Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0766

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-23 ta’ Jannar 2025.
Il-Parlament Ewropew vs Axa Assurances Luxembourg SA et.
Appell – Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Pluralità ta’ konvenuti fil-proċedura fl-ewwel istanza – Sentenza mogħtija fil-kontumaċja fil-konfront ta’ waħda minn dawn il-partijiet u li hija s-suġġett ta’ rikors għal oppożizzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea – Ammissibbiltà tal-appell minn din is-sentenza – Kundizzjonijiet – Artikolu 41 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Ammissibbiltà tar-risposta għal appell ippreżentat mill-parti kkundannata fil-kontumaċja fl-ewwel istanza – Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Appell inċidentali ppreżentat mill-parti kkundannata fil-kontumaċja li ppreżentat rikors għal oppożizzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali – Artikolu 176(1) u Artikolu 178 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Inammissibbiltà – Klawżola ta’ arbitraġġ – Artikolu 272 TFUE – Kuntratt ta’ assigurazzjoni konkluż mill-Parlament Ewropew – Klawżola ta’ esklużjoni tad-danni marbuta direttament jew indirettament ma’ każ ta’ għargħar – Portata.
Kawża C-766/21 P.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2025:31

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

23 ta’ Jannar 2025 ( *1 )

“Appell – Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Pluralità ta’ konvenuti fil-proċedura fl-ewwel istanza – Sentenza mogħtija fil-kontumaċja fil-konfront ta’ waħda minn dawn il-partijiet u li hija s-suġġett ta’ rikors għal oppożizzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea – Ammissibbiltà tal-appell minn din is-sentenza – Kundizzjonijiet – Artikolu 41 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Ammissibbiltà tar-risposta għal appell ippreżentat mill-parti kkundannata fil-kontumaċja fl-ewwel istanza – Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Appell inċidentali ppreżentat mill-parti kkundannata fil-kontumaċja li ppreżentat rikors għal oppożizzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali – Artikolu 176(1) u Artikolu 178 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Inammissibbiltà – Klawżola ta’ arbitraġġ – Artikolu 272 TFUE – Kuntratt ta’ assigurazzjoni konkluż mill-Parlament Ewropew – Klawżola ta’ esklużjoni tad-danni marbuta direttament jew indirettament ma’ każ ta’ għargħar – Portata”

Fil-Kawża C‑766/21 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑8 ta’ Diċembru 2021,

Il‑Parlament Ewropew, irrappreżentat inizjalment minn E. Paladini u B. Schäfer, sussegwentement minn A. Caiola u E. Paladini, bħala aġenti,

rikorrent,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Axa Assurances Luxembourg SA, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu),

Bâloise Assurances Luxembourg SA, stabbilita f’Bertrange (il-Lussemburgu),

La Luxembourgeoise SA, stabbilita f’Leudelange (il-Lussemburgu),

Nationale-Nederlanden Schadeverzekering Maatschappij NV, stabbilita fi ’s-Gravenhage (il-Pajjiżi l-Baxxi),

irrappreżentati minn C. Collarini u S. Denu, avocats,

konvenuti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tat-Tieni Awla, li qiegħda taġixxi bħala President tat-Tielet Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, N. Jääskinen, M. Gavalec u N. Piçarra (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑18 ta’ Jannar 2024,

wara li rat id-digriet tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali tal‑20 ta’ Marzu 2024 u wara s-seduta tas‑17 ta’ April 2024,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Ġunju 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, il-Parlament Ewropew jitlob l-annullament tal-punti 2 u 4 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑29 ta’ Settembru 2021, Il‑Parlament vs Axa Assurances Luxembourg et (T‑384/19, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2021:630), li permezz tagħhom din ċaħdet ir-rikors tiegħu, ibbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE, kontra Axa Assurances Luxembourg SA, Bâloise Assurances Luxembourg SA u La Luxembourgeoise SA (iktar ’il quddiem, flimkien, “Axa et”), intiż sabiex jiġu kkundannati jħallsu lill-Parlament l-ispejjeż relatati ma’ danni kkawżati lill-bini Konrad Adenauer (iktar ’il quddiem il-“bini KAD”), li jinsab fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu), minn ilma tax-xita fis-sit ta’ kostruzzjoni ta’ dan il-bini, skont il-kuntratt ta’ assigurazzjoni “Riskji kollha tas-sit tal-kostruzzjoni” (iktar ’il quddiem il-“kuntratt RKSK”), konkluż fit‑3 ta’ April 2012 bejn, minn naħa, Axa et kif ukoll Nationale-Nederlanden Schadeverzekering Maatschappij NV (iktar ’il quddiem “NN”), u, min-naħa l-oħra, l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Parlament.

2

Permezz tal-appell inċidentali tagħha, NN titlob l-annullament tal-punti 1 u 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali kkundannatha, fil-kontumaċja, tħallas lill-Parlament, abbażi tal-kuntratt RKSK, is-somma ta’ EUR 79 653.89 flimkien mal-interessi legali għal ħlas tardiv.

Il‑kuntest ġuridiku

L‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑Unjoni Ewropea

3

L-Artikolu 41 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi li:

“Meta l-parti konvenuta, regolarment imħarrka, tonqos milli tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub tingħata s-sentenza fil-kontumaċja tagħha. Is-sentenza tkun suġġetta għall-oppożizzjoni fi żmien xahar min-notifika tagħha. […]”

4

Skont l-Artikolu 56 ta’ dan l-Istatut:

“Jista’ jiġi ppreżentat appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fi żmien xahrejn li jiddekorru min-notifika tad-deċiżjoni appellata, mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jikkonkludu l-proċediment [li jagħlqu l-istanza] kif ukoll mid-deċiżjonijiet tagħha li jaqtgħu parzjalment kwistjonijiet fil-mertu, jew li jikkonkludu kwistjoni ta’ proċedura dwar eċċezzjoni ta’ inkompetenza jew ta’ inammissibbiltà.

Dan l-appell jista’ jitressaq minn kwalunkwe parti li tkun tilfet parzjalment jew għal kollox, fit-talbiet tagħha. […]

[…]”

Ir‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

5

L-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, intitolat “Partijiet li jistgħu jippreżentaw risposta għall-appell”, jistabbilixxi li:

“Kull parti fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali li jkollha interess li l-appell jintlaqa’ jew jiġi miċħud tista’ tippreżenta risposta għall-appell f’terminu ta’ xahrejn li jiddekorri min-notifika tal-appell. […]”

6

Skont l-Artikolu 176 ta’ dawn ir-Regoli, intitolat “Appell inċidentali”:

“1.   Il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 172 ta’ dawn ir-Regoli jistgħu jippreżentaw appell inċidentali fl-istess terminu bħal dak previst għall-preżentata tar-risposta għall-appell.

2.   L-appell inċidentali għandu jsir permezz ta’ att separat, distint mir-risposta għall-appell.”

7

L-Artikolu 178 tal-imsemmija Regoli, intitolat “Talbiet, aggravji u argumenti tal-appell inċidentali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   It-talbiet tal-appell inċidentali għandhom ikunu intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

[…]

3.   L-aggravji u l-argumenti ta’ liġi invokati għandhom jidentifikaw bi preċiżjoni l-punti tar-raġunijiet tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li jkunu qegħdin jiġu kkontestati. Dawn għandhom ikunu distinti mill-motivi u argumenti invokati fir-risposta għall-appell.”

Ir‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti Ġenerali

8

L-Artikolu 1 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li:

“Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regoli:

[…]

(c)

‘parti’ u ‘partijiet’, użati mingħajr ebda indikazzjoni oħra, ifissru kull parti fl-istanza, inklużi l-intervenjenti;

[…]”

9

L-Artikolu 123 ta’ dawn ir-Regoli, intitolat “Sentenzi fil-kontumaċja”, jistabbilixxi li:

“1.   Meta l-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-konvenut, regolarment intimat, ma jkunx irrisponda għar-rikors fil-forma u fit-terminu previsti fl-Artikolu 81, bla ħsara għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut [tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea], ir-rikorrent jista’, f’terminu ffissat mill-President, jitlob lill-Qorti Ġenerali tilqa’ t-talbiet tiegħu.

2.   Il-konvenut kontumaċi ma jintervjenix fil-proċedura fil-kontumaċja u ebda att proċedurali ma jiġi nnotifikat lilu, ħlief għad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza.

3.   Fis-sentenza fil-kontumaċja, il-Qorti Ġenerali għandha tilqa’ t-talbiet tar-rikorrent, sakemm manifestament ma jkollhiex kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors jew sakemm dan ir-rikors ma jkunx manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt.

4.   Sentenza fil-kontumaċja hija eżekuttiva. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tista’ tissospendi l-eżekuzzjoni tagħha sakemm tiddeċiedi dwar l-oppożizzjoni mressqa skont l-Artikolu 166 u tista’ anki tissuġġetta l-eżekuzzjoni tagħha għal depożitu ta’ garanzija li l-ammont u l-modalitajiet tagħha għandhom jiġu stabbiliti fid-dawl taċ-ċirkustanzi. Din il-garanzija għandha tiġi rrilaxxata jekk ma titressaqx oppożizzjoni jew fil-każ li din l-oppożizzjoni tiġi miċħuda.”

10

Skont l-Artikolu 163 tal-imsemmija Regoli, intitolat “Sospensjoni tal-proċedura”:

“Meta appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u waħda mit-talbiet imsemmija f’dan il-Kapitolu, ħlief għat-talbiet imsemmija fl-Artikoli 164 u 165, ikunu jikkonċernaw l-istess deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-President, wara li jinstemgħu l-partijiet, jista’ jiddeċiedi li jissospendi l-proċedura sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-appell.”

11

L-Artikolu 166 ta’ dawn ir-Regoli, intitolat “Oppożizzjoni għal sentenza fil-kontumaċja”, jipprevedi li:

“1.   Skont l-Artikolu 41 tal-Istatut [tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea], is-sentenza mogħtija fil-kontumaċja tista’ tkun suġġetta għal oppożizzjoni.

2.   L-oppożizzjoni għandha ssir mill-konvenut kontumaċi f’terminu ta’ xahar li jiddekorri min-notifika tas-sentenza fil-kontumaċja. […]

3.   Wara n-notifika tal-oppożizzjoni, il-President għandu jiffissa terminu sabiex il-parti l-oħra tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

[…]

5.   Il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi permezz ta’ sentenza li ma tistax tkun suġġetta għal oppożizzjoni.

[…]”

Il‑kuntratt RKSK

12

Skont l-Artikolu I.12.3.1.1 tal-kuntratt RKSK, huma b’mod partikolari esklużi mill-garanziji previsti minn dan il-kuntratt it-telf u d-danni dovuti għan-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tas-sengħa, sa fejn dan il-ksur huwa ttollerat jew ma setax jiġi injorat minn kull assigurat jew minn kull persuna li jkollha s-setgħa ta’ tmexxija għax-xogħlijiet assigurati, b’mod partikolari l-persuni tekniċi responsabbli għas-sit ta’ kostruzzjoni.

13

Skont l-Artikoli I.13.2 u I.13.2.1 tal-imsemmi kuntratt, l-analiżi tal-oriġini, tar-responsabbiltajiet u tal-portata tal-inċident kif ukoll l-evalwazzjoni tal-ammont tad-danni għandhom isiru minn espert maħtur u mħallas mill-assiguratur. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil dwar il-konklużjonijiet tal-perizja, id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni għandu l-possibbiltà li jwettaq kontroperizja.

14

Skont l-Artikolu I.15.1.1 tal-istess kuntratt, dan tal-aħħar ma jiggarantixxix, b’mod partikolari, id-danni marbuta direttament jew indirettament ma’ każ ta’ għargħar, ta’ għargħar tal-kanali tal-ilma tal-wiċċ jew tal-ilma ta’ taħt l-art, ta’ evakwazzjoni insuffiċjenti tal-ilma permezz tal-kanali ta’ drenaġġ u ta’ kwalunkwe diżastru naturali, ħlief jekk ikun ġie miftiehem mod ieħor.

15

Skont l-Artikolu I.18.1 tal-kuntratt RKSK, “[i]d-dritt tal-Unjoni Ewropea kkompletat mil-liġi Lussemburgiża għandu japplika għal dan il-kuntratt”.

16

L-Artikolu I.19 ta’ dan il-kuntratt, intitolat “Klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni”, jgħid li:

“Kull tilwima bejn il-Parlament Ewropew u l-parti kontraenti relatata ma’ dan il-kuntratt, li ma setgħetx tiġi riżolta permezz ta’ ftehim bonarju, għandha titressaq quddiem il-Qorti Ġenerali, korp ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 256(1) [TFUE].”

17

Skont l-Artikolu II.1 tal-imsemmi kuntratt, il-kunċett ta’ “diżastri naturali” jirreferi għall-“għargħar, il-mewġ imqanqal minn maremot, il-movimenti tal-art u, ħlief jekk ikun ġie miftiehem mod ieħor, it-terremoti”.

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

18

Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 1 sa 23 tas-sentenza appellata u jistgħu, għall-għanijiet ta’ din il-proċedura, jinġabru fil-qosor kif ġej.

19

Fil-kuntest tax-xogħlijiet imwettqa għall-finijiet tal-estensjoni u tar-renovazzjoni tal-bini KAD, il-Parlament nieda proċedura ta’ sejħa għal offerti, matul is-sena 2011, intiża li tiġi konkluża polza ta’ assigurazzjoni “Riskji kollha tas-sit tal-kostruzzjoni” u assigurazzjoni li tkopri r-responsabbiltajiet ċivili.

20

Fi tmiem din il-proċedura, intgħażlet l-offerta stabbilita abbażi ta’ dik proposta minn Axa et kif ukoll minn Delta Lloyd Schadeverzekering NV, li sussegwentement ġiet assorbita minn NN (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“konvenuti fl-ewwel istanza”).

21

Fit‑3 ta’ April 2012, l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Parlament, ikkonkludiet il-kuntratt RKSK mal-konvenuti fl-ewwel istanza. Dan il-kuntratt jinnomina lil Axa Assurances Luxembourg bħala l-assiguratur prinċipali.

22

Wara xita qawwija li seħħet fis‑27 u fit‑30 ta’ Mejju 2016, l-ilma tax-xita fis-sit ta’ kostruzzjoni tal-bini KAD nixxa għal ġos-sotterran tal-bini li kien qiegħed jinbena, li wassal għal akkumulazzjoni ta’ ilma u ħoloq atmosfera umda f’postijiet fejn kien diġà installat tagħmir tekniku, li b’hekk sofra ħsara.

23

Fit‑30 ta’ Mejju 2016, l-impriża inkarigata mix-xogħlijiet kbar f’dan is-sit ta’ kostruzzjoni ppreżentat dikjarazzjoni ta’ inċident lill-intermedjarju tal-assigurazzjoni, dwar il-fatti deskritti fil-punt preċedenti. Axa Assurances Luxembourg, bħala assiguratur prinċipali, ħatret espert li hija inkarigat mill-investigazzjonijiet xierqa.

24

Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Lulju 2016, Axa Assurances Luxembourg indikat lill-Parlament li hija kienet tqis, fid-dawl tal-informazzjoni u tal-elementi tekniċi li jirriżultaw mir-rapporti ta’ perizja preliminari u komplementari redatti wara żewġ żjarat ta’ perizja, li l-inċident inkwistjoni ma kienx kopert mill-kuntratt RKSK.

25

Fl-ewwel lok, Axa Assurances Luxembourg sostniet li l-Artikolu I.15.1.1 tal-kuntratt RKSK ma kienx ikopri d-danni marbuta direttament jew indirettament ma’ każ ta’ għargħar jew ta’ evakwazzjoni insuffiċjenti tal-ilma permezz tal-kanali ta’ drenaġġ. Fit-tieni lok, l-inċident kien prevedibbli u jirriżulta minn ksur flagranti tar-regoli tas-sengħa, b’tali mod li t-telf u d-danni li jirriżultaw minnu huma esklużi wkoll mill-kopertura tal-assigurazzjoni, skont l-Artikolu I.12.3.1.1 ta’ dan il-kuntratt.

26

Fl‑21 ta’ Novembru 2017, wara skambji bil-miktub u laqgħa mar-rappreżentanti ta’ Axa Assurances Luxembourg, il-Parlament bagħat ittra ta’ intimazzjoni lill-konvenuti fl-ewwel istanza, billi bbaża ruħu fuq stima provviżorja tad-danni, li għaliha din il-kumpannija wieġbet fl‑20 ta’ Diċembru 2017, billi tenniet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

27

Wara li rċieva r-rapport finali tal-espert tekniku tal-uffiċċju ta’ kontroll Luxcontrol, inkarigat sabiex iwettaq il-verifika tal-materjal tekniku installat u maħżun fil-bini kkonċernat mill-inċident, inkluża l-lista tat-tagħmir li għandu jiġi ssostitwit, il-Parlament, permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Novembru 2018, ġedded din l-intimazzjoni, billi indika li d-danni mġarrba u li setgħu jiġu kkonstatati kienu stmati għal EUR 800 624.33 mingħajr taxxa fuq il-valur miżjud.

Ir‑rikors quddiem il‑Qorti tal‑Prim’Istanza u s‑sentenza appellata

28

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Ġunju 2019, il-Parlament ippreżenta rikors skont l-Artikolu 272 TFUE, li permezz tiegħu talab lill-Qorti Ġenerali:

tikkonstata li l-ħsarat tal-ilma kkawżati fis-sit ta’ kostruzzjoni tal-bini KAD matul ix-xita qawwija li seħħet fis‑27 u fit‑30 ta’ Mejju 2016 jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kuntratt RKSK;

konsegwentement, tikkundanna lill-konvenuti fl-ewwel istanza jħallsuha l-ispejjeż mitluba, jiġifieri EUR 779 902.87, u b’mod partikolari:

tikkundanna lil Axa Assurances Luxembourg tħallas 50 % tal-ammont iċċitat iktar ’il fuq, jiġifieri EUR 389 951.44;

tikkundanna lil Bâloise Assurances Luxembourg tħallas 20 % tal-ammont iċċitat iktar ’il fuq, jiġifieri EUR 155 980.57;

tikkundanna lil La Luxembourgeoise tħallas 20 % tal-ammont iċċitat iktar ’il fuq, jiġifieri EUR 155 980.57;

tikkundanna lil NN tħallas 10 % tal-ammont iċċitat iktar ’il fuq, jiġifieri EUR 77 990.29;

tikkundanna lill-konvenuti fl-ewwel istanza jħallsuha l-interessi legali għall-ħlas tardiv ta’ dawn l-ammonti, mit‑22 ta’ Diċembru 2017, b’rata ugwali għas-somma tar-rata tal-interessi applikabbli mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament u ta’ tmien punti perċentwali;

sussidjarjament, fil-każ fejn l-ewwel żewġ talbiet ma jintlaqgħux, tikkundanna lill-konvenuti fl-ewwel istanza in solidum għall-ħlas tad-danni kkawżati min-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu I.13.2 tal-kuntratt RKSK, jiġifieri EUR 779902,87;

tikkundanna lill-konvenuti fl-ewwel istanza jħallsuha l-ispejjeż tal-perizja, jiġifieri EUR 16636, u b’mod partikolari:

tikkundanna lil Axa Assurances Luxembourg tħallas 50 % tal-ammont iċċitat iktar ’il fuq, jiġifieri EUR 8318;

tikkundanna lil Bâloise Assurances Luxembourg tħallas 20 % tal-ammont iċċitat iktar ’il fuq, jiġifieri EUR 3 327.20;

tikkundanna lil La Luxembourgeoise tħallas 20 % tal-ammont iċċitat iktar ’il fuq, jiġifieri EUR 3 327.20;

tikkundanna lil NN tħallas 10 % tal-ammont iċċitat iktar ’il fuq, jiġifieri EUR 1663,60;

tikkundanna lill-konvenuti fl-ewwel istanza jħallsuha l-interessi legali għall-ħlas tardiv ta’ dawn l-ammonti, mit‑22 ta’ Diċembru 2017, b’rata ugwali għas-somma tar-rata tal-interessi applikabbli mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament u ta’ tmien punti perċentwali, u

tikkundanna lill-konvenuti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż.

29

Wara li ġie informat li Delta Lloyd Schadeverzekering kienet ġiet assorbita minn NN, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali nnotifika r-rikors tal-Parlament lil NN permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Jannar 2020, filwaqt li stabbilixxilha terminu sabiex tippreżenta r-risposta tagħha. NN ma ppreżentatx risposta fit-terminu stabbilit.

30

Fis‑26 ta’ Ġunju 2020, il-Parlament talab lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li NN kienet ġiet regolarment imħarrka u tilqa’ t-talbiet tagħha kontra din il-kumpannija, abbażi tal-Artikolu 123(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Ir-Reġistru nnotifika din it-talba lil NN, filwaqt li ppreċiża li, konformement mal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, hija ma kinitx ser tintervjeni fil-proċedura fil-kontumaċja u li kienet biss id-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza li kienet ser tiġi nnotifikata lilha.

31

Il-Qorti Ġenerali laqgħet it-talba tal-Parlament u, fil-punti 1 u 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, ikkundannat lil NN fil-kontumaċja tħallas lill-Parlament is-somma ta’ EUR 79 653.89 u l-interessi legali għal ħlas tardiv relatati magħha, mit‑22 ta’ Diċembru 2017, kif ukoll għall-ispejjeż relatati mal-proċedura fil-kontumaċja li tikkonċernaha.

32

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Novembru 2021, NN ressqet oppożizzjoni kontra l-punti 1 u 3 tas-sentenza appellata. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Jannar 2022, il-Qorti Ġenerali ssospendiet din il-proċedura ta’ oppożizzjoni sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li ttemm l-istanza f’dan l-appell.

33

Għal dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, il-kapijiet tat-talbiet tal-Parlament diretti kontra Axa et, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, li ma kienx hemm lok, fid-dawl tal-Artikolu I.15.1.1 tal-kuntratt RKSK, moqri fid-dawl tad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan il-kuntratt u tal-kuntest li fih ġie konkluż, li tingħata portata restrittiva għat-terminu “għargħar”. Il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkonkludiet, fil-punt 111 tas-sentenza appellata, li Axa et setgħu ġustament jinvokaw kontra l-Parlament il-klawżola ta’ esklużjoni ta’ garanziji għad-danni marbuta direttament jew indirettament ma’ każ ta’ għargħar, li tinsab f’dan l-Artikolu I.15.1.1.

34

Konsegwentement, fil-punti 2 u 4 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-Parlament sa fejn kien jikkonċerna lil Axa et u kkundannat lill-Parlament ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, żewġ terzi ta’ dawk sostnuti minn Axa et.

It‑talbiet tal‑partijiet fl‑appell prinċipali u fl‑appell inċidentali

35

Permezz tal-appell tiegħu, il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla l-punti 2 u 4 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

tirriżerva l-ispejjeż, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jifformaw is-suġġett tal-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

sussidjarjament:

tannulla l-punti 2 u 4 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, kif ukoll

tilqa’ t-talbiet ippreżentati mill-Parlament fl-ewwel istanza fir-rigward ta’ Axa et.

36

L-appellati jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

prinċipalment:

tiċħad it-talba tal-Parlament għall-annullament tal-punti 2 u 4 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

konsegwentement, tiċħad it-talba tagħha sabiex jiġu rriżervati l-ispejjeż imsemmija fil-punt 4 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-talba tal-Parlament billi tannulla l-punti 2 u 4 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, kif ukoll

iktar sussidjarjament, tiċħad it-talbiet tal-Parlament kontra Axa et abbażi tal-argumenti ppreżentati minnhom fl-ewwel istanza u tiddeċiedi skont it-talbiet tar-risposta u tal-kontroreplika li huma ppreżentaw fl-ewwel istanza.

37

Permezz tal-appell inċidentali tagħha, NN titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara l-appell inċidentali ammissibbli u fondat u, għaldaqstant, tannulla l-punti 1 u 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, kif ukoll

tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

38

Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara l-appell inċidentali inammissibbli;

sussidjarjament, tiddikjara dan l-appell inċidentali infondat, u

tikkundanna lil NN għall-ispejjeż tal-imsemmi appell inċidentali.

Ftuħ mill‑ġdid tal‑fażi orali tal‑proċedura

39

L-ewwel konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali nstemgħu fit‑18 ta’ Jannar 2024. Fl-istess jum, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza Eulex Kosovo vs SC (C‑785/22 P, EU:C:2024:52). Fil-punt 31 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li billi l-eżerċizzju ta’ rikors għal oppożizzjoni għandu l-effett li jiftaħ mill-ġdid l-istanza quddiem il-Qorti Ġenerali, is-sentenza mogħtija fil-kontumaċja li kontriha ġie ppreżentat rikors għal oppożizzjoni ma tistax titqies li kkonkludiet il-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Minn dan hija għalhekk iddeduċiet, fil-punt 32 tagħha, li l-appell ippreżentat kontra sentenza mogħtija fil-kontumaċja li hija s-suġġett ta’ rikors għal oppożizzjoni huwa inammissibbli.

40

Permezz tad-digriet tal‑20 ta’ Marzu 2024, Il‑Parlament vs Axa Assurances Luxembourg et (C‑766/21 P, EU:C:2024:321), il-Qorti tal-Ġustizzja ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura u ż-żamma ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar l-eventwali effetti tas-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2024, Eulex Kosovo vs SC (C‑785/22 P, EU:C:2024:52), fuq l-ammissibbiltà tal-appell ippreżentat mill-Parlament.

41

Wara din is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, li nżammet fis‑17 ta’ April 2024, u wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tas‑6 ta’ Ġunju 2024, il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet.

Fuq l‑appell prinċipali

Fuq l‑ammissibbiltà

L‑argumenti tal‑partijiet

42

Skont il-Parlament, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2024, Eulex Kosovo vs SC (C‑785/22 P, EU:C:2024:52), ma għandhiex effett fuq l-ammissibbiltà tal-appell li permezz tiegħu huwa jitlob l-annullament tal-punti 2 u 4 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata. Fil-fatt, filwaqt li, fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet adita b’talba għall-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad‑19 ta’ Ottubru 2022, SC vs Eulex Kosovo (T‑242/17 RENV, EU:T:2022:637), li permezz tagħha din kienet iddeċidiet fil-kontumaċja fil-konfront ta’ konvenut uniku, is-sentenza appellata ngħatat fil-kontumaċja biss fir-rigward ta’ wieħed mill-erba’ konvenuti, jiġifieri NN. Minn dan jirriżulta li dan l-appell, li huwa dirett kontra dawn il-punti tad-dispożittiv mogħtija wara dibattitu kontradittorju, li ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ oppożizzjoni, huwa ammissibbli.

43

Mill-punti 31, 33 u 35 tas-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2024, Eulex Kosovo vs SC (C‑785/22 P, EU:C:2024:52), jirriżulta li huma biss il-punti tad-dispożittiv ta’ sentenza li kienet is-suġġett ta’ rikors għal oppożizzjoni li jimplikaw l-inammissibbiltà tal-appell intiż għall-annullament tagħhom, sa fejn, minħabba tali oppożizzjoni, dan l-appell ma jkunx jirrigwarda “deċiżjoni li tagħlaq l-istanza”, fis-sens tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 163 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jipprevedi l-possibbiltà, għall-President tal-Qorti Ġenerali, fil-każ fejn appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u oppożizzjoni għal sentenza mogħtija fil-kontumaċja jkunu jirrigwardaw l-istess deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, li jissospendi l-proċedura ta’ oppożizzjoni sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-appell.

44

L-appellati, min-naħa tagħhom, isostnu li l-appell ippreżentat mill-Parlament huwa inammissibbli, konformement mal-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2024, Eulex Kosovo vs SC (C‑785/22 P, EU:C:2024:52), li minnha jirriżulta li sentenza tal-Qorti Ġenerali li hija s-suġġett ta’ rikors għal oppożizzjoni, u li għalhekk ma hijiex definittiva, tista’ tkun is-suġġett ta’ appell biss wara l-għeluq tal-proċedura ta’ oppożizzjoni.

45

Dawn il-prinċipji, li jippermettu li tinżamm l-unità tat-tilwima billi jiġu evitati proċeduri paralleli u r-riskju ta’ deċiżjonijiet kontradittorji, huma imposti f’din il-kawża, li fiha teżisti biss proċedura waħda u fejn it-tilwima tirriżulta mill-istess kuntratt.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

46

L-ewwel nett, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li appell jista’ jiġi ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja biss mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jagħlqu l-istanza kif ukoll minn dawk li jaqtgħu parzjalment kwistjonijiet fil-mertu jew li jikkonkludu kwistjoni ta’ proċedura dwar eċċezzjoni ta’ inkompetenza jew ta’ inammissibbiltà. L-appell għandu jiġi ppreżentat fi żmien xahrejn mill-komunikazzjoni tad-deċiżjoni appellata.

47

Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-appell huwa ammissibbli biss kontra deċiżjoni definittiva, li fir-rigward tagħha ebda rimedju ġudizzjarju ieħor ma jibqa’ disponibbli (sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2024, Eulex Kosovo vs SC, C‑785/22 P, EU:C:2024:52, punt 29).

48

Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 41 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-konvenut, regolarment imħarrek, jonqos milli jagħmel sottomissjonijiet bil-miktub, is-sentenza tingħata fil-kontumaċja “tagħha” u tista’ tkun suġġetta għal oppożizzjoni minn din il-parti.

49

Minn dan l-artikolu jirriżulta li sentenza tingħata fil-kontumaċja biss fil-konfront tal-parti jew tal-partijiet li jkunu naqsu milli jagħmlu sottomissjonijiet bil-miktub fil-forma u fit-terminu previsti. Id-dritt li jippreżentaw rikors għal oppożizzjoni kontra din is-sentenza huwa għalhekk disponibbli biss għal din il-parti jew għal dawn il-partijiet kontumaċi, sabiex ikunu jistgħu jinstemgħu konformement mal-prinċipju ta’ kontradittorju.

50

Għalhekk, fil-każ ta’ sentenza li tikkonċerna tilwima li timplika biss konvenut wieħed, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-proċedura ta’ oppożizzjoni mibdija kontra dik is-sentenza ma tippermettix li titqies li tkun għalqet l-istanza, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u li, konsegwentement, l-appell ippreżentat kontra l-imsemmija sentenza huwa inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2024, Eulex Kosovo vs SC, C‑785/22 P, EU:C:2024:52, punti 3132).

51

Min-naħa l-oħra, meta s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tingħata wara dibattitu kontradittorju bejn ċerti partijiet u fil-kontumaċja fil-konfront ta’ konvenut kontumaċi ieħor, ir-rikors għal oppożizzjoni huwa disponibbli biss għal dan tal-aħħar, kontra biss il-punti tad-dispożittiv ta’ dik is-sentenza li jikkonċernawh. Il-punti l-oħra tad-dispożittiv tal-imsemmija sentenza li jikkonċernaw il-konvenuti minbarra dan il-konvenut kontumaċi jikkostitwixxu deċiżjoni “li tagħlaq l-istanza”, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ oppożizzjoni. Madankollu, dawn jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

52

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-punti 2 u 4 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata jikkonċernaw esklużivament lil Axa et, li għamlu sottomissjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti Ġenerali. Minn dan isegwi li dawn il-punti ma jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ebda rikors għal oppożizzjoni u li l-appell tal-Parlament, sa fejn huwa dirett kontra l-imsemmija punti, huwa ammissibbli.

Fuq l‑ammissibbiltà tar‑risposta ta’ NN

L‑argumenti tal‑partijiet

53

Il-Parlament jeċċepixxi l-inammissibbiltà tar-risposta għall-appell prinċipali, sa fejn din toriġina minn NN, parti kontumaċi fl-ewwel istanza. Skont il-Parlament, NN ma għandhiex “interess li l-appell jintlaqa’ jew jiġi miċħud”, fis-sens tal-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-fatt li jintlaqa’ l-appell prinċipali, li jirrigwarda biss il-punti 2 u 4 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, jagħti benefiċċju biss lil Axa et, u mhux lil NN, li hija kkonċernata biss mill-punti 1 u 3 ta’ dak id-dispożittiv.

54

NN issostni li hija kellha tibbenefika mill-analiżi magħmula mill-Qorti Ġenerali, li ddeċidiet li Axa et kienu ġustament opponew fil-konfront tal-Parlament il-klawżola ta’ esklużjoni prevista fl-Artikolu I.15.1.1 tal-kuntratt RKSK. Konsegwentement, hija għandha, bħal Axa et, tkun tista’ tikkontesta l-appell tal-Parlament sa fejn jikkontesta din l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

55

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, “[k]ull parti fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali li jkollha interess li l-appell jintlaqa’ jew jiġi miċħud tista’ tippreżenta risposta għall-appell f’terminu ta’ xahrejn li jiddekorri min-notifika tal-appell”.

56

Minn din il-formulazzjoni jirriżulta li l-preżentazzjoni ta’ risposta għall-appell ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali għandha tosserva, minbarra t-terminu ta’ xahrejn previst f’din id-dispożizzjoni, żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. Minn naħa, ir-risposta għandha tiġi ppreżentata minn “parti fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali”, u, min-naħa l-oħra, din il-parti għandu jkollha “interess li l-appell jintlaqa’ jew jiġi miċħud”.

57

Barra minn hekk, għalkemm il-kunċett ta’ “parti fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali” ma huwiex iddefinit fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Artikolu 1(2)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li t-termini “parti” u “partijiet” jirreferu għal kull parti fl-istanza, inklużi l-intervenjenti.

58

F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok, li l-fatt li NN ġiet ikkundannata fil-kontumaċja ma jistax ikollu effett fuq il-kwalità tagħha ta’ “parti fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali”, peress li hija kienet “parti” fl-istanza quddiem il-Qorti Ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Għalhekk, dan l-appell ġie nnotifikat lil NN, bħall-partijiet l-oħra inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ Jannar 2022, skont l-Artikolu 171(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

59

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kundizzjoni li NN għandu jkollha “interess li l-appell jintlaqa’ jew jiġi miċħud”, huwa paċifiku li l-appell ippreżentat mill-Parlament jirrigwarda biss il-punti 2 u 4 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, li ma jikkonċernawx lil NN.

60

Madankollu, fil-kuntest tal-eżami ta’ dan l-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tevalwa l-eżistenza eventwali ta’ żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali sabiex tasal għall-konklużjoni li l-akkumulazzjoni ta’ ilma tax-xita abbundanti fis-sotterran tal-bini KAD kienet taqa’ taħt il-kunċett ta’ “għargħar” fis-sens tal-Artikolu I.15.1.1 tal-kuntratt RKSK u, għaldaqstant, li Axa et setgħu ġustament jinvokaw il-klawżola ta’ esklużjoni tal-garanziji prevista f’dan l-artikolu għat-talba għal kumpens għall-inċident imressqa mill-Parlament.

61

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 56 sa 58 tal-konklużjonijiet tiegħu tat‑18 ta’ Jannar 2024, il-Qorti tal-Ġustizzja jaf ikollha tagħmel evalwazzjonijiet li jista’ jkollhom effett fuq l-eżitu tar-rikors għal oppożizzjoni li NN ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tikkontesta l-punti 1 u 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, u li l-proċedura tagħha hija attwalment sospiża sakemm tingħata din is-sentenza.

62

Minn dan isegwi li NN għandha “interess li l-appell jintlaqa’ jew jiġi miċħud”, fis-sens tal-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, u, għaldaqstant, li r-risposta tagħha għall-appell prinċipali hija ammissibbli.

Fuq il‑mertu

63

Insostenn tal-appell tiegħu, il-Parlament iqajjem tliet aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat, prinċipalment, fuq ksur tal-prinċipji ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għal dak li jirrigwarda t-terminu “għargħar” u, sussidjarjament, fuq żnaturament tal-klawżola tal-kuntratt RKSK li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu b’mod partikolari d-danni marbuta direttament jew indirettament ma’ “każ ta’ għargħar”. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi relatat mal-motivazzjoni tas-sentenza appellata. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żnaturament tal-fatti u tal-provi.

Fuq l‑ewwel aggravju

– L‑argumenti tal‑partijiet

64

Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, il-Parlament jallega, prinċipalment, li l-Qorti Ġenerali, billi bbażat ruħha fuq is-sens kurrenti tat-terminu “għargħar”, li jinsab fl-Artikolu I.15.1.1 tal-kuntratt RKSK, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jaqa’ dan it-terminu, u lanqas l-għanijiet ta’ dan il-kuntratt, kisret il-prinċipji ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar speċifiku, il-prinċipju li jgħid li t-termini li jinsabu f’dispożizzjoni derogatorja għandhom jiġu interpretati b’mod strett kif ukoll il-prinċipju ta’ interpretazzjoni sistematika. Sussidjarjament, il-Parlament jallega li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-klawżola ta’ esklużjoni tal-garanziji prevista f’dan l-Artikolu I.15.1.1, billi interpretatha b’mod eċċessivament wiesa’.

65

L-appellati jsostnu li, bl-iskuża ta’ allegat żball ta’ liġi, l-ewwel aggravju huwa intiż, fir-realtà, sabiex jikkontesta l-evalwazzjoni fattwali ta’ din il-klawżola, magħmula mill-Qorti Ġenerali. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex twettaq tali stħarriġ fil-kuntest ta’ appell, dan l-aggravju huwa inammissibbli.

– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

66

Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali biss għandha l-kompetenza li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mid-dokumenti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, kif ukoll li tevalwa l-provi prodotti. Il-konstatazzjoni ta’ dawn il-fatti u l-evalwazzjoni ta’ dawn il-provi ma jikkostitwixxux, għalhekk, kwistjoni ta’ liġi li bħala tali hija suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief fil-każ li dawn jiġu żnaturati (sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs ANKO, C‑78/14 P, EU:C:2015:732, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

Għandu jitfakkar ukoll li l-eżami, mill-Qorti Ġenerali, ta’ klawżola kuntrattwali ma jistax jiġi kklassifikat bħala interpretazzjoni tad-dritt u ma jistax, għaldaqstant, ikun is-suġġett ta’ stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell mingħajr ma tkun mittiefsa l-kompetenza tal-Qorti Ġenerali sabiex tistabbilixxi l-fatti. Ksur allegat tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għal kuntratt huwa, min-naħa l-oħra, suġġett għal dan l-istħarriġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, ERCEA vs Aristoteleio Panepistimio Thessalonikis, C‑280/19 P, EU:C:2021:23, punti 4344 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

68

Għaldaqstant, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali kinitx obbligata tapplika metodi ta’ interpretazzjoni speċifiċi għad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ tilwima li ma tirrigwardax l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt iżda l-applikazzjoni ta’ klawżola kuntrattwali, għandu jiġi kkonstatat li l-Parlament jinvoka ksur ta’ dawn il-metodi billi jibbaża ruħu fuq ir-riferiment magħmul għad-dritt tal-Unjoni fl-Artikolu I.18.1 tal-kuntratt RKSK. Għaldaqstant, l-ewwel aggravju li huwa jqajjem insostenn tal-appell tiegħu huwa ammissibbli.

69

F’dan il-każ, b’applikazzjoni tal-imsemmija metodi ta’ interpretazzjoni, il-Qorti Ġenerali kellha ġustament dubji dwar is-sens u l-portata li l-partijiet fil-kuntratt xtaqu jagħtu għat-terminu “għargħar”, billi rreferiet għall-kuntest u għad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt RKSK. Hija għalhekk wettqet, fil-punti 77 sa 111 tas-sentenza appellata, eżami ddettaljat tal-applikabbiltà, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, tal-klawżola ta’ esklużjoni tal-garanziji tal-kuntratt RKSK, prevista fl-Artikolu I.15.1.1 ta’ dan il-kuntratt, għad-danni marbuta direttament jew indirettament ma’ każ ta’ għargħar.

70

Fil-punti 78 sa 82 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali identifikat definizzjoni tat-terminu “għargħar” fid-dawl tas-sens komuni tiegħu, fin-nuqqas ta’ definizzjoni ta’ dan it-terminu fil-kuntratt RKSK li tindika li l-partijiet fih kellhom l-intenzjoni li jagħtu lill-imsemmi terminu sens iktar strett mis-sens komuni tiegħu. Hija enfasizzat, qabelxejn, fil-punt 78 ta’ dik is-sentenza, li peress li l-kuntratt RKSK ma kien jinkludi ebda definizzjoni tat-terminu “għargħar”, kellu jsir riferiment għas-sens komuni ta’ dan it-terminu filwaqt li jiġi eżaminat il-kuntest li fih taqa’ din l-klawżola ta’ esklużjoni, sabiex tiġi ddeterminata r-rieda komuni tal-partijiet f’dan il-kuntratt. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali żiedet, fil-punt 81 tal-imsemmija sentenza, li, li kieku l-intenzjoni tal-partijiet fl-imsemmi kuntratt kienet li jirrestrinġu l-portata u s-sens tat-terminu “għargħar”, kienet tiddaħħal definizzjoni ċara ta’ dan it-terminu fl-istess kuntratt. Fl-aħħar nett, fil-punt 82 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali adottat definizzjoni tat-terminu “għargħar” billi rreferiet għal definizzjonijiet ta’ dan it-terminu li jinsabu f’żewġ dizzjunarji differenti.

71

Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jallega l-Parlament, il-portata tal-kopertura tar-riskji tal-kuntratt RKSK ma tirriżultax minn prinċipju stabbilit minn qabel. Din hija ddeterminata mill-volontà konkordanti tal-partijiet f’dan il-kuntratt, li ftehmu, f’dan il-każ, li jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-garanziji offruti mill-imsemmi kuntratt permezz ta’ klawżoli ta’ esklużjoni. Dawn il-klawżoli ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “derogi” li allegatament għandhom, f’dan ir-rigward, ikunu suġġetti għal prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta, peress li ebda prinċipju ta’ kopertura integrali tar-riskji ma ġie stabbilit la mill-kuntratt RKSK, minkejja ismu, u lanqas minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li l-Parlament, barra minn hekk, ma invokax.

72

Il-Qorti Ġenerali ġustament fittxet, fil-punti 83 sa 93 tas-sentenza appellata, it-tifsira li l-partijiet fil-kuntratt RKSK kellhom l-intenzjoni li jagħtu lit-terminu “għargħar” li jinsab fih, billi eżaminat il-klawżoli rilevanti kollha kif ukoll il-kuntest ta’ dan il-kuntratt. Il-Qorti Ġenerali rrilevat b’mod partikolari, minn naħa, li l-Parlament stess kien ippropona, fil-kuntest tas-sejħa għal offerti tiegħu, li tiddaħħal klawżola ta’ esklużjoni fil-kuntratt li kellu jiġi konkluż fir-rigward tad-danni marbuta direttament jew indirettament ma’ każ ta’ għargħar, wara li kkonferma li ż-żona fejn kien jinsab is-sit ta’ kostruzzjoni tal-bini KAD “ma setgħetx tiġi affettwata mill-għargħar”. Min-naħa l-oħra, hija kkonstatat, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, li l-fatt li t-terminu “għargħar” jidher ukoll fl-Artikolu II.1 tal-kuntratt RKSK, li jiddefinixxi l-każijiet ta’ diżastri naturali, ma kienx ifisser madankollu li ż-żewġ termini kienu sinonimi u li l-kunċett ta’ għargħar kien ikopri huwa stess tali każijiet biss.

73

Għaldaqstant, huwa mingħajr ma injorat l-metodi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni invokati mill-Parlament fil-kuntest tal-ewwel aggravju tal-appell tiegħu li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 92 ta’ dik is-sentenza, li fenomenu ta’ xita abbundanti, li wassal għal akkumulazzjoni ta’ ilma tax-xita bħal dik li għarraq is-sulari - 4 u - 5 tal-bini KAD, huwa kopert mit-terminu “għargħar” użat fl-Artikolu I.15.1.1. tal-kuntratt RKSK.

74

Konsegwentement, l-argument tal-Parlament invokat prinċipalment fil-kuntest tal-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

75

Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-argument invokat sussidjarjament mill-Parlament, ibbażat fuq żnaturament tal-Artikolu I.15.1.1 tal-kuntratt RKSK, għandu jitfakkar li tali żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 86).

76

Issa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Parlament ma jipproduċix provi li jistgħu juru l-eżistenza ta’ tali żnaturament, iżda sempliċement jikkontesta l-interpretazzjoni li huwa jikklassifika bħala “eċċessivament wiesa’” adottata mill-Qorti Ġenerali. Konsegwentement, skont il-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punti 66 u 67 ta’ din is-sentenza, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

77

Mill-motivi preċedenti jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli.

Fuq it‑tieni aggravju

– L‑argumenti tal‑partijiet

78

Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, il-Parlament isostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’kontradizzjoni fil-motivazzjoni tagħha, sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 78 sa 89 ta’ dik is-sentenza, li l-oriġini ta’ għargħar ma huwiex kriterju validu sabiex jiġi ddefinit it-terminu “għargħar” fil-kuntest tal-kuntratt RKSK. Il-Qorti Ġenerali qablet b’mod żbaljat, fil-punti 91 sa 96 tal-imsemmija sentenza, mal-pożizzjoni ta’ Axa et li tgħid li għargħar joriġina minn avveniment naturali estern għall-proprjetà assigurata, kuntrarjament għall-ħsarat mill-ilma li huma ġeneralment koperti mill-poloz ta’ assigurazzjoni.

79

L-appellati jikkontestaw il-fondatezza ta’ dan l-argument.

– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

80

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jidentifikaw il-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2016, Klement vs EUIPO, C‑642/15 P, EU:C:2016:918, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali hijiex kontradittorja jew insuffiċjenti tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi li tista’ tiġi invokata fil-kuntest ta’ appell (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, EUIPO vs Equivalenza Manufactory, C‑328/18 P, EU:C:2020:156, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81

Kif ġie indikat fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali identifikat, fil-punti 78 sa 82 tas-sentenza appellata, definizzjoni tat-terminu “għargħar” fis-sens kurrenti ta’ dan it-terminu, fin-nuqqas ta’ definizzjoni fil-kuntratt RKSK li turi li l-partijiet f’dan il-kuntratt kellhom l-intenzjoni li jagħtu lil dan it-terminu sens iktar strett mit-tifsira komuni tiegħu.

82

Fil-punti 83 sa 89 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kuntest madwar l-inklużjoni tat-terminu “għargħar” fl-Artikolu I.15.1.1 tal-kuntratt RKSK. F’dan il-kuntest, hija ppreċiżat, fil-punt 85 ta’ dik is-sentenza, li “għargħar jista’ jkollu diversi kawżi” u, fil-punt 86 tagħha, li “għargħar jista’ […] jsib l-oriġini tiegħu f’kawżi differenti, bħat-tifwir tal-kanali tal-ilma, xita qawwija, it-tifwir ta’ riżerva ta’ ilma tal-wiċċ jew ta’ taħt l-art wara żieda fis-saff tal-ilma ta’ taħt l-art, jew inkella l falliment ta’ struttura ta’ inġinerija ċivili bħal diga jew imbankment”. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 87 tal-imsemmija sentenza, li ma kien hemm “ebda raġuni valida sabiex jitqies li [l-Artikolu] I.15.1.1 tal-kuntratt RKSK ikopri biss uħud mid-diversi kawżi li jistgħu jwasslu għal għargħar, mingħajr ma tispeċifika liema”. Skont il-Qorti Ġenerali, fl-assenza ta’ kwalunkwe definizzjoni tal-kunċett ta’ “għargħar” f’dan il-kuntratt, kellu jitqies li dan il-kunċett ma kien is-suġġett ta’ ebda restrizzjoni.

83

Fil-punti 91 sa 96 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “għargħar” li hija adottat tippermetti li ssir distinzjoni bejn “għargħar” u “ħsarat mill-ilma”, peress li “għargħar” joriġina minn avveniment naturali estern għall-proprjetà assigurata, kemm jekk dan l-avveniment jiġi kklassifikat bħala diżastru naturali jew le, filwaqt li, fir-rigward tal-“ħsarat mill-ilma”, bħal qsim ta’ pajpijiet, pereżempju, dan l-element estern huwa nieqes.

84

Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Parlament, din il-motivazzjoni ma tistax titqies li hija kontradittorja. Fil-fatt, filwaqt li, fil-punti 78 sa 89 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement fakkret li għargħar jista’ joriġina minn kawżi differenti, mingħajr ma llimitathom għal dawk imressqa mill-Parlament, fil-punti 91 sa 96 ta’ din is-sentenza, hija għamlet distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “għargħar” u dak ta’ “ħsarat mill-ilma” billi bbażat ruħha fuq il-kriterju dwar in-natura esterna għall-proprjetà assigurata tal-avveniment li ta lok għad-dannu, u mhux għall-oriġini “naturali” jew le ta’ dan l-avveniment.

85

Minn dan isegwi li l-argument tal-Parlament ibbażat fuq in-natura kontradittorja tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata għandu jiġi miċħud bħala li jirriżulta minn qari żbaljat ta’ din is-sentenza.

86

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it‑tielet aggravju

– L‑argumenti tal‑partijiet

87

Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, il-Parlament jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli żnaturat fatti u provi importanti, li jinsabu fir-rapport tal-perizja, fir-raġunament li fuqu hija bbażata l-konstatazzjoni tagħha li l-ħsarat ikkawżati lill-bini KAD kienu dovuti għal għargħar u mhux għal riskju inerenti għas-sit ta’ kostruzzjoni.

88

L-ewwel nett, fil-punti 86, 89 u 94 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-pożizzjoni tal-Parlament dwar l-interpretazzjoni tat-terminu “għargħar”. Din l-istituzzjoni ssostni li, kuntrarjament għall-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, hija bl-ebda mod ma sostniet li dan it-terminu kien ikopri biss l-għargħar li jirriżulta mit-tifwir tal-kanali tal-ilma u, għaldaqstant, kien jeskludi l-għargħar ikkawżat minn xita intensa.

89

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti meta affermat, fil-punt 95 tas-sentenza appellata, li, skont il-konstatazzjonijiet tar-rapport tal-perizja, l-akkumulazzjoni tal-ilma tax-xita fis-sotterran tal-bini li kien qiegħed jinbena kienet “assoċjata ma’ impossibbiltà għas-sistema ta’ pajpijiet taħt l-art li tevakwa dan il-fluss kbir ta’ ilma”. Il-Parlament jafferma, f’dan ir-rigward, li r-rapport tal-perizja stabbilixxa li l-ilma baqa’ f’post fis-sit ta’ kostruzzjoni u lanqas ma seta’ jiġi dirett lejn is-sistema ta’ pajpijiet taħt l-art minħabba problemi tekniċi inerenti għas-sit ta’ kostruzzjoni, b’mod partikolari minħabba nuqqas ta’ programmazzjoni tal-pompi ta’ tbattil.

90

It-tielet nett, fil-punt 109 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-konstatazzjoni tar-rapport ta’ perizja li tgħid li l-inċident seħħ meta “x-xogħlijiet ewlenin kienu jinsabu fi stat li jistgħu jiġu kklassifikati bħala kważi kompluti (l-istruttura ta’ support u l-bejt)”, u dan sabiex tiċħad l-argument tal-Parlament li jgħid li l-bini KAD ġarrab ħsarat minħabba riskju inerenti għas-sit ta’ kostruzzjoni, peress li dan kien bini li kien għadu qiegħed jinbena, li ma kienx kompletament magħluq u protett mix-xita. Skont il-Parlament, ir-rapport tal-perizja invokat mill-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma jafferma li l-kostruzzjoni tal-bini kienet fi stadju tant avvanzat li dan tal-aħħar ma kienx għadu suġġett għar-riskji tas-sit ta’ kostruzzjoni, bħal ħsarat mill-ilma wara xita qawwija.

91

L-appellati jikkontestaw il-fondatezza ta’ dan l-argument.

– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

92

Kif tfakkar fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi.

93

Għal dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-allegat żnaturament tal-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-portata tat-terminu “għargħar”, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, anki jekk jitqies li dan l-iżnaturament huwa stabbilit, dan ma jistax jikkontesta l-interpretazzjoni ta’ dan it-terminu adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 86, 89 u 94 tas-sentenza appellata. Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

94

It-tieni nett, fir-rigward tal-allegat żnaturament li jivvizzja l-punt 95 tas-sentenza appellata, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-fatt, jekk jitqies li huwa stabbilit, li r-rapport tal-perizja ma jsemmix l-impossibbiltà għas-sistema ta’ pajpijiet taħt l-art li tevakwa l-ilma tax-xita ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi kkontestata l-konstatazzjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punt 96 ta’ dik is-sentenza, li tgħid li fenomenu bħal akkumulazzjoni ta’ xita abbundanti jikkostitwixxi każ ta’ “għargħar” fis-sens tal-Artikolu I.15.1.1 tal-kuntratt RKSK.

95

Fil-fatt, mill-punti 85 sa 87 tal-imsemmija sentenza jirriżulta, b’mod partikolari, li r-raġunijiet li għalihom l-ilma akkumulat ma setax jiġi evakwat ma għandhomx effett fuq l-interpretazzjoni tat-terminu “għargħar” adottata mill-Qorti Ġenerali.

96

L-argument ibbażat fuq żnaturament tal-konstatazzjonijiet li jinsabu fir-rapport tal-perizja għandu, konsegwentement, jiġi miċħud ukoll bħala ineffettiv.

97

It-tielet nett, sa fejn il-Parlament isostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat, fil-punt 109 tas-sentenza appellata, il-konstatazzjonijiet tar-rapport tal-perizja, li jgħidu li l-inċident seħħ meta “ix-xogħlijiet ewlenin kienu jinsabu fi stat li jistgħu jiġu kklassifikati bħala kważi kompluti (l-istruttura ta’ support u l-bejt)”, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din l-istituzzjoni sempliċement tikkontesta l-konklużjonijiet u l-evalwazzjonijiet fattwali li l-Qorti Ġenerali siltet abbażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet. Għaldaqstant, din il-parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

98

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment ineffettiv u parzjalment inammissibbli.

99

Fid-dawl tal-motivi kollha preċedenti, l-appell prinċipali għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l‑appell inċidentali

Fuq l‑ammissibbiltà

L‑argumenti tal‑partijiet

100

Il-Parlament jeċċepixxi l-inammissibbiltà tal-appell inċidentali għar-raġuni li NN ma tissodisfax il-kundizzjoni prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li tipprovdi li appell jista’ jiġi ppreżentat “minn kwalunkwe parti li tkun tilfet parzjalment jew għal kollox, fit-talbiet tagħha”.

101

Barra minn hekk, il-Parlament isostni li, fid-dawl tas-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji stabbilita mit-Trattati, il-preżentata ta’ appell inċidentali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompatibbli mal-preżentata parallela ta’ rikors għal oppożizzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali.

102

Għall-finijiet ta’ kompletezza, il-Parlament isostni li peress li NN ma għandhiex il-kwalità ta’ parti awtorizzata tippreżenta risposta, fis-sens tal-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija lanqas ma għandha locus standi sabiex tippreżenta appell inċidentali, irriżervat, skont l-Artikolu 176 ta’ dawn ir-Regoli, għall-“partijiet imsemmija fl-Artikolu 172 [tal-imsemmija] Regoli”.

103

NN, min-naħa tagħha, tikkontesta l-applikabbiltà għall-appell inċidentali tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, peress li dan ir-rimedju huwa previst biss mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Issa, l-Artikolu 176 ta’ dawn ir-Regoli jagħti d-dritt li jiġi ppreżentat appell inċidentali lill-“partijiet imsemmija fl-Artikolu 172 [tal-imsemmija] Regoli”, jiġifieri “[k]ull parti fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali li jkollha interess li l-appell jintlaqa’ jew jiġi miċħud”.

104

F’dan il-każ, NN għandha interess li tinħeles mill-kundanna fil-kontumaċja li ngħatat fil-konfront tagħha mill-Qorti Ġenerali. Il-fatt li l-appell inċidentali tagħha jirrigwarda l-punti 1 u 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, filwaqt li l-appell prinċipali tal-Parlament jirrigwarda l-punti 2 u 4 ta’ dan id-dispożittiv, ma jaffettwax l-ammissibbiltà tal-appell inċidentali, peress li dan jista’ jirrigwarda deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali distinta minn dik ikkontestata mill-appell prinċipali.

105

NN tippreċiża, barra minn hekk, li l-motivi tar-rikors għal oppożizzjoni tagħha kontra s-sentenza appellata u l-aggravji tal-appell inċidentali tagħha huma differenti, fejn tal-ewwel jikkoinċidu ma’ dawk ippreżentati minn Axa et fil-kuntest tal-proċedura tal-ewwel istanza u tat-tieni huma bbażati fuq ksur tal-Artikolu 45(1)(a) u tal-Artikolu 123(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

106

Skont id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 172 u tal-Artikolu 176(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-preżentata ta’ appell inċidentali hija suġġetta għall-kundizzjoni doppja li l-awtur tiegħu jkun “parti fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali” u li jkollu “interess li l-appell jintlaqa’ jew jiġi miċħud”.

107

Konformement mal-Artikolu 176(2) u mal-paragrafi 1 u 3 tal-Artikolu 178 ta’ dawn ir-Regoli, l-appell inċidentali għandu jiġi ppreżentat permezz ta’ att separat, distint mir-risposta, li t-talbiet tiegħu huma intiżi għall-annullament totali jew parzjali tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali billi jiġu bbażati fuq aggravji u argumenti ta’ dritt distinti mill-motivi u mill-argumenti invokati fir-risposta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Land Rheinland-Pfalz vs Deutsche Lufthansa, C‑466/21 P, EU:C:2023:666, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet imfakkra fil-punti 106 u 107 ta’ din is-sentenza huma ssodisfatti. Minn naħa, kif jirriżulta mill-punti 58 u 59 ta’ din is-sentenza, NN hija parti awtorizzata tippreżenta risposta, fis-sens tal-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, NN ippreżentat l-appell inċidentali tagħha permezz ta’ att separat u b’osservanza tat-termini stabbiliti mill-Artikolu 176(1) ta’ dawn ir-Regoli. Dan l-appell inċidentali, intiż għall-annullament tal-punti 1 u 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, huwa bbażat, konformement mal-Artikolu 178(3) tal-imsemmija Regoli, fuq aggravji u argumenti distinti minn dawk invokati fir-risposta ta’ NN għall-appell prinċipali ppreżentat mill-Parlament, li jirrigwarda l-punti 2 u 4 ta’ dak id-dispożittiv.

109

Madankollu, huwa paċifiku li NN ippreżentat b’mod parallel rikors għal oppożizzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 166 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, intiż ukoll għall-annullament tal-punti 1 u 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, mogħtija fil-kontumaċja fil-konfront tagħha.

110

Issa, kif tfakkar fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-eżerċizzju ta’ rikors għal oppożizzjoni mill-parti kontumaċi quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li għandu l-effett li jiftaħ mill-ġdid l-istanza quddiemha, jimplika li s-sentenza mogħtija fil-kontumaċja li kontriha ġie ppreżentat tali rikors ma tistax titqies li għalqet l-istanza, fis-sens tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u li, konsegwentement, l-appell minn dik is-sentenza huwa inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2024, Eulex Kosovo vs SC, C‑785/22 P, EU:C:2024:52, punti 3132).

111

Għall-istess raġunijiet, din il-ġurisprudenza għandha testendi għall-każ ta’ pluralità ta’ konvenuti quddiem il-Qorti Ġenerali, fosthom dik il-parti li naqset milli tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub u li ppreżentat rikors għal oppożizzjoni kontra s-sentenza mogħtija. F’dan il-każ, il-ftuħ tal-proċedura ta’ oppożizzjoni għandu l-effett li jiftaħ mill-ġdid l-istanza fuq il-punti tad-dispożittiv tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali kkonċernati minn din il-proċedura u, għaldaqstant, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 116 tal-konklużjonijiet tiegħu tat‑18 ta’ Jannar 2024, din id-deċiżjoni ma tistax titqies li għalqet l-istanza fuq dawn il-punti, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

112

Konsegwentement, l-appell inċidentali ppreżentat minn NN għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

Fuq l‑ispejjeż

113

Konformement mal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

114

Peress li NN tilfet fl-appell inċidentali tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż relatati mal-appell inċidentali, kif mitlub mill-Parlament. Min-naħa l-oħra, peress li Axa et kif ukoll NN ma talbux li l-Parlament jiġi kkundannat għall-ispejjeż u peress li dan tal-aħħar tilef l-appell prinċipali tiegħu, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell prinċipali u l-appell inċidentali huma miċħuda.

 

2)

Il-Parlament Ewropew, Axa Assurances Luxembourg SA, Bâloise Assurances Luxembourg SA u La Luxembourgeoise SA kif ukoll Nationale--Nederlanden Schadeverzekering Maatschappij NV għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mal-appell prinċipali.

 

3)

Nationale--Nederlanden Schadeverzekering Maatschappij NV hija kkundannata tbati l-ispejjeż relatati mal-appell inċidentali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top