EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0377

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tas-7 ta’ Lulju 2022.
Ville de Mons u Zone de secours Hainaut-Centre vs RM.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour du travail de Mons.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 97/81/KE – Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time – Klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Prinċipju ta’ pro rata temporis – Teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tar-remunerazzjoni ta’ ħaddiem tat-tifi tan-nar professjonali rreklutat full-time, tal-anzjanità miksuba minnu bħala ħaddiem tat-tifi tan-nar fuq bażi volontarja, skont il-prinċipju ta’ pro rata temporis.
Kawża C-377/21.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:530

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

7 ta’ Lulju 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 97/81/KE – Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time – Klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Prinċipju ta’ pro rata temporis – Teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tar-remunerazzjoni ta’ ħaddiem tat-tifi tan-nar professjonali rreklutat full-time, tal-anzjanità miksuba minnu bħala ħaddiem tat-tifi tan-nar fuq bażi volontarja, skont il-prinċipju ta’ pro rata temporis

Fil-Kawża C‑377/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour du travail de Mons (Il-Qorti Industrijali ta’ Mons, Il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Ġunju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Ġunju 2021, fil-proċedura

Ville de Mons,

Zone de secours Hainaut-Centre

vs

RM,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn J. Passer, President tal-Awla, N. Wahl u M. L. Arastey Sahún (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal ville de Mons, minn N. Fortemps u O. Vanleemputten, avocats,

għal RM, minn P. Joassart, avocat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u D. Recchia, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time, konkluż fis‑6 ta’ Ġunju 1997 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal‑15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, RM, ħaddiem tat-tifi tan-nar professjonali, u, min-naħa l-oħra, il-Ville de Mons (il-Belt ta’ Mons, il-Belġju) u ż-Zone de secours Hainaut-Centre (iż-Żona ta’ Servizz ta’ Salvataġġ, il-Belġju) dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità tiegħu, miksuba bħala ħaddiem tat-tifi tan-nar fuq bażi volontarja, għall-finijiet tal-kalkolu tar-remunerazzjoni tiegħu.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Skont il-Klawżola 1(a) tal-Ftehim Qafas, dan għandu l-għan li “jipprovdi għat-tneħħija tad-diskriminazzjoni kontra ħaddiema part-time u li jtejjeb il-kwalità ta’ xogħol part-time”.

4

Il-Klawżola 2 tal-Ftehim Qafas tipprovdi li:

“1.

Dal-Ftehim japplika għal ħaddiema part-time li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg kif definiti mil-liġi, mill-ftehim kollettiv jew skond il-prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru.

2.

L-Istati Membri, wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, ftehim kollettiv jew prattika, u/jew il-parteċipanti soċjali fil-livell approprjat skond il-prattika fir-relazzjonijiet industrijali nazzjonali jistgħu, għal raġunijiet oġġettivi, jeskludu kompletament jew parzjalment mill-konduzzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ħaddiema part-time li jaħdmu fuq bażi każwali. Dawn l-esklużjonijiet għandhom jiġu rieżaminati perjodikament biex jiġi stabbilit jekk ir-raġunijiet oġġettivi biex saru baqgħux validi.”

5

Il-klawżola 3 tal-Ftehim Qafas tipprovdi:

“Għall-iskop ta’ dan il-ftehim:

1.

Il-kliem ‘ħaddiem part-time’ jirreferi għal ħaddiem li s-sigħat normali tax-xogħol tiegħu, ikkalkulati fuq bażi ta’ ġimgħa jew fuq medja għal perjodu ta’ impjieg sa sena, huma inqas mis-sigħat normali ta’ xogħol ta’ ħaddiem full-time ta’ l-istess tip.

2.

Il-kliem ‘ħaddiem full-time ta’ l-istess tip’ ifisser ħaddiem full-time fl-istess stabbiliment li għandu l-istess tip ta’ kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni, li hu mqabbad biex jaħdem fl-istess xogħol/okkupazzjoni simili, b’kont meħud tal-konsiderazzjonijiet l-oħra li jistgħu jinkludu l-anzjanità u l-kwalifikazzjoni/kapaċità.

Meta m’hemmx ħaddiem full‑time ta’ l-istess tip fl-istess stabbiliment, il-paragun għandu jsir b’referenza għall-ftehim kollettiv, jew meta ma hemmx ftehim kollettiv applikabbli, skond il-liġi nazzjonali, ftehim kollettiv u prattika.”

6

Il-klawżola 4 tal-ftehim qafas tipprovdi:

“1.

Fejn għandhom x’jaqsmu il-kondizzjonijiet tax-xogħol, ħaddiema part-time m’għandhomx jiġu ttrattati b’manjiera inqas favorevoli minn ħaddiema full-time ta’ l-istess tip biss minħabba li huma jaħdmu part-time kemm-il darba dan it-trattament differenti mhuwiex oġġettivament ġustifikat.

2.

Meta approprjat, il-prinċipju tal- pro rata temporis għandu japplika.

[…]”

Id‑dritt Belġjan

Il-liġi tal‑5 ta’ Marzu 2002

7

Id-Direttiva 97/81 ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Belġjan permezz tal-liġi tal‑5 ta’ Marzu 2002 dwar il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni favur il-ħaddiema part-time (Moniteur belge tat‑13 ta’ Marzu 2002, p. 10641, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑5 ta’ Marzu 2002”). Skont l-Artikolu 2 tagħha, din il-liġi tapplika biss għall-ħaddiem li, bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ xogħol, jipprovdi servizzi ta’ xogħol, bi ħlas u taħt l-awtorità ta’ persuna oħra, jiġifieri lill-ħaddiem marbut b’kuntratt ta’ xogħol.

Id-Digriet Irjali tal‑20 ta’ Marzu 2002, kif emendat bid-Digriet Irjali tat‑2 ta’ Ġunju 2006

8

Skont l-Artikolu 1 tad-Digriet Irjali tal‑20 ta’ Marzu 2002 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-valutazzjoni pekunjarja tas-servizzi preċedenti mwettqa minn membri volontarji tas-servizzi pubbliċi tat-tifi tan-nar irreklutati bħala membri professjonali (Moniteur belge tat‑30 ta’ Marzu 2002, p. 13592), kif emendat bid-Digriet Irjali tat‑2 ta’ Ġunju 2006 (Moniteur belge tat‑22 ta’ Ġunju 2006, p. 31874):

“Il-membri tal-persunal fuq bażi volontarja tas-servizzi pubbliċi tat-tifi tan-nar, irreklutati bħala membri professjonali […], jibbenefikaw mir-remunerazzjoni korrispondenti għall-grad li fih huma ġew irreklutati.

[…] [g]ħandha tingħata lill-membri tal-persunal professjonali tas-servizzi pubbliċi tat-tifi tan-nar irreklutati mid-9 ta’ April 2002 ’il quddiem, għall-kalkolu ta’ din ir-remunerazzjoni, anzjanità ekwivalenti għan-numru ta’ snin ta’ servizz mogħtija fuq bażi volontarja f’servizz pubbliku tat-tifi tan-nar.

[A]nzjanità ekwivalenti għan-numru ta’ snin ta’ servizz fuq bażi volontarja f’servizz pubbliku tat-tifi tan-nar tista’ tingħata, għall-kalkolu tar-remunerazzjoni tagħhom, lill-membri tal-persunal professjonali tas-servizzi pubbliċi tat-tifi tan-nar li daħlu fis-servizz qabel id‑9 ta’ April 2002. Din il-valutazzjoni pekunjarja hija applikabbli biss għas-servizzi pprovduti mill-1 ta’ Jannar 2005.”

9

Mix-xogħolijiet leġiżlattivi dwar l-emenda ta’ dan l-Artikolu 1 permezz tad-Digriet Irjali tat‑2 ta’ Ġunju 2006 jirriżulta li din “tippermetti lill-komuni, mingħajr madankollu ma huma obbligati, li jagħtu wkoll lill-ħaddiema tat-tifi tan-nar li saru professjonali qabel id-dħul fis-seħħ tad-Digriet Irjali anzjanità li tieħu inkunsiderazzjoni s-snin kollha pprovduti fuq bażi volontarja. Minn dan isegwi li mhux il-ħaddiema tat-tifi tan-nar kollha ser jibbenefikaw awtomatikament minn din l-anzjanità. […] B’teħid inkunsiderazzjoni tal-possibbiltajiet finanzjarji tiegħu, kull komun jista’ jiddeċiedi jekk japplikax jew le l-leġiżlazzjoni l-ġdida.”

L-istatut amministrattiv u l-istatut pekunjarju tal-belt ta’ Mons

10

L-Artikolu 12 tal-istatut amministrattiv u l-istatut pekunjarju tal-persunal mhux għalliem tal-belt ta’ Mons (iktar ’il quddiem l-“istatut amministrattiv u l-istatut pekunjarju tal-belt ta’ Mons”) jipprovdi:

“Is-servizzi eliġibbli mwettqa fil-kuntest ta’ impjieg full-time […] jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-intier tagħhom.

Is-servizzi eliġibbli mwettqa fil-kuntest ta’ impjieg part-time […] jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni kkalkolati abbażi tan-numru ta’ snin li dawn jirrappreżentaw li kieku kienu twettqu fil-kuntest ta’ impjieg full-time, immultiplikati bi frazzjoni, li n-numeratur tagħha huwa n-numru reali ta’ sigħat xogħol fil-ġimgħa u li d-denominatur tagħha huwa n-numru ta’ sigħat xogħol fil-ġimgħa korrispondenti għal ħinijiet tax-xogħol fuq bażi full-time.”

11

L-Artikolu 13bis ta’ dawn l-istatuti huwa fformulat kif ġej:

“Mill‑1 ta’ Lulju 2007 u b’applikazzjoni tad-[Digriet Irjali tal‑20 ta’ Marzu 2002, kif emendat bid-Digriet Irjali tat‑2 ta’ Ġunju 2006], il-membri professjonali tas-servizz tat-tifi tan-nar ikkreklutati jingħataw, […] għall-kalkolu tar-remunerazzjoni tagħhom, anzjanità ekwivalenti għan-numru ta’ snin fis-servizz ipprovduti fuq bażi volontarja f’servizz pubbliku tat-tifi tan-nar, skont il-modalitajiet li ġejjin:

1.

għall-membri tal-persunal li daħlu fis-servizz qabel id‑09/04/2002: fuq bażi pro rata tax-xogħol realment imwettaq (in-numru reali ta’ sigħat xogħol fis-sena, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tal-Istatut Pekunjarju);

2.

għall-membri tal-persunal li daħlu fis-servizz wara d‑09/04/2002: mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-volum tax-xogħol (b’deroga mid-dispożizzjonijiet li jipprovdu li s-servizzi eliġibbli huma valorizzati pro rata tal-volum tax-xogħol imwettaq: Artikolu 12 tal-istatut pekunjarju),

[…]”

12

L-Artikolu 14(1) tal-imsemmija statuti jipprevedi:

“Huwa wkoll eliġibbli, taħt l-istess kundizzjonijiet, sa perijodu massimu ta’ sitt snin, għall-kalkolu tas-salarju, ix-xogħol imwettaq fil-kuntest ta’ impjieg full-time jew part-time fis-settur privat Belġjan, ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni [E]wropea jew taż-Żona [E]konomika [E]wropea, sakemm jista’ jitqies li huwa direttament utli, jiġifieri li jkun ipprovda lill-membru tal-persunal esperjenza li hija utli għall-eżerċizzju tal-funzjoni fl-amministrazzjoni […]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

13

Matul il-perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar 1982 u l‑31 ta’ Lulju 2002, RM kien impjegat bħala ħaddiem tat-tifi tan-nar fuq bażi volontarja mill-belt ta’ Mouscron (il-Belġju).

14

Matul dan il-perijodu, huwa eżerċita, fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol fis-settur privat, il-funzjonijiet ta’ xufier ta’ trakkijiet, mit‑30 ta’ Lulju 1990 sal‑11 ta’ Frar 1995 u mit‑23 ta’ Marzu 1995 sat‑8 ta’ Frar 1998, kif ukoll ta’ gwardjan, mid‑9 ta’ Frar 1998 sat‑30 ta’ Marzu 2001.

15

RM inħatar xufier professjonali fil-korp tat-tifi tan-nar mal-belt ta’ Mons, l-ewwel taħt prova, b’effett mill‑1 ta’ April 2001, u sussegwentement b’mod definittiv, mill‑1 ta’ April 2002.

16

Għall-finijiet tal-kalkolu tar-remunerazzjoni tal-ħaddiema tat-tifi tan-nar professjonali, jittieħed inkunsiderazzjoni l-“anzjanità pekunjarja” tagħhom, li hija ddeterminata skont il-valutazzjoni, taħt ċerti kundizzjonijiet, tat-tul tax-xogħol imwettaq minnhom fis-settur pubbliku u privat.

17

Skont l-istatut amministrattiv u l-istatut pekunjarju tal-belt ta’ Mons, dan tal-aħħar irrikonoxxiet lil RM, fir-rigward tal-perijodu ta’ qabel il-ħatra tiegħu bħala xufier professjonali fil-korp tat-tifi tan-nar, l-anzjanità pekunjarja segwenti:

għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 1982 sad‑29 ta’ Lulju 1990: 3 xhur u 17-il jum, li jikkorrispondu pro rata għal 811-il siegħa xogħol mwettqa bħala ħaddiem tat-tifi tan-nar fuq bażi volontarja fis-servizz tat-tifi tan-nar ta’ Mouscron (skont l-Artikolu 13bis ta’ dawn l-istatuti), u

għall-perijodu bejn it‑30 ta’ Lulju 1990 u t‑30 ta’ Marzu 2001: sitt snin li jikkorrispondu għat-tul massimu li jista’ jiġi kkontabilizzat għax-xogħol imwettaq fis-settur privat (kif previst fl-Artikolu 14 tal-imsemmija statuti).

18

Fl‑1 ta’ Jannar 2015, is-servizzi tat-tifi tan-nar fil-Belġju għaddew minn organizzazzjoni komunali għal sistema ta’ “żoni”, li tinkludi 34 “żoni ta’ servizz ta’ salvataġġ”, u l-ħaddiema tat-tifi tan-nar professjonali fis-servizz f’komun saru membri tal-persunal operattiv taż-żona tas-servizz ta’ salvataġġ li minnha jifforma parti dan il-komun.

19

Għalhekk, minn din id-data, RM sar ħaddiem tat-tifi tan-nar fiż-Żona tas-Servizz ta’ Salvataġġ Hainaut-Centre, li applikat fil-konfront tiegħu l-istess anzjanità pekjunarja bħal dik li kienet ġiet irrikonoxxuta lilu preċedentement mill-belt ta’ Mons.

20

Fl‑14 ta’ Lulju 2015, RM talab liż-Żona tas-Servizz ta’ Salvataġġ Hainaut-Centre sabiex tirrettifika l-ammont tar-remunerazzjoni tiegħu, minħabba li l-anzjanità pekunjarju tiegħu, miksuba fil-kwalità ta’ ħaddiem tat-tifi tan-nar fuq bażi volontarja, ma kinitx ittieħdet inkunsiderazzjoni korrettament. Huwa talab li jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ il-perijodu li matulu eżerċita l-funzjoni ta’ ħaddiem tat-tifi tan-nar fuq bażi volontarja, jiġifieri mill‑1 ta’ Jannar 1982 sal‑31 ta’ Lulju 2002, li jikkorrispondi għal total ta’ 20 sena u 7 xhur, mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-volum eżatt tax-xogħol imwettaq minnu. Fil-fatt, huwa kkunsidra li l-valutazzjoni ta’ dawn il-benefiċċji skont il-prinċipju ta’ pro rata temporis twassal sabiex tinħoloq differenza fit-trattament mhux ġustifikata bejn il-ħaddiema impjegati full-time u dawk impjegati part-time. Huwa qies għalhekk li kellu dritt għar-remunerazzjoni annwali li tikkorrispondi għall-iskala l-iktar għolja, jiġifieri dik marbuta ma’ anzjanità ta’ 25 sena jew iktar, sa fejn, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni s-snin kollha ta’ servizz tiegħu bħala ħaddiem tat-tifi tan-nar fuq bażi volontarja, l-anzjanità tiegħu kienet, fl‑1 ta’ Jannar 2015, ta’ 33 sena.

21

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Frar 2016, iż-Żona tas-Servizz ta’ Salvataġġ Hainaut-Centre ċaħdet din it-talba għal rettifika abbażi tal-Artikolu 13bis tal-istatut amministrattiv u tal-istatut pekunjarju tal-belt ta’ Mons, billi kkonstatat li, peress li RM kien daħal fis-servizz qabel id‑9 ta’ April 2002, l-anzjanità pekunjarja miksuba bħala ħaddiem tat-tifi tan-nar fuq bażi volontarja kellha tittieħed inkunsiderazzjoni biss pro rata għax-xogħol realment imwettqa minnu.

22

Barra minn hekk, fil‑15 ta’ April 2016, RM talab lill-belt ta’ Mons arretrati ta’ remunerazzjoni dovuti mid-dħul fis-servizz tiegħu, billi invoka argumenti essenzjalment identiċi għal dawk invokati insostenn tat-talba għal rettifika mressqa quddiem iż-Żona tas-Servizz ta’ Salvataġġ Hainaut-Centre.

23

Fis‑6 ta’ Mejju 2016, il-belt ta’ Mons ċaħad dan l-ilment għal raġunijiet essenzjalment identiċi għal dawk imressqa miż-Żona tas-Servizz ta’ Salvataġġ Hainaut-Centre u esposti fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, jiġifieri l-obbligu, skont l-istatut amministrattiv u l-istatut pekunjarju tal-belt ta’ Mons, li jiġu vvalutati s-snin ta’ servizz imwettqa fil-kwalità ta’ ħaddiem tat-tifi tan-nar fuq bażi volontarja pro rata għax-xogħol realment imwettaq.

24

Fit‑23 ta’ Mejju 2016, RM adixxa lit-tribunal du travail du Hainaut, division de Mons (it-Tribunal Industrjali ta’ Hainaut, it-Taqsima ta’ Mons, il-Belġju), b’rikors kontra l-belt ta’ Mons u ż-Żona tas-Servizz ta’ Salvataġġ Hainaut-Centre.

25

Permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Frar 2019, din il-qorti laqgħet it-talba ta’ RM u ddeċidiet li s-snin ta’ servizz li dan kien wettaq fil-kwalità ta’ ħaddiem tat-tifi tan-nar fuq bażi volontarja kellhom jiġu vvalutati b’mod sħiħ fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-anzjanità pekunjarja tiegħu, mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-volum tax-xogħol realment imwettaq minn RM.

26

Il-belt ta’ Mons u ż-Żona tas-Servizz ta’ Salvataġġ Hainaut-Centre appellaw minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-cour du travail de Mons (il-Qorti Industrijali ta’ Mons, il-Belġju).

27

Din il-qorti tosserva li minn sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali (il-Belġju) tad‑9 ta’ Lulju 2013 jirriżulta li l-ħaddiema tat-tifi tan-nar fuq bażi volontarja u l-ħaddiema tat-tifi tan-nar professjonali jwettqu funzjonijiet simili fl-istess korp u li, għaldaqstant, jikkostitwixxu kategoriji paragunabbli. Skont din is-sentenza, “ [i]l-ħaddiema tat-tifi tan-nar fuq bażi volontarja jiddedikaw parti mill-ħin liberu tagħhom għal servizz tat-tifi tan-nar u jidħlu f’impenn għalih […]; [h]uma jirċievu allowance pro rata tan-numru ta’ sigħat xogħol, fuq il-bażi minima tal-medja ta’ kull siegħa tas-salarji previsti għall-persunal professjonali tal-istess grad […], li hija suġġetta għal sistema partikolari ta’ sigurtà soċjali”. Mill-imsemmija sentenza jirriżulta wkoll li l-ħaddiema tat-tifi tan-nar fuq bażi volontarja jeżerċitaw, fuq din il-bażi, attività b’mod anċillari għal attività professjonali jew għal status ieħor u huma għalhekk suġġetti għal sistema ta’ xogħol u ta’ ħin tax-xogħol li hija differenti minn dik tal-ħaddiema tat-tifi tan-nar professjonali.

28

Barra minn hekk, il-qrati Belġjani, u b’mod partikolari l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), ippreċiżaw li l-attività ta’ ħaddiem tat-tifi tan-nar fuq bażi volontarja hija attività anċillari li hija rregolata minn relazzjoni ta’ xogħol ta’ natura statutorja u mhux kuntrattwali.

29

Skont il-qorti tar-rinviju, id-determinazzjoni tal-anzjanità pekunjarja tal-ħaddiema part-time taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas, peress li r-remunerazzjoni tagħmel parti mill-“kundizzjonijiet tal-impjieg” fis-sens ta’ din il-klawżola, kif jirriżulta mis-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2010, Bruno et (C‑395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329).

30

F’dan il-kuntest, din il-qorti tosserva wkoll li, minkejja li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li ttrasponiet dan il-Ftehim qafas fl-ordinament ġuridiku Belġjan, jiġifieri l-liġi tal‑5 ta’ Marzu 2002, tapplika biss għall-ħaddiema marbuta b’kuntratt ta’ xogħol, hija tqis madankollu li l-ħaddiema tat-tifi tan-nar fuq bażi volontarja jaqgħu taħt l-imsemmi Ftehim qafas, sa fejn ir-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom hija ddefinita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 2 tal-istess Ftehim qafas.

31

Barra minn hekk, il-fatt li x-xogħol ta’ RM huwa, sa mill-ħatra tiegħu bħala ħaddiema tat-tifi tan-nar professjonali, suġġett għal skema ta’ xogħol full-time bl-ebda mod ma jipprekludih milli jinvoka, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-anzjanità pekunjarja tiegħu relatata ma’ perijodu li matulu huwa ħadem part-time, leġiżlazzjoni dwar il-ħaddiema part-time.

32

Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas, u b’mod partikolari fir-rigward tal-portata tal-prinċipju ta’ pro rata temporis, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-anzjanità pekunjarja ta’ RM.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour du travail de Bruxelles (il-Qorti Industrijali ta’ Brussell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“Il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas […] għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-kalkolu tas-salarju tal-ħaddiema tat-tifi tan-nar irreklutati full-time, tieħu inkunsiderazzjoni, bħala anzjanità pekunjarja, is-servizzi pprovduti part-time bħala ħaddiem tat-tifi tan-nar fuq bażi volontarja, abbażi tal-volum tax-xogħol, jiġifieri, it-tul tas-servizzi effettivament imwettqa, skont il-prinċipju ‘pro rata temporis’, u mhux abbażi tal-perijodu li fih twettqu s-servizzi?”

Fuq id‑domanda preliminari

34

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-finijiet tal-kalkolu tar-remunerazzjoni tal-ħaddiema tat-tifi tan-nar professjonali impjegati full-time, tirrikonoxxi, bħala anzjanità pekunjarja, ix-xogħol li dawn ikunu wettqu qabel fuq bażi part-time, fil-kwalità ta’ ħaddiema tat-tifi tan-nar fuq bażi volontarja, skont il-prinċipju ta’ pro rata temporis, jiġifieri skont ix-xogħol li huma effettivament wettqu, u mhux skont il-perijodu li matulu twettaq dan ix-xogħol.

35

Fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat jekk il-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Qafas.

36

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar l-ewwel, li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Ftehim Qafas huwa ddefinit fil-punt 1 tal-klawżola 2 tiegħu (sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2012, O’Brien, C‑393/10, EU:C:2012:110, punt 28). Skont din id-dispożizzjoni, l-imsemmi ftehim japplika “ħaddiema part-time li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg kif definiti mil-liġi, mill-ftehim kollettiv jew skond il-prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru”.

37

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “ħaddiema part-time li għandhom kuntratt jew relazzjoni ta’ xogħol” għandu jiġi interpretat fis-sens tad-dritt nazzjonali (sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2012, O’Brien, C‑393/10, EU:C:2012:110, punt 32). Fil-fatt, mill-formulazzjoni stess tal-punt 1 tal-klawżola 2 tal-Ftehim Qafas jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa fformulat b’mod wiesa’. Barra minn hekk, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiem part-time” fis-sens ta’ dan il-Ftehim Qafas, kif stabbilit fil-punt 1 tal-klawżola 3 tiegħu, tinkludi ħaddiema, mingħajr distinzjoni abbażi tal-kwalità pubblika jew privata tal-persuna li timpjega li magħha huma marbuta (sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2012, O’Brien, C‑393/10, EU:C:2012:110, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Ftehim Qafas fl-ordinament ġuridiku Belġjan, jiġifieri l-liġi tal‑5 ta’ Marzu 2002, tapplika biss għall-ħaddiema marbuta b’kuntratt ta’ xogħol. Issa, il-qrati Belġjani ppreċiżaw li l-attività tal-ħaddiema tat-tifi tan-nar fuq bażi volontarja taqa’ fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol ta’ natura statutorja u mhux kuntrattwali.

39

Madankollu, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 36 u 37 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li, kif tirrileva din il-qorti, il-ħaddiema tat-tifi tan-nar fuq bażi volontarja jaqgħu taħt il-Ftehim Qafas, sa fejn ir-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom hija ddefinita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 2 ta’ dan il-Ftehim Qafas.

40

It-tieni, għandu jitfakkar li l-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas jipprovdi li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg, il-ħaddiema part‑time ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiema full‑time paragunabbli minħabba s-sempliċi raġuni li huma jaħdmu part‑time, sakemm trattament differenti ma huwiex iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi.

41

Issa, fil-kawża prinċipali, RM jikkontesta l-metodu użat għall-kalkolu tar-remunerazzjoni dovuta lilu bħala ħaddiem tat-tifi tan-nar professjonali, jiġifieri bħala ħaddiem full-time. Madankollu, huwa jinvoka l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament li tmur kontra l-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas, sa fejn l-applikazzjoni tar-regoli dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità pekunjarja tiegħu għal perijodu li matulu eżerċita attività part-time, bħala ħaddiem tat-tifi tan-nar fuq bażi volontarja, għandha effett negattiv fuq l-ammont ta’ din ir-remunerazzjoni.

42

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Ftehim Qafas huwa intiż, minn naħa, jippromwovi x-xogħol part-time u, min-naħa l-oħra, jelimina d-diskriminazzjonijiet bejn il-ħaddiema part-time u l-ħaddiema full-time (sentenzi tal‑10 ta’ Ġunju 2010, Bruno et, C‑395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329, punt 24, kif ukoll tal‑5 ta’ Mejju 2022, Universiteit Antwerpen et, C‑265/20, EU:C:2022:361, punt 41).

43

Fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas għandha tinftiehem bħala li tesprimi prinċipju ta’ dritt soċjali tal-Unjoni li ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2010, Bruno et, C‑395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44

Issa, is-sempliċi fatt li ħaddiem ikun kiseb l-istatus ta’ ħaddiem full-time ma jeskludix il-possibbiltà għalih li jinvoka, f’ċerti ċirkustanzi, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fil-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas, meta d-diskriminazzjoni allegata tikkonċerna perijodi mwettqa bħala ħaddiem part-time. (ara b’analoġija, fir-rigward tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368) is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punti 34 u 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45

Fil-fatt, li tiġi eskluża mill-ewwel l-applikazzjoni tal-Ftehim Qafas f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali jwassal sabiex jitnaqqas, bi ksur tal-għan mogħti lil din il-klawżola 4, il-kamp tal-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema kkonċernati kontra d-diskriminazzjonijiet u jwassal għal interpretazzjoni indebitament restrittiva tal-imsemmija klawżola li tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Għaldaqstant, il-Ftehim Qafas huwa applikabbli għall-kawża prinċipali, peress li RM, minkejja li issa huwa impjegat full-time, jinvoka dan il-Ftehim Qafas fir-rigward ta’ perijodu li matulu huwa ħadem part-time.

47

It-tielet, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni ssostni, billi tirreferi għall-punt 2 tal-klawżola 2 tal-Ftehim Qafas, li RM ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “ħaddiem part-time”, fis-sens ta’ dan il-Ftehim Qafas, minħabba n-natura okkażjonali tal-attività tiegħu.

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, il-punt 2 tal-klawżola 2 tal-Ftehim Qafas jippermetti lill-Istati Membri jew lill-imsieħba soċjali jeskludu totalment jew parzjalment mid-dispożizzjonijiet tiegħu lill-ħaddiema part-time li jaħdmu fuq bażi okkażjonali. Madankollu, tali esklużjoni ma hija fl-ebda każ awtomatika, peress li hija suġġetta, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni, għal ċertu numru ta’ proċeduri u ta’ kundizzjonijiet.

49

Issa, l-ebda element tad-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas tal-osservazzjonijiet bil-miktub sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi kkonstatat li r-Renju tal-Belġju għamel użu mill-fakultà prevista f’din id-dispożizzjoni. Fi kwalunkwe każ, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki neċessarji sabiex tevalwa jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2004, Wippel, C‑313/02, EU:C:2004:607, punt 39).

50

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li din il-kawża taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim qafas.

51

Fit-tieni lok, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas, għandu jiġi eżaminat, qabel kollox, jekk l-anzjanità pekunjarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg”, fis-sens ta’ dan il-punt 1 tal-klawżola 4.

52

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kundizzjonijiet finanzjarji, bħal dawk relatati mar-remunerazzjonijiet, jaqgħu taħt dan il-kunċett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2010, Bruno et, C‑395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329, punt 33).

53

Barra minn hekk, fid-determinazzjoni kemm tal-elementi li jikkostitwixxu r-remunerazzjoni kif ukoll tal-livell ta’ dawn l-elementi, il-qrati nazzjonali kompetenti huma obbligati japplikaw għall-ħaddiema part-time l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif stabbilit fil-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2010, Bruno et, C‑395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329, punt 40), b’teħid inkunsiderazzjoni, meta dan ikun xieraq, tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ pro rata temporis (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2010, Bruno et, C‑395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329, punt 38).

54

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-anzjanità pekunjarja tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tar-remunerazzjoni tal-ħaddiema tat-tifi tan-nar professjonali, b’tali mod li tikkostitwixxi element determinanti tal-livell ta’ din ir-remunerazzjoni.

55

Għaldaqstant, l-anzjanità pekunjarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg”, fis-sens tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas.

56

Sussegwentement, sabiex jiġi evalwat jekk il-modalitajiet ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità pekunjarja inkwistjoni jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas, għandu jitfakkar li r-rekwiżit ta’ ekwivalenza bejn ħaddiema full-time u ħaddiema part-time, li jirriżulta mill-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni previst fil-punt 1 tal-klawżola 4 huwa impost bla ħsara għall-applikazzjoni xierqa, skont l-imsemmi punt 2 tal-klawżola 4 tal-prinċipju ta’ pro rata temporis (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑3 ta’ Marzu 2021, Fogasa, C‑841/19, EU:C:2021:159, punti 41 u 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57

Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kwantità ta’ xogħol effettivament imwettaq minn ħaddiem part-time, meta mqabbla ma’ dik ta’ ħaddiem full-time, jikkostitwixxi raġuni oġġettiva, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas, li jiġġustifika tnaqqis proporzjonat tad-drittijiet u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ ħaddiem part-time (digriet tat‑3 ta’ Marzu 2021, Fogasa, C‑841/19, EU:C:2021:159, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi li, għall-finijiet tal-kalkolu tar-remunerazzjoni tal-ħaddiema tat-tifi tan-nar professjonali li, bħal RM, ġew irreklutati qabel id‑9 ta’ April 2002, tingħata anzjanità ekwivalenti għan-numru ta’ snin fis-servizz imwettqa minnhom bħala ħaddiema tat-tifi tan-nar fuq bażi volontarja, iddeterminata pro rata għax-xogħol li huma effettivament wettqu.

59

Issa, l-applikazzjoni, fir-rigward ta’ tali ħaddiema tat-tifi tan-nar professjonali, ta’ element li jiddetermina l-livell tar-remunerazzjoni tagħhom, bħall-anzjanità pekunjarja, li jikkorrispondi għall-perċentwali tal-ħin tax-xogħol li huma għamlu bħala ħaddiema part-time meta mqabbla mal-ħin tax-xogħol imwettaq mill-ħaddiema full-time li jeżerċitaw l-istess attività tikkostitwixxi applikazzjoni tal-prinċipju ta’ pro rata temporis, fis-sens tal-punt 2 tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑3 ta’ Marzu 2021, Fogasa, C‑841/19, EU:C:2021:159, punt 45).

60

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ pro rata temporis, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-anzjanità pekunjarja tal-ħaddiema tat-tifi tan-nar professjonali li ħadmu part-time bħala ħaddiema tat-tifi tan-nar fuq bażi volontarja, tikkostitwixxi applikazzjoni xierqa ta’ dan il-prinċipju, fis-sens tal-punt 2 tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas.

61

Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt, invokat minn RM fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li, għall-ħaddiema tat-tifi tan-nar professjonali rreklutati mid‑9 ta’ April 2002, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni anzjanità pekunjarja ekwivalenti għan-numru ta’ snin ta’ servizz imwettqa minnhom bħala ħaddiema tat-tifi tan-nar fuq bażi volontarja, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-volum tax-xogħol li huma effettivament għamlu.

62

Fil-fatt, il-punt 2 tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas jipprevedi li l-prinċipju ta’ pro rata temporis japplika “meta approprjat”. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma timponix l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, u lanqas ma tipprekludi, a fortiori, it-tneħħija tal-applikazzjoni tiegħu għal qasam li kien japplika għalih qabel. Li jiġi sostnut il-kuntrarju jmur kontra l-għanijiet tal-Ftehim Qafas, li huwa intiż, b’mod partikolari, kif jistabbilixxi l-punt (a) tal-klawżola 1 tiegħu, sabiex itejjeb il-kwalità tax-xogħol part-time.

63

Fi kwalunkwe każ, differenza eventwali fit-trattament bejn żewġ kategoriji ta’ ħaddiema part-time ma taqax taħt il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fil-Ftehim Qafas (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, MIUR u Ufficio scolastico Regionale per la Campania, C‑282/19, EU:C:2022:3, punt 72, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

64

Barra minn hekk, fir-rigward tal-kalkolu tax-xogħol effettivament magħmul minn RM meta kien ħaddiem tat-tifi tan-nar fuq bażi volontarja, għandu jitfakkar li, fir-rigward ta’ ħaddiem tat-tifi tan-nar fuq bażi volontarja tal-belt ta’ Nivelles (il-Belġju), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li sitwazzjoni li fiha ħaddiem isib ruħu mġiegħel jgħaddi perijodu ta’ on-call fir-residenza tiegħu, li jżomm ruħu għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah u li jista’ jasal fil-post tax-xogħol tiegħu f’terminu ta’ tmien minuti, għandha titqies li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381). Hija madankollu differenti s-sitwazzjoni li fiha ħaddiem iwettaq on-call skont is-sistema ta’ stand-by li tfisser li ser ikun aċċessibbli fil-ħinijiet kollha mingħajr ma jkun marbut li jkun preżenti fil-post tax-xogħol (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Matzak, C‑518/15, EU:C:2018:82, punti 60 u 65).

65

Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat ukoll li l-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi applikazzjoni xierqa tal-prinċipju ta’ pro rata temporis, hija suġġetta għall-kundizzjoni li d-determinazzjoni tal-anzjanità pekunjarja tiddependi direttament mill-kwantità ta’ xogħol imwettqa mill-ħaddiem ikkonċernat, u mhux esklużivament mit-tul tal-anzjanità miksuba minnu. Fil-fatt, f’dan l-aħħar każ, il-prinċipju ta’ pro rata temporis ma jkunx applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2010, Bruno et, C‑395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329, punti 65 u 66).

66

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jidher li jirriżulta li d-determinazzjoni tal-anzjanità pekunjarja ta’ RM tiddependi direttament mill-kwantità ta’ xogħol imwettqa minnu. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki neċessarji f’dan ir-rigward.

67

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-finijiet tal-kalkolu tar-remunerazzjoni tal-ħaddiema tat-tifi tan-nar professjonali impjegati full-time, tirrikonoxxi, bħala anzjanità pekunjarja, ix-xogħol imwettaq qabel fuq bażi part-time, fil-kwalità ta’ ħaddiem tat-tifi tan-nar fuq bażi volontarja, skont il-prinċipju ta’ pro rata temporis, jiġifieri skont ix-xogħol effettivament imwettaq.

Fuq l‑ispejjeż

68

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time, konkluż fis‑6 ta’ Ġunju 1997, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal‑15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-finijiet tal-kalkolu tar-remunerazzjoni tal-ħaddiema tat-tifi tan-nar professjonali impjegati full-time, tirrikonoxxi, bħala anzjanità pekunjarja, ix-xogħol imwettaq qabel fuq bażi part-time, fil-kwalità ta’ ħaddiem tat-tifi tan-nar fuq bażi volontarja, skont il-prinċipju ta’ pro rata temporis, jiġifieri skont ix-xogħol effettivament imwettaq.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż.

Top