EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0348

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. M. Collins, ippreżentati fis-7 ta’ Lulju 2022.
Proċeduri kriminali kontra HYA et.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti għal proċess tiegħu waqt il-kors tal-proċeduri kriminali – Artikolu 8(1) – Dritt ta’ persuna akkużata li tkun preżenti waqt il-proċess tagħha – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u l-Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal smigħ xieraq u drittijiet tad-difiża – Interrogazzjoni tax-xhieda tal-prosekuzzjoni fl-assenza tal-persuna akkużata u tal-avukat tagħha fl-istadju ta’ qabel il-proċedura kriminali – Impossibbiltà ta’ smigħ tax-xhieda tal-prosekuzzjoni matul il-fażi ġudizzjarja ta’ din il-proċedura – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil qorti kriminali tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq id-depożizzjonijiet preċedenti tal-imsemmija xhieda.
Kawża C-348/21.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:539

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fis‑7 ta’ Lulju 2022 ( 1 )

Kawża C‑348/21

HYA,

IP,

DD,

ZI,

SS

parti oħra fil-proċeduri:

Spetsializirana prokuratura

(talba għal deċiżjoni preliminari mis-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Artikolu 6(1) u Artikolu 8(1) – Oneru tal-prova – Dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u l-Artikolu 48(2) – Dritt għal smigħ xieraq u drittijiet tad-difiża – Xhieda mogħtija minn xhud quddiem imħallef fl-istadju ta’ qabel il-proċess ta’ proċeduri kriminali fl-assenza tal-persuni akkużati jew tar-rappreżentanti tagħhom – Impossibbiltà għall-persuni akkużati u għar-rappreżentanti tagħhom li jisimgħu xhieda tal-prosekuzzjoni fil-fażi ġudizzjarja ta’ proċeduri kriminali”

I. Introduzzjoni

1.

Id-dritt li persuna akkużata tkun preżenti waqt il-proċess tagħha jinkludi d-dritt li hija tipparteċipa jew id-dritt li hija tkun spettatriċi? Is-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina din il-kwistjoni fit-tieni minn ħames rinviji għal deċiżjoni preliminari li hija ppreżentat fil-kuntest tal-istess proċeduri kriminali ( 2 ).

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni Ewropea

2.

Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali ( 3 ) tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess.

3.

Il-premessi 9 sa 11, 22, 33 sa 35, 47 u 48 tad-Direttiva 2016/343 jaqraw kif ġej:

“(9)

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li ttejjeb id-dritt ta’ proċess ġust fi proċedimenti kriminali billi tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess.

(10)

Bl-istabbiliment ta’ regoli minimi komuni dwar il-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati u akkużati, din id-Direttiva għandha l-għan li ssaħħaħ il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta’ xulxin u b’hekk li tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonjiet fi kwistjonijiet kriminali. Tali regoli minimi komuni jistgħu wkoll ineħħu l-ostakli għall-moviment ħieles taċ-ċittadini fit-territorji kollha tal-Istati Membri.

(11)

Din id-Direttiva għandha tapplika biss għall-proċedimenti kriminali kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja […], mingħajr preġudizzju għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. […]

[…]

(22)

L-oneru tal-prova għall-istabbiliment tal-ħtija ta’ persuni suspettati u akkużati jaqa’ fuq il-prosekuzzjoni, u kwalunkwe dubju għandu jibbenefika lill-persuna suspettata jew akkużata. Il-preżunzjoni tal-innoċenza tinkiser jekk l-oneru tal-prova jkun trasferit mill-prosekuzzjoni għad-difiża, mingħajr preġudizzju għal kull setgħa ex officio għad-determinazzjoni tal-fatti mill-qorti, għall-indipendenza tal-ġudikatura meta tiġi vvalutata l-ħtija tal-persuna suspettata jew akkużata. […]

[…]

(33)

Id-dritt għal proċess ġust huwa wieħed mill-prinċipji bażiċi f’soċjetà demokratika. Id-dritt ta’ persuni suspettati u akkużati li jkunu preżenti waqt il-proċess huwa bbażat fuq dak id-dritt u għandu jiġi żgurat fl-Unjoni kollha.

(34)

Jekk, għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tagħhom, il-persuni suspettati jew akkużati ma jkunux f’pożizzjoni li jkunu preżenti waqt il-proċess, huma għandu jkollhom il-possibbiltà li jitolbu data ġdida għall-proċess fiż-żmien previst fil-liġi nazzjonali.

