This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CJ0141
Judgment of the Court (Seventh Chamber) of 25 May 2023.#TLL The Longevity Labs GmbH v Optimize Health Solutions mi GmbH and BM.#Request for a preliminary ruling from the Landesgericht für Zivilrechtssachen Graz.#Reference for a preliminary ruling – Food safety – Novel food – Regulation (EU) 2015/2283 – Sprouted buckwheat flour with a high spermidine content – Germination of buckwheat seeds in a nutrient solution containing spermidine.#Case C-141/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-25 ta’ Mejju 2023.
TLL The Longevity Labs GmbH vs Optimize Health Solutions mi GmbH u BM.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landesgericht für Zivilrechtssachen Graz.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà tal-ikel – Ikel ġdid – Regolament (UE) 2015/2283 – Dqiq tal-qamħ saraċin imnibbet, b’kontenut għoli ta’ spermidina – Ġerminazzjoni ta’ żerriegħa tal-qamħ saraċin f’soluzzjoni nutrittiva li fiha l-ispermidina.
Kawża C-141/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-25 ta’ Mejju 2023.
TLL The Longevity Labs GmbH vs Optimize Health Solutions mi GmbH u BM.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landesgericht für Zivilrechtssachen Graz.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà tal-ikel – Ikel ġdid – Regolament (UE) 2015/2283 – Dqiq tal-qamħ saraċin imnibbet, b’kontenut għoli ta’ spermidina – Ġerminazzjoni ta’ żerriegħa tal-qamħ saraċin f’soluzzjoni nutrittiva li fiha l-ispermidina.
Kawża C-141/22.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:428
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
25 ta’ Mejju 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà tal-ikel – Ikel ġdid – Regolament (UE) 2015/2283 – Dqiq tal-qamħ saraċin imnibbet, b’kontenut għoli ta’ spermidina – Ġerminazzjoni ta’ żerriegħa tal-qamħ saraċin f’soluzzjoni nutrittiva li fiha l-ispermidina”
Fil-Kawża C‑141/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Landesgericht für Zivilrechtssachen Graz (il-Qorti Reġjonali għal Kwistjonijiet Ċivili ta’ Graz, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Frar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Frar 2022, fil-proċedura
TLL The Longevity Labs GmbH
vs
Optimize Health Solutions mi GmbH,
BM,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen u J. Passer (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal TLL The Longevity Labs GmbH, minn J. Hütthaler-Brandauer, Rechtsanwalt, |
– |
għal Optimize Health Solutions mi GmbH, minn M. Kasper, Rechtsanwalt, |
– |
għal BM, minn M. Grube u M. Kasper, Rechtsanwälte, |
– |
għall-Gvern Elleniku, minn K. Konsta u E. Leftheriotou, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u B. Rous Demiri, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Jannar 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2)(a)(iv) u (vii) tar-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (ĠU 2015, L 327, p. 1), u tal-Artikolu 2(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463, rettifika fil-ĠU 2014, L 327, p. 9 u fil-ĠU 2016, L 227, p. 5). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, TLL The Longevity Labs GmbH (iktar ’il quddiem “TLL”) u, min-naħa l-oħra, Optimize Health Solutions mi GmbH (iktar ’il quddiem “Optimize Health”) u l-amministratur tagħha BM, dwar allegazzjonijiet ta’ atti ta’ kompetizzjoni żleali. |
Il‑kuntest ġuridiku
Ir‑Regolament Nru 178/2002
3 |
