Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0162

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fit-30 ta’ Marzu 2023.
A. G. vs Lietuvos Respublikos generalinė prokuratūra.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Telekomunikazzjonijiet – Ipproċessar ta’ data personali fis‑settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 15(1) – Data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet inkarigati mill-proċeduri kriminali – Użu ulterjuri ta’ din id-data waqt investigazzjoni dwar nuqqas amministrattiv.
Kawża C-162/22.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:266

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fit‑30 ta’ Marzu 2023 ( 1 )

Kawża C‑162/22

A. G.

fil-preżenza ta’:

Lietuvos Respublikos generalinė prokuratūra

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il‑Litwanja))

“Proċedura għal deċiżjoni preliminari — Telekomunikazzjoni — Ipproċessar ta’ data personali — Direttiva 2002/58/KE — Kamp ta’ applikazzjoni — Artikolu 15(1) — Aċċess għad-data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u miġbura fil-kuntest ta’ proċeduri istruttorji — Użu sussegwenti tad-data f’każ ta’ investigazzjoni dwar nuqqas ta’ servizz”

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, fil-qosor, jekk ċerta data personali miksuba matul investigazzjoni kriminali tistax tintuża, iktar tard, fi proċedura dixxiplinarja ta’ natura amministrattiva kontra uffiċjal pubbliku.

2.

Ir-risposta għal din id-domanda tagħti opportunità ġdida lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar il-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tad-Direttiva 2002/58/KE ( 2 ), minn naħa waħda, u tad-Direttiva (UE) 2016/680 ( 3 ) u tar-Regolament (UE) 2016/679 ( 4 ), min-naħa l-oħra.

3.

Fir-rigward tad-Direttiva 2002/58, il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet ġurisprudenza, diġà stabbilita, dwar il-każijiet u l-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi stabbiliti fihom ( 5 ).

I. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

1. Id‑Direttiva 2002/58

4.

L-Artikolu 1 (“Kamp ta’ applikazzjoni u mira”) jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva tipprevedi l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri meħtieġa biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza u l-kunfidenzjalità, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ tali data u tat-tagħmir u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jippartikularizzaw u jikkomplementaw id-Direttiva 95/46/KE [ ( 6 )] għall-iskopijiet imsemmija fil-paragrafu 1. Minbarra hekk, jipprovdu għall-ħarsien ta’ l-interessi leġittimi ta’ l-abbonati li huma persuni legali.

3.   Din id-Direttiva ma tgħoddx għal attivitajiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-[TFUE], bħal dawk koperti mit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea [TUE], u f’kull każ għal attivitajiet li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurta ta’ l-Istat (inkluż il-benessere ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet jirrigwardaw affarjiet ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat f’oqsma tal-liġi kriminali”.

5.

Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 5 (“Konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet”), jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u data dwar it-traffiku relatati permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, permezz ta’ liġijiet nazzjonali. Partikolarment għandhom jipprojbixxu s-smigħ, tapping, ħażna jew modi oħrajn ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti, mingħajr il-kunsens ta’ l-utenti konċernati, ħlief fejn legalment awtorizzati li jagħmlu dan skond l-Artikolu 15(1). Dan il-paragrafu m’għandux jipprevjeni l-ħażna teknika li hija meħtieġa biex tintbagħat komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-prinċijpju tal-kunfidenzjalità”.

6.

L-Artikolu 15 (“Applikazzjoni ta’ xi disposizzjonijet tad-Direttiva 95/46/KE”) jindika:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ [soċjetà] demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għarr-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-[TUE].

[…]

2.   Id-dispożizzjonijiet fil-Kaptilu III dwar rimedji ġudizzjarji, risponsabbilità u sanzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE għandhom jgħoddu firrigward ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u fir-rigward tad-drittijiet individwali derivati minn din id-Direttiva.

[…]”.

2. GDPR

7.

L-Artikolu 2 (“Kamp ta’ applikazzjoni materjali”) jistabbilixxi:

“1.   Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali:

a)

matul attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;

[…]

d)

mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika.

[…]”.

8.

L-Artikolu 5 (“Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”) jindika:

“1.   Id-data personali għandha:

[…]

b)

tinġabar għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet; f’konformità mal-Artikolu 89(1), l-ipproċessar ulterjuri għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta’ statistika ma għandux jitqies bħala inkompatibbli mal-finijiet inizjali (‘limitazzjoni tal-fini’);

[…]”.

9.

L-Artikolu 6 (“Legalità tal-ipproċessar”) jimponi:

“1.   L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

[…]

e)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

[…]

3.   Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:

a)

il-liġi tal-Unjoni, jew

b)

il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur.

[…]

4.   Fejn l-ipproċessar għal finijiet differenti minn dak li għalih id-data personali tkun inġabret ma jkunx ibbażat fuq il-kunsens tas-suġġett tad-data jew fuq liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika biex tissalvagwardja l-objettivi msemmija fl-Artikolu 23(1), il-kontrollur għandu, sabiex jaċċerta jekk l-ipproċessar għal fini ieħor huwiex kompatibbli mal-fini li għalih tkun inġabret id-data personali inizjalment, jieħu kont, fost l-oħrajn, ta’:

a)

kwalunkwe rabta bejn il-fini li għalih tkun inġabret id-data personali u l-fini tal-ipproċessar ulterjuri li jkun maħsub;

b)

il-kuntest li fih inġabret id-data personali, b’mod partikolari fir-rigward tar-relazzjoni bejn is-suġġetti tad-data u l-kontrollur;

c)

in-natura tad-data personali, b’mod partikolari jekk jiġux ipproċessati kategoriji speċjali ta’ data personali, skont l-Artikolu 9, jew jekk tiġix ipproċessata data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati, skont l-Artikolu 10;

d)

il-konsegwenzi possibbli għas-suġġetti tad-data tal-ipproċessar ulterjuri maħsub;

[…]”.

3. Id‑Direttiva 2016/680

10.

Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 1 (“Suġġett u objettivi”), jindika:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli rigward il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika”.

11.

Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 2 (“Kamp ta’ applikazzjoni”), jiddikjara:

“Din id-Direttiva tapplika għall-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1)”.

12.

L-Artikolu 4 (“Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”) jgħid:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li d-data personali tkun:

[…]

b)

miġbura għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u mhux ipproċessata b’mod li ma jkunx kompatibbli ma’ dawk il-finijiet;

[…]

2.   L-ipproċessar mill-istess kontrollur jew minn wieħed differenti għal kwalunkwe wieħed mill-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) minbarra dak li għalih tinġabar id-data personali għandu jkun permess sakemm:

a)

il-kontrollur ikun awtorizzat biex jipproċessa data personali bħal din għal dan il-fini skont il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru; u

b)

l-ipproċessar huwa meħtieġ u proporzjonat għal dak il-fini l-ieħor skont il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru.

[…]”.

13.

Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 9 (“Kundizzjonijiet speċifiċi għall-ipproċessar”), jistabbilixxi:

Data personali miġbura minn awtoritajiet kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) ma għandhiex tiġi pproċessata għal finijiet li mhumiex dawk stipulati fl-Artikolu 1(1) sakemm tali pproċessar ma jkunx awtorizzat mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru. Meta d-data personali tkun proċessata għal tali finijiet oħra, ir-Regolament (UE)2016/679 għandu japplika dment li l-ipproċessar ma jsirx f’attività li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni”.

B.   Id‑dritt nazzjonali

1. Il‑Lietuvos Respublikos elektroninių ryšių įstatymas ( 7 )

14.

L-Artikolu 65(2) jimponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika l-obbligu li jżommu d-data elenkata fl-Anness 1 tal-istess liġi u, jekk ikun il-każ, iqiegħduha għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti sabiex ikunu jistgħu jużawha fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja ( 8 ).

15.

Skont l-Artikolu 77(1), il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti informazzjoni li hija legalment fil-pussess tagħhom u li hija meħtieġa, b’mod partikolari, għall-prevenzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali.

16.

Skont l-Artikolu 77(4), jekk ikun hemm deċiżjoni motivata jew bażi legali oħra pprovduta mil-liġi, il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika għandhom jagħmlu teknikament possibbli, b’mod partikolari għal korpi ta’ investigazzjoni kriminali u korpi għall-proċedura istruttorja, skont il-modalitajiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-proċedura kriminali, il-kontroll tal-kontenut tal-komunikazzjonijiet imxandra min-netwerks ta’ komunikazzjoni elettronika.

2. Il‑Lietuvos Respublikos kriminalinės žvalgybos įstatymas ( 9 )

17.

Skont l-Artikolu 6(3), numru 1, jekk il-kundizzjonijiet ipprovduti mil-LIK stess ikunu sodisfatti u wara li tingħata awtorizzazzjoni minn qabel tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jew korp ġudizzjarju, il-korpi ta’ investigazzjoni kriminali ( 10 ) jistgħu jiġbru informazzjoni mingħand il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika.

18.

Skont l-Artikolu 8(1) u (3), il-korpi ta’ investigazzjoni kriminali għandhom jaġixxu malli tkun disponibbli informazzjoni dwar il-preparazzjoni jew it-twettiq ta’ reat kriminali serju ħafna, serju jew relattivament serju, billi jibdew immedjatament proċedura istruttorja kriminali jekk l-investigazzjoni tkun żvelat l-eżistenza ta’ reat kriminali.

19.

Skont l-Artikolu 19(1) numru 5, l-informazzjoni minn operazzjonijiet ta’ investigazzjoni kriminali tista’ tintuża fil-każijiet stabbiliti fil-paragrafi 3 u 4 tal-istess dispożizzjoni u f’każijiet oħra previsti mil-liġi.

20.

Skont l-Artikolu 19(3), l-informazzjoni relatata ma’ fatt li jippreżenta l-karatteristiċi ta’ reat relatat mal-korruzzjoni tista’ tiġi deklassifikata, bi qbil mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, u użata fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar ksur dixxiplinarji jew ta’ servizz.

3. Il‑Lietuvos Respublikos baudžiamojo proceso kodeksas ( 11 )

21.

Skont il-paragrafu (1) tal-Artikolu 154 (“Kontroll, reġistrazzjoni u żamma ta’ informazzjoni trażmessa permezz ta’ networks ta’ komunikazzjoni elettronika”), permezz ta’ deċiżjoni ta’ qorti istruttorja adottata fuq talba tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, investigatur jista’ jisma’, jirreġistra u jżomm il-konverżazzjonijiet imxandra fuq networks ta’ komunikazzjoni elettronika jekk ikun hemm raġunijiet biex wieħed jemmen li tista’ tinkiseb data dwar reat serju ħafna jew serju li jkun qiegħed jiġi ppreparat, imwettaq jew wara li jkun diġà twettaq, jew dwar ksur relattivament serju jew mhux serju.

22.

Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 177 (“Projbizzjoni tal-iżvelar tad-data tal-investigazzjoni preliminari”), id-data tal-proċedura istruttorja hija kunfidenzjali u, sar-reviżjoni ġudizzjarja tal-kawża, tista’ tiġi żvelata biss bl-awtorizzazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur u sal-punt li jirriżulta li huwa ġustifikabbli ( 12 ).

II. Il‑fatti, it‑tilwima u d‑domanda preliminari

23.

Il-Lietuvos Respublikos generalinė prokuratūra (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Litwanja; iktar ’il quddiem “Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali”) fetaħ investigazzjoni interna rigward l-azzjonijiet ta’ A.G., li dak iż-żmien kien prosekutur f’Apygardos prokuratūra (l-Uffiċċju tal-Prosekutur reġjonali), minħabba l-preżenza ta’ sinjali ta’ aġir illegali fl-eżerċizzju tal-kariga tiegħu.

24.

Il-Kummissjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ġenerali kkonkludiet li A.G. aġixxa b’mod illegali fl-eżerċizzju tal-kariga tiegħu, u pproponiet li tiġi imposta fuqu s-sanzjoni dixxiplinarja ta’ separazzjoni mis-servizz.

25.

Dan l-aġir kien akkreditat abbażi tal-informazzjoni, miksuba fil-proċess tal-fajl amministrattiv, derivata mill-azzjonijiet tas-servizzi ta’ informazzjoni kriminali, mill-ispjegazzjonijiet ta’ uffiċjali oħra u tar-rikorrent, kif ukoll mill-konklużjonijiet ta’ żewġ investigazzjonijiet preliminari.

26.

B’mod konkret, kienu saru komunikazzjonijiet bit-telefon bejn A.G. u l-avukat ta’ persuna suspettata, fil-kuntest ta’ investigazzjoni preliminari pproċessata minn A.G., fir-rigward ta’ kawżi li fihom dan l-avukat kien aġixxa bħala avukat difensur ( 13 ).

27.

Is-sorveljanza u r-reġistrazzjoni tal-informazzjoni trażmessa permezz ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni elettronika kienu ġew awtorizzati permezz ta’ sentenzi.

28.

Il-Prosekutur Ġenerali impona s-sanzjoni ta’ separazzjoni mis-servizz fuq A.G., li kkontestaha quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja), u talab l-annullament tagħha.

29.

Ir-rikors tiegħu ġie miċħud permezz ta’ sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2021, fejn il-qorti tal-ewwel istanza kkonstatat li l-azzjonijiet tas-servizzi ta’ informazzjoni kriminali kienu legali, kif ukoll l-użu, matul il-proċeduri dixxiplinarji, tad-data miksuba minn dawn is-servizzi.

30.

