EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TJ0195

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tal-21 ta’ Diċembru 2021.
Oleksandr Viktorovych Klymenko vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas‑sitwazzjoni fl-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi – Lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi – Żamma tal‑isem tar‑rikorrent fuq il-lista – Obbligu tal-Kunsill li jivverifika li d‑deċiżjoni ta’ awtorità ta’ Stat terz ittieħdet fir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad‑dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
Kawża T-195/21.

Digital reports (Court Reports - general - 'Information on unpublished decisions' section)

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2021:925

  The document is unavailable in your User interface language.

 SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

21 ta’ Diċembru 2021 ( *1 )

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas‑sitwazzjoni fl-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi – Lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi – Żamma tal‑isem tar‑rikorrent fuq il-lista – Obbligu tal-Kunsill li jivverifika li d‑deċiżjoni ta’ awtorità ta’ Stat terz ittieħdet fir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad‑dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Fil-Kawża T‑195/21,

Oleksandr Viktorovych Klymenko, residenti f’Moska (ir-Russja), irrappreżentat minn M. Phelippeau, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Lejeune u A. Vitro, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall‑annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/394 tal‑4 ta’ Marzu 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2021, L 77, p. 29), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/391 tal‑4 ta’ Marzu 2021 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2021, L 77, p. 2), sa fejn dawn l-atti jżommu l-isem tar-rikorrent fuq il-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplikaw dawn il-miżuri restrittivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Spielmann, President, R. Mastroianni (Relatur) u M. Brkan, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Din il-kawża taqa’ fil-kuntest ta’ kawżi marbuta mal-miżuri restrittivi adottati fil-konfront ta’ ċerti persuni, ta’ entitajiet u ta’ ċerti korpi fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, wara r-repressjoni tal-manifestazzjonijiet tal-Pjazza tal-Indipendenza f’Kiev (l-Ukraina) fi Frar 2014.

2

Ir-rikorrent, Oleksandr Viktorovych Klymenko, okkupa l-funzjonijiet ta’ Ministru għad-Dħul u għat-Taxxi tal-Ukraina.

3

Fil‑5 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta d‑Deċiżjoni 2014/119/PESK, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 66, p. 26, rettifiki fil-ĠU 2014, L 70, p. 35, u fil‑ĠU 2014, L 350, p. 15). Fl-istess data, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 66, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2014, L 350, p. 15, fil‑ĠU 2014, L 294, p. 62, u fil‑ĠU 2014, L 70, p. 36).

4

Il-premessi 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2014/119 jispeċifikaw kif ġej:

“(1)

Fl‑20 ta’ Frar 2014, il-Kunsill ikkundanna f’termini l-aktar qawwija kull użu tal-vjolenza fl-Ukraina. Huwa appella għal tmiem immedjat tal-vjolenza fl-Ukraina, u għar-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Huwa appella lill-Gvern tal-Ukraina sabiex jeżerċita trażżin massimu u lill-kapijiet tal-oppożizzjoni sabiex jiddisassoċjaw ruħhom minn dawk li jirrikorru għal azzjoni radikali, inkluża l-vjolenza.

(2)

Fit‑3 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill qabel biex jiffoka miżuri restrittivi fuq l-iffriżar u rkupru ta’ assi ta’ persuni identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, bil-għan tal-konsolidazzjoni u s-sostenn tal-[I]stat ta’ dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina”.

5

L-Artikolu 1(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2014/119 jipprovdi kif ġej:

“1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati mill-persuni li ġew identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fond jew riżors ekonomiku ma għandu jsir disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għal benefiċċju ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness”.

6

Il-modalitajiet ta’ dan l-iffriżar ta’ fondi huma ddefiniti fl-Artikolu 1(3) sa (6) tad-Deċiżjoni 2014/119.

7

Skont id-Deċiżjoni 2014/119, ir-Regolament Nru 208/2014 jimponi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi previsti minn din id-deċiżjoni (iktar ’il quddiem il-“miżuri restrittivi inkwistjoni”) u jiddefinixxi l-modalitajiet ta’ dan l-iffriżar f’termini identiċi, essenzjalment, għal dawk tal-imsemmija deċiżjoni.

8

L-ismijiet tal-persuni kkonċernati mid-Deċiżjoni 2014/119 u mir-Regolament Nru 208/2014 huma inklużi fil-lista li tinsab fl-anness tal-imsemmija deċiżjoni u fl-Anness I tal-imsemmi regolament (iktar ’il quddiem il-“lista”) flimkien, b’mod partikolari, mal-motivazzjoni tal-inklużjoni tagħhom. Inizjalment, isem ir‑rikorrent ma kienx jidher fil-lista.

9

Id-Deċiżjoni 2014/119 u r-Regolament Nru 208/2014 ġew emendati permezz tad‑Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/216/PESK tal-Kunsill tal‑14 ta’ April 2014 li timplimenta d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2014, L 111, p. 91), u mir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 381/2014 tal-Kunsill tal‑14 ta’ April 2014 li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2014, L 111, p. 33) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti ta’ April 2014”).

10

Permezz tal-atti ta’ April 2014, isem ir-rikorrent ġie inkluż fil-lista, bl-informazzjoni ta’ identifikazzjoni “ex Ministru għad-Dħul u għat-Taxxi” u l-motivazzjoni segwenti:

“Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali fl-Ukraina dwar investigazzjoni ta’ reati b’rabta mal-approprjazzjoni indebita ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u t-trasferiment illegali tagħhom barra l-Ukraina”.

11

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrent ippreżenta rikors, irreġistrat bin-numru tal-Kawża T‑494/14, intiża, b’mod partikolari, għall-annullament tal-atti ta’ April 2014, sa fejn jikkonċernawh.

12

Fid‑29 ta’ Jannar 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/143, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2015, L 24, p. 16), u r-Regolament (UE) 2015/138, li jemenda r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2015, L 24, p. 16).

13

Id-Deċiżjoni 2015/143 ippreċiżat, mill‑31 ta’ Jannar 2015, il-kriterji ta’ iskrizzjoni tal-persuni kkonċernati mill-iffriżar ta’ fondi, peress li t-test tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119 ġie ssostitwit bit-test li ġej:

“1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta’, huma miżmuma jew ikkontrollati minn persuni li jkunu ġew identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukrajna u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, persuni identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukrajna jinkludu persuni li huma soġġetti għal investigazzjoni mill-awtoritajiet tal-Ukrajna:

a)

għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi tal-Ukrajna, jew għall-kompliċità f’tali misapproprjazzjoni; jew

b)

għall-abbuż tal-uffiċju bħala detentur ta’ pożizzjoni pubblika biex jakkwista vantaġġ mhux ġustifikat għalih jew għal parti terza, u li b’hekk jikkawża telf ta’ fondi jew assi pubbliċi tal-Ukrajna, jew għall-kompliċità f’tali abbuż”.

14

Ir-Regolament 2015/138 emenda b’mod simili r-Regolament Nru 208/2014.

15

Fil‑5 ta’ Marzu 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/364, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2015, L 62, p. 25), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/357, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2015, L 62, p. 1) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “l-atti ta’ Marzu 2015”). Id-deċiżjoni 2015/364, minn naħa, issostitwixxiet l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2014/119, billi estendiet l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi, fir-rigward tar-rikorrent, sas‑6 ta’ Marzu 2016, u, min-naħa l-oħra, issostitwixxiet l-anness ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/357 konsegwentement issostitwixxa l-Anness I tar-Regolament Nru 208/2014.

16

Permezz tal-atti ta’ Marzu 2015, isem ir-rikorrent inżamm fil-lista, flimkien mal-informazzjoni ta’ identifikazzjoni “eks Ministru għad-Dħul u għat-Taxxi ” u d-dikjarazzjoni ġdida tar-raġunijiet segwenti:

“Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi u għall-abbuż tal-uffiċċju bħala persuna b’kariga pubblika sabiex jakkwista vantaġġ mhux ġustifikat għalih innifsu jew għal terza parti u li b’hekk ikkawża telf ta’ fondi jew assi pubbliċi Ukreni”.

17

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Mejju 2015, ir-rikorrent ippreżenta rikors, irreġistrat bin-numru tal-Kawża T‑245/15, intiż b’mod partikolari għall-annullament tal-atti ta’ Marzu 2015 sa fejn jikkonċernawh.

18

Fl‑4 ta’ Marzu 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/318, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2016, L 60, p. 76), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/311, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2016, L 60, p. 1) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti ta’ Marzu 2016”).

19

Permezz tal-atti ta’ Marzu 2016, l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni ġiet estiża, inkluż fir-rigward tar-rikorrent, sas‑6 ta’ Marzu 2017, u dan mingħajr ma l-motivazzjoni tal-indikazzjoni tiegħu kienet inbidlet meta mqabbla ma’ dik tal-atti ta’ Marzu 2015.