(35)

Id-dritt tal-persuni suspettati u akkużati li jkunu preżenti waqt il-proċess mhuwiex assolut. Taħt ċerti kundizzjonijiet, il-persuni suspettati u akkużati għandhom ikunu jistgħu, espressament jew taċitament, iżda inekwivokabbilment, jirrinunzjaw għal dak id-dritt.

[…]

(47)

Din id-Direttiva ssostni d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali li jinsabu fil-Karta [tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”)] u fil-[Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB’)] inklużi […] id-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għal proċess ġust, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-drittijiet tad-difiża. Għandu jiġu kkunsidrat, b’mod partikolari, l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jgħid li l-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta, u li jgħid li d-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-KEDB u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, għandhom jikkostitwixxu prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni.

(48)

Ladarba din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jestendu d-drittijiet stabbiliti f’din id-Direttiva sabiex jipprovdu livell ogħla ta’ protezzjoni. Il-livell ta’ protezzjoni pprovdut mill-Istati Membri qatt ma għandu jkun inqas mill-istandards previsti mill-Karta jew mill-KEDB, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.”

4.

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2016/343, intitolat “Oneru tal-prova”, jgħid li:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-oneru tal-prova għad-determinazzjoni tal-ħtija tal-persuni suspettati jew akkużati jaqa’ fuq il-prosekuzzjoni. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu fuq l-imħallef jew il-qorti kompetenti li jfittxu evidenza kemm inkriminanti kif ukoll li tiskaġuna, u għad-dritt tad-difiża li tippreżenta evidenza skont il-liġi nazzjonali applikabbli.”

5.

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2016/343, intitolat “Id-dritt li persuna tkun preżenti waqt il-proċess”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li proċess li jista’ jirriżulta f’deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna suspettata jew akkużata jista’ jsir fl-assenza tiegħu jew tagħha, sakemm:

(a)

il-persuna suspettata jew akkużata tkun ġiet infurmata fi żmien debitu dwar il-proċess u dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra; jew

(b)

il-persuna suspettata jew akkużata, li tkun ġiet infurmata bil-proċess, hija rrappreżentata minn avukat, li ġie magħżul mill-persuna suspettata jew akkużata jew maħtur mill-Istat.”

6.

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2016/343, intitolat “Nonregressjoni”, jaqra kif ġej:

“Xejn f’din id-Direttiva ma għandu jinftiehem li jillimita jew jidderoga minn xi drittijiet u salvagwardji proċedurali li huma żgurati taħt il-Karta, il-KEDB, jew dispożizzjonijiet rilevanti oħra tal-liġi internazzjonali jew tal-liġi ta’ kwalunkwe Stat Membru li tipprovdi livell ogħla ta’ protezzjoni.”

B.   Id‑dritt Bulgaru

7.

Skont l-Artikolu 12 tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali; iktar ’il quddiem in-“NPK’) ( 4 ) proċeduri ġudizzjarji huma inter partes u d-difiża għandha l-istess drittijiet bħall-prosekuzzjoni.

8.

Mill-Artikolu 46(2)(1) u mill-Artikolu 52 tan-NPK jirriżulta li l-istadju ta’ qabel il-proċess ta’ proċeduri kriminali jiġi ġestit mill-awtoritajiet investigattivi taħt id-direzzjoni u s-superviżjoni tal-prosekutur pubbliku.

9.

Skont l-Artikolu 117 tan-NPK:

“Permezz ta’ xhieda, huwa possibbli li jiġu stabbiliti l-fatti kollha osservati mix-xhud u li jikkontribwixxu sabiex tinstab il-verità oġġettiva.”

10.

Id-deċiżjoni tar-rinviju, li tirreferi għall-Artikolu 107(1) u għall-Artikoli 139 u 224 tan-NPK, tgħid li x-xhud instema’ fl-istadju ta’ qabel il-proċess ta’ proċeduri kriminali, sabiex jinġabru l-provi, ġeneralment mingħajr ma tkun preżenti d-difiża. B’riferiment għall-Artikolu 280(2) tan-NPK, moqri flimkien mal-Artikolu 253 tagħha, hija tgħid ukoll li x-xhud jinstema’ għal -darba oħra waqt is-smigħ, fil-preżenza tad-difiża, li mbagħad ikollha l-opportunità tagħmel il-mistoqsijiet tagħha stess lilu.

11.