A.G. appella mis-sentenza tal-ewwel istanza quddiem il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja), li tagħmel din id-domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE […], moqri flimkien mal-Artikoli 7, 8 u 11 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [il-Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti milli jużaw data, miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, li tista’ tipprovdi informazzjoni dwar il-komunikazzjoni mwettqa minn utent ta’ mezz ta’ komunikazzjoni elettronika, f’investigazzjonijiet dwar aġir illegali fil-kariga relatat mal-korruzzjoni, indipendentement mill-punt jekk l-aċċess għal din id-data ngħatax fil-każ inkwistjoni għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni tat-theddid serju kontra s-sigurtà pubblika?”

III. Il‑proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

31.

It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Marzu 2022.

32.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn A.G., mill-Gvern Ċek, mill-Gvern Estonjan, mill-Gvern Ungeriż, mill-Gvern Irlandiż, mill-Gvern Taljan u mill-Gvern Litwan, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

33.

Fis-seduta pubblika, li saret fit‑2 ta’ Frar 2023, dehru A.G., il-Gvern Franċiż, il-Gvern Ungeriż, il-Gvern Irlandiż u l-Gvern Litwan, kif ukoll il-Kummissjoni.

IV. Analiżi

A.   Ammissibbiltà. Delimitazzjoni tar‑risposta għad‑domanda preliminari

34.

Il-qorti tar-rinviju hija qorti amministrattiva, kompetenti sabiex twettaq stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet li huma amministrattivi wkoll. Din hija n-natura tad-deċiżjoni meħuda mill-Prosekutur Ġenerali, li impona sanzjoni ta’ revoka mis-servizz fuq uffiċjal mill-uffiċċju ta’ prosekutur territorjali, għal atti li jikkostitwixxu nuqqas ta’ servizz.

35.

Għalhekk, is-suġġett tal-kawża prinċipali ma humiex deċiżjonijiet tal-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ natura kriminali. Anki meta dawn id-deċiżjonijiet jeżistu flimkien mal-proċedura amministrattiva (dixxiplinarja) li wasslet għar-revoka tal-kariga ( 14 ), huwa importanti li wieħed jenfasizza li t-tilwima tikkonċerna biss dak li għandu x’jaqsam mar-revoka msemmija l-aħħar.

36.

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, fid-deċiżjoni tar-rinviju hija rrilevata ċerta impreċiżjoni fir-rigward tal-fatti tal-kawża, li jagħtu indikazzjoni tal-kuntest li fih issir id-domanda preliminari.

37.

Kif ġie kkonstatat mill-Gvern Ċek u mill-Kummissjoni, ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit b’ċertezza, mid-digriet tar-rinviju, jekk l-awtoritajiet kompetenti: a) avviċinawx lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika sabiex jiksbu d-data inkwistjoni; jew b) jekk kisbux din id-data, direttament, waħedhom.

38.

Il-kwistjoni ma hi bl-ebda mod minuri. Minnha tiddependi l-identifikazzjoni ta’ liema leġiżlazzjoni tal-Unjoni hija rilevanti sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari. Skont jekk l-avvenimenti seħħewx b’mod jew ieħor, għandha tiġi applikata:

Id-Direttiva 2002/58, jekk id-data miksuba hija r-riżultat ta’ obbligu ta’ pproċessar impost fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika; jew

Id-Direttiva 2016/680, jekk id-data nkisbet direttament mill-awtorità pubblika, mingħajr ma ġew imposti obbligi fuq il-fornituri.

39.

Fil-każ tat-tieni ipoteżi, il-protezzjoni tad-data personali tkun irregolata mid-dritt nazzjonali, bla ħsara għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680 ( 15 ). Konsegwentement, peress li d-domanda preliminari rreferiet għad-Direttiva 2002/58 l-approċċ tagħha ma huwiex xieraq.

40.

Il-Gvern Ungeriż, konvint li d-data personali inkisbet permezz ta’ operazzjonijiet ta’ interċettazzjoni telefonika mwettqa mis-servizzi ta’ informazzjoni kriminali, jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, peress li d-Direttiva 2002/58 għalhekk ma hijiex applikabbli.

41.

Madankollu, skont il-Kummissjoni,

tapplika d-Direttiva 2016/680 sa fejn, għal investigazzjoni sussegwenti, tintuża data personali miġbura u maħżuna direttament mill-awtoritajiet fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali preċedenti;

tkun tapplika d-Direttiva 2002/58 jekk, kif stabbiliet il-qorti tar-rinviju ( 16 ), mill-inqas, xi data kellha tinġabar u tinżamm bis-saħħa ta’ regola nazzjonali adottata b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(1) tagħha. Id-Direttiva 2002/58 għalhekk tkun rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima.

42.

Jiena naqbel ma’ dan l-approċċ tal-Kummissjoni, li, barra minn hekk, huwa l-uniku wieħed li jippermetti li jiġu megħluba d-dubji (ġustifikati) mqajma mid-deċiżjoni tar-rinviju fir-rigward tal-ammissibbiltà tagħha.

43.

Jekk id-domanda preliminari tiġi interpretata b’dan il-mod, ir-rilevanza tad-Direttiva 2002/58 għar-risposta tagħha:

tirriżulta mill-preżunzjoni inerenti fi kwalunkwe talba għal deċiżjoni preliminari, fir-rigward tal-bżonn li din issir, li hija responsabbiltà tal-qorti li tagħmilha ( 17 ).

Tista’ tiġi aċċettata sa fejn, fir-rigward ta’ din id-Direttiva 2002/58 biss, li l-qorti tqis li hija essenzjali għas-soluzzjoni tat-tilwima, tintalab l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 18 ).

44.

Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, fil-kawża li għandha tiddeċiedi huma rilevanti dawn li ġejjin:

“i)

l-aċċess għad-data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, mhux biss għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni tat-theddid serju kontra s-sigurtà pubblika, u

ii)

l-użu tad-data miżmuma li tkun inkisbet għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni tat-theddid serju kontra s-sigurtà pubblika meta jiġi investigat aġir illegali fil-kariga relatat mal-korruzzjoni” ( 19 ).

45.

Kollox jidher li jindika, għalhekk, li indipendentement mill-konkorrenza possibbli ta’ data personali li jista’ jkun li l-ipproċessar tagħha ma jiġix inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58 (iżda f’dak tad-Direttiva 2016/680), l-investigazzjoni li wasslet għas-sanzjoni imposta, użat data personali miġbura minn fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika.

46.

Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun limitata għat-talba tal-qorti tar-rinviju kif imressqa. Għalhekk, għandha tiċċara jekk id-data personali miksuba u pproċessata taħt l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali tistax sussegwentement tintuża fi proċedura ta’ investigazzjoni (amministrattiva) ta’ natura dixxiplinarja kontra uffiċjal pubbliku.

47.

