This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CJ0164
Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 13 October 2022.#SIA 'Baltijas Starptautiskā Akadēmija' and SIA 'Stockholm School of Economics in Riga' v Latvijas Zinātnes padome.#Requests for a preliminary ruling from the Administratīvā rajona tiesa and Administratīvā apgabaltiesa.#References for a preliminary ruling – Regulation (EU) No 651/2014 – Point 83 of Article 2 – Direct and unconditional reference to EU law – Admissibility of the questions – Research and development and innovation aid – Concept of ‘research and knowledge-dissemination organisation’ – Higher education establishment carrying on economic and non-economic activities – Determination of the primary goal.#Joined Cases C-164/21 and C-318/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-13 ta’ Ottubru 2022.
SIA "BALTIJAS STARPTAUTISKĀ AKADĒMIJA" vs Latvijas Zinātnes padome.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Administratīvā rajona tiesa.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 651/2014 – Punt 83 tal-Artikolu 2 – Riferiment dirett u inkundizzjonat għad-dritt tal-Unjoni – Ammissibbiltà tad-domandi – Għajnuna għar-riċerka, għall-iżvilupp u għall-innovazzjoni – Kunċett ta’ ‘organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien’ – Istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla li teżerċita attivitajiet ekonomiċi u mhux ekonomiċi – Determinazzjoni tal-iskop ewlieni.
Kawża C-164/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-13 ta’ Ottubru 2022.
SIA "BALTIJAS STARPTAUTISKĀ AKADĒMIJA" vs Latvijas Zinātnes padome.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Administratīvā rajona tiesa.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 651/2014 – Punt 83 tal-Artikolu 2 – Riferiment dirett u inkundizzjonat għad-dritt tal-Unjoni – Ammissibbiltà tad-domandi – Għajnuna għar-riċerka, għall-iżvilupp u għall-innovazzjoni – Kunċett ta’ ‘organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien’ – Istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla li teżerċita attivitajiet ekonomiċi u mhux ekonomiċi – Determinazzjoni tal-iskop ewlieni.
Kawża C-164/21.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:785
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
13 ta’ Ottubru 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 651/2014 – Punt 83 tal-Artikolu 2 – Riferiment dirett u inkundizzjonat għad-dritt tal-Unjoni – Ammissibbiltà tad-domandi – Għajnuna għar-riċerka, għall-iżvilupp u għall-innovazzjoni – Kunċett ta’ ‘organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien’ – Istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla li teżerċita attivitajiet ekonomiċi u mhux ekonomiċi – Determinazzjoni tal-iskop ewlieni”
Fil-Kawżi magħquda C‑164/21 u C‑318/21,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja) (C‑164/21) u mill-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja) (C‑318/21), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑12 ta’ Marzu 2021 u tal‑11 ta’ Mejju 2021, li waslu rispettivament fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Marzu 2021 u fil‑21 ta’ Mejju 2021, fil-proċeduri
“Baltijas Starptautiskā Akadēmija” SIA (C‑164/21),
“Stockholm School of Economics in Riga” SIA (C‑318/21)
vs
Latvijas Zinātnes padome,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, L. S. Rossi, J.‑C. Bonichot, S. Rodin u O. Spineanu-Matei (Relatriċi), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal “Baltijas Starptautiskā Akadēmija” SIA, minn I. Cvetkova, |
– |
għal “Stockholm School of Economics in Riga” SIA, minn E. Balode-Buraka, D. Driče u L. Rasnačs, advokāti, |
– |
għall-Gvern Latvjan, minn J. Davidoviča, I. Hūna u K. Pommere, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. Bulterman, M. Gijzen, J. Hoogveld u J. Langer, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Arenas, C. Kovács u A. Sauka, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat‑28 ta’ April 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas‑17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 [TFUE] (ĠU 2014, L 187, p. 1). |
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, “Baltijas Starptautiskā Akadēmija” SIA (iktar ’il quddiem “BSA”) u “Stockholm School of Economics in Riga” SIA (iktar ’il quddiem “SSE”), istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla rregolati mid-dritt privat, u, min-naħa l-oħra, il-Latvijas Zinātnes padome (il-Kunsill Latvjan tax-Xjenza, il-Latvja) dwar iċ-ċaħda tat-talbiet ta’ finanzjament ta’ proġetti mressqa minn dawn l-istituzzjonijiet fil-kuntest ta’ sejħiet għal proġetti ta’ riċerka fundamentali u applikata mnedija mill-Kunsill Latvjan tax-Xjenza. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Ir‑Regolament Nru 651/2014
3 |
Il-premessi 45, 47, 48 u 49 tar-Regolament Nru 651/2014 huma fformulati kif ġej:
[…]
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jgħid, fil-paragrafu 1 tiegħu, li: “Dan ir-Regolament japplika għall-kategoriji ta’ għajnuna li ġejjin: […]
[…]” |
5 |
L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi li: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […] Definizzjonijiet għal Għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni 83. ‘organizzazzjoni ta’ riċerka u tixrid tal-għarfien’ tfisser entità (bħal universitajiet jew istituti ta’ riċerka, aġenziji tat-trasferiment tat-teknoloġija, intermedjarji ta’ innovazzjoni, entitajiet kollaborattivi fiżiċi u/jew virtwali orjentati lejn ir-riċerka), ikun xi jkun l-istat legali tagħha (organizzata skont il-liġi pubblika jew privata) jew il-mod ta’ finanzjament, li l-iskop ewlieni tagħha jkun li twettaq riċerka fundamentali, riċerka industrijali jew żvilupp sperimentali jew li xxerred b’mod wiesa’ r-riżultati ta’ attivitajiet bħal dawn permezz tat-tagħlim, il-pubblikazzjoni jew it-trasferiment tal-għarfien. Meta din l-entità tiżvolġi wkoll attivitajiet ekonomiċi, il-finanzjament, l-ispejjeż u d-dħul ta’ dawn l-attivitajiet ekonomiċi jridu jitqiesu b’mod separat. L-intrapriżi li jistgħu jeżerċitaw influwenza fuq entità bħal din, pereżempju fil-kapacità tagħhom bħala azzjonisti jew membri, jaf ma jgawdu l-ebda aċċess preferenzjali għar-riżultati ġġenerati minnha[.]” |
Il‑Komunikazzjoni tal‑Kummissjoni tal‑2014
6 |
Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea intitolata “Qafas għall-għajnuna mill-istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni” (ĠU 2014, C 198, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal‑2014”), tipprevedi, fil-punti 17, 19 sa 20 tagħha, li:
[…]
|
Id‑dritt Latvjan
7 |
Id-Digriet Nru 725 tal-Kunsill tal-Ministri tat‑12 ta’ Diċembru 2017 (Latvijas Vēstnesis, 2017, Nru 248), intitolat “Fundamentālo un lietišķo pētījumu projektu izvērtēšanas un finansējuma administrēšanas kārtība” (proċeduri għall-evalwazzjoni tal-proġetti ta’ riċerka fundamentali u applikata u l-modalitajiet tal-amministrazzjoni tal-finanzjament tagħhom), jistabbilixxi, fil-punt 2.7 tiegħu, li: “[L]-offerent għandu jkun istituzzjoni xjentifika mniżżla fir-reġistru tal-istituzzjonijiet xjentifiċi li, indipendentement mill-istatus legali tagħha (irregolata mid-dritt pubbliku jew mid-dritt privat) jew mill-mod ta’ finanzjament tagħha skont id-dispożizzjonijiet regolamentari li jirregolaw l-attivitajiet tagħha (statuti, regolament intern, att kostituttiv), teżerċita attivitajiet prinċipali ta’ natura mhux ekonomika u li tikkorrispondi għad-definizzjoni ta’ organu ta’ riċerka li tinsab fil-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-[Regolament Nru 651/2014].” |
8 |
Skont il-punt 6 tad-Digriet Nru 725: “L-offerent għandu jimplimenta proġett li ma għandux rabta mal-attività ekonomika tiegħu. Huwa għandu jissepara b’mod ċar l-attivitajiet prinċipali li ma humiex ta’ natura ekonomika (u l-flussi finanzjarji korrispondenti) mill-attivitajiet li jitqiesu li huma attivitajiet ekonomiċi. L-attivitajiet eżerċitati f’isem negozjant, il-kiri ta’ infrastrutturi ta’ riċerka u s-servizzi ta’ konsulenza għandhom jitqiesu li huma attivitajiet ekonomiċi. Meta l-istituzzjoni xjentifika tkun teżerċita wkoll attivitajiet ekonomiċi oħra li ma jikkorrispondux mal-attivitajiet prinċipali li ma humiex ta’ natura ekonomika, hija għandha tissepara l-attivitajiet prinċipali tagħha u l-flussi finanzjarji korrispondenti mill-attivitajiet l-oħra tagħha u mill-flussi finanzjarji assoċjati ma’ dawn tal-aħħar.” |
9 |
Il-punt 12.5 tad-Digriet Nru 725 jistabbilixxi li: “Il-[Kunsill Latvjan tax-Xjenza] għandu jevalwa l-konformità tal-proposta għal proġett mal-kriterji ta’ ammissibbiltà amministrattiva li ġejjin: il-proġett ser jiġi implimentat f’istituzzjoni xjentifika li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan id-digriet.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
10 |
Fiż-żewġ kawżi mressqa quddiem il-qrati tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla rregolati mid-dritt privat li wieġbu għal żewġ sejħiet għal proġetti distinti mnedija, matul is-snin 2019 u 2020, mill-Kunsill Latvjan tax-Xjenza għall-finanzjament ta’ proġetti ta’ riċerka. |
11 |
Il-Kunsill Latvjan tax-Xjenza huwa awtorità amministrattiva taħt il-kontroll tal-Ministru għall-Edukazzjoni u għax-Xjenza, li l-għan tagħha huwa li timplimenta l-politika nazzjonali ta’ żvilupp xjentifiku u teknoloġiku billi tiżgura l-għarfien espert, l-implimentazzjoni u s-sorveljanza ta’ programmi u ta’ proġetti ta’ riċerka xjentifika li huma ffinanzjati mill-baġit tal-Istat, mill-Fondi strutturali tal-Unjoni Ewropea u minn strumenti finanzjarji barranin oħra. |
Il‑Kawża C‑164/21
12 |
BSA hija kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita fil-Latvja, li l-attività tagħha tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi ta’ edukazzjoni ogħla ta’ natura akkademika u mhux akkademika. Din hija istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla rrikonoxxuta mill-Istat, li hija, barra minn hekk, imniżżla fir-reġistru tal-istituzzjonijiet xjentifiċi. |
13 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Jannar 2020, il-Kunsill Latvjan tax-Xjenza approva r-regolament li jirregola s-sejħa ġenerali għal proġetti ta’ riċerka fundamentali u applikata għall‑2020, li fil-kuntest tiegħu l-BSA ssottomettiet proposta għal proġett. |
14 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ April 2020, il-Kunsill Latvjan tax-Xjenza ċaħad il-proposta għal proġett ta’ BSA bħala ineliġibbli għal finanzjament, minħabba li din ma setgħetx titqies bħala istituzzjoni xjentifika, fis-sens tad-Digriet Nru 725, peress li ma kinitx tissodisfa d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien” li tinsab fil-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014. |
15 |
B’mod iktar preċiż, il-Kunsill Latvjan tax-Xjenza indika li d-dokumenti ppreżentati minn BSA ma kien fihom ebda informazzjoni li tippermetti li jsir magħruf jekk it-twettiq ta’ riċerki indipendenti kienx jikkostitwixxi l-attività prinċipali tagħha. F’dan ir-rigward, huwa rrileva li, għall‑2019, 84 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha kien ikkostitwit minn spejjeż skolastiċi li, fid-dawl tat-tip ta’ attività ta’ BSA (kumpannija b’responsabbiltà limitata li l-iskop prinċipali tagħha huwa li tagħmel profitt), kienu jikkostitwixxu attività ekonomika. Konsegwentement, il-Kunsill Latvjan tax-Xjenza kkonkluda li l-attività prinċipali ta’ BSA kellha titqies li hija ta’ natura kummerċjali. |
16 |
Il-Kunsill Latvjan tax-Xjenza qies ukoll li d-dokumenti ppreżentati minn BSA ma kienx fihom biżżejjed indikazzjonijiet dwar il-fatt li l-impriżi li jistgħu jeżerċitaw influwenza fuqha, pereżempju fil-kapaċità tagħhom ta’ azzjonist jew ta’ soċju, ma setgħu jibbenefikaw minn ebda aċċess privileġġat għall-kapaċitajiet ta’ riċerka tagħha u lanqas għar-riżultati ta’ riċerka li hija tipproduċi. Konsegwentement, il-Kunsill Latvjan tax-Xjenza qies li BSA ma setgħetx tiggarantixxi li l-implimentazzjoni tal-proġett u l-użu tal-parti ta’ finanzjament tagħha jkunu konformi mal-punt 6 tad-Digriet Nru 725, li jirrikjedi li l-offerent jimplimenta proġett mingħajr rabta mal-attività ekonomika tiegħu u jissepara b’mod ċar l-attivitajiet prinċipali li ma humiex ta’ natura ekonomika (u l-flussi finanzjarji korrispondenti) mill-attivitajiet li jitqiesu li jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi. |
17 |
BSA kkontestat id-deċiżjoni ta’ rifjut tal-Kunsill Latvjan tax-Xjenza quddiem l-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja), fejn sostniet li r-riċerka indipendenti tikkostitwixxi l-attività prinċipali tagħha. Skont BSA, la r-Regolament Nru 651/2014 u lanqas ir-regolament li jirregola s-sejħa ma jistipulaw li offerent ma jistax jeżerċita attivitajiet ekonomiċi u jagħmel profitt minnhom, u lanqas ma jistabbilixxu liema proporzjon ta’ attivitajiet għandu jkun ekonomiku u liema proporzjon għandu jkun mhux ekonomiku. BSA ssostni wkoll li hija tissepara b’mod ċar l-attivitajiet prinċipali ta’ natura mhux ekonomika minn dawk li huma ekonomiċi, kif ukoll il-flussi finanzjarji korrispondenti. |
18 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, għaldaqstant, dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kunċett ta’ “organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien”, fis-sens tal-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014, li għalih tirreferi l-leġiżlazzjoni Latvjana, u dwar il-kriterji għall-klassifikazzjoni ta’ tali organizzazzjoni. |
19 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administratīvā rajona tiesa, (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Il‑Kawża C‑318/21
20 |
SSE hija kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita fil-Latvja, li għandha bħala għan, b’mod partikolari, l-iżvilupp xjentifiku u li waħda mill-missjonijiet tagħha tikkonsisti fir-riċerka fundamentali u applikata fix-xjenzi ekonomiċi. Hija tipprovdi wkoll edukazzjoni ogħla universitarja u professjonali. L-uniku soċju tagħha huwa l-fondazzjoni Rīgas Ekonomikas augstskola – Stockholm School of Economics in Riga, li hija mniżżla fir-reġistru tal-assoċjazzjonijiet u tal-fondazzjonijiet. |
21 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Mejju 2019, il-Kunsill Latvjan tax-Xjenza approva r-regolament li jirregola s-sejħa ġenerali għal proġetti ta’ riċerka fundamentali u applikata għall‑2019, li fil-kuntest tiegħu SSE ssottomettiet proposta għal proġett. |
22 |
Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2019, il-Kunsill Latvjan tax-Xjenza ċaħad il-proposta għal proġett ta’ SSE bħala ineliġibbli għal finanzjament, minħabba li din ma setgħetx titqies bħala istituzzjoni xjentifika, fis-sens tad-Digriet Nru 725, peress li ma kinitx tissodisfa d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien” li tinsab fil-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014. |
23 |
Din id-deċiżjoni kienet ibbażata prinċipalment fuq il-fatt li mill-proposta għal proġett ta’ SSE kien jirriżulta li, matul is-sena 2018, il-proporzjon tad-dħul mill-bejgħ tal-attivitajiet mhux ekonomiċi ta’ SSE meta mqabbel ma’ dak tal-attivitajiet ekonomiċi tagħha kien ta’ 34 % kontra 66 %. |
24 |
Il-Kunsill Latvjan tax-Xjenza kkonkluda minn dan li l-attività prinċipali ta’ SSE kienet ta’ natura kummerċjali u li ma setax jitqies li l-iskop ewlieni tagħha kien li teżerċita, b’indipendenza sħiħa, riċerka fundamentali, riċerka industrijali jew żvilupp sperimentali, jew li xxerred b’mod wiesa’ r-riżultati ta’ attivitajiet bħal dawn permezz tat-tagħlim, tal-pubblikazzjoni jew tat-trasferiment tal-għarfien. Huwa qies ukoll li d-dokumenti ppreżentati minn SSE lanqas ma kien fihom informazzjoni li tindika li d-dħul kollu ta’ SSE mill-attività prinċipali tagħha kien ser jiġi investit mill-ġdid f’din l-attività. |
25 |
SSE kkontestat id-deċiżjoni ta’ rifjut tal-Kunsill Latvjan tax-Xjenza quddiem l-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali), billi sostniet b’mod partikolari li hija kienet tissodisfa r-rekwiżiti imposti mid-Digriet Nru 725 peress li kienet imniżżla fir-reġistru tal-istituzzjonijiet xjentifiċi u li l-attività prinċipali tagħha kienet ta’ natura mhux ekonomika. F’dan ir-rigward, SSE ppreżentat dokumenti li juru li l-flussi finanzjarji ġġenerati mill-attività prinċipali tagħha kienu separati mill-attivitajiet ekonomiċi u li l-profitti mill-attivitajiet ekonomiċi tagħha kienu investiti mill-ġdid fl-attività prinċipali tal-istituzzjoni ta’ riċerka. |
26 |
Permezz ta’ sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2020, l-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali) ċaħdet ir-rikors ta’ SSE. Filwaqt li ammettiet li l-attività xjentifika kienet tikkostitwixxi wieħed mill-oqsma ta’ attività ta’ SSE, din il-qorti rrilevat li r-rapport fuq id-dħul mill-bejgħ għas-sena 2018 kien jindika li l-attivitajiet ekonomiċi ta’ SSE kienu jirrappreżentaw proporzjon ikbar tad-dħul u tal-ispejjeż minn dawk tal-attivitajiet mhux ekonomiċi tagħha. Minn dan hija ddeduċiet li SSE ma kinitx istituzzjoni xjentifika eliġibbli sabiex tirċievi finanzjament mill-Istat għar-riċerka fundamentali u applikata. |
27 |
SSE appellat minn din is-sentenza quddiem l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja). |
28 |
Din għandha dubji dwar l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kunsill Latvjan tax-Xjenza u mill-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali). Hija tqis li, kieku kellhom jiġu approvati l-kriterji stabbiliti minnhom għall-għoti ta’ għajnuna lil istituzzjoni xjentifika, liema kriterji jgħidu li d-dħul u l-ispejjeż marbuta mal-attivitajiet ekonomiċi tagħha għandhom ikunu inqas minn dawk tal-attivitajiet mhux ekonomiċi, l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla privati ma jkunux jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna pubblika favur ir-riċerka, li joħloq differenza fit-trattament għad-detriment tagħhom. |
29 |
L-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) hija tal-opinjoni li r-Regolament Nru 651/2014 ma jistabbilixxix b’mod ċar jekk huwiex iġġustifikat, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ entità bħala “organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien”, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-proporzjon rispettiv tad-dħul u tal-ispejjeż ta’ din l-entità mill-attivitajiet ekonomiċi u mhux ekonomiċi tagħha. |
30 |
Hija tqis li s-soluzzjoni tal-kawża quddiemha tiddependi mill-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014. |
31 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
32 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, J & S Service, C‑620/19, EU:C:2020:1011, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
33 |
Id-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu għalhekk minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ liġi jew ta’ fatt meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Tiketa, C‑536/20, EU:C:2022:112, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
34 |
F’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tiġi mistoqsija dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien”. Madankollu huwa fil-kuntest ta’ tilwim dwar l-applikazzjoni tad-Digriet Nru 725 u dwar l-għoti ta’ finanzjamenti pubbliċi għar-riċerka fundamentali u applikata mill-Kunsill Latvjan tax-Xjenza li l-qrati tar-rinviju ressqu t-talbiet tagħhom għal deċiżjoni preliminari. Kif jesponu dawn il-qrati, il-punt 2.7 tad-Digriet Nru 725 jirreferi, b’mod ċar u inkundizzjonat, għall-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014 u jispeċifika li, sabiex ikunu eliġibbli għall-finanzjamenti pubbliċi ta’ riċerka fundamentali tal-Kunsill Latvjan tax-Xjenza, l-offerenti ta’ proġett għandhom jissodisfaw id-definizzjoni ta’organizzazzjoni ta’ riċerka kif prevista fil-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014. Peress li, kif spjegaw b’mod suffiċjenti l-imsemmija qrati, is-soluzzjoni tat-tilwim fil-kawża prinċipali tiddependi mill-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 651/2014, ir-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari magħmula jidhru neċessarji għall-qrati tar-rinviju sabiex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu s-sentenza tagħhom. |
35 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet bħala ammissibbli talbiet għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li fihom il-fatti fil-kawża prinċipali kienu jinsabu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt, iżda li fihom dawn id-dispożizzjonijiet kienu, mingħajr bidla fl-għan tagħhom jew fil-portata tagħhom, saru applikabbli mid-dritt nazzjonali minħabba riferiment dirett u inkundizzjonat minn dan tal-aħħar għall-kontenut tagħhom. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod kostanti li, f’dan it-tip ta’ sitwazzjonijiet, huwa fl-interess manifest tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni li, sabiex jiġu evitati diverġenzi ta’ interpretazzjoni fil-futur, id-dispożizzjonijiet meħuda mid-dritt tal-Unjoni jiġu interpretati b’mod uniformi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi, C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punti 36 u 37; tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Belgische Staat, C‑469/18 u C‑470/18, EU:C:2019:895, punti 21 sa 23 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑10 ta’ Diċembru 2020, J & S Service, C‑620/19, EU:C:2020:1011, punti 34, 44 u 45). |
36 |
Mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, billi rreferew, fil-punt 2.7 tad-Digriet Nru 725, b’mod dirett u inkundizzjonat għall-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014 fil-kuntest tad-definizzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-finanzjamenti pubbliċi tar-riċerka fundamentali, l-awtoritajiet Latvjani riedu jiggarantixxu l-konkordanza bejn id-dritt nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni rilevanti u jiżguraw il-kompatibbiltà tas-sistema tagħhom ta’ finanzjament pubbliku tar-riċerka fundamentali mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, b’tali mod li l-imsemmi riferiment la ma jbiddel l-għan u lanqas il-portata ta’ din id-dispożizzjoni. |
37 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel sar-raba’ domanda magħmula f’kull waħda minn dawn il-kawżi, sa fejn dawn jirrigwardaw l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014. |
38 |
Madankollu, għal dak li jirrigwarda l-ħames domanda fil-Kawża C‑164/21, dwar ir-rilevanza tal-oriġini tal-istudenti li entità tilqa’ u tat-tip ta’ tagħlim li hija tagħti bħala kriterji għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħha bħala organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien, għandu jiġi kkonstatat li din hija ta’ natura ipotetika peress li l-qorti tar-rinviju ma tesponix b’livell suffiċjenti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni r-raġunijiet li wassluha sabiex tagħmel din id-domanda u sa fejn hija meħtieġa risposta għall-imsemmija domanda sabiex tiddeċiedi dwar it-tilwima li biha hija adita. |
39 |
Fil-fatt, it-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑164/21 ma tindikax kif il-kriterji li għalihom tirreferi din id-domanda huma rilevanti fil-kuntest tal-kawża prinċipali, pereżempju sa fejn huma jikkostitwixxu l-bażi tad-deċiżjoni tal-Kunsill Latvjan tax-Xjenza jew sa fejn ġew invokati minn BSA fil-kuntest tar-rikors tagħha quddiem il-qorti tar-rinviju. Għaldaqstant, il-ħames domanda fil-Kawża C‑164/21 għandha tiġi ddikjarata inammissibbli. |
Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda fil‑Kawża C‑164/21 kif ukoll fuq l‑ewwel sat‑tielet domanda fil‑Kawża C‑318/21
40 |
Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda fil-Kawża C‑164/21, kif ukoll permezz tal-ewwel sat-tielet domanda fil-Kawża C‑318/21, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk il-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li entità rregolata mid-dritt privat li teżerċita diversi attivitajiet, fosthom ir-riċerka, iżda li l-parti l-kbira tad-dħul tagħha ġejja minn attivitajiet ekonomiċi, bħall-provvista ta’ servizzi ta’ tagħlim bi ħlas, tistax titqies bħala “organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
41 |
B’dan il-mod, il-qrati tar-rinviju jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kunċett ta’ “organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien”, kif iddefinit fil-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014, u dwar il-kriterji għall-identifikazzjoni ta’ tali organu. |
42 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss kliemha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħha parti minnha (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u BĊE vs Il-Latvja, C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
Il-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014 jiddefinixxi l-organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien bħala “entità (bħal universitajiet jew istituti ta’ riċerka, aġenziji tat-trasferiment tat-teknoloġija, intermedjarji ta’ innovazzjoni, entitajiet kollaborattivi fiżiċi u/jew virtwali orjentati lejn ir-riċerka), ikun xi jkun l-istat legali tagħha (organizzata skont il-liġi pubblika jew privata) jew il-mod ta’ finanzjament, li l-iskop ewlieni tagħha jkun li twettaq riċerka fundamentali, riċerka industrijali jew żvilupp sperimentali jew li xxerred b’mod wiesa’ r-riżultati ta’ attivitajiet bħal dawn permezz tat-tagħlim, il-pubblikazzjoni jew it-trasferiment tal-għarfien”. |
44 |
Din id-dispożizzjoni tippreċiża, barra minn hekk, li, meta tali entità teżerċita wkoll attivitajiet ekonomiċi, il-finanzjament, l-ispejjeż u d-dħul ta’ dawn l-attivitajiet ekonomiċi jridu jitqiesu b’mod separat. Hija tipprovdi wkoll li l-impriżi li jistgħu jeżerċitaw influwenza determinanti fuq tali entità, pereżempju fil-kapaċità tagħhom ta’ azzjonist jew ta’ soċju, ma jistgħux jibbenefikaw minn aċċess privileġġat għar-riżultati li hija tipproduċi. |
45 |
Minn interpretazzjoni letterali tal-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014 jirriżulta li l-kriterju ċentrali għall-klassifikazzjoni ta’ organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien huwa l-iskop ewlieni tagħha, li għandu jikkonsisti jew fl-eżerċizzju, b’indipendenza sħiħa, tal-attivitajiet ta’ riċerka fundamentali, ta’ riċerka industrijali jew ta’ żvilupp sperimentali, jew fit-tixrid wiesa’ tar-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet permezz ta’ tagħlim, ta’ pubblikazzjonijiet jew ta’ trasferimenti ta’ għarfien. |
46 |
L-ewwel, għal dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ “skop ewlieni”, għandu jiġi kkonstatat li dan ma huwiex iddefinit mir-Regolament Nru 651/2014. Għaldaqstant, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddetermina t-tifsira u l-portata tagħha b’mod konformi mat-tifsira normali tagħha fil-lingwaġġ ta’ kuljum (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2020, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Reġistrazzjoni tal-baħħara fil-port ta’ Rotterdam), C‑341/18, EU:C:2020:76, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-lingwaġġ, l-iskop ta’ entità jagħmel riferiment għall-għan li hija tipproponi li tilħaq, u l-aġġettiv “ewlieni” jenfasizza l-importanza superjuri tal-iskop inkwistjoni, u għalhekk il-preċedenza tiegħu fuq kwalunkwe skop ieħor segwit mill-entità. |
47 |
Minn din il-perspettiva, l-użu tal-kunċett ta’ “skop ewlieni” fil-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014 jagħti x’jifhem li organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jista’ jkollha diversi għanijiet u teżerċita tipi differenti ta’ attivitajiet, bil-kundizzjoni li, fost dawn l-għanijiet differenti, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet indipendenti ta’ riċerka jew ta’ tixrid wiesa’ tar-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet jikkostitwixxi l-għan prinċipali, li jkun predominanti meta mqabbel mal-għanijiet l-oħra eventwali mfittxija minn din l-organizzazzjoni. |
48 |
Din l-interpretazzjoni, li tgħid li l-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014 u l-kunċett ta’ “skop ewlieni” li fuqu hija bbażata din id-dispożizzjoni ma jipprekludux li organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfiet teżerċita wkoll attivitajiet oħra, possibbilment ta’ natura ekonomika, bħal attivitajiet ta’ tagħlim bi ħlas, sakemm dawn l-attivitajiet iżommu natura sekondarja, li ma jkunux predominanti meta mqabbla mal-attivitajiet prinċipali, ġeneralment ta’ natura mhux ekonomika, ta’ riċerka indipendenti jew ta’ tixrid tar-riżultati ta’ din ir-riċerka, hija kkorroborata mill-premessa 49 ta’ dan ir-regolament u mill-punt 20 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal‑2014, li minnha jirriżulta li organizzazzjoni ta’ riċerka jew infrastruttura ta’ riċerka tista’ teżerċita fl-istess waqt kemm attivitajiet ekonomiċi kif ukoll attivitajiet mhux ekonomiċi. |
49 |
It-tieni, għal dak li jikkonċerna l-attivitajiet eżerċitati sabiex jintlaħaq l-iskop ewlieni tal-entità, għalkemm il-formulazzjoni tal-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014 u l-użu tal-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni “jew” jagħtu x’jifhem li l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien ma għandhomx neċessarjament iwettqu b’mod kumulattiv attivitajiet ta’ riċerka u ta’ attivitajiet ta’ tixrid tar-riżultati, min-naħa l-oħra, l-espressjoni “r-riżultati ta’ attivitajiet bħal dawn” tippreżumi neċessarjament li l-attivitajiet ta’ tixrid tal-għarfien tal-organizzazzjoni ma jistgħux jirrigwardaw indistintament ir-riżultati ta’ kwalunkwe tip ta’ riċerka, anki mingħajr ebda rabta mal-entità inkwistjoni, iżda għandhom jikkonċernaw, tal-inqas parzjalment, ir-riżultati tal-attivitajiet ta’ riċerka mwettqa mill-entità nnifisha. |
50 |
Minn dawn l-elementi jirriżulta li, sabiex tiġi kklassifikata bħala “organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien”, fis-sens tal-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014, entità għandha teżerċita attivitajiet indipendenti ta’ riċerka, eventwalment ikkompletati minn attivitajiet ta’ tixrid tar-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet ta’ riċerka. |
51 |
Konsegwentement, istituzzjonijiet iddedikati esklużivament għal attivitajiet ta’ tagħlim u ta’ taħriġ li jxerrdu, b’mod ġenerali, l-istat attwali tax-xjenza ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala organizzazzjonijiet ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-għan u mill-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 651/2014, u tal-iskema li dan jistabbilixxi għall-għajnuna għar-riċerka, għall-iżvilupp u għall-innovazzjoni, li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 45, 47 u 48 ta’ dan ir-regolament, ma jistgħux ikollhom bħala għan li jeżentaw l-għajnuna mogħtija lil entitajiet esklużivament iddedikati għat-tagħlim u għat-tixrid ta’ għarfien ġenerali, li bl-ebda mod ma huwa marbut ma’ attivitajiet ta’ riċerka li, mill-bqija, huma ma jeżerċitawx. |
52 |
It-tielet, fir-rigward tal-kriterji li fid-dawl tagħhom il-kundizzjoni essenzjali tal-iskop ewlieni ta’ entità għandha tiġi evalwata għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħha bħala “organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien”, fis-sens tal-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014, għandu qabel kollox jiġi kkonstatat li dawn ma humiex speċifikati fl-imsemmi punt 83 tal-Artikolu 2. Minn dan għandu jiġi dedott li din id-dispożizzjoni tippermetti, sabiex jiġi evalwat l-iskop ewlieni ta’ entità, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterji rilevanti kollha, bħall-qafas regolamentari applikabbli jew l-istatuti tal-entità inkwistjoni. |
53 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tiġi mistoqsija dwar in-natura determinanti tal-istruttura tad-dħul mill-bejgħ ta’ entità u tal-parti rrappreżentata mid-dħul mill-attivitajiet ekonomiċi tagħha, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-iskop ewlieni tagħha. B’mod iktar partikolari, il-qrati tar-rinviju jistaqsu jekk il-fatt li entità tikseb iktar minn nofs id-dħul tagħha minn tali attivitajiet ekonomiċi jimplikax neċessarjament li hija ma tistax tiġi kklassifikata bħala “organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien”, fis-sens tal-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014. |
54 |
Fuq dan il-punt, għandu qabel kollox jiġi kkonstatat li l-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014 ma jistabbilixxi ebda rekwiżit fir-rigward tal-istruttura u tal-oriġini tal-finanzjament tal-attivitajiet tal-entità għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-iskop ewlieni tagħha, u tal-klassifikazzjoni tagħha bħala “organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien”. Din id-dispożizzjoni tippreċiża wkoll li tali klassifikazzjoni għandha ssir mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-mod ta’ finanzjament tal-entità jew l-istatus legali tagħha ta’ dritt pubbliku jew ta’ dritt privat. |
55 |
Sussegwentement, ir-rekwiżit ta’ kontabbiltà separata li jimponi l-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014 jikkonferma li organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien jista’ jeżerċita wkoll attivitajiet ta’ natura ekonomika, li jiġġeneraw dħul. |
56 |
Fl-aħħar nett, kif jenfasizzaw il-Gvern Latvjan u dak tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-kriterju tal-istruttura tad-dħul mill-bejgħ ta’ entità, u tal-parti rispettiva rrappreżentata mid-dħul mill-attivitajiet ekonomiċi ta’ din l-entità u mid-dħul minn attivitajiet, ġeneralment mhux ekonomiċi, ta’ riċerka u ta’ tixrid tar-riżultati tagħha, jista’, jekk jittieħed waħdu, jagħti immaġini distorta tal-attivitajiet reali ta’ entità u tal-iskop primarju tagħha, pereżempju billi tiġi sottovalutata l-importanza reali ta’ attività li tiġġenera biss ftit dħul. |
57 |
Għaldaqstant, għandu jitqies li l-kriterju tal-istruttura tad-dħul mill-bejgħ ta’ entità, u tal-parti rrappreżentata mid-dħul mill-attivitajiet ekonomiċi ta’ din l-entità, ma jistax jintuża bħala l-uniku kriterju determinanti tal-evalwazzjoni tal-iskop ewlieni tal-imsemmija entità għall-finijiet tal-eventwali klassifikazzjoni tagħha bħala organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien. |
58 |
Madankollu, il-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014 ma jipprekludix li dan il-kriterju jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest iktar wiesa’ ta’ analiżi taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, bħala indizju fost oħrajn tal-iskop ewlieni segwit minn entità. |
59 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda fil-Kawża C‑164/21 u għall-ewwel sat-tielet domanda fil-Kawża C‑318/21 hija li l-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li entità rregolata mid-dritt privat li teżerċita diversi attivitajiet, fosthom ir-riċerka, iżda li l-parti l-kbira tad-dħul tagħha tkun ġejja minn attivitajiet ekonomiċi, bħall-provvista ta’ servizzi ta’ tagħlim bi ħlas, tista’ titqies bħala “organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bil-kundizzjoni li jkun jista’ jiġi stabbilit, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ, li l-iskop ewlieni tagħha huwa li teżerċita, b’indipendenza sħiħa, attivitajiet ta’ riċerka fundamentali, ta’ riċerka industrijali jew ta’ żvilupp sperimentali, eventwalment ikkompletati minn attivitajiet ta’ tixrid tar-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet ta’ riċerka, permezz tat-tagħlim, tal-pubblikazzjoni jew tat-trasferiment tal-għarfien. F’dan il-kuntest, ma jistax jiġi rikjest minn tali entità li hija tikseb ċertu proporzjon mid-dħul tagħha minn attivitajiet mhux ekonomiċi ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien. |
Fuq it‑tielet domanda fil‑Kawża C‑164/21
60 |
Permezz tat-tielet domanda fil-Kawża C‑164/21, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa neċessarju, sabiex entità tkun tista’ titqies bħala “organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li din l-entità terġa’ tinvesti mill-ġdid id-dħul iġġenerat mill-attività prinċipali tagħha f’din l-istess attività. |
61 |
Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li l-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014, lil hinn mill-obbligu ta’ kontabbiltà separata tal-finanzjament, tal-ispejjeż u tad-dħul tal-eventwali attivitajiet ekonomiċi li entità teżerċita, ma jimponi, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħha bħala organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien, ebda rekwiżit dwar l-użu, u l-eventwali investiment mill-ġdid, minn din tal-aħħar, tad-dħul tagħha. |
62 |
F’dan ir-rigward, għandu sussegwentement jiġi osservat, kif jagħmlu l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħhom, li tali rekwiżit ta’ investiment mill-ġdid tad-dħul kien jeżisti taħt is-sistema preċedenti tar-Regolament Nru 800/2008, li l-Artikolu 30(1) tiegħu kien jipprovdi, b’mod partikolari, li “il-profitti kollha għandhom jiġu investiti mill-ġdid f’dawn l-attivitajiet [ta’ riċerka], it-tixrid tar-riżultati tagħhom jew it-tagħlim”, u li dan ir-rekwiżit ma ġiex inkluż fir-Regolament Nru 651/2014. |
63 |
Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Latvjan, tali rekwiżit ta’ investiment mill-ġdid ma jistax jiġi dedott mill-punt 19(b) tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal‑2014, li, kuntrarjament għall-punt 19(a) tiegħu, ma għandux l-għan li jikklassifika l-attivitajiet prinċipali tal-organizzazzjonijiet ta’ riċerka, iżda jirrigwarda biss il-klassifikazzjoni tal-attivitajiet ta’ trasferiment tal-għarfien. Huwa biss għall-finijiet li jiġi indikat f’liema kundizzjonijiet dawn l-aħħar attivitajiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala “mhux ekonomiċi” li dan il-punt 19(b) jirreferi għal rekwiżit ta’ investiment mill-ġdid ta’ dħul fl-attivitajiet prinċipali tal-organizzazzjoni ta’ riċerka. |
64 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda fil-Kawża C‑164/21 hija li l-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex neċessarju, sabiex entità tkun tista’ titqies bħala “organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li din l-entità terġa’ tinvesti mill-ġdid id-dħul iġġenerat mill-attività prinċipali tagħha f’din l-istess attività prinċipali. |
Fuq ir‑raba’ domanda fil‑Kawża C‑164/21 u fil‑Kawża C‑318/21
65 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħhom fil-Kawżi C‑164/21 u C‑318/21, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk il-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-istatus ġuridiku tas-soċji u tal-azzjonisti ta’ entità, kif ukoll in-natura eventwalment ta’ lukru tal-attivitajiet eżerċitati minn dawn tal-aħħar u tal-għanijiet li huma jsegwu, jikkostitwixxu kriterji determinanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-imsemmija entità bħala “organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
66 |
L-ewwel, il-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014 jipprovdi espressament li l-istatus legali tal-entità (id-dritt pubbliku jew id-dritt privat) u l-mod ta’ finanzjament tagħha huma irrilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk hija tistax tiġi kklassifikata bħala organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien. Dan juri r-rieda tal-Kummissjoni, l-awtriċi tar-Regolament Nru 651/2014, li ma tiħux inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ entità bħala organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien, kriterji formali marbuta mal-istatus ġuridiku u mal-organizzazzjoni interna tal-entità. |
67 |
It-tieni, ir-regola, li tinsab fil-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014, li tipprovdi li l-impriżi li jistgħu jeżerċitaw influwenza determinanti fuq organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien, pereżempju fil-kwalità tagħhom ta’ azzjonist jew ta’ soċju, ma jistgħux jibbenefikaw minn aċċess privileġġat għar-riżultati li din tipproduċi, tagħti x’tifhem li l-istatus ġuridiku tas-soċji jew tal-azzjonisti ta’ entità u n-natura ta’ lukru jew le tal-attivitajiet jew tal-għanijiet tagħhom ma jistgħux ikunu determinanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-imsemmija entità bħala “organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
68 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li din ir-regola tikkonċerna biss l-entitajiet li jistgħu jitqiesu bħala impriżi. Issa, kif iddeċidiet diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, EU:C:2002:98, punti 46 u 47, kif ukoll tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni u Ir-Repubblika Slovakka vs Dôvera zdravotná poist’ovňa, C‑262/18 P u C‑271/18 P, EU:C:2020:450, punti 28 u 29), u kif jikkonfermaw l-Artikolu 1 tal-Anness I tar-Regolament Nru 651/2014 kif ukoll il-punt 17 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal‑2014, tikkostitwixxi “impriża”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, kwalunkwe entità li twettaq attività ekonomika li tikkonsisti fl-offerta ta’ prodotti jew ta’ servizzi f’suq partikolari, irrispettivament mill-istatus ġuridiku tagħha jew min-natura ta’ lukru tal-għan li hija ssegwi. Għaldaqstant, u kif isostnu b’mod partikolari l-Gvern Latvjan u dak tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Kummissjoni, ir-regola li tinsab fil-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014 ma tinvolvi ebda restrizzjoni dwar l-istatus ġuridiku tal-eventwali soċji jew azzjonisti ta’ organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien, u n-natura ta’ lukru jew le tal-attivitajiet eżerċitati minn dawn tal-aħħar u tal-għanijiet li huma jsegwu. |
69 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda fil-Kawżi C‑164/21 u C‑318/21 hija li l-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istatus ġuridiku tas-soċji u tal-azzjonisti ta’ entità kif ukoll in-natura eventwalment ta’ lukru tal-attivitajiet eżerċitati minn dawn tal-aħħar u tal-għanijiet li huma jsegwu ma jikkostitwixxux kriterji determinanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-imsemmija entità bħala “organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Fuq l‑ispejjeż
70 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.