L-Artikolu 223 tan-NPK, intitolat “Interrogazzjoni ta’ xhud quddiem imħallef”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“(1)   Fejn ikun hemm riskju li x-xhud ma jkunx jista’ jidher quddiem il-qorti minħabba mard gravi, perijodu prolongat ta’ assenza mill-pajjiż jew għal raġunijiet oħra li jagħmluha impossibbli li huwa jidher għall-proċess, u wkoll meta jkun neċessarju li jiġu pperpetwati dikjarazzjonijiet ta’ xhud li huma ta’ importanza partikolari għall-istabbiliment tal-verità oġġettiva, is-smigħ għandu jsir quddiem imħallef tal-qorti rilevanti tal-ewwel istanza jew tal-qorti tal-ewwel istanza li fid-distrett tiegħu titwettaq l-attività. F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-proċess ma jiġix sottomess lill-imħallef.

(2)   L-awtorità responsabbli għall-proċeduri ta’ qabel il-proċess għandha tiżgura l-attendenza tax-xhud u l-possibbiltà li l-persuna akkużata u l-avukat difensur tagħha, jekk ikun hemm, jieħdu sehem fis-smigħ.”

12.

L-Artikolu 281 tan-NPK, intitolat “Qari ta’ dikjarazzjonijiet ta’ xhud”, jgħid, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“(1)   Dikjarazzjonijiet ta’ xhud magħmula fl-istess kawża quddiem imħallef fil-proċeduri ta’ qabel il-proċess jew quddiem il-qorti diversament ippreseduta għandhom jinqraw, fejn:

[…]

3.

ix-xhud, debitament imħarrek sabiex jixhed, ma jistax jidher quddiem il-qorti għal perijodu ta’ żmien prolongat jew indefinit u ma jenħtiġlux jew ma jistax jinstema’ b’delega ta’ poteri;

4.

ix-xhud ma jistax jinstab sabiex jitħarrek biex jixhed, jew miet;

[…]

(3)   Taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 281(1)(1) sa (6), dikjarazzjonijiet ta’ xhud magħmula quddiem awtorità responsabbli għall-proċeduri ta’ qabel il-proċess għandhom jinqraw jekk il-persuna akkużata u l-avukat difensur tagħha, jekk tali avukat kien awtorizzat jew appuntat, ħadu sehem fis-smigħ. Jekk hemm diversi akkużati, il-qari tad-dikjarazzjonijiet tax-xhieda li għandhom jirrelataw mal-akkużi prodotti kontrihom jenħtiġilhom il-kunsens ta’ dawk l-akkużati li ma kinux tħarrku biex jidhru għas-smigħ jew li debitament ipprovdew raġunijiet iġġustifikati għall-assenza tagħhom li jidhru.”

III. It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

13.

Is-Spetsializirana prokuratura (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Speċjalizzat, il-Bulgarija) beda proċeduri kriminali kontra diversi persuni għall-parteċipazzjoni allegata tagħhom fi grupp kriminali organizzat, li l-fini tiegħu kien li jiddaħħlu illegalment ċittadini ta’ pajjiżi terzi minn naħa għal oħra tal-fruntieri Bulgari, sabiex jassistuhom jidħlu fit-territorju Bulgaru illegalment u sabiex ixaħħmu jew jixxaħħmu b’konnessjoni ma’ dawn l-attivitajiet.

14.

Fl-istadju ta’ qabel il-proċess tal-proċeduri kriminali l-awtoritajiet investigattivi li jassistu lill-prosekutur pubbliku interrogaw ħames ċittadini ta’ pajjiż terz, jiġifieri, MM, RB, KH, HN u PR (iktar ’il quddiem, flimkien, ix-“xhieda”), jiġifieri d-dħul illegali fil-Bulgarija li ħames persuni, jiġifieri IP, DD, ZI, SS u HYA (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“persuni akkużati’) kienu allegatament iffaċilitaw. L-ewwel tliet persuni akkużati kienu aġenti tal-pulizija tal-konfini tal-ajruport ta’ Sofija (il-Bulgarija).

15.

Skont l-Artikolu 223 tan-NPK, ix-xhieda instemgħu quddiem imħallef: ix-xhieda MM, RB u PR dehru fit‑30 ta’ Marzu u fit‑12 ta’ April 2017, ix-xhud HN deher fit‑30 ta’ Marzu 2017 u x-xhud KH deher fis‑26 ta’ Mejju 2017 ( 5 ). Dan is-smigħ twettaq qabel ma l-persuni akkużati kienu ġew akkużati formalment u qabel ma kienu ngħataw aċċess għal avukat. IP, DD, SS u HYA kienu arrestati fil-lejla tal‑25 ta’ Mejju 2017 u kienu ġew akkużati fil-ġurnata segwenti ( 6 ), filwaqt li l-akkużat ZI kien arrestat u akkużat fil‑31 ta’ Mejju 2017. Sussegwentement il-persuni akkużati tqiegħdu f’detenzjoni provviżorja u ngħataw l-assