EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0189

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-5 ta’ Mejju 2022.
R. en R. vs Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika Agrikola Komuni (PAK) – Regolament (UE) Nru 1306/2013 – Anness II – Rekwiżit statutorju ta’ ġestjoni 10 – Regolament (UE) Nru 1107/2009 – L-ewwel paragrafu u l-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 55 – Skemi ta’ appoġġ dirett – Regoli komuni – Tnaqqis jew esklużjoni tal-għajnuna kollha jew ta’ parti mill-għajnuna rċevuta taħt il-PAK – Nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ kundizzjonalità – Użu ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li ma huwiex jew ma għadux awtorizzat fl-Istat Membru kkonċernat u, f’dan l-aħħar każ, li t-terminu għall-użu tiegħu nqabeż.
Kawża C-189/21.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:360

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

5 ta’ Mejju 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika Agrikola Komuni (PAK) – Regolament (UE) Nru 1306/2013 – Anness II – Rekwiżit statutorju ta’ ġestjoni 10 – Regolament (UE) Nru 1107/2009 – L-ewwel paragrafu u l-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 55 – Skemi ta’ appoġġ dirett – Regoli komuni – Tnaqqis jew esklużjoni tal-għajnuna kollha jew ta’ parti mill-għajnuna rċevuta taħt il-PAK – Nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ kundizzjonalità – Użu ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li ma huwiex jew ma għadux awtorizzat fl-Istat Membru kkonċernat u, f’dan l-aħħar każ, li t-terminu għall-użu tiegħu nqabeż”

Fil-Kawża C‑189/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għal Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Marzu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Marzu 2021, fil-proċedura

R. en R.

vs

Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, D. Gratsias u Z. Csehi (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Olandiż, minn C.S. Schillemans u M. K. Bulterman, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn E. Tsaousi u I.‑E. Krompa, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. van Vliet, A. Sauka u F. Castilla Contreras, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-rekwiżit statutorju ta’ ġestjoni 10, kif previst fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83) (iktar ’il quddiem ir-“RSĠ 10”), sa fejn jirreferi għall-ewwel paragrafu u għall-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 55 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn R. en R. u l-Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit (il-Ministru għall-Agrikoltura, in-Natura u l-Kwalità tal-Ikel, iktar ’il quddiem il- “Ministru”) rigward it-tnaqqis tal-ammont tal-pagamenti diretti li għandhom jingħataw lil R. en R. għas-sena 2018 b’applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 7).

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament Nru 1306/2013

3

Ir-Regolament Nru 1306/2013 jirrigwarda l-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-Politika Agrikola Komuni (PAK).

4

Il-premessa 53 ta’ dan ir-regolament tgħid:

“Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 [tad‑29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KEE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269)], li kien issostitwit mir-Regolament [tal-Kunsill] (KE) Nru 73/2009 [tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU 2009, L 30, p. 16, rettifika fil-ĠU 2010, L 43, p. 7)], stabbilixxa l-prinċipju li l-pagament sħiħ lil benefiċjarji ta’ xi għajnuniet skont il-PAK għandu jkollu rabta mal-konformità ma’ regoli relatati mal-ġestjoni ta’ artijiet, il-produzzjoni agrikola u l-attività agrikola. […]

Skont is-sistema ta’ kondizzjonalità li tirriżulta l-Istati Membri għandhom jimponu pieni fl-għamla ta’ tnaqqis jew esklużjoni ta’ għajnuna riċevuta skont il-PAK, fl-intier tagħha jew parzjalment.”

5

Il-premessa 54 tar-Regolament Nru 1306/2013 tispeċifika:

“Is-sistema ta’ kondizzjonalità tinkorpora fil-PAK standards bażiċi għall-ambjent, it-tibdil fil-klima, il-kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba tal-art, is-saħħa pubblika, is-saħħa tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti u t-trattament xieraq tal-annimali. Il-kondizzjonalità għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ agrikoltura sostenibbli b’għarfien aħjar min-naħa ta’ benefiċjarji dwar il-ħtieġa li jiġu rrispettati dawk l-istandards bażiċi. Għandha l-għan ukoll li tikkontribwixxi biex il-PAK issir aktar kompatibbli ma’ dak li s-soċjetà tistenna permezz ta’ konsistenza li titjieb ta’ dik il-politika mal-politiki dwar l-ambjent, is-saħħa pubblika, is-saħħa tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti u t-trattament xieraq tal-annimali. Is-sistema ta’ kondizzjonalità tagħmel parti integrali mill-PAK u għandha, għalhekk, tinżamm. Il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, madankollu, li s’issa huwa magħmul minn listi separati ta’ rekwiżiti statutorji ta’ ġestjoni u ta’ standards ta’ kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba ta’ art, għandu jiġi ssimplifikat biex tiġi żgurata l-konsistenza tas-sistema ta’ kondizzjonalità u jsir aktar viżibbli. Għal dan il-għan, ir-rekwiżiti u l-istandards għandhom jiġu organizzati f’lista waħda u mqegħdin fi gruppi skont iż-żoni u l-kwistjonijiet. […]”

6

Ir-regoli esposti fit-Titolu VI ta’ dan ir-regolament jirrigwardaw il-kundizzjonalità, u l-Kapitolu I ta’ dan it-titolu jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-kundizzjonalità. L-Artikolu 91 tal-imsemmi regolament, intitolat “Prinċipju ġenerali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Meta benefiċjarju msemmi fl-Artikolu 92 ma jkunx konformi mar-regoli dwar il-kondizzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 93, għandha tiġi imposta piena amministrattiva fuq dak il-benefiċjarju.”

7

L-Artikolu 91(3)(b) tar-Regolament Nru 1306/2013 jipprevedi:

“Għall-fini ta’ dan it-Titolu għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

b)

‘rekwiżit’ tfisser kull rekwiżit individwali statutorju ta’ ġestjoni skont il-liġi tal-Unjoni msemmi fl-Anness II f’att speċifiku, li jvarja fis-sustanza minn kwalunkwe rekwiżit ieħor tal-istess att”.

8

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 92 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Benefiċjarji kkonċernati”, jipprevedi:

“L-Artikolu 91 għandu japplika għall-benefiċjarji li jirċievu pagamenti diretti skont ir-Regolament [Nru 1307/2013] […]”

9

L-Artikolu 93 tar-Regolament Nru 1306/2013, intitolat “Regoli dwar il-kondizzjonalità”, jipprevdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Ir-regoli dwar il-kondizzjonalità għandhom jikkonsistu mir-rekwiżiti statutorji ta’ ġestjoni skont il-liġi tal-Unjoni u l-istandards għal kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba ta’ art stabbiliti fuq livell nazzjonali kif elenkati fl-Anness II, relatati mal-oqsma li ġejjin:

(a)

l-ambjent, it-tibdil fil-klima u l-kondizzjoni agrikola tajba tal-artijiet;

(b)

is-saħħa pubblika, tal-annimali u tal-pjanti;

(c)

it-trattament xieraq tal-annimali.”

10

L-Anness II tal-istess regolament, intitolat “Regoli dwar il-Kondizzjonalità skont l-Artikolu 93”, jaqra kif ġej:

“RSĠ: Rekwiżit statutorju ta’ ġestjoni

[…]

Qasam

Kwistjoni Ewlenija

Rekwiżiti u standards

[…]

[…]

[…]

Saħħa pubblika, saħħa tal-annimali u saħħa tal-pjanti

Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

RSĠ 10

Regolament [Nru 1107/2009]

Artikolu 55[l-ewwel paragrafu u l-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu]”

11

Il-Kapitolu II tat-Titolu VI tar-Regolament Nru 1306/2013, intitolat “Sistema ta’ kontroll u pieni amministrattivi relatati mal-kondizzjonalità”, jinkludi l-Artikoli 96 sa 101 ta’ dan.

12

L-Artikolu 99 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kalkolu tal-piena amministrattiva”, jipprovdi:

“1.   Il-piena amministrattiva prevista fl-Artikolu 91 għandha tkun applikata permezz ta’ tnaqqis jew esklużjoni tal-ammont totali tal-pagamenti elenkati fl-Artikolu 92 mogħti jew li jkollu jingħata lill-benefiċjarju kkonċernat fir-rigward tal-applikazzjonijiet ta’ għajnuna li jkun ppreżenta jew li ser jippreżenta matul is-sena kalendarja tas-sejba.

[…]

2.   […]

Madankollu, każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità li jikkostitwixxu riskju dirett għas-saħħa pubblika jew tal-annimali għandhom dejjem iwasslu għal tnaqqis jew esklużjoni.

[…]”

Ir‑Regolament Nru 1107/2009

13

Ir-Regolament Nru 1107/2009 jirrigwarda t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Il-premessi 24 u 35 ta’ dan ir-regolament jispeċifikaw:

“(24)

Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-awtorizzazzjoni għandhom jiżguraw standard għoli ta’ protezzjoni. B’mod partikolari, meta jingħataw l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, l-objettiv tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent għandu jieħu prijorità fuq l-objettiv li titjieb il-produzzjoni tal-pjanti. Għalhekk, għandu jintwera, qabel ma l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jitqiegħdu fis-suq, li dawn joffru benefiċċju ċar għall-produzzjoni tal-pjanti u li m’għandhom ebda effett ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali, inkluż dik ta’ gruppi vulnerabbli, jew xi effetti inaċċettabbli fuq l-ambjent.

[…]

(35)

Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandhom jintużaw kif xieraq, skont l-awtorizzazzjoni mogħtija lilhom […]”

14

L-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament jiddisponi:

“1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti f’forma kummerċjali u għat-tqegħid fis-suq, l-użu u l-kontroll tagħhom fil-Komunità [Ewropea].

[…]

3.   L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent u li jtejjeb it-tħaddim tas-suq intern permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli fuq it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, filwaqt li jtejjeb il-produzzjoni agrikola.

[…]”

15

Fis-Subtaqsima 1, intitolata “Rekwiżiti u kontenut”, tat-Taqsima 1, li hija stess hija intitolata “Awtorizzazzjoni”, tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1107/2009, intitolat “Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti”, l-Artikolu 28 tiegħu, intitolat “Awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq u għall-użu”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Prodott għall-protezzjoni tal-pjanti m’għandux jitqiegħed fis-suq jew jintuża ħlief jekk ikun ġie awtorizzat fl-Istat Membru kkonċernat skont dan ir-Regolament.”

16

L-Artikolu 32(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Tul ta’ żmien”, jipprevedi:

“1.   Il-perijodu tal-awtorizzazzjoni għandu jkun stabbilit fl-awtorizzazzjoni.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 44, it-tul ta’ żmien ta’ awtorizzazzjoni għandu jiġi stabbilit għal perijodu li ma jeċċedix sena mid-data ta’ skadenza tal-approvazzjoni tas-sustanzi attivi, l-aġenti protettivi u s-sinerġisti fil-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti u wara dan sakemm jiġu approvati s-sustanzi attivi, l-aġenti protettivi u s-sinerġisti li jkun hemm fil-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti.

[…]”.

17

L-Artikolu 46 tal-imsemmi regolament, intitolat “Perijodu ta’ grazzja”, huwa fformulat kif ġej:

“Fejn Stat Membru jirtira jew jemenda awtorizzazzjoni jew ma jġeddidhiex, huwa jista’ jagħti perijodu ta’ grazzja għar-rimi, għall-ħażna, għat-tqegħid fis-suq u għall-użu ta’ ħażniet eżistenti.

Fejn ir-raġunijiet għall-irtirar, l-emenda jew in-nuqqas ta’ tiġdid tal-awtorizzazzjoni mhumiex relatati mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali jew tal-ambjent, il-perijodu ta’ grazzja għandu jkun limitat u m’ għandux jaqbeż is-sitt xhur għall-bejgħ u d-distribuzzjoni u massimu addizzjonali ta’ sena għar-rimi, il-ħażna u l-użu ta’ ħażniet eżistenti tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti kkonċernati.”

18

Fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu III tal-istess regolament, intitolata “Użu u Informazzjoni”, l-Artikolu 55 ta’ dan ir-regolament, li huwa nnifsu huwa intitolat “Użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti”, jipprevedi, fl-ewwel paragrafu u fl-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tiegħu:

“Il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandhom jintużaw kif suppost [b’mod xieraq].

L-użu kif suppost għandu jinkludi l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-prattika tal-protezzjoni tal-pjanti tajba u konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti skont l-Artikolu 31 u speċifikati fuq it-tikkettar.”

19

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 1107/2009 jipprevedi:

“Ir-referenzi għad-Direttivi mħassra għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament. B’mod partikolari, referenzi f’leġislazzjoni Komunitarja oħra, bħar-Regolament [Nru 1782/2003], għall-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/414/KEE [tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 332)], għandhom jitqiesu bħala referenzi għall-Artikolu 55 ta’ dan ir-Regolament.”

Id‑Direttiva 91/414

20

Id-Direttiva 91/414 tħassret bir-Regolament Nru 1107/2009 u kienet applikabbli sat‑13 ta’ Ġunju 2011.

21

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva kien ifformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw illi l-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti ma jistgħux jiġu introdotti fis-suq u użati fit-territorju tagħhom sakemm ma jkunux awtorizzaw il-prodott skont din id-Direttiva, ħlief fejn l-użu intenzjonat li jsir ikun kopert taħt l-Artikolu 22.

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw illi l-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti iridu jintużaw kif suppost [b’mod xieraq]. L-użu kif suppost għandu jinkludi konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti skont l-Artikolu 4 u speċifikati fuq it-tikkettar, u l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ prattika tajba tal-ħarsien tal-pjanti kif ukoll, kull meta jkun possibbli, il-prinċipji ta’ kontroll integrat.

[…]”

Id‑dritt Olandiż

22

L-Artikolu 20 tal-Wet gewasbeschermingsmiddelen en biociden (il-Liġi dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti u Bijoċidi), tas‑17 ta’ Frar 2007 (Stb. 2007, 125), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, huwa fformulat kif ġej:

“Ksur tar-Regolament

1. Huwa pprojbit li tittieħed azzjoni bi ksur tal-Artikolu 28(1), tal-Artikolu 52(1) u (5), tal-Artikolu 55, tal-Artikolu 56(1), tal-Artikolu 58(1) u tal-Artikolu 64 tar-Regolament [Nru 1107/2009] jew tar-regolamenti adottati b’applikazzjoni tiegħu. […]”

23

L-Uitvoeringsregeling rechtstreekse betalingen GLB nr. WJZ/14194346 (id-Digriet Ministerjali Nru WJZ/14194346 li Jimplimenta l-PAK f’dak li Jirrigwarda l-Pagamenti Diretti u l-Kundizzjonalità), tal‑11 ta’ Diċembru 2014 (Stcrt. 2014, 36127), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali ta’ Implimentazzjoni”), jipprevedi, fl-Artikolu 3.1(1) tiegħu:

“Kundidizzjonalità

1. Il-bidwi li jkun ressaq talba għal pagamenti diretti […] għandu josserva d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

a. ir-rekwiżiti fil-qasam tal-ġestjoni msemmija fl-Artikolu 93(1) tar-Regolament [Nru 1306/2013], elenkati fl-Anness 3. […]”

24

L-Anness 3 tal-Artikolu 3.1(1)(a) tad-Digriet Ministerjali ta’ Implimentazzjoni huwa fformulat kif ġej:

“Rekwiżiti ta’ ġestjoni msemmija fl-Artikolu 93(1) tar-Regolament Nru 1306/2013

[…]

Tema prinċipali: prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

RSĠ 10. Artikolu 55 [l-ewwel paragrafu, u t-tieni paragrafu] l-ewwel sentenza, tar-Regolament [Nru 1107/2009]:

10.1

Artikolu 55 [l-ewwel paragrafu, u l-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu] tar-Regolament [Nru 1107/2009]”

It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

25

Fl‑20 ta’ Marzu 2018, R. en R. ippreżentat lill-Ministru dikjarazzjoni magħquda li fiha hija talbet il-ħlas ta’ pagamenti diretti taħt il-PAK.

26

Fil‑11 ta’ Ottubru 2018, kontrollur tan-Nederlandse Voedsel- en Warenautoriteit (l-awtorità ta’ kontroll tal-prodotti tal-ikel u tal-prodotti tal-konsum, il-Pajjiżi l-Baxxi) ikkonstata li wieħed mis-soċji ta’ R. en R. kien juża l-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti MECOP PP‑2 (numru ta’ awtorizzazzjoni 12678N) sabiex jiġġieled kontra r-Rumex obtusifolius. Dan il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu bħala sustanza attiva l-mecoprop‑P. L-awtorizzazzjoni tal-imsemmi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti kienet skadiet fit‑30 ta’ Jannar 2016. Id-data ta’ skadenza għall-kummerċjalizzazzjoni tal-istess prodott kienet ġiet stabbilita għat‑30 ta’ Lulju 2016 u d-data ta’ skadenza għall-użu tiegħu għat‑30 ta’ Jannar 2017.

27

Fl‑4 ta’ April 2019, il-Ministru, abbażi tad-Digriet Ministerjali ta’ Implimentazzjoni, impona fuq R. en R. tnaqqis ta’ 3 % fuq l-ammont tal-pagamenti diretti li kellhom jingħatawlha għas-sena 2018, minħabba nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità, għaliex hija kienet użat prodott għall-protezzjoni tal-pjanti mhux awtorizzat.

28

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Awwissu 2019, il-Ministru ċaħad bħala infondat l-ilment imressaq minn R. en R. kontra dan it-tnaqqis. F’din id-deċiżjoni, l-aġir inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie analizzat bħala każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar il-kundizzjonalità, minħabba li l-użu ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti mhux awtorizzat jaqa’ taħt ir-RSĠ 10, li jirreferi għall-ewwel paragrafu u għall-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1107/2009.

29

R. en R. tikkontesta l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

30

Quddiem dik il-qorti, R. en R. ma tikkontestax li użat prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li ma kienx għadu awtorizzat, iżda ssostni li dan ma jikkostitwixxix ksur tal-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1107/2009, peress li dan l-artikolu jipprovdi biss li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandhom ikunu s-suġġett ta’ “użu xieraq”. R. en R. issostni li l-użu ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti mhux awtorizzat jikkostitwixxi ksur, mhux tal-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1107/2009, iżda tal-Artikolu 28 tiegħu, li jipprovdi li prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jista’ jitqiegħed fis-suq jew jintuża biss jekk ikun ġie awtorizzat. Issa, peress li dan l-Artikolu 28 ma huwiex imsemmi fl-Anness II tar-Regolament Nru 1306/2013, il-ksur tiegħu ma jikkostitwixxix ksur tar-regoli dwar il-kundizzjonalità. Konsegwentement, quddiem il-qorti tar-rinviju, R. en R. ssostni li l-Ministru żbalja meta kkonkluda li kien hemm ksur tar-RSĠ 10, b’tali mod li ma kienx kompetenti sabiex jimponi tnaqqis ta’ 3 % fuq l-ammont tal-pagamenti diretti li kellu jingħatalha għas-sena 2018, minħabba nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar il-kundizzjonalità.

31

Skont il-qorti tar-rinviju, minn interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1107/2009, li jsir riferiment għalih mir-RSĠ 10, jirriżulta li dan l-artikolu ma jkoprix is-sitwazzjoni li fiha jintuża prodott għall-protezzjoni tal-pjanti mhux awtorizzat. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva li tali interpretazzjoni twassal għall-konsegwenza “kurjuża u forsi mhux mixtieqa” li, f’sitwazzjoni fejn bidwi jkun uża prodott għall-protezzjoni tal-pjanti mhux awtorizzat, l-ebda tnaqqis minħabba nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar il-kundizzjonalità ma jista’ jiġi impost fuqu, filwaqt li dan ikun possibbli fil-każ ta’ użu mhux xieraq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzat.

32

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar in-natura konċiljabbli tal-interpretazzjoni esposta fil-punt preċedenti mal-għanijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti kif ukoll tal-ambjent, segwiti permezz tar-Regolamenti Nri 1306/2013 u 1107/2009.

33

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll, essenzjalment, dwar ir-raġunijiet li mmotivaw l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 1107/2009, li jipprevedi li r-riferimenti magħmula f’testi leġiżlattivi Komunitarji oħra għall-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/414 għandhom jinftiehmu bħala li saru biss għall-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1107/2009 u mhux, ukoll, għall-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament.

34

Huwa f’dan il-kuntest li l-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għal Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Ir-[RSĠ 10], li jirreferi għall-[ewwel paragrafu u għall-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu] tal-Artikolu 55 tar-[Regolament Nru 1107/2009], għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll is-sitwazzjoni fejn l-użu ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti […] ma ġiex awtorizzat fl-Istat Membru kkonċernat skont dan ir-regolament imsemmi l-aħħar”?

Fuq id‑domanda preliminari

35

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-RSĠ 10, li jirreferi għall-ewwel paragrafu u għall-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1107/2009, għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll l-użu ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li ma huwiex jew ma għadux awtorizzat fl-Istat Membru kkonċernat, u, f’dan l-aħħar każ, li d-data ta’ skadenza ta’ użu tiegħu għaddiet.

36

Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, Ursa Major Services, C‑814/18, EU:C:2020:27, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, skont il-qorti tar-rinviju, ma huwiex ikkontestat bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li l-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti kkonċernat kienet skadiet fit‑30 ta’ Jannar 2016 u li, waqt l-użu ta’ dan il-prodott mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, id-data ta’ skadenza għall-użu ta’ dan tal-aħħar, stabbilita għat‑30 ta’ Jannar 2017, kienet ukoll għaddiet.

38

Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, skont il-premessa 35 tar-Regolament Nru 1107/2009, “użu xieraq” ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jikkorrispondi għal użu “skont l-awtorizzazzjoni mogħtija lilhom”.

39

F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “użu xieraq”, kif użat fl-ewwel paragrafu u fl-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1107/2009, għandu jinftiehem, f’dak li jirrigwarda l-ewwel komponent tiegħu, bħala li jirreferi għall-Artikolu 28(1) ta’ dan ir-regolament, li jipprevedi li prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jista’ jiġi “użat” biss jekk ikun ġie “awtorizzat” fl-Istat Membru kkonċernat.

40

Barra minn hekk, mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 jirriżulta li l-perijodu ta’ awtorizzazzjoni huwa ddefinit fl-att ta’ awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, u mill-Artikolu 46 ta’ dan ir-regolament li l-irtirar, il-modifika jew l-iskadenza ta’ awtorizzazzjoni jistgħu jkunu akkumpanjati minn perijodu ta’ grazzja, b’mod partikolari, għall-użu tal-istokkijiet eżistenti.

41

Minn dan isegwi li l-“użu xieraq” li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandhom ikunu s-suġġett tiegħu, konformement mal-ewwel paragrafu u mal-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1107/2009, jippreżupponi użu kopert, kemm ratione materiae kif ukoll ratione temporis, minn awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 28(1) ta’ dan ir-regolament u li jkollha effett skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 32(1) tal-imsemmi regolament u, jekk ikun il-każ, tal-Artikolu 46 tiegħu.

42

Fit-tieni lok, l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 jipprovdi li dan tal-aħħar jistabbilixxi r-regoli li japplikaw għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ppreżentati fil-forma kummerċjali tagħhom kif ukoll, b’mod partikolari, l-użu tagħhom u l-kontroll tagħhom ġewwa l-Komunità Ewropea. L-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-imsemmi regolament huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent.

43

Kif ġie espost fil-premessa 24 tar-Regolament Nru 1107/2009, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet għandhom jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent. Huwa dan l-għan li, skont il-premessa 35 tal-istess regolament, huwa segwit permezz tal-użu xieraq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, skont il-kundizzjonijiet iddefiniti fl-awtorizzazzjoni tagħhom. Għandu jitfakkar, f’dan il-kuntest, li, skont l-Anness II tar-Regolament Nru 1306/2013, ir-RSĠ 10 dwar l-osservanza tal-ewwel paragrafu u tal-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1107/2009, huwa intiż preċiżament sabiex jipproteġi s-saħħa pubblika, is-saħħa tal-annimali u s-saħħa veġetali. Ir-RSĠ 10 jagħmel għalhekk parti mir-regoli bażiċi tal-PAK fil-qasam tas-saħħa pubblika, tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa tal-pjanti integrati fis-sistema ta’ kundizzjonalità, li l-osservanza tagħhom hija kundizzjoni għall-pagament sħiħ lill-benefiċjarji ta’ ċerta għajnuna skont il-PAK, konformement mal-premessi 53 u 54 tar-Regolament Nru 1306/2013.

44

Għalhekk, interpretazzjoni li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-RSĠ 10 l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li ma humiex awtorizzati fl-Istat Membru kkonċernat, jew li ma għadhomx awtorizzati hemmhekk u li d-data ta’ skadenza tal-użu tagħhom tkun għaddiet, tmur kontra l-għan tal-prinċipju ta’ kundizzjonalità li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali, tal-pjanti, u tal-ambjent. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tkun timplika li benefiċjarju li juża prodott għall-protezzjoni tal-pjanti mhux awtorizzat ma tiġix imposta fuqu sanzjoni amministrattiva ta’ tnaqqis tal-ammont tal-pagamenti diretti, filwaqt li benefiċjarju li juża prodott għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzat, iżda bi ksur tal-kundizzjonijiet marbuta miegħu, tiġi imposta fuqu, min-naħa tiegħu, tali sanzjoni. Prodott għall-protezzjoni tal-pjanti mhux awtorizzat jiġi għalhekk eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kundizzjonalità tal-PAK, u dan huwa inkompatibbli mal-għanijiet tagħha.

45

Minn dan isegwi li l-użu ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li ma huwiex awtorizzat, jew li l-awtorizzazzjoni tiegħu u, jekk ikun il-każ, id-data ta’ skadenza għall-użu tiegħu, ikunu skadew, jikkostitwixxi każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-RSĠ 10, li jagħmel parti mill-Anness II tar-Regolament Nru 1306/2013, intitolat “Regoli dwar il-Kondizzjonalità skont l-Artikolu 93”, li jwassal għal sanzjoni amministrattiva skont l-Artikoli 91 u 99 tar-Regolament Nru 1306/2013.

46

Din il-konklużjoni ma hijiex affettwata mill-fatt li, skont l-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 1107/2009, ir-riferimenti, f’testi leġiżlattivi oħra, bħar-Regolament Nru 1782/2003, għall-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/414, għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1107/2009 u mhux għall-Artikolu 28 ta’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 91/414 stabbilixxa l-obbligu għall-Istati Membri li jistabbilixxu li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ma jistgħux jitqiegħdu fis-suq u jintużaw fit-territorju tagħhom ħlief meta jkunu ġew awtorizzati. Din id-dispożizzjoni tikkorrispondi għall-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1107/2009. L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 91/414, min-naħa tiegħu, stabbilixxa l-obbligu għall-Istati Membri li jistabbilixxu li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandhom ikunu s-suġġett ta’ użu xieraq, u jikkorrispondi għall-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1107/2009. Issa, għar-raġunijiet esposti fil-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza, l-osservanza tal-ewwel paragrafu u tal-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1107/2009 tippreżupponi li l-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti użat jibbenefika minn awtorizzazzjoni fis-seħħ skont l-Artikoli 28 u 32 tiegħu. Konsegwentement, l-ebda riferiment espliċitu għall-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1107/2009 ma kien neċessarju fl-Artikolu 83 ta’ dan ir-regolament.

47

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li r-RSĠ 10, li jirreferi għall-ewwel paragrafu u għall-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1107/2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll l-użu ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li ma huwiex jew ma għadux awtorizzat fl-Istat Membru kkonċernat u, f’dan l-aħħar każ, li d-data ta’ skadenza ta’ użu tiegħu tkun għaddiet.

Fuq l‑ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ir-rekwiżit statutorju ta’ ġestjoni 10, kif previst kif previst fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008, sa fejn jirreferi għall-ewwel paragrafu u għall-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 55 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll l-użu ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li ma huwiex jew ma għadux awtorizzat fl-Istat Membru kkonċernat u, f’dan l-aħħar każ, li d-data ta’ skadenza ta’ użu tiegħu tkun għaddiet.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top