B’din id-delimitazzjoni tat-termini tat-talba għal deċiżjoni preliminari, l-oppost ta’ dan li għadu kif intqal huwa li tħallew barra minnha l-kwistjonijiet li ġejjin:

L-ewwel, dawk li jirrigwardaw il-legalità tal-kisba inizjali tad-data personali taħt l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58. Id-domanda tal-qorti tar-rinviju hija limitata għall-użu sussegwenti ta’ din id-data fil-proċedura dixxiplinarja, mingħajr ma tiġi kkontestata l-legalità tal-kisba oriġinali tagħha ( 20 ).

It-tieni, dawk relatati mal-użu ta’ data miksuba u pproċessata direttament mill-awtoritajiet pubbliċi fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet kriminali preċedenti. Dwar dan il-punt, li s-suġġett tiegħu jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali u tad-Direttiva 2016/680, il-qorti tar-rinviju lanqas tagħmel domandi.

48.

Fil-qosor, il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin f’dak li jirrigwarda l-mertu ser ikollhom ma jikkunsidrawx l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2016/680 ( 21 ). Dawn għandhom ikunu limitati, fir-rigward tad-Direttiva 2002/58, għall-użu ta’ data personali miksuba fil-kuntest tagħha permezz ta’ pproċessar li l-legalità inizjali tiegħu għandha titqies bħala fatt, sal-punt li ma tiġix diskussa f’din il-kawża.

B.   Fuq il‑mertu

1. Rikapitulazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-applikazzjoni tad‑Direttiva 2002/58

49.

Mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżura li tidderoga mill-prinċipju ta’ kunfidenzjalità stabbilit fl-Artikolu 5(1) tal-istess direttiva, meta din tkun “neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika” u hija “strettament” proporzjonali mal-għan li għandu jintlaħaq ( 22 ).

50.

B’mod partikolari, il-possibbiltà li l-Istati Membri jiġġustifikaw limitazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58 għandha tkun evalwata billi titqies il-gravità tal-indħil li tali limitazzjoni ġġib magħha u billi jiġi vverifikat li l‑importanza tal-għan ġenerali li għandu jintlaħaq minn din il‑limitazzjoni hija proporzjonata ma’ din il-gravità ( 23 ).

51.

“Sabiex tissodisfa r-rekwiżit ta’ proporzjonalità, leġiżlazzjoni għandha tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni u li jimponu minimu ta’ rekwiżiti, b’tali mod li l‑persuni, li tagħhom tkun inżammet id-data, ikollhom garanziji suffiċjenti li jippermettu li din id-data tiġi protetta b’mod effettiv kontra r‑riskji ta’ abbuż. Din il-leġiżlazzjoni għandha tkun legalment vinkolanti fid-dritt intern u, b’mod partikolari, hija għandha tindika f’liema ċirkustanzi u taħt liema kundizzjonijiet tista’ tittieħed miżura li tipprevedi l-ipproċessar ta’ tali data […]” ( 24 ).

52.

Fir-rigward tal-għanijiet ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw miżura meħuda abbażi tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, b’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, teżisti ġerarkija bejn dawn l-għanijiet, skont l-importanza rispettiva tagħhom: l-importanza tal-għan intiż minn tali miżura għandha tkun f’relazzjoni mal-gravità tal-indħil ( 25 ).

53.

F’din il-ġerarkija ta’ għanijiet, is-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, interpretata fid-dawl tal-Artikolu 4(2) TUE, tmur lil hinn minn dik tal-għanijiet l-oħra msemmija fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, jiġifieri d-difiża, is-sigurtà pubblika jew il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati jew l-użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika. L-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità b’mod ġenerali, anki dik serja, u ta’ salvagwardja tas-sigurtà pubblika jaqa’ taħt din it-tieni kategorija ( 26 ).

54.

Minn din il-kategorizzazzjoni tal-għanijiet jista’ jiġi dedott li:

L-għan tad-difiża tas-sigurtà nazzjonali, l-ewwel wieħed fl-ordni ġerarkika indikata mill-Qorti tal-Ġustizzja, jikkonsenti għal indħil ta’ livell ta’ gravità daqs dawk irrappreżentati minn miżuri leġiżlattivi li jagħmluha possibbli li jiġi impost fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika l-obbligu ta’ żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni ( 27 ).

L-għan ta’ warajh bħala importanza, jiġifieri l-ġlieda kontra l-kriminalità serja, jista’ jiġġustifika indħil bħal, pereżempju, iż-żamma mmirata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni jew tal-indirizzi IP assenjati lis-sors ta’ konnessjoni, għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju ( 28 ).

2. L‑applikazzjoni ta’ din il‑ġurisprudenza għal din it‑talba għal deċiżjoni preliminari

55.

Skont il-qorti tar-rinviju, id-data kkontestata nkisbet permezz ta’ ndħil serju fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta ( 29 ).

56.

Hawnhekk, nirrepeti, ma huwiex il-każ li tiġi eżaminata l-legalità inizjali tal-kisba ta’ din id-data, jiġifieri li jiġi evalwat jekk l-indħil kienx iġġustifikat biżżejjed minħabba l-gravità tar-reat li saret l-azzjoni kontrih.

57.

Dwar iż-żewġ punti (il-gravità tal-indħil u l-gravità tar-reat) il-qorti tar-rinviju ddeċidiet f’termini li ma humiex diskussi fil-kawża prinċipali u, għalhekk, dawn ma humiex rilevanti għat-talba għal deċiżjoni preliminari.

58.

Dak li huwa importanti f’dan il-każ, fi kliem il-qorti tar-rinviju, huwa li jiġi ddeterminat jekk dik id-data: a) tistax tintuża wkoll f’investigazzjonijiet sussegwenti li l-għan tagħhom huwa l-ġlieda kontra l-kriminalità b’mod ġenerali (jekk wieħed jassumi li l-aġir li huwa s-suġġett tas-sanzjoni dixxiplinarja kkontestata jaqa’ taħt dan il-kunċett); jew b) tistax tintuża biss fl-investigazzjonijiet intiżi għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja.

59.

Il-Gvern Ċek u l-Gvern Irlandiż eżaminaw jekk l-aġir li tressaq quddiem il-qorti tar-rinviju jistħoqqlux jew le li jiġi kkunsidrat bħala “reat serju” u kkonkludew fl-affermattiv.

60.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan huwa punt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għalfejn tiddeċiedi dwaru, peress li l-klassifikazzjoni tal-aġir hija r-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju.

61.

Il-qorti tar-rinviju tgħid li, jekk l-użu tad-data miksuba permezz ta’ indħil serju fid-drittijiet fundamentali jista’ jiġi ġġustifikat biss fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni ta’ theddid serju għas-sigurtà pubblika, tali data ma tistax tintuża f’investigazzjonijiet ta’ reati dixxiplinarji relatati mal-korruzzjoni ( 30 ). Jiġifieri f’investigazzjonijiet bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża.

62.