20

Fit‑28 ta’ April 2016, ir-rikorrent adatta t-talbiet tiegħu fil-kuntest tal-Kawża T‑245/15, konformement mal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, b’tali mod li dawn kienu intiżi wkoll għall-annullament tal-atti ta’ Marzu 2016 sa fejn jikkonċernawh.

21

Permezz ta’ digriet tal‑10 ta’ Ġunju 2016, Klymenko vs Il-Kunsill (T‑494/14, EU:T:2016:360), meħud fuq il-bażi tal-Artikolu 132 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors imsemmi fil-punt 11 iktar ’il fuq, filwaqt li ddikjaratu manifestament fondat u filwaqt li annullat, għalhekk, l-atti ta’ April 2014, sa fejn kienu jikkonċernaw lir-rikorrent.

22

Fit‑3 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/381, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2017, L 58, p. 34), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/374, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2017, L 58, p. 1) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti ta’ Marzu 2017”).

23

Permezz tal-atti ta’ Marzu 2017, l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni ġiet estiża, inkluż fir-rigward tar-rikorrent, sas‑6 ta’ Marzu 2018, u dan mingħajr ma l-motivazzjoni tal-indikazzjoni tiegħu kienet inbidlet meta mqabbla ma’ dik tal-atti ta’ Marzu 2015.

24

Fis‑27 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrent reġa’ adatta t-talbiet tiegħu fil-kuntest tal-Kawża T‑245/15 b’tali mod li dawn kienu wkoll intiżi għall-annullament tal-atti ta’ Marzu 2017 sa fejn jikkonċernawh.

25

Permezz ta’ sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2017, Klymenko vs Il-Kunsill (T‑245/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:792), il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talbiet kollha tar-rikorrent imsemmija fil-punti 17, 20 u 24 iktar ’il fuq.

26

Fil‑5 ta’ Jannar 2018, ir-rikorrent ippreżenta appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, irreġistrat bin-numru tal-Kawża C‑11/18 P, mis-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2017, Klymenko vs Il-Kunsill (T‑245/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:792).

27

Fil‑5 ta’ Marzu 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/333, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2018, L 63, p. 48), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/326, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2018, L 63, p. 5) (iktar ’il quddiem, meħudin flimkien, l-“atti ta’ Marzu 2018”).

28

Permezz tal-atti ta’ Marzu 2018, l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni ġiet estiża, inkluż fir-rigward tar-rikorrent, sas‑6 ta’ Marzu 2019, u dan mingħajr ma l-motivazzjoni tal-indikazzjoni tiegħu nbidlet meta mqabbla ma’ dik tal-atti ta’ Marzu 2015.

29

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ April 2018, ir-rikorrent ippreżenta rikors, irreġistrat bin-numru tal-Kawża T‑274/18, intiż għall-annullament tal-atti ta’ Marzu 2018 sa fejn jikkonċernawh.

30

Fl‑4 ta’ Marzu 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/354, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2019, L 64, p. 7), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/352, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2019, L 64, p. 1) (iktar ’il quddiem, meħudin flimkien, l-“atti ta’ Marzu 2019”).

31

Permezz tal-atti ta’ Marzu 2019, l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni ġiet estiża sas‑6 ta’ Marzu 2020 u isem ir-rikorrent inżamm fil-lista, bl-istess motivazzjoni bħal dik imfakkra fil-punt 16 iktar ’il fuq, flimkien ma’ preċiżazzjoni dwar ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tiegħu u tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva matul il-proċeduri kriminali li fuqhom ibbaża ruħu l-Kunsill.

32

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑3 ta’ Mejju 2019, ir-rikorrent ippreżenta rikors, irreġistrat bin-numru tal-Kawża T‑295/19, intiż għall-annullament tal-atti ta’ Marzu 2019, sa fejn jikkonċernawh.

33

Permezz ta’ sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, Klymenko vs Il-Kunsill (T‑274/18, EU:T:2019:509), il-Qorti Ġenerali annullat l-atti ta’ Marzu 2018 sa fejn kienu jirrigwardaw lir-rikorrent.

34

Permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2019, Klymenko vs Il‑Kunsill (C‑11/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:786), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat, minn naħa, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2017, Klymenko vs Il-Kunsill (T‑245/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:792) (ara l-punt 25 iktar ’il fuq), u, min-naħa l-oħra, l-atti ta’ Marzu 2015, ta’ Marzu 2016 u ta’ Marzu 2017 sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrent.

35

Fil‑5 ta’ Marzu 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/373, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2020, L 71, p. 10), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/370, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2020, L 71, p. 1) (iktar ’il quddiem, meħudin flimkien, l-“atti ta’ Marzu 2020”).

36

Permezz tal-atti ta’ Marzu 2020, l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni ġiet estiża sas‑6 ta’ Marzu 2021 u isem ir-rikorrent inżamm fil-lista, bl-istess motivazzjoni bħal dik imfakkra fil-punt 16 iktar ’il fuq, flimkien ma’ preċiżazzjoni dwar ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tiegħu u tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva matul il-proċeduri kriminali li fuqhom ibbaża ruħu l-Kunsill.

37

Bejn ix-xhur ta’ Novembru 2020 u ta’ Jannar 2021, il-Kunsill u r-rikorrent skambjaw diversi ittri dwar il-proroga possibbli tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fir-rigward ta’ dan tal-aħħar. B’mod partikolari, il-Kunsill bagħat lir-rikorrent diversi ittri tal-uffiċċju tal-prosekutur ġenerali tal-Ukraina (iktar ’il quddiem il-“BPG”) dwar, b’mod partikolari, il-proċeduri kriminali li huwa kien suġġett għalihom u li fuqhom il-Kunsill ibbaża ruħu sabiex jikkunsidra l-imsemmija proroga.

38

Permezz ta’ sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Klymenko vs Il-Kunsill (T‑258/20, EU:T:2021:52), il-Qorti Ġenerali annullat l-atti ta’ Marzu 2020, sa fejn dawn kienu jirrigwardaw lir-rikorrent.

39

Fl‑4 ta’ Marzu 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2021/394, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2021, L 77, p. 29), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/391, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2021, L 77, p. 2) (iktar ’il quddiem, meħudin flimkien, l-“atti kkontestati”).

40

Permezz tal-atti kkontestati, l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni ġiet estiża, fir-rigward tar-rikorrent, sas‑6 ta’ Settembru 2021 u ismu nżamm fil-lista, bl-istess motivazzjoni bħal dik imfakkra fil-punt 16 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, l-Anness tad-Deċiżjoni 2014/119 u l-Anness I tar-Regolament Nru 208/2014 ġew maqsuma f’żewġ sezzjonijiet, li t-tieni waħda minnhom kienet intitolata “Id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Ukrajna”. F’din it-taqsima, fir-rigward tar-rikorrent, jingħad li ġej:

“Il-proċeduri kriminali relatati mal-miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi għadhom għaddejjin. L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Klymenko, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari fid-deċiżjonijiet tal-imħallef inkwirenti tal-1 ta’ Marzu 2017 u l-5 ta’ Ottubru 2018 li taw permess biex issir investigazzjoni speċjali in absentia. Il-Kunsill josserva li d-difiża ġiet innotifikata bit-tlestija tal-investigazzjonijiet ta’ qabel il-proċess fl-2017 u fl-2018, rispettivament, u ġiet ipprovduta bil-materjal tal-proċedimenti kriminali għall-familjarizzazzjoni minn dak iż-żmien ’l hawn. Ir-reviżjoni u l-eżami mid-difiża tal-volum kbir ta’ materjal disponibbli b’rabta mal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess dwar proċedimenti kriminali għadhom għaddejjin. Il-Kunsill iqis li l-perijodu twil ta’ familjarizzazzjoni jiġi attribwit lid-difiża.”

41

Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Marzu 2021, il-Kunsill informa lir-rikorrent biż-żamma tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fir-rigward tiegħu. Huwa wieġeb għall-osservazzjonijiet tar-rikorrent magħmula fil-korrispondenza tiegħu tal‑11 ta’ Diċembru 2020, tat‑22 u tas‑27 ta’ Jannar 2021 u bagħatlu l-atti kkontestati. Barra minn hekk, huwa indikalu t-terminu sabiex jippreżenta osservazzjonijiet qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-eventwali żamma ta’ ismu fil-lista.

Fatt sussegwenti għall-preżentata ta’ dan ir-rikors

42

Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Settembru 2021, il-Kunsill informa lill-Qorti Ġenerali bl-iskadenza tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fir-rigward tar-rikorrent u bil-fatt li ismu għalhekk ma kienx għadu inkluż fil-lista.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

43

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ April 2021, ir-rikorrent ippreżenta rikors għal annullament kontra l-atti kkontestati.

44

Fil‑25 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill ippreżenta r-risposta.

45

Minħabba l-impediment ta’ membru tal-Ħames Awla, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar imħallef ieħor sabiex jikkompleta l-Awla.

46

Ir-rikorrent ma ppreżentax replika fit-terminu stabbilit.

47

Fil‑31 ta’ Awwissu 2021, il-fażi bil-miktub tal-proċedura ngħalqet.

48

Skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura, fl-assenza ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet f’terminu ta’ tliet ġimgħat li jibda jgħodd min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqta’ r-rikors mingħajr fażi orali tal-proċedura. F’dan il-każ, peress li tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-atti tal-proċess, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fl-assenza ta’ tali talba, taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura.

49

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-atti kkontestati, sa fejn jikkonċernawh;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

50

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

sussidjarjament, jekk l-atti kkontestati jiġu annullati sa fejn jikkonċernaw lir‑rikorrent, tordna ż-żamma tal-effetti tad-Deċiżjoni 2021/394 sakemm isir effettiv l-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/391;

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

Id-dritt

51

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq użu ħażin ta’ poter, it-tielet wieħed, essenzjalment, fuq ksur tad-drittijiet fundamentali fl-adozzjoni tal-atti kkontestati u, ir-raba’ wieħed, fuq nuqqas ta’ bażi legali.

52

Qabelxejn, għandu jiġi eżaminat it-tieni motiv, sa fejn il-Kunsill huwa kkritikat li ma vverifikax sew ir-rispett, mill-awtoritajiet Ukreni, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent, li minnu jirriżulta żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq waqt l-adozzjoni tal-atti kkontestati.

53

Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent isostni, b’mod partikolari, li l-Kunsill naqas milli jivverifika jekk il-proċeduri kriminali li jikkonċernawh u li għandhom, rispettivament, ir-referenza 42017000000000113 (iktar ’il quddiem il-“proċedura 113”) u r-referenza 42014000000000521 (iktar ’il quddiem il-“proċedura 521”), li fuqhom huwa bbaża ruħu meta ddeċieda li jżomm il-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu, kinux ittieħdu b’rispett tad-drittijiet tad-difiża tiegħu u tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

54

Skont ir-rikorrent, ir-risposti tal-BPG għall-mistoqsijiet magħmula mill-Kunsill, dwar ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tiegħu u tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, inkluż ir-rispett tat-terminu raġonevoli min-naħa tal-awtoritajiet Ukreni, l-istat tal-proċeduri kriminali li jikkonċernawh kif ukoll il-kompetenza tad-diversi awtoritajiet investigattivi kkonċernati, ir-relazzjonijiet bejniethom u t-trasferiment tal-investigazzjonijiet minn waħda għall-oħra, ma kinux sodisfaċenti. Għaldaqstant, huwa jikkritika, essenzjalment, lill-Kunsill li wettaq verifiki insuffiċjenti u li injora l-provi, li huwa pprovdielu, fir-rigward tal-illegalitajiet proċedurali mwettqa mill-awtoritajiet Ukreni u l-assenza ta’ indipendenza tagħhom.

55

L-ewwel nett, huwa jsostni li ismu ma kienx jidher fil-lista ta’ persuni mfittxija fuq livell internazzjonali stabbilita mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali (Interpol) (iktar ’il quddiem il-“lista ta’ persuni mfittxija mill-Interpol”), kif ġie kkonstatat mill-Bord tal-Appell tal-Qorti Għolja kontra l-Korruzzjoni Ukrena fis-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2020 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2020”) li tannulla miżura preventiva ta’ detenzjoni fir-rigward tiegħu, minħabba n-nuqqas ta’ waħda mill-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti, skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Ukren (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali”), għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, jiġifieri li l-isem tal-persuna kkonċernata għandu jiġi inkluż f’lista internazzjonali ta’ persuni mfittxija. Dik is-sentenza hija importanti wkoll fir-rigward tal-evalwazzjoni tad-deċiżjoni tal-imħallef inkwirenti tal-Qorti Distrettwali ta’ Petchersk f’Kiev (iktar ’il quddiem il-“qorti ta’ Petchersk”) mogħtija fil‑5 ta’ Ottubru 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-imħallef inkwirenti tal‑5 ta’ Ottubru 2018”) li tawtorizza l-ftuħ ta’ investigazzjoni speċjali fil-kontumaċja tiegħu, sa fejn l-adozzjoni tagħha tippreżupponi wkoll, b’mod partikolari, l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent f’lista internazzjonali ta’ persuni mfittxija.

56

It-tieni, ir-rikorrent iqis li t-tul tal-proċeduri mibdija kontrih fl-Ukraina ma huwiex raġonevoli, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), u li t-terminu twil b’mod anormali tal-proċeduri kriminali li fuqhom il-Kunsill ibbaża ruħu mingħajr ma wettaq ebda verifika huwa imputabbli biss lill-awtoritajiet inkarigati minn dawn tal-aħħar, li ma ħadu l-ebda deċiżjoni li jirreferu l-każ lill-qorti sabiex itawlu l-iffriżar tal-fondi.

57

It-tielet, ir-rikorrent jilmenta li l-Kunsill ma wettaq ebda verifika fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tiegħu u tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fir-rigward tat-trasferiment tal-investigazzjonijiet preliminari, li kienu diġà ngħalqu, lill-Uffiċċju Nazzjonali għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukraina, li huwa iktar minn sitt snin wara l-ftuħ tagħhom, filwaqt li dan l-uffiċċju kien ilu jopera minn April 2015.

58

Ir-raba’, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni tal-imħallef inkwirenti tal‑5 ta’ Ottubru 2018 ma ġietx adottata b’rispett tad-drittijiet tad-difiża tiegħu u tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

59

Il-ħames, ir-rikorrent isostni li, fid-dawl tal-irregolaritajiet imwettqa mill-awtoritajiet Ukreni, ma hemm l-ebda garanzija li l-investigazzjonijiet saru b’rispett tal-imsemmija drittijiet u li, minħabba f’hekk, il-Kunsill ma setax jibbaża ruħu biss fuq l-informazzjoni tal-BPG, li huwa maħtur mill-Gvern u li, fil-kuntest ta’ klima ta’ regolarizzazzjoni tal-kontijiet politika, kien ħati pubblikament ta’ ksur repetut tad-drittijiet fundamentali tiegħu.

60

Fl-aħħar nett, il-Kunsill kiser l-obbligi tiegħu ta’ verifika tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent, minkejja l-fatt li huwa, repetutament, ilmenta dwar il-ksur tagħhom.

61

Il-Kunsill isostni li mill-korrispondenza mar-rikorrent jirriżulta li huwa ħa inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tiegħu, li huwa vverifika l-fondatezza tagħhom, billi għamel ukoll mistoqsijiet preċiżi u billi kiseb kjarifiki mingħand l-awtoritajiet Ukreni, u li, fid-dawl tal-informazzjoni rċevuta minn dawn tal-aħħar, huwa seta’ jikkunsidra, minn naħa, li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent ma kinux ġew miksura u, min-naħa l-oħra, li kien hemm biżżejjed raġunijiet għaż-żamma ta’ ismu fuq il-lista.

62

Barra minn hekk, ir-rikorrent eżerċita d-dritt tiegħu li jkun irrappreżentat minn avukat fl-Ukraina fil-proċeduri li jikkonċernawh u kien uża l-assenza tiegħu mill-pajjiż sabiex jinvoka nuqqasijiet proċedurali u jevita li jidher quddiem il-qrati kompetenti. Barra minn hekk, il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali kien joffri lir-rikorrent rimedji ta’ oppożizzjoni jew ta’ kontestazzjoni u mill-proċess jirriżulta li huwa għamel użu minnhom b’mod utli, b’tali mod li r-rikorsi tiegħu xi kultant ġew deċiżi favurih.

63

Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrent ibbażati fuq it-tul allegatament eċċessiv tal-investigazzjonijiet preliminari u fuq in-nuqqas ta’ inkriminazzjoni fir-rigward tiegħu, il-Kunsill jirrispondi li huwa talab u kiseb kjarifiki dwar dan min-naħa tal-awtoritajiet Ukreni, li l-investigazzjonijiet relatati mal-proċeduri 113 u 521 ngħalqu, rispettivament, fl‑2017 u f’Ottubru 2018, u li d-difiża tar-rikorrent qiegħda tiffamiljarizza ruħha mal-fajl, u dan juri evoluzzjoni tal-proċedura. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li dan il-proċess ta’ familjarizzazzjoni mal-kontenut tal-fajl ġie mnaqqas minħabba l-kumplessità tal-kawża, il-volum kbir tad-dokumenti li jinsabu fil-fajl, il-kriżi sanitarja kif ukoll l-assenza tar-rikorrent fit-territorju Ukren. Sussegwentement, il-Kunsill isostni li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali ma jimponux lill-awtoritajiet Ukreni li jtemmu l-proċeduri kriminali inkwistjoni, peress li r-riforma tal-2017 ta’ dan il-kodiċi, li stabbilixxiet tul massimu għat-twettiq tal-investigazzjonijiet preliminari, hija sussegwenti għall-iskrizzjoni ta’ isem ir-rikorrent fir-reġistru tal-persuni ssuspettati u, konsegwentement, ma tapplikax għall-imsemmija proċeduri.

64

Fl-aħħar nett, fis-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2020, il-Kunsill isostni li din ma taffettwax il-proċedura 113 u li miżura preventiva ta’ detenzjoni teżisti wkoll fil-kuntest tal-proċedura 521, minkejja li din ma tistax tiġi eżegwita għaliex ir-rikorrent telaq mill-pajjiż. Fi kwalunkwe każ, l-imsemmija sentenza tikkonferma li r-rikorrent jikseb is-salvagwardja tad-drittijiet tiegħu.

65

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li t-tieni motiv għandu jitqies li huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni, u mhux fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, il-Kunsill ma kellu l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddetermina jekk kellux provi biżżejjed sabiex jevalwa r-rispett, mill-awtoritajiet Ukreni, tad-dritt tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent u jekk dawn il-provi kinux ta’ natura li jqajmu dubji leġittimi dwar ir-rispett ta’ dawn id-drittijiet (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2021, Yanukovych vs Il‑Kunsill, T‑303/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:334, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66

Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li, waqt l-istħarriġ ta’ miżuri restrittivi, il-qrati tal-Unjoni Ewropea għandhom jiżguraw stħarriġ, bħala prinċipju komplet, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li jifformaw parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li fosthom hemm, b’mod partikolari, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u d-drittijiet tad-difiża, kif stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Klymenko vs Il-Kunsill, T‑258/20, EU:T:2021:52, punt 64 u ġurisprudenza ċċitata).

67

L-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta teżiġi li, fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità tar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li isem persuna jiġi inkluż jew jinżamm f’lista ta’ persuni li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi, il-qorti tal-Unjoni għandha tiżgura ruħha li din id-deċiżjoni, li għandha portata individwali għal din il-persuna, tkun ibbażata fuq bażi fattwali solida biżżejjed. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fid-dikjarazzjoni tar-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata l-imsemmija deċiżjoni, b’tali mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma għandux ikun limitat għal evalwazzjoni tan-natura verosimili fuq livell astratt tar-raġunijiet invokati, iżda għandu jkopri l-kwistjoni ta’ jekk dawn ir-raġunijiet, jew, minn tal-inqas, raġuni minnhom meqjusa li hija suffiċjenti fiha nnifisha sabiex isservi ta’ bażi għall-imsemmija atti, humiex issostanzjati (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Klymenko vs Il-Kunsill,T‑258/20, EU:T:2021:52, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

L-adozzjoni u ż-żamma ta’ miżuri restrittivi, bħal dawk previsti mid-Deċiżjoni 2014/119 u mir-Regolament Nru 208/2014, kif emendati, meħuda kontra persuna li ġiet identifikata bħala responsabbli għal miżapproprjazzjoni ta’ fondi li jappartjenu lil Stat terz, huma bbażati, essenzjalment, fuq id-deċiżjoni ta’ awtorità tiegħu, kompetenti f’dan ir-rigward, li tibda u tmexxi proċedura ta’ investigazzjoni kriminali li tikkonċerna lil din il-persuna u li tirrigwarda ksur ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Klymenko vs Il-Kunsill, T‑258/20, EU:T:2021:52, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69

Barra minn hekk, għalkemm, skont il-kriterju ta’ iskrizzjoni, bħal dak imfakkar fil-punt 13 iktar ’il fuq, il-Kunsill jista’ jibbaża miżuri restrittivi fuq id-deċiżjoni ta’ Stat terz, l-obbligu, impost fuq din l-istituzzjoni, li tirrispetta d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jimplika li huwa għandu jiżgura r-rispett tal-imsemmija drittijiet mill-awtoritajiet tal-Istat terz li adotta l-imsemmija deċiżjoni (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Klymenko vs Il-Kunsill, T‑258/20, EU:T:2021:52, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

Ir-rekwiżit ta’ verifika, mill-Kunsill, tal-fatt li d-deċiżjonijiet tal-Istati terzi li fuqhom huwa għandu l-intenzjoni li jibbaża ruħu ttieħdu b’rispett tal-imsemmija drittijiet huwa intiż li jiżgura li l-adozzjoni jew iż-żamma tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi jseħħu biss fuq bażi fattwali suffiċjentement solida u, għalhekk, sabiex jiġu protetti l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati. Għalhekk, il-Kunsill jista’ biss jikkunsidra li l-adozzjoni jew iż-żamma ta’ tali miżuri hija bbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida biss wara li jkun ivverifika huwa stess jekk id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ġewx irrispettati waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Istat terz ikkonċernat li fuqha huwa għandu l-intenzjoni li jibbaża ruħu (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Klymenko vs Il-Kunsill, T‑258/20, EU:T:2021:52, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-fatt li l-Istat terz jgħodd man-numru ta’ Stati li aderixxew mal-KEDB jimplika stħarriġ, mill-Qorti EDB, tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-imsemmija konvenzjoni, li, skont l-Artikolu 6(3) TUE, jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali, tali ċirkustanza madankollu ma tistax trendi superfluwu r-rekwiżit ta’ verifika mfakkar fil-punt 70 iktar ’il fuq (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Klymenko vs Il-Kunsill, T‑258/20, EU:T:2021:52, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72

Skont il-ġurisprudenza, il-Kunsill huwa obbligat jindika, fl-espożizzjoni tar-raġunijiet dwar l-adozzjoni jew iż-żamma ta’ miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuna jew ta’ entità, anki jekk fil-qosor, ir-raġunijiet għaliex fil-fehma tiegħu d-deċiżjoni tal-Istat terz li fuq il-bażi tagħha jkollu l-intenzjoni jibbaża ruħu kienet ġiet adottata b’rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Għalhekk, huwa l-Kunsill li għandu, sabiex jissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu, juri, fid-deċiżjoni li timponi miżuri restrittivi, li huwa vverifika jekk id-deċiżjoni tal-Istat terz li fuqha huwa jibbaża dawn il-miżuri ġietx adottata b’rispett għal dawn id-drittijiet (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Klymenko vs Il-Kunsill, T‑258/20, EU:T:2021:52, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

Fl-aħħar nett, meta jibbaża l-adozzjoni jew iż-żamma ta’ miżuri restrittivi, bħal dawk f’dan il-każ, fuq id-deċiżjoni ta’ Stat terz li jibda u jmexxi proċedura kriminali għal miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi min-naħa tal-persuna kkonċernata, il-Kunsill għandu, minn naħa, jiżgura ruħu li, fil-mument tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat terz osservaw id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-persuna li hija s-suġġett tal-proċedura kriminali inkwistjoni, u, min-naħa l-oħra, isemmi, fid-deċiżjoni li timponi miżuri restrittivi, ir-raġunijiet għalfejn jikkunsidra li l-imsemmija deċiżjoni tal-Istat terz ġiet adottata fl-osservanza ta’ dawn id-drittijiet (sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Klymenko vs Il-Kunsill, T‑258/20, EU:T:2019:52, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74

F’dan il-każ, tali obbligi jidhru iktar u iktar imperattivi peress li, kif jirriżulta mill-premessa 2 tad-Deċiżjoni 2014/119, din u d-deċiżjonijiet sussegwenti ġew adottati fil-kuntest ta’ politika intiża li ssaħħaħ u ssostni l-Istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), skont l-għanijiet li jinsabu fl-Artikolu 21(2)(b) TUE. Konsegwentement, l-għan ta’ dawn id-deċiżjonijiet, li huwa, b’mod partikolari, li tiġi ffaċilitata l-konstatazzjoni mill-awtoritajiet Ukreni tal-miżapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi mwettqa u li tinżamm il-possibbiltà, għal dawn l-awtoritajiet, li jirkupraw il-prodott ta’ dawn il-miżapproprjazzjonijiet, ma jkunx rilevanti fir-rigward tal-imsemmija għanijiet jekk din il-konstatazzjoni tkun ivvizzjata b’ċaħda ta’ ġustizzja, jew saħansitra b’natura arbitrarja (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2020, Ben Ali vs Il-Kunsill, T‑151/18, EU:T:2020:514, punt 95).

75

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji ġurisprudenzjali li għandu jiġi stabbilit jekk il-Kunsill osservax dawn l-obbligi li huwa għandu fil-kuntest tal-adozzjoni tal-atti kkontestati sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrent.

76

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill semma fl-atti kkontestati r-raġunijiet li għalihom huwa kien qies li d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Ukreni li jibdew u li jmexxu proċeduri kriminali kontra r-rikorrent minħabba miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi kienet ġiet adottata b’rispett tad-drittijiet tad-difiża tiegħu u tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara l-punt 40 iktar ’il fuq). Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kunsill kellux raġun jikkunsidra li dan kien il-każ.

77

Fil-fatt, l-eżami tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li jaqa’ taħt il-legalità fil-mertu tal-atti kkontestati u jikkonsisti, f’dan il-każ, fil-verifika dwar jekk il-provi invokati mill-Kunsill humiex stabbiliti u jekk humiex ta’ natura li juru l-verifika tar-rispett ta’ dawn id-drittijiet mill-awtoritajiet Ukreni, għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-motivazzjoni, li tirrigwarda formalità sostanzjali u tikkostitwixxi biss il-korollarju tal-obbligu tal-Kunsill li jiżgura, minn qabel, ir-rispett tal-imsemmija drittijiet (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Klymenko vs Il-Kunsill, T‑258/20, EU:T:2020:52, punt 74u l-ġurisprudenza ċċitata).

78

Issa, il-miżuri restrittivi adottati preċedentement ġew estiżi u miżmuma fir-rigward tar-rikorrent permezz tal-atti kkontestati abbażi tal-kriterju ta’ iskrizzjoni stabbilit fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119, kif ġie ppreċiżat fid-Deċiżjoni 2015/143, u fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 208/2014, kif ġie ppreċiżat fir-Regolament 2015/138 (ara l-punti 13 u 14 iktar ’il fuq). Dan il-kriterju jirrigwarda l-persuni li ġew identifikati bħala responsabbli għal fatti ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina, inklużi l-persuni suġġetti għal investigazzjoni mill-awtoritajiet Ukreni.

79

Mill-motivi tal-atti kkontestati, imfakkra fil-punt 40 iktar ’il fuq, u mill-ittra tal‑5 ta’ Marzu 2021, jirriżulta li l-Kunsill ibbaża ruħu, sabiex jiddeċiedi dwar iż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista, fuq il-fatt li huwa kien is-suġġett ta’ proċeduri kriminali mibdija mill-awtoritajiet Ukreni għal reati li jikkostitwixxu miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi u marbuta ma’ abbuż ta’ kwalità, li kien stabbilit, b’mod partikolari, mill-ittri tal-BPG kif ukoll minn ċerti deċiżjonijiet ġudizzjarji.

80

Iż-żamma tal-miżuri restrittivi meħuda kontra r-rikorrent kienet għalhekk ibbażata, bħal fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2019, Klymenko vs Il-Kunsill (C‑11/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:786), tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Klymenko vs Il‑Kunsill (T‑295/19, EU:T:2020:287), u tat‑3 ta’ Frar 2021, Klymenko vs Il-Kunsill (T‑258/20, EU:T:2021:52), fuq id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Ukreni li jibdew u li jmexxu proċeduri ta’ investigazzjonijiet kriminali li jirrigwardaw reat ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi li jappartjenu lill-Istat tal-Ukraina.

81

Għandu jiġi rrilevat ukoll li, billi emenda, permezz tal-atti kkontestati, l-anness tad-Deċiżjoni 2014/119 u l-Anness I tar-Regolament Nru 208/2014, il-Kunsill żied magħhom, kif kien diġà għamel waqt l-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2019 u ta’ Marzu 2020, taqsima ġdida, iddedikata kompletament għad-drittijiet tad-difiża u għad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li jinqasam f’żewġ partijiet.

82

Fl-ewwel parti hemm sempliċi tfakkira, ta’ natura ġenerali, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali. B’mod partikolari, qabelxejn, huma mfakkra d-diversi drittijiet proċedurali li tgawdi minnhom kull persuna ssuspettata jew akkużata fil-kuntest ta’ proċedura kriminali skont l-Artikolu 42 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali. Sussegwentement, hemm riferiment għall-Artikolu 303 ta’ dan l-istess kodiċi, li jistabbilixxi distinzjoni bejn id-deċiżjonijiet u l-ommissjonijiet li jistgħu jiġu kkontestati matul il-proċedura preliminari u d-deċiżjonijiet, atti u ommissjonijiet li jistgħu jiġu eżaminati quddiem qorti matul il-proċedura preparatorja. Barra minn hekk, minn naħa, jitfakkar li, skont l-Artikolu 306 tal-imsemmi kodiċi, kull ilment kontra deċiżjonijiet, atti jew ommissjonijiet tal-investigatur jew tal-prosekutur għandu jiġi eżaminat mill-imħallef inkwirenti ta’ qorti lokali, fil-preżenza tal-lanjant, tal-avukat tiegħu jew tar-rappreżentant legali tiegħu. Min-naħa l-oħra, huwa indikat, b’mod partikolari, li l-Artikolu 309 tal-imsemmi kodiċi jispeċifika d-deċiżjonijiet tal-imħallef inkwirenti li jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ rikors. Fl-aħħar nett, huwa ppreċiżat li ċertu numru ta’ miżuri ta’ investigazzjoni bħall-qbid ta’ beni u l-miżuri ta’ detenzjoni, huma possibbli biss bla ħsara għal deċiżjoni tal-imħallef inkwirenti jew ta’ qorti.

83

It-tieni parti tat-taqsima tikkonċerna r-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ kull persuna li isimha huwa inkluż fil-lista. Fir-rigward b’mod iktar partikolari tar-rikorrent, huwa ppreċiżat li, skont l-informazzjoni li tinsab fil-fajl tal-Kunsill, id-drittijiet tad-difiża tiegħu u d-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew irrispettati matul il-proċeduri kriminali li fuqhom il-Kunsill ibbaża ruħu, kif jixhdu, b’mod partikolari, “id-deċiżjonijiet tal-imħallef inkwirenti tal‑1 ta’ Marzu 2017 u tal‑5 ta’ Ottubru 2018 li jawtorizzaw il-ftuħ ta’ investigazzjoni speċjali fil-kontumaċja”. Barra minn hekk, il-Kunsill josserva li “d-difiża ġiet informata bit-tlestija tal-investigazzjonijiet preliminari fl‑2017 u [fl‑]2018, rispettivament, u li hija rċeviet mid-dokumenti tal-proċedura kriminali meħtieġa għall-familjarizzazzjoni mal-fajl”, li l-proċess ta’ familjarizzazzjoni tad-difiża tar-rikorrent mal-kontenut tal-fajl kien għadu għaddej u li t-tul ta’ dan il-perijodu ta’ familjarizzazzjoni kellu jiġi imputat lilu (ara l-punt 40 iktar ’il fuq).

84

Fl-ittra tal‑5 ta’ Marzu 2021 indirizzata lir-rikorrent (ara l-punt 41 iktar ’il fuq), qabelxejn, il-Kunsill indika li l-informazzjoni li toriġina mill-BPG u dik li tirriżulta mill-proċess tal-kawża kienu jistabbilixxu li r-rikorrent kien għadu s-suġġett ta’ proċeduri kriminali fl-Ukraina għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi. Sussegwentement, minn naħa, il-Kunsill indika li s-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2020 kienet ikkonfermat li l-opinjoni ta’ suspett kienet ġiet validament innotifikata fil-kuntest tal-proċedura 113 u li għalhekk ir-rikorrent kellu l-istatus ta’ persuna ssuspettata. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tul allegatament eċċessiv tal-investigazzjonijiet preliminari, il-Kunsill wieġeb li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali li jimponu fuq il-prosekutur li jagħlaq proċedura meta l-perijodu relatat mal-investigazzjoni jkun skada kienu daħlu fis-seħħ fit‑3 ta’ Ottubru 2017, jiġifieri wara l-iskrizzjoni ta’ isem ir-rikorrent fir-reġistru tal-persuni ssuspettati, u li, konsegwentement, dawn ma kinux japplikaw fil-kuntest tal-proċeduri 113 u 521. Barra minn hekk, il-Kunsill ippreċiża li l-fażi ta’ familjarizzazzjoni tad-difiża mal-fajl ma kinitx tagħmel parti mit-terminu tal-investigazzjoni preliminari, b’tali mod li d-dewmien eventwali f’din il-fażi tal-proċedura ma setax jiġi imputat lill-awtoritajiet Ukreni responsabbli mill-investigazzjoni. Fl-aħħar nett, il-Kunsill ikkonkluda li ma kienx il-kompitu tiegħu li jivverifika jekk l-investigazzjonijiet kriminali kinux fondati, iżda biss li jivverifika jekk kienx hemm raġuni suffiċjenti għall-impożizzjoni ta’ miżura restrittiva fid-dawl tad-dokumenti li fuqhom din kienet ibbażata.

85

Għalhekk, minn qari flimkien tal-motivi esposti fl-atti kkontestati u fl-ittra tal‑5 ta’ Marzu 2021 jirriżulta li l-Kunsill jikkonferma li vverifika r-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent fiż-żewġ proċeduri msemmija fil-punt 84 iktar ’il fuq.

86

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabelxejn, li l-Kunsill baqa’ ma weriex sa fejn id-deċiżjonijiet tal-imħallef inkwirenti tal-qorti ta’ Petchersk imsemmija fil-punt 83 iktar ’il fuq jixhdu r-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent matul il-proċedura 113 jew il-proċedura 521. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punti 67 u 69 iktar ’il fuq, f’dan il-każ, il-Kunsill kien obbligat li jivverifika, qabel ma jiddeċiedi ż-żamma tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, jekk id-deċiżjoni tal-amministrazzjoni ġudizzjarja Ukrena li tibda u tmexxi proċeduri ta’ investigazzjoni kriminali dwar ir-reati inerenti għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi u l-abbuż ta’ poter imwettaq mid-detentur ta’ kariga pubblika, allegatament imwettqa mir-rikorrent, kinitx ġiet adottata b’osservanza tal-imsemmija drittijiet tar-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Klymenko vs Il-Kunsill, T‑258/20, EU:T:2021:52, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87

F’din il-perspettiva, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji msemmija fil-punt 83 iktar ’il fuq ma jistgħux jiġu identifikati bħala deċiżjonijiet li tinbeda u li titmexxa l-proċedura ta’ investigazzjoni li tiġġustifika ż-żamma tal-miżuri restrittivi inkwistjoni. Madankollu, huwa possibbli li jiġi ammess li, minn perspettiva sostanzjali, peress li dawn id-deċiżjonijiet ingħataw minn qorti, jiġifieri l-imħallef inkwirenti tal-qorti ta’ Petchersk, huma ttieħdu realment inkunsiderazzjoni mill-Kunsill bħala l-bażi fattwali li tiġġustifika ż-żamma tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Klymenko vs Il-Kunsill, T‑258/20, EU:T:2021:52, punt 84 u l-ġurisprudenza iċċitata).

88

Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kunsill setax ġustament jikkunsidra li tali deċiżjonijiet, kif ukoll il-fatt li l-fażi ta’ familjarizzazzjoni tad-difiża mal-fajl kienet għadha għaddejja fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati u li t-tul tagħha kien, essenzjalment, imputabbli lir-rikorrent, jixhdu r-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tiegħu.

89

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-deċiżjonijiet tal-imħallef inkwirenti tal‑1 ta’ Marzu 2017 u tal‑5 ta’ Ottubru 2018 dwar il-bidu ta’ investigazzjoni speċjali fil-kontumaċja fil-kuntest, rispettivament, tal-proċedura 113 u tal-proċedura 521, għandu jiġi kkonstatat li dawn ittieħdu, rispettivament, erba’ snin u sentejn u nofs qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati. Minn dan isegwi li dawn ma humiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-imsemmija proċeduri, li fuqhom il-Kunsill jibbaża ruħu sabiex iżomm, għall-perijodu mix-xahar ta’ Marzu sax-xahar ta’ Settembru 2021, il-miżuri restrittivi inkwistjoni fir-rigward tar-rikorrent, żvolġew b’rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tiegħu.

90

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi, kemm fir-rigward tad-deċiżjoni tal-imħallef inkwirenti tal‑1 ta’ Marzu 2017 kif ukoll fir-rigward ta’ dik tal‑5 ta’ Ottubru 2018, fil-kuntest tal-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Klymenko vs Il-Kunsill (T‑295/19, EU:T:2020:287, punti 78 sa 91), u tat‑3 ta’ Frar 2021, Klymenko vs Il-Kunsill (T‑258/20, EU:T:2021:52, punti 83, 9394), li ma kinux is-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, billi ddeċidiet li dawn id-deċiżjonijiet ma kinux ta’ natura li juru r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent u tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-kuntest tal-proċeduri inkwistjoni. Issa, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti Ġenerali ma tistax tinjora kompletament ir-raġunament li hija żviluppat f’dawn iż-żewġ sentenzi, li jikkonċernaw l-istess partijiet u essenzjalment iqajmu l-istess kwistjonijiet legali.

91

F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, id-deċiżjoni tal-imħallef inkwirenti tal‑5 ta’ Ottubru 2018, meħuda fil-kuntest tal-proċedura 521, għandu jitfakkar li, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Kunsill ma kienx ivverifika sa fejn din id-deċiżjoni, li ma setgħetx tkun is-suġġett ta’ appell, kienet konċiljabbli mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali msemmija fl-ewwel parti tat-taqsima tal-atti kkontestati ddedikati għad-drittijiet tad-difiża u għad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara l-punt 82 iktar ’il fuq). It-tieni, il-Qorti Ġenerali qieset li r-raġunijiet li għalihom ir-rikorrent ma kienx irrappreżentat minn avukati maħtura minnu stess ma kinux jirriżultaw mill-atti tal-proċess u li l-Kunsill ma wettaqx, f’dan ir-rigward, l-obbligu li jiżgura r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent. It-tielet, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, minkejja d-dokumenti kollha li kien bagħtilha r-rikorrent li juri li ismu ma kienx jidher fil-lista ta’ persuni mfittxija mill-Interpol, il-Kunsill kien ikkuntenta ruħu b’sempliċi affermazzjonijiet tal-BPG u tal-imħallef inkwirenti f’dan ir-rigward, filwaqt li l-fatt li ismu huwa inkluż f’lista interstatali jew internazzjonali ta’ persuni mfittxija kien waħda miż-żewġ kundizzjonijiet li kellhom jiġu stabbiliti mill-prosekutur meta talab l-awtorizzazzjoni tas-setgħa li jipproċedi fil-kontumaċja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Klymenko vs Il-Kunsill, T‑295/19, EU:T:2020:287, punti 82 sa 88).

92

L-istess jgħodd fir-rigward tal-proċedura 113. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-Qorti Ġenerali rrilevat ukoll li l-Kunsill ma kienx spjega r-raġunijiet li għalihom huwa kien ikkuntenta ruħu b’sempliċi dikjarazzjonijiet tal-BPG u tal-imħallef inkwirenti dwar l-iskrizzjoni ta’ isem ir-rikorrent f’lista internazzjonali ta’ persuni mfittxija, minkejja dokumenti li juru li ismu ma kienx inkluż fil-lista ta’ persuni mfittxija mill-Interpol. Skont il-Qorti Ġenerali, l-informazzjoni li kellu l-Kunsill ma kinitx tippermettilu jivverifika l-osservanza tal-kundizzjoni dwar tali iskrizzjoni mill-prosekutur u, minħabba f’hekk, l-osservanza mill-imħallef inkwirenti, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali osservat ukoll li mis-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2020, li madankollu ngħatat wara l-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2020, iżda mhux għall-adozzjoni tal-atti kkontestati, minn naħa, jirriżulta li s-sempliċi fatt li l-prosekutur jieħu deċiżjoni proċedurali fil-forma ta’ riżoluzzjoni li tikkonsisti fl-inklużjoni ta’ persuna fil-lista ta’ persuni mfittxija mill-Interpol ma kienx suffiċjenti, peress li kien meħtieġ ukoll li jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tiġi implimentata tali riżoluzzjoni, li bl-ebda mod ma kienet ġiet ipprovata mill-prosekutur, u min-naħa l-oħra, li tali interpretazzjoni tal-Artikolu 193-6 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali kienet diġà ngħatat mill-kamra tal-appelli tal-qorti superjuri tal-Ukraina kontra l-korruzzjoni fil-kuntest ta’ diversi deċiżjonijiet tal-qorti meħuda bejn Settembru 2019 u Frar 2020 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Klymenko vs Il-Kunsill, T‑258/20, EU:T:2021:52, punti 86 sa 92), u għalhekk kellha iktar u iktar tkun magħrufa mill-prosekutur.

