EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021TJ0002
Judgment of the General Court (Tenth Chamber) of 24 May 2023.#Emmentaler Switzerland v European Union Intellectual Property Office.#EU trade mark – International registration designating the European Union – Word mark EMMENTALER – Absolute ground for refusal – Descriptive character – Article 7(1)(c) of Regulation (EU) 2017/1001 – Collective mark – Article 74(2) of Regulation 2017/1001 – Obligation to state reasons – Article 94 of Regulation 2017/1001.#Case T-2/21.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) tal-24 ta’ Mejju 2023.
Emmentaler Switzerland vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea – Trade mark verbali EMMENTALER – Raġuni assoluta għal rifjut – Karattru deskrittiv – Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (UE) 2017/1001 – Trade mark kollettiva – Artikolu 74(2) tar-Regolament 2017/1001 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikolu 94 tar-Regolament 2017/1001.
Kawża T-2/21.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) tal-24 ta’ Mejju 2023.
Emmentaler Switzerland vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea – Trade mark verbali EMMENTALER – Raġuni assoluta għal rifjut – Karattru deskrittiv – Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (UE) 2017/1001 – Trade mark kollettiva – Artikolu 74(2) tar-Regolament 2017/1001 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikolu 94 tar-Regolament 2017/1001.
Kawża T-2/21.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2023:278
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)
24 ta’ Mejju 2023 ( *1 )
“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea – Trade mark verbali EMMENTALER – Raġuni assoluta għal rifjut – Karattru deskrittiv – Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (UE) 2017/1001 – Trade mark kollettiva – Artikolu 74(2) tar-Regolament 2017/1001 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikolu 94 tar-Regolament 2017/1001”
Fil-Kawża T‑2/21,
Emmentaler Switzerland, stabbilita f’Bern (l-Isvizzera), irrappreżentata minn S. Völker u M. Pemsel, avukati,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Graul u D. Hanf, bħala aġenti,
konvenuta,
sostnut minn
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller, M. Hellmann, U. Bartl u J. Heitz, bħala aġenti,
minn
Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn A.‑L. Desjonquères u G. Bain, bħala aġenti,
u minn
Centre national interprofessionnel de l’économie laitière (CNIEL), stabbilit f’Pariġi (Franza), irrappreżentat minn E. Baud u P. Marchiset, avukati,
intervenjenti,
IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla),
komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn A. Kornezov, President, K. Kowalik‑Bańczyk u D. Petrlík (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: R. Ūkelytė, Amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tal‑14 ta’ Settembru 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Emmentaler Switzerland, titlob l-annullament tad-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat‑28 ta’ Ottubru 2020 (Każ R 2402/2019‑2) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
2 |
Fl‑4 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrenti kisbet mill-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali r-reġistrazzjoni internazzjonali bin-numru 1378524 tas-sinjal verbali EMMENTALER. Fis‑7 ta’ Diċembru 2017, din ir-reġistrazzjoni internazzjonali ġiet kkomunikata lill-EUIPO, skont ir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1). |
3 |
Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom jaqgħu taħt il-klassi 29 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Ġobnijiet ta’ denominazzjoni ta’ oriġini protetta ‘emmentaler’”. |
4 |
Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Settembru 2019, l-eżaminatriċi ċaħdet l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament 2017/1001, moqri flimkien mal-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament. |
5 |
Fil‑25 ta’ Ottubru 2019, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatriċi. |
6 |
Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ċaħad l-appell abbażi tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001, minħabba li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet deskrittiva. |
It‑talbiet tal‑partijiet
7 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
8 |
L-EUIPO, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża u ċ-Centre national interprofessionnel de l’économie laitière (CNIEL) jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id‑dritt
9 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq il-ksur tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament 2017/1001 u, it-tieni, fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tal-imsemmi regolament. |
10 |
L-Artikolu 74(2) tar-Regolament 2017/1001 jipprevedi li, b’deroga mill-Artikolu 7(1)(c) ta’ dan ir-regolament, jistgħu jikkostitwixxu trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jintużaw, fil-kummerċ, sabiex jindikaw l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni. |
