubblikaw l-estratt, is-suġġett u l-bażi legali tad-deċiżjoni meħuda, it-termini għall-preżentata ta’ rikors, b’mod partikolari indikazzjoni li tinftiehem faċilment tad-data tal-iskadenza ta’ dawn it-termini u, b’mod preċiż, l-indirizz tal-awtoritajiet jew tal-qorti kompetenti sabiex jieħdu konjizzjoni tal-appell.

    83      Sa fejn l-obbligu tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini li jippubblikaw, b’mod partikolari, indikazzjonijiet relatati mat-termini għall-preżentata ta’ rikors jista’ loġikament jikkonċerna biss ir-rikorsi li jistgħu jiġu ppreżentati f’dan l-Istat Membru, għandu jiġi kkunsidrat li l-għan tal-Artikolu 6(1) sa (4) tad-Direttiva 2001/24 huwa li jirregola l-informazzjoni tal-kredituri tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata, sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw, fl-Istat Membru ta’ oriġini, id-dritt tagħhom għal azzjoni legali kontra d-deċiżjonijiet li jordnaw miżuri ta’ riorganizzazzjoni ta’ din l-istituzzjoni, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn dawn il-kredituri, kif imfakkar fil-premessa 12 ta’ din id-direttiva.

    84      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2001/24, il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni japplikaw indipendentement mill-miżuri ta’ pubblikazzjoni previsti fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-artikolu u jipproduċu l-effetti kollha tagħhom fir-rigward tal-kredituri, sakemm l-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji tal-Istat Membru ta’ oriġini jew sakemm il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru dwar dawn il-miżuri ma jipprovdux mod ieħor.

    85      Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ pubblikazzjoni tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni adottati fl-Istat Membru ta’ oriġini, skont ir-regoli u l-modalitajiet previsti fl-Artikolu 6(1) sa (4) tad-Direttiva 2001/24, ma għandux l-effett li jikkontesta l-prinċipji ta’ unità u ta’ universalità kif ukoll ta’ rikonoxximent reċiproku tal-effetti ta’ dawn il-miżuri fl-Istat Membru ospitanti, kif dawn il-prinċipji tfakkru fil-punti 75 u 76 ta’ din is-sentenza. Tali nuqqas ta’ pubblikazzjoni ma jistax għalhekk iwassal la għall-invalidazzjoni ta’ dawn il-miżuri u lanqas għan-nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-effetti tagħhom fl-Istat Membru ospitanti.

    86      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2001/24 sempliċement teskludi li n-nuqqas ta’ pubblikazzjoni tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni jista’ jiġi ssanzjonat bl-invalidazzjoni tagħhom jew min-nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-effetti tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, mingħajr ma tipprevedi, u inqas u inqas ma tarmonizza, tipi oħra ta’ sanzjonijiet. Konsegwentement, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, dawn ir-regoli ma għandhomx ikunu inqas favorevoli mir-rimedji simili ta’ natura interna (il-prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jirrendu fil-prattika impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (il-prinċipju ta’ effettività) (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Rudigier, C‑518/17, EU:C:2018:757, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    87      Għandu jitfakkar ukoll li l-Istati Membri, meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, huma obbligati jiżguraw ir-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tal‑15 ta’ April 2021, État belge (Elementi sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ trasferiment), C‑194/19, EU:C:2021:270, punt 43).

    88      Kif ġie ppreċiżat fil-punt 83 ta’ din is-sentenza, l-għan tal-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/24 huwa li tiġi żgurata, fl-Istat Membru ta’ oriġini, il-protezzjoni tad-dritt għal azzjoni legali tal-persuni kkonċernati kontra d-deċiżjonijiet li jordnaw miżuri ta’ riorganizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, fosthom b’mod partikolari dak tal-kredituri ta’ dan l-istabbiliment stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti.

    89      Minn dan isegwi li, meta l-miżuri ta’ riorganizzazzjoni ma jkunux ġew ippubblikati konformement mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/24, id-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini għandu jippermetti lill-persuni li d-drittijiet tagħhom iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni huma affettwati minn tali miżuri u li jkunu stabbiliti jew residenti fl-Istat Membru ospitanti, jippreżentaw rikors kontra dawn il-miżuri f’terminu raġonevoli mill-mument li fih dawn ikunu ġew ikkomunikati b’dawn il-miżuri, ikunu saru jafu bihom jew raġonevolment kellhom ikunu jafu bihom.

    90      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ effettività tal-iffissar tat-termini raġonevoli tar-rikors taħt piena ta’ dekadenza fl-interess tas-sigurtà ġuridika li tipproteġi kemm lill-persuna kkonċernata kif ukoll l-amministrazzjoni kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier, C‑445/06, EU:C:2009:178, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li ma jistax jitqies li huwa ta’ diffikultà eċċessiva l-fatt li jiġu imposti termini għall-preżentata ta’ rikors li jibdew jiddekorru biss mid-data li fiha l-persuna kkonċernata saret taf bil-miżuri li jikkawżawlha preġudizzju jew, tal-inqas, kellha tieħu konjizzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Flausch et, C‑280/18, EU:C:2019:928, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    91      Għalhekk, il-qorti tar-rinviju għandha b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, u indipendentement miċ-ċirkustanza li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 77 u 86 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/59 ma humiex applikabbli għall-kawżi prinċipali, informazzjoni ppubblikata mill-awtoritajiet Portugiżi skont l-Artikolu 83(4) ta’ din id-direttiva, kif ukoll dik ikkomunikata minn BES u/jew minn Novo Banco sabiex jiġi ddeterminat il-mument li minnu l-klijenti fil-kawżi prinċipali ħadu jew kellhom isiru jafu bid-deċiżjonijiet tal-Bank tal-Portugall. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tal-Gvern Portugiż, jekk ikun il-każ ikkonfermati mill-ġurisprudenza tal-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini, li jipprovdu li d-dritt proċedurali ta’ dan l-Istat Membru jiggarantixxi li, fl-assenza ta’ pubblikazzjoni ta’ att amministrattiv, bħal deċiżjoni tal-Bank tal-Portugall dwar ir-riorganizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, dan l-att jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors mill-mument li fih il-persuni leżi kellhom jew kellhom ikunu jafu bl-imsemmi att jew bl-implimentazzjoni tiegħu skont dak li jseħħ fl-ewwel lok.

