This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CJ0807
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 5 December 2023.#Deutsche Wohnen SE v Staatsanwaltschaft Berlin.#Request for a preliminary ruling from the Kammergericht Berlin.#Reference for a preliminary ruling – Protection of personal data – Regulation (EU) 2016/679 – Article 4(7) – Concept of ‘controller’ – Article 58(2) – Powers of supervisory authorities to apply corrective measures – Article 83 – Imposition of administrative fines on a legal person – Conditions – Discretion of the Member States – Requirement that the infringement be intentional or negligent.#Case C-807/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta’ Diċembru 2023.
Deutsche Wohnen SE vs Staatsanwaltschaft Berlin.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Kammergericht Berlin.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Punt 7 tal-Artikolu 4 – Kunċett ta’ ‘kontrollur’ – Artikolu 58(2) – Setgħat tal-awtoritajiet superviżorji li jimponu miżuri korrettivi – Artikolu 83 – Impożizzjoni ta’ multi amministrattivi fuq persuna ġuridika – Kundizzjonijiet – Marġni ta’ manuvra tal-Istati Membri – Rekwiżit tan-natura intenzjonali jew negliġenti tal-ksur.
Kawża C-807/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta’ Diċembru 2023.
Deutsche Wohnen SE vs Staatsanwaltschaft Berlin.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Kammergericht Berlin.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Punt 7 tal-Artikolu 4 – Kunċett ta’ ‘kontrollur’ – Artikolu 58(2) – Setgħat tal-awtoritajiet superviżorji li jimponu miżuri korrettivi – Artikolu 83 – Impożizzjoni ta’ multi amministrattivi fuq persuna ġuridika – Kundizzjonijiet – Marġni ta’ manuvra tal-Istati Membri – Rekwiżit tan-natura intenzjonali jew negliġenti tal-ksur.
Kawża C-807/21.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:950
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
5 ta’ Diċembru 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Punt 7 tal-Artikolu 4 – Kunċett ta’ ‘kontrollur’ – Artikolu 58(2) – Setgħat tal-awtoritajiet superviżorji li jimponu miżuri korrettivi – Artikolu 83 – Impożizzjoni ta’ multi amministrattivi fuq persuna ġuridika – Kundizzjonijiet – Marġni ta’ manuvra tal-Istati Membri – Rekwiżit tan-natura intenzjonali jew negliġenti tal-ksur”
Fil‑Kawża C‑807/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Diċembru 2021, fil-proċedura
Deutsche Wohnen SE
vs
Staatsanwaltschaft Berlin,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, C. Lycourgos, E. Regan, T. von Danwitz, Z. Csehi, O. Spineanu-Matei, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.-C. Bonichot, L. S. Rossi, A. Kumin, N. Jääskinen (Relatur), N. Wahl u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑17 ta’ Jannar 2023,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Deutsche Wohnen SE, minn O. Geiss, K. Mertens, N. Venn u T. Wybitul, Rechtsanwälte, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u P.-L. Krüger, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Estonjan, minn M. Kriisa, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn C. S. Schillemans, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Norveġiż, minn L.-M. Moen Jünge, M. Munthe-Kaas u T. Westhagen Edell, bħala aġenti, |
– |
għall-Parlament Ewropew, minn G. C. Bartram u P. López-Carceller, bħala aġenti, |
– |
għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn J. Bauerschmidt u K. Pleśniak, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar, F. Erlbacher, H. Kranenborg u G. Meessen, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑27 ta’ April 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 83(4) u (6) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Deutsche Wohnen SE (iktar ’il quddiem “DW”) u l-iStaatsanwaltschaft Berlin (l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Berlin, il-Ġermanja) dwar multa amministrattiva imposta fuq DW, b’applikazzjoni tal-Artikolu 83 tal-GDPR, abbażi tal-ksur tal-Artikolu 5(1)(a), (c) u (e), tal-Artikolu 6, kif ukoll tal-Artikolu 25(1) ta’ dan ir-regolament. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 |
Il-premessi 9, 10, 13, 74, 129 u 150 tal-GDPR jistipulaw:
[…]
[…]
[…]
[…]
|
4 |
Skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament: […]
[…]
[…]” |
5 |
L-Artikolu 58 tal-imsemmi regolament, intitolat “Setgħat”, jipprevedi, fil-paragrafi 2 u 4 tiegħu: “2. Kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħat kollha korrettivi li ġejjin:
[…]
[…]
[…]
[…] 4. L-eżerċizzju tas-setgħat ikkonferiti lill-awtorità superviżorja skont dan l-Artikolu għandu jkun soġġett għal salvagwardji xierqa, inklużi r-rimedju ġudizzjarju effettiv u l-proċess ġust, stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni u l-liġijiet tal-Istati Membri f’konformità mal-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea].” |
6 |
L-Artikolu 83 tal-istess regolament, intitolat (“Kondizzjonijiet ġenerali biex jiġu imposti multi amministrattivi”) huwa fformulat kif ġej: “1. Kull awtorità superviżorja għandha tiżgura li l-impożizzjoni ta’ multi amministrattivi skont dan l-Artikolu fir-rigward ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament imsemmi fil-paragrafi 4, 5 u 6 għandha tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva f’kull każ individwali. 2. Il-multi amministrattivi għandhom, skont iċ-ċirkostanzi ta’ kull każ individwali, jiġu imposti flimkien ma’, jew minflok, miżuri msemmija fil-punti (a) sa (h) u (j) tal-Artikolu 58(2). Meta jiġi deċiż jekk għandiex tiġi imposta multa amministrattiva u jiġi deċiż l-ammont tal-multa amministrattiva, f’kull każ individwali, għandha tingħata konsiderazzjoni dovuta lil dawn li ġejjin:
3. Jekk kontrollur jew proċessur, intenzjonalment jew b’negliġenza, għall-istess operazzjonijiet ta’ pproċessar jew għal dawk b’rabta ma’ xulxin, jikser diversi dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, l-ammont totali tal-multa amministrattiva ma għandux jaqbeż l-ammont speċifikat għall-ksur l-aktar gravi. 4. Il-ksur tad-dispożizzjonijiet li ġejjin għandu, f’konformità mal-paragrafu 2a, ikun soġġett għal multi amministrattivi sa EUR 10000000, jew fil-każ ta’ impriża, sa 2 % tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla.
[…] 5. Il-ksur tad-dispożizzjonijiet li ġejjin għandu, f’konformità mal-paragrafu 2a, ikun soġġett għal multi amministrattivi sa EUR 20000000, jew fil-każ ta’ impriża, sa 4 % tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla:
6. Nuqqas ta’ konformità ma’ ordni mill-awtorità superviżjorja kif imsemmija fl-Artikolu 58(2) għandu, f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, ikun soġġett għal multi amministrattivi sa EUR 20000000, jew fil-każ ta’ impriża, sa 4 % tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla. 7. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat korrettivi ta’ awtoritajiet superviżorji skont l-Artikolu 58(2), kull Stat Membru jista’ jistipula r-regoli dwar jekk u sa fejn multi amministrattivi jistgħu jiġu imposti fuq awtoritajiet jew korpi pubbliċi stabbiliti f’dak l-Istat Membru. 8. L-eżerċizzju mill-awtorità superviżorja tas-setgħat tagħha taħt dan l-Artikolu għandu jkun soġġett għal salvagwardji proċedurali xierqa f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u l-liġi tal-Istat Membru, inklużi rimedju ġudizzjarju u proċess dovut effettivi. […]” |
Id‑dritt Ġermaniż
7 |
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 41(1) tal-Bundesdatenschutzgesetz (il-Liġi Federali dwar il-Protezzjoni tad-Data), tat‑30 ta’ Ġunju 2017 (BGBl. 2017 I, p. 2097), jipprovdi li, bla ħsara għal dispożizzjoni kuntrarja f’din il-liġi, id-dispożizzjonijiet tal-Gesetz über Ordnungswidrigkeiten (il-Liġi dwar il-Ksur Amministrattiv), tal‑24 ta’ Mejju 1968 (BGBl. 1968 I, p. 481), fil-verżjoni tal-komunikazzjoni tad‑19 ta’ Frar 1987 (BGBl. 1987 I, p. 602), kif adatta bil-Liġi tad‑19 ta’ Ġunju 2020, (BGBl. 2020 I, p. 1350, iktar ’il quddiem l-“OWiG”), huma applikabbli għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 83(4) sa (6) tal-GDPR. |
8 |
L-Artikolu 30 tal-OWiG, intitolat “Multi deċiżi kontra persuni ġuridiċi u assoċjazzjonijiet ta’ persuni”, jipprovdi: “(1) Meta persuna li taġixxi
ikun wettaq reat kriminali jew amministrattiv, b’tali mod li jkunu nkisru l-obbligi tal-persuna ġuridika jew tal-assoċjazzjoni ta’ persuni, jew li dik il-persuna ġuridika jew assoċjazzjoni ta’ persuni tkun ġiet arrikkita jew meqjusa li ġiet arrikkita, tista’ tiġi imposta multa fuq dik il-persuna ġuridika jew fuq dik l-assoċjazzjoni ta’ persuni. […] (4) Jekk il-ksur kriminali jew amministrattiv ma jagħtix lok għall-ftuħ ta’ proċedura kriminali jew ta’ proċedura ta’ kontravvenzjoni amministrattiva, jew jekk dawn il-proċeduri jiġu tterminati jew jekk tiġi rrinunzjata kull piena, il-multa tista’ tiġi imposta b’mod indipendenti. Il-liġi tista’ tipprevedi wkoll il-possibbiltà li tiġi imposta l-multa b’mod indipendenti f’każijiet oħra. Madankollu, huwa eskluż li tiġi imposta multa b’mod indipendenti fuq il-persuna ġuridika jew l-assoċjazzjoni ta’ persuni meta l-ksur kriminali jew amministrattiv ma jistax jiġi ssanzjonat għal raġuni ġuridika […]” |
9 |
L-Artikolu 130 tal-UmwG jipprovdi: “(1) Min, bħala proprjetarju ta’ negozju jew impriża, jastjeni, b’mod intenzjonali jew b’negliġenza, milli jieħu l-miżuri ta’ sorveljanza neċessarji sabiex jipprevjeni, fi ħdan in-negozju jew fl-impriża, il-ksur tal-obbligi li għalihom huwa suġġett il-proprjetarju tagħha u li l-ksur tiegħu huwa suġġett għal piena jew multa, iwettaq ksur amministrattiv jekk dan il-ksur seta’ jiġi prekluż jew magħmul iktar diffiċli permezz ta’ miżuri ta’ sorveljanza xierqa, fosthom il-ħatra, l-għażla bir-reqqa u l-kontroll tal-persuni responsabbli mill-kontrolli. Il-miżuri ta’ sorveljanza meħtieġa għandhom jinkludu wkoll il-ħatra, l-għażla bir-reqqa u l-kontroll tal-persuni responsabbli għas-sorveljanza. […] (3) Meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa punibbli b’piena, il-ksur amministrattiv jista’ jiġi punit b’multa ta’ mhux iktar minn miljun euro massimu. It-tielet sentenza tal-Artikolu 30(2)(1) tapplika. Meta n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu huwa suġġett għal multa, l-ammont massimu tal-multa imposta għan-nuqqas ta’ osservanza tad-dmir ta’ sorveljanza huwa ddeterminat skont l-ammont massimu tal-multa għal dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. […]” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
10 |
DW hija kumpannija immobiljari, ikkostitwita fil-forma ġuridika ta’ kumpannija Ewropea, ikkwotata fil-Borża u li s-sede tagħha tinsab f’Berlin (il-Ġermanja). Hija għandha indirettament, permezz ta’ holdings f’diversi kumpanniji, madwar 163000 unità ta’ abitazzjoni u 3000 unità kummerċjali. |
11 |
Il-proprjetarji ta’ dawn il-binjiet kummerċjali huma sussidjarji ta’ DW imsejħa “kumpanniji proprjetarji” li jamministraw l-attività operattiva, filwaqt li DW tikkonċentra fuq l-amministrazzjoni ġenerali tal-grupp li tikkostitwixxi b’mod partikolari ma’ dawn. Il-kumpanniji proprjetarji jikru l-unitajiet kummerċjali u ta’ akkomodazzjoni, li huma amministrati minn kumpanniji oħra tal-imsemmi grupp, imsejħa “impriżi ta’ servizzi”. |
12 |
Fil-kuntest tal-attivitajiet kummerċjali tagħhom, DW u l-kumpanniji tal-grupp li hija tmexxi jipproċessaw data personali tal-kerrejja tal-unitajiet kummerċjali u ta’ akkomodazzjoni, bħal, pereżempju, provi tal-identità, tad-data fiskali, soċjali u ta’ assigurazzjoni għall-mard ta’ dawn il-kerrejja, kif ukoll informazzjoni dwar il-kuntratti ta’ kiri preċedenti. |
13 |
Fit‑23 ta’ Ġunju 2017, waqt spezzjoni fuq il-post, il-Berliner Beauftragte für den Datenschutz (l-awtorità superviżorja f’Berlin, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“awtorità superviżorja”), ġibdet l-attenzjoni ta’ DW dwar il-fatt li l-kumpanniji tal-grupp tagħha kienu qegħdin iżommu dokumenti li jinkludu data personali tal-kerrejja f’sistema ta’ arkivjar elettroniku li ma kinitx tippermetti li jiġi vverifikat jekk il-ħażna kinitx neċessarja u jekk kinux jeżistu garanziji li d-data li ma kinitx iktar meħtieġa kienet titħassar. |
14 |
L-awtorità superviżorja talbet lil DW tħassar dawn id-dokumenti mis-sistema ta’ arkivjar elettroniku tagħha sa mhux iktar tard minn tmiem is-sena 2017. Fir-risposta tagħha għal din it-talba, DW irrelevat li tali tħassir ma kienx possibbli għal raġunijiet tekniċi u legali. |
15 |
Wara skambji bejn DW u l-awtorità superviżorja dwar il-possibbiltà li jitħassru d-dokumenti inkwistjoni, DW informat lil din l-awtorità bl-intenzjoni tagħha li tistabbilixxi sistema ġdida ta’ ħżin, intiża li tissostitwixxi dik li kien fiha l-imsemmija dokumenti. |
16 |
Fil‑5 ta’ Marzu 2019, l-awtorità superviżorja wettqet kontroll fis-sede ċentrali tal-grupp amministrat minn DW. Matul il-kontroll, DW informat lil din l-awtorità li s-sistema ta’ arkivjar elettroniku kkontestata kienet diġà ġiet diżattivata u li l-migrazzjoni tad-data lejn is-sistema l-ġdida ta’ ħżin kienet imminenti. |
17 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Ottubru 2019, l-awtorità superviżorja imponiet fuq DW multa amministrattiva ta’ EUR 14385000, minħabba l-ksur intenzjonat tal-Artikolu 5(1)(a), (c) u (e), kif ukoll tal-Artikolu 25(1) tal-GDPR (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, din l-awtorità imponiet ukoll fuq DW 15-il multa oħra ta’ ammonti ta’ bejn EUR 3000 u EUR 17000 abbażi tal-ksur tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR. |
18 |
Fid-deċiżjoni inkwistjoni, l-awtorità superviżorja qieset, b’mod iktar partikolari, li DW kienet deliberatament naqset, bejn il‑25 ta’ Mejju 2018 u l‑5 ta’ Marzu 2019, milli tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tippermetti t-tħassir regolari tad-data personali dwar il-kerrejja li ma kinitx għadha neċessarja jew li kienet, għal xi raġuni oħra, ġiet maħżuna b’mod żbaljat. Hija rrilevat ukoll li DW kienet kompliet taħżen, mingħajr ma tali pass kien neċessarju, id-data personali ta’ mill-inqas 15-il kerrej identifikat b’mod iktar preċiż. |
19 |
DW ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja). Din il-qorti għalqet il-proċedura mingħajr tkomplija billi qieset li d-deċiżjoni inkwistjoni kienet ivvizzjata b’nuqqasijiet tant gravi li din ma setgħetx isservi bħala bażi għall-impożizzjoni ta’ multa. |
20 |
L-imsemmija qorti rrilevat b’mod partikolari li l-impożizzjoni ta’ multa fuq persuna ġuridika hija rregolata b’mod eżawrjenti mill-Artikolu 30 tal-OWiG li, skont l-Artikolu 41(1) tal-Liġi Federali dwar il-Protezzjoni tad-Data, japplika għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 83(4) sa (6) tal-GDPR. Issa, skont dan l-Artikolu 30 tal-OWiG, ksur amministrattiv jista’ jiġi kkonstatat biss fil-konfront ta’ persuna fiżika u mhux kontra persuna ġuridika. Barra minn hekk, huma biss l-atti tal-membri tal-korpi jew tar-rappreżentanti tal-persuna ġuridika li jistgħu jiġu imputati lil din. Għalkemm il-paragrafu 4 tal-imsemmi Artikolu 30 jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, li tinbeda proċedura ta’ ksur amministrattiv indipendenti, xorta jibqa’ l-fatt li, anki f’din l-ipoteżi, ikun meħtieġ li ksur amministrattiv ikun jista’ jiġi kkonstatat kontra membri tal-korpi jew rappreżentanti tal-persuna ġuridika kkonċernata. |
21 |
L-iStaatsanwaltschaft Berlin (l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Berlin) appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju. |
22 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk, skont l-Artikolu 83 tal-GDPR, multa amministrattiva għandhiex tkun tista’ tiġi imposta fuq persuna ġuridika mingħajr ma l-ksur ta’ dan ir-regolament jiġi imputat minn qabel lil persuna fiżika identifikata. F’dan il-kuntest, din il-qorti tistaqsi b’mod partikolari dwar ir-rilevanza tal-kunċett ta’ “impriża”, fis-sens tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. |
23 |
F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tispjega li, skont ġurisprudenza nazzjonali, is-sistema ta’ responsabbiltà limitata tal-persuni ġuridiċi eżistenti fid-dritt nazzjonali tmur kontra s-sistema ta’ responsabbiltà diretta tal-impriżi prevista fl-Artikolu 83 tal-GDPR. Skont din il-ġurisprudenza, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 83 tal-GDPR li, konformement mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, jipprevali fuq is-sistema nazzjonali, jirriżulta b’mod partikolari li jistgħu jiġu imposti multi amministrattivi fuq l-impriżi. Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li l-impożizzjoni ta’ tali multi tintrabat ma’ att illegali tal-korpi jew tal-amministraturi tal-persuni ġuridiċi, kuntrarjament għal dak li huwa meħtieġ mid-dritt nazzjonali applikabbli. |
24 |
Fil-fatt, skont l-imsemmija qorti, din il-ġurisprudenza, bħall-maġġoranza tad-duttrina nazzjonali, tagħti importanza partikolari lill-kunċett ta’ “impriża”, fis-sens tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, u għalhekk lill-idea li r-responsabbiltà hija imputata lill-entità ekonomika li fi ħdanha ġie adottat l-aġir mhux mixtieq, pereżempju antikompetittiv. Skont din l-interpretazzjoni “funzjonali”, l-atti kollha tal-impjegati kollha awtorizzati li jaġixxu f’isem impriża huma imputabbli lill-impriża, anki fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi. |
25 |
Fit-tieni lok, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li multa amministrattiva għandha tkun tista’ tiġi imposta direttament fuq persuna ġuridika, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kriterji li għandhom jiġu applikati sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ persuna ġuridika, bħala impriża, għal ksur tal-GDPR. Hija tixtieq b’mod partikolari tkun taf jekk multa amministrattiva tistax tiġi imposta skont l-Artikolu 83 ta’ dan ir-regolament fuq persuna ġuridika mingħajr ma jiġi stabbilit li l-ksur tal-imsemmi regolament imputat lilha twettaq b’mod illegali. |
26 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq it‑talba għal ftuħ mill‑ġdid tal‑proċedura orali
27 |
Wara s-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fis‑17 ta’ Jannar 2023, DW, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Marzu 2023, talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
28 |
Insostenn tat-talba tagħha, DW issostni, essenzjalment, li r-risposti mogħtija mill-qorti tar-rinviju għat-talba għal kjarifiki, indirizzata lilha skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura, jipprovdu lill-Qorti tal-Ġustizzja informazzjoni ineżatta dwar id-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt nazzjonali. Issa, dibattitu eżawrjenti dwar dan is-suġġett waqt is-seduta tas‑17 ta’ Jannar 2023 ma kienx possibbli, minħabba l-fatt li l-partijiet kienu saru jafu b’dawn ir-risposti tlett ijiem biss ta’ xogħol qabel din is-seduta. Fil-fatt, tali terminu ma kienx jippermetti li s-seduta tiġi ppreparata fid-dettall. |
29 |
Konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk tqis li ma jkollhiex biżżejjed informazzjoni, jew meta parti tkun ippreżentat, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jkollu influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma jkunx ġie ttrattat mill-partijiet ikkonċernati. |
30 |
Madankollu, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tiddeċiedi u din il-kawża ma għandhiex tiġi deċiża abbażi ta’ argumenti li ma kinux diskussi bejn il-partijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura ma tinkludi ebda fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħti f’din il-kawża. |
31 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. |
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
32 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 58(2) u l-Artikolu 83(1) sa (6) tal-GDPR għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha multa amministrattiva tista’ tiġi imposta fuq persuna ġuridika fil-kwalità tagħha ta’ kontrollur għal ksur imsemmi fil-paragrafi 4 sa 6 ta’ dan l-Artikolu 83 biss sa fejn dan il-ksur ikun ġie imputat minn qabel lil persuna fiżika identifikata. |
33 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Ġermaniż esprima dubji dwar din l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-qorti tar-rinviju, minħabba li l-Artikolu 130 tal-OWiG jippermetti li tiġi imposta multa fuq persuna ġuridika anki barra mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 30 tal-OWiG. Barra minn hekk, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jippermettu li tiġi imposta multa msejħa “anonima” fil-kuntest ta’ proċedura mibdija kontra l-impriża, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi identifikata l-persuna fiżika awtriċi tal-ksur inkwistjoni. |
34 |
B’risposta għal talba għal kjarifiki indirizzata lill-qorti tar-rinviju, imsemmija fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, din indikat li l-Artikolu 130 tal-OWiG ma għandux effett fuq l-ewwel domanda magħmula. |
35 |
Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tirrigwarda, skont din il-qorti, il-proprjetarju ta’ negozju jew ta’ impriża, li għandu jkun naqas b’mod żbaljat milli jwettaq obbligu ta’ sorveljanza. Il-prova ta’ tali nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi imputabbli lill-proprjetarju tal-impriża hija madankollu estremament kumplessa u ħafna drabi impossibbli li tiġi prodotta, u l-kwistjoni dwar jekk grupp ta’ impriżi jistax jiġi kklassifikat bħala “impriża” jew bħala “proprjetarju ta’ impriżi” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, hija diskussa b’mod kontroversjali fuq livell nazzjonali. Fi kwalunkwe każ, l-ewwel domanda preliminari hija wkoll rilevanti f’dan il-kuntest. |
36 |
Għandu jitfakkar li, f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ordinament ġuridiku nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija bħala prinċipju marbuta li tibbaża ruħha fuq il-kriterji li jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt intern ta’ Stat Membru (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk, C‑422/19 u C‑423/19, EU:C:2021:63, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
Għaldaqstant, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari billi wieħed jitlaq mill-premessa li, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, multa amministrattiva tista’ tiġi imposta fuq persuna ġuridika fil-kwalità tagħha ta’ kontrollur għal ksur imsemmi fl-Artikolu 83(4) sa (6) tal-GDPR biss taħt il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 30 tal-OWiG, kif esposti mill-qorti tar-rinviju. |
38 |
Sabiex tingħata risposta għal din l-ewwel domanda, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-prinċipji, projbizzjonijiet u obbligi previsti mill-GDPR huma indirizzati, b’mod partikolari, lill-“kontrolluri” li r-responsabbiltà tagħhom testendi, kif tenfasizza l-premessa 74 tal-GDPR, għal kull ipproċessar ta’ data personali li huma jwettqu huma stess jew li jitwettaq f’isimhom, u li huma obbligati, f’dan ir-rigward, mhux biss jimplimentaw miżuri xierqa u effettivi, iżda wkoll li jkunu jistgħu juru l-konformità tal-attivitajiet ta’ pproċessar tagħhom mal-GDPR, inkluża l-effettività tal-miżuri adottati sabiex tiġi żgurata tali konformità. Hija din ir-responsabbiltà li tikkostitwixxi, fil-każ ta’ ksur minn dawk imsemmija fl-Artikolu 83(4) sa (6) ta’ dan ir-regolament, il-bażi għall-impożizzjoni ta’ multa amministrattiva fuq il-kontrollur skont dan l-Artikolu 83. |
39 |
Il-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR jiddefinixxi b’mod wiesa’ l-kunċett ta’ “kontrollur” bħala li tinkludi persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li waħdu jew flimkien ma’ oħrajn jiddetermina l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ta’ data personali. |
40 |
L-għan ta’ din id-definizzjoni wiesgħa tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR — li jinkludi espressament il-persuni ġuridiċi — jikkonsisti, b’mod konformi ma’ dak tal-GDPR, f’li tiġi żgurata protezzjoni effikaċi tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi kif ukoll, b’mod partikolari, livell għoli ta’ protezzjoni tad-dritt ta’ kull persuna għall-protezzjoni tad-data personali li tikkonċernaha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Lulju 2019, Fashion ID, C‑40/17, EU:C:2019:629, punt 66 u tat‑28 ta’ April 2022, Meta Platforms Ireland, C‑319/20, EU:C:2022:322, punt 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li persuna fiżika jew ġuridika li jkollha effett, għal finijiet speċifiċi għaliha, fuq l-ipproċessar ta’ data ta’ natura personali u li minħabba f’hekk tipparteċipa għad-determinazzjoni tal-finijiet u tal-mezzi ta’ dan l-ipproċessar tista’ titqies bħala kontrollur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2018, Jehovan todistajat, C‑25/17, EU:C:2018:551, punt 68). |
42 |
Għalhekk, mill-formulazzjoni u mill-għan tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma wettaqx, għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-responsabbiltà skont dan ir-regolament, distinzjoni bejn il-persuni fiżiċi u l-persuni ġuridiċi, peress li din ir-responsabbiltà hija suġġetta biss għall-kundizzjoni li dawn, waħedhom jew flimkien ma’ oħrajn, jiddeterminaw il-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali. |
43 |
Għaldaqstant, bla ħsara għal dak li huwa previst fl-Artikolu 83(7) tal-GDPR dwar l-awtoritajiet u l-organi pubbliċi, kull persuna li tissodisfa din il-kundizzjoni — indipendentement mill-fatt jekk hijiex persuna fiżika, persuna ġuridika, awtorità pubblika, dipartiment jew organu ieħor — hija b’mod partikolari responsabbli għal kull ksur imsemmi f’dan l-Artikolu 83(4) sa (6), imwettaq minnha stess jew f’isimha. |
44 |
Fir-rigward tal-persuni ġuridiċi, dan jimplika, minn naħa, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 57 sa 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dawn huma responsabbli mhux biss għall-ksur imwettaq mir-rappreżentanti, mid-diretturi jew mill-amministraturi tagħhom, iżda wkoll minn kull persuna oħra li taġixxi fil-kuntest tal-attività kummerċjali ta’ dawn il-persuni ġuridiċi u f’isimhom. Min-naħa l-oħra, il-multi amministrattivi previsti mill-Artikolu 83 tal-GDPR fil-każ ta’ tali ksur għandhom ikunu jistgħu jiġu imposti direttament fuq persuni ġuridiċi meta dawn jistgħu jiġu kklassifikati bħala responsabbli għall-ipproċessar inkwistjoni. |
45 |
Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 58(2) tal-GDPR jistabbilixxi b’mod preċiż is-setgħat li l-awtoritajiet superviżorji għandhom fil-qasam tal-adozzjoni ta’ miżuri korrettivi, mingħajr ma jirreferi għad-dritt tal-Istati Membri u mingħajr ma jħalli marġni ta’ diskrezzjoni lil dawn l-Istati. Issa, minn naħa, dawn is-setgħat, li fosthom hemm, skont il-paragrafu 2(i) ta’ dan l-Artikolu 58 tiegħu, l-impożizzjoni ta’ multa amministrattiva, jirrigwardaw il-kontrollur u, min-naħa l-oħra, tali kontrollur jista’, kif jirriżulta mill-punt 39 ta’ din is-sentenza, ikun kemm persuna fiżika kif ukoll persuna ġuridika. Il-kundizzjonijiet sostantivi li għandhom jiġu osservati minn awtorità ta’ superviżjoni waqt l-impożizzjoni ta’ tali multa huma, min-naħa tagħhom, stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 6 ta’ dan l-Artikolu 83, u dan ukoll b’mod preċiż u mingħajr ma jħallu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri. |
46 |
Għalhekk, minn qari flimkien tal-punt 7 tal-Artikolu 4, tal-Artikolu 83, tal-Artikolu 58(2)(i) tal-GDPR jirriżulta li multa amministrattiva għal ksur imsemmi f’dan l-Artikolu 83(4) sa (6) tista’ wkoll tiġi imposta kontra persuni ġuridiċi meta dawn ikollhom il-kwalità ta’ kontrolluri. Min-naħa l-oħra, ebda dispożizzjoni tal-GDPR ma tippermetti li jitqies li l-impożizzjoni ta’ multa amministrattiva fuq persuna ġuridika bħala kontrollur hija suġġetta għall-konstatazzjoni minn qabel li dan il-ksur twettaq minn persuna fiżika identifikata. |
47 |
Ċertament, mill-Artikolu 58(4) u mill-Artikolu 83(8) tal-GDPR, moqri fid-dawl tal-premessa 129 ta’ dan ir-regolament, li l-eżerċizzju mill-awtorità superviżorja tas-setgħat tagħha taħt dan l-artikolu għandu jkun suġġett għal salvagwardji proċedurali xierqa f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u l-liġi tal-Istat Membru, inklużi rimedju ġudizzjarju u proċeduri regolari. |
48 |
Madankollu, il-fatt li l-imsemmi regolament jagħti b’hekk lill-Istati Membri l-possibbiltà li jipprevedu rekwiżiti li jikkonċernaw il-proċedura li għandha tiġi segwita mill-awtoritajiet superviżorji għall-impożizzjoni ta’ multa amministrattiva bl-ebda mod ma jfisser li huma jistgħu wkoll jipprevedu, lil hinn minn tali rekwiżiti ta’ natura proċedurali, kundizzjonijiet sostantivi addizzjonali għal dawn stabbiliti f’dan l-Artikolu 83(1) sa (6). Barra minn hekk, il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħaseb sabiex jipprevedi espressament din il-possibbiltà iżda mhux dik li jipprevedi tali kundizzjonijiet sostantivi addizzjonali jikkonferma li ma ħalliex lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward. L-imsemmija kundizzjonijiet sostantivi jaqgħu biss taħt id-dritt tal-Unjoni. |
49 |
L-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 58(2) u tal-paragrafi 1 sa 6 tal-Artikolu 83 tal-GDPR preċedenti hija kkorroborata mill-għan ta’ dan ir-regolament. |
50 |
B’mod partikolari, mill-premessa 10 tal-GDPR jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom, b’mod partikolari, l-għanijiet li jiżguraw livell koerenti u għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fi ħdan l-Unjoni u, għal dan l-għan, li tiġi żgurata applikazzjoni koerenti u omoġenja tar-regoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali ta’ dawn il-persuni fir-rigward tal-ipproċessar ta’ tali data fl-Unjoni kollha. Il-premessi 11 u 129 tal-GDPR jenfasizzaw, barra minn hekk, in-neċessità li jiġi żgurat, sabiex ikun hemm applikazzjoni koerenti ta’ dan ir-regolament, li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom setgħat ekwivalenti ta’ superviżjoni u ta’ kontroll tal-osservanza tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali u li dawn ikunu jistgħu jimponu sanzjonijiet ekwivalenti fil-każ ta’ ksur tal-imsemmi regolament. |
51 |
Issa, il-fatt li l-Istati Membri jitħallew jeżiġu b’mod unilaterali u bħala kundizzjoni neċessarja għall-impożizzjoni ta’ multa amministrattiva skont l-Artikolu 83 tal-GDPR mingħand kontrollur li huwa persuna ġuridika, li l-ksur inkwistjoni jiġi imputat jew imputabbli, minn qabel, lil persuna fiżika identifikata jmur kontra dan l-għan tal-GDPR. Barra minn hekk, tali rekwiżit addizzjonali jirriskja, fl-aħħar mill-aħħar, li jdgħajjef l-effettività u l-effett dissważiv tal-multi amministrattivi imposti fuq persuni ġuridiċi bħala responsabbli għall-ipproċessar, bi ksur tal-Artikolu 83(1) tal-GDPR. |
52 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE jipprevedi li regolament tal-Unjoni huwa vinkolanti fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha, u dan jeskludi, sakemm ma jkunx previst mod ieħor, li l-Istati Membri jadottaw dispożizzjonijiet interni li jaffettwaw il-portata ta’ tali regolament. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma obbligati, skont l-obbligi li jirriżultaw mit-Trattat FUE li ma jostakolawx l-applikabbiltà diretta proprja għar-regolamenti. B’mod partikolari, huma ma jistgħux jadottaw att li permezz tiegħu n-natura tad-dritt tal-Unjoni ta’ regola legali u l-effetti li jirriżultaw minnha jiġu moħbija lill-partijiet fil-kawża (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il‑Kunsill u Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punti 86 u 87 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
53 |
Fl-aħħar nett, fid-dawl tad-domandi tal-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “impriża”, fis-sens tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, ma għandux effett fuq il-punt dwar jekk u f’liema kundizzjonijiet tista’ tiġi imposta multa amministrattiva skont l-Artikolu 83 tal-GDPR fuq kontrollur li huwa persuna ġuridika, peress li din il-kwistjoni hija rregolata b’mod eżawrjenti mill-Artikolu 58(2) u mill-Artikolu 83(1) sa (6) ta’ dan ir-regolament. |
54 |
Fil-fatt, dan il-kunċett huwa rilevanti biss għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa amministrattiva imposta skont l-Artikolu 83(4) sa (6) tal-GDPR fuq kontrollur. |
55 |
Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa f’dan il-kuntest speċifiku tal-kalkolu tal-multi amministrattivi imposti għal ksur imsemmi fl-Artikolu 83(4) sa (6) tal-GDPR, li għandu jinftiehem ir-riferiment, magħmul fil-premessa 150 ta’ dan ir-regolament, għall-kunċett ta’ “impriża”, fis-sens tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. |
56 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, imsemmija fl-Artikoli 101 u 102 TFUE, dan il-kunċett jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha. Dan il-kunċett għandu jinftiehem fis-sens li jkopri unità ekonomika, anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Din l-unità ekonomika tikkonsisti f’organizzazzjoni unitarja ta’ elementi personali, tanġibbli u intanġibbli li jkollhom għan ekonomiku partikolari fit-tul (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
57 |
Għalhekk, mill-Artikolu 83(4) sa (6) tal-GDPR, li jirrigwarda l-kalkolu tal-multi amministrattivi għall-ksur elenkat f’dawn il-paragrafi, jirriżulta li, fil-każ fejn id-destinatarju tal-multa amministrattiva huwa jew jifforma parti minn impriża, fis-sens tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, l-ammont massimu tal-multa amministrattiva huwa kkalkolat abbażi ta’ perċentwali tad-dħul mill-bejgħ annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti tal-impriża kkonċernata. |
58 |