11 |
Madankollu, din id-dispożizzjoni, li tipprevedi deroga mir-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(c) tal-imsemmi regolament, għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta, b’tali mod li l-portata tagħha ma tistax tkopri s-sinjali li huma kkunsidrati bħala indikazzjoni tat-tip, tal-kwalità, tal-kwantità, tal-użu intenzjonat, tal-valur, taż-żmien tal-produzzjoni jew ta’ karatteristika oħra tal-prodotti inkwistjoni, iżda biss is-sinjali li jiġu kkunsidrati bħala indikazzjoni tal-oriġini ġeografika tal-imsemmija prodotti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2011, Consejo Regulador de la Denominación de Origen Txakoli de Álava et vs UASI (TXAKOLI), T‑341/09, EU:T:2011:220, punti 33 u 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
12 |
Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, għandu jiġi eżaminat qabel kollox it-tieni motiv, li permezz tiegħu r-rikorrenti ssostni, b’mod partikolari, li s-sinjal inkwistjoni ma jindikax karatteristika tal-prodotti inkwistjoni, jiġifieri tip ta’ ġobon. |
Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 7(1)(b) u (c) tar‑Regolament 2017/1001
13 |
Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament 2017/1001. Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, peress li dik id-deċiżjoni hija bbażata esklużivament fuq l-Artikolu 7(1)(c) ta’ dan ir-regolament. It-tieni waħda hija bbażata, minn naħa, fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell wettaq evalwazzjoni żbaljata tal-provi u għalhekk ikkonkluda b’mod żbaljat li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet deskrittiva tal-prodotti inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, fuq l-allegazzjoni li huwa kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu. |
Fuq l‑ewwel parti, ibbażata fuq il‑ksur tal‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament 2017/1001
14 |
Skont l-EUIPO u r-Repubblika Franċiża, l-ewwel parti tat-tieni motiv hija inammissibbli, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata kisret l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 minkejja li dik id-deċiżjoni hija bbażata esklużivament fuq l-Artikolu 7(1)(c) ta’ dan ir-regolament. |
15 |
Ir-rikorrenti tqis li l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 jikkostitwixxi lex specialis meta mqabbel mal-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan l-istess regolament, b’tali mod li l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata esklużivament fuq l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma għandu l-ebda importanza f’dan il-każ. Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax tkun ibbażata biss fuq analiżi fid-dawl tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001, iżda għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan ir-regolament. |
16 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, kull waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni elenkati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament 2017/1001 hija indipendenti mill-oħrajn u teżiġi eżami separat (ara s-sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, EU:C:2004:258, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑31 ta’ Jannar 2018, Novartis vs EUIPO – SK Chemicals (Rappreżentazzjoni ta’ garża li tipprovdi mediċina li tgħaddi minn ġol-ġilda), T‑44/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:48, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
17 |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament 2017/1001 jirriżulta li huwa biżżejjed li waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut elenkati fih tapplika sabiex is-sinjal ma jkunx jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea (ara s-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2008, Lancôme vs UASI – CMS Hasche Sigle (COLOR EDITION), T‑160/07, EU:T:2008:261, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑17 ta’ April 2013, Continental Bulldog Club Deutschland vs UASI (CONTINENTAL), T‑383/10, EU:T:2013:193, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
18 |
Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, trade mark li tiddeskrivi l-karatteristiċi ta’ prodotti jew ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001, hija, minħabba f’hekk, neċessarjament nieqsa minn karattru distintiv fir-rigward ta’ dawn l-istess prodotti jew servizzi, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan l-istess regolament (ara s-sentenza tas‑17 ta’ April 2013, CONTINENTAL, T‑383/10, EU:T:2013:193, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
19 |
Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell seta’ sempliċement jeżamina jekk it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kinitx deskrittiva fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001, mingħajr ma jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni ta’ raġunijiet assoluti għal rifjut oħra, bħal dik prevista fl-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan ir-regolament. |
