EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0575

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-25 ta’ Mejju 2023.
WertInvest Hotelbetriebs GmbH vs Magistrat der Stadt Wien.
Talba għal deċiżjoni preliminary, imressqa mill-Verwaltungsgericht Wien.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2011/92/UE – Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati – Artikolu 2(1) u Artikolu 4(2) – Proġetti li jaqgħu taħt l-Anness II – Proġetti ta’ żvilupp urban – Eżami abbażi ta’ limiti minimi jew ta’ kriterji – Artikolu 4(3) – Kriterji tal-għażla rilevanti stabbiliti fl-Anness III – Artikolu 11 – Aċċess għall-ġustizzja.
Kawża C-575/21.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:425

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

25 ta’ Mejju 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2011/92/UE – Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati – Artikolu 2(1) u Artikolu 4(2) – Proġetti li jaqgħu taħt l-Anness II – Proġetti ta’ żvilupp urban – Eżami abbażi ta’ limiti minimi jew ta’ kriterji – Artikolu 4(3) – Kriterji tal-għażla rilevanti stabbiliti fl-Anness III – Artikolu 11 – Aċċess għall-ġustizzja”

Fil-Kawża C‑575/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Settembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Settembru 2021, fil-proċedura

WertInvest Hotelbetriebs GmbH

vs

Maġistrat der Stadt Wien

fil-preżenza ta’:

Verein Alliance for Nature,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, M. L. Arastey Sahún, F. Biltgen, N. Wahl u J. Passer (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: S. Beer, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑14 ta’ Settembru 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal WertInvest Hotelbetriebs GmbH, minn K. Liebenwein, Rechtsanwalt, u L. Pöcho, Rechtsanwältin,

għal Magistrat der Stadt Wien, minn G. Cech, Senatsrat,

għal Verein Alliance for Nature, minn W. Proksch u P. Pyka, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Kögl, W. Petek, A. Posch u J. Schmoll, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hermes u M. Noll-Ehlers, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑24 ta’ Novembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikolu 4(2) u (3), tal-Artikolu 11, tal-punt 10(b) tal-Anness II u tal-Anness III tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1 u rettifika ĠU 2015, L 174, p. 44), kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 (ĠU 2014, L 124, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2011/92”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn WertInvest Hotelbetriebs GmbH u l-Magistrat der Stadt Wien (l-Amministrazzjoni Muniċipali tal-belt ta’ Vjenna, l-Awstrija) dwar talba għal awtorizzazzjoni ta’ proġett ta’ żvilupp urban.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-premessi 1 u 7 sa 11 tad-Direttiva 2011/92:

“(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas‑27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248] ġiet emendata kemm-il darba b’mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kkodifikata.

[…]

(7)

Kunsens għall-iżvilupp għal proġetti pubbliċi u privati li aktarx ikollhom effett sinifikanti fuq l-ambjent għandu jingħata biss wara li tkun saret stima minn qabel tal-effetti ambjentali sinifikanti probabbli ta’ dawk il-proġetti. Dik l-istima għandha titmexxa fuq il-bażi tal-informazzjoni xierqa mogħtija mill-iżviluppatur, li tista’ tkun supplementata mill-awtoritajiet u mill-pubbliku li x’aktarx ikun ikkonċernat bil-proġett inkwistjoni.

(8)

Proġetti li jappartienu lil ċerti tipi għandhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent u dawk il-proġetti għandhom, bħala regola, jkunu suġġetti għal stima sistematika.

(9)

Proġetti ta’ tipi oħra jista’ ma jkollomx effetti sinifikanti fuq l-ambjent f’kull każ u dawk il-proġetti għandhom ikunu stmati fejn l-Istati Membri jaħsbu li x’aktarx li jkollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.

(10)

L-Istati Membri jistgħu jwaqqfu livelli jew kriterji bil-għan li jistabbilixxu liema minn dawn il-proġetti għandhom jiġu soġġetti għal stima fuq il-bażi tal-importanza tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent. L-Istati Membri ma għandhomx ikunu meħtieġa li jeżaminaw proġetti li jaqgħu taħt dawk il-livelli jew ’il barra minn dawk il-kriterji fuq il-bażi ta’ każ b’każ.

(11)

Huma u jistabbilixxu tali livelli jew kriterji jew jeżaminaw il-proġetti fuq il-bażi ta’ każ b’każ, bil-għan li jistabbilixxu liema proġetti għandhom ikunu soġġetti għal stima fuq il-bażi tal-effetti sinifikanti tagħhom fuq l-ambjent, l-Istati Membri għandhom iqisu l-kriterji rilevanti tal-għażla stabbiliti f’din id-Direttiva. B’mod konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-Istati Membri huma fl-aħjar pożizzjoni biex japplikaw dawk il-kriterji f’okkażjonijiet speċifiċi.”

4

L-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[…]

c)

‘kunsens għall-iżvilupp’ tfisser id-deċiżjoni tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur biex jipproċedi bil-proġett;

d)

‘pubbliku’ tfisser persuna jew iktar naturali jew legali, u, skont il-leġiżlazzjoni jew il-prassi nazzjonali, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi tagħhom;

e)

‘pubbliku kkonċernat’ tfisser il-pubbliku affettwat jew x’aktarx li jiġi affettwat bil-proċeduri dwar it-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent imsemmija fl-Artikolu 2(2) jew li għandu interess fihom. Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent u jissodisfaw kull rekwiżit taħt il-liġijiet nazzjonali għandhom jitqiesu li għandhom interess;

[…]”

5

L-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li, qabel ma jingħata l-kunsens għall-iżvilupp, il- proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikattiv fuq l-ambjent minħabba, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokalizzazzjoni tagħhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit li jkun hemm kunsens għall-iżvilupp u valutazzjoni rigward l-effetti tagħhom fuq l-ambjent. Dawk il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.”

6

L-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“Il-valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’mod xieraq, fid-dawl ta’ kull każ individwali, l-effetti sinifikattivi, diretti u indiretti, ta’ proġett fuq il-fatturi li ġejjin:

a)

il-popolazzjoni u s-saħħa tal-bniedem;

b)

il-bijodiversità […];

c)

l-art, il-ħamrija, l-ilma, l-arja u l-klima;

d)

l-assi materjali, il-wirt kulturali u l-pajsaġġ;

e)

l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fil punti (a) sa (d).”

7

L-Artikolu 4(2) sa (5) tad-Direttiva 2011/92 huwa fformulat kif ġej:

“2.   Bla ħsara għall-Artikolu 2(4), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, Stati Membri għandhom jistabbilixxu jekk il-proġett għandux jiġi soġġett għal stima b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10. L-Istati Membri għandhom jagħmlu dik id-determinazzjoni permezz ta’:

(a)

eżami każ b’każ,

jew

(b)

livelli jew kriterji stabbiliti mill-Istat Membru.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-punti (a) u (b).

3.   Fejn issir analiżi każ b’każ jew jiġu stabbiliti parametri jew kriterji għall-fini tal-paragrafu 2, għandhom jitqiesu l-kriterji tal-għażla rilevanti ddikjarati fl-Anness III. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu livelli massimi jew kriterji biex jiddeterminaw meta ma jkunx hemm bżonn li proġetti jgħaddu jew mid-determinazzjoni taħt il-paragrafi 4 u 5 jew minn valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, u/jew limiti massimi jew kriterji biex jiddeterminaw meta proġetti jkunu f’kull każ suġġetti għal valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent mingħajr ma jgħaddu minn determinazzjoni kif stabbilit fil-paragrafi 4 u 5.

4.   Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jeħtieġu determinazzjoni għal proġetti elenkati fl-Anness II, l-iżviluppatur għandu jipprovdi tagħrif dwar il-karatteristiċi tal-proġett u l-effetti sinifikattivi li dan x’aktarx ikollu fuq l-ambjent. Il-lista dettaljata tat-tagħrif li għandu jiġi pprovdut hija speċifikata fl-Anness II.A. L-iżviluppatur għandu jieħu kont, fejn rilevanti, tar-riżultati disponibbli ta’ valutazzjonijiet rilevanti oħra tal-effetti fuq l-ambjent imwettqa b’mod konformi ma’ leġislazzjoni tal-Unjoni barra minn din id-Direttiva. L-iżviluppatur jista’ wkoll jipprovdi deskrizzjoni ta’ kwalunkwe element tal-proġett u/jew miżuri intiżi sabiex jiġu evitati jew impediti dawk li jistgħu altrimenti jkunu effetti sinifikattivi ħżiena fuq l-ambjent.

5.   L-awtorità kompetenti għandha tagħmel id-determinazzjoni tagħha, abbażi tat-tagħrif ipprovdut mill-iżviluppatur f’konformità mal-paragrafu 4 filwaqt li tqis, meta jkun rilevanti, ir-riżultati ta’ verifiki preliminari jew valutazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent imwettqa b’mod konformi ma’ leġislazzjoni tal-Unjoni barra minn din id-Direttiva. Id-determinazzjoni għandha ssir disponibbli għall-pubbliku u:

a)

fejn jiġi deċiż li hija meħtieġa valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, tiddikjara r-raġunijiet prinċipali għaliex kienet meħtieġa tali valutazzjoni b’riferiment għall-kriterji rilevanti elenkati fl-Anness III; jew

b)

fejn jiġi deċiż li mhijiex meħtieġa valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, tiddikjara r-raġunijiet prinċipali għaliex ma kinitx meħtieġa tali valutazzjoni b’riferiment għall-kriterji rilevanti elenkati fl-Anness III, u fejn proposta mill-iżviluppatur, tiddikarja kwalunkwe element tal-proġett u/jew miżura previsti sabiex jiġu evitati jew impediti dawk li jistgħu altrimenti jkunu effetti sinifikattivi ħżiena fuq l-ambjent.”

8

Skont l-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, skont is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku kkonċernat:

a)

li jkollhom interess suffiċjenti, jew alternattivament,

b)

li jsostnu l-ksur ta’ dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ Stat Membru teħtieġ dan bħala pre-kondizzjoni,

ikollhom aċċess għal proċedura ta’ stħarriġ quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi sabiex jikkontestaw il-legalità sostantiva jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.”

9

L-Anness II tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-proġetti msemmija fl-Artikolu 4(2)”, jipprovdi fil-punt 10 tiegħu intitolat “Proġetti ta’ Infrastruttura”:

“[…]

Proġetti ta’ żvilupp urban, inkluż il-bini ta’ ċentri kummerċjali u ta’ parkeġġi għall-karozzi;

[…]”

10

L-Anness III tad-Direttiva 2011/92 huwa intitolat “Il-Kriterji tal-Għażla Msemmija fl-Artikolu 4(3) (Kriterji li Jiddeterminaw Jekk il-Proġetti Elenkati fl-Anness II Ġħandhomx Ikunu Soġġetti għal Valutazzjoni tal-Impatt fuq l-Ambjent)” huwa fformulat kif ġej:

“1.   Karatteristiċi tal-Proġetti

Il-karatteristiċi tal-proġetti għandhom jitqiesu, b’mod partikolari fir-rigward ta’:

a)

id-daqs u d-disinn tal-proġett kollu;

b)

il-kumulazzjoni ma’ proġetti eżistenti u/jew approvati oħra;

[…]

2.   Il-post fejn jinsabu l-proġetti

Għandha titqies is-sensittività ambjentali ta’ żoni ġeografiċi li x’aktarx jiġu affettwati mill-proġetti, b’mod partikolari fir-rigward ta’:

a)

l-użu eżistenti u approvat tal-art;

b)

l-abbundanza relattiva, id-disponibbiltà, il-kwalità u l-kapaċità ta’ riġenerazzjoni tar-riżorsi naturali (inkluża l-ħamrija, l-art, l-ilma u l-bijodiversità) fiż-żona u taħt l-art tagħha;

c)

il-kapaċità ta’ assorbiment tal-ambjent naturali, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari liż-żoni li ġejjin:

[…]

vii)

żoni b’densità għolja ta’ popolazzjoni;

viii)

pajsaġġi u siti ta’ sinifikat storiku, kulturali jew arkeoloġiku.

3.   It-tip u l-karatteristiċi tal-impatt potenzjali

L-effetti sinifikattivi li l-proġetti x’aktarx ikollhom fuq l-ambjent għandhom jitqiesu f’rabta mal-kriterji stabbiliti fil-punti 1 u 2 ta’ dan l-Anness, fir-rigward tal-impatt tal-pproġett fuq il-fatturi speċifikati fl-Artikolu 3(1), filwaqt li jitqiesu:

a)

id-daqs u l-ambitu spazjali tal-impatt (pereżempju, iż-żona ġeografika u d-daqs tal-popolazzjoni li x’aktarx tkun affettwata);

[…]

g)

il-kumulazzjoni tal-impatt mal-impatt ta’ proġetti oħra eżistenti u/jew approvati; […]

[…]”

Id-dritt Awstrijak

11

Skont l-Artikolu 3 tal-Bundesgesetz über die Prüfung der Umweltverträglichkeit (Umweltverträglichkeitsprüfungsgesetz 2000 - UVP - G 2000) (Att Federali dwar l-Evalwazzjoni tal-Impatt fuq l-Ambjent) (BGB1. 697/1993) fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UVP-G 2000”), intitolat “L-oġġett tal-Evalwazzjoni tal-Impatt fuq l-Ambjent”:

“(1)   Proġetti elenkati fl-Anness 1 u modifiki lil tali proġetti għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin. Proġetti elenkati fil-Kolonni 2 u 3 tal-Anness 1 għandhom ikunu evalwati mill-proċedura ssimplifikata. […]

(2)   Fil-każ ta’ proġetti fl-Anness 1, li ma jilħqux il-limiti minimi jew jilħqu l-kriterji stabbiliti f’dan l-anness iżda li, meta magħqudin ma’ proġetti oħrajn, jilħqu l-limitu minimu jew jissodisfaw il-kriterju inkwistjoni, l-awtorità għandha tiddikjara, fuq bażi ta’ każ b’każ, jekk l-effetti kumulattivi probabbilment jirriżultaw f’effetti ta’ dannu, mhux mixtieqa, jew ta’ ħsara sinjifikattivi fuq l-ambjent u jekk evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent għandhiex għalhekk titwettaq għall-proġett propost. Għal akkumulazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni proġetti simili u ġeografikament relatati, li diġà jeżistu jew li kisbu l-kunsens, jew proġetti li kienu sottomessi preċedentement lil awtorità pubblika b’applikazzjoni sħiħa għal kunsens jew għal liema kunsens kien ġie applikat preċedentement skont il-Paragrafi 4 jew 5. Eżami każ b’każ ma għandux jitwettaq jekk il-proġett propost għandu kapaċità ta’ inqas minn 25 % tal-limitu minimu. Meta jiġi deċiż fuq bażi ta’ każ b’każ, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji fil-punti 1 sa 3 tal-paragrafu 5 u l-paragrafi 7 u 8 għandhom jiġu applikati. L-evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent għandha titwettaq permezz tal-proċedura ssimplifikata. Eżami każ b’każ ma huwiex meħtieġ jekk l-applikant tal-proġett japplika sabiex titwettaq evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent.

[…]

(4)   fil-każ ta’ proġetti li għalihom valur ta’ limitu minimu huwa mfisser għal ċerti żoni protetti fil-Kolonna 3 tal-Anness 1, fejn dan il-kriterju huwa ssodisfat, l-awtorità għandha tiddeċiedi fuq bażi ta’ każ b’każ, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-ambitu u l-effetti fit-tul tal-impatt fuq l-ambjent, jekk effetti ħżiena sinjifikattivi għandhom ikunu mistennija għall-post tal-abitazzjoni protett (Kategorija B tal-Anness 2) jew għall-għan ta’ protezzjoni li għalih iż-żona protetta ġiet stabbilita (Kategoriji A, Ċ, D u E tal-Anness 2). Għall-finijiet ta’ dan l-eżami, żoni protetti ta’ Kategoriji A, Ċ, D jew E tal-Anness 2 għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss jekk, fil-ġurnata ta’ meta tingħata bidu l-proċedura, kienu diġà stabbiliti jew inklużi fil-lista ta’ siti ta’ importanza fil-Komunità (Kategorija A tal-Anness 2). Jekk effetti ħżiena sinjifikattivi huma mistennija, għandha titwettaq evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent. Meta jiġi deċiż fuq bażi ta’ każ b’każ, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji fil-punti 1 sa 3 tal-paragrafu 5 u l-paragrafi 7 u 8 għandhom jiġu applikati. Eżami każ b’każ ma huwiex meħtieġ jekk l-applikant tal-proġett japplika sabiex titwettaq evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent.

(4a)   Fil-każ ta’ proġetti li għalihom kundizzjonijiet speċjali oħrajn minbarra dawk identifikati fil-paragrafu 4 huma stabbiliti fil-Kolonna 3 tal-Anness 1 u jekk dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti, l-awtorità għandha tiddetermina fuq bażi ta’ każ b’każ, bl-applikazzjoni ta’ paragrafu 7, jekk effetti sinjifikattivi ta’ ħsara jew ħżiena fuq l-ambjent għandhomx ikunu mistennija, kif imfisser fis-subparagrafu 1 tal-Paragrafu 1(1). Jekk l-awtorità tikkonstata li tali effetti għandhom ikunu mistennija, l-evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent għandha titwettaq permezz ta’ proċedura ssimplifikata. Eżami każ b’każ ma huwiex meħtieġ jekk l-applikant tal-proġett japplika sabiex titwettaq evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent.

[…]

(6)   Kunsens għal proġetti li huma suġġetti għal evalwazzjoni skont il-paragrafi 1, 2 jew 4 ma għandux jinħareġ qabel l-ikkompletar tal-evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent jew l-eżami każ b’każ. Kwalunkwe notifika mogħtija ma għandu jkollha l-ebda effett legali qabel l-ikkompletar tal-evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent. Kunsens maħruġ bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni jista’ jiġi ddikjarat null u bla effett fi żmien tliet snin mill-awtorità kompetenti skont il-Paragrafu 39(3).

(7)   Fuq it-talba mill-applikant tal-proġett, minn awtorità li qiegħda tikkoopera jew mill-ombudsman tal-ambjent, l-awtorità għandha tiddikjara jekk l-evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent għandhiex titwettaq għal proġett skont dan l-Att u liema kriterji jissodisfa dan il-proġett minn dawk stabbiliti fl-Anness I jew fil-Paragrafu 3a(1) sa (3). Din id-dikjarazzjoni tista’ ssir ukoll mill-awtorità ex officio. […]

[…]

(9)   jekk l-awtorità tiddeċiedi skont il-paragrafu 7 li proġett ma għandux ikun suġġett għal evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, organizzazzjoni tal-ambjent irrikonoxxuta skont il-Paragrafu 19(7) jew ġar skont il-punt 1 tal-Paragrafu 19(1) għandu jkollhom id-dritt li jressqu azzjoni quddiem il-Qorti Amministrattiva Federali. Mill-ġurnata tal-pubblikazzjoni fuq l-internet, tali organizzazzjoni tal-ambjent jew tali ġar għandhom jingħataw aċċess għall-fajl amministrattiv. Għall-finijiet tal-locus standi tal-organizzazzjoni tal-ambjent, iż-żona ġeografika ta’ attività ddikjarata fid-digriet amministrattiv ta’ rikonoxximent skont l-Paragrafu 19(7) għandha tkun deċiżiva”.

12

L-Anness 1 tal-UVP-G 2000 jipprovdi li:

“15. L-Anness jistabbilixxi fid-dettall il-proġetti li huma suġġetti għal evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, skont l-Artikolu 3.

Fil-kolonni 1 u 2 jidhru l-proġetti li huma fi kwalunkwe każ suġġetti għal evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent (kolonna 1) jew li għandhom ikunu suġġetti għal proċedura ssemplifikata (kolonna 2). L-emendi msemmija fl-Anness I jeħtieġu eżami każ b’każ mil-livell indikat; altrimenti japplika l-Paragrafu 3a(2) u (3), sakemm ma jkunux imsemmija espliċitament il-kostruzzjonijiet ġodda, il-bini ġdid jew l-manutensjonijiet il-ġodda.

Fil-kolonna 3 jidhru l-proġetti li huma suġġetti għal evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent biss meta jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet partikolari. Għal dawn il-proġetti, ladarba jintlaħaq il-limitu minimu indikat, għandu jsir eżami każ b’każ. Jekk minn dan l-eżami jirriżulta li l-proġett għandu jkun suġġett għal stima tal-impatt ambjentali, għandha tiġi applikata l-proċedura simplifikata.

L-Anness 2 jiddefinixxi l-kategoriji ta’ żoni protetti li għalihom tirreferi wkoll il-Kolonna 3. Il-kategoriji tas-siti li għandhom jiġu protetti elenkati fil-kolonna 3 huma definiti fl-Anness 2. Madankollu, is-siti tal-kategoriji A, C, D u E għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk proġett huwiex suġġett għal evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent biss jekk dawn ikunu inklużi fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni.

 

Stima tal-impatt fuq l-ambjent

Evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent fi proċedura ssimplifikata

 

Kolonna 1:

Kolonna 2:

Kolonna 3:

[…]

[…]

[…]

[…]

 

Proġetti infrastrutturali

 

 

[…]

[…]

[…]

[…]

Z 17

 

a) Żoni ta’ rikreazzjoni jew ta’ divertiment, stadji u korsi tal-golf b’superfiċi okkupata ta’ mill-inqas 10 ettari jew mill-inqas 1 500 post ta’ ipparkjar għal vetturi bil-mutur;

b) Żoni ta’ rikreazzjoni jew ta’ divertiment, stadji u korsi tal-golf sitwati f’żoni protetti ta’ Kategorija A jew D b’superfiċi okkupata ta’ mill-inqas 5 ettari jew mill-inqas 750 post ta’ ipparkjar għal vetturi bil-mutur;

Proġetti taħt (a) u (b) u faċilitajiet relatati li huma mibnija, modifikati jew imkabbra fuq il-bażi ta’ ftehim ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali għal avvenimenti maġġuri (eż. Logħob Olimpiku, kampjonati tad-dinja jew tal-Ewropa, tlielaq tal-Formula 1), wara li jkunu wettqu evalwazzjoni individwali skont l-Artikolu 3(4a);

[…]

Z 18

 

a) Żoni industrijali u ta’ attività b’superfiċi okkupata ta’ mill-inqas 50 ettaru;

b) Proġetti ta’ żvilupp urban3a) b’superfiċi okkupata ta’ mill-inqas 15-il ettaru u superfiċi gross ta’ aktar minn 150 000 m2;

c) Żoni industrijali u attivitajiet li jinsabu f’żoni protetti tal-kategorija A jew D b’superfiċi okkupata ta’ mill-inqas 25 ettaru;

Fir-rigward tal-proġetti taħt (b), il-Paragrafu 3(2) japplika billi tittieħed inkunsiderazzjoni s-somma tal-kapaċitajiet awtorizzati matul l-aħħar ħames snin, inkluża l-kapaċità jew l-estensjoni tal-kapaċità mitluba.

Z 19

 

a) Ċentri kummerċjali b’superfiċi okkupata ta’ mill-inqas 10 ettari jew mill-inqas 1 000 post ta’ ipparkjar għal vetturi bil-mutur;

b) Ċentri kummerċjali li jinsabu f’żoni protetti tal-kategorija A jew D b’superfiċi okkupata ta’ mill-inqas 5 ettari jew mill-inqas 500 post ta’ ipparkjar għal vetturi bil-mutur;

[…]

Z 20

 

stabbilimenti għall-akkomodazzjoni bħal lukandi jew villaġġi tal-vaganzi, inklużi installazzjonijiet anċillari b’mill-inqas 500 sodda jew superfiċi okkupata ta’ mill-inqas 5 ettari, barra minn agglomerazzjonijiet;

stabbilimenti għall-akkomodazzjoni bħal lukandi jew villaġġi tal-vaganzi, inklużi installazzjonijiet relatati f’żoni protetti tal-kategorija A jew B b’mill-inqas 250 sodda jew superfiċi okkupata ta’ mill-inqas 2.5 ettari, barra minn agglomerazzjonijiet.

[…]

Z 21

 

ipparkjar jew garaxxijiet aċċessibbli għall-pubbliku b’mill-inqas 1 500 post ta’ ipparkjar għal vetturi bil-mutur;

Ipparkjar jew garaxxijiet aċċessibbli għall-pubbliku li jinsabu f’żoni protetti tal-kategorija A, B jew D b’mill-inqas 750 post ta’ ipparkjar għal vetturi bil-mutur.

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]”

13

In-nota ta’ qiegħ il-paġna 3a), li tinsab fil-kolonna 2 tal-punt Z 18 tal-Anness 1 tal-UVP-G 2000, tippreċiża:

“Żvilupp urban ta’ proġetti ta’ żvilupp għall-kostruzzjoni ta’ grupp multifunzjonali jfisser, f’kull każ, bini residenzjali u kummerċjali, inklużi t-toroq ta’ aċċess u utilitajiet previsti għal dan l-għan ma’ żona ta’ attrazzjoni li testendi lil hinn miż-żona tal-proġett. Wara t-twettiq tagħhom, il-proġetti ta’ żvilupp urban jew il-partijiet ta’ dawn il-proġetti ma jibqgħux jitqiesu bħala tali fis-sens ta’ din in-nota.”

14

L-Anness 2 tal-UVP-G 2000 jipprovdi li:

“Klassifikazzjoni tas-siti li għandhom jiġu protetti fil-kategoriji li ġejjin:

Kategorija

Sit li għandu jiġi protett

Kamp ta’ applikazzjoni

A

Żona speċjali ta’ konservazzjoni

[…] siti reġistrati taħt il-wirt dinji tal-[Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (Unesco)] skont l-Artikolu 11(2) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Patrimonju Dinji Kulturali u Naturali [adottata f’Pariġi fis‑16 ta’ Novembru 1972 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1037, Nru I‑15511)]

[…]

[…]

[…]

D

Sit imniġġes (arja)

Siti speċifikati f’konformità mal-Paragrafu 3(8))

[…]

[…]

[…]

[…]”

15

Il-paragrafu 70 tal-Wiener Stadtentwicklungs-, Stadtplanungs- und Baugesetzbuch, Bauordnung für Wien (il-Kodiċi ta’ Vjenna għall-Iżvilupp Urban, l-Ippjanar u l-Kostruzzjoni, ir-Regolament dwar il-Kostruzzjoni ta’ Vjenna) (LGBl. 1930/11), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Vjenna għall-Iżvilupp Urban”), intitolat “Eżami tal-proġett ta’ kostruzzjoni u għoti tal-permess ta’ bini”, jipprevedi, fis-subparagrafu 1 tiegħu:

“Jekk proġett ta’ kostruzzjoni jista’ jippreġudika drittijiet pubbliċi suġġettivi ta’ ġirien (Paragrafu 134a), meta l-proċedura għall-għoti ta’ permess ta’ bini simplifikat ma tapplikax, għandha tiġi organizzata udjenza li għaliha d-disinjatur u l-persuna responsabbli għandhom ukoll jiġu msejħa, sa fejn l-Paragrafu 65(1) ma japplikax. […]s”

16

Il-Paragrafu 134 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Partijiet”, jipprovdi:

“(1)   L-applikant jew rikorrent huwa fi kwalunkwe każ parti fis-sens tal-Paragrafu 8 tal-[Allgemeine Verwaltungsverfahrengesetz (Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva Ġenerali)] meta [il-kodiċi ta’ Vjenna tal-iżvilupp urban] jipprevedi applikazzjoni jew il-preżentata ta’ applikazzjoni.

[…]

(3)   Fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti ta’ permess ta’ kostruzzjoni […] minbarra l-applikant (il-persuna responsabbli), il-proprjetarji (komproprjetarji) tal-art huma partijiet. Il-persuni li għandhom dritt li jibnu għandhom jiġu ttrattati bħala proprjetarji ta’ artijiet. Il-proprjetarji (komproprjetarji) ta’ artijiet ġirien huma partijiet meta l-kostruzzjoni prevista u l-użu tagħha jippreġudikaw id-drittijiet pubbliċi suġġettivi tagħhom elenkati b’mod limitattiv fl-Artikolu 134a u meta, minkejja s-subparagrafu4, skont l-Artikolu 70(2), huma jressqu oġġezzjonijiet kontra l-proġett ta’ kostruzzjoni fis-sens tal-Artikolu 134a l-iktar tard matul is-seduta. Il-ġirien ma jiksbux il-kwalità ta’ partijiet meta jkunu approvaw b’mod espliċitu l-proġett ta’ kostruzzjoni jew billi jirreferu għalihom. Il-ġirien għandhom id-dritt li jikkonsultaw il-fajl […] hekk kif il-proġett ta’ kostruzzjoni jkun ġie ppreżentat lill-awtorità. Il-persuni l-oħra kollha li d-drittijiet privati jew l-interessi tagħhom huma affettwati huma parteċipanti […]. L-artijiet viċini fiż-żona li tista’ tinbena huma dawk li jmissu mal-art ikkonċernata mill-proġett ta’ kostruzzjoni jew li huma sseparati minn mhux iktar minn 6 metru permezz ta’ strixxi ta’ art jew triq ta’ ċirkulazzjoni pubblika ta’ wisa’ ta’ mhux iktar minn 20 metru, u f’dan l-aħħar każ, jinsabu quddiem l-art li għandha tinbena. Fiż-żoni kollha li għandhom użu ieħor u meta l-artijiet huma pubbliċi, huma qrib l-artijiet li huma mbiegħda minn massimu ta’ 20 metru mill-proġett ta’ kostruzzjoni.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali pprevediet il-kostruzzjoni fiċ-ċentru tal-belt ta’ Vjenna (l-Awstrija) ta’ grupp ta’ binjiet, fejn dan il-proġett jissejjaħ “ICV Heumarkt Neu – Neubau Hotel InterContinental, Wiener Eislaufverein WEV” (iktar ’il quddiem il-“proġett “Heumarkt Neu”).

18

Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, dan il-proġett kien jikkonsisti fl-iżvilupp mill-ġdid tas-sit inkwistjoni billi jiddemolixxi l-lukanda InterContinental eżistenti u billi jinbnew żewġ binjiet ġodda għal użu lukandier, kummerċjali u tal-konferenzi, rotazzjoni għal użu lukandier, avvenimenti, residenzjali u uffiċċji u bini bażiku, li jinsab taħt din it-torri u wieħed mill-binjiet imsemmija iktar ’il fuq, għal użu lukandier, kummerċjali u ta’ konferenza, li għandu tliet livelli ta’ taħt l-art. Il-bini li ma jinsabx fuq il-bini bażiku jinsab bejnu u kamra tal-kunċert maġenb u għandu wkoll tliet livelli ta’ taħt l-art. Fil-kuntest tal-imsemmi proġett, kien previst ukoll, fl-ewwel lok, ir-rikostruzzjoni ta’ skating rink u tal-bini li jospitaha, billi jkun hemm ice rink ta’ taħt l-art ta’ madwar 1000 m2, sala tal-isport ta’ taħt l-art b’pixxina, fit-tieni lok, għall-kostruzzjoni ta’ parkeġġ taħt l-art ta’ 275 post għall-vetturi bil-mutur, kif ukoll, fit-tielet lok, ċaqliq ta’ madwar 11-il metru minn triq kontigwa għal dan l-istess proġett. Il-proġett “Heumarkt Neu” jidher li jokkupa superfiċi ta’ madwar 1.55 ettari u superfiċi gross ta’ qiegħa ta’ art ta’ 89000 m2 (li minnhom 58000 m2 fuq l-art u 31000 m2 taħt l-art). Barra minn hekk, dan il-proġett kollu jidher li jinsab fiż-żona ċentrali tas-sit ikklassifikat bħala patrimonju dinji tal-Unesco indikat “Ċentru storiku ta’ Vjenna”.

19

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Ottubru 2018, adottata bi tweġiba għal talba tas‑17 ta’ Ottubru 2017 tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, imressqa abbażi tal-Paragrafu 3(7) tal-UVP-G 2000, il-Gvern tal-Land ta’ Vjenna (l-Awstrija) ikkonstata li l-proġett “Heumarkt Neu” ma kellux jiġi suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, minħabba li dan tal-aħħar ma kien jaqa’ fl-ebda waħda mill-kategoriji ta’ proġetti msemmija fl-Anness 1 tagħha li setgħu kienu rilevanti (b’mod partikolari l-punti Z 17 sa Z 21 ta’ dan l-anness). Fir-rigward tal-kategorija intitolata “Proġetti ta’ żvilupp urban”, imsemmija fil-punt Z 18(b) tal-Anness 1 tal-UVP-G 2000, il-Gvern tal-Land ta’ Vjenna indika li l-limiti previsti minn din id-dispożizzjoni ma kinux ser jintlaħqu minn dan il-proġett u li l-Paragrafu 3(2) tal-UVP-G 2000, dwar il-kumulu ma’ proġetti oħra, ma kienx japplika, peress li l-limitu ta’ 25 % li din id-dispożizzjoni tipprevedi ma kienx intlaħaq.

20

Adita b’rikors kontra din id-deċiżjoni, ippreżentat minn diversi ġirien kif ukoll minn organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) informat lill-persuna responsabbli għall-proġett “Heumarkt Neu” u l-Gvern tal-Land ta’ Vjenna li hija qieset li t-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tad-dispożizzjoni li tinsab fil-punt 10(b) tal-Anness II tad-Direttiva 2011/92 kienet insuffiċjenti u li kellu jitwettaq eżami ta’ dan il-proġett każ b’każ. L-imsemmija qorti ħatret espert u stabbilixxiet data għas-seduta. Sussegwentement, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali rtirat l-applikazzjoni tagħha, imsemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, intiża sabiex jiġi ddeterminat li ma hemmx lok li titwettaq stima tal-impatt fuq l-ambjent.

21

Minkejja l-irtirar ta’ din l-applikazzjoni, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet, permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ April 2019, li l-proġett “Heumarkt Neu” kien suġġett għall-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent.

22

Adita b’appelli għal reviżjoni mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u mill-Gvern tal-Land ta’ Vjenna, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Ġunju 2021, annullat id-deċiżjoni tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) tad‑9 ta’ April 2019, għar-raġuni, essenzjalment, li, wara l-irtirar tat-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, din l-aħħar qorti ma kellhiex iktar ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu tar-rikors li hija kienet adita bih u kellha sempliċement tannulla d-deċiżjoni ta’ dan il-gvern tas‑16 ta’ Ottubru 2018.

23

Konsegwentement, permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Lulju 2021, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddikjarat id-deċiżjoni tal-Gvern tal-Land ta’ Vjenna tas‑16 ta’ Ottubru 2018 nulla u bla effett.

24

Preċedentement, permezz ta’ talba tat‑30 ta’ Novembru 2018, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet, b’mod parallel mal-proċedura għad-determinazzjoni msemmija iktar ’il fuq, talbet lill-amministrazzjoni muniċipali tal-belt ta’ Vjenna toħroġ permess ta’ bini għall-proġett “Heumarkt Neu”.

25

Minħabba l-assenza ta’ deċiżjoni min-naħa tal-amministrazzjoni muniċipali tal-belt ta’ Vjenna fuq din it-talba, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat, fit‑12 ta’ Marzu 2021, quddiem il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni, li permezz tiegħu hija titlob lil din il-qorti tagħti l-permess tal-bini mitlub, filwaqt li indikat li, fid-dawl tal-limiti u tal-kriterji previsti fil-punt Z 18(b) tal-Anness 1 tal-UVP-G 2000, il-proġett “Heumarkt Neu” ma kienx suġġett għal evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent.

26

Il-qorti tar-rinviju tesponi li, skont id-dritt nazzjonali, peress li r-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni għandu, bħal f’dan il-każ, jiġi ddikjarat fondat, hija stess issa għandha tiddeċiedi, jekk ikun il-każ, dwar l-applikazzjoni għall-permess inkwistjoni. Madankollu, il-kompetenza eventwali tagħha sabiex tiddeċiedi dwar l-imsemmija talba tiddependi, bħall-kompetenza tal-awtorità fil-qasam tal-kostruzzjoni li hija tissostitwixxi f’dan il-każ, mill-punt dwar jekk għandhiex issir evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, kwistjoni li hija għandha tiddeċiedi preliminarjament. Hija tippreċiża wkoll li, f’dan il-każ, din il-kwistjoni preliminari għandha tiġi eżaminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-limiti u l-kriterji relatati mal-“proġetti ta’ żvilupp urban” fis-sens tal-punt Z 18(b) tal-Anness 1 tal-UVP‑G 2000, bħala l-uniku każ previst mill-imsemmi anness li huwa possibbli f’dan il-każ.

27

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna, l-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)

Id-[Direttiva 2011/92] tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-twettiq ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ “proġetti ta’ żvilupp urban” kemm għall-osservanza ta’ limiti minimi għall-okkupazzjoni ta’ art ta’ mill-inqas 15‑il ettaru u għal superfiċi gross ta’ qiegħa ta’ art ta’ iktar minn 150000 m2 u kif ukoll għall-fatt li l-proġett tal-iżvilupp ikun żvilupp kompletament multifunzjonali li f’kull każ jinkludi bini residenzjali u kummerċjali, inklużi toroq ta’ aċċess u utilitajiet intiżi għal dan il-bini, u b’żona ta’ attrazzjoni li testendi lil hinn miż-żona tal-proġett? F’dan ir-rigward, huwa rilevanti l-fatt li d-dritt nazzjonali jipprevedi fattispeċi speċifiċi b’riferiment għal:

żoni ta’ rikreazzjoni jew ta’ divertiment, stejdjums jew korsi tal-golf (’il fuq minn ċertu superfiċi okkupat jew ’il fuq minn ċertu numru ta’ postijiet għall-ipparkjar ta’ vetturi),

żoni industrijali u kummerċjali (’il fuq minn ċertu superfiċi okkupat),

ċentri kummerċjali (’il fuq minn ċertu superfiċi okkupat jew ’il fuq minn ċertu numru ta’ postijiet għall-ipparkjar ta’ vetturi),

stabbilimenti għall-akkomodazzjoni bħal lukandi jew villaġġi tal-vaganzi, inklużi l-installazzjonijiet annessi (’il fuq minn ċertu numru ta’ sodod jew ’il fuq minn ċertu superfiċi okkupat, biss fiż-żoni li jinsabu lil hinn mill-agglomerazzjonijiet magħluqa); u

postijiet għall-ipparkjar ta’ vetturi jew garaxxijiet aċċessibbli għall-pubbliku (’il fuq minn ċertu numru ta’ postijiet għall-ipparkjar ta’ vetturi)?

2)

Fid-dawl b’mod partikolari tal-punt 2(c)(viii) tal-Anness III [tad-Direttiva 2011/92] li jeżiġi li, sabiex jiġi deċiż jekk hemmx lok li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, għandha wkoll tingħata attenzjoni partikolari għall-“pajsaġġi ta’ sinifikat storiku, kulturali jew arkeoloġiku”, [din id-direttiva] teżiġi, għal żoni partikolarment importanti mill-perspettiva storika, kulturali, urbanistika jew arkitettonika, bħas-siti tal-patrimonju dinji tal-Unesco, li jiġu stabbiliti limiti minimi iktar baxxi jew kriterji iktar stretti (minn dawk indikati fl-ewwel domanda)?

3)

Id-[Direttiva 2011/92] tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li, għall-evalwazzjoni ta’ “proġetti ta’ żvilupp urban” fis-sens tal-ewwel domanda, tillimita l-aggregazzjoni (akkumulazzjoni) ma’ proġetti oħra simili u viċini billi tieħu inkunsiderazzjoni biss il-kapaċitajiet awtorizzati matul l-aħħar ħames snin, inklużi l-kapaċità jew l-estensjoni tal-kapaċità mitluba, filwaqt li l-proġetti ta’ żvilupp urban jew il-partijiet ta’ dawn il-proġetti ma għandhomx jibqgħu jitqiesu kunċettwalment bħala tali wara li dawn jitwettqu u filwaqt li, meta l-proġett previst jinvolvi kapaċità li tkun inqas minn 25 % tal-limitu minimu, ma jiġix iddeterminat fuq il-bażi ta’ każ b’każ jekk, minħabba l-akkumulazzjoni tal-effetti, humiex mistennija effetti ta’ dannu, mhux mixtieqa jew ta’ ħsara sinjifikattivi fuq l-ambjent u għalhekk hemmx lok li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal-proġett previst?

4)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda jew għat-tieni domanda: l-eżami każ b’każ sabiex jiġi stabbilit jekk il-proġett jistax ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent u għandux għalhekk ikun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, meħtieġ fil-każ fejn l-awtoritajiet nazzjonali jaqbżu l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati membri (skont id-dispożizzjonijiet, f’dan il-każ direttament applikabbli, tal-Artikolu 2(1) kif ukoll tal-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva 2011/92), jista’ jkun limitat għal ċerti aspetti tal-protezzjoni, bħall-għan tal-protezzjoni ta’ żona partikolari, jew għandhom, f’dan il-każ, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji u l-aspetti kollha msemmija fl-Anness III tad-Direttiva 2011/92?

5)

Id-Direttiva 2011/92 tippermetti, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipji ta’ protezzjoni ġudizzjarja stipulati fl-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, li l-eżami deskritt fir-raba’ domanda jitwettaq għall-ewwel darba mill-qorti tar-rinviju (fil-kuntest ta’ proċedura għall-ħruġ ta’ permess tal-bini u tal-eżami tal-kompetenza tagħha stess) li fil-proċeduri quddiemha, skont id-dritt nazzjonali, il-“pubbliku” jgawdi l-kwalità ta’ parti biss f’kuntest estremament limitat, u li kontra d-deċiżjoni tagħha l-“pubbliku kkonċernat” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(d) u (e) tad-Direttiva 2011/92 għandu biss rimedji estremament limitati? Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa rilevanti li, skont id-dritt nazzjonali, lil hinn mill-possibbiltà ta’ determinazzjoni ex officio, huma biss il-persuna responsabbli għall-proġett, awtorità involuta jew l-Umweltanwalt (medjatur għall-ambjent) li jistgħu jitolbu dikjarazzjoni distinta tal-kwistjoni dwar jekk il-proġett huwiex suġġett għall-obbligu li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent?

6)

Fil-każ ta’ ‘proġetti ta’ żvilupp urban’ fis-sens tal punt 10(b) tal-Anness II [tad-Direttiva 2011/92], [l-imsemmija direttiva] tippermetti, qabel jew matul it-twettiq ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent meħtieġa jew qabel it-tmiem ta’ eżami każ b’każ tal-effetti fuq l-ambjent intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent hijiex neċessarja, li jingħataw permessi tal-bini għal xogħlijiet individwali li jikkostitwixxu parti mill-proġetti ta’ żvilupp urban fit-totalità tagħhom, meta, fil-kuntest tal-proċedura tal-għoti tal-permess tal-bini, ma ssir ebda evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fis-sens [ta’ din l-istess direttiva] u l-pubbliku għandu biss b’mod limitat il-kwalità ta’ parti?”

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

28

WertInvest Hotelbetrieb issostni li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli sa fejn il-proġett “Heumarkt Neu” ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “proġetti ta’ żvilupp urban” fis-sens tal-punt 10(b) tal-Anness II tad-Direttiva 2011/92 peress li l-imsemmi proġett jillimita ruħu, essenzjalment, li jittrasforma sit diġà eżistenti.

29

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha qiegħda tinstema’ t-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġuridika, li għandha tevalwa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2017, Sleutjes, C‑278/16, EU:C:2017:757, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Minn dan jirriżulta li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-qafas regolamentari u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, u li għalhekk l-eżattezza tagħhom ma għandhiex tiġi vverifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi utilment għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2017, Sleutjes, C‑278/16, EU:C:2017:757, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk, peress li d-domandi magħmula għandhom, għall-kuntrarju, rabtiet manifesti mas-suġġett tal-kawża prinċipali. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-oġġezzjonijiet imqajma minn WertInvest Hotelbetrieb jirrigwardaw il-portata stess tal-punt 10(b) tal-Anness II tad-Direttiva 2011/92 u l-kwalifika ġuridika tal-fatti fid-dawl tal-imsemmija dispożizzjoni. Issa, il-kwistjoni dwar jekk sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija mill-qorti tar-rinviju hija kwistjoni fuq il-mertu marbuta mal-interpretazzjoni tagħhom, b’tali mod li l-eventwali dubji li jistgħu jeżistu f’dan ir-rigward ma humiex ta’ natura li jaffettwaw l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2009, ČEZ, C‑115/08, EU:C:2009:660, punt 67).

32

Għaldaqstant, l-argumenti ta’ WertInvest Hotelbetrieb ibbażati fuq l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari għandhom jiġu miċħuda.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

33

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2011/92 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-twettiq ta’ evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent ta’ “proġetti ta’ żvilupp urban”, minn naħa, għall-osservanza ta’ limiti minimi ta’ okkupazzjoni ta’ superfiċi ta’ mill-inqas 15-il ettaru u ta’ superfiċi gross ta’ qiegħa ta’ art ta’ iktar minn 150000 m2 u, min-naħa l-oħra, għall-fatt li dan huwa proġett ta’ żvilupp intiż għall-kostruzzjoni ta’ insjem multifunzjonali, li jinkludi mill-inqas bini residenzjali u kummerċjali, proġett li jinkludi t-toroq u l-infrastrutturi għall-bini previsti għal dan l-għan u li għandu żona ta’ attrazzjoni li testendi lil hinn miż-żona koperta minnu, u li ma jistabbilixxix limiti iktar baxxi jew kriterji iktar stretti, skont il-lokalizzazzjoni tal-proġetti kkonċernati, b’mod partikolari f’żoni partikolarment importanti mill-perspettiva storika, kulturali, urbanistika jew arkitettonika.

34

Mid-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/92 u tal-punt 10(b) tal-Anness II tagħha jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw, fuq il-bażi ta’ eżami każ b’każ jew fuq il-bażi ta’ limiti jew kriterji stabbiliti minnhom, jekk proġett ta’ xogħlijiet ta’ żvilupp urban għandux ikun suġġett għal stima tal-impatt tiegħu fuq l-ambjent skont l-Artikoli 5 sa 10 tal-imsemmija direttiva. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija.

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju, li għandha tevalwa l-fatti, ma jidhirx li kellha ebda dubju dwar il-fatt li proġett bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jiġi kkunsidrat bħala li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “proġetti ta’ żvilupp urban” fis-sens tal-punt 10(b) tal-Anness II tad-Direttiva 2011/92, kunċett dwar l-interpretazzjoni tiegħu l-imsemmija qorti, barra minn hekk, ma għamlitx domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Issa, f’dan il-każ, u fid-dawl, b’mod partikolari, tal-karatteristiċi tal-imsemmi proġett kif deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju u riprodotti fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ssib ebda raġuni għalfejn għandha tqiegħed f’dubju l-kwalifika ġuridika tal-fatti li għamlet il-qorti tar-rinviju.

36

Barra minn hekk, u fir-rigward tal-oġġezzjoni ta’ WertInvest Hotelbetrieb imsemmija fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-fatt li l-imsemmi proġett jirrigwarda t-trasformazzjoni ta’ sit diġà eżistenti, permezz, bħal f’dan il-każ, tad-demolizzjoni tas-sit eżistenti u tal-kostruzzjoni ta’ sit ġdid, mhuwiex ta’ natura li jimpedixxi li tali proġett jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “proġetti ta’ żvilupp urban” fis-sens tal-punt 10(b) tal-Anness II tad-Direttiva 2011/92 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑50/09, EU:C:2011:109, punt 100).

37

Fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/92, għandu jitfakkar li l-Istati Membri għandhom jagħtu lil din id-direttiva eżekuzzjoni li tikkorrispondi kompletament mar-rekwiżiti li hija timponi fid-dawl tal-għan essenzjali tagħha, li huwa, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tagħha, li, qabel l-għoti ta’ awtorizzazzjoni, il-proġetti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, b’mod partikolari minħabba n-natura, id-daqs jew il-lokalizzazzjoni tagħhom, ikunu suġġetti għal evalwazzjoni fir-rigward tal-effetti tagħhom (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 85/337, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, Consejería de Infraestructuras y Transporte de la Generalitat Valenciana u Iberdrola Distribución Eléctrica, C‑300/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:188, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li proġett ta’ daqs anki żgħir jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent u li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li jipprevedu l-evalwazzjoni tal-impatt ambjentali ta’ ċerti tipi ta’ proġetti għandhom josservaw ukoll ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/92 u jieħdu inkunsiderazzjoni l-effett tal-proġett fuq il-popolazzjoni u s-saħħa tal-bniedem, il-bijodiversità, l-art, il-ħamrija, l-ilma, l-arja u l-klima, kif ukoll il-beni materjali, il-patrimonju kulturali u l-pajsaġġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑435/09, mhux ippubblikata, EU:C:2011:176, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li, meta, fir-rigward tal-proġetti elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 2011/92, l-Istati Membri jkunu ddeċidew li jirrikorru għall-iffissar ta’ limiti jew ta’ kriterji sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn il-proġetti għandhomx jiġu suġġetti għal evalwazzjoni konformement mal-Artikoli 5 sa 10 ta’ din id-direttiva, il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lilhom b’dan il-mod huwa limitat mill-obbligu, stabbilit fl-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva, li jiġu suġġetti għal evalwazzjoni, qabel l-għoti ta’ awtorizzazzjoni, tal-proġetti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, b’mod partikolari minħabba n-natura tagħhom, id-daqs tagħhom jew il-lokalizzazzjoni tagħhom (sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑526/16, mhux ippubblikata, EU:C:2018:356, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/92, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jieħdu inkunsiderazzjoni, għall-iffissar tal-imsemmija livelli jew kriterji, il-kriterji ta’ għażla rilevanti msemmija fl-Anness III ta’ din id-direttiva.

41

Fost dawn il-kriterji tal-aħħar, dan l-anness jinkludi, fl-ewwel lok, il-karatteristiċi tal-proġetti, li għandhom jiġu kkunsidrati b’mod partikolari fir-rigward tad-daqs tal-proġett u tal-akkumulazzjoni ta’ dan tal-aħħar ma’ proġetti oħra eżistenti jew approvati, fit-tieni lok, il-lokalizzazzjoni tal-proġetti, b’tali mod li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sensittività ambjentali taż-żoni ġeografiċi li jistgħu jiġu affettwati minnhom billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-użu eżistenti u approvat tal-artijiet kif ukoll il-kapaċità tal-ambjent naturali, billi tat attenzjoni partikolari, fost l-oħrajn, liż-żoni b’densità għolja ta’ popolazzjoni kif ukoll lill-pajsaġġi u siti importanti minn perspettiva storika, kulturali jew arkeoloġika, u, fit-tielet lok, il-karatteristiċi tal-impatt potenzjali tal-proġetti, b’mod partikolari fir-rigward taż-żona ġeografika u tal-importanza tal-popolazzjoni li tista’ tiġi affettwata minnhom u tal-effett kumulattiv ta’ dawn tal-aħħar ma’ proġetti oħra eżistenti jew approvati.

42

Minn dan isegwi li Stat Membru li, abbażi tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/92, jidher li jistabbilixxi limiti jew kriterji billi jieħu inkunsiderazzjoni biss dimensjonijiet tal-proġetti, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji mfakkra fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, jeċċedi l-marġni ta’ diskrezzjoni li huwa għandu skont l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑435/09, mhux ippubblikata, EU:C:2011:176, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

F’dan il-każ, jidher li, filwaqt li r-Repubblika tal-Awstrija stabbilixxiet diversi limiti, applikabbli skont il-lokalizzazzjoni tal-proġett, b’mod partikolari fiż-żoni tal-kategorija A li jinkludu s-siti kklassifikati fil-patrimonju dinji tal-Unesco, għall-proġetti li jikkonċernaw iċ-“ċentri kummerċjali” u l- “ipparkjar jew garaxxijiet aċċessibbli għall-pubbliku”, imsemmija fil-punti Z 19 u Z 21 tal-Anness 1 tal-UVP-G 2000, proġetti li jaqgħu, huma wkoll, taħt il-kunċett ta’ “xogħlijiet ta’ żvilupp urban”, fis-sens tal-punt 10(b), fl-Anness II tad-Direttiva 2011/92, hija stabbilixxiet biss limitu wieħed għal dak li jikkonċerna l-“proġetti ta’ żvilupp urban” imsemmija fil-punt Z 18(b) tal-Anness 1 tal-UVP‑G 2000.

44

Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, jekk Stat Membru jirrikorri għal limiti sabiex jevalwa n-neċessità li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, huwa neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi bħall-lokalizzazzjoni tal-proġetti, pereżempju, billi jiġu stabbiliti diversi limiti li jikkorrispondu għal dimensjonijiet ta’ proġetti varji, applikabbli skont in-natura u l-post tal-proġett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑392/96, EU:C:1999:431, punt 70).

45

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinsab fiż-żona ċentrali ta’ sit ikklassifikat fil-patrimonju dinji tal-Unesco, b’tali mod li l-kriterju dwar il-post tal-proġetti msemmi fil-punt 2(c)(viii) tal-Anness III tad-Direttiva 2011/92 huwa partikolarment rilevanti f’dan il-kuntest.

46

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Stat Membru li jiffissa dawn il-limiti jew dawn il-kriterji f’tali livell li, fil-prattika, il-proġetti kollha ta’ ċertu tip jiġu eżentati minn qabel mill-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti tagħhom jidher li jeċċedi bl-istess mod il-marġni ta’ diskrezzjoni msemmi fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, ħlief jekk it-totalità tal-proġetti esklużi tista’ titqies, abbażi ta’ evalwazzjoni globali, li ma jistax ikollha effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑526/16, mhux ippubblikata, EU:C:2018:356, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Issa, f’ambjent urban li fih l-ispazju huwa limitat, limiti ta’ okkupazzjoni ta’ superfiċi ta’ mill-inqas 15-il ettaru u ta’ superfiċi gross ta’ qiegħa ta’ art ta’ iktar minn 150000 m2 huma tant għoljin li, fil-prattika, il-maġġoranza tal-proġetti ta’ xogħlijiet ta’ żvilupp urban hija eżentata bil-quddiem mill-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent.

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-qorti tar-rinviju semmiet, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, li minn ċerti sorsi jirriżulta li, fil-prattika, ebda proġett ta’ żvilupp urban jidher li ma għandu jilħaq il-limiti u l-kriterji stabbiliti fil-punt Z 18(b) tal-Anness 1 tal-UVP-G 2000. Min-naħa l-oħra, mill-informazzjoni li tinsab fil-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fl-Awstrija, il-maġġoranza tal-proġetti ta’ żvilupp urban, fis-sens tal-punt 10(b) tal-Anness II tad-Direttiva 2011/92, ma hijiex suġġetta għal stima tal-effetti fuq l-ambjent.

49

Barra minn hekk, il-Gvern Awstrijak indika, waqt is-seduta, li huwa nduna li kien possibbli li l-limiti previsti għal dan l-għan mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kienu għoljin wisq u li kien għal dan ir-raġuni li huwa kien iddeċieda li jemenda din il-leġiżlazzjoni.

50

Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha, fl-aħħar mill-aħħar, tevalwa, abbażi tal-elementi rilevanti kollha disponibbli, jekk il-limiti u l-kriterji kkonċernati humiex stabbiliti f’livell li, fil-prattika, il-proġetti kollha jew kważi kollha kkonċernati humiex eżentati mill-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent u li jiżguraw, f’dan il-każ, li tali eżenzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata mill-fatt li l-proġetti kollha hekk esklużi setgħu jiġu kkunsidrati, abbażi ta’ evalwazzjoni globali, bħala li ma jistax ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

51

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(1), l-Artikolu 4(2)(b) u (3), il-punt 10(b) tal-Anness II u l-Anness III tad-Direttiva 2011/92 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-twettiq ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ “proġetti ta’ żvilupp urban”, minn naħa, għall-osservanza ta’ limiti minimi għall-okkupazzjoni ta’ superfiċi ta’ mill-inqas 15-il ettaru u ta’ superfiċi gross ta’ qiegħa ta’ art ta’ iktar minn 150000 m2 u, min-naħa l-oħra, għall-fatt li dan huwa proġett ta’ żvilupp intiż għall-kostruzzjoni ta’ insjem multifunzjonali, li jinkludi mill-inqas bini residenzjali u kummerċjali, proġett li jinkludi t-toroq u l-infrastrutturi tal-bini previsti għal dan l-għan u li għandhom żona ta’ attrazzjoni li testendi lil hinn miż-żona koperta minnu.

Fuq it-tielet domanda

52

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2011/92 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li, sabiex jiġi evalwat jekk proġett minn “proġetti ta’ żvilupp urban” għandux jiġi suġġett għal stima tal-effetti fuq l-ambjent, tillimita l-eżami tal-kumulu tal-effetti tiegħu ma’ dawk ta’ proġetti oħra simili u li jinsabu fil-viċinanzi ta’ dan il-proġett biss għat-teħid in kunsiderazzjoni tal-kapaċitajiet awtorizzati matul l-aħħar ħames snin, inklużi l-kapaċità jew l-estensjoni ta’ kapaċità mitluba fil-kuntest tal-imsemmi proġett, filwaqt li l-proġetti ta’ żvilupp urban jew il-partijiet ta’ dawn il-proġetti ma għandhomx jibqgħu jiġu kkunsidrati bħala tali wara t-twettiq tagħhom u li, meta l-proġett previst jirrigwarda kapaċità ta’ inqas minn 25 % tal-limitu previst, ma jiġix stabbilit każ b’każ jekk, minħabba l-kumulu tal-effetti, wieħed għandu jistenna effetti negattivi sinjifikattivi, mhux mixtieqa jew ta’ ħsara u jekk għalhekk hemmx lok li ssir stima tal-effetti fuq l-ambjent ta’ dan il-proġett.

53

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li din id-domanda tirrigwarda r-regola prevista fl-Artikolu 3(2) tal-UVP-G 2000, moqri flimkien mal-punt Z 18 tal-Anness 1 ta’ din il-liġi u, b’mod partikolari, man-nota ta’ qiegħ il-paġna 3a), li tinsab fil-kolonna 2 tal-imsemmi punt Z 18.

54

Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta Stat Membru, skont l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 2011/92, dwar proġetti li jaqgħu taħt l-Anness II tagħha, jistabbilixxi limitu li huwa inkompatibbli mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 2(1) u fl-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) kif ukoll tal-Artikolu 4(2)(a) u (3) tal-imsemmija direttiva għandhom effett dirett li jimplika li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiżguraw li l-ewwel jiġi eżaminat jekk il-proġetti kkonċernati jistax ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent u, jekk iva, li sussegwentement issir evalwazzjoni ta’ tali effetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2013, Salzburger Flughafen, C‑244/12, EU:C:2013:203, punt 48).

55

Konsegwentement, fid-dawl tar-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

56

Fil-fatt, fid-dawl ta’ din ir-risposta, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandux jiġi suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent, hija l-awtorità kompetenti jew, jekk ikun il-każ, il-qorti tar-rinviju li għandha twettaq eżami ta’ dan il-proġett, u dan esklużivament fid-dawl tal-kriterji previsti fl-Anness III tad-Direttiva 2011/92, b’tali mod li r-risposta għat-tielet domanda ma hijiex neċessarja għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

Fuq ir-raba’ domanda

57

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/92 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tal-eżami każ b’każ dwar jekk proġett jistax ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent u għalhekk għandux jiġi suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent, l-awtorità kompetenti tistax tkun limitata għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-protezzjoni tal-ambjent, bħala l-għan tal-protezzjoni ta’ żona partikolari, jew jekk għandhiex teżamina l-proġett ikkonċernat fid-dawl tal-kriterji ta’ għażla kollha msemmija fl-Anness III ta’ din id-direttiva.

58

Skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/92, sabiex jiġi eżaminat jekk proġett jistax ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji ta’ għażla rilevanti stabbiliti fl-Anness III ta’ din id-direttiva.

59

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li Stat Membru ma jistax, mingħajr ma jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-Direttiva 2011/92, jeskludi espliċitament jew impliċitament kriterju wieħed jew iktar kriterji tal-Anness III ta’ din id-direttiva, peress li kull wieħed minnhom jista’, skont il-proġett li jaqa’ taħt l-Anness II tal-imsemmija direttiva li huwa kkonċernat, ikun rilevanti sabiex isir magħruf jekk għandhiex tiġi organizzata proċedura ta’ stima tal-impatt fuq l-ambjent (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑10 ta’ Lulju 2008, Aiello et, C‑156/07, EU:C:2008:398, punt 50).

60

Minn dan isegwi li, fil-kuntest ta’ eżami każ b’każ, l-awtorità kompetenti għandha teżamina l-proġett ikkonċernat fid-dawl tal-kriterji kollha ta’ għażla elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2011/92 sabiex tiddetermina l-kriterji rilevanti fil-każ inkwistjoni u li hija għandha sussegwentement tieħu debitament inkunsiderazzjoni l-kriterji kollha li għalhekk jirriżultaw rilevanti.

61

Għandu jitfakkar, f’dan il-kuntest, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċaħdet l-argument li, fiż-żoni urbani, l-impatt ambjentali tal-proġetti ta’ żvilupp urban huwa prattikament ineżistenti u rreferiet f’dan ir-rigward għall-kriterji relatati maż-żoni b’densità għolja ta’ popolazzjoni, kif ukoll mal-pajsaġġi importanti tal-perspettivi storiċi, kulturali u arkeoloġiċi, li issa jinsabu fil-punt 2(c)(vii) u (viii) tal-Anness III tad-Direttiva 2011/92 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑332/04, mhux ippubblikata, EU:C:2006:180, punti 7980).

62

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ eżami każ b’każ dwar jekk proġett jistax ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent u għalhekk għandux ikun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent, l-awtorità kompetenti għandha teżamina l-proġett ikkonċernat fid-dawl tal-kriterji kollha ta’ għażla elenkati fl-Anness III ta’ din id-direttiva sabiex tiddetermina l-kriterji rilevanti f’dan il-każ u għandha sussegwentement tapplika dawn il-kriterji rilevanti għas-sitwazzjoni tal-każ.

Fuq il-ħames domanda

63

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-eżami każ b’każ previst fl-Artikolu 4(2)(a) ta’ din id-direttiva jitwettaq għall-ewwel darba minn qorti li għandha l-kompetenza sabiex tagħti awtorizzazzjoni, kif previst fl-Artikolu 1(2)(c) tal-imsemmija direttiva, f’proċedura li fiha l-pubbliku jibbenefika biss mill-kwalità ta’ parti biss f’kuntest estremament limitat u li fi tmiemha l-pubbliku għandu possibbiltajiet ta’ rimedju biss b’mod estremament limitat ukoll. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar jekk huwiex rilevanti li, skont id-dritt nazzjonali, minbarra l-possibbiltà ta’ determinazzjoni ex officio, huma biss il-persuna responsabbli għall-proġett, awtorità involuta jew l-Ombudsman għall-ambjent li jistgħu jitolbu li jiġi ddeterminat jekk il-proġett inkwistjoni għandux jiġi suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

64

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tagħmel din id-domanda għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, hija tirrileva li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Vjenna tal-Iżvilupp Urban, huma biss il-persuni li huma proprjetarji ta’ art jew li għandhom dritt ta’ kostruzzjoni fuq art li tinsab f’żona determinata preċiżament madwar l-art tal-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jibbenefikaw mill-kwalità ta’ parti fil-proċedura ta’ ħruġ ta’ permess tal-bini, li hija pendenti quddiemha, b’tali mod li l-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(d) tad-Direttiva 2011/92, jinsab kważi totalment eskluż minn din il-proċedura u għalhekk, a priori, mill-possibbiltà li jippreżentaw rikors kontra l-eventwali deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju li ma teħtieġx, għal dan il-proġett, stima tal-effetti fuq l-ambjent. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 3(7) tal-UVP-G 2000, huma biss il-persuna responsabbli, awtorità involuta jew l-Ombudsman għall-ambjent li jistgħu jitolbu, fuq inizjattiva tagħhom stess, determinazzjoni intiża sabiex jiġi stabbilit jekk l-imsemmi proġett għandux ikun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

65

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-Direttiva 2011/92 ma tobbligax lill-Istati Membri jipprovdu l-possibbiltà għall-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(d) ta’ din id-direttiva, jew għall-pubbliku kkonċernat, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(e) tal-imsemmija direttiva, li jibda l-proċedura ta’ determinazzjoni prevista fl-Artikolu 4(4) u (5) tagħha.

66

Bl-istess mod, id-Direttiva 2011/92 ma tipprevedix l-eżistenza ta’ dritt ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku jew tal-pubbliku kkonċernat f’tali proċedura.

67

Madankollu, mill-Artikolu 4(5) ta’ din id-direttiva jirriżulta li d-deċiżjoni adottata fi tmiem din il-proċedura u li tissodisfa r-rekwiżiti formali previsti minn din id-dispożizzjoni għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

68

Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92, individwu, li jagħmel parti mill-“pubbliku kkonċernat” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(e) ta’ din id-direttiva u li jissodisfa l-kriterji previsti mid-dritt nazzjonali fir-rigward tal-“interess ġuridiku suffiċjenti” jew, jekk ikun il-każ, fir-rigward tal-“ksur ta’ dritt”, imsemmija f’dan l-Artikolu 11, għandu jkun jista’ jikkontesta, quddiem qorti ġudizzjarja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit mil-liġi, il-legalità, fil-mertu jew proċedurali, ta’ deċiżjoni li tikkonstata li ma hemmx lok li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat, jekk ikun il-każ, kontra deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ April 2015, Gruber, C‑570/13, EU:C:2015:231, punt 44).

69

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li tali deċiżjoni tingħata minn qorti li teżerċita b’dan il-mod kompetenzi ta’ natura amministrattiva ma jistax jostakola l-eżerċizzju, mill-pubbliku kkonċernat, tad-dritt għal azzjoni legali kontra din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2009, Djurgården-Lilla Värtans Miljöskyddsförening, C‑263/08, EU:C:2009:631, punt 37).

70

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2011/92, li jipprovdi li deċiżjonijiet, atti jew ommissjonijiet imsemmija fl-imsemmi artikolu għandhom ikunu s-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja sabiex “tiġi kontestata l-legalità sostantiva jew proċedurali tagħhom”, bl-ebda mod ma jillimita l-motivi li jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ tali rikors (sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑137/14, EU:C:2015:683, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-eżami każ b’każ previst fl-Artikolu 4(2)(a) ta’ din id-direttiva jitwettaq għall-ewwel darba minn qorti li għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tagħti awtorizzazzjoni, kif previst fl-Artikolu 1(2)(c) tal-imsemmija direttiva. Madankollu, individwu, li jagħmel parti mill-“pubbliku kkonċernat”, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(e) tad-Direttiva 2011/92, u li jissodisfa l-kriterji previsti mid-dritt nazzjonali fir-rigward tal-“interess ġuridiku suffiċjenti” jew, jekk ikun il-każ, fir-rigward tal- “ksur ta’ dritt”, imsemmija f’dan l-Artikolu 11, għandu jkollu l-possibbiltà li jikkontesta, quddiem istanza ġudizzjarja oħra jew, skont il-każ, korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit mil-liġi, il-legalità, fir-rigward tal-mertu jew tal-proċedura, tad-deċiżjoni li tikkonstata li ma hemmx lok li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent li tittieħed minn tali qorti.

Fuq is-sitt domanda

72

Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2011/92 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-għoti, qabel jew matul it-twettiq ta’ stima tal-impatt ambjentali meħtieġa jew qabel it-tmiem ta’ eżami każ b’każ tal-effetti fuq l-ambjent intiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk stima bħal din hijiex neċessarja, ta’ permess għall-iżvilupp għal proġetti individwali ta’ xogħlijiet li jaqgħu fil-kuntest ta’ proġetti ta’ xogħlijiet ta’ żvilupp urban ikbar.

73

Il-Gvern Awstrijak isostni li din id-domanda hija ipotetika u, għaldaqstant, inammissibbli.

74

F’dan ir-rigward, huwa ċertament minnu li, kif jirrileva l-Gvern Awstrijak, il-qorti tar-rinviju tindika hija stess fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, b’mod partikolari, li s-suġġett ta’ “proġetti ta’ żvilupp urban” u dak tal- “proġett ta’ dettall”, li għalih permess ta’ bini “antiċipat” jista’, skont din il-qorti, jiġi previst, huma identiċi. Barra minn hekk, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali tat‑12 ta’ Marzu 2021, li tat lok għall-kawża prinċipali, tirrigwarda l-istess proġett bħal dak li kien kopert mill-applikazzjoni għal permess ta’ bini tat‑30 ta’ Novembru 2018 u li jikkorrispondi, essenzjalment, għad-deskrizzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju fl-imsemmija talba għal deċiżjoni preliminari, riprodotta, essenzjalment, fil-punt 18 ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, jidher li, fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet il-ħruġ ta’ permess ta’ bini għal dan il-proġett kollu kemm hu.

75

Madankollu, fid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssemmi “permessi ta’ bini għal xogħlijiet individwali li jikkostitwixxu parti mill-proġetti ta’ żvilupp urban” u, fil-kuntest tad-deċiżjoni tar-rinviju, hija tirreferi għall-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li, fil-każ ta’ “proġetti ta’ żvilupp urban”, anki jekk il-proġett kollu huwa suġġett għall-obbligu li titwettaq stima tal-impatt ambjentali, l-awtorizzazzjoni ta’ miżuri ta’ kostruzzjoni individwali tibqa’ possibbli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li din il-qorti għandha, skont id-dritt Awstrijak u sakemm issir, skont il-każ, evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fis-sens tad-Direttiva 2011/92 jew eżami każ b’każ intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk din l-istima hijiex meħtieġa, kompetenza li tippermettilha tawtorizza tali xogħlijiet individwali u li tkun tressqet talba f’dan is-sens fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

76

Konsegwentement, peress li d-domandi preliminari jibbenefikaw, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 30 iktar ’il fuq, minn preżunzjoni ta’ rilevanza, hemm lok li tingħata risposta għas-sitt domanda.

77

Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/92, il-proġetti li x’aktarx ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent għandhom ikunu suġġetti għal stima fir-rigward tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent qabel ma jingħata kunsens għall-iżvilupp.

78

Tali regola timplika li l-eżami tal-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq il-fatturi msemmija fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva u fuq l-interazzjoni bejn dawn il-fatturi għandu jsir kollu kemm hu, b’mod komplet, qabel l-imsemmi għoti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Namur-Est Environnement, C‑463/20, EU:C:2022:121, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79

Bħalma enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li tali evalwazzjoni għandha ssir qabel huwa ġġustifikat min-neċessità li, fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni, l-awtorità kompetenti tqis kemm jista’ jkun kmieni l-effetti fuq l-ambjent tal-proċessi tekniċi ta’ ppjanar u ta’ teħid ta’ deċiżjoni kollha sabiex jiġi evitat, sa mill-bidu nett, il-ħolqien ta’ tniġġis jew ta’ inkonvenjenzi iktar milli sabiex sussegwentement jiġu miġġielda l-effetti tagħhom (sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑526/16, mhux ippubblikata, EU:C:2018:356, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80

Issa, l-għoti ta’ permessi għal bini għal xogħlijiet individwali li jikkostitwixxu parti minn proġett ta’ xogħlijiet ta’ żvilupp urban usa’, qabel ma jiġi ddeterminat jekk dan il-proġett tal-aħħar għandux jiġi suġġett għal stima skont l-Artikoli 5 sa 10 tad-Direttiva 2011/92 u li, jekk ikun il-każ, din l-istima titwettaq, huwa manifestament kuntrarju għal dawn ir-rekwiżiti u għall-għan essenzjali li huma jirriflettu, imfakkar fil-punt 37 ta’ din is-sentenza.

81

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li d-Direttiva 2011/92 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-għoti, qabel jew matul it-twettiq ta’ stima meħtieġa tal-effetti fuq l-ambjent jew qabel it-tmiem ta’ eżami każ b’każ tal-effetti fuq l-ambjent intiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk tali stima hijiex neċessarja, ta’ permess għall-iżvilupp għal proġetti individwali ta’ xogħlijiet li jaqgħu fil-kuntest ta’ proġetti ta’ xogħlijiet ta’ żvilupp urban ikbar.

Fuq l-ispejjeż

82

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 2(1), l-Artikolu 4(2)(b) u (3), tal-Artikolu 3, il-punt 10(b) tal-Anness II u l-Anness III tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-twettiq ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ “proġetti ta’ żvilupp urban”, minn naħa, għall-osservanza ta’ limiti minimi għall-okkupazzjoni ta’ superfiċi ta’ mill-inqas 15-il ettaru u għal superfiċi gross ta’ qiegħa ta’ art ta’ iktar minn 150 000m2u, min-naħa l-oħra, għall-fatt li l-proġett tal-iżvilupp ikun żvilupp kompletament multifunzjonali li f’kull każ jinkludi bini residenzjali u kummerċjali, inklużi toroq ta’ aċċess u utilitajiet intiżi għal dan il-bini, u b’żona ta’ attrazzjoni li testendi lil hinn miż-żona li tkopri.

 

2)

L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/92, kif emendata bid-Direttiva 2014/52,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

fil-kuntest ta’ eżami każ b’każ dwar jekk proġett jistax ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent u għalhekk għandux ikun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent, l-awtorità kompetenti għandha teżamina l-proġett ikkonċernat fid-dawl tal-kriterji kollha ta’ għażla elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2011/92, kif emendata, sabiex tiddetermina l-kriterji rilevanti f’dan il-każ u għandha sussegwentement tapplika dawn il-kriterji rilevanti għas-sitwazzjoni tal-każ.

 

3)

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92, kif emendata bid-Direttiva 2014/52,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix li l-eżami eventwali każ b’każ previst fl-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 2011/92, kif emendata, jitwettaq għall-ewwel darba minn qorti li għandha l-kompetenza sabiex tagħti awtorizzazzjoni, kif previst fl-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva 2011/92, kif emendata.

Madankollu, individwu, li jagħmel parti mill-“pubbliku kkonċernat”, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(e) tad-Direttiva 2011/92, u li jissodisfa l-kriterji previsti mid-dritt nazzjonali fir-rigward tal-“interess ġuridiku suffiċjenti” jew, jekk ikun il-każ, fir-rigward tal-“ksur ta’ dritt”, imsemmija f’dan l-Artikolu 11, għandu jkollu l-possibbiltà li jikkontesta, quddiem istanza ġudizzjarja oħra jew, skont il-każ, korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit mil-liġi, il-legalità, fir-rigward tal-mertu jew tal-proċedura, tad-deċiżjoni li tikkonstata li ma hemmx lok li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent li tittieħed minn tali qorti.

 

4)

Id-Direttiva 2011/92, kif emendata bid-Direttiva 2014/52,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

tipprekludi l-għoti, qabel jew matul it-twettiq ta’ stima tal-impatt ambjentali meħtieġa jew qabel it-tmiem ta’ eżami każ b’każ tal-effetti fuq l-ambjent intiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk stima bħal din hijiex neċessarja, ta’ permess għall-iżvilupp għal proġetti individwali ta’ xogħlijiet li jaqgħu fil-kuntest ta’ proġetti ta’ xogħlijiet ta’ żvilupp urban ikbar.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top