    92      Barra minn hekk, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta ma jipprekludix li jiġu imposti termini raġonevoli għall-preżentata ta’ rikors sabiex tiġi kkontestata deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali li timplimenta d-dritt tal-Unjoni u li tista’ tikser wieħed mid-drittijiet li l-individwi jisiltu minnu.

    93      Barra minn hekk, la dan l-Artikolu 47 u lanqas il-prinċipju ta’ effettività ma jimponu li r-rikors, previst mid-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini kontra deċiżjoni li permezz tagħha awtorità nazzjonali tadotta miżura ta’ riorganizzazzjoni, ikollu effett sospensiv li permezz tiegħu l-effetti ta’ din id-deċiżjoni jkunu ipso jure sospiżi fl-istennija tal-eżitu ta’ tali appell.

    94      Fir-rigward, sussegwentement, tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, iggarantit fl-Artikolu 21(2) tal-Karta, la huwa allegat u lanqas ma ntwera li r-rikonoxximent tal-effetti tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni fl-Istat Membru ospitanti, kif meħtieġ bis-saħħa tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24, japplika b’mod differenti skont in-nazzjonalità tal-parti fil-kawża.

    95      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, dan il-prinċipju jeżiġi, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-partijiet fil-kawża, b’mod partikolari meta jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli fuq l-individwi u l-impriżi. B’mod partikolari, l-imsemmi prinċipju jeżiġi li leġiżlazzjoni tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar ikollhom il-possibbiltà li jkollhom għarfien tad-drittijiet u tal-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jaġixxu konsegwentement (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Banco de Portugal et, C‑504/19, EU:C:2021:335, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    96      F’dan il-każ, minn naħa, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/24, l-Istat Membru ospitanti għandu jiżgura, mingħajr ebda formalità oħra, ir-rikonoxximent fit-territorju tiegħu tal-effetti tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni adottati fl-Istat Membru ta’ oriġini, minkejja l-fatt li dawn ma kinux is-suġġett tal-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, fil-mument li fih il-klijenti ta’ Novo Banco ppreżentaw ir-rikorsi rispettivi tagħhom quddiem il-qrati Spanjoli matul is-sena 2017, il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni kienu s-suġġett ta’ diversi miżuri ta’ pubblikazzjoni, li ġew żgurati kemm mill-awtoritajiet Portugiżi kif ukoll mill-awtoritajiet Spanjoli. Minn dan jirriżulta li, bla ħsara għall-verifika li għandha titwettaq mill-qorti tar-rinviju, il-klijenti ta’ Novo Banco kellhom, fil-mument tal-preżentata tar-rikorsi rispettivi tagħhom, l-elementi kollha neċessarji sabiex jieħdu, b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti, deċiżjoni dwar il-preżentata ta’ dawn ir-rikorsi kif ukoll sabiex jidentifikaw b’ċertezza l-entità li kontriha dawn tal-aħħar kellhom ikunu diretti.

    97      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/24, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 21(2) u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux, fl-assenza tal-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, ir-rikonoxximent, minn qorti ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini, tal-effetti ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni adottata, qabel it-tressiq tal-kawża quddiem din il-qorti, fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ kreditu u li għaddiet parzjalment l-obbligi u r-responsabbiltajiet ta’ din tal-aħħar lil bank tranżitorju.

     Fuq ittieni domanda filKawżi C498/22 u C499/22

    98      Permezz tat-tieni domanda tagħha fil-Kawżi C‑498/22 u C‑499/22, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24, moqri fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi r-rikonoxximent, fl-Istat Membru ospitanti, tal-effetti ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni meħuda fl-Istat Membru ta’ oriġini fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ kreditu u li ttrasferixxiet parzjalment l-obbligi u r-responsabbiltajiet ta’ din tal-aħħar lil bank tranżitorju, ikkontrollata minn awtorità pubblika li tapplika d-dritt tal-Unjoni, meta l-klijenti ta’ dan il-bank tranżitorju jallegaw li poġġew l-aspettattivi leġittimi tagħhom fil-fatt li l-imsemmi bank tranżitorju, fid-dawl tal-aġir sussegwenti tiegħu, kien assuma wkoll il-passiv li jikkorrispondi għall-obbligi u għar-responsabbiltajiet kollha ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu fir-rigward ta’ dawn il-klijenti.

    99      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li din id-domanda hija bbażata fuq il-premessa li l-klijenti ta’ bank tranżitorju, bħal Novo Banco, li l-kapital tagħhom kien miżmum, b’mod temporanju, minn awtorità pubblika ta’ Stat Membru, bl-għan tal-privatizzazzjoni eventwali tiegħu, huma awtorizzati jinvokaw il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fir-rigward ta’ dan il-bank tranżitorju.

    100    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jagħmel parti mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Europa Way u Persidera, C‑560/15, EU:C:2017:593, punt 79 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), li għandu jiġi osservat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, iżda wkoll mill-Istati Membri meta jadottaw miżuri li permezz tagħhom jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilhom mid-direttivi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Europa Way u Persidera, C‑560/15, EU:C:2017:593, punt 79, kif ukoll tas‑17 ta’ Novembru 2022, Avicarvil Farms, C‑443/21, EU:C:2022:899, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    101    Id-dritt li jiġi invokat dan il-prinċipju jestendi għal kull individwu li fir-rigward tiegħu awtorità amministrattiva tkun ħolqot aspettattivi bbażati fuq garanziji preċiżi li tkun ipprovdietlu (sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2015, Salomie u Oltean, C‑183/14, EU:C:2015:454, punt 44, kif ukoll tal‑20 ta’ Jannar 2022, Air Berlin, C‑165/20, EU:C:2022:42, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    102    B’kuntrast ma’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li taċċetta l-invokabbiltà ta’ dan il-prinċipju fir-rigward ta’ operatur irregolat mid-dritt privat sabiex jinvoka dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-input imħallsa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Kreuzmayr, C‑628/16, EU:C:2018:84, punt 47), jew fil-kuntest ta’ tilwima esklużivament bejn awtoritajiet amministrattivi nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2022, Smetna palata na Republika Bulgaria, C‑195/21, EU:C:2022:239, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata), b’tali mod li d-dritt, għal parti fil-kawża, li tinvoka l-imsemmi prinċipju jestendi biss, fid-dritt tal-Unjoni, fir-rigward ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li jkunu ngħatawlha minn awtorità pubblika.

    103    F’dan il-każ, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 98 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk bank tranżitorju, bħal Novo Banco, jitqies li huwa awtorità amministrattiva li timplimenta d-dritt tal-Unjoni meta dan ikun inħoloq fil-forma ta’ istituzzjoni ta’ kreditu rregolata mid-dritt privat, li ma jkollu ebda setgħa eżorbitanti tad-dritt komuni bl-għan li titwettaq funzjoni ta’ servizz pubbliku, dan ikun imur lil hinn mill-każijiet li fihom il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jista’ jiġi invokat mill-parti fil-kawża. Il-fatt li l-kapital azzjonarju ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu kien ikkontrollat temporanjament minn awtorità pubblika, bħall-Fond ta’ Riżoluzzjoni, bl-għan tal-privatizzazzjoni tiegħu, ma jistax ibiddel din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, din is-sempliċi ċirkustanza ma tittrasformax istituzzjoni ta’ kreditu li topera fis-suq kompetittiv tas-servizzi bankarji u finanzjarji f’awtorità amministrattiva nazzjonali.

    104    Għaldaqstant ir-risposta għat-tieni domanda magħmula fil-Kawżi C‑498/22 u C‑499/22, għandha tkun li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24, moqri fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandu jiġi interpretat fis-sens li individwi ma jistgħux jużaw il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi fir-rigward ta’ bank tranżitorju, organu tad-dritt privat li ma għandu l-ebda setgħa speċjali tad-dritt komuni, maħluq fil-kuntest ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li inizjalment kienu l-klijenti tiegħu sabiex jinvolvu r-responsabbiltà ta’ dan il-bank tranżitorju bis-saħħa ta’ obbligi prekuntrattwali u kuntrattwali marbuta mal-kuntratti preċedentement konklużi ma’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu. Is-sempliċi fatt li l-imsemmija istituzzjoni ta’ kreditu kienet ikkontrollata temporanjament minn awtorità pubblika, fid-dawl tal-privatizzazzjoni tagħha, ma jistax jagħmel l-istess istituzzjoni ta’ kreditu, li topera fis-suq kompetittiv tas-servizzi bankarji u finanzjarji, awtorità amministrattiva nazzjonali.

     Fuq ittielet domanda filKawżi C498/22 u C499/22 kif ukoll fuq ittieni domanda filKawża C500/22

    105    Permezz tat-tielet domanda tagħha fil-Kawżi C‑498/22 u C‑499/22 kif ukoll permezz tat-tieni domanda tagħha fil-Kawża C‑500/22, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17 tal-Karta u l-prinċipju ta’ ċertezza legali għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu r-rikonoxximent, fl-Istat Membru ospitanti, tal-effetti ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni adottati fl-Istat Membru ta’ oriġini skont id-Direttiva 2001/24, li tipprevedi l-ħolqien ta’ bank tranżitorju u ż-żamma tal-passiv tal-bank li kien is-suġġett ta’ dawn il-miżuri tal-obbligu li jħallas is-somom dovuti abbażi ta’ responsabbiltà prekuntrattwali jew kuntrattwali. Barra minn hekk, fil-Kawżi C‑498/22 u C‑499/22, il-qorti tar-rinviju kellha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ tali rikonoxximent mal-Artikolu 38 tal-Karta kif ukoll, fil-Kawża C‑498/22, mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13.

    106    Preliminarjament, għandu jiġi miċħud l-argument, invokat b’mod partikolari minn Novo Banco, ibbażat fuq l-inammissibbiltà tat-tielet domanda magħmula fil-Kawża C‑499/22, minħabba li din id-domanda tirrigwarda biss il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 38 tal-Karta, peress li ebda dispożizzjoni tad-dritt sekondarju fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi, inkluża d-Direttiva 93/13, ma hija applikabbli f’dan il-każ. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikonoxximent, fl-Istat Membru ospitanti, tal-effetti ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, adottata fl-Istat Membru ta’ oriġini, li tittrasponi l-obbligu previst fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24, jikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Din għalhekk hija applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑499/22 u għandha tingħata risposta fuq il-mertu għall-imsemmija domanda. Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, mill-formulazzjoni stess ta’ din l-aħħar domanda jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja mhux biss dwar l-osservanza tal-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 38 tal-Karta, iżda wkoll dwar dak tad-dritt għall-proprjetà, kif iggarantit fl-Artikolu 17 tal-Karta.

    107    Għaldaqstant hemm lok li jiġi eżaminat suċċessivament jekk l-Artikolu 17 tal-Karta, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, l-Artikolu 38 tal-Karta u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu r-rikonoxximent tal-effetti tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni adottati fl-Istat Membru ta’ oriġini skont id-Direttiva 2001/24, li tipprevedi l-ħolqien ta’ bank tranżitorju u ż-żamma tal-passiv tal-bank li kien is-suġġett ta’ dawn il-miżuri tal-obbligu li jħallas is-somom dovuti abbażi ta’ responsabbiltà prekuntrattwali jew kuntrattwali.

     Fuq lArtikolu 17 talKarta

    108    Bis-saħħa tal-Artikolu 17(1) tal-Karta, kulħadd għandu d-dritt li jgawdi l-proprjetà tal-beni akkwistati legalment, li juża, jiddisponi minn u jħalli b’wirt, u ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku, f’każijiet u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, u fi żmien xieraq b’kumpens ġust għat-telf tagħha. Dwar l-użu tal-beni, dan jista’ jiġi rregolat bil-liġi sa fejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jistgħu jiġu introdotti limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha, bħalma huma d-dritt għall-proprjetà, sa fejn dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, josservaw il-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet u ta’ dawn il-libertajiet u li, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu neċessarji u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

    109    F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-protezzjoni mogħtija fl-Artikolu 17(1) tal-Karta, skont ġurisprudenza stabbilita, din il-protezzjoni tirrigwarda drittijiet li għandhom valur patrimonjali li minnhom tirriżulta, fid-dawl tal-ordinament ġuridiku kkonċernat, pożizzjoni legali miksuba li tippermetti eżerċizzju awtonomu ta’ dawn id-drittijiet minn u favur id-detentur tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, HOLD Alapkezelő, C‑352/20, EU:C:2022:606, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li azzjonijiet jew bonds negozjabbli fis-swieq tal-kapital jikkostitwixxu tali drittijiet li jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni ggarantita fl-Artikolu 17(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, BPC Lux 2 et, C‑83/20, EU:C:2022:346, punti 40 u 43).

    110    Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġi vverifikat jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni f’kull waħda mill-kawżi prinċipali tirrigwardax dritt li għandu valur patrimonjali, li minnu tirriżulta pożizzjoni legali miksuba li tippermetti eżerċizzju awtonomu ta’ dawn id-drittijiet mid-detentur tagħhom.

    111    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-obbligu prijoritarju akkwistat minn POSB fis-suq sekondarju tal-kapital, li huwa inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑500/22, ma hemmx dubju, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 109 ta’ din is-sentenza, li tali obbligu prijoritarju, b’mod partikolari sa fejn bħala prinċipju jimplika l-ħlas ta’ profitti tal-bonds annwali u, eventwalment, il-ħlas lura tal-valur nominali tiegħu, għandu valur patrimonjali u jagħti lid-detentur tiegħu pożizzjoni legali miksuba li tippermetti eżerċizzju awtonomu tad-drittijiet li jirriżultaw minnha.

    112    Sussegwentement, fir-rigward tal-kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑498/22, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Pariġi fl‑20 ta’ Marzu 1952, jirriżulta li l-kunċett ta’ “beni” jista’ jkopri kemm “beni attwali” kif ukoll “valuri patrimonjali”, inklużi krediti, li permezz tagħhom il-persuna kkonċernata tista’ tippretendi li għandha tal-inqas “aspettattiva leġittima” li tikseb it-tgawdija effettiva ta’ dritt għall-proprjetà. Meta l-interess patrimonjali kkonċernat ikun tal-ordni tal-kreditu, dan jista’ jitqies bħala “valur patrimonjali” biss meta jkollu bażi legali suffiċjenti, b’mod partikolari meta jkun ikkonfermat minn ġurisprudenza stabbilita sew (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 28 ta’ Settembru 2004, Kopecký vs Is‑Slovakkja, CE:ECHR:2004:0928JUD004491298, punti 35 u 52, kif ukoll Qorti EDB, 20 ta’ Marzu 2018, Radomilja et vs Il‑Kroazja, CE:ECHR:2018:0320JUD003768510, punt 142).

    113    Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 111 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑498/22 huwa marbut mal-obbligu ta’ prinċipju għal istituzzjoni ta’ kreditu li jħallas lura l-interessi rċevuti b’applikazzjoni ta’ klawżola “ta’ rata minima”, iddikjarata inġusta, li tinsab f’kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż ma’ konsumatur, mingħajr ma jista’ jillimita l-ħlas lura ta’ dawn l-interessi għall-perijodu sussegwenti għad-dikjarazzjoni tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola, konformement mal-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punti 61 u 62, kif ukoll tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Bank M. (Konsegwenzi tal-annullament tal-kuntratt), C‑520/21, EU:C:2023:478, punti 57 u 58). Minn dan isegwi li d-detentur ta’ dan il-kreditu jista’ tal-inqas jallega li għandu “aspettattiva leġittima” li jikseb it-tgawdija effettiva ta’ dritt għall-proprjetà, b’tali mod li huwa jista’ jibbenefika mill-protezzjoni ggarantita mill-Artikolu 17(1) tal-Karta.

    114    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑499/22, jiġifieri dak marbut man-natura difettuża tal-informazzjoni prekuntrattwali dwar ir-riskji li kien jinkludi l-istrument finanzjarju sottoskritt minn J.M.F.T. u M.H.D.S. ma’ BES, sa fejn in-natura suffiċjenti tal-informazzjoni prekuntrattwali għandha tkun suġġetta għal evalwazzjoni ġudizzjarja skont iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ kemm fir-rigward tal-materjalità tiegħu kif ukoll tal-portata tiegħu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk dan il-kreditu jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fil-punt 110 ta’ din is-sentenza u, b’mod partikolari, jekk il-ġurisprudenza nazzjonali li tistabbilixxi, fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali hijiex suffiċjentement stabbilita sabiex il-persuna, li tinvoka l-ksur ta’ tali obbligu, jista’ jkollha “aspettattiva leġittima” li tikseb it-tgawdija effettiva tal-imsemmi kreditu.

    115    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni dwar jekk, fir-rigward ta’ dawn il-krediti, ir-rikonoxximent, fl-Istat Membru ospitanti, tal-effetti tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni adottati fir-rigward ta’ BES, konformement mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24, joħloqx ċaħda ta’ proprjetà, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta jew jekk hijiex simili għal leġiżlazzjoni dwar l-użu tal-beni, fis-sens tat-tielet sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-adozzjoni, mill-Istat Membru ta’ oriġini, ta’ dawn il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni, li jipprevedu b’mod partikolari t-trasferiment tal-attiv ta’ istituzzjoni ta’ kreditu lil bank tranżitorju, tikkostitwixxi regolamentazzjoni tal-użu tal-beni, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, li tista’ tippreġudika d-dritt għall-proprjetà tal-kredituri ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu, bħad-detenturi ta’ bonds, li l-krediti tagħhom ma ġewx ittrasferiti lil din il-bank tranżitorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, BPC Lux 2 et, C‑83/20, EU:C:2022:346, punt 50).

    116    Il-fatt li l-effetti tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni saru applikabbli fl-Istat Membru ospitanti, bis-saħħa tal-obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ dawn il-miżuri kif dan l-obbligu jirriżulta mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24, ma jbiddilx din l-analiżi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 117 tal-konklużjonijiet tiegħu.

    117    Għad irid jiġi vverifikat jekk, skont qari flimkien tat-tielet sentenza tal-Artikolu 17(1) u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, l-effetti fl-Istat Membru ospitanti tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni li permezz tagħhom il-krediti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma allokati għall-passiv ta’ BES Spanja, humiex previsti mil-liġi, josservawx il-kontenut essenzjali tad-dritt għall-proprjetà u huma proporzjonati, filwaqt li huwa fid-dawl tal-interess ġenerali invokat sabiex jiġu ġġustifikati tali miżuri ta’ riorganizzazzjoni li għandha tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità previst fl-Artikolu 52(1) tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt ta’ artijiet agrikoli), C‑235/17, EU:C:2019:432, punti 88 u 89).

    118    F’dan il-każ, qabelxejn, il-limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-kredituri tal-istituzzjoni ta’ kreditu li jinvolvu l-miżuri ta’ riorganizzazzjoni kkonċernati kif ukoll ir-rikonoxximent tal-effetti tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, jirriżultaw kemm mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/24, kif ukoll mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva, kemm fil-Portugall permezz tar-RGICSF li abbażi tiegħu ġew adottati dawn il-miżuri jew kemm fi Spanja permezz tal-Liġi 6/2005, li permezz tagħha l-effetti tal-imsemmija miżuri ġew irrikonoxxuti f’dan l-Istat Membru. Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li, fir-rigward tal-kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑500/22 li minnu BES tneħħiet bis-saħħa tad-deċiżjoni tax-xahar ta’ Awwissu 2014, dan il-kreditu ġie trażmess mill-ġdid, b’effett retroattiv, lill-passiv ta’ BES bis-saħħa tad-deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Diċembru 2015, jidher li l-possibbiltà ta’ emenda, b’effett retroattiv, tal-istess miżuri ġiet speċifikament prevista mhux biss mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-RGICSF, iżda wkoll fid-deċiżjoni tax-xahar ta’ Awwissu 2014, mingħajr ma, konformement mal-ġurisprudenza, id-Direttiva 2001/24 tostakola tali emenda mill-Istat Membru ta’ oriġini (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Banco de Portugal et, C‑504/19, EU:C:2021:335, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li l-limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-kredituri tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata huma previsti mil-liġi, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

    119    Sussegwentement, peress li l-miżuri ta’ riorganizzazzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata kif ukoll ir-rikonoxximent tal-effetti tagħhom fl-Istat Membru ospitanti ma jikkostitwixxux ċaħda ta’ proprjetà iżda, kif ġie rrilevat fil-punt 115 ta’ din is-sentenza, leġiżlazzjoni tal-użu tal-beni, huma ma jistgħux jippreġudikaw il-kontenut essenzjali tad-dritt għall-proprjetà jew is-sustanza tiegħu stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, BPC Lux 2 et, C‑83/20, EU:C:2022:346, punt 53).

    120    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri u r-rikonoxximent tal-effetti tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, kif jirriżultaw mid-Direttiva 2001/24, jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni, fis-sens tat-tielet sentenza tal-Artikolu 17(1) u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Fil-fatt, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ġa ammettiet, l-adozzjoni ta’ tali miżuri fis-settur bankarju tissodisfa għan ta’ interess ġenerali mfittex mill-Unjoni, jiġifieri dak li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema bankarja, b’mod partikolari taż-żona euro fit-totalità tagħha, u li jiġi evitat riskju sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punti 71 u 72, kif ukoll tal‑5 ta’ Mejju 2022, BPC Lux 2 et, C‑83/20, EU:C:2022:346, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    121    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-limitazzjonijiet li ġġib magħha l-miżura ta’ riżoluzzjoni kif ukoll ir-rikonoxximent tal-effetti tagħhom fl-Istat Membru ospitanti għall-eżerċizzju tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) tal-Karta jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li, minn naħa, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku partikolari, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ meta jadottaw deċiżjonijiet fil-qasam ekonomiku u li huma fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiddefinixxu l-miżuri li jistgħu jilħqu l-għan imfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, BPC Lux 2 et, C‑83/20, EU:C:2022:346, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    122    F’dan ir-rigward, kif indika l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 119 tal-konklużjonijiet tiegħu, miżuri ta’ riorganizzazzjoni jagħmlu sens biss jekk issir għażla bejn il-passiv u l-attiv tal-istituzzjoni ta’ kreditu mhux vijabbli, jiġifieri f’dan il-każ BES, sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali li dawn il-miżuri jfittxu, jiġifieri li tiġi ggarantita l-istabbiltà tas-sistema bankarja u jiġi evitat riskju sistemiku.

    123    Min-naħa l-oħra, kif irrilevaw il-Gvern Spanjol u l-Gvern Portugiż, essenzjalment, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, dawn il-miżuri kif ukoll ir-rikonoxximent tal-effetti tagħhom fl-Istat Membru ospitanti jidhru li huma konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tar-RGICSF, il-kredituri li l-krediti tagħhom ma ġewx ittrasferiti lill-bank tranżitorju għandhom id-dritt li jirċievu ammont mhux inqas minn dak li kienu jirċievu li kieku l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata kienet tqiegħdet fi stralċ skont il-proċeduri normali ta’ falliment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, BPC Lux 2 et, C‑83/20, EU:C:2022:346, punt 58).

    124    Madankollu, għandu jitfakkar li l-kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑500/22 jirriżulta minn kuntratt ta’ bejgħ konkluż, mhux ma’ BES, iżda ma’ Novo Banco, li għandu bħala suġġett obbligu li, fid-data tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, kien jagħmel parti mill-patrimonju ta’ Novo Banco, bis-saħħa tad-deċiżjoni tax-xahar ta’ Awwissu 2014, peress li l-passiv marbut ma’ dan l-obbligu inkluda l-passiv ta’ BES biss permezz tad-deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Diċembru 2015.

    125    Ċertament, kif tfakkar fil-punt 118 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2001/24 ma tipprekludix lill-Istat Membru ta’ oriġini milli jemenda, anki b’effett retroattiv, is-sistema legali applikabbli għall-miżuri ta’ riorganizzazzjoni.

    126    Madankollu, ma jsegwix awtomatikament li tali miżuri ta’ riorganizzazzjoni retroattivi ma jistgħu, fl-ebda każ, jiksru d-dritt għall-proprjetà, kif iggarantit fl-Artikolu 17 tal-Karta. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, u kif ġie indikat fil-punt 117 ta’ din is-sentenza, dawn il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità, filwaqt li huwa fid-dawl tal-interess ġenerali invokat sabiex jiġu ġġustifikati li għandha tiġi żgurata l-osservanza ta’ dan il-prinċipju.

    127    F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-osservanza ta’ dan l-aħħar rekwiżit billi tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, minn naħa, il-fatt li l-paragrafu 2 tal-Anness 2 tad-deċiżjoni tax-xahar ta’ Awwissu 2014 kien jipprevedi espressament il-possibbiltà ta’ trasferiment jew ta’ “trasferiment mill-ġdid” ta’ ċertu attiv u ta’ passiv bejn Novo Banco u BES u, min-naħa l-oħra, il-kwalità ta’ bejjiegħ jew fornitur tal-kreditur inkwistjoni fil-Kawża C‑500/22.

     Fuq ilprinċipju ta’ ċertezza legali

    128    Fir-rigward tal-ksur allegat tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li r-rekwiżiti tiegħu huma mfakkra fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi enfasizzat li, skont is-seba’ inċiż tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/24, il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni huma dawk intiżi sabiex jippreżervaw jew jistabbilixxu mill-ġdid is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu u li jistgħu jaffettwaw id-drittijiet li ġa jeżistu ta’ terzi, inklużi l-miżuri li jinvolvu l-possibbiltà ta’ tnaqqis ta’ krediti. Dawn il-miżuri għandhom jipproduċu l-effetti tagħhom skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn ikunu ttieħdu fl-Unjoni kollha, mingħajr ebda formalità oħra, inkluż fir-rigward ta’ terzi fl-Istati Membri l-oħra, konformement mal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva.

    129    Peress li huwa stabbilit li d-deċiżjoni tax-xahar ta’ Awwissu 2014 u dawk tad‑29 ta’ Diċembru 2015 huma miżuri ta’ riorganizzazzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2001/24, adottati skont ir-RGICSF, li għamlu għażla bejn il-passiv u l-attiv tal-istituzzjoni ta’ kreditu mhux vijabbli, il-kredituri fil-kawżi prinċipali kienu f’pożizzjoni li jistennew li ċerti responsabbiltajiet, bħal dawk li jirriżultaw min-natura difettuża tal-informazzjoni prekuntrattwali mogħtija minn BES, inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑499/22, jew ċerti perikoli, bħal dawk li huma s-suġġett tal-kawżi prinċipali fil-Kawżi C‑498/22 u C‑500/22, ma jiġux ittrasferiti lill-bank tranżitorju kkonċernat. Barra minn hekk, mill-punt (b)(v) tal-ewwel paragrafu tal-Anness 2 tad-deċiżjoni tax-xahar ta’ Awwissu 2014, jirriżulta li baqgħu fil-patrimonju ta’ BES “kwalunkwe responsabbiltà jew [kwalunkwe] perikolu, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw minn frodi jew mill-ksur ta’ dispożizzjonijiet jew ta’ deċiżjonijiet regolatorji, kriminali jew amministrattivi”.

    130    Madankollu, kif ġie indikat fil-punt 118 ta’ din is-sentenza, bis-saħħa tad-deċiżjoni tax-xahar ta’ Awwissu 2014, BES tneħħiet mill-kreditu inkwistjoni fil-Kawża C‑500/22, peress li dan il-kreditu inkluda, b’effett retroattiv, il-passiv ta’ BES biss bis-saħħa tad-deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Diċembru 2015, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-RGICSF.

    131    Issa, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi l-applikazzjoni retroattiva ta’ regola ġdida ħlief meta għan ta’ interess ġenerali jeżiġi dan u l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jiġu debitament osservati (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, VYSOČINA WIND, C‑181/20, EU:C:2022:51, punti 49 u 59).

    132    F’dan ir-rigward, il-bidla retroattiva tal-identità tad-debitur tal-kreditu inkwistjoni fil-Kawża C‑500/22 tista’ raġonevolment tiġi ġġustifikata mill-għan ta’ interess ġenerali li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema bankarja u li jiġi evitat riskju sistemiku. Fid-dawl tal-elementi msemmija fil-punt 127 ta’ din is-sentenza, ma huwiex eskluż li l-aspettattivi leġittimi tal-kreditur f’din il-kawża ġew debitament osservati, fatt li fi kwalunkwe każ għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

     Fuq lArtikolu 38 talKarta u lArtikolu 6(1) tadDirettiva 93/13

    133    Fl-aħħar nett, għandhom jiġu eżaminati d-domandi tal-qorti tar-rinviju, imqajma fil-Kawżi C‑498/22 u C‑499/22, dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni kkonċernati u tar-rikonoxximent tal-effetti tagħhom fl-Istat Membru ospitanti mal-protezzjoni tal-konsumaturi.

    134    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-Kawża C‑499/22, għandu jiġi rrilevat li dawn id-domandi jirrigwardaw esklużivament l-interpretazzjoni tal-Artikolu 38 tal-Karta, li jipprovdi li livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi għandu jiġi żgurat fil-politika tal-Unjoni. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma tippreċiżax jekk il-klijenti ta’ Novo Banco fl-oriġini ta’ din il-kawża għandhomx il-kwalità ta’ konsumaturi abbażi ta’ att tad-dritt tal-Unjoni, li bis-saħħa tiegħu huma jistgħu, jekk ikun il-każ, jisiltu drittijiet.

    135    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għal din il-parti tat-tielet domanda magħmula fil-Kawża C‑499/22 twassal sabiex tingħata opinjoni konsultattiva dwar domanda ipotetika, bi ksur tal-missjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Stichting Rookpreventie Jeugd et, C‑160/20, EU:C:2022:101, punt 84 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    136    B’kuntrast ma’ dan, u t-tieni nett, is-sitwazzjoni hija differenti f’dak li jirrigwarda t-tilwima fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑498/22. Fil-fatt, mill-motivazzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fil-kuntest ta’ din il-kawża, C.F.O. jitlob, bħala konsumatur bis-saħħa tad-Direttiva 93/13, il-ħlas lura retroattiv tas-somom imħallsa indebitament skont il-klawżola “ta’ rata minima”, ġudizzjarjament iddikjarata inġusta, li tinsab fil-kuntratt ta’ self ipotekarju li huwa kien inizjalment ikkonkluda ma’ BES Spanja u li ġiet ittrasferita lil Novo Banco bis-saħħa tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni, kif huma rrikonoxxuti fi Spanja. B’mod iktar preċiż, C.F.O. jallega li, fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980), in-natura inġusta tal-klawżola “ta’ rata minima” timplika effett restitutorju tas-somom kollha li huwa ħallas indebitament bis-saħħa ta’ din il-klawżola, li Novo Banco għandha tbati.

    137    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rekwiżit li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fil-politiki tal-Unjoni, kif jirriżulta mill-Artikolu 38 tal-Karta, japplika b’mod partikolari għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Bondora, C‑453/18 u C‑494/18, EU:C:2019:1118, punt 40).

    138    Huwa għalhekk li, b’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura u tal-importanza tal-interess pubbliku li l-protezzjoni tal-konsumaturi tikkostitwixxi, id-Direttiva 93/13 timponi fuq l-Istati Membri li jipprovdu mezzi adegwati u effettivi sabiex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri. Sabiex isir dan, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jeskludu l-applikazzjoni ta’ klawżoli inġusti sabiex dawn ma jipproduċux effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur ikkonċernat, sakemm dan ma jopponix dan (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Bank M. (Konsegwenzi tal-annullament tal-kuntratt), C‑520/21, EU:C:2023:478, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    139    Klawżola kuntrattwali deċiża bħala inġusta għandha titqies, bħala prinċipju, li qatt ma eżistiet, b’mod illi hija ma jista’ jkollha ebda effett fuq il-konsumatur ikkonċernat. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni ġudizzjarja tan-natura inġusta ta’ tali klawżola għandha, bħala prinċipju, ikollha l-konsegwenza li tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni legali u fattwali li kien ikun jinsab fiha l-konsumatur fl-assenza tal-imsemmija klawżola (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 61, kif ukoll tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Bank M. (Konsegwenzi tal-annullament tal-kuntratt), C‑520/21, EU:C:2023:478, punt 57).

    140    F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-obbligu għall-qorti nazzjonali li ma tapplikax klawżola kuntrattwali inġusta li timponi l-ħlas ta’ somom li jirriżultaw li ma humiex dovuti għandu, bħala prinċipju, effett restitutorju korrispondenti fir-rigward ta’ dawn is-somom, sa fejn l-assenza ta’ tali effett tista’ tikser l-effett dissważiv li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) ta’ din, għandu l-għan li jorbot mal-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli inklużi fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Bank M. (Konsegwenzi tal-annullament tal-kuntratt), C‑520/21, EU:C:2023:478, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    141    Madankollu, minkejja dawn il-konstatazzjonijiet ta’ prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll li l-protezzjoni tal-konsumatur ma hijiex ta’ natura assoluta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza, tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 68).

    142    Iktar minn hekk, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li hemm interess ġenerali ċar li tiġi żgurata, fl-Unjoni kollha, protezzjoni qawwija u konsistenti ta’ investituri u ta’ kredituri, dan l-interess ma jistax jitqies bħala li jipprevali fiċ-ċirkustanzi kollha fuq l-interess ġenerali li jikkonsisti f’li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema bankarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2016, Dowling et, C‑41/15, EU:C:2016:836, punt 54, kif ukoll tal‑5 ta’ Mejju 2022, Banco Santander (Riżoluzzjoni bankarja Banco Popular), C‑410/20, EU:C:2022:351, punt 36).

    143    Issa, kif ġie kkonstatat fil-punt 120 ta’ din is-sentenza, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni u r-rikonoxximent tal-effetti tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, kif jirriżultaw mid-Direttiva 2001/24, jissodisfaw għan ta’ interess ġenerali mfittex mill-Unjoni, jiġifieri dak li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema bankarja, kif ukoll dak li jiġi evitat riskju sistemiku.