20 |
Konsegwentement, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tagħha, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
Fuq it‑tieni parti, ibbażata fuq il‑ksur tal‑Artikolu 7(1)(c) tar‑Regolament 2017/1001 kif ukoll tal‑obbligu ta’ motivazzjoni
21 |
Skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001, għandha tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw it-tip, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew iż-żmien tal-produzzjoni tal-prodott jew ta’ meta s-servizz ġie pprovdut, jew karatteristiċi oħra ta’ dawn. |
22 |
Dawn is-sinjali jew indikazzjonijiet jitqiesu li ma jistgħux jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri dik li tikkonsisti f’li tidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz (sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C‑191/01 P, EU:C:2003:579, punt 30; tas‑27 ta’ Frar 2002, Eurocool Logistik vs UASI (EUROCOOL), T‑34/00, EU:T:2002:41, punt 37, u tal‑24 ta’ Frar 2021, Liga Nacional de Fútbol Profesional vs EUIPO (El Clasico), T‑809/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:100, punt 29). |
23 |
Bis-saħħa tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament 2017/1001, l-Artikolu 7(1)(c) tal-imsemmi regolament huwa applikabbli anki jekk ir-raġunijiet għal rifjut jeżistu biss f’parti tal-Unjoni Ewropea. Tali parti tista’ tkun ikkostitwita, jekk ikun il-każ, minn Stat Membru wieħed biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C‑25/05 P, EU:C:2006:422, punti 81 u 83). |
24 |
Sabiex sinjal jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001, jeħtieġ li jkollu rabta suffiċjentement diretta u konkreta mal-prodotti jew mas-servizzi inkwistjoni b’tali mod li l-pubbliku rilevanti jkun jista’ jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr ebda riflessjoni oħra, deskrizzjoni tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni jew ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom (ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Jannar 2005, Deutsche Post EURO EXPRESS vs UASI (EUROPREMIUM), T‑334/03, EU:T:2005:4, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑22 ta’ Ġunju 2005, Metso Paper Automation vs UASI (PAPERLAB), T‑19/04, EU:T:2005:247, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
25 |
L-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal għandha ssir, minn naħa, b’riferiment għall-prodotti jew għas-servizzi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, b’riferiment għal dak li jifhem bih il-pubbliku rilevanti (ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2005, Peek & Cloppenburg vs UASI (Cloppenburg), T‑379/03, EU:T:2005:373, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Ċipru vs UASI (XAΛΛOYMI u HALLOUMI), T‑292/14 u T‑293/14, EU:T:2015:752, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
26 |
F’dan il-każ, il-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, kif jidhru fil-punt 3 iktar ’il fuq, huma prodotti intiżi għall-konsumaturi kollha. Konsegwentement, il-pubbliku rilevanti huwa kkostitwit mill-pubbliku ġenerali, kif ikkonstata ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma ġie kkontestat mir-rikorrenti. |
27 |
Fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell sussegwentement ikkunsidra, essenzjalment, li s-sinjal EMMENTALER jinftiehem immedjatament mill-parti tal-pubbliku rilevanti tal-lingwa Bulgara, Daniża, Ġermaniża, Estonjana, Irlandiża, Franċiża, Kroata, Ungeriża, Olandiża, Pollakka, Rumena, Slovakka, Finlandiża, Svediża u Ingliża bħala li jindika tip ta’ ġobon iebes bit-toqob. |
28 |
Il-Bord tal-Appell immotiva din il-konklużjoni billi bbaża ruħu fuq serje ta’ elementi li kienu jikkonċernaw b’mod partikolari l-parti tal-pubbliku rilevanti tal-lingwa Ġermaniża u dik Franċiża. |
29 |
Ir-rikorrenti targumenta li, billi bbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq dawn l-elementi, il-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001. |
30 |
Fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu, f’dak li jirrigwarda l-pubbliku rilevanti Ġermaniż, fuq diversi elementi sabiex isostni l-konklużjoni tiegħu li dan kien jinkludi s-sinjal EMMENTALER bħala li jindika tip ta’ ġobon, li r-rilevanza tiegħu hija kkontestata mir-rikorrenti. Dawn għandhom jiġu eżaminati iktar ’il quddiem. |
– Fuq id‑definizzjoni tal‑kelma “emmentaler” fid‑dizzjunarju Duden
31 |
Sabiex juri li s-sinjal EMMENTALER jindika tip ta’ ġobon, il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuq id-definizzjoni tal-kelma korrispondenti fid-dizzjunarju Duden, li tgħid li tali kelma tindika “ġobon Svizzeru xaħmi li għandu toqob daqs ċirasa u togħma qrib il-qlub tal-ġewż; ġobon tax-xkora”. |
32 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell ibbaża ruħu b’mod żbaljat fuq din id-definizzjoni, peress li d-dizzjunarju Duden ma jindikax li din il-kelma tindika, bil-Ġermaniż, tip ta’ ġobon, iżda jippreċiża espressament li dan huwa ġobon Svizzeru. |
33 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li għalkemm id-definizzjoni msemmija iktar ’il fuq tinkludi l-espressjoni “ġobon Svizzeru”, xorta jibqa’ l-fatt li din hija kkompletata minn definizzjoni oħra, jiġifieri “ġobon tax-xkora”. In-natura konċiża ta’ din id-definizzjoni, li ma fiha l-ebda speċifikazzjoni oħra, b’mod partikolari fir-rigward tal-oriġini ġeografika tal-prodott ikkonċernat, tikkorrobora l-konklużjoni li, skont dan id-dizzjunarju, il-kelma “emmentaler” għandha tinftiehem bħala li tirreferi għal tip ta’ ġobon partikolari. |
34 |
Din il-konklużjoni hija kkonfermata wkoll mill-fatt li l-imsemmija definizzjoni tirreferi għall-karatteristiċi ta’ tip ta’ ġobon bħala tali, meta hija tippreċiża li din il-kelma tirreferi għal ġobon “li għandu toqob daqs ċirasa u togħma ta’ qlub tal-ġewż”. |
35 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell ma setax juża d-definizzjoni tal-kelma “emmentaler” fid-dizzjunarju Duden bħala indizju fost oħrajn tal-karattru deskrittiv tas-sinjal. |
– Fuq il‑produzzjoni tal‑emmentaler
36 |
Għall-finijiet tal-konstatazzjoni li s-sinjal EMMENTALER jindika tip ta’ ġobon, il-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-mument tal-preżentata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, l-emmentaler kien ġobon prodott f’diversi Stati Membri, inkluża l-Ġermanja. |
37 |
Ir-rikorrenti tallega li l-konstatazzjoni fattwali tal-Bord tal-Appell li tgħid li l-emmentaler huwa ġobon prodott f’diversi Stati Membri, inkluża l-Ġermanja, ma ġietx ipprovata. Billi bbaża l-konklużjoni tiegħu fir-rigward tal-karattru deskrittiv tad-denominazzjoni Emmentaler fuq din l-affermazzjoni, il-Bord tal-Appell b’hekk kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu. |
38 |
Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, anki jekk huwa minnu li l-emmentaler kien ġobon prodott f’dawn l-Istati Membri fil-mument tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, dan ma setax jitqiegħed legalment fis-suq tagħhom bid-denominazzjoni Emmentaler meħuda waħedha, jiġifieri mingħajr ma din tkun akkumpanjata mill-indikazzjoni tal-post ta’ manifattura. Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-Ġermanja, dan jirriżulta mill-fatt li dan l-Istat Membru huwa marbut bit-Trattat tas‑7 ta’ Marzu 1967 konkluż mal-Isvizzera u li jirrigwarda l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ta’ provenjenza u ta’ denominazzjonijiet ġeografiċi oħra (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Svizzera-Ġermanja”). Fil-fatt, dan il-ftehim jirriżerva l-użu ta’ tali denominazzjoni għal ġobon prodott fl-Iżvizzera u jippermetti l-użu tad-denominazzjoni Emmentaler sabiex jindika ġobnijiet prodotti fit-territorju Ġermaniż bil-kundizzjoni li din id-denominazzjoni tkun akkumpanjata minn indikazzjoni tal-pajjiż ta’ manifattura b’karattri identiċi, fir-rigward tat-tipi, tad-dimensjonijiet u tal-kuluri tagħhom, għal dawk użati għad-denominazzjoni. |
39 |
F’dak li jirrigwarda, l-ewwel, l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni, mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament 2017/1001 jirriżulta li d-deċiżjonijiet tal-EUIPO għandhom ikunu mmotivati. Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-motivazzjoni tista’ tkun impliċita sakemm tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom ġiet adottata d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u lill-qorti kompetenti li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Marzu 2009, Anheuser-Busch vs UASI – Budějovický Budvar (BUDWEISER), T‑191/07, EU:T:2009:83, punt 128 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑13 ta’ April 2011, Safariland vs UASI – DEF-TEC Defense Technology (FIRST DEFENSE AEROSOL PEPPER PROJECTOR), T‑262/09, EU:T:2011:171, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
Minn din il-perspettiva, il-motivazzjoni b’riferiment għal dokument ieħor tista’ tiġi aċċettata sakemm tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom ġiet adottata d-deċiżjoni kkonċernata u lill-qorti kompetenti li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Marzu 2000, Kish Glass vs Il‑Kummissjoni, T‑65/96, EU:T:2000:93, punt 51; tat‑12 ta’ Mejju 2016, Zuffa vs EUIPO (ULTIMATE FIGHTING CHAMPIONSHIP), T‑590/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:295, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑5 ta’ Frar 2018, Edeka-Handelsgesellschaft Hessenring vs Il‑Kummissjoni, T‑611/15, EU:T:2018:63, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
F’dan il-każ, huwa minnu li l-Bord tal-Appell ma identifikax espliċitament, fid-deċiżjoni kkontestata, il-provi li fuqhom huwa kien ibbaża l-konstatazzjoni tiegħu dwar il-produzzjoni ta’ emmentaler fl-Istati Membri kkonċernati. |
42 |
Madankollu, huwa rrefera f’dan ir-rigward, fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, “għall-osservazzjonijiet ta’ terzi msemmija fil-[punt 4 tal-imsemmija deċiżjoni]”. |
43 |
Issa, minn naħa, ir-rikorrenti kellha l-possibbiltà li ssir taf b’dawn l-osservazzjonijiet u li tissottometti l-kummenti tagħha dwarhom matul il-proċedimenti quddiem l-EUIPO u quddiem il-Qorti Ġenerali. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija osservazzjonijiet jinkludu informazzjoni suffiċjentement preċiża, ikkwantifikata u konkordanti dwar il-produzzjoni ta’ emmentaler fl-Istati Membri kkonċernati, b’tali mod li dawn jippermettu lir-rikorrenti tkun taf ir-raġunijiet li għalihom il-Bord tal-Appell wasal għall-konklużjoni tiegħu dwar l-imsemmija produzzjoni u lill-Qorti Ġenerali li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha. |
44 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell ma kisirx l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu. |
45 |
It-tieni, fir-rigward tal-produzzjoni ta’ emmentaler fil-Ġermanja, qabelxejn, mill-osservazzjonijiet tal-Bundesministerium für Ernährung und Landwirtschaft (il-Ministeru Federali għall-Ikel u għall-Agrikoltura, il-Ġermanja), tal-Milchwirtschaftlicher Verein Bayern eV (l-Assoċjazzjoni tal-Prodotti tal-Ħalib ta’ Bayern, il-Ġermanja) u tal-MIV Milchindustrie-Verband eV (l-Assoċjazzjoni tal-Industrija tal-Ħalib, il-Ġermanja), li l-Bord tal-Appell irrefera għalihom fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-Ġermanja pproduċiet 135000 tunnellata ta’ emmentaler fl‑2016. |
46 |
Sussegwentement, ma huwiex ikkontestat li parti sostanzjali ta’ din il-produzzjoni tqiegħdet fis-suq Ġermaniż. F’dan ir-rigward, mill-osservazzjonijiet tal-Assoċċjazzjoni tal-Prodotti tal-Ħalib ta’ Bayern jirriżulta li, mill‑135 000 tunnellata ta’ emmentaler prodotti fil-Ġermanja fl‑2016, 80000 biss ġew esportati. Minn dan jirriżulta li parti sostanzjali tal-kwantità ta’ emmentaler prodotta fil-Ġermanja tqiegħdet fis-suq direttament fil-Ġermanja. |
47 |
Fl-aħħar nett, mill-osservazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ġobon imsemmija fil-punti 45 u 46 iktar ’il fuq kienu jikkonċernaw id-denominazzjoni Emmentaler meħuda waħedha. Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata minn diversi eżempji ta’ emmentaler riprodotti fl-osservazzjonijiet imsemmija fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, dawn il-ġobnijiet, li joriġinaw minn diversi operaturi ekonomiċi u li ġew prodotti u mqiegħda fis-suq fil-Ġermanja, jinkludu l-imsemmija denominazzjoni mingħajr ma din tkun akkumpanjata mill-indikazzjoni tal-pajjiż jew tal-post ta’ manifattura. |
48 |
Barra minn hekk, fir-rigward tad-denominazzjoni li taħtha l-imsemmija prodotti kienu ġew ikkummerċjalizzati fil-Ġermanja, ir-rikorrenti kkontestat, waqt is-seduta, li dawn kienu tqiegħdu fis-suq Ġermaniż taħt id-denominazzjoni Emmentaler meħuda waħedha. Madankollu, minkejja l-fatt li r-rikorrenti ġiet mistiedna permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura sabiex tieħu pożizzjoni fuq l-informazzjoni msemmija fil-punti 45 sa 47 iktar ’il fuq, hija sempliċement ssostni li t-tqegħid fis-suq ta’ tali prodotti kien imur kontra l-Ftehim Svizzera-Ġermanja. Għall-kuntrarju, hija ma ppreżentat l-ebda prova konkreta lill-Qorti Ġenerali intiża sabiex tikkontesta d-data li tinsab f’dawn il-punti. |
49 |
Fir-rigward tal-impatt ta’ din il-produzzjoni ta’ emmentaler fil-Ġermanja fuq il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti fir-rigward tal-karattru deskrittiv tas-sinjal EMMENTALER, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott taħt denominazzjoni partikolari, mingħajr ma din tintuża b’mod li tirreferi għall-oriġini ta’ dan il-prodott, jistgħu jikkostitwixxu indizju rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk din id-denominazzjoni saritx ġenerika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2005, Il‑Ġermanja u Id‑Danimarka vs Il‑Kummissjoni, C‑465/02 u C‑466/02, EU:C:2005:636, punti 75 sa 100, u tas‑26 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑132/05, EU:C:2008:117, punti 53 sa 57). |
50 |
It-tagħlim li jirriżulta minn din il-ġurisprudenza, għalkemm jikkonċerna l-karattru ġeneriku ta’ denominazzjoni, għandu wkoll rilevanza għall-eżami tal-karattru deskrittiv tas-sinjali. Fil-fatt, il-karatterizzazzjoni ta’ sinjal bħala ġeneriku jew deskrittiv hija marbuta mill-qrib, peress li tali sinjal ma għandux, f’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, karattru distintiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2012, Formula One Licensing vs UASI, C‑196/11 P, EU:C:2012:314, punt 41). |
51 |
Għalhekk, b’mod partikolari, meta diversi operaturi ekonomiċi jipproduċu u jikkummerċjalizzaw fi Stat Membru prodotti li jkollhom fuqhom ċertu sinjal, mingħajr ma dan jirreferi għal oriġini kummerċjali jew ġeografika ta’ dawn il-prodotti, tali fatt jista’ jissuġġerixxi li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi lill-imsemmi sinjal bħala li jindika karatteristika tal-imsemmija prodotti u, għaldaqstant, bħala deskrittiv. |
52 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, minn naħa, ir-rikorrenti ma rnexxilhiex tikkontesta l-fatt li, kif jirriżulta mill-informazzjoni li tinsab fil-punti 45 sa 47 iktar ’il fuq, kwantità kbira ta’ ġobon prodott fil-Ġermanja kienet ġiet ikkummerċjalizzata f’dan l-Istat Membru taħt id-denominazzjoni Emmentaler meħuda waħedha. Min-naħa l-oħra, kif ġie rrilevat fil-punti 49 sa 51 iktar ’il fuq, tali fatt jikkostitwixxi indizju validu li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi din id-denominazzjoni bħala li tindika karatteristika ta’ dawn il-prodotti u, għaldaqstant, bħala deskrittiva. |
53 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija irrilevanti l-kwistjoni dwar jekk it-tqegħid fis-suq Ġermaniż ta’ ġobnijiet prodotti fil-Ġermanja taħt id-denominazzjoni Emmentaler meħuda waħedha huwiex kompatibbli mal-Ftehim Svizzera-Ġermanja, peress li l-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, li fir-rigward tagħha għandu jiġi evalwat il-karattru deskrittiv tas-sinjal inkwistjoni, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 25 iktar ’il fuq, hija fformata b’mod partikolari mill-espożizzjoni tiegħu għal dan is-sinjal kif ikkummerċjalizzat fis-suq. Fil-fatt, il-pubbliku rilevanti ġeneralment jassumi li l-prodotti kkummerċjalizzati fi Stat Membru jkunu tqiegħdu fis-suq tiegħu legalment, mingħajr ma neċessarjament jistaqsi dwar l-eżistenza ta’ allegati kunflitti bejn regoli legali. |
54 |
Konsegwentement, għandu jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell ma setax jibbaża ruħu fuq il-produzzjoni fil-Ġermanja tal-ġobon imsejjaħ Emmentaler bħala indizju fost oħrajn tal-karattru deskrittiv ta’ dan is-sinjal. |
– Fuq ir‑Regolament Ġermaniż dwar il‑Ġobnijiet
55 |
Sabiex juri li s-sinjal EMMENTALER jindika tip ta’ ġobon, il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu, barra minn hekk, fuq ir-Regolament Ġermaniż dwar il-Ġobnijiet, li jgħid li l-emmentaler huwa kklassifikat bħala tip standard ta’ ġobon. |
56 |
Ir-rikorrenti tallega li d-deċiżjoni kkontestata ma setgħetx tkun ibbażata fuq dan ir-regolament, peress li dan ma huwiex kompatibbli mal-Ftehim Svizzera-Ġermanja, li jipprevali fuqu. |
57 |
F’dan ir-rigward, mill-paragrafu 7 u mill-Anness 1 tar-Regolament Ġermaniż dwar il-Ġobnijiet jirriżulta li l-emmentaler huwa kklassifikat, minnu, bħala “Standardsorte”, jiġifieri bħala tip standard ta’ ġobon. |
58 |
Issa, tali klassifikazzjoni tista’ tirrifletti l-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti dwar il-karattru deskrittiv ta’ tali sinjal. |
59 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti li r-Regolament Ġermaniż dwar il-Ġobnijiet huwa allegatament inkompatibbli mal-Ftehim Svizzera-Ġermanja huwa irrilevanti għal raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punt 53 iktar ’il fuq. |
60 |
Konsegwentement, għandu jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell ma setax jibbaża ruħu fuq ir-Regolament Ġermaniż dwar il-Ġobnijiet bħala indizju fost oħrajn tal-karattru deskrittiv tas-sinjal. |
– Fuq il‑pożizzjoni tal‑Unjoni fin-negozjati tal‑Ftehim bejn l‑Isvizzera u l‑Unjoni
61 |
Sabiex jiġi kkonstatat li s-sinjal EMMENTALER jirreferi għal tip ta’ ġobon, il-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li, matul in-negozjati tal-Ftehim tas‑17 ta’ Mejju 2011 bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel, li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli (ĠU 2011, L 297, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim bejn l-Isvizzera u l-Unjoni”), l-Unjoni oġġezzjonat għall-inklużjoni tad-denominazzjoni “Emmentaler” fil-lista ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi li huma protetti permezz ta’ dan il-ftehim. |
62 |
Ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li l-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jista’ wkoll jiġi dedott mill-fatt li l-Unjoni kienet opponiet l-inklużjoni tad-denominazzjoni “Emmentaler” bħala tali fost id-denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi li huma protetti mill-Ftehim bejn l-Isvizzera u l-Unjoni. |
63 |
Skont ir-rikorrenti, l-Unjoni ċertament ma aċċettatx li tinkludi din id-denominazzjoni fil-lista ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi li huma protetti permezz tal-Ftehim bejn l-Isvizzera u l-Unjoni. Madankollu, dan il-fatt waħdu ma jippermettix li jiġi konkluż li l-ebda protezzjoni permezz ta’ trade mark kollettiva tal-Unjoni Ewropea ma hija possibbli għad-denominazzjoni Emmentaler meħuda weħedha. |
64 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, il-Ftehim bejn l-Isvizzera u l-Unjoni jinkludi, fl-Appendiċi 1 tiegħu, lista ta’ denominazzjonijiet ta’ ġobnijiet li għandhom protezzjoni reċiproka mill-partijiet kontraenti bħala denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi. |
65 |
Issa, id-denominazzjoni Emmentaler ma ġietx inkluża f’din il-lista. |
66 |
Min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet għal dan in-nuqqas ta’ inklużjoni ġew deskritti fi stqarrija għall-istampa tal-Uffiċċju Federali Svizzeru tal-Agrikoltura tas‑17 ta’ Diċembru 2009, li għaliha l-Bord tal-Appell irrefera fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata. |
67 |
F’din l-istqarrija għall-istampa, l-Uffiċċju Federali tal-Agrikoltura rrileva li n-negozjati tal-Ftehim bejn l-Isvizzera u l-Unjoni kienu ġew ostakolati għal żmien twil minħabba l-pożizzjonijiet diverġenti tagħhom fir-rigward tal-inklużjoni tad-denominazzjoni Emmentaler fil-lista tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fil-kuntest ta’ dan il-ftehim, peress li “[l-Unjoni kienet ikkunsidrat] id-denominazzjoni ‘[E]mmentaler’ bħala denominazzjoni ġenerika” u li “[hija kienet] eżiġiet li din id-denominazzjoni [tkun tista’] tintuża fl-Istati Membri kollha”. Skont l-imsemmija stqarrija għall-istampa, kien minħabba dawn id-diverġenzi li l-Isvizzera u l-Unjoni ddeċidew li ma jinkludux id-denominazzjoni Emmentaler fl-imsemmija lista. |
68 |
Issa, huwa plawżibbli li din il-pożizzjoni tal-Unjoni toriġina mill-fatt li, kif jirriżulta mill-punt 48 iktar ’il fuq, prodotti bid-denominazzjoni Emmentaler meħuda waħedha kienu tqiegħdu fis-suq tal-inqas f’ċerti Stati Membri, bħall-Ġermanja, b’tali mod li l-imsemmija pożizzjoni tista’ tirrifletti l-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti tal-Istati Membri, inkluż il-pubbliku Ġermaniż. |
69 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell ma setax jibbaża ruħu fuq din il-pożizzjoni bħala indizju fost oħrajn li l-kelma “emmentaler” hija pperċepita mill-pubbliku Ġermaniż bħala deskrittiva ta’ tip ta’ ġobon. |
– Fuq l‑istandard ġenerali għall‑emmental imfassal mill‑Kummissjoni Codex Alimentarius
70 |
Ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell talli ħa inkunsiderazzjoni l-istandard ġenerali għall-emmental imfassal mill-Kummissjoni Codex Alimentarius. Dan l-istandard ma jinkludix regoli vinkolanti għall-proċedura dwar it-trade marks fl-Unjoni u għalhekk ma jistax jipprevali fuq il-Ftehim Svizzera-Ġermanja, li ta protezzjoni lid-denominazzjoni Emmentaler kif inhi deskritta fil-punt 38 iktar ’il fuq. |
71 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta qabelxejn li l-fatt li denominazzjoni hija ddefinita bħala ġenerika fil-Codex Alimentarius huwa aspett rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tistax tkun deskrittiva ta’ tip ta’ ġobon (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2007, Consorzio per la tutela del formaggio Grana Padano vs UASI – Biraghi (GRANA BIRAGHI), T‑291/03, EU:T:2007:255, punt 67, u tal‑14 ta’ Diċembru 2017, Consejo Regulador “Torta del Casar” vs EUIPO – Consejo Regulador Queso de La Serena (QUESO Y TORTA DE LA SERENA), T‑828/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:918, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
72 |
Sussegwentement, skont l-istandard ġenerali għall-emmental (CXS 269‑1967) imfassal mill-Kummissjoni Codex Alimentarius, il-kelma “emmental” tirreferi għal ġobon immaturat iebes li huwa konformi mar-rekwiżiti elenkati f’dan l-istandard. Skont l-Artikolu 7.1 tal-imsemmi standard, is-sinjal EMMENTALER jista’ jintuża konformement mal-istandard ġenerali għall-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel ippakkjati minn qabel, sakemm il-prodott ikun konformi mal-istandard għall-emmental. |
73 |
Minn dan isegwi li s-sinjal EMMENTALER huwa, fil-kuntest tal-Codex Alimentarius, ipperċepit bħala denominazzjoni ta’ tip ta’ ġobon li għandu l-karatteristiċi li jinsabu f’dan l-istandard. |
74 |
Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-Artikolu 7.2 ta’ dan l-istess standard għall-emmental, li jgħid li l-isem tal-pajjiż ta’ oriġini għandu jiġi indikat fuq it-tikketta tal-prodott. Fil-fatt, il-minuti tal‑35 sessjoni tal-Kumitat dwar it-Tikkettjar tal-Prodotti tal-Ikel tal-Kummissjoni Codex Alimentarius ippreċiżaw, bil-kunsens tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni, li dan l-istandard fil-qasam tad-denominazzjoni kien intiż sabiex iżomm in-natura ġenerika tal-isem tal-ġobon. |
75 |
Bl-istess mod, ir-rilevanza tal-istandard ġenerali għall-emmental imsemmi iktar ’il fuq ma hijiex ikkontestata mill-Ftehim Svizzera-Ġermanja, li għalih tirreferi r-rikorrenti, għal raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punt 53 iktar ’il fuq. |
76 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord tal-Appell seta’ jibbaża ruħu fuq l-istandard ġenerali għall-emmental imfassal mill-Kummissjoni Codex Alimentarius bħala indizju fost oħrajn sabiex jikkonkludi li l-kelma “emmentaler” kienet deskrittiva tal-prodotti inkwistjoni. |
– Fuq is‑sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2000, Guimont (C‑448/98)
77 |
Ir-rikorrenti ssostni li n-natura ġenerika tal-kelma “emmentaler” ma tirriżultax mis-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2000, Guimont (C‑448/98, EU:C:2000:663). Huwa minnu li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li kien stabbilit li l-emmental kien ġobon legalment immanifatturat u kkummerċjalizzat fi Stati Membri oħra minbarra Franza. Madankollu, dan il-fatt huwa biss kriterju fost oħrajn li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata n-natura reġistrabbli tal-kelma “emmentaler”. |
78 |
Dwar dan il-punt, għandu jitfakkar li, fil-punt 32 tas-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2000, Guimont (C‑448/98, EU:C:2000:663), il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma, kif jirriżulta mill-punti 45 sa 53 iktar ’il fuq, li l-ġobon emmental huwa legalment immanifatturat u kkummerċjalizzat fi Stati Membri oħra minbarra Franza. |
79 |
Kif tammetti r-rikorrenti stess, dan il-fatt huwa kriterju fost oħrajn li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata n-natura reġistrabbli tal-kelma “emmentaler”. Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma affermatx, u wisq inqas ipprovat, li dan il-fatt huwa irrilevanti f’dan il-każ, anki jekk biss bħala wieħed mill-indizji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, fost oħrajn, waqt l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv tad-denominazzjoni Emmentaler. |
80 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell ma setax jibbaża ruħu fuq is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2000, Guimont (C‑448/98, EU:C:2000:663), bħala indizju fost oħrajn tal-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. |
– Konklużjoni dwar il‑karattru deskrittiv
81 |
Fid-dawl tal-indizji eżaminati fil-punti 31 sa 80 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell seta’ jikkonstata, fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma jwettaq żball ta’ evalwazzjoni, li l-pubbliku rilevanti Ġermaniż kien jifhem immedjatament is-sinjal EMMENTALER bħala li jindika tip ta’ ġobon. |
82 |
Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 23 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell għalhekk ġustament ikkonkluda li dan is-sinjal kellu karattru deskrittiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament 2017/1001, filwaqt li jitfakkar li huwa biżżejjed li din ir-raġuni għal rifjut teżisti f’parti mill-Unjoni, li tista’ tkun ikkostitwita, jekk ikun il-każ, minn Stat Membru wieħed. |
83 |
Fl-aħħar nett, peress li l-indizji eżaminati fil-punti 31 sa 76 iktar ’il fuq juru b’mod suffiċjenti fid-dritt li s-sinjal EMMENTALER għandu karattru deskrittiv fil-Ġermanja, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-ilmenti l-oħra mqajma fil-kuntest tat-tieni motiv, relatati mal-elementi l-oħra li l-Bord tal-Appell jibbaża ruħu fuqhom fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, peress li dawn l-elementi ma jikkonċernawx il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti Ġermaniż. |
84 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud. |
Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 74(2) tar‑Regolament 2017/1001
85 |
Ir-rikorrenti ssostni li d-denominazzjoni Emmentaler meħuda waħedha għandha tibbenefika minn protezzjoni bħala trade mark kollettiva, bis-saħħa tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament 2017/1001, peress li tirreferi għall-oriġini ġeografika tal-prodotti inkwistjoni. |
86 |
L-EUIPO, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża jikkontestaw dan l-argument. |
87 |
Kif jirriżulta mill-punti 10 u 11 iktar ’il fuq, id-deroga mill-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001, li hija prevista fl-Artikolu 74(2) ta’ dan ir-regolament, għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta. B’mod partikolari, il-portata tagħha ma tistax tkopri s-sinjali li jiġu kkunsidrati bħala indikazzjoni tat-tip, tal-kwalità, tal-kwantità, tal-użu intenzjonat, tal-valur, taż-żmien tal-produzzjoni jew ta’ karatteristika oħra tal-prodotti inkwistjoni, iżda biss is-sinjali li jiġu kkunsidrati bħala indikazzjoni tal-oriġini ġeografika tal-imsemmija prodotti. |
88 |
F’dan il-każ, mill-punti 31 sa 82 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Bord tal-Appell ikkonkluda ġustament li l-kelma “emmentaler” kienet deskrittiva ta’ tip ta’ ġobon għall-pubbliku rilevanti Ġermaniż u ma kinitx ipperċepita bħala indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika tal-imsemmi ġobon. |
89 |
Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma pproduċietx quddiem il-Qorti Ġenerali elementi konkreti oħra intiżi sabiex juru li dan il-pubbliku jifhem dan is-sinjal f’dan is-sens. |
90 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija ma tistax tallega li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tiġi protetta skont l-Artikolu 74(2) tar-Regolament 2017/1001. |
91 |
Konsegwentement, l-ewwel motiv u, għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda. |
Fuq l‑ispejjeż
92 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
93 |
Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-EUIPO, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mir-Repubblika Franċiża u miċ-CNIEL. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Kornezov Kowalik-Bańczyk Petrlík Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑24 ta’ Mejju 2023. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.