EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0068

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-27 ta’ Ottubru 2022.
Iveco Orecchia SpA vs APAM Esercizio SpA u Brescia Trasporti SpA.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Vetturi bil-mutur – Direttiva 2007/46/KE – Speċifikazzjonijiet tekniċi – Offerta ta’ provvista ta’ partijiet ta’ bdil ekwivalenti għall-oriġinali ta’ marka preċiża – Assenza ta’ prova ta’ approvazzjoni – Dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza għall-oriġinal mill-offerent – Kunċett ta’ ‘manifattur’ – Mezzi ta’ prova – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/25/UE.
Kawżi magħquda C-68/21 u C-84/21.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:835

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

27 ta’ Ottubru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Vetturi bil-mutur – Direttiva 2007/46/KE – Speċifikazzjonijiet tekniċi – Offerta ta’ provvista ta’ partijiet ta’ bdil ekwivalenti għall-oriġinali ta’ marka preċiża – Assenza ta’ prova ta’ approvazzjoni – Dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza għall-oriġinal mill-offerent – Kunċett ta’ ‘manifattur’ – Mezzi ta’ prova – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/25/UE”

Fil-Kawżi magħquda C‑68/21 u C‑84/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑14 ta’ Diċembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 u l‑11 ta’ Frar 2021, fil-proċedura

Iveco Orecchia SpA

vs

APAM Esercizio SpA (C‑68/21),

Brescia Trasporti SpA (C‑84/21),

fil-preżenza ta’:

Veneta Servizi International Srl unipersonale,

VAR Srl,

Di Pinto fiċjali Dalessandro SpA,

Bellizzi Srl,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn P. G. Xuereb (Relatur), A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑10 ta’ Marzu 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Iveco Orecchia SpA, minn F. Brunetti u A. Vitale, avvocati,

għal APAM Esercizio SpA, minn E. Zani, avvocato,

għal Brescia Trasporti SpA, minn A. Salvadori, avvocato,

għal Veneta Servizi International Srl unipersonale, minn S. Lago, A. Calegari, N. Creuso, N. de Zan u A. Manzi, avvocati,

għal Var Srl, minn M. Goria u S. Viscio, avvocati,

għal Di Pinto & Dalessandro SpA kif ukoll għal Bellizzi Srl, minn M. Lancieri, avvocato,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn C. Pluchino, avvocatessa dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara, M. Huttunen u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Mejju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-punt 27 tal-Artikolu 3 kif ukoll tal-Artikoli 10, 19 u 28 tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU 2007, L 263, p. 1) kif ukoll tal-Artikoli 60 u 62 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist [għoti ta’ kuntratti] minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija u s-servizzi postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn Iveco Orecchia SpA, minn naħa, u APAM Esercizio SpA (C‑68/21) u Brescia Trasporti SpA (C‑84/21), min-naħa l-oħra, dwar żewġ kuntratti pubbliċi mogħtija minn dawn tal-aħħar.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2007/46

3

Skont il-premessi 2, 3 u 14 tad-Direttiva 2007/46:

“(2)

Għall-finijiet ta’ l-istabbiliment u t-tħaddim tas-suq intern tal-Komunità, huwa xieraq li s-sistemi ta’ approvazzjoni ta’ l-Istati Membri jiġu sostitwiti bi proċedura ta’ approvazzjoni Komunitarja msejsa fuq il-prinċipju ta’ armonizzazzjoni totali.

(3)

Il-ħtiġijiet tekniċi applikabbli għas-sistemi, il-komponenti, l-unitajiet tekniċi separati u l-vetturi għandhom ikunu armonizzati u speċifikati f’atti regolatorji. Dawk l-atti regolatorji għandhom primarjament ifittxu li jiżguraw livell għoli ta’ sikurezza stradali, protezzjoni tas-saħħa, protezzjoni ambjentali, effiċjenza fl-enerġija u protezzjoni kontra l-użu mhux awtorizzat.

[…]

(14)

L-objettiv ewlieni tal-leġislazzjoni rigward l-approvazzjoni dwar il-vetturi hu li jiġi żgurat li vetturi, komponenti u unitajiet tekniċi separati ġodda li jitqiegħdu fis-suq jipprovdu livell għoli ta’ sikurezza u protezzjoni ambjentali. […]”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas armonizzat li fih id-dispożizzjonijiet amministrattivi u l-ħtiġijiet tekniċi ġenerali għall-approvazzjoni tal-vetturi ġodda kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u tas-sistema, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati maħsuba għal dawk il-vetturi, bil-ħsieb li jiġu faċilitati r-reġistrazzjoni, il-bejgħ u d-dħul fis-servizz tagħhom fil-Komunità.

Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll id-dispożizzjonijiet għall-bejgħ u d-dħul fis-servizz tal-partijiet u t-tagħmir maħsuba għall-vetturi approvati skond din id-Direttiva.

Ħtiġijiet tekniċi speċifiċi dwar il-kostruzzjoni u l-funzjonament tal-vetturi għandhom jiġu stabbiliti fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva f’atti regolatorji li l-lista eżawrjenti tagħhom hi stabbilita fl-Anness IV”.

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva tapplika għall-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi mfassla u mibnija fi stadju wieħed jew aktar għall-użu fit-triq, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati mfassla u mibnija għal tali vetturi.

[…]”

6

L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva u ta’ l-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV, ħlief jekk ipprovdut mod ieħor hemmhekk:

1)

‘att regolatorju’ tfisser direttiva jew regolament separati jew Regolament UNECE anness mal-Ftehim ta’ l-1958 Rivedut;

2)

‘direttiva jew regolament separati’ tfisser direttiva jew regolament elenkati fl-Anness IV, Parti I. Dan it-terminu jinkludi wkoll l-atti ta’ implimentazzjoni tagħhom;

3)

‘approvazzjoni tat-tip’ tfisser il-proċedura li biha Stat Membru jiċċertifika li tip ta’ vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata tissodisfa d-dispożizzjonijiet amministrattivi u l-ħtiġijiet tekniċi rilevanti;

[…]

5)

‘approvazzjoni tat-tip tal-KE’ tfisser il-proċedura li biha Stat Membru jiċċertifika li tip ta’ vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata tissodisfa d-dispożizzjonijiet amministrattivi u l-ħtiġijiet tekniċi rilevanti ta’ din id-Direttiva u ta’ l-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV jew XI;

[…]

23)

‘sistema’ tfisser assemblaġġ ta’ apparat ikkombinat biex iwettaq funzjoni speċifika waħda jew aktar f’vettura u li huwa soġġett għall-ħtiġijiet fi kwalunkwe mill-atti regolatorji;

24)

‘komponent’ tfisser apparat soġġett għall-ħtiġijiet ta’ att regolatorju, maħsub biex ikun parti minn vettura, li t-tip tiegħu jista’ jiġi approvat indipendentement mill-vettura fejn l-att regolatorju jagħmel dispożizzjonijiet espressament għal dan;

25)

‘komponent’ tfisser apparat soġġett għall-ħtiġijiet ta’ att regolatorju, maħsub biex ikun parti minn vettura, li t-tip tiegħu jista’ jiġi approvat indipendentement mill-vettura fejn l-att regolatorju jagħmel dispożizzjonijiet espressament għal dan;

26)

‘parts jew tagħmir oriġinali’ tfisser partijiet jew tagħmir manifatturati skond l-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards ta’ produzzjoni pprovduti mill-manifattur tal-vettura għall-produzzjoni ta’ partijiet jew tagħmir għall-assemblaġġ tal-vettura in kwistjoni. Dan jinkludi partijiet jew tagħmir manifatturati fl-istess linja ta’ produzzjoni bħal dawn il-partijiet jew tagħmir. Huwa preżunt sakemm ma jiġix ippruvat il-kuntrarju, li partijiet ikunu partijiet oriġinali jekk il-manifattur tal-partijiet jiċċertifika li l-partijiet huma ta’ kwalità pariġġ għall-komponenti użati fl-assemblaġġ tal-vettura in kwistjoni u ġew manifatturati skond l-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards ta’ produzzjoni tal-manifattur tal-vettura.

27)

‘manifattur’ tfisser il-persuna jew il-korp responsabbli għall-awtorità ta’ l-approvazzjoni għall-aspetti kollha ta’ l-approvazzjoni tat-tip jew għall-proċess ta’ awtorizzazzjoni biex tiġi żgurata l-konformità tal-produzzjoni. Mhux essenzjali li l-persuna jew il-korp tkun involuta direttament fl-istadji kollha tal-kostruzzjoni tal-vettura, is-sistema, il-komponent jew l-unità teknika separata li hi s-suġġett tal-proċess ta’ approvazzjoni;

[…]”

7

Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2007/46, intitolat “Obbligi tal-manufatturi”:

“1.   Il-manifattur hu responsabbli lejn l-awtorità ta’ l-approvazzjoni għall-aspetti kollha tal-proċess ta’ approvazzjoni u biex tiġi żgurata l-konformità tal-produzzjoni, kemm jekk il-manifattur hu involut direttament fl-istadji kollha tal-kostruzzjoni ta’ vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata kif ukoll jekk le.

[…]”

8

L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati”, huwa fformularj:

“1.   L-Istati Membri għandhom jagħtu approvazzjoni tat-tip tal-KE fir-rigward ta’ sistema li tikkonforma mad-dettalji fil-folder ta’ informazzjoni u li tissodisfa l-ħtiġijiet tekniċi stipulati fid-Direttiva, jew ir-Regolament, separat rilevanti, kif hemm preskritt fl-Anness IV jew l-Anness XI.

2.   L-Istati Membri għandhom jagħtu approvazzjoni tat-tip tal-KE lil komponent jew unità teknika separata fir-rigward ta’ komponent jew unità teknika separata li tikkonforma mad-dettalji fil-folder ta’ informazzjoni u li tissodisfa l-ħtiġijiet tekniċi stipulati fid-Direttiva, jew ir-Regolament, separat rilevanti, kif hemm preskritt fl-Anness IV.

[…]”

9

Skont l-Artikolu 19 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Marka ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE”:

“1.   Il-manifattur ta’ komponent jew unità teknika separata, kemm jekk hi parti minn sistema kif ukoll jekk le, għandu jwaħħal ma’ kull komponent jew unità manifatturata f’konformità mat-tip approvat il-marka ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE meħtieġa mid-Direttiva jew ir-Regolament separat rilevanti.