Fl-aħħar mill-aħħar, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, hija biss multa amministrattiva li l-ammont tagħha huwa ddeterminat skont il-kapaċità ekonomika reali jew materjali tad-destinatarju tagħha, u għalhekk imposta mill-awtorità superviżorja billi tibbaża ruħha, fir-rigward tal-ammont tagħha, fuq il-kunċett ta’ unità ekonomika fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, li tista’ tissodisfa t-tliet kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 83(1) tal-GDPR, jiġifieri li tkun fl-istess ħin effettiva, proporzjonata u dissważiva. |
59 |
Għaldaqstant, meta awtorità superviżorja tiddeċiedi, abbażi tas-setgħat li hija għandha skont l-Artikolu 58(2) tal-GDPR, li timponi fuq kontrollur, li huwa jew jagħmel parti minn impriża, fis-sens tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, multa amministrattiva skont l-Artikolu 83 tal-imsemmi regolament, din l-awtorità għandha tibbaża ruħha, skont din l-aħħar dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-premessa 150 tal-istess regolament, fil-kalkolu tal-multi amministrattivi għall-ksur imsemmi fil-paragrafi 4 sa 6 ta’ dan l-Artikolu 83, fuq il-kunċett ta’ “impriża”, fis-sens ta’ dawn l-Artikoli 101 u 102 TFUE. |
60 |
Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 58(2)(i) u l-Artikolu 83(1) sa (6) tal-GDPR għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha multa amministrattiva tista’ tiġi imposta fuq persuna ġuridika fil-kwalità tagħha ta’ kontrollur għal ksur imsemmi fil-paragrafi 4 sa 6 ta’ dan l-Artikolu 83 biss sakemm dan il-ksur ikun ġie imputat minn qabel lil persuna fiżika identifikata. |
Fuq it‑tieni domanda
61 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, li saret fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 83 tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li multa amministrattiva tista’ tiġi imposta b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni biss jekk jiġi stabbilit li l-kontrollur, li huwa kemm persuna ġuridika kif ukoll impriża, wettaq, deliberatament jew b’negliġenza, ksur imsemmi fil-paragrafi 4 sa 6 ta’ dan l-artikolu. |
62 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 83(1) tal-GDPR jirriżulta li l-multi amministrattivi għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 83 tal-GDPR ma jispeċifikax espressament li l-ksur imsemmi fil-paragrafi 4 sa 6 ta’ dan l-artikolu jista’ jiġi ssanzjonat b’tali multa biss jekk dan ikun twettaq deliberatament jew, tal-inqas, b’negliġenza. |
63 |
Il-Gvern Ġermaniż, Estonjan u dak Norveġiż kif ukoll il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea minn dan jiddeduċu b’mod partikolari li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried iħalli lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 83 tal-GDPR, li jippermettilhom jipprevedu l-impożizzjoni ta’ multi amministrattivi skont din id-dispożizzjoni, jekk ikun il-każ, mingħajr ma jiġi stabbilit li l-ksur tal-GDPR issanzjonat minn din il-multa twettaq deliberatament jew b’negliġenza. |
64 |
Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 83 tal-GDPR ma tistax tiġi aċċettata. |
65 |
F’dan ir-rigward, kif ġie kkonstatat fil-punti 45 u 48 ta’ din is-sentenza, il-kundizzjonijiet sostantivi li għandhom jiġu osservati minn awtorità superviżorja meta hija timponi multa amministrattiva fuq kontrollur jaqgħu biss taħt id-dritt tal-Unjoni, fejn dawn il-kundizzjonijiet huma stabbiliti, b’mod preċiż u mingħajr ma jħallu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri, fl-Artikolu 83(1) sa (6) tal-GDPR (ara wkoll, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Nacionalinis visuomenės sveikatos centras, C‑683/21, EU:C:2023:XXX, punti 64 sa 70). |
66 |
Fir-rigward tal-imsemmija kundizzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 83(2) tal-GDPR jelenka l-elementi li fid-dawl tagħhom l-awtorità superviżorja timponi multa amministrattiva fuq il-kontrollur. Fost dawn l-elementi hemm, fil-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni, “il-karattru intenzjonali jew negliġenti tal-ksur”. Min-naħa l-oħra, ebda wieħed mill-elementi elenkati fl-imsemmija dispożizzjoni ma jsemmi ebda possibbiltà li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-kontrollur fl-assenza ta’ aġir żbaljat min-naħa tiegħu. |
67 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 83(2) tal-GDPR għandu jinqara flimkien mal-paragrafu 3 ta’ dan l-istess artikolu li l-għan tiegħu huwa li jipprevedi l-konsegwenzi tal-każijiet ta’ kumulu ta’ ksur ta’ dan ir-regolament u li jipprovdi li “[j]ekk kontrollur jew proċessur, intenzjonalment jew b’negliġenza, għall-istess operazzjonijiet ta’ pproċessar jew għal dawk b’rabta ma’ xulxin, jikser diversi dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, l-ammont totali tal-multa amministrattiva ma għandux jaqbeż l-ammont speċifikat għall-ksur l-aktar gravi”. |
68 |
Għalhekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 83(2) tal-GDPR jirriżulta li huwa biss il-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament imwettaq b’mod żbaljat mill-kontrollur, jiġifieri dak imwettaq intenzjonalment jew b’negliġenza, li jista’ jwassal għall-impożizzjoni ta’ multa amministrattiva fuq dan tal-aħħar skont dan l-artikolu. |
69 |
L-istruttura ġenerali u l-iskop tal-GDPR jikkorroboraw din l-interpretazzjoni. |
70 |
Minn naħa, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda sistema ta’ sanzjonijiet li tippermetti lill-awtoritajiet ta’ superviżjoni jimponu s-sanzjonijiet l-iktar xierqa skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ. |
71 |
Fil-fatt, l-Artikolu 58 tal-GDPR jipprevedi, fil-paragrafu 2(i) tiegħu, li dawn l-awtoritajiet jistgħu jimponu l-multi amministrattivi, skont l-Artikolu 83 ta’ dan ir-regolament, “flimkien ma’, jew minflok” miżuri korrettivi oħra elenkati f’dan l-Artikolu 58(2), bħal twissijiet, tfakkiriet għall-ordni jew ordnijiet. Bl-istess mod, il-premessa 148 tal-imsemmi regolament tistabbilixxi b’mod partikolari li huwa permess li l-awtoritajiet ta’ superviżjoni, fil-każ ta’ ksur minuri jew jekk il-multa amministrattiva li tista’ tiġi imposta tikkostitwixxi piż sproporzjonat għal persuna fiżika, jastjenu milli jimponu multa amministrattiva u, minflokha, toħroġ twissija. |
72 |
Min-naħa l-oħra, kif ġie rrilevat fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, id-dispożizzjonijiet tal-GDPR għandhom, b’mod partikolari, l-għan li jiżguraw livell koerenti u għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fi ħdan l-Unjoni u, għal dan l-għan, li jiżguraw applikazzjoni koerenti u omoġenja tar-regoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali ta’ dawn il-persuni fir-rigward tal-ipproċessar ta’ tali data fl-Unjoni kollha. Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata applikazzjoni koerenti ta’ dan ir-regolament, l-awtoritajiet superviżorji għandu jkollhom setgħat ekwivalenti ta’ superviżjoni u ta’ kontroll tal-osservanza tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali, sabiex ikunu jistgħu jimponu sanzjonijiet ekwivalenti f’każ ta’ ksur tal-imsemmi regolament. |
73 |
L-eżistenza ta’ sistema ta’ sanzjonijiet li tippermetti li tiġi imposta, meta ċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ jiġġustifikaw dan, multa amministrattiva skont l-Artikolu 83 tal-GDPR toħloq, għall-kontrolluri u għall-proċessuri tad-data, inċentiv sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ dan ir-regolament. Permezz tal-effett dissważiv tagħhom, il-multi amministrattivi jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u jikkostitwixxu għalhekk element prinċipali sabiex jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet ta’ dawn il-persuni, b’konformità mal-għan ta’ dan ir-regolament li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni ta’ tali persuni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali. |
74 |
Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma qiesx neċessarju, sabiex jiżgura tali livell għoli ta’ protezzjoni, li jipprevedi l-impożizzjoni ta’ multi amministrattivi anki fl-assenza ta’ ħtija. Fid-dawl tal-fatt li l-GDPR għandu livell ta’ protezzjoni kemm ekwivalenti kif ukoll omoġenju u li, għal dan il-għan, għandu jiġi applikat b’mod koerenti fl-Unjoni kollha, ikun kuntrarju għal dan l-għan li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu tali sistema għall-impożizzjoni ta’ multa skont l-Artikolu 83 ta’ dan ir-regolament. Tali libertà ta’ għażla hija, barra minn hekk, ta’ natura li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi fi ħdan l-Unjoni, u dan imur kontra l-għanijiet espressi mil-leġiżlatur tal-Unjoni, b’mod partikolari, fil-premessi 9 u 13 tal-imsemmi regolament. |
75 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 83 tal-GDPR ma jippermettix li tiġi imposta multa amministrattiva għal ksur imsemmi fil-paragrafi 4 sa 6 tiegħu, mingħajr ma jiġi stabbilit li dan il-ksur twettaq deliberatament jew b’negliġenza mill-kontrollur, u li, għaldaqstant, ksur żbaljat jikkostitwixxi kundizzjoni għall-impożizzjoni ta’ tali multa. |
76 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat ukoll, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ksur twettaqx deliberatament jew b’negliġenza u, minħabba f’hekk, jistax jiġi ssanzjonat b’multa amministrattiva skont l-Artikolu 83 tal-GDPR, li kontrollur jista’ jiġi ssanzjonat għal aġir li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR peress li dan il-kontrollur ma setax ma jkunx jaf bin-natura li jikkostitwixxi ksur tal-aġir tiegħu, irrispettivament minn jekk kienx konxju jew le li kiser id-dispożizzjonijiet tal-GDPR (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2013, Schenker & Co. et, C‑681/11, EU:C:2013:404, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, tal‑25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck vs Il‑Kummissjoni, C‑591/16 P, EU:C:2021:243, punt 156, u tal‑25 ta’ Marzu 2021, Arrow Group u Arrow Generics vs Il‑Kummissjoni, C‑601/16 P, EU:C:2021:244, punt 97). |
77 |
Meta l-kontrollur ikun persuna ġuridika, għandu jiġi ċċarat ukoll li l-applikazzjoni tal-Artikolu 83 tal-GDPR ma timplikax azzjoni jew saħansitra għarfien tal-korp ta’ ġestjoni ta’ dik il-persuna ġuridika (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, EU:C:1983:158, punt 97, kif ukoll is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Tudapetrol Mineralölerzeugnisse Nils Hansen vs Il‑Kummissjoni, C‑94/15 P, EU:C:2017:124, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
78 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 83 tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li multa amministrattiva tista’ tiġi imposta b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni biss jekk jiġi stabbilit li l-kontrollur, li huwa kemm persuna ġuridika kif ukoll impriża, wettaq, deliberatament jew b’negliġenza, ksur imsemmi fil-paragrafi 4 sa 6 ta’ dan l-Artikolu 83. |
Fuq l‑ispejjeż
79 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.