    144    F’dan il-każ, ir-rikonoxximent tal-effetti tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni fl-Istat Membru ospitanti, kif jirriżulta mid-Direttiva 2001/24, jimplika ż-żamma fil-patrimonju ta’ BES tar-responsabbiltà u tal-perikoli marbuta mal-applikazzjoni ta’ interessi eċċessivi għall-perijodu ta’ applikazzjoni tal-kuntratt ta’ self ipotekarju li seħħ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tax-xahar ta’ Awwissu 2014. Issa, il-protezzjoni tal-konsumatur kontra l-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi ma’ bejjiegħ jew fornitur, kif tirriżulta mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, ma tistax testendi sal-punt li tinjora t-tqassim tar-responsabbiltajiet patrimonjali bejn l-istituzzjoni ta’ kreditu li qiegħda tfalli u l-bank tranżitorju, kif dan it-tqassim ġie stabbilit fil-miżuri ta’ riorganizzazzjoni adottati mill-Istat Membru ta’ oriġini.

    145    Fil-fatt, kieku l-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 93/13 kellha tawtorizza lil kull konsumatur tal-Istat Membru ospitanti, kreditur tal-istituzzjoni ta’ kreditu li tkun qiegħda tfalli, sabiex jopponi r-rikonoxximent tal-miżuri li permezz tagħhom it-tqassim tar-responsabbiltajiet patrimonjali bejnu u l-bank tranżitorju jkun ġie deċiż mill-Istat Membru ta’ oriġini, l-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi ta’ dan l-Istat Membru, li l-għan tiegħu huwa li jiggarantixxi l-protezzjoni tal-istabbiltà tas-sistema bankarja, jirriskja li jiċċaħħad mill-effett utli fl-Istati Membri kollha li fihom l-istituzzjoni ta’ kreditu li tkun qiegħda tfalli jkollha fergħat.

    146    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, fid-dawl, minn naħa, tal-għan imfittex minn dawn il-miżuri kif ukoll tar-rikonoxximent tal-effetti tagħhom fl-Istati Membri l-oħra, li jikkonsisti f’li jiġi evitat li, fid-dawl tal-integrazzjoni qawwija tas-swieq bankarji fl-Unjoni, il-falliment ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jista’ jwassal, indirettament, għal danni ta’ natura sistematika li jaffettwaw l-istabbiltà ta’ dawn is-swieq u, b’mod iktar ġenerali, dik tas-suq intern tal-Unjoni, kif ukoll, min-naħa l-oħra, mill-eżistenza, f’dan il-każ, ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni adottati mill-awtorità Portugiża kompetenti fir-rigward ta’ BES, din il-kawża hija nettament differenti minn dik li tat lok għas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980).

    147    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda fil-Kawżi C‑498/22 u C‑499/22 kif ukoll għat-tieni domanda fil-Kawża C‑500/22 għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri fid-dawl tal-Artikolu 38 tal-Karta, kif ukoll l-Artikolu 17 ta’ din il-Karta u l-prinċipju ta’ ċertezza legali għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux, bħala prinċipju, ir-rikonoxximent, fl-Istat Membru ospitanti, tal-effetti ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni adottati fl-Istat Membru ta’ oriġini skont id-Direttiva 2001/24, li tipprevedi l-ħolqien ta’ bank tranżitorju u ż-żamma tal-passiv tal-istituzzjoni ta’ kreditu li kien is-suġġett ta’ dawn il-miżuri tal-obbligu li jħallas is-somom dovuti abbażi ta’ responsabbiltà prekuntrattwali jew kuntrattwali.

     Fuq lispejjeż

    148    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir‑Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      L-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal4 ta’ April 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l‑istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 21(2) u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-prinċipju ta’ ċertezza legali,

    għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

    ma jipprekludux, fl-assenza tal-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, ir-rikonoxximent, minn qorti ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini, tal-effetti ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni adottata, qabel it-tressiq tal-kawża quddiem din il-qorti, fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ kreditu u li għaddiet parzjalment l-obbligi u r-responsabbiltajiet ta’ din tal-aħħar lil bank tranżitorju.

    2)      L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24, moqri fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali,

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    individwi ma jistgħux jużaw il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi fir-rigward ta’ bank tranżitorju, organu tad-dritt privat li ma għandu l-ebda setgħa speċjali tad-dritt komuni, maħluq fil-kuntest ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li inizjalment kienu l-klijenti tiegħu sabiex jinvolvu r-responsabbiltà ta’ dan il-bank tranżitorju bis-saħħa ta’ obbligi prekuntrattwali u kuntrattwali marbuta mal-kuntratti preċedentement konklużi ma’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu. Is-sempliċi fatt li l-imsemmija istituzzjoni ta’ kreditu kienet ikkontrollata temporanjament minn awtorità pubblika, fid-dawl tal-privatizzazzjoni tagħha, ma jistax jagħmel l-istess istituzzjoni ta’ kreditu, li topera fis-suq kompetittiv tas-servizzi bankarji u finanzjarji, awtorità amministrattiva nazzjonali.

    3)      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqri fid-dawl tal-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif ukoll l-Artikolu 17 ta’ din il-Karta u l-prinċipju ta’ ċertezza legali,

    għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

    ma jipprekludux, bħala prinċipju, ir-rikonoxximent, fl-Istat Membru ospitanti, tal-effetti ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni adottati fl-Istat Membru ta’ oriġini skont id-Direttiva 2001/24, li tipprevedi l-ħolqien ta’ bank tranżitorju u ż-żamma tal-passiv tal-istituzzjoni ta’ kreditu li kien is-suġġett ta’ dawn il-miżuri tal-obbligu li jħallas is-somom dovuti abbażi ta’ responsabbiltà prekuntrattwali jew kuntrattwali.

    Firem


    *      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top