2.   Meta ma tkunx meħtieġa marka ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE, il-manifattur għandu jwaħħal ta’ l-inqas: l-isem jew il-marka kummerċjali [trade mark], u n-numru tat-tip u/jew numru ta’ identifikazzjoni tiegħu.

[…]”

10

L-artikolu 28 ta’ din id-direttiva, intitolat “Bejgħ u dħul fis-servizz ta’ komponenti u unitajiet tekniċi separati”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jippermettu l-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ komponenti jew unitajiet tekniċi separati fil-każ biss li jikkonformaw mal-ħtiġijiet ta’ l-atti regolatorji rilevanti u li huma mmarkati kif suppost skond l-Artikolu 19.”

11

L-Artikolu 38(1) tad-Direttiva 2007/46, intitolat “Informazzjoni intiża għal manifatturi ta’ komponenti jew unitajiet tekniċi separati” jipprevedi:

“Il-manifattur tal-vettura għandu jagħmel disponibbli lill-manifatturi ta’ komponenti jew unitajiet tekniċi separati dawk id-dettalji kollha, inkluż, kif jista’ jkun il-każ, tpinġijiet speċifikament elenkati fl-anness jew l-appendiċi għal att regolatorju li huma meħtieġa għal approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ komponenti jew unitajiet tekniċi separati, jew meħtieġa biex tinkiseb awtorizzazzjoni taħt l-Artikolu 31. […]”

12

L-Anness IV tad-Direttiva 2007/46, intitolat “Rekwiżiti għall-iskop tal-approvazzjoni tat-tip KE tal-vetturi” fih żewġ partijiet. Fil-parti I ta’ dan l-anness, tinsab il-lista tal-atti regolatorji tal-Unjoni, filwaqt li l-Parti II telenka ċerti regolamenti tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE), filwaqt li tippreċiża li approvazzjoni skont dawn ir-regolamenti għandha titqies li tissostitwixxi approvazzjoni tat-tip KE skont id-direttiva partikolari jew ir-regolament partikolari msemmi fit-tabella tal-Parti I.

Ir-Regolament (KE) Nru 1400/2002

13

L-Artikolu 1(u) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1400/2002 tal‑31 ta’ Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(3) tat-Trattat fuq kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma fis-settur tal-vettur bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 158), li, skont l-Artikolu 12(3) tiegħu, skada fil‑31 ta’ Mejju 2010, kien jiddefinixxi:

“‘spare parts ta’ kwalità li taqbel’ tfisser esklusivament li ‘spare parts’ magħmula minn kwalsijasi mpriża li tista’ tiċċertifika f’kull moment li l-partijiet inkwistjoni jaqblu mal-kwalità tal-komponenti li huma jew kienu wżati għall-assemblaġ tal-imsemmija vetturi bil-mutur”.

Id-Direttiva 2014/25

14

Il-premessi 56 u 83 tad-Direttiva 2014/25 huma b’hekk ifformulati:

“(56)

F’din id-Direttiva xejn ma għandu jxekkel l-impożizzjoni jew l-infurzar ta’ miżuri meħtieġa biex jiġu protetti l-politika pubblika, il-moralità pubblika, is-sigurtà pubblika, is-saħħa, il-ħajja tal-bniedem u dik tal-annimali, il-preservazzjoni tal-ħajja tal-pjanti jew miżuri ambjentali oħrajn, b’mod partikolari bil-ħsieb tal-iżvilupp sostenibbli, dment li dawk il-miżuri jkunu konformi mat-TFUE.

[…]

(83)

[…]

Konsegwentement, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jitfasslu b’tali mod li jiġi evitat tnaqqis b’mod artifiċjali fil-kompetizzjoni, permezz ta’ rekwiżiti li jiffavorixxu lil operatur ekonomiku speċifiku, billi jirriflettu l-karatteristiċi ewlenin tal-provvisti, servizzi jew xogħlijiet li huma normalment offruti minn dak l-oepratur ekonomiku. It-tfassil tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi f’termini ta’ rekwiżiti ta’ prestazzjoni u funzjonali ġeneralment jippermetti li dak l-objettiv jintlaħaq bl-aħjar mod possibbli. […]

[…]”

15

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi li:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar il-proċeduri għall-akkwist mill-entitajiet kontraenti fir-rigward ta’ kuntratti kif ukoll kompetizzjonijiet ta’ disinn, li l-valur tagħhom huwa stmat li mhuwiex inqas mil-limiti stipulati fl-Artikolu 15.

2.   Fis-sens ta’ din id-Direttiva l-akkwist huwa l-akkwist, permezz ta’ kuntratt ta’ provvisti, xogħlijiet jew servizzi ta’ xogħlijiet, ta’ provvisti jew servizzi minn entità kontraenti waħda jew aktar mingħand operaturi ekonomiċi magħżula minn dawk l-entitajiet kontraenti, dejjem jekk ix-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi jkunu maħsuba għall-kisba ta’ waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 8 sa 14.”

16

L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘awtoritajiet kontraenti’ tfisser awtoritajiet tal-Istat, reġjonali jew lokali, il-korpi rregolati mil-liġi pubblika, l-assoċjazzjonijiet iffurmati minn waħda jew aktar minn dawn l-awtoritajiet jew wieħed jew aktar minn dawn il-korpi rregolati mil-liġi pubblika”.

17

L‑Artikolu 4(1)(a) tad‑Direttiva 2014/25 jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, entitajiet kontraenti huma entitajiet li:

a)

huma awtoritajiet kontraenti jew impriżi pubbliċi u li jsegwu waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 8 sa 14;”

18

Skont l-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, intitolat “Servizzi ta’ trasport”:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-forniment jew it-tħaddim ta’ netwerks li jipprovdu servizz lill-pubbliku fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija, b’sistemi awtomatizzati, bit-tramway, bit-trolley bus, bil-karozza tal-linja jew bil-kejbil.

[…]”

19

L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, kien jipprevedi li din kienet tapplika, fir-rigward tal-kuntratti ta’ provvisti, għall-kuntratti li l-valur stmat tagħhom mingħajr it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) kien daqs jew ogħla mil-limitu ta’ EUR 414000, sakemm dawn il-kuntratti ma kinux esklużi bis-saħħa tal-esklużjonijiet previsti fl-Artikoli 18 sa 23 jew skont l-Artikolu 34 dwar it-tkomplija tal-attività inkwistjoni.

20

L-Artikolu 60 tal-istess direttiva, intitolat “Speċifikazzjonijiet tekniċi messi”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kif definiti fil-punt 1 tal-Anness VIII għandhom jiġu stabbiliti fid-dokumenti tal-akkwist. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jistabbilixxu l-karatteristiċi meħtieġa ta’ xogħlijiet, servizz jew provvista.

[…]

2.   L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom joffru aċċess ugwali tal-operaturi ekonomiċi għall-proċedura tal-akkwist u ma għandux ikollhom l-effett li joħolqu xkiel mingħajr ġustifikazzjoni għall-ftuħ tal-akkwist pubbliku għal kompetizzjoni.

3.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli tekniċi nazzjonali obbligatorji, sa fejn ikunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jiġu formulati b’wieħed minn dawn il-modi li ġejjin:

[…]

b)

permezz ta’ referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u, fl-ordni ta’ preferenza, għall-istandards nazzjonali li jittrasponu l-istandards Ewropej, il-Valutazzjonijiet Tekniċi Ewropej, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni, l-istandards internazzjonali, sistemi ta’ referenzi tekniċi oħrajn stabbiliti mill-korpi ta’ standardizzazzjoni Ewropej jew - fejn xi waħda minn dawk ma teżistix - l-istandards nazzjonali, l-approvazzjonijiet tekniċi nazzjonali jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi nazzjonali relatati mad-disinn, il-kalkolu u t-twettiq ta’ xogħlijiet u l-użu tal-provvisti; [kull referenza għandha tkun akkumpanjata mill-kliem ‘jew ekwivalenti’];

[…]

4.   Sakemm dan ma jkunx ġustifikat mis-suġġett tal-kuntratt, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ma għandhomx jirreferu għal isem ta’ ditta jew provenjenza speċifiċi, jew proċess partikolari li jikkaratterizza l-prodotti jew servizzi fornuti minn operatur ekonomiku speċifiku, jew għal marki kummerċjali [trade marks], privattivi, tipi jew oriġini jew produzzjoni speċifika bl-effett li jiġu favoriti jew eliminati ċerti impriżi jew ċerti prodotti. Din ir-referenza għandha tkun permessa, fuq bażi eċċezzjonali, fejn ma tkunx possibbli deskrizzjoni preċiża u intelliġibbli biżżejjed tas-suġġett tal-kuntratt skont il-paragrafu 3. Din ir-referenza għandha tkun akkumpanjata mill-kliem ‘jew ekwivalenti’.

5.   Fejn entità kontraenti tuża l-għażla li tirreferi għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 3, ma għandhiex tiċħad offerta minħabba r-raġuni li x-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi li għalihom ġiet ippreżentata l-offerta ma jikkonformawx mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li hi rreferiet għalihom, ladarba l-offerent jagħti prova fl-offerta tiegħu bi kwalunkwe mezz adatt, inkluż il-mezz ta’ prova msemmi fl-Artikolu 62 li s-soluzzjonijiet proposti jissodisfaw ir-rekwiżiti definiti mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi b’mod ekwivalenti.

[…]”

21

Skont l-Artikolu 62 tad-Direttiva 2014/25 intitolat “Rapporti tat-test, ċertifikazzjoni u mezzi oħra ta’ prova”:

“1.   L-entitajiet kontraenti jistgħu jesiġu li l-operaturi ekonomiċi jipprovdu rapport tat-test minn korp għall-valutazzjoni tal-konformità jew ċertifikat maħruġ minn tali korp bħala mezz ta’ prova ta’ konformità mar-rekwiżiti jew kriterji stipulati fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, fil-kriterji tal-għoti jew fil-kondizzjonijiet għat-twettiq tal-kuntratt.