L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 178/2002, intitolat “Definizzjoni ta’ ‘ikel’”, huwa fformulat kif ġej: “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘ikel’ (jew ‘oġġetti ta’ l-ikel’) tfisser kull sustanza jew prodott, sew jekk ipproċessat, parzjalment ipproċessat jew mhux ipproċessat, maħsub li jkun, jew raġonevolment mistenni li jittiekel mill-bniedem. ‘Ikel’ tinkludi xorb, chewing gum u kull sustanza oħra, inkluż ilma, intenzjonalment inkorporati fl-ikel matul il-manifattura tiegħu, tħejjija jew trattament. […] ‘Ikel’ m’għandux jinkludi: […] (ċ) pjanti qabel il-ħsad; […]” |
Ir‑Regolament 2015/2283
4 |
Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament 2015/2283, intitolat “Definizzjonijiet”: “2. Għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]” |
5 |
L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat”, jipprovdi: “1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u taġġorna lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat biex jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni skont l-Artikoli 7, 8 u 9 (“il-lista tal-Unjoni”). 2. Huwa biss ikel ġdid awtorizzat u inkluż fil-lista tal-Unjoni li jista’ jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni bħala tali, jew jintuża f’ikel jew fuq ikel, skont il-kundizzjonijiet ta’ użu u r-rekwiżiti ta’ tikkettar speċifikati fiha.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
6 |
TLL u Optimize Health huma impriżi kompetituri li jikkummerċjalizzaw supplimenti tal-ikel. Optimize Health tipproduċi suppliment tal-ikel li fih id-dqiq tal-qamħ saraċin imnibbet b’kontenut għoli ta’ spermidina (iktar ’il quddiem il-“prodott inkwistjoni”). L-ispermidina hija polimeru bijoġeniku fiċ-ċelloli tal-organiżmi kollha, f’konċentrazzjonijiet li jvarjaw. Il-prodott inkwistjoni ma għandux awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea bħala ikel ġdid skont ir-Regolament 2015/2283. Il-produzzjoni tiegħu jirriżulta minn proċess li permezz tiegħu ssir il-ġerminazzjoni taż-żerriegħa tal-qamħ saraċin f’soluzzjoni li jkun fiha l-ispermidina sintetika sabiex b’hekk jinkisbu nebbieta. Wara l-ħsad, in-nebbieta jinħaslu bl-ilma, jitnixxfu u jintaħnu sabiex jinkiseb id-dqiq, abbażi ta’ proċess li ma jipproduċix iktar nebbieta milli juża żerriegħa. |
7 |
TLL tipproduċi prodotti tal-ikel b’kontenut għoli ta’ spermidina, iżda permezz ta’ proċess differenti, li jikkonsisti fl-estrazzjoni tal-ispermidina mis-sufara tal-qamħ mhux iġġerminat. TLL adixxiet lill-qorti tar-rinviju sabiex tipprojbixxi lil Optimize Health mid-distribuzzjoni tal-prodott inkwistjoni, billi tallega li dan jikkostitwixxi ikel ġdid li għandu, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament 2015/2283, ikun awtorizzat u inkluż fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid awtorizzat. Skont TLL, bit-tqegħid fis-suq tal-Unjoni tal-prodott inkwistjoni mingħajr awtorizzazzjoni u mingħajr l-inklużjoni ta’ dan il-prodott fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid awtorizzat, Optimize Health wettqet atti ta’ kompetizzjoni żleali. |
8 |
Optimize Health tirribatti, essenzjalment, li l-prodott inkwistjoni ma jikkostitwixxix ikel ġdid. Qabelxejn, il-ġerminazzjoni tikkorrispondi għal stadju tal-produzzjoni primarja fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 Dwar l-iġjene ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 319). Sussegwentement, peress li pjanta ma hijiex prodott tal-ikel qabel il-ħsad tagħha skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 178/2002, ir-Regolament 2015/2283 huwa inapplikabbli. Fl-aħħar nett, l-ispermidina hija disponibbli fl-Unjoni għal iktar minn ħamsa u għoxrin sena. |
9 |
Huwa f’dan il-kuntest li l-Landesgericht für Zivilrechtssachen Graz (il-Qorti Reġjonali għal Kwistjonijiet Ċivili ta’ Graz) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq it‑talbiet għal ftuħ mill‑ġdid tal‑fażi orali tal‑proċedura
10 |
Permezz ta’ ittri ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 u fid‑29 ta’ Marzu 2023, rispettivament, Optimize Health u BM talbu l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’applikazzjoni tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, billi sostnew, essenzjalment, li ħarġu fatti ġodda wara deċiżjoni tal-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija) tal‑14 ta’ Marzu 2023, li fiha din il-qorti ddikjarat, fir-rigward tad-dqiq tas-saraċin imnibbet b’kontenut għoli ta’ spermidina, li TLL bdiet proċedura konsultattiva għal prodott paragunabbli imma fittizzju, b’tali mod li din il-proċedura hija żviluppata sew. Issa, il-Kummissjoni u l-Gvern Grieg ibbażaw ruħhom fuq l-imsemmija proċedura fl-osservazzjonijiet bil-miktub u l-Avukat Ġenerali, fil-konklużjonijiet tiegħu, semma komunikazzjoni tar-Repubblika tal-Awstrija lill-Kummissjoni dwar l-istess proċedura. |
11 |
Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑27 ta’ April 2023, Optimize Health ippreżentat talba ġdida għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’applikazzjoni tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, billi sostniet, essenzjalment, il-ħruġ ta’ fatti ġodda rilevanti wara digriet tal-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna) tat‑30 ta’ Marzu 2023, li fih din il-qorti ddikjarat, fir-rigward ta’ prodott kważi identiku għall-prodott inkwistjoni, li dan ma jistax jitqies li huwa ikel ġdid. |
12 |
Fir-rigward tal-komunikazzjoni tar-Repubblika tal-Awstrija lill-Kummissjoni, għandu jiġi osservat, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, li ma hijiex ta’ natura li taffettwa r-riżultat tar-rinviju, peress li l-qorti tar-rinviju ma setgħetx teħodha inkunsiderazzjoni għall-finijiet tat-talba tagħha. |
13 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-partijiet, li jressqu osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 37). |
14 |
Ċertament, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi kwalunkwe mument, wara li jkun instema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ jew il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk hija tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma jkunx ġie ttrattat mill-partijiet ikkonċernati. |
15 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, tqis li t-talbiet għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura li hija ġiet adita bihom ma jindikaw l-ebda fatt ġdid ta’ natura li jista’ jinfluwenza d-deċiżjoni li hija mitluba tagħti f’din il-kawża u li hija għandha, f’dan il-każ, l-elementi kollha meħtieġa sabiex tkun tista’ twieġeb għad-domandi magħmula fil-kawża prinċipali. |
16 |
Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. |
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
17 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(2)(a)(iv) tar-Regolament 2015/2283 għandux jiġi interpretat fis-sens li prodott tal-ikel bħalma huwa dqiq tal-qamħ saraċin imnibbet b’kontenut għoli ta’ spermidina, li l-konsum tiegħu mill-bniedem kien negliġibbli fl-Unjoni qabel il‑15 ta’ Mejju 1997, jikkostitwixxi “ikel ġdid”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
18 |
Għandu jitfakkar li mill-Artikolu 3(2)(a)(iv) tar-Regolament 2015/2283 jirriżulta li l-prodotti tal-ikel kollha li l-konsum tagħhom kien negliġibbli fl-Unjoni qabel il‑15 ta’ Mejju 1997, jikkostitwixxu, bħala prinċipju, “ikel ġdid” fis-sens ta’ dan ir-regolament, jekk dawn il-prodotti tal-ikel “jikkonsist[u] minn pjanti jew mill-partijiet tagħhom, jew […] iżolat[i] minnhom jew prodott[i] minnhom.” Din id-dispożizzjoni tipprevedi madankollu li, bħala eċċezzjoni minn dan il-prinċipju, il-klassifikazzjoni ta’ “ikel ġdid” ma għandhiex tapplika għal dan it-tip ta’ prodott tal-ikel kompost jew prodott minn pjanti, sakemm ikunu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. Skont l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, l-ikel ikkonċernat għandu jkollu “storja ta’ użu sigur tal-ikel fi ħdan l-Unjoni”. It-tieni kundizzjoni teżiġi li dan l-ikel għandu “jikkonsisti minn pjanta jew varjetà tal-istess speċi, jew iżolat minnhom jew prodott minnhom, miksubin minn:
|
19 |
F’dan il-każ, jirriżulta, essenzjalment, mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-prodott inkwistjoni, li l-konsum tiegħu mill-bniedem kien negliġibbli fl-Unjoni qabel il‑15 ta’ Mejju 1997, huwa dqiq arrikkit bl-ispermidina, u li jinkiseb minn pjanta, is-saraċin, jiġifieri “pjanta”, fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a)(iv) tar-Regolament 2015/2283. In-nebbieta ta’ din il-pjanta, wara t-tnixxif u t-tħin, jintużaw għall-produzzjoni ta’ dan id-dqiq, b’tali mod li, fid-dawl ta’ dawn l-elementi u bla ħsara għall-verifiki tal-qorti tar-rinviju, il-prodott inkwistjoni għandu, bħala prinċipju, jitqies li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ikel ġdid”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
20 |
Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni li tippermetti, bla ħsara għaż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi mfakkra fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, l-esklużjoni ta’ prodott tal-ikel mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ ikel ġdid, hijiex applikabbli għal prodott bħal dak inkwistjoni. |
21 |
Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, dwar l-eżistenza ta’ “storja ta’ użu sigur tal-ikel fi ħdan l-Unjoni”, għandu jiġi kkonstatat li l-kontenut tagħha ma huwiex iddefinit mir-Regolament 2015/2283. Madankollu, l-Artikolu 3(2)(b) ta’ dan ir-regolament jispeċifika, fir-rigward tal-kunċett ta’ “storja ta’ użu sigur bħala prodott tal-ikel f’pajjiż terz”, li dan japplika meta “s-sikurezza tal-ikel ikkonċernat ġiet ikkonfermata b’data ta’ kompożizzjoni u mill-esperjenza ta’ użu kontinwu għal mill-anqas 25 sena fid-dieta normali ta’ għadd sinifikanti ta’ persuni f’mhux inqas minn pajjiż terz wieħed.” |
22 |
Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kontenut tal-kunċett ta’ “storja ta’ użu sigur bħala prodott tal-ikel f’pajjiż terz”, kif iddefinit fl-Artikolu 3(2)(b) tal-imsemmi regolament, jista’ jiġi applikat għall-kunċett ta’ “storja ta’ użu sigur tal-ikel fi ħdan l-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a)(iv) tal-istess regolament. Fil-fatt, xejn ma jippermetti li jitqies li l-kunċett ta’ “storja ta’ użu sigur ta’ prodott tal-ikel” għandu jingħata interpretazzjoni differenti skont jekk jintużax b’riferiment għal pajjiż terz fil-kuntest tal-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament 2015/2283, jew b’riferiment għal pajjiż tal-Unjoni fil-kuntest tal-Artikolu 3(2)(a)(iv) ta’ dan ir-regolament. |
23 |
F’dan il-każ, bla ħsara għall-verifiki tal-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li s-sigurtà tal-prodott inkwistjoni ġiet ikkonfermata mid-data dwar il-kompożizzjoni tiegħu u mill-esperjenza li tista’ tinsilet mill-użu kontinwu tiegħu matul tal-inqas ħamsa u għoxrin sena fid-dieta normali ta’ għadd sinjifikattiv ta’ persuni f’tal-inqas pajjiż wieħed tal-Unjoni, b’tali mod li l-prodott inkwistjoni ma jissodisfax l-ewwel waħda miż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi meħtieġa sabiex dan jiġi eskluż mill-klassifikazzjoni ta’ ikel ġdid b’applikazzjoni tal-Artikolu 3(2)(a)(iv) tar-Regolament 2015/2283. |
24 |
Fid-dawl tan-natura kumulattiva tal-imsemmija kundizzjonijiet kif ukoll tal-konstatazzjoni mwettqa fil-punt preċedenti, ma huwiex neċessarju, bħala prinċipju, li l-qorti tar-rinviju teżamina t-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet. |
25 |
Madankollu, fil-każ li l-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-prodott inkwistjoni jissodisfa l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, għandu jitfakkar li t-tieni kundizzjoni teżiġi li l-prodotti tal-ikel ikkonċernati jkunu komposti minn pjanta jew jkunu prodotti minn pjanta permezz ta’ prattiki ta’ multiplikazzjoni li jew kienu jintużaw għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel fl-Unjoni qabel il‑15 ta’ Mejju 1997, jew ma kinux jintużaw għal dan il-għan qabel din id-data, f’liema każ huwa, barra minn hekk, meħtieġ li dawn il-prattiki ma jwasslux “għal bidliet sinifikanti fil-kompożizzjoni jew l-istruttura ta’ ikel, li jaffettwa il-valur nutrittiv tiegħu, il-metaboliżmu jew il-livell ta’ sustanzi mhux mixtieqa.” |
26 |
Kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandha ssir distinzjoni bejn il-prattiki ta’ multiplikazzjoni intiżi li jipproduċu pjanti ġodda permezz ta’ riproduzzjoni, u dawk il-proċeduri li jkopru l-proċess sħiħ ta’ produzzjoni ta’ prodott tal-ikel. |
27 |
Issa, mill-informazzjoni li tinsab fil-fajl ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-użu ta’ soluzzjoni milwiema għall-ġerminazzjoni tan-nebbieta tal-qamħ saraċin ma huwiex prattika ta’ multiplikazzjoni tal-pjanta fis-sens intiż fil-punt preċedenti, kif ukoll mill-Artikolu 3(2)(a)(iv) tar-Regolament 2015/2283, iżda proċedura ta’ produzzjoni għall-arrikkiment ta’ dawn in-nebbieta sabiex jinkiseb kontenut għoli ta’ spermidina. F’tali sitwazzjoni, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, tali proċess ta’ produzzjoni tkun irrilevanti għall-finijiet tal-eżami tat-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet kumulattivi. |
28 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(2)(a)(iv) tar-Regolament 2015/2283 għandu jiġi interpretat fis-sens li prodott tal-ikel bħalma huwa dqiq tal-qamħ saraċin imnibbet b’kontenut għoli ta’ spermidina, li l-konsum tiegħu mill-bniedem kien negliġibbli fl-Unjoni qabel il‑15 ta’ Mejju 1997, jikkostitwixxi “ikel ġdid”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li, l-ewwel, dan jinkiseb minn pjanta, it-tieni, ma jidhirx li s-sigurtà tiegħu ġiet ikkonfermata minn data dwar il-kompożizzjoni tiegħu u mill-esperjenza misluta mill-użu kontinwu tiegħu matul tal-inqas ħamsa u għoxrin sena fid-dieta normali ta’ għadd sinjifikattiv ta’ persuni f’tal-inqas pajjiż wieħed tal-Unjoni, u, it-tielet, fi kwalunkwe każ, dan ma jinkisibx minn prattika ta’ multiplikazzjoni, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. |
Fuq it‑tieni sal‑ħames domanda
29 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni sal-ħames domanda. |
Fuq l‑ispejjeż
30 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 3(2)(a)(iv) tar-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 |
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
prodott tal-ikel bħalma huwa dqiq tal-qamħ saraċin imnibbet b’kontenut għoli ta’ spermidina, li l-konsum tiegħu mill-bniedem kien negliġibbli fl-Unjoni Ewropea qabel il‑15 ta’ Mejju 1997, jikkostitwixxi “ikel ġdid”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li, l-ewwel, dan jinkiseb minn pjanta, it-tieni, ma jidhirx li s-sigurtà tiegħu ġiet ikkonfermata minn data dwar il-kompożizzjoni tiegħu u mill-esperjenza misluta mill-użu kontinwu tiegħu matul tal-inqas ħamsa u għoxrin sena fid-dieta normali ta’ għadd sinjifikattiv ta’ persuni f’tal-inqas pajjiż wieħed tal-Unjoni, u, it-tielet, fi kwalunkwe każ, dan ma jinkisibx minn prattika ta’ multiplikazzjoni, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.