Fuq il-bażi ta’ din l-evalwazzjoni, l-importanti huwa li jiġi ddeterminat jekk il-ksur dixxiplinarju li hemm il-ħsieb li tintuża data personali partikolari għall-prosekuzzjoni tiegħu għandhomx ikunu kwalitattivament ekwivalenti, f’termini tal-gravità tagħhom, għall-ksur li ġġustifika l-kisba ta’ tali data ( 31 ).

63.

Waqt is-seduta, il-Gvern Litwan irrikonoxxa li r-revoka tal-kariga kienet ġiet imposta minħabba nuqqas deontoloġiku tal-prosekutur issanzjonat. L-evalwazzjoni ta’ jekk dan in-nuqqas (ir-rivelazzjoni ta’ informazzjoni dwar investigazzjoni preliminari) jistax jitqies bħala reat kriminali serju jew jinvolvix riskju serju għas-salvagwardja tas-sigurtà pubblika tiddependi minn għadd ta’ fatturi li l-qorti tar-rinviju biss tinsab f’pożizzjoni li tivverifika ( 32 ).

64.

Matul is-seduta saru bosta referenzi għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, bħala fenomenu sottostanti ta’ aġir bħal dak inkwistjoni hawnhekk. Id-dibattitu dwar dan il-punt jeħtieġ ħafna kjarifiki, għall-fini tar-rigorożità meħtieġa fil-manifestazzjonijiet kollha tas-setgħa punittiva tal-Istat. Pereżempju, ikun meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk it-terminu “korruzzjoni” jintużax f’sens ġeneriku jew jirreferix għal tip ta’ aġir speċifiku li, b’mod astratt, forsi jkun eċċessiv li jiġi inkluż sempliċi ksur tad-dmir ta’ segretezza jekk dan ma jkunx akkumpanjat minn vantaġġ korrelattiv favur l-uffiċjal ( 33 ).

65.

Fi kwalunkwe każ, jekk il-qorti tar-rinviju tqis li l-ksur deontoloġiku ssanzjonat hawnhekk huwa inqas serju mir-reat kriminali li l-investigazzjoni tiegħu ġġustifikat il-miżura adottata taħt l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58, ir-risposta għad-domanda preliminari tagħha tista’ tiġi dedotta minn dawn id-dikjarazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja:

“[L]-aċċess għal data dwar it-traffiku u għal data dwar il-lokalizzazzjoni miżmuma minn fornituri skont miżura meħuda skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, li għandu jitwettaq b’osservanza sħiħa tal-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza li interpretat id-Direttiva 2002/58, bħala prinċipju jista’ jiġi ġġustifikat biss mill-għan ta’ interess ġenerali li għalih din iż-żamma ġiet imposta fuq dawn il-fornituri. Ikun differenti biss jekk l-importanza tal-għan intiż mill-aċċess hija ikbar minn dik tal-għan li ġġustifika ż-żamma” ( 34 ).

“[B]’mod partikolari, […] li aċċess għal tali data għal finijiet ta’ prosekuzzjoni u sanzjoni ta’ reat kriminali ordinarju fl-ebda każ ma għandu jingħata meta ż-żamma tagħha ġiet iġġustifikata bil-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja jew, a fortiori, ta’ salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali” ( 35 ).

66.

F’dan ir-rigward, imbagħad, japplika tip ta’ prinċipju ta’ ekwivalenza bejn l-għanijiet ta’ interess ġenerali li jiġġustifikaw il-kisba ta’ data personali, minn naħa, u dawk li jilleġittimaw l-użu sussegwenti tagħha, min-naħa l-oħra. L-unika eċċezzjoni għal dan il-prinċipju hija, kif għadu kif ġie spjegat, li l-importanza tal-għan imfittex mill-aċċess tkun ikbar minn dik tal-għan li jiġġustifika ż-żamma tagħha.

67.

Interpretazzjoni differenti hija ekwivalenti għal żnaturament tas-sistema ta’ garanziji tad-Direttiva 2002/58: id-drittijiet li tissalvagwardja jistgħu jkunu suġġetti għal indħil serju barra mill-każijiet previsti fl-Artikolu 15 tagħha u mill-kundizzjonijiet determinati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

68.

B’mod partikolari, is-sagrifiċċju tal-indennizz tad-dritt għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet huwa biss leġittimament ammissibbli abbażi tal-għan speċifiku ta’ interess ġenerali li jservi. Għal din ir-raġuni, il-legalità tal-aċċess għad-data maħżuna għandha tiġi vverifikata fuq il-bażi ta’ każ b’każ, filwaqt li titqies is-serjetà involuta, minn naħa, u l-importanza tal-għan ta’ interess ġenerali li għandu jservi dan l-indħil, min-naħa l-oħra.

69.

Dak li ma jistax jiġi aċċettat bħala interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/58 huwa li, ladarba jingħata l-aċċess minħabba l-ewwel każ li jiġġustifikah b’mod validu, hemm triq miftuħa għal aċċess sussegwenti (fil-fatt, użu mill-ġdid tad-data miksuba) bbażata fuq għan li huwa ġerarkikament inferjuri għal dak tal-każ oriġinali.

70.

Għal dan il-għan, ir-rekwiżiti meħtieġa għall-aċċess inizjali (inklużi dawk mitluba mill-Qorti tal-Ġustizzja f’termini tal-awtorizzazzjoni tagħha) ( 36 ) huma trasferibbli għall-użu sussegwenti tal-istess data minn awtoritajiet oħra.

C.   B’mod sussidjarju: ir‑rilevanza tad‑Direttiva 2016/680

71.

Sa dan il-punt spjegajt dak li nikkunsidra l-iktar xieraq sabiex tingħata risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari fit-termini tagħha stess, jiġifieri, billi tingħata lill-qorti tar-rinviju interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/58, kif mitlub.

72.

Fl-ipoteżi li d-data inkwistjoni f’dan il-każ ma tkunx inkisbet skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, iżda direttament mis-servizzi ta’ informazzjoni kriminali tal-Istat Membru, fi proċedura kriminali, ix-xenarju jkun differenti.

73.

F’din l-ipoteżi, jidħlu fix-xena r-regoli tad-dritt nazzjonali, bla ħsara għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680 fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali miksuba f’investigazzjoni kriminali. Jien nassumi li l-aġir tas-servizzi ta’ informazzjoni kriminali f’każijiet bħal dawn jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680. Dan ġie kkonfermat fis-seduta.

74.

Kif sostnejt fil-konklużjonijiet tal-kawża Inspektor vs Inspektorata kam Visshia sadeben savet (Għanijiet tal-ipproċessar ta’ data personali – Investigazzjoni kriminali) ( 37 ), “[i]r-RĠPD [il-GDPR] u d-Direttiva 2016/680 jintegraw sistema koerenti li fiha:

Ir-RĠPD [il-GDPR] għandu jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom.

Id-Direttiva 2016/680 tistabbilixxi r-regoli speċifiċi għall-ipproċessar ta’ din id-data fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u tal-kooperazzjoni tal-pulizija” ( 38 ).

75.