93

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li s-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Klymenko vs Il-Kunsill (T‑258/20, EU:T:2021:52), ingħatat qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati, il-Kunsill ma ressaq, fil-kuntest tas-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, ebda element li jippermetti lill-Qorti Ġenerali tasal għal konklużjonijiet differenti minn dawk użati fis-sentenzi tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Klymenko vs Il-Kunsill (T‑295/19, EU:T:2020:287), u tat‑3 ta’ Frar 2021, Klymenko vs Il-Kunsill (T‑258/20, EU:T:2021:52), fir-rigward tal-valur probatorju tad-deċiżjonijiet tal-imħallef inkwirenti tal‑1 ta’ Marzu 2017 u tal‑5 ta’ Ottubru 2018.

94

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat ukoll li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji msemmija fil-punt 83 iktar ’il fuq jidħlu fil-kuntest tal-proċeduri kriminali li ġġustifikaw l-iskrizzjoni u ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista u huma biss inċidentali għalihom, sa fejn dawn huma ta’ natura proċedurali. Tali deċiżjonijiet, li l-iktar l-iktar jistgħu jservu sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ bażi fattwali soda biżżejjed, sa fejn, konformement mal-kriterju ta’ iskrizzjoni applikabbli, ir-rikorrent kien is-suġġett ta’ proċeduri kriminali li jirrigwardaw, b’mod partikolari, reat ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi li jappartjenu lill-Istat tal-Ukraina, ma humiex atti ontoloġikament li jistgħu, waħedhom, juru li d-deċiżjoni tal-amministrazzjoni ġudizzjarja Ukrena li tagħti bidu u tmexxi l-imsemmija proċeduri kriminali, li fuqha hija bbażata, essenzjalment, iż-żamma tal-miżuri restrittivi fil-konfront tar-rikorrent, ittieħdet fir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ dan tal-aħħar, kif huwa l-Kunsill li għandu jivverifika, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 70 iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Klymenko vs Il-Kunsill, T‑258/20, EU:T:2021:52, punt 94 u ġurisprudenza ċċitata)

95

Barra minn hekk, il-Kunsill ma jinvoka ebda dokument fil-fajl tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-atti kkontestati li minnu jirriżulta li huwa eżamina d-deċiżjonijiet ġudizzjarji invokati u li seta’ jikkonkludi minn dan li d-drittijiet proċedurali tar-rikorrent kienu ġew irrispettati fis-sustanza tagħhom.

96

Is-sempliċi riferiment magħmul mill-Kunsill għal ittri u għal teħid ta’ pożizzjonijiet repetuti mill-awtoritajiet Ukreni li fihom dawn spjegaw kif id-drittijiet fundamentali tar-rikorrent kienu ġew irrispettati u kif taw garanziji f’dan ir-rigward ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li d-deċiżjoni li ismu jinżamm fil-lista hija bbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 70 iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Saleh Thabet et vs Il-Kunsill, C‑72/19 P u C‑145/19 P, mhux ippubblikati, EU:C:2020:992, punt 44).

97

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat ukoll li l-Kunsill kien obbligat iwettaq tali verifika indipendentement minn kull prova prodotta mir-rikorrent sabiex juri li, f’dan il-każ, huwa kien ġarrab ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu u tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, peress li s-sempliċi possibbiltà li jiġi invokat il-ksur ta’ dawn id-drittijiet quddiem il-qrati Ukreni skont dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali ma hijiex suffiċjenti fiha nnifisha sabiex turi r-rispett tal-imsemmija drittijiet mill-amministrazzjoni ġudizzjarja Ukrena (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2021, Yanukovych vs Il‑Kunsill, T‑303/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:334, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tal-Kunsill li skontu r-rikorrent ma pproduċa l-ebda prova li tista’ turi li s-sitwazzjoni partikolari tiegħu kienet ġiet affettwata mill-allegati problemi tas-sistema ġudizzjarja Ukrena. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, fil-każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi invokati kontra l-persuna kkonċernata, u mhux din tal-aħħar li għandha tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza tal-imsemmija motivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Saleh Thabet et vs Il-Kunsill, C‑72/19 P u C‑145/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:992, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-proċess ta’ familjarizzazzjoni tad-difiża mal-kontenut tal-fajl, li kien għadu pendenti fil-kuntest taż-żewġ proċeduri fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, mill-proċess tal-kawża jirriżulta li l-Kunsill ikkuntenta ruħu bl-ispjegazzjonijiet lakoniċi tal-BPĠ, li kkonkluda li t-tul tal-perijodu ta’ familjarizzazzjoni kien jiddependi esklużivament mid-difiża, mingħajr ma pprovda ebda informazzjoni ssostanzjata dwar in-natura u t-tul massimu tal-BPG, filwaqt li kien għadu pendenti mill‑21 ta’ April 2017, id-data tal-għeluq tal-investigazzjoni preliminari fil-kuntest tal-proċedura 113, u mit‑3 ta’ Diċembru 2018, id-data tal-għeluq tal-investigazzjoni preliminari fil-kuntest tal-proċedura 521.

100

Kuntrarjament għal dak li jallega, il-Kunsill baqa’ ma weriex sa fejn l-informazzjoni li huwa kellu fir-rigward tal-imsemmi proċess ta’ familjarizzazzjoni tad-difiża fil-kuntest tal-imsemmija proċeduri u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji relatati magħhom ippermettewlu li jikkunsidra li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent kienu ġew irrispettati, filwaqt li, kif sostna dan il-proċess, l-imsemmija proċeduri, li kienu jikkonċernaw fatti allegatament imwettqa bejn l-2011 u l-2014, kienu għadhom jinsabu fl-istadju tal-investigazzjoni preliminari u li, barra minn hekk, kienu ġew trasferiti, meta kienu diġà magħluqa, lil awtoritajiet investigattivi oħra f’Novembru 2019, b’tali mod li l-każijiet inkwistjoni kienu għadhom ma tressqux quddiem qorti Ukrena fuq il-merti.

101

Issa, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi l-parametru li fid-dawl tiegħu l-Kunsill jevalwa r-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Klymenko vs Il-Kunsill, T‑258/20, EU:T:2021:52, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata), jipprevedi li kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust, pubbliku u fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi.

102

Sa fejn il-Karta tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB, bħal dawk previsti fl-Artikolu 6 tagħha, it-tifsira u l-portata tagħhom huma, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, l-istess bħal dawk li tagħtihom il-KEDB.

103

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, billi interpretat l-Artikolu 6 tal-KEDB, minn naħa, il-Qorti EDB irrilevat li l-għan tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli kien, b’mod partikolari, li jipproteġi lill-persuna akkużata mid-dewmien eċċessiv tal-proċedura u li jiġi evitat li hija tibqa’ għal żmien twil fl-inċertezza tad-destin tagħha u li l-imsemmi prinċipju jenfasizza l-importanza li ssir ġustizzja mingħajr dewmien li x’aktarx jikkomprometti l-effiċjenza u l-kredibbiltà tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja (ara l-QEDB, 7 ta’ Lulju 2015, Rutkowski et vs Il‑Polonja, CE:ECHR:2015:0707JUD007228710, punt 126 u l‑ġurisprudenza ċċitata) Barra minn hekk, il-Qorti EDB ikkunsidrat li l-ksur ta’ dan il-prinċipju seta’ jiġi kkonstatat b’mod partikolari meta l-fażi istruttorja ta’ proċeduri kriminali tkun ikkaratterizzata minn ċertu numru ta’ fażijiet ta’ inattività imputabbli lill-awtoritajiet kompetenti għal din l-istruttorja (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 6 ta’ Jannar 2004, Rouille vs Franza, CE:ECHR:2004:0106JUD005026899, punti 29 sa 31; 27 ta’ Settembru 2007, Reiner et vs Ir-Rumanija, CE:ECHR:2007:0927JUD000150502, punti 57 sa 59; u 12 ta’ Jannar 2012, Borisenko vs L‑Ukraina, CE:ECHR:2012:0112JUD002572502, punti 58 sa 62).