Fejn l-entitajiet kontraenti jirrikjedu l-preżentazzjoni ta’ ċertifikati mfasslin minn korp għall-valutazzjoni tal-konformità speċifiku, l-entitajiet kontraenti għandhom jaċċettaw ukoll ċertifikati minn korpi għall-valutazzjoni tal-konformità ekwivalenti oħrajn.

2.   L-entitajiet kontraenti għandhom jaċċettaw mezzi adatti oħra ta’ prova li huma differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1, bħal dossier tekniku tal-manifattur, fejn l-operatur ekonomiku konċernat ma kellux aċċess għaċ-ċertifikati jew għar-rapporti dwar l-ittestjar imsemmija fil-paragrafu 1, jew l-ebda possibilità li jiksibhom fil-limiti taż-żmien rilevanti, sakemm in-nuqqas ta’ aċċess mhuwiex attribwibbli lill-operatur ekonomiku konċernat u sakemm l-operatur ekonomiku konċernat jagħti prova li x-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi jissodisfaw ir-rekwiżiti jew il-kriterji stipulati fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, fil-kriterji tal-għoti jew fil-kondizzjonijiet għat-twettiq tal-kuntratt.

[…]”

Id-dritt Taljan

Id-Digriet Nru 32721 tal-Ministeru għall-Infrastruttura u t-Trasport tat‑28 ta’ April 2008

22

Id-Direttiva 2007/46 ġiet trasposta fid-dritt Taljan permezz tad-decreto no 32721 del Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti – Recepimento della direttive 2007/46/KE del Parlamento europeo e del Consiglio del 5 settembre 2007, relativa all’ omologazione dei veicoli a motore e dei loro rimorchi, nonché dei sistemi, Componenti ed entità tecniche destinati a tali veicoli (id-Digriet Nru 32721 tal-Ministeru għall-Infrastruttura u t-Trasport li Jittrasponi d-Direttiva 2007/46 tal‑5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi), tat‑28 ta’ April 2008 (Suppliment Ordinarju għall-ĠURI Nru 162, tat‑12 ta’ Lulju 2008).

23

Dan id-digriet jiddefinixxi, fl-Artikolu 3(ff), il-“manifattur” bħala “il-persuna jew il-korp responsabbli quddiem l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-approvazzjoni għall-aspetti kollha tal-proċess ta’ approvazzjoni skont it-tip jew tal-awtorizzazzjoni u tal-konformità tal-produzzjoni. Mhux essenzjali li l-persuna jew il-korp tkun involuta direttament fl-istadji kollha tal-manifattura tal-vettura, tas-sistema, ta’ komponent jew ta’ unità teknika separata suġġetta għal approvazzjoni”.

Id-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 445 tat‑28 ta’ Diċembru 2000

24

Skont l-Artikolu 49 tad-decreto del Presidente della Repubblica no 445 –Testo unico delle disposizioni legislative e regolamentari in materia di documentazione amministrativa (id-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 445 – Test Uniku tad-Dispożizzjonijiet Leġiżlattivi u Regolamentari fil-qasam tad-Dokumentazzjoni Amministrattiva) tat‑28 ta’ Diċembru 2000 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 42 tal‑20 ta’ Frar 2001), “iċ-ċertifikati […] oriġinali, ta’ konformità KE, tat-trade marks jew tal-privattivi ma jistgħux jiġu ssostitwiti b’dokument ieħor, sakemm il-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprovdix mod ieħor”.

Id-Digriet leġiżlattiv Nru 50/2016 tat‑18 ta’ April 2016

25

Skont l-Artikolu 68 tad-decreto legislativo no 50 – Codice dei contratti pubblici (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 50, dwar il-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi), tat‑18 ta’ April 2016 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 91, tad‑19 ta’ April 2016):

“1.   L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kif definiti f’punt 1 tal-Anness XIII jinsabu fid-dokumenti tal-kuntratt u jiddefinixxu l-ispeċifikazzjonijiet tax-xogħlijiet, tas-servizzi jew tal-provvisti. […]

[…]

5.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli tekniċi nazzjonali obbligatorji, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jiġu fformulati b’wieħed minn dawn il-modi li ġejjin: […] b) permezz ta’ riferiment għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u, fl-ordni ta’ preferenza, għall-istandards nazzjonali li jittrasponu l-istandards Ewropej, il-Valutazzjonijiet Tekniċi Ewropej, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni, l-istandards internazzjonali, sistemi ta’ riferimenti tekniċi oħrajn stabbiliti mill-korpi ta’ standardizzazzjoni Ewropej jew, fl-assenza tagħhom, l-istandards nazzjonali, l-approvazzjonijiet tekniċi nazzjonali jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi nazzjonali relatati mad-disinn, il-kalkolu u t-twettiq ta’ xogħlijiet u l-użu tal-provvisti; Kwalunkwe riferiment għandu jkun segwit bit-terminu ‘jew ekwivalenti’; […]

6.   Sakemm dan ma jkunx ġustifikat mis-suġġett tal-kuntratt, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ma għandhomx jirreferu għal isem ta’ ditta jew provenjenza speċifiċi, jew proċess partikolari li jikkaratterizza l-prodotti jew servizzi fornuti minn operatur ekonomiku speċifiku, jew għal trade mark, privattiva, tip, oriġini jew produzzjoni speċifika bl-effett li jiġu ffavoriti jew eliminati ċerti impriżi jew ċerti prodotti. Dan ir-riferiment għandu jkun permess fuq bażi eċċezzjonali, fejn ma tkunx possibbli deskrizzjoni preċiża u li tinftiehem biżżejjed tas-suġġett tal-kuntratt skont il-paragrafu 5. Dan ir-riferiment għandu jkun akkumpanjat mill-kliem “jew ekwivalenti”.

7.   Fejn awtoritajiet kontraenti jużaw l-għażla li tirreferi għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 5, ma għandhiex tiċħad offerta minħabba r-raġuni li x-xogħlijiet, provvisti jew servizzi offerti ma jikkonformawx mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jirreferu għalihom, ladarba l-offerent jagħti prova fl-offerta tiegħu bi kwalunkwe mezz adegwat, inkluż il-mezzi ta’ prova msemmija fl-Artikolu 86, li s-soluzzjonijiet proposti jissodisfaw ir-rekwiżiti definiti mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi b’mod ekwivalenti.”

26

L-Artikolu 86(5) ta’ dan id-digriet leġiżlattiv jipprevedi li “[i]l-prova tal-kompetenzi tekniċi tal-operaturi ekonomiċi tista’ tiġi prodotta permezz ta’ mezz wieħed jew iktar minn dawk elenkati fil-Parti II tal-Anness XVII skont in-natura, il-kwantità jew l-importanza, u l-użu tax-xogħlijiet, provvisti jew servizzi”.

27

Il-Parti II(k) tal-Anness XVII tal-imsemmi digriet leġiżlattiv tipprevedi li l-mezzi ta’ prova li juru l-kapaċitajiet tekniċi f’dak li jirrigwarda l-prodotti li għandhom jiġu pprovduti huma: “i) kampjuni, deskrizzjonijiet jew ritratti, li l-awtentiċità tagħhom trid tiġi ċċertifikata fuq talba tal-awtorità kontraenti titlob dan; ii) ċertifikati mfassla minn istituti jew aġenziji uffiċjali tal-kontroll tal-kwalità b’kompetenza rrikonoxxuta li jikkonfermaw il-konformità tal-prodotti identifikati b’mod ċar mir-riferimenti għall-ispeċifikazzjonijiet jew standards tekniċi”.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Kawża C‑68/21

28

Permezz ta’ sejħa għal offerti ppubblikata fil‑21 ta’ Awwissu 2018, APAM Esercizio, impriża pubblika li topera fis-settur tat-trasport pubbliku lokali f’Mantova (l‑Italja), nediet proċedura sabiex jiġi konkluż ftehim qafas dwar il-provvista “ta’ partijiet ta’ bdil oriġinali Iveco jew ekwivalenti għal karozzi tal-linja” u li l-valur tagħha kien stmat għal EUR 710000.

29

L-Artikolu 5.1. tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, intitolat “Tipoloġija tal-partijiet ta’ bdil”, kien jiddistingwi bejn tliet tipi ta’ partijiet ta’ bdil, jiġifieri, l-“partijiet ta’ bdil maħsuba għas-sigurtà tal-vettura u għall-protezzjoni tal-ambjent”, l-“partijiet ta’ bdil oriġinali (jew tal-ewwel montatura)” u l-“ispare parts ekwivalenti”, fejn dawn tal-aħħar huma ddefiniti bħala “l-partijiet tal-bdil (partijiet, komponenti, tagħmir) ta’ kwalità ekwivalenti għal dik tal-oriġinali, jew partijiet ta’ kwalità mill-inqas ugwali għal dik tal-komponenti użati għall-assemblaġġ tal-vettura, prodotti skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-istandards ta’ produzzjoni proprji tal-manifattur tal-parti ta’ bdil oriġinali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

30

F’dan ir-rigward kien speċifikat li “l-partijiet tal-bdil [ekwivalenti] msemmija, konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u mad-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ, jistgħu jiġu mmanifatturati minn kwalunkwe impriża li tista’ tiċċertifika, f’kull mument, konformement mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ (UNI‑CEI‑ENISO/IEC 17050), li l-kwalità tal-partijiet tal-bdil prodotti tikkorrispondi għal dik tal-partijiet oriġinali użati għall-immuntar tal-vetturi bil-mutur inkwistjoni”.

31

L-Artikolu 5.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, intitolat “Ċertifikazzjonijiet u dikjarazzjonijiet”, ippreveda li, fil-każ tal-provvista ta’ parti ta’ bdil ekwivalenti, l-offerent “għandu jippreżenta, fil-kuntest tas-sejħa għal offerti, u għall-parti tal-bdil ekwivalenti proposta, iċ-ċertifikazzjoni ta’ konformità jew approvazzjoni speċifika tal-komponent ta’ sostituzzjoni pprovduta mill-manifattur jew mill-korp ta’ approvazzjoni jew il-laboratorju tal-ittestjar iċċertifikati skont l-istandard ISO 45000”.

32

Fost id-dokumenti amministrattivi li kellhom jiġu ppreżentati fl-offerta, skont l-Artikolu 15 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, jinsabu, f’dan l-Artikolu 15(d) “[…] id-dokumentazzjoni teknika xierqa għal kull parti ta’ bdil ekwivalenti proposta, akkumpanjata minn: […] Ċertifikat ta’ approvazzjoni tal-prodott, meta jkun obbligatorju, maħruġ mill-manifattur tal-parti tal-bdil ekwivalenti proposta; ċertifikat ta’ ekwivalenza tal-prodott ipprovdut fir-rigward tal-prodott ta’ oriġini (jew tal-ewwel montatura) korrispondenti, f’termini ta’ sostitwibbiltà perfetta, mingħajr l-użu ta’ ebda adattament, tal-parti tal-bdil, tal-assemblaġġ jew tas-sistema li fuqha din għandha tiġi mmuntata u tal-karatteristiċi ta’ prestazzjoni li jiggarantixxu funzjonalità u sigurtà regolari tal-prodott fis-sistema, kif ukoll ħajja identika, maħruġ mill-produttur tal-parti tal-bdil ekwivalenti proposta”.

33

Tliet impriżi pparteċipaw fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti, fosthom, b’mod partikolari, Veneta Servizi International Srl unipersonale (iktar ’il quddiem, “VSI”) u Iveco Orecchia, żewġ impriżi stabbiliti fl-Italja.

34

B’deċiżjoni tad‑29 ta’ Jannar 2019, APAM Esercizio tat il-kuntratt lil VSI definittivament.

35

Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia – Sezione stacata di Brescia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lombardia – Sezzjoni ta’ Brescia, l-Italja), Iveco Orecchia, ikklassifikata fit-tieni pożizzjoni, ikkontestat l-għoti tal-kuntratt lil VSI. Insostenn ta’ dan ir-rikors, Iveco Orecchia sostniet, b’mod partikolari, li VSI kellha tiġi eskluża mis-sejħa għal offerti minħabba n-natura inkompleta tal-offerta li hija kienet ippreżentat, peress li din l-impriża ma kinitx ipprovdiet, għall-finijiet tal-prova tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-partijiet ta’ bdil allegatament prodotti minnha, iċ-ċertifikati ta’ approvazzjoni jew ta’ konformità kif ukoll id-dokumenti tekniċi li l-preżentazzjoni tagħhom kienet prevista, taħt piena ta’ esklużjoni, mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Skont Iveco Orecchia, VSI fil-fatt illimitat ruħha li tippreżenta awtoċertifikazzjoni ġenerali tal-ekwivalenza ta’ dawn il-partijiet ta’ bdil, filwaqt li allegat, għalkemm kienet biss negozjant, li hija kienet kemm il-manifattur (fabbricante) u l-manifattur (costruttore) ta’ dawn il-partijiet ta’ bdil.

36

Permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2019, it-Tribunale amministrativo regionale della Lombardia – Sezione stacata di Brescia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lombardia – Sezzjoni ta’ Brescia, l-Italja), ċaħdet ir-rikors ta’ Iveco Orecchia bħala infondat. Din il-qorti kkunsidrat, b’mod partikolari, li l-leġiżlazzjoni mehmuża mas-sejħa għal offerti u dwar id-dokumentazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-offerenti kienet tirrikjedi l-produzzjoni ta’ ċertifikat ta’ konformità jew ta’ approvazzjoni speċifika, li jfisser li kien biżżejjed li tali ċertifikat jiġi sottomess. Barra minn hekk, Iveco Orecchia ma stabbilixxietx, fir-rigward tal-partijiet ta’ bdil individwali koperti mis-suq inkwistjoni, fuq liema bażi legali kien neċessarju li tiġi prodotta wkoll prova li tiddikjara l-approvazzjoni ta’ dawn il-partijiet.

37

Iveco Orecchia appellat minn din is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja).

Kawża C‑84/21

38

Permezz ta’ sejħa għal offerti ppubblikata fil‑21 ta’ Novembru 2018, Brescia Trasporti, impriża pubblika li topera fis-settur tat-trasport pubbliku lokali fi Brescia (l-Italja), nediet proċedura ta’ għoti, b’valur bażiku tal-kuntratt stmat għal EUR 2100000, “il-provvista ta’ partijiet ta’ bdil għal karozzi tal-linja tad-ditra Iveco mgħammra b’mutur Iveco Cig 7680570EDB”.

39

L-Artikolu 1 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi annessi mad-dokumentazzjoni dwar is-sejħa għal offerti, intitolat “Definizzjonijiet tekniċi”, kien jiddefinixxi tliet tipi ta’ spare parts, jiġifieri, l-“partijiet ta’ bdil oriġinali”, l-“partijiet ta’ bdil (jew tal-ewwel montatura)” u l-“partijiet ta’ bdil ekwivalenti”, fejn dawn tal-aħħar huma ddefiniti bħala “l-partijiet tal-bdil (partijiet, komponenti, tagħmir) ta’ kwalità ekwivalenti għal dik tal-oriġinali, jew partijiet ta’ kwalità mill-inqas ugwali għal dik tal-komponenti użati għall-assemblaġġ tal-vettura, prodotti skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-istandards ta’ produzzjoni proprji tal-manifattur tal-parti ta’ bdil oriġinali”.

40

Skont l-Artikolu 3 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, fir-rigward ta’ “partijiet ta’ bdil ekwivalenti”, l-offerta għandha tkun akkumpanjata, taħt piena ta’ esklużjoni, minn “ċertifikat tal-manifattur tal-parti ta’ bdil li għal kull parti ta’ bdil jattesta: i) li l-kwalità tal-partijiet tal-bdil hija suffiċjentement għolja sabiex l-użu tagħhom ma jikkompromettix ir-reputazzjoni tan-network awtorizzata; ii) in-natura perfettament interkambjabbli tagħha mal-partijiet tal-bdil oriġinali, […] mingħajr ma wieħed jirrikorri għal ebda adattament tal-parti tal-bdil, tal-assemblaġġ jew tas-sistema li fuqha din għandha tiġi mmuntata”. Din id-dispożizzjoni kienet tipprevedi wkoll li “[i] l-fornitur għandu wkoll jippreżenta ċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni tal-prodott, meta dan ikun obbligatorju. F’dak li jirrigwarda l-firrodi tal-brejkijiet, id-diski tal-brejkijiet u t-tnabar, il-fornitur għandu jippreżenta, flimkien mad-dokumenti msemmija iktar ’il fuq, iċ-ċertifikat li jattesta l-approvazzjoni Komunitarja [skont ir-Regolament Nru 90 (KEE-ONU).]”

41

Żewġ impriżi pparteċipaw fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti, jiġifieri, VAR Srl, kumpannija stabbilita wkoll fl-Italja, u Iveco Orecchia.

42

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Frar 2019, Brescia Trasporti tat il-kuntratt lil VAR definittivament.

43

Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia — Sezione stacata di Brescia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lombardia — Sezzjoni ta’ Brescia), Iveco Orecchia, ikklassifikata fit-tieni pożizzjoni, ikkontestat id-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt lil VAR. Insostenn ta’ dan ir-rikors, Iveco Orecchia sostniet, b’mod partikolari, li VAR kellha tiġi eskluża mis-sejħa għal offerti minħabba n-natura inkompleta tal-offerta li hija kienet issottomettiet, peress li din l-impriża ma pprovdietx, fir-rigward tal-partijiet ta’ bdil ekwivalenti li hija pproponiet, ċertifikati tal-manifattur li jiddikjaraw l-ekwivalenza tal-partijiet ta’ bdil offerti minn din l-impriża. Iċ-ċertifikati maħruġa minn VAR stess ma humiex rilevanti, peress li din hija kummerċjant/distributur ta’ partijiet ta’ bdil u mhux manifattur (fabbricante/costruttore). Barra minn hekk, VAR ma pprovdietx ċertifikati li jikkonfermaw l-approvazzjoni ta’ dawn il-partijiet ta’ bdil u lanqas informazzjoni dwar l-approvazzjoni eventwali tagħhom.

44

Permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Awwissu 2019, it-Tribunale amministrativo regionale della Lombardia – Sezione stacata di Brescia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lombardia – Sezzjoni ta’ Brescia, l-Italja), ċaħdet ir-rikors ta’ Iveco Orecchia bħala infondat. Din il-qorti kkunsidrat, b’mod partikolari, li offerent li juri l-ekwivalenza tal-prodotti tiegħu ma jistax jiġi eskluż minn sejħa għal offerti u li l-leġiżlazzjoni rilevanti ma irrikjedietx li kull komponent ta’ vettura jiġi approvat. It-teżi li tgħid li l-partijiet ta’ bdil kollha intiżi mill-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV tad-Direttiva 2007/46 għandhom ikunu s-suġġett ta’ approvazzjoni speċifika ma hijiex fondata. L-assenza ta’ prova ta’ approvazzjoni tat-tip għall-brejkijiet b’tambur ta’ riżerva ekwivalenti offruti minn VAR, li għalihom hija rikjesta approvazzjoni mir-Regolament Nru 90 KEE-NU, ma hijiex rilevanti, peress li, b’mod partikolari, dan ir-regolament japplika biss għall-vetturi rreġistrati wara Novembru 2016.

45

Iveco Orecchia appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

46

Di Pinto & Dalessandro Spa u Bellizzi srl, żewġ kumpanniji stabbiliti fl-Italja u li jeżerċitaw l-attività tagħhom fis-suq tal-manutenzjoni tal-karozza tal-linja, intervjenew fl-imsemmija proċedura.

Id-domandi preliminari

47

Il-qorti tar-rinviju tqis li għandha ssir distinzjoni bejn żewġ aspetti relatati mal-proċeduri ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni, jiġifieri, minn naħa, dak tal-ekwivalenza ta’ partijiet ta’ bdil proposti mill-offerenti għall-partijiet ta’ bdil oriġinali, li jippreżupponi evalwazzjoni tal-kwalità tal-partijiet ta’ bdil inkwistjoni kif ukoll paragun tal-prodotti kkonċernati u, min-naħa l-oħra, dak tal-approvazzjoni ta’ tali partijiet ta’ bdil, li jimplika li dawn jikkorrispondu għal speċifikazzjoni teknika Ewropea jew nazzjonali.

48

Barra minn hekk, din il-qorti tirrileva li l-prinċipju li jgħid li, fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti, prodotti ekwivalenti huma ammessi huwa intiż sabiex jipproteġi l-kompetizzjoni libera u l-ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti.

49

Il-bejgħ ta’ partijiet ta’ bdil suġġetti għal approvazzjoni, b’mod partikolari jekk ikunu jistgħu jikkompromettu s-sigurtà tal-vetturi u l-prestazzjonijiet ambjentali, huwa possibbli biss meta dawn il-partijiet ikunu ġew approvati u awtorizzati mill-awtorità kompetenti fil-qasam ta’ approvazzjoni. F’dan ir-rigward, l-Anness IV tad-Direttiva 2007/46 jinkludi l-lista ddettaljata tal-kategoriji ta’ komponenti li għalihom hemm leġiżlazzjoni rilevanti u speċifika dwar l-approvazzjoni.

50

Fil-proċeduri tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni li tinsab fis-sejħa għal offerti u dwar id-dokumentazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-offerenti kienet tirrikjedi l-provvista taċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni, fil-każ fejn tali approvazzjoni kienet obbligatorja. F’dan il-każ, madankollu, l-offerenti rebbieħa pprovdew, u l-awtoritajiet kontraenti aċċettaw, bħala prova alternattiva tal-ekwivalenza tal-prodotti ta’ bdil proposti għall-partijiet ta’ bdil oriġinali, dikjarazzjoni tal-offerent li ma kinitx akkumpanjata miċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni rikjest jew minn dokumenti tekniċi ekwivalenti oħra, pereżempju testijiet ta’ verifika ta’ konformità.

51

Fl-ewwel lok, tqum għalhekk il-kwistjoni dwar jekk, għall-partijiet ta’ bdil ekwivalenti suġġetti għal approvazzjoni, l-offerent għandux jipproduċi wkoll, taħt piena ta’ esklużjoni tal-offerta tiegħu, iċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni bħala prova li l-imsemmija partijiet huma effettivament ekwivalenti għall-partijiet oriġinali jew, għall-inqas, jipproduċi l-prova konkreta li l-parti ta’ bdil ġiet approvata, jew jekk huwiex biżżejjed, bħala alternattiva għal dawn id-dokumenti, li tiġi pprovduta dikjarazzjoni tal-offerent li l-partijiet ta’ bdil proposti fl-offerta tiegħu jkunu ekwivalenti għall-partijiet oriġinali.

52

Skont il-qorti tar-rinviju, jidher li, jekk parti ta’ bdil taqa’ taħt wieħed mill-atti regolatorji msemmija fl-Anness IV tad-Direttiva 2007/46, hija tista’ tiġi kkummerċjalizzata biss jekk tkun ġiet approvata minn qabel, konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-direttiva u l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ natura raġonevoli, ta’ funzjonament tajjeb u ta’ imparzjalità. Issa, ma huwiex eskluż li jiġi kkunsidrat li jista’ jkun biżżejjed, minflok il-prova ta’ tali approvazzjoni, li jiġi pprovdut ċertifikat ta’ ekwivalenza li jiddikjara li l-parti ta’ bdil hija konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi previsti mis-sejħa għal offerti inkwistjoni.

53

Fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat minn liema entità għandhom joħorġu d-dikjarazzjonijiet ta’ ekwivalenza u, b’mod partikolari, jekk dawn għandhomx neċessarjament jiġu stabbiliti mill-manifattur tal-parti ta’ bdil proposta jew jekk dawn jistgħux ukoll jiġu stabbiliti minn bejjiegħ mill-ġdid jew negozjant.

54

Skont il-qorti tar-rinviju, il-kunċett ta’ “manifattur (fabbricante)”, kif iddefinit fil-punt 27 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/46, jista’ jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni restrittiva li jkollha l-effett li tikkoinċidi ma’ dik ta’ “manifattur (costruttore)”. L-Artikolu 1(1)(u) tar-Regolament Nru 1400/2002 jimmilita favur tali approċċ. Min-naħa l-oħra, dan il-kunċett jista’ wkoll jinftiehem f’sens usa’, jiġifieri bħala li jkopri l-produttur, fis-sens tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur jew l-operatur li jqiegħed fis-suq u jikkummerċjalizza, f’ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, il-partijiet ekwivalenti mmanifatturati minn oħrajn.

55

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri fiż-żewġ kawżi prinċipali u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, ifformulati b’mod identiku f’kull waħda minn dawn iż-żewġ kawżi:

“1)

Huwa konformi tad-dritt Ewropew – u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [2007/46]l-Artikoli 10, 19 u 28 tal-imsemmija direttiva Komunitarja), kif ukoll mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ imparzjalità, ta’ kompetizzjoni ġusta u ta’ amministrazzjoni tajba – li, b’riferiment speċifiku għall-provvista permezz ta’ kuntratt pubbliku ta’ komponenti tal-bdil għal karozzi tal-linja maħsuba għas-servizz pubbliku, ikun permess li l-awtorità kontraenti taċċetta komponenti tal-bdil maħsuba għal vettura partikolari, immanufatturati minn manifattur differenti mill-produttur tal-vettura, u għaldaqstant mhux approvati flimkien mal-vettura, taħt wieħed mit-tipi ta’ komponenti previsti mir-regoli tekniċi elenkati fl-Anness IV tad-direttiva msemmija iktar ’il fuq (Lista ta’ ħtiġijiet għall-finijiet ta’ approvazzjoni KE tal-vetturi) u offruti fis-sejħa għal offerti mingħajr ma jkunu akkumpanjati miċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni u mingħajr biss tissemma’ l-approvazzjoni effettiva u dan taħt il-premessa li l-approvazzjoni ma hijiex neċessarja, billi jirriżulta li hija suffiċjenti semplici dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza mal-oriġinal approvat prodotta mill-offerent?”

2)

Huwa konformi tad-dritt Ewropew – u, b’mod partikolari, mal-punt 27 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/46 – li, b’rabta mal-provvista permezz ta’ kuntratt pubbliku ta’ komponenti tal-bdil għal karozzi tal-linja maħsuba għas-servizz pubbliku, huwa permess li offerent wieħed jista’ jikkwalifika lilu nniffsu bħala “manifattur” ta’ komponenti tal-bdil partikolari mhux oriġinali maħsuba għal vettura partikolari, b’mod partikolari meta din taqa’ taħt wieħed mit-tipi ta’ komponenti previsti mir-regoli tekniċi elenkati fl-Anness IV […] tad-Direttiva 2007/46, jew dan l-imsemmi offerent għandu għall-kuntrarju jipprova – għal kull wieħed mill-komponenti tal-bdil hekk offruti u sabiex jikkonferma l-ekwivalenza mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-sejħa għal offerti – li huwa persuna responsabbli b’rabta mal-awtorità ta’ approvazzjoni tal-aspetti kollha tal-proċess ta’ approvazzjoni kif ukoll tal-konformità tal-produzzjoni u b’rabta mal-livell kwalitattiv u li jwettaq direttament tal-inqas uħud mill-fażijiet tal-produzzjoni tal-komponenti suġġett għall-approvazzjoni, filwaqt li jiċċara wkoll, f’każ affermattiv, b’liema mezzi għandha tiġi prodotta l-imsemmija prova?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

56

B’deċiżjoni tas‑16 ta’ Marzu 2021, il-Kawżi C‑68/21 sa C‑84/21 ġew magħquda kemm għall-finijiet tal-proċedura miktuba u orali kif ukoll għal dawk tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Kummenti preliminari

57

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha. Għal dan il-għan, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, jekk il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha. Fil-fatt, il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu l-qrati nazzjonali sabiex jaqtgħu l-kawżi mressqa quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux ġew indikati espressament fid-domandi magħmula lilha minn dawn il-qrati nazzjonali (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers, C‑263/18, EU:C:2019:1111, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Għal dawn il-finijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tislet, mill-informazzjoni kollha pprovduta mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti tal-imsemmi liġi li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża prinċipali (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers, C‑263/18, EU:C:2019:1111, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

59

F’dan il-każ, għalkemm huwa minnu li l-qorti tar-rinviju tirreferi biss, fid-domandi preliminari tagħha, għal ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/46 kif ukoll għal numru ta’ prinċipji tad-dritt, kemm mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn din il-qorti kif ukoll mid-domandi preliminari tagħha jirriżulta li l-imsemmija domandi jirrigwardaw il-provi li l-produzzjoni tagħhom tista’ jew għandha tintalab lill-offerenti fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti. Minn dan isegwi li, sabiex tingħata risposta utli għad-domandi magħmula, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirrigwardaw speċifikament il-provi li l-produzzjoni tagħhom tista’ jew għandha tintalab lill-offerenti fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti sabiex jiġi stabbilit li l-offerti tagħhom huma konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi previsti minn din is-sejħa għal offerti.

60

Dawn id-dispożizzjonijiet jinsabu, fir-rigward ta’ sejħiet għal offerti bħal dawk imsemmija fil-proċeduri fil-kawża prinċipali, fl-Artikoli 60 u 62 tad-Direttiva 2014/25. Barra minn hekk, kif irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, iż-żewġ sejħiet għal offerti inkwistjoni fil-proċeduri fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, konformement mal-Artikolu 1(1) u (2), l-Artikolu 4(1), l-Artikolu 11(1) u l-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, peress li huma intiżi għall-akkwist ta’ provvisti minn entitajiet kontraenti li joperaw network intiż li jipprovdi servizz lill-pubbliku fil-qasam tat-trasport bil-karozza tal-linja, li dawn il-provvisti huma intiżi għall-eżerċizzju ta’ din l-attività u li l-valur tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqbeż il-limitu previst mill-imsemmija direttiva.

61

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li għalkemm, skont l-Artikolu 88 tar-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU 2018, L 151, p. 1), id-Direttiva 2007/46 tħassret b’dan ir-regolament b’effett mill‑1 ta’ Settembru 2020, madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-fatti li taw lok għall-proċeduri fil-kawża prinċipali seħħew qabel din id-data. Għaldaqstant, huma d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/46 li huma rilevanti għar-risposti li għandhom jingħataw għad-domandi preliminari.

62

Fit-tielet lok, mid-domandi preliminari jirriżulta li dawn jirrigwardaw biss il-leġiżlazzjoni relatata mal-partijiet ta’ bdil għall-karozzi tal-linja li jaqgħu taħt it-tipi ta’ komponenti, fis-sens tal-punt 24 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/46, intiżi mill-atti regolatorji, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, b’dawn tal-aħħar li jinsabu fl-Anness IV tal-imsemmija direttiva.

Fuq l-ewwel domanda

63

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, li tinqasam f’żewġ partijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(2), l-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2007/46 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li awtorità kontraenti tkun tista’ taċċetta, fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti intiża għall-provvista ta’ partijiet ta’ bdil għal karozzi tal-linja ddestinati għas-servizz pubbliku, offerta li tipproponi komponenti li jaqgħu taħt l-atti regolatorji msemmija fl-Anness IV tad-Direttiva 2007/46, mingħajr ma tkun akkumpanjata minn ċertifikat li jiddikjara l-approvazzjoni ta’ dawn il-partijiet ta’ bdil u mingħajr ma jagħti informazzjoni dwar l-eżistenza effettiva ta’ tali approvazzjoni jew jekk, fid-dawl tal-Artikoli 60 u 62 tad-Direttiva 2014/25, dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza għall-partijiet oriġinali approvati, li ġejja mill-offerent, hijiex suffiċjenti sabiex tippermetti tali aċċettazzjoni.

64

Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ din id-domanda, għandu jitfakkar, qabel kollox, li d-Direttiva 2007/46 hija intiża, kif jirriżulta mill-premessi 2 u 3 ta’ din id-direttiva “sabiex jiġu sostitwiti bi proċedura ta’ approvazzjoni Komunitarja msejsa fuq il-prinċipju ta’ armonizzazzjoni totali” u li “[l]-ħtiġijiet tekniċi applikabbli għas-sistemi, il-komponenti, l-unitajiet tekniċi separati u l-vetturi għandhom ikunu armonizzati u speċifikati f’atti regolatorji”.

65

B’hekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2007/46 jiddefinixxi l-għan ta’ din id-direttiva bħala li tistabbilixxi “qafas armonizzat li fih id-dispożizzjonijiet amministrattivi u l-ħtiġijiet tekniċi ġenerali għall-approvazzjoni tal-vetturi ġodda kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u tas-sistema, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati maħsuba għal dawk il-vetturi, bil-ħsieb li jiġu faċilitati r-reġistrazzjoni, il-bejgħ u d-dħul fis-servizz tagħhom fil-Komunità”.

66

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, din “tistabbilixxi wkoll id-dispożizzjonijiet għall-bejgħ u d-dħul fis-servizz tal-partijiet u t-tagħmir maħsuba għall-vetturi approvati skond din id-Direttiva”.

67

Barra minn hekk, sabiex tiġi ddelimitata l-portata tal-ewwel domanda, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li, għalkemm id-Direttiva 2007/46 tagħmel distinzjoni bejn diversi tipi ta’ approvazzjoni, jista’ jiġi dedott mir-riferiment f’din id-domanda speċifikament għall-Artikoli 10, 19 u 28 ta’ din id-direttiva li l-imsemmija domanda tirrigwarda biss l-approvazzjoni tat-tip tal-KE, fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, jiġifieri l-att li permezz tiegħu Stat Membru jiddikjara li tip ta’ vettura, ta’ sistema, ta’ komponent jew ta’ entità teknika tissodisfa d-dispożizzjonijiet amministrattivi u r-rekwiżiti tekniċi applikabbli tal-imsemmija direttiva u l-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV jew fl-Anness XI tal-istess direttiva, peress li dan l-aħħar anness huwa intiż għal vetturi għal użu speċjali u dispożizzjonijiet li huma applikabbli għaliha.

68

Fil-fatt, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2007/46 jinsab fil-Kapitolu IV ta’ din id-direttiva, intitolat “Twettiq tal-proċeduri ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE”, filwaqt li l-Artikolu 19 tal-imsemmija direttiva jikkonċerna, kif jirriżulta mit-titolu tiegħu, l-“[m]arka ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE” u l-Artikolu 28(1) tal-istess direttiva, imsemmi mill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, jirreferi għall-Artikolu 19 tad-Direttiva 2007/46.

69

It-tieni, id-Direttiva 2007/46 tistabbilixxi, fl-Artikolu 6 tagħha, il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għall-finijiet tal-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ tip ta’ vettura, kif ukoll, fl-Artikolu 7, il-proċedura li għandha tiġi segwita għall-finijiet tal-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ sistemi, ta’ komponenti jew ta’ unitajiet tekniċi separati. Peress li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-komponenti inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali ma ġewx approvati bit-tip ta’ vettura li għaliha kienu proposti mill-offerenti, iżda kienu ppreżentati bħala ekwivalenti għall-komponenti ta’ oriġini approvati ma’ din it-tip ta’ vettura, għandu jiġi kkunsidrat li huma rilevanti għal din il-kawża d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/46 dwar l-approvazzjoni KE ta’ sistemi, ta’ komponenti jew ta’ unitajiet tekniċi separati.

70

F’dan ir-rigward, qabel kollox, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2007/46 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jagħtu approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ komponent għal komponent li, minn naħa, huwa konformi mal-informazzjoni li tinsab fil-fajl tal-manifattur, u, min-naħa l-oħra, jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi tad-direttiva partikolari jew tar-regolament partikolari applikabbli, kif huwa indikat fl-Anness IV ta’ din id-direttiva.

71

Sussegwentement, l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2007/46 jipprevedi li l-manifattur ta’ komponent għandu jwaħħal ma’ kull komponent immanifatturat konformement mat-tip approvat il-marka ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE rikjesta mid-direttiva partikolari jew regolament partikolari rilevanti.

72

Fl-aħħar, skont l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2007/46, l-Istati Membri għandhom jippermettu l-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ komponenti biss jekk l-imsemmija komponenti jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-atti regolatorji applikabbli u jkunu debitament immarkati skont l-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva.

73

Minn naħa, minn qari flimkien tal-Artikolu 10(2), tal-Artikolu 19(1), tal-Artikolu 28(1) u tal-Anness IV tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-komponenti intiżi mill-atti regolatorji, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tal-istess direttiva, elenkati f’dan l-anness, huma suġġetti għal obbligu ta’ approvazzjoni, sakemm dawn l-atti regolatorji jipprevedu tali approvazzjoni.

74

Min-naħa l-oħra, minn dan isegwi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-istrument magħżul mil-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest tad-Direttiva 2007/46, sabiex juri li l-komponenti ta’ vettura jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti mill-atti regolatorji msemmija fl-Anness IV ta’ din id-direttiva, huwa dak tal-approvazzjoni.

75

Tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-għan ewlieni tal-leġislazzjoni rigward l-approvazzjoni tal-vetturi li, konformement mal-premessa 14 tad-Direttiva 2007/46 “hu li jiġi żgurat li vetturi, komponenti u unitajiet tekniċi separati ġodda li jitqiegħdu fis-suq jipprovdu livell għoli ta’ sikurezza u protezzjoni ambjentali.” Permezz tal-metodu ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ komponent, l-Istat Membru kkonċernat jiddikjara, kif jirriżulta mid-definizzjoni li tinsab fil-punt 5 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/46, li dan il-komponent jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi applikabbli għal din id-direttiva u tal-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV tagħha jew fl-Anness XI tagħha; u li jikkonferma b’hekk li dan il-komponent għandu livell ogħli ta’ sigurtà u ta’ protezzjoni tal-ambjent.

76

Ċertament, mill-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2007/46 jirriżulta li approvazzjoni tat-tip tal-KE ma hijiex rikjesta għal kull tip ta’ komponent. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tirrigwarda s-sitwazzjoni fejn it-twaħħil ta’ marka ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE ma huwiex rikjest, li jfisser li ċerti tipi ta’ komponenti jistgħu jiġu eżentati mill-obbligu li tinkiseb tali approvazzjoni.

77

Madankollu, din il-konstatazzjoni ma taffettwax il-konklużjoni msemmija fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, li tgħid li l-komponenti msemmija mill-atti regolatorji li jinsabu fl-Anness IV tad-Direttiva 2007/46 huma suġġetti għal obbligu ta’ approvazzjoni, sakemm dawn l-atti regolatorji jipprevedu tali approvazzjoni. Għaldaqstant, tali komponenti jistgħu jinbiegħu jew jitqiegħdu fis-servizz, skont l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 19(1) ta’ din id-direttiva, biss jekk ikunu ġew approvati.

78

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ imparzjalità, ta’ kompetizzjoni sħiħa u ta’ amministrazzjoni tajba, li għalihom għamlet riferiment il-qorti tar-rinviju. Fir-rigward, l-ewwel, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jitfakkar li, sa fejn tip ta’ komponent għandu jkun is-suġġett ta’ approvazzjoni, dan l-obbligu jaqa’ fuq kull manifattur. Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva, essenzjalment, fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmi obbligu għalhekk ma għandux il-konsegwenza ta’ diskriminazzjoni mwettqa għad-detriment ta’ produtturi ta’ partijiet ta’ bdil ekwivalenti għall-partijiet ta’ bdil oriġinali meta mqabbla mal-produtturi ta’ dawn il-partijiet ta’ bdil tal-aħħar.

79

F’dak li jirrigwarda, it-tieni, l-effett ta’ tali obbligu ta’ approvazzjoni fuq il-kompetizzjoni, minbarra l-fatt li, kif għadu kif ġie kkonstatat, dan l-obbligu jaqa’ fuq kull manifattur ta’ komponenti, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 38(1) tad-Direttiva 2007/46, il-manifattur ta’ vettura għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-produtturi tal-komponenti għal din it-tip ta’ vettura l-elementi kollha meħtieġa għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ tali komponenti.

80

Fir-rigward, it-tielet, tal-prinċipji ta’ imparzjalità u ta’ amministrazzjoni tajba, il-qorti tar-rinviju ma spjegatx kif dawn il-prinċipji jistgħu jkunu rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/46 imsemmija fl-ewwel domanda.

81

Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel domanda, li hija intiża sabiex tiddetermina jekk awtorità kontraenti tistax taċċetta, fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti bħal dawk imsemmija minn din id-domanda, offerta li tipproponi komponenti li jaqgħu taħt l-atti regolatorji msemmija fl-Anness IV tad-Direttiva 2007/46 li ma tistabbilixxix li dawn il-komponenti kienu s-suġġett ta’ approvazzjoni, peress li tali offerta hija akkumpanjata minn dikjarazzjoni tal-offerent li tgħid li l-imsemmija komponenti huma ekwivalenti għall-partijiet oriġinali approvati, hemm lok li jiġi rrilevat, kif qal l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-kunċetti ta’ “approvazzjoni” u ta’ “ekwivalenza” għadhom kontenut differenti.

82

Kif jirriżulta mill-punt 5 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/46, l-approvazzjoni tiċċertifika, wara kontrolli xierqa mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti, li, fil-każ ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ komponent, tip ta’ komponent huwa konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2007/46, inklużi r-rekwiżiti tekniċi li jinsabu fl-atti regolatorji msemmija fl-Anness IV ta’ din id-direttiva.

83

Il-kunċett ta’ “ekwivalenza” ma huwiex iddefinit mid-Direttiva 2007/46 u jindika, skont is-sens ordinarju tiegħu, il-kwalità li jkun hemm l-istess valur jew funzjoni. Għaldaqstant, l-ekwivalenza ta’ komponent tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk dan il-komponent għandux l-istess kwalitajiet bħal komponent ieħor, irrispettivament minn jekk dan tal-aħħar ġiex approvat jew le. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-provi ta’ approvazzjoni u dawk ta’ ekwivalenza għalhekk ma humiex interkambjabbli, peress li komponent ta’ tip approvat jista’ ma jkunx ekwivalenti għall-komponent oriġinali intiż minn sejħa għal offerti.

84

Ċertament, ma huwiex eskluż li komponenti ta’ tip mhux approvat ikunu, fil-fatt, ekwivalenti għall-komponenti oriġinali msemmija fis-sejħa għal offerti inkwistjoni. Madankollu, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda, kif ġie rrilevat fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, li l-komponenti li jaqgħu taħt tip li għalih l-atti regolatorji msemmija fl-Anness IV tad-Direttiva 2007/46 jipprevedu approvazzjoni, jistgħu jinbiegħu jew jiddaħħlu fis-servizz, skont l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 19(1) ta’ din id-direttiva, biss jekk dan it-tip ta’ komponent kien is-suġġett ta’ tali approvazzjoni, għandu jiġi konkluż li, għal dawn it-tipi ta’ komponenti, il-prova tal-approvazzjoni ma tistax tiġi ssostitwita b’dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza ġejja mill-offerent.

85

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 60 u 62 tad-Direttiva 2014/25, li jsemmu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jistgħu jinsabu f’sejħa għal offerti bħal dawk li taw lok għall-proċeduri fil-kawża prinċipali u l-provi li permezz tagħhom l-offerenti jistgħu jistabbilixxu li l-offerti tagħhom jikkorrispondu għal dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

86

Mill-Artikolu 60(2) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li, skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jiddefinixxu l-karatteristiċi rikjesti tax-xogħlijiet, tas-servizzi jew tal-provvisti intiżi mill-imsemmija direttiva, jagħtu lill-operaturi ekonomiċi ugwaljanza fl-aċċess għall-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt u ma għandhomx l-effett li joħolqu ostakoli mhux iġġustifikati għall-ftuħ tal-kuntratti pubbliċi għall-kompetizzjoni.

87

L-Artikolu 60(4) tad-Direttiva 2014/25 jippermetti, b’mod eċċezzjonali, li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jirreferu “għal marki kummerċjali [trade marks], privattivi, tipi jew oriġini jew produzzjoni speċifika”, jekk dan ikun neċessarju sabiex tiġi pprovduta deskrizzjoni preċiża u li tinftiehem biżżejjed tas-suġġett tal-kuntratt, u sakemm tali riferiment ikun akkumpanjat mill-kliem “jew ekwivalenti”, possibbiltà li s-sejħiet għal offerti li taw lok għall-proċeduri fil-kawża prinċipali użaw.

88

F’każ bħal dan, l-Artikolu 60(5) tad-Direttiva 2014/25 jippermetti lill-offerent jipproduċi l-prova li s-soluzzjonijiet li huwa jipproponi jissodisfaw b’mod ekwivalenti r-rekwiżiti ddefiniti fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi “bi kwalunkwe mezz adatt, inkluż il-mezz ta’ prova msemmi fl-Artikolu 62” ta’ din id-direttiva, li jinkludu, minbarra l-mezzi msemmija fl-Artikolu 62(1) tal-imsemmija direttiva, bħal ċertifikat maħruġ minn korp ta’ evalwazzjoni tal-konformità, “mezzi adatti […] ta’ prova” fis-sens tal-Artikolu 62(2) tal-istess direttiva.

89

Dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 83 tad-Direttiva 2014/25, sabiex l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jiġu redatti f’termini ta’ prestazzjonijiet u ta’ rekwiżiti funzjonali u sabiex jiġi evitat li l-imsemmija speċifikazzjonijiet tekniċi jirrestrinġu b’mod artifiċjali l-kompetizzjoni billi jistabbilixxu rekwiżiti li jiffavorixxu lil operatur ekonomiku partikolari billi jużaw il-karatteristiċi prinċipali tal-provvisti, tas-servizzi jew tax-xogħlijiet li huwa joffri abitwalment.

90

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-premessa 56 tagħha, id-Direttiva 2014/25 ma tistax tinjora r-rekwiżiti imperattivi imposti minn regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam, b’mod partikolari, tas-sigurtà u tal-protezzjoni ambjentali, bħar-rekwiżit ta’ approvazzjoni stabbilit, għal dawn l-istess raġunijiet, mid-Direttiva 2007/46.

91

Għalhekk, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 2014/25 ma għandhiex tipprekludi l-applikazzjoni tad-Direttiva 2007/46, peress li din tal-aħħar hija intiża, skont it-premessa 3 tagħha, li tiżgura livell għoli ta’ sikurezza stradali, protezzjoni tas-saħħa, protezzjoni ambjentali, effiċjenza fl-enerġija u protezzjoni kontra l-użu mhux awtorizzat. Sa fejn id-Direttiva 2007/46 timponi, preċiżament, fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet, l-approvazzjoni ta’ ċerti partijiet ta’ bdil ta’ vetturi, dan ir-rekwiżit isir inevitabbli u ma jistax jiġi evitat b’riferiment għad-Direttiva 2014/25.

92

Fil-proċeduri fil-kawża prinċipali, is-sejħa għal offerti hija intiża għall-provvista ta’ komponenti li setgħu jkunu partijiet oriġinali Iveco jew ekwivalenti. Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, il-komponenti intiżi mill-atti regolatorji li jinsabu fl-Anness IV tad-Direttiva 2007/46, li huma suġġetti għall-obbligu ta’ approvazzjoni, jistgħu jinbiegħu jew jitqiegħdu fis-servizz biss jekk ikunu ġew suġġetti għal tali approvazzjoni.

93

Konsegwentement, sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti imperattivi stabbiliti mid-Direttiva 2007/46, peress li l-komponenti huma suġġetti għal obbligu ta’ approvazzjoni, huma biss il-komponenti li kienu s-suġġett ta’ tali approvazzjoni u għalhekk jistgħu jiġu kkummerċjalizzati, li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti fis-sens tat-termini tal-imsemmija sejħiet għal offerti.

94

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(2), l-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2007/46 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li awtorità kontraenti tkun tista’ taċċetta, fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti għall-provvista ta’ partijiet ta’ bdil għal karozzi tal-linja intiżi għas-servizz pubbliku, offerta li tipproponi komponenti li jaqgħu taħt it-tip ta’ komponent intiż mill-atti regolatorji li jinsabu fl-Anness IV tad-Direttiva 2007/46, mingħajr ma tkun akkumpanjata minn dan iċ-ċertifikat li jiddikjara dan it-tip ta’ ċertifikazzjoni.

Fuq it-tieni domanda

95

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 60 u 62 tad-Direttiva 2014/25 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu, fid-dawl tad-definizzjoni tal-kelma “manifattur”, li tinsab fil-punt 27 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/46, li awtorità kontraenti tista’ taċċetta, fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti intiża għall-provvista ta’ partijiet ta’ bdil għal karozzi tal-linja ddestinati għal servizz pubbliku, bħala prova tal-ekwivalenza ta’ komponenti, li jaqgħu taħt l-atti regolatorji intiżi fl-Anness IV tad-Direttiva 2007/46 u offruta mill-offerent, dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza maħruġa minn dan l-offerent, meta l-imsemmi offerent, filwaqt li jikkwalifika lilu nnifsu bħala l-manifattur ta’ dawn il-komponenti, ikun biss bejjiegħ mill-ġdid jew negozjant..

96

Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat‑12 ta’ Lulju 2018, VAR u ATM (C‑14/17, EU:C:2018:568, punt 35), fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti [għoti ta’ kuntratti] ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19), “fejn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jinsabu fid-dokumenti tal-kuntratt jirreferu għal trade mark [marka], għal oriġini jew għal produzzjoni speċifika, l-entità kontraenti għandha teħtieġ li l-offerent juri diġà fl-offerta tiegħu, il-prova tal-ekwivalenza tal-prodotti proposti meta mqabbla ma’ dawk iddefiniti f’dawk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.”

97

F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-awtorità kontraenti “għandha setgħa diskrezzjonali fl-iffissar ta’ mezzi li jistgħu jintużaw mill-offerenti sabiex jagħtu prova ta’ din l-ekwivalenza fl-offerti tagħhom. Din is-setgħa għandha, madankollu, tiġi eżerċitata b’tali mod li l-mezzi ta’ prova ammessi mill-entità kontraenti effettivament jippermettu lil dik l-entità twettaq evalwazzjoni utli tal-offerti li tressqu quddiemha u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan isir”.