Fakkart għalhekk ( 39 ) li:

“Il-protezzjoni mogħtija mis-sistema kkostitwita miż-żewġ dispożizzjonijiet hija bbażata fuq il-prinċipji ta’ legalità, lealtà, trasparenza u, f’din il-kawża, fuq il-prinċipju ta’ limitazzjoni stretta tal-ġbir tad-data u tal-ipproċessar tagħha għall-iskopijiet previsti fil-liġi”.

“B’mod partikolari, l-Artikolu 5(1)(b) tar-RĠPD [tal-GDPR] jipprevedi li d-data għandha ‘tinġabar għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet’. L-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2016/680 huwa espress ukoll f’dawn it-termini, fir-rigward tal-lex specialis”.

“Għaldaqstant, id-data personali la tista’ tinġabar u lanqas tiġi pproċessata b’mod ġenerali, iżda biss għal skopijiet speċifikati u bla ħsara għall-kundizzjonijiet ta’ legalità stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni” ( 40 ).

“Il-prinċipju ta’ rabta stretta bejn il-ġbir u l-ipproċessar ta’ data, minn naħa, u l-iskopijiet li għandhom jiġu moqdija miż-żewġ operazzjonijiet, min-naħa l-oħra, ma huwiex assolut, peress li kemm r-RĠPD [il-GDPR] kif ukoll id-Direttiva 2016/680 jippermettu ċerta flessibbiltà […]”.

76.

Barra minn hekk, kif il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2016/680 ( 41 ), diffiċli jiġi aċċettat li d-data personali miġbura matul proċedura kriminali tintuża għall-istess għan fil-kuntest ta’ proċedura dixxiplinarja sussegwenti kontra uffiċjal pubbliku.

77.

Għandi nfakkar, madankollu, li, skont l-Artikolu 4(2), tad-Direttiva 2016/680, “l-ipproċessar mill-istess kontrollur jew minn wieħed differenti għal kwalunkwe wieħed mill-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) minbarra dak li għalih tinġabar id-data personali għandu jkun permess sakemm:

il-kontrollur ikun awtorizzat biex jipproċessa data personali bħal din għal dan il-fini skont il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru; u

l-ipproċessar huwa meħtieġ u proporzjonat għal dak il-fini l-ieħor skont il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru”.

78.

Abbażi ta’ din il-premessa, il-qorti tar-rinviju għandha tikkunsidra jekk l-għan (differenti) tal-ipproċessar sussegwenti huwiex fost dawk stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680 jew jekk jaqax barra minn dawn imsemmija l-aħħar:

Fl-ewwel każ (assenjazzjoni mill-ġdid ad intra), għandu jiġi vverifikat li ż-żewġ rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4(2), tad-Direttiva 2016/680 huma ssodisfati.

Fit-tieni każ (assenzjazzjoni mill-ġdid ad extra) japplika l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2016/680.

1. L‑użu tad‑data skont l‑Artikolu 4(2) tad‑Direttiva 2016/680

79.

Fir-rigward tal-ewwel wieħed miż-żewġ rekwiżiti meħtieġa mid-dispożizzjoni, jiġi osservat biss jekk id-dritt tal-Istat Membru jkunx inkorporat f’liġi ( 42 ) li tirregola meta l-kontrollur ikun awtorizzat jipproċessa data personali. Din il-liġi għandha, barra minn hekk, tinkludi regoli vinkolanti, ċari u preċiżi ( 43 ).

80.

Din hija, madankollu, kwistjoni li, naturalment, taqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti tar-rinviju, wara li tanalizza l-Artikolu 177 tal-KPĊ, l-Artikolu 19(3) tal-LIC u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ġenerali ( 44 ). Permezz ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi analizzat sa liema punt id-dritt nazzjonali tippermetti li l-informazzjoni miksuba fil-kuntest ta’ proċedura kriminali tista’ tintuża, taħt ċerti kundizzjonijiet, fil-kuntest tal-investigazzjoni ta’ reati dixxiplinarji. F’din il-verifika, il-kunsiderazzjonijiet tal-STEDH Adomaitis ( 45 ) jistgħu jkunu utli għaliha.

81.

Fir-rigward tat-tieni rekwiżit, il-qorti tar-rinviju ser ikollha tevalwa jekk, fl-ipproċessar ta’ data li hija s-suġġett ta’ din il-kawża, inħolqotx il-ħtieġa ta’ indħil u n-natura proporzjonata tagħha ( 46 ).

82.

Għal darba oħra, id-dikjarazzjonijiet tal-STEDH Adomaitis jistgħu jikkontribwixxu għal din l-evalwazzjoni:

Fir-rigward tan-neċessità, għandu jiġi kkunsidrat sa liema punt l-insuffiċjenza probatorja ta’ data oħra disponibbli matul il-proċedura dixxiplinarja għamlet tassew meħtieġ li, sabiex tirnexxi l-investigazzjoni li tkun għaddejja, tintuża d-data inkwistjoni ( 47 ).

Fir-rigward tal-proporzjonalità, il-gravità tal-ksur li ta lok għall-proċedura dixxiplinarja għandha tiġi analizzata, filwaqt li jitqies li, kif sostna l-Gvern Litwan u kif jirriżulta mill-STEDH Adomaitis ( 48 ), l-użu ta’ data personali huwa riservat għall-każijiet ta’ ksur li għalihom hija prevista l-iktar sanzjoni dixxiplinarja severa, jiġifieri, ir-revoka.

2. L‑użu tad‑data skont l‑Artikolu 9 tad‑Direttiva 2016/680

83.

Skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2016/680, id-data personali miġbura mill-awtoritajiet kompetenti għall-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tagħha tista’ tiġi pproċessata għal għanijiet differenti minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 1(1), meta dan l-ipproċessar ikun awtorizzat mid-dritt tal-Unjoni jew tal-Istat Membru. F’dan il-każ, għandu japplika l-GDPR, sakemm l-ipproċessar ma jsirx bħala parti minn attività li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 49 ).

84.

Fil-każ li l-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2016/680 ma huwiex applikabbli, hija jkollha tirrikorri għall-GDPR. Skont dan ir-Regolament, ikollha tiddetermina jekk, minbarra d-dispożizzjoni legali, teżistix mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet tal-legalità tal-ipproċessar tad-data personali elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 6(1) tagħha.

V. Konklużjoni

85.

Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) fit-termini li ġejjin:

“1.

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni), moqri flimkien mal-Artikoli 7, 8, 11 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jippermettix lill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti jużaw data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, li tista’ tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar utent u jużawha fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur inqas serju minn dak li l-investigazzjoni tiegħu setgħet tkun iġġustifikata fiż-żmien ta’ aċċess għal tali data.

2.

Sussidjarjament:

L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI, moqri flimkien mal-Artikoli 6 u 10 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE hija mħassra, fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix l-użu, fi proċedura amministrattiva ta’ natura dixxiplinarja, ta’ data personali miksuba legalment u direttament minn awtorità pubblika fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali, sakemm, skont regoli ċari, preċiżi u vinkolanti tad-dritt nazzjonali, dik il-proċedura u din l-investigazzjoni jkunu konnessi u sal-punt li l-użu tad-data jkollu skop legali u huwa meħtieġ u proporzjonat, li għandu jiġi ddeterminat mill-awtorità ġudizzjarja”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU 2002 L 201, p. 37, u rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 9).

( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016 L 119, p. 89, u rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6).

( 4 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016 L 119, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2). Iktar ’il quddiem “GDPR”.

( 5 ) B’mod mhux eżawrjenti, fost ir-referenti ewlenin ta’ din il-ġurisprudenza jistgħu jissemmew is-sentenzi tat‑8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238); tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970); tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791; iktar ’il quddiem, “is-sentenza La Quadrature du Net”); tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data relatata ma’ komunikazzjoni elettronika) (C‑746/18, EU:C:2021:152); u tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et (C‑140/20, EU:C:2022:258; iktar ’il quddiem, “is-sentenza Commissioner of An Garda Síochána”).

( 6 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

( 7 ) Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar il-Komunikazzjoni Elettronika, fil-verżjoni tal-Liġi Nru IX-2135 tal‑15 ta’ April 2004, kif emendata bil-Liġi Nru XIII‑2172 tas‑6 ta’ Ġunju 2019; iktar ’il quddiem “LKE”.

( 8 ) Id-data elenkata fl-imsemmi anness (“Kategoriji ta’ data li għandha tiġi ssalvagwardjata”) hija dik meħtieġa sabiex jiġu identifikati l-oriġini u d-destinazzjoni ta’ komunikazzjoni, id-data, il-ħin u t-tul ta’ żmien tagħha, it-tip ta’ komunikazzjoni u l-post tal-materjal ta’ komunikazzjoni (kif ukoll tal-komunikazzjoni mobbli) tal-utenti.

( 9 ) Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar l-Intelliġenza Kriminali, fil-verżjoni tal-Liġi Nru XI-2234 tat‑2 ta’ Ottubru 2012, kif emendata bil-Liġi Nru XIII‑1837 tal‑20 ta’ Diċembru 2018; iktar ’il quddiem “LIK”.

( 10 ) Ser nuża t-terminu “informazzjoni”, u mhux “intelliġenza”, sabiex nindika s-servizzi li jwettqu l-investigazzjonijiet rilevanti.

( 11 ) Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali tar-Repubblika tal-Litwanja tal‑14 ta’ Marzu 2002, fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali; iktar ’il quddiem “KPĊ”.

( 12 ) Skont l-“Ikiteisminio tyrimo duomenų teikimo ir panaudojimo ne baudžiamojo persekiojimo tikslais ir ikiteisminio tyrimo duomenų apsaugos rekomendajos” (ir-Rakkomandazzjonijiet dwar il-forniment u l-użu tad-data tal-investigazzjoni preliminari għal finijiet oħra minbarra l-investigazzjoni u l-protezzjoni tad-data tal-investigazzjoni preliminari) approvat bid-Digriet Nru 1279 tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tas‑17 ta’ Awwissu 2017, kif emendat bid-Digriet Nru 1211 tal‑25 ta’ Ġunju 2018, b’mod partikolari l-klawżola 23, ladarba jirċievi talba għal aċċess għad-data tal-investigazzjoni, il-Prosekutur jiddeċiedi jekk huwiex xieraq li jipprovdiha. Jekk ir-risposta tkun iva, għandu jispeċifika sa liema punt tista’ tiġi pprovduta.

( 13 ) Kif intqal fis-seduta, tali proċeduri kriminali kontra A.G. u l-avukat għal dawn il-fatti għadhom pendenti.

( 14 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 15 ) Sentenza La Quadrature du Net, punt 103: “meta l-Istati Membri jimplimentaw b’mod dirett miżuri li jidderogaw mill-kunfidenzjalità ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, mingħajr ma jimponu obbligi ta’ pproċessar fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ tali komunikazzjonijiet, il-protezzjoni tad-data tal-persuni kkonċernati ma taqax taħt id-Direttiva 2002/58, iżda biss taħt id-dritt nazzjonali, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-[Direttiva 2016/680]”.

( 16 ) Punt 37 tad-digriet tar-rinviju.

( 17 ) Ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality u Commissioner of An Garda Síochána (C‑378/17, EU:C:2018:979), punt 26; u tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Airbnb Ireland u Airbnb Payments UK (C‑83/21, EU:C:2022:1018), punt 82.

( 18 ) Ir-riferiment ċar għad-Direttiva 2002/58 fid-dispożittiv tad-deċiżjoni ta’ rinviju u s-silenzju rigward id-Direttiva 2016/680 fil-fondazzjoni legali tagħha għandhom l-istess sens. Huwa differenti li l-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma taqbeż il-limiti tad-domanda, tista’ tipprovdi lill-qorti tar-rinviju indikazzjonijiet utli għad-deċiżjoni tagħha, u eventwalment tirreferi għal regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni. F’dan is-sens, ara s-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2019, VIPA (C‑222/18, EU:C:2019:751), punt 50, bil-ġurisprudenza ċċitata.

( 19 ) Punt 35 tad-digriet tar-rinviju. Enfasi miżjuda minni.

( 20 ) Għalhekk, ma huwiex meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ dawn l-operazzjonijiet preċedenti. Jekk tagħmel dan, ikollha ttenni li l-aċċess għad-data miżmuma minn fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jista’ jingħata biss jekk iż-żamma tagħha tkun konformi mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza La Quadrature du Net, punt 167. Din id-dispożizzjoni, interpretata fir-rigward tal-Artikoli 7, 8, 11 u 52(1) tal-Karta, tipprekludi miżuri leġiżlattivi li jistabbilixxu, għal dawn l-għanijiet, fuq bażi preventiva, iż-żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u l-lokalizzazzjoni (is-sentenza La Quadrature du Net, punt 168).

( 21 ) Ser nirreferi għaliha, madankollu, b’mod sussidjarju fl-aħħar parti ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 22 ) Sentenza La Quadrature du Net, punt 129.

( 23 ) Sentenza La Quadrature du Net, punt 131, bil-ġurisprudenza ċċitata.

( 24 ) Sentenza Commissioner of An Garda Síochána, punt 54.

( 25 ) Sentenza Commissioner of An Garda Síochána, punt 56.