104

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta persuna tkun ilha s-suġġett ta’ miżuri restrittivi għal diversi snin, u dan minħabba l-eżistenza, essenzjalment, tal-istess inkjesti preliminari, kif inhu l-każ hawnhekk, il-Kunsill huwa meħtieġ, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li testendi l-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri, li jiżgura li d-dritt ta’ din il-persuna li tingħata smigħ fi żmien raġonevoli jiġi rispettat (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat‑3 ta’ Frar 2021, Klymenko vs Il-Kunsill, T‑258/20, EU:T:2021:52, punt 101, u tad‑9 ta’ Ġunju 2021, Yanukovych vs Il-Kunsill, T‑303/19, mhux ippubblikat, EU:T:2021:334, punt 127; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2020, Ben Ali vs Il-Kunsill, T‑151/18, EU:T:2020:514, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105

F’dan ir-rigward, kif ġie rrilevat fil-punt 74 iktar ’il fuq, għandha titfakkar in-natura kawtelatorja tal-iffriżar tal-assi tar-rikorrent u l-għan tagħhom, jiġifieri, kif jenfasizza l-Kunsill fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, li jiffaċilita l-konstatazzjoni mill-awtoritajiet Ukreni tal-miżapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi mwettqa, fi tmiem il-proċeduri ġudizzjarji mibdija, u tinżamm il-possibbiltà, għal dawn l-awtoritajiet, li jirkupraw, fl-aħħar mill-aħħar, il-prodott ta’ dawn il-miżapproprjazzjonijiet. Għaldaqstant, huwa l-Kunsill li għandu jevita li tali miżura, li hija ġġustifikata preċiżament minħabba n-natura temporanja tagħha, tiġi estiża mingħajr bżonn, għad-detriment tad-drittijiet u tal-libertajiet tar-rikorrent, li fuqhom għandha effett negattiv kunsiderevoli, minħabba s-sempliċi fatt li l-proċeduri kriminali, li għadhom fl-istadju tal-investigazzjoni preliminari, li fuqhom hija bbażata jkunu nfetħu, essenzjalment, b’mod indefinit mingħajr ġustifikazzjoni reali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2020, Ben Ali vs Il-Kunsill, T‑151/18, EU:T:2020:514, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar l-interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 6 tal-KEDB jirriżulta wkoll li dewmien ikkawżat minn sospensjonijiet tal-proċedura mill-awtoritajiet, id-deċiżjonijiet li jingħaqdu u li jinqasmu d-diversi proċeduri kriminali, kif ukoll ir-rinviji ta’ kawża għal investigazzjoni ulterjuri fil-kuntest tal-istess proċedura jistgħu jitqiesu bħala indikazzjonijiet li juru nuqqas gravi fil-funzjonament tas-sistema ta’ ġustizzja kriminali (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 23 ta’ Ġunju 2016, Krivoshey vs L‑Ukraina, CE:ECHR:2016:0623JUD000743305, § 97 u ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, fid-dawl tat-tul estiż tal-investigazzjonijiet preliminari u tal-assenza ta’ progress tal-imsemmija investigazzjonijiet, minn dak li ġie indikat fil-punt 104 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kunsill kien obbligat, qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati, li jiżgura li t-tul irraġonevoli ta’ dawn l-investigazzjonijiet preliminari kien iġġustifikat. Għalhekk, il-Kunsill ma setax validament jikkuntenta ruħu bil-motiv imressaq mill-BPG, ibbażat fuq l-inapplikabbiltà, minħabba n-nuqqas ta’ retroattività tagħhom, tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali dwar l-għeluq ta’ proċeduri kriminali, sa fejn la huwa stabbilit u lanqas allegat li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali applikabbli għall-proċeduri inkwistjoni ma kinux jippermettu li jagħlqu l-investigazzjonijiet preliminari relatati magħhom.

107

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument li l-Kunsill jislet mill-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2017, Mabrouk vs Il-Kunsill (T‑175/15, EU:T:2017:694) fejn l-investigazzjoni kriminali kienet ġiet sospiża għal diversi snin. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li s-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2017, Mabrouk vs Il-Kunsill (T‑175/15, EU:T:2017:694), ingħatat qabel l-għoti tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il-Kunsill (C‑530/17 P, EU:C:2018:1031), li għamlet kjarifiki sinjifikattivi fir-rigward tal-obbligu tal-Kunsill li jivverifika, b’mod partikolari, jekk id-dritt għal smigħ f’terminu raġonevoli, li, kif ġie enfasizzat fil-punt 101 iktar ’il fuq, jikkostitwixxix komponent tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ġie rrispettat fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali li jservu bħala l-bażi għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi. It-tieni, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2017, Mabrouk vs Il-Kunsill (T‑175/15, EU:T:2017:694), is-sitwazzjoni kienet differenti minn dik ta’ dan il-każ, sa fejn id-dokumenti li kellu l-Kunsill kienu juru kemm l-eżistenza ta’ attività proċedurali effettiva fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-kawża li tikkonċerna lir-rikorrent kif ukoll, b’mod partikolari, ta’ atti ta’ proċedura mwettqa mill-awtoritajiet ikkonċernati fil-kuntest tal-ittri rogatorji internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2021, Yanukovych vs Il-Kunsill, T‑303/19, mhux ippubblikat, EU:T:2021:334, punt 130 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108

Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, il-Kunsill kellu tal-inqas jevalwa l-provi kollha prodotti mill-BPG u mir-rikorrent u jindika r-raġunijiet li għalihom, wara analiżi awtonoma u fid-dettall ta’ dawn il-provi, huwa seta’ jikkunsidra li d-dritt tar-rikorrent għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva quddiem l-amministrazzjoni ġudizzjarja Ukrena kien ġie rrispettat f’dak li jirrigwarda d-dritt tiegħu li l-kawża tiegħu tinstema’ f’terminu raġonevoli (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Klymenko vs Il-Kunsill, T‑258/20, EU:T:2021:52, punt 102).

109

Għalhekk ma jistax jiġi konkluż, fid-dawl tal-atti tal-proċess, li l-provi li l-Kunsill kellu għad-dispożizzjoni tiegħu waqt l-adozzjoni tal-atti kkontestati ppermettewlu jivverifika jekk id-deċiżjoni tal-amministrazzjoni ġudizzjarja Ukrena li tibda u tmexxi l-proċeduri kriminali inkwistjoni kinitx ġiet adottata u implimentata b’rispett tad-drittijiet tar-rikorrent għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u, b’mod iktar partikolari, li l-kawża tiegħu tinstema’ f’terminu raġonevoli.

110

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-ġurisprudenza stabbilita sew li tgħid li, fil-każ ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi bħal dik meħuda li tikkonċerna lir-rikorrent fil-kuntest tal-atti kkontestati, huwa l-kompitu tal-Kunsill jew tal-qorti tal-Unjoni li jivverifikaw il-fondatezza mhux tal-investigazzjonijiet li l-persuna kkonċernata minn dawn il-miżuri restrittivi kienet is-suġġett tagħhom fl-Ukraina, iżda biss tad-deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi fir-rigward tad-dokument jew dokumenti li fuqhom kienet ibbażata din id-deċiżjoni, ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-Kunsill ma huwiex obbligat li jivverifika jekk id-deċiżjoni tal-Istat terz li fuqha jrid jibbaża l-adozzjoni tal-imsemmija miżuri restrittivi ttieħdet fir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Klymenko vs Il-Kunsill, T‑258/20, EU:T:2021:52, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ma huwiex stabbilit li l‑Kunsill, qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati, żgura ruħu mir-rispett, mill‑amministrazzjoni ġudizzjarja Ukrena, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent fil-kuntest tal-proċeduri kriminali li huwa bbaża ruħu fuqhom. Minn dan isegwi li, billi ddeċieda li jżomm isem ir‑rikorrent fil-lista, il-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni.

112

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-atti kkontestati jiġu annullati sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrent, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-motivi u l-argumenti l-oħra mqajma minn dan tal-aħħar.

113

Fir-rigward tat-talba mressqa sussidjarjament mill-Kunsill (ara t-tieni inċiż tal‑punt 50 iktar ’il fuq), intiża, essenzjalment, għaż-żamma tal-effetti tad‑Deċiżjoni 2021/394 sal-iskadenza tat-terminu previst għall-preżentata ta’ appell li jirrigwarda din is-sentenza, sa fejn dan jannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/391 sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrent, u, fil-każ fejn jiġi ppreżentat appell f’dan ir-rigward, sad-deċiżjoni dwar dan, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li d-Deċiżjoni 2021/394 ipproduċiet effetti biss sas‑6 ta’ Settembru 2021. Konsegwentement, l-annullament tagħha permezz ta’ din is-sentenza ma għandux konsegwenza fuq il-perijodu sussegwenti għal din id-data, b’tali mod li ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni taż-żamma tal-effetti ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2020, Arbuzov vs Il-Kunsill, T‑289/19, mhux ippubblikata EU:T:2020:445, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq l-ispejjeż

114

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrent.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/394 tal‑4 ta’ Marzu 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl‑Ukraina u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/391 tal‑4 ta’ Marzu 2021 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina huma annullati sa fejn isem Oleksandr Viktorovych Klymenko nżamm fil-lista tal-persuni, tal-entitajiet u tal-organi li għalihom japplikaw dawn il-miżuri restrittivi.

 

2)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Spielmann

Mastroianni

Brkan

Mogħtija f’seduta bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑21 ta’ Diċembru 2021.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top