This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CJ0089
Judgment of the Court (Eighth Chamber) of 28 April 2022.#UAB 'Romega' v Valstybinė maisto ir veterinarijos tarnyba.#Request for a preliminary ruling from the Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas.#Reference for a preliminary ruling – Food law – Regulation (EC) No 2073/2005 – Microbiological criteria for foodstuffs – Article 1 – Annex I – Fresh poultry meat – Checks by the competent national authorities for the presence of the salmonella serotypes listed in point 1.28 of Chapter 1 of that annex – Checks for the presence of other pathogenic microorganisms – Regulation (EC) No 178/2002 – Article 14(8) – Discretion of the national authorities – Scope.#Case C-89/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-28 ta’ April 2022.
"Romega" UAB vs Valstybinė maisto ir veterinarijos tarnyba.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Leġiżlazzjoni dwar l-ikel – Regolament (KE) Nru 2073/2005 – Kriterji mikrobijoloġiċi applikabbli għall-prodotti tal-ikel – Artikolu 1 – Anness I – Laħam frisk tat-tjur – Kontroll, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, tal-preżenza tas-salmonelli elenkati fil-punt 1.28 tal-Kapitolu I ta’ dan l-anness – Kontroll tal-preżenza ta’ mikroorganiżmi patoġeniċi oħra – Regolament (KE) Nru 178/2002 – Artikolu 14(8) – Setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali – Portata.
Kawża C-89/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-28 ta’ April 2022.
"Romega" UAB vs Valstybinė maisto ir veterinarijos tarnyba.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Leġiżlazzjoni dwar l-ikel – Regolament (KE) Nru 2073/2005 – Kriterji mikrobijoloġiċi applikabbli għall-prodotti tal-ikel – Artikolu 1 – Anness I – Laħam frisk tat-tjur – Kontroll, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, tal-preżenza tas-salmonelli elenkati fil-punt 1.28 tal-Kapitolu I ta’ dan l-anness – Kontroll tal-preżenza ta’ mikroorganiżmi patoġeniċi oħra – Regolament (KE) Nru 178/2002 – Artikolu 14(8) – Setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali – Portata.
Kawża C-89/21.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:313
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
28 ta’ April 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Leġiżlazzjoni dwar l-ikel – Regolament (KE) Nru 2073/2005 – Kriterji mikrobijoloġiċi applikabbli għall-prodotti tal-ikel – Artikolu 1 – Anness I – Laħam frisk tat-tjur – Kontroll, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, tal-preżenza tas-salmonelli elenkati fil-punt 1.28 tal-Kapitolu I ta’ dan l-anness – Kontroll tal-preżenza ta’ mikroorganiżmi patoġeniċi oħra – Regolament (KE) Nru 178/2002 – Artikolu 14(8) – Setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali – Portata”
Fil-Kawża C‑89/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Frar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Frar 2021, fil-proċedura
“Romega” UAB
vs
Valstybinė maisto ir veterinarijos tarnyba,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn N. Jääskinen, President tal-Awla, M. Safjan u N. Piçarra (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal “Romega” UAB, minn M. Endzinas, advokatas, u R. Čiupkevičius, |
– |
għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis u R. Dzikovič, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Pavliš u J. Vláčil, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Daniż, inizjalment minn M. Wolff, L. Teilgård u J. Nymann-Lindegren, sussegwentement minn M. Wolff, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. Fiandaca, avvocato dello Stato, |
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Farrell, I. Galindo Martín u A. Steiblytė, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 kif ukoll tal-punt 1.28 tal-Kapitolu 1 tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 tal‑15 ta’ Novembru 2005 dwar il-kriterji mikrobijoloġiċi applikabbli għall-prodotti tal-ikel (ĠU 2005, L 338, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1086/2011 tas‑27 ta’ Ottubru 2011 (ĠU 2011, L 281, p. 7, rettifika fil-ĠU 2015, L 68, p. 90) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2073/2005”), u tal-Artikolu 14(1), (2) u (8) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat‑28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463, rettifiki fil-ĠU 2014, L 327, p. 9 u fil-ĠU 2016, L 227, p. 5). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “Romega” UAB, bejjiegħa bl-ingrossa tal-laħam tat-tjur, u Valstybinė maisto ir veterinarijos tarnyba (is-Servizz Nazzjonali tal-Prodotti tal-Ikel u fil-Qasam Veterinarju, il-Litwanja) (iktar ’il quddiem l-“awtorità Litwana”) dwar id-deċiżjoni ta’ din l-awtorità li timponi multa fuq Romega u li tordnalha tirtira mis-suq il-laħam tat-tjur li fih instabet il-preżenza ta’ ċerti serotipi ta’ salmonella. |
Il‑kuntest ġuridiku
Ir‑Regolament Nru 178/2002
3 |
L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 178/2002, intitolat “Għan u kamp ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi li: “Dan ir-Regolament jipprovdi l-bażi għall-assigurazzjoni ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-interessi tal-konsumatur li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ikel, waqt li jingħata kont b’mod partikolari tad-diversità fil-provvista ta’ l-ikel inklużi prodotti tradizzjonali, waqt li jiġi żgurat it-tħaddim effettiv tas-suq intern. […]” |
4 |
L-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ħtiġijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel”, jgħid li: “1. L-ikel m’għandux jitqiegħed fuq is-suq jekk ma jkunx tajjeb. 2. L-ikel għandu jitqies li ma jkunx tajjeb jekk ikun meqjus li:
3. Biex jiġi stabbilit jekk l-ikel ikunx tajjeb, għandu jingħata kont ta’:
4. Biex jiġi stabbilit jekk xi ikel ikunx ta’ ħsara għas-saħħa, għandu jingħata kont ta’:
5. Biex jiġi stabbilit jekk l-ikel ikunx tajjeb għall-konsum uman, għandu jingħata kont ta’ jekk l-ikel ikunx aċċettabbli jew le għall-konsum uman skond l-użu maħsub tiegħu, minħabba raġunijiet ta’ kontaminazzjoni, sew b’materjal estraneju jew mod ieħor, jew minħabba putrifikazzjoni, deterjorament jew tħassir. […] 7. Ikel li jkun jikkonforma mad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Komunità li jirregolaw is-sigurtà ta’ l-ikel għandu jitqies li jkun tajjeb sal-limitu li huma kkonċernati l-aspetti koperti bid-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Komunità. 8. Il-konformità ta’ ikel mad-dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għa[l] dak l-ikel m’għandhiex iżżomm lill-awtoritajiet kompetenti milli jieħdu miżuri adattati biex jimponi restrizzjonijiet fuq it-tqegħid tiegħu fis-suq jew li jeħtieġu l-irtirar tiegħu mis-suq meta jkun hemm raġunijiet ta’ suspett, li minkejja dik il-konformità, dak l-ikel ma jkunx tajjeb. […]” |
Ir‑Regolament Nru 2073/2005
5 |
Skont il-premessi 1 u 3 tar-Regolament Nru 2073/2005:
[…]
|
6 |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Għan u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi li: “Dan ir-regolament jistipula kriterji mikrobijoloġiċi applikabbli għal ċerti mikroorganiżmi u r-regoli ta’ implimentazzjoni li l-operaturi fis-settur tal-ikel għandhom josservaw meta jimplimentaw il-miżuri ġenerali u speċifiċi ta’ iġjene […] L-awtorità kompetenti għandha tivverifika l-osservanza tar-regoli u tal-kriterji stabbiliti f’dan ir-regolament […], bla ħsara għad-dritt tagħha li tieħu kampjuni u analiżijiet oħra sabiex tidentifika u tkejjel mikroorganiżmi oħra, it-tossini jew il-metaboliti tagħhom, fil-kuntest jew ta’ verifika tal-proċess, fir-rigward tal-prodotti tal-ikel issuspettati li jkunu ta’ perikolu, jew għal analiżi tar-riskji. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
7 |
L-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, intitolat “Rekwiżiti ġenerali”, jimponi fuq l-operaturi fis-settur tal-ikel l-obbligu li jiżguraw li l-prodotti tal-ikel josservaw il-kriterji mikrobijoloġiċi rilevanti stabbiliti fl-Anness I. Dan l-anness jinkludi l-Kapitolu I, intitolat “Kriterji ta’ sigurtà tal-prodotti tal-ikel”, li, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/229 tas‑7 ta’ Frar 2019 (ĠU 2019, L 37, p. 106), jipprevedi, fil-punt 1.28 tiegħu, li:
|
Ir‑Regolament Nru 1086/2011
8 |
Il-premessi 9 u 10 tar-Regolament Nru 1086/2011 huma fformulati kif ġej:
|
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
9 |
Fid‑19 ta’ Ottubru 2018, wara komunikazzjoni ta’ twissija rapida li tindika li mikroorganiżmi patoġeniċi tal-ispeċi Salmonella Kentucky kienu nstabu f’laħam frisk tat-tjur li joriġina mill-Polonja, l-awtorità Litwana wettqet kontroll fil-konfront ta’ Romega. Matul dan il-kontroll, il-preżenza ta’ dan is-serotip ta’ salmonella nstab fil-laħam frisk tat-tjur li Romega kienet qiegħdet fis-suq. Permezz ta’ digriet tal‑4 ta’ April 2019, din l-awtorità imponiet fuqha multa fl-ammont ta’ EUR 540 għall-ksur, b’mod partikolari, tal-Artikolu 14(1) u (2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 178/2002. |
10 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ April 2019, l-awtorità Litwana, wara li kkonstatat il-preżenza ta’ Salmonella infantis f’laħam frisk tat-tjur imqiegħda fis-suq minn Romega, ipprojbixxiet lil din tal-aħħar milli tkompli tqiegħed fis-suq tali laħam u ordnatilha tirtira u teqred dawk diġà mqiegħda fis-suq. |
11 |
Romega adixxiet lill-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja) b’rikors intiż għall-annullament tad-digriet tal‑4 ta’ April 2019 u tad-deċiżjoni tat‑12 ta’ April 2019. Dan ir-rikors ġie miċħud permezz ta’ sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2019 li minnha Romega appellat quddiem il-qorti tar-rinviju. Hija ssostni, essenzjalment, li l-punt 1.28 tal-Kapitolu I tal-Anness I tar-Regolament Nru 2073/2005 jipprojbixxi l-preżenza, fil-laħam frisk tat-tjur, biss tas-Salmonella Enteritidis u tas-Salmonella Typhimurium. Skont Romega, il-preżenza ta’ salmonelli oħra, bħall-Salmonella Kentucky jew il-Salmonella infantis, f’dan il-laħam ma tippermettix li jitqiesu bħala prodotti tal-ikel perikolużi, fis-sens tal-Artikolu 14(1) u (2) tar-Regolament Nru 178/2002. |
12 |
L-awtorità Litwana, min-naħa tagħha, tqis li, peress li s-setgħa tagħha li tiżgura l-osservanza tar-regoli u tal-kriterji stabbiliti fir-Regolament Nru 2073/2005 hija, skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, bla ħsara għad-dritt tagħha li tieħu kampjuni u analiżijiet oħra, hija awtorizzata tivverifika, fil-laħam frisk tat-tjur, il-preżenza mhux biss ta’ serotipi ta’ salmonella elenkati fil-punt 1.28 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-imsemmi regolament, iżda wkoll ta’ serotipi ta’ salmonella li ma jissemmewx fih. L-assenza, f’dan il-laħam, ta’ serotipi ta’ salmonella elenkati f’dan il-punt 1.28 ma tippermettix li jitqiesu awtomatikament li huma siguri għall-finijiet tal-konsum mill-bniedem. |
13 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li, sabiex ikun konformi mal-punt 1.28 tal-Kapitolu I tal-Anness I tar-Regolament Nru 2073/2005, il-laħam frisk tat-tjur ma għandu jkollu l-ebda wieħed miż-żewġ serotipi ta’ salmonella msemmija fih, jiġifieri s-Salmonella Typhimurium u l-Salmonella enteritidis. Madankollu, peress li dan il-kriterju ġie introdott mir-Regolament Nru 1086/2011, din il-qorti tistaqsi, fid-dawl b’mod partikolari tal-għan, imsemmi fil-premessa 10 ta’ dan l-aħħar regolament, li jitnaqqsu l-każijiet ta’ salmonellożi tal-bniedem ikkawżati mill-konsum ta’ laħam frisk tat-tjur, dwar il-portata tas-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-awtoritajiet kompetenti sabiex jikkontrollaw il-preżenza, f’dan il-laħam, ta’ serotipi ta’ salmonella oħra minbarra dawk elenkati f’dan il-punt 1.28 tar-Regolament Nru 2073/2005 jew ta’ mikroorganiżmi patoġeniċi oħra. |
14 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva, minn naħa, li, għalkemm il-kriterji stabbiliti f’dan l-anness japplikaw biss għaż-żewġ serotipi ta’ salmonella, l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2073/2005 jindika b’mod ċar li l-awtorità kompetenti tista’ tieħu kampjuni u analiżijiet oħra bil-għan li jinstabu u jitkejlu mikroorganiżmi oħra, it-tossini jew il-metaboliti tagħhom, fil-kuntest jew ta’ verifika tal-proċess, fir-rigward tal-prodotti tal-ikel issuspettati li jkunu ta’ perikolu, jew għal analiżi tar-riskji. Min-naħa l-oħra, din il-qorti tosserva li l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 178/2002 jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tal-ikel perikolużi, peress li l-paragrafu 8 ta’ dan l-artikolu jattribwixxi setgħa diskrezzjonali sinjifikattiva għal dan il-għan lill-awtoritajiet kompetenti. |
15 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin: “L-Artikolu 1 tar-Regolament [Nru 2073/2005] u l-Artikolu 14(8) tar-Regolament [Nru 178/2002] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jagħtu diskrezzjoni lill-awtoritajiet superviżorji kompetenti ta’ Stat Membru sabiex jiddeterminaw li laħam frisk tat-tjur li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fir-Ringiela 1.28 tal-Kapitolu 1 tal-Anness I tar-Regolament Nru 2073/2005 jonqos milli jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 14(1) u (2) tar-Regolament Nru 178/2002 meta prodott tal-ikel li jaqa’ taħt din il-kategorija tal-ikel ikun ikkontaminat minn serotipi tas-Salmonella li ma humiex dawk indikati fir-Ringiela 1.28 tal-Kapitolu 1 tal-Anness I tar-Regolament Nru 2073/2005, bħalma ġie stabbilit fil-kawża prinċipali?” |
Fuq id-domanda preliminari
16 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2073/2005, moqri flimkien mal-Artikolu 14(8) tar-Regolament Nru 178/2002, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tittratta bħala perikoluża, fis-sens tal-Artikolu 14(1) u (2) tar-Regolament Nru 178/2002, il-kategorija ta’ prodotti tal-ikel li jikkonsistu f’laħam frisk tat-tjur li fih ikunu nstabu mikroorganiżmi patoġeniċi oħra minbarra s-serotipi ta’ salmonella msemmija fil-punt 1.28 tal-Kapitolu I tal-Anness I tar-Regolament Nru 2073/2005. |
17 |
Qabelxejn, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 2073/2005 jistabbilixxi, konformement mal-Artikolu 1 tiegħu, “il-kriterji mikrobijoloġiċi applikabbli għal ċerti mikroorganiżmi” fis-settur tal-ikel u jawtorizza lill-awtorità kompetenti mhux biss tivverifika l-osservanza ta’ dawn il-kriterji, iżda wkoll sabiex “tieħu kampjuni u analiżijiet oħra sabiex tidentifika u tkejjel mikroorganiżmi oħra, it-tossini jew il-metaboliti tagħhom, fil-kuntest jew ta’ verifika tal-proċess, fir-rigward tal-prodotti tal-ikel issuspettati li jkunu ta’ perikolu, jew għal analiżi tar-riskji”. |
18 |
B’hekk, minn din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-premessa 3 tar-Regolament Nru 2073/2005, jirriżulta li għalkemm il-kriterji mikrobijoloġiċi li dan ir-regolament jistabbilixxi japplikaw biss għall-mikroorganiżmi patoġeniċi li huma elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-regolament, l-awtorità kompetenti ma hijiex obbligata tillimita ruħha, waqt l-analiżijiet tal-prodotti tal-ikel li hija twettaq, għall-kontroll tal-preżenza ta’ dawn il-mikroorganiżmi biss. |
19 |
Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2073/2005 jimponi obbligu fuq l-operaturi tas-settur tal-ikel li jiżguraw li l-prodotti tal-ikel josservaw il-kriterji mikrobijoloġiċi stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-regolament, dan l-obbligu ma jistax jipprekludi lill-awtoritajiet kompetenti milli jfittxu mikroorganiżmi patoġeniċi oħra minbarra dawk imsemmija f’dan l-anness, konformement mal-għan li jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, stabbilit fil-premessa 1 tal-imsemmi regolament. Kif enfasizzat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji ta’ sigurtà tal-prodotti tal-ikel, stabbiliti fil-Kapitolu 1 tal-imsemmi anness, l-operaturi tas-settur tal-ikel għandhom jinkludu, fil-proċeduri li huma japplikaw, kontrolli sistematiċi tal-kontaminazzjoni minn ċerti mikro-organiżmi, mingħajr ma tali obbligu jfisser li huma biss il-mikroorganiżmi patoġeniċi msemmija f’dawn il-kriterji li huma perikolużi għas-saħħa tal-bniedem. |
20 |
Din l-analiżi hija kkonfermata mir-Regolament Nru 178/2002, li jistabbilixxi, konformement mal-Artikolu 1(1) tiegħu, id-dispożizzjonijiet bażiċi tal-leġiżlazzjoni dwar l-ikel tal-Unjoni. L-Artikolu 14(8) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi li “[i]l-konformità ta’ ikel mad-dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għa[l] dak l-ikel m’għandhiex iżżomm lill-awtoritajiet kompetenti milli jieħdu miżuri adattati biex jimponi restrizzjonijiet fuq it-tqegħid tiegħu fis-suq jew li jeħtieġu l-irtirar tiegħu mis-suq meta jkun hemm raġunijiet ta’ suspett, li minkejja dik il-konformità, dak l-ikel ma jkunx tajjeb.” |
21 |
Fir-rigward tal-Artikolu 14(1) u (2) tar-Regolament Nru 178/2002, minn dan jirriżulta li t-tqegħid fis-suq ta’ kwalunkwe prodott tal-ikel perikoluż, jiġifieri li jkun ta’ ħsara għas-saħħa jew mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem, għandu jiġi pprojbit (sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2017, Queisser Pharma, C‑282/15, EU:C:2017:26, punt 44). |
22 |
F’dan il-kuntest, l-Artikolu 14(7) ta’ dan ir-regolament jippreċiża li l-klassifikazzjoni ta’ prodott tal-ikel bħala sigur skont dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw is-sigurtà tal-prodotti tal-ikel, bħal dawk tar-Regolament Nru 2073/2005, tapplika biss “sal-limitu li huma kkonċernati l-aspetti koperti bid-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Komunità”. |
23 |
L-Artikolu 14(1), (2), (7) u (8) tar-Regolament Nru 178/2002 jippermetti għalhekk lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jieħdu miżuri xierqa sabiex jimponu restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq jew sabiex jeżiġu l-irtirar mis-suq tal-prodotti tal-ikel li, minkejja l-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għalihom, jagħtu lil dawn l-awtoritajiet raġunijiet oġġettivi sabiex jissuspettaw li dawn il-prodotti tal-ikel huma perikolużi. Din id-dispożizzjoni, fid-dawl tal-importanza tagħha sabiex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-persuni u tal-interessi tal-konsumaturi, skont l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa. |
24 |
Minn dan isegwi li r-Regolament Nru 2073/2005 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-awtorità kompetenti, fil-preżenza ta’ kategorija ta’ prodotti tal-ikel, bħal-laħam frisk tat-tjur, li tinsab fil-kundizzjonijiet deskritti fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, milli tadotta l-miżuri xierqa msemmija fl-Artikolu 14(8) tar-Regolament Nru 178/2002. |
25 |
F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li mill-premessa 9 tar-Regolament Nru 1086/2011 jirriżulta li madwar 80 % tal-każijiet ta’ salmonellożi osservati fil-bniedem fl‑2008, l-istess bħal fis-snin preċedenti, kienu dovuti għas-Salmonella Enteritidis u għas-Salmonella Typhimurium, u l-laħam tat-tjur jibqa’ sors maġġuri ta’ salmonellożi tal-bniedem. Il-premessa 10 ta’ dan ir-regolament tippreċiża madankollu li l-konċentrazzjoni tal-isforzi fuq dawn iż-żewġ serotipi għandha, parallelament, tinkoraġġixxi lill-operaturi tas-settur tal-ikel jieħdu, fi stadji preċedenti tal-produzzjoni tat-tjur, miżuri li jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-prevalenza tas-serotipi kollha ta’ salmonella li huma ta’ interess għas-saħħa pubblika. |
26 |
Issa, kif jenfasizzaw, essenzjalment, il-Gvern Litwan, il-Gvern Ċek u l-Gvern Taljan kif ukoll il-Kummissjoni, anki jekk is-serotipi misjuba, f’dan il-każ, mill-awtorità Litwana fil-laħam frisk tat-tjur, jiġifieri s-Salmonella Kentucky u/jew is-Salmonella Infantis, jidhru inqas mifruxa mis-Salmonella Typhimurium u mis-Salmonella Enteritidis, l-effett avvers fuq is-saħħa tal-ewwel żewġ serotipi ma jistax, madankollu, jiġi eskluż. |
27 |
Hija l-qorti nazzjonali kompetenti li għandha tivverifika, konformement mal-Artikolu 14(8) tar-Regolament Nru 178/2002, kif interpretat fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, jekk il-preżenza ta’ dawn is-serotipi, li ma humiex imsemmija fil-punt 1.28 tal-Kapitolu 1 tal-Anness I tar-Regolament Nru 2073/2005, tippermettix li jiġi ssuspettat li l-laħam frisk tat-tjur inkwistjoni huwa perikoluż, fis-sens tal-Artikolu 14(2) sa (5) tar-Regolament Nru 178/2002, u tiġġustifikax il-miżuri adottati minn din l-awtorità bħala “miżuri xierqa” meħuda abbażi tal-ewwel dispożizzjoni. |
28 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2073/2005, moqri flimkien mal-Artikolu 14(8) tar-Regolament Nru 178/2002, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tittratta bħala perikoluża, fis-sens tal-Artikolu 14(1) u (2) tar-Regolament Nru 178/2002, il-kategorija ta’ prodotti tal-ikel li jikkonsistu f’laħam frisk tat-tjur li fih ikunu nstabu mikroorganiżmi patoġeniċi oħra minbarra s-serotipi ta’ salmonella msemmija fil-punt 1.28 tal-Kapitolu I tal-Anness I tar-Regolament Nru 2073/2005. |
Fuq l‑ispejjeż
29 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 tal‑15 ta’ Novembru 2005 dwar il-kriterji mikrobijoloġiċi applikabbli għall-prodotti tal-ikel, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1086/2011 tas‑27 ta’ Ottubru 2011, moqri flimkien mal-Artikolu 14(8) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat‑28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tittratta bħala perikoluża, fis-sens tal-Artikolu 14(1) u (2) tar-Regolament Nru 178/2002, il-kategorija ta’ prodotti tal-ikel li jikkonsistu f’laħam frisk tat-tjur li fih ikunu nstabu mikroorganiżmi patoġeniċi oħra minbarra s-serotipi ta’ salmonella msemmija fil-punt 1.28 tal-Kapitolu I tal-Anness I tar-Regolament Nru 2073/2005, kif emendat bir-Regolament Nru 1086/2011. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.