98

L-istess interpretazzjoni għandha tingħata għall-Artikoli 60 u 62 tad-Direttiva 2014/25, li ssostitwixxiet id-Direttiva 2004/17, peress li dawn l-artikoli jirrikjedu, bħall-Artikolu 34 ta’ din l-aħħar direttiva, li offerent li jixtieq jibbaża ruħu fuq il-possibbiltà li jipproponi prodotti ekwivalenti għal dawk iddefiniti b’riferiment għal marka, għal oriġini jew għal produzzjoni speċifika, jipproduċi, diġà fl-offerta tiegħu, u bi kwalunkwe mezz xieraq, il-prova tal-ekwivalenza tal-prodotti kkonċernati.

99

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, minkejja s-setgħa diskrezzjonali li għandha l-awtorità kontraenti f’dan ir-rigward, il-mezzi ta’ prova ammessi minnha għandhom jippermettulha effettivament twettaq evalwazzjoni utli tal-offerta sabiex tiddetermina jekk din hijiex konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi intiżi mis-sejħa għal offerti inkwistjoni.

100

Sabiex tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala “mezz adatt”, fis-sens tal-Artikolu 60(5) u tal-Artikolu 62(2) tad-Direttiva 2014/25, dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza għandha għalhekk issir minn istanza li tista’ tiggarantixxi tali ekwivalenza, li jirrikjedi li din l-istanza tassumi r-responsabbiltà teknika għall-komponenti inkwistjoni u jkollha l-mezzi neċessarji sabiex tiżgura l-kwalità ta’ dawn il-komponenti. Issa, dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jiġu ssodisfatti biss mill-produttur jew mill-manifattur tal-imsemmija komponenti.

101

Tali interpretazzjoni hija kkonfermata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 62(2) tad-Direttiva 2014/25 li jipprevedi li jista’ jkun mezz ta’ prova xieraq “dossier tekniku tal-manifattur”, li jfisser li din il-prova toriġina mill-produttur tal-parti ta’ bdil inkwistjoni. Din l-interpretazzjoni hija wkoll konformi mal-Artikolu 1(u) tar-Regolament Nru 1400/2002, li jgħid li, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, “spare parts ta’ kwalità li taqbel” tfisser “esklusivament li ‘spare parts’ magħmula minn kwalsijasi mpriża li tista’ tiċċertifika f’kull moment li l-partijiet inkwistjoni jaqblu mal-kwalità tal-komponenti li huma jew kienu wżati għall-assemblaġ tal-imsemmija vetturi bil-mutur” Għalkemm dan ir-regolament skada fil‑31 ta’ Mejju 2010, l-Artikolu 1(u) tiegħu kien jikkonferma li, sabiex tkun rilevanti, dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza kellha ssir mill-produttur.

102

Barra minn hekk, skont il-punt 37 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/46, il-kelma “manifattur” hija ddefinita bħala “il-persuna jew il-korp responsabbli għall-awtorità ta’ l-approvazzjoni għall-aspetti kollha ta’ l-approvazzjoni tat-tip jew għall-proċess ta’ awtorizzazzjoni biex tiġi żgurata l-konformità tal-produzzjoni”, fejn din il-persuna jew korp ma għandux neċessarjament jintervjeni direttament fl-istadji kollha tal-kostruzzjoni ta’ vettura, ta’ sistema, ta’ komponent jew ta’ entità teknika suġġetta għall-approvazzjoni.

103

Għalkemm din id-definizzjoni tirreferi biss għall-vetturi u għall-partijiet ta’ bdil suġġetti għall-approvazzjoni, hija tipprovdi indikazzjonijiet utli sabiex jiġi ddeterminat min jista’ jitqies bħala l-“manifattur” ta’ komponent, sabiex jiġi eżaminat jekk dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza li ġejja minn persuna li tikkwalifika lilha nnifisha bħala “manifattur” ta’ dan il-komponent tistax tikkostitwixxi mezz ta’ prova xieraq. Fil-fatt, minn din id-definizzjoni jirriżulta li, sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “manifattur” ta’ komponent, impriża ma għandhiex neċessarjament tintervjeni direttament fl-istadji kollha tal-kostruzzjoni ta’ dan il-komponent.

104

Hija utli wkoll f’dan il-kuntest id-definizzjoni tat-termini “parts jew tagħmir oriġinali” li tinsab fil-punt 26 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/46 li tgħid li “[h]uwa preżunt sakemm ma jiġix ippruvat il-kuntrarju, li partijiet ikunu partijiet oriġinali jekk il-manifattur tal-partijiet jiddikjara li l-partijiet huma ta’ kwalità pariġġ għall-komponenti użati fl-assemblaġġ tal-vettura in kwistjoni u ġew manifatturati skont l-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards ta’ produzzjoni tal-manifattur tal-vettura”.

105

Fil-fatt, minn din id-definizzjoni jirriżulta li, sabiex tkun kapaċi tistabbilixxi li parti ta’ bdil tista’ titqies li hija parti oriġini, dikjarazzjoni f’dan is-sens għandha ssir mill-manifattur ta’ dan il-komponent, minkejja l-fatt li l-manifattura tal-imsemmi komponent issir skont l-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards ta’ produzzjoni previsti mill-manifattur tal-vettura li għaliha huwa intiż.

106

Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, sabiex tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala mezz ta’ prova xieraq, fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti bħal dawk li taw lok għall-proċeduri prinċipali, dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza ta’ komponent għandha toriġina mill-manifattur ta’ dan il-komponent, minkejja li dan il-manifattur mhux neċessarjament għandu jintervjeni direttament fl-istadji kollha tal-kostruzzjoni tal-imsemmi komponent.

107

Min-naħa l-oħra, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tista’ tikkostitwixxi mezz ta’ prova xieraq dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza li ġejja minn bejjiegħ jew negozjant.

108

Minkejja li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, fil-kawżi prinċipali, l-offerenti jistgħux jiġu kklassifikati bħala “manifatturi” tal-komponenti li huma pproponew, għandu jiġi ppreċiżat, sabiex tingħata risposta utli lil din il-qorti, li, kuntrarjament għal dak li ċerti partijiet li ħadu sehem fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sostnew, il-fatt li offerent jimmanifattura partijiet ta’ bdil differenti minn dawk koperti mis-sejħa għal offerti inkwistjoni, irrispettivament minn jekk huwiex irreġistrat f’kamra tal-kummerċ jew jekk huwiex irreġistrat ma’ kamra tal-kummerċ jew jekk l-attività tiegħu kellhiex ċertifikazzjoni ta’ kwalità huwa irrilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk dan l-offerent jistax jitqies bħala l-manifattur tal-komponenti li qed jipproponi fl-offerta tiegħu.

109

Barra minn hekk, l-argument li jgħid li interpretazzjoni usa’ tal-kunċett ta’ “manifattur” hija meħtieġa minħabba l-fatt li, skont ċerti direttivi tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi, u b’mod partikolari tal-Artikolu 1(2)(d) tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 2) kif ukoll tal-Artikolu 2(4) tad-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE, u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE(ĠU 2019, L 136, p. 28, rettifika fil-ĠU 2019, L 305, p. 61 u fil-ĠU 2020, L 86, p. 18), il-kunċett ta’ “produttur” jinftiehem b’tali mod li jinkludi lill-operatur li jillimita ruħu sabiex jikkummerċjalizza l-prodott, billi jwaħħal il-marka tiegħu miegħu, mingħajr ma jkun ipparteċipa materjalment fil-proċess ta’ manifattura, għandu wkoll jitwarrab. Fil-fatt, din il-leġiżlazzjoni hija intiża, b’mod partikolari, sabiex tiggarantixxi l-protezzjoni tal-konsumaturi, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 1999/44 u mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2019/771, u għalhekk ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi.

110

Fl-aħħar, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 96 ta’ din is-sentenza, li l-prova tal-ekwivalenza tal-prodotti proposti minn offerent, meta mqabbla ma’ dawk iddefiniti fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jinsabu fis-sejħa għal offerti, għandha diġà tiġi pprovduta fl-offerta u li din il-prova effettivament tippermetti lill-entità kontraenti twettaq evalwazzjoni utli tal-offerti li jkunu ġew ippreżentati lilha. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

111

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 60 u 62 tad-Direttiva 2014/25 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fid-dawl tad-definizzjoni tal-kelma “manifattur”, li tinsab fil-punt 27 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/46, jipprekludu li awtorità kontraenti tkun tista’ taċċetta, fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti intiża għall-provvista ta’ partijiet ta’ bdil għal karozzi tal-linja intiżi għas-servizz pubbliku, bħala prova tal-ekwivalenza ta’ komponenti, intiżi mill-atti regolatorji msemmija fl-Anness IV tad-Direttiva 2007/46 u proposti mill-offerent, dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza maħruġa minn dan l-offerent, meta dan tal-aħħar ma jistax jitqies bħala l-manifattur ta’ dawn il-komponenti.

Fuq l-ispejjeż

112

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 10(2), l-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru)

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu li awtorità kontraenti tkun tista’ taċċetta, fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti għall-provvista ta’ partijiet ta’ bdil għal karozzi tal-linja intiżi għas-servizz pubbliku, offerta li tipproponi komponenti li jaqgħu taħt it-tip ta’ komponent imsemmi mill-atti regolatorji li jinsabu fl-Anness IV tad-Direttiva 2007/46, mingħajr ma tkun akkumpanjata minn dan iċ-ċertifikat li jiddikjara l-approvazzjoni ta’ dan it-tip ta’ komponent u mingħajr ma jipprovdi informazzjoni dwar l-eżistenza effettiva ta’ tali approvazzjoni, sa fejn dawn l-atti regolatorji jipprevedu tali approvazzjoni.

 

2)

L-Artikolu 60 u 62 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist [għoti ta’ kuntratti] minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija u s-servizzi postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

fid-dawl tad-definizzjoni tal-kelma “kostruttur”, li tinsab fil-punt 27 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/46, jipprekludu li awtorità kontraenti tkun tista’ taċċetta, fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti intiża għall-provvista ta’ partijiet ta’ bdil għal karozzi tal-linja intiżi għas-servizz pubbliku, bħala prova tal-ekwivalenza ta’ komponenti, intiżi mill-atti regolatorji msemmija fl-Anness IV tad-Direttiva 2007/46 u proposti mill-offerent, dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza maħruġa minn dan l-offerent, meta dan tal-aħħar ma jistax jitqies bħala l-manifattur ta’ dawn il-komponenti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top