( 26 ) Sentenza La Quadrature du Net, punti 135 u 136, fejn jiġi spjegat li s-sigurtà nazzjonali tibqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Istat u tikkorrispondi mal-interess primordjali ta’ protezzjoni tal-funzjonijiet essenzjali tal-Istat u tal-interessi fundamentali tas-soċjetà kontra attivitajiet li jistgħu jiddistabilizzaw b’mod serju l-istrutturi kostituzzjonali, politiċi, ekonomiċi jew soċjali fundamentali ta’ pajjiż, u, b’mod partikolari li jheddu direttament is-soċjetà, il-popolazzjoni jew l-Istat bħala tali, bħal attivitajiet terroristiċi. Theddidiet li huma differenti, min-natura tagħhom u mill-gravità partikolari tagħhom, mir-riskju ġenerali li jista’ jkun hemm tensjoni jew inkwiet, anki serji, li jaffettwaw is-sigurtà pubblika. Għalhekk, l-għan ta’ salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali jista’ jiġġustifika miżuri li jinvolvu indħil fid-drittijiet fundamentali iktar serju minn dak li jistgħu jiġġustifikaw l-għanijiet l-oħra.

( 27 ) Sentenza Commissioner of An Garda Síochána, punt 58.

( 28 ) Sentenza La Quadrature du Net, punt 168.

( 29 ) Dan jirriżulta mill-punt 46 tad-digriet tar-rinviju: fih isir riferiment għad-data li tista’ tipprovdi informazzjoni dwar il-komunikazzjonijiet magħmula minn utent ta’ mezz ta’ komunikazzjoni elettronika jew dwar il-lokalizzazzjoni tat-tagħmir terminali użat u li tippermetti li jsiru konklużjonijiet preċiżi fuq il-ħajja privata tas-suġġetti tad-data.

( 30 ) Digriet tar-rinviju, punt 46, in fine.

( 31 ) Fis-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) tat‑18 ta’ Jannar 2022, Adomaitis vs Il‑Litwanja (CE:ECHR:2022:0118JUD001483318; iktar ’il quddiem “STEDH Adomaitis”), li tirreferi għall-interċettazzjoni ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi f’każ ta’ abbuż kontinwu tal-poter mid-direttur ta’ stabbiliment penitenzjarju, jiġu pprovduti ħjiel sabiex tiġi vvalutata din l-ekwivalenza.

( 32 ) Bħala prinċipju, aġir punibbli li l-prosekuzzjoni tiegħu tiġi vverifikata permezz ta’ proċeduri kriminali, minn naħa, u nuqqasijiet purament etiċi, li s-sanzjoni tagħhom tiġi formalizzata permezz ta’ proċedura dixxiplinarja, min-naħa l-oħra, ma humiex komparabbli. Il-proċess kriminali u l-proċedura dixxiplinarja huma differenti, f’termini tal-għan tagħhom, minħabba n-natura u s-serjetà tal-imġiba investigata. Id-differenza bejn il-proċeduri, għal dawn l-għanijiet, tindika l-gravità differenti tal-għanijiet rispettivi tagħhom.

( 33 ) Fil-Konvenzjoni mfassla abbażi tal-Artikolu K.3,(2)(ċ) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi l-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 8, p. 136) huma previsti każijiet ta’ korruzzjoni passiva (“l-azzjoni deliberata ta’ uffiċjal, li, direttament jew permezz ta’ intermedju, jitlob jew jirċievi vantaġġi ta’ kull tip possibbli, għalih innifsu jew għall-parti terza, jew jaċċetta promessa ta’ vantaġġ tali, biex jaġixxi jew jonqos li jaġixxi skond id-dmir tiegħu jew fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu bi ksur tad-dmirijiet uffiċjali tiegħu” u attiva (“l-azzjoni deliberata ta’ min ikun li jwiegħed jew jagħti, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, vantaġġ ta’ kull tip possibbli lil xi uffiċjal għaliħ inniffsu jew għall-parti terza għalih sabiex jaġixxi jew jonqos li jaġixxi skond id-dover tiegħu jew fit-tħaddim tal-funzjonijiet tiegħu bi ksur tad-dmirijiet uffiċjali tiegħu”, li għandhom jiġu kkwalifikati bħala reati kriminali.”)

( 34 ) Sentenza Commissioner of An Garda Síochána, punt 98.

( 35 ) Sentenza La Quadrature du Net, punt 166.

( 36 ) Sentenza Commissioner of An Garda Síochána, punt 106, b’ċitazzjoni mis-sentenza Prokuratuur, punt 51.

( 37 ) C‑180/21 (EU:C:2022:406); iktar ’il quddiem, “konklużjonijiet Inspektor vs Inspektorata”.

( 38 ) Konklużjonijiet Inspektor vs Inspektorata, punt 35.

( 39 ) Konklużjonijiet Inspektor vs Inspektorata, punti 36 sa 39.

( 40 ) Ir-rekwiżit ta’ “legalità” huwa meħtieġ mill-Artikolu 5(1)(a), tal-GDPR [l-Artikolu 4(1)(a), tad-Direttiva 2016/680], li fl-Artikolu 6 tal-istess Regolament jispeċifika liema huma l-kundizzjonijiet tiegħu. Fil-każ tagħna hawn u skont (e) ta’ dan l-Artikolu msemmi l-aħħar, l-ipproċessar għandu jkun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur (għall-ipproċessar innifsu).

( 41 ) Sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2022, Inspektor vs Inspektorata kam Visshia sadeben savet (Finijiet tal-ipproċessar ta’ data personali — Proċedura istruttorja kriminali), C‑180/21 (EU:C:2022:967); iktar ’il quddiem, “is-sentenza Inspektor vs Inspektorata”.

( 42 ) Naqbel mal-Kummissjoni li, peress li l-użu sussegwenti ta’ data personali miksuba matul investigazzjoni kriminali jikkostitwixxi indħil fid-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, huwa inskużabbli taħt l-Artikolu 52(1) tal-Karta, li jiġi previst mil-liġi.

( 43 ) Punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 44 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 45 ) Sentenza li fil-punt 83 tagħha jitqies li l-garanzija tal-legalità tal-indħil żgurata mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali u l-ġurisprudenza kostituzzjonali Litwana hija biżżejjed.

( 46 ) Kif tinnota l-Kummissjoni, din il-kawża ma hijiex differenti ħafna minn dik eżaminata fis-sentenza tal-QEDB tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Versini-Campinchi u Crasnianski vs Franza (EC:ECHR:2016:0616JUD004917611). Skont il-punt 57 tagħha, skont l-Artikolu 8 tal-KEDB, l-użu, fil-kuntest ta’ proċedura dixxiplinarja għal ksur ta’ segretezza professjonali, ta’ komunikazzjonijiet interċettati fi proċedimenti kriminali jikkostitwixxi għan leġittimu. Ir-rabta stretta materjali bejn l-għanijiet rispettivi tal-proċeduri kriminali u dawk dixxiplinarji twassal sabiex l-għanijiet tat-tnejn li huma jkollhom leġittimità komuni.

( 47 ) STEDH Adomaitis, punt 85.

( 48 ) STEDH Adomaitis, punt 87.

( 49 ) Din l-eċċezzjoni kienet suġġetta għal interpretazzjoni restrittiva fis-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti għal ksur tat-traffiku), (C‑439/19, EU:C:2021:504), punt 66.

Top