This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CN0340
Case C-340/21: Request for a preliminary ruling from the Varhoven administrativen sad (Bulgaria) lodged on 2 June 2021 — VB v Natsionalna agentsia za prihodite
Kawża C-340/21: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Bulgarija) fit-2 ta’ Ġunju 2021 – VB vs Natsionalna agentsia za prihodite
Kawża C-340/21: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Bulgarija) fit-2 ta’ Ġunju 2021 – VB vs Natsionalna agentsia za prihodite
ĠU C 329, 16.8.2021, p. 12–13
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
16.8.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 329/12 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Bulgarija) fit-2 ta’ Ġunju 2021 – VB vs Natsionalna agentsia za prihodite
(Kawża C-340/21)
(2021/C 329/16)
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Varhoven administrativen sad
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: VB
Konvenut: Natsionalna agentsia za prihodite
Domandi preliminari
1) |
L-Artikolu 24 u l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (1) jistgħu jiġu interpretati fis-sens li, sabiex jiġi konkluż li l-miżuri tekniċi u organizzattivi implimentati ma humiex adegwati, huwa biżżejjed li l-iżvelar mhux awtorizzat ta’ data personali jew l-aċċess mhux awtorizzat għal data personali, fis-sens tal-punt 12 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679, jitwettqu minn persuni li ma humiex impjegati fl-amministrazzjoni tal-kontrollur responsabbli għad-data personali u li ma jaqgħux taħt il-kontroll tiegħu? |
2) |
Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, x’għandhom ikunu s-suġġett u l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità fil-kuntest ta’ kwistjoni dwar jekk il-miżuri tekniċi u organizzattivi implimentati mill-kontrollur responsabbli għad-data personali taħt l-Artikolu 32 tar-Regolament 2016/679 humiex adegwati? |
3) |
Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, il-prinċipju ta’ responsabbiltà stabbilit fl-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 24, moqrija flimkien mal-premessa 74 tar-Regolament 2016/679, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ kawża mressqa skont l-Artikolu 82(1) tar-Regolament 2016/679, il-kontrollur responsabbli għad-data personali għandu l-oneru jipprova li l-miżuri tekniċi u organizzattivi implimentati taħt l-Artikolu 32 tar-Regolament 2016/679 huma adegwati? Il-ħatra ta’ perit legali tista’ titqies li hija mezz ta’ prova neċessarju u suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit jekk il-miżuri tekniċi u organizzattivi implimentati mill-kontrollur responsabbli għad-data personali humiex adegwati f’sitwazzjoni bħal dik ineżami, fejn l-aċċess mhux awtorizzat għal data personali u l-iżvelar mhux awtorizzat ta’ data personali kienu r-riżultat ta’ “hacking”? |
4) |
L-Artikolu 82(3) tar-Regolament 2016/679 jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-iżvelar mhux awtorizzat ta’ data personali jew l-aċċess mhux awtorizzat għal data personali, fis-sens tal-punt 12 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679, fil-każ ta’ “hacking”, minn persuni li ma humiex impjegati fl-amministrazzjoni tal-kontrollur responsabbli għad-data personali u li ma jaqgħux taħt il-kontroll tiegħu, huma avvenimenti li għalihom dan il-kontrollur fl-ebda każ ma jista’ jinżamm responsabbli u jikkostitwixxu ġustifikazzjoni sabiex jinħeles mir-responsabbiltà tiegħu? |
5) |
L-Artikolu 82(1) u (2), flimkien mal-premessi 85 u 146 tal-preambolu tar-Regolament 2016/679, jista’ jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik ineżami fejn kien hemm ksur tas-sigurtà tad-data personali minħabba aċċess mhux awtorizzat għal data personali u komunikazzjoni mhux awtorizzata ta’ data personali mwettqa permezz ta’ “hacking”, jaqa’ fi ħdan it-tifsira wiesgħa tal-kunċett ta’ dannu morali u jikkostitwixxi bażi għall-għoti ta’ kumpens s-sempliċi fatt li s-suġġett tad-data jesprimi tħassib, inkwiet u perikolu ta’ eventwali abbuż fil-futur mid-data personali, mingħajr ma jkun ġie stabbilit tali abbuż u/jew mingħajr ma jkun ġie stabbilit dannu ieħor għas-suġġett tad-data? |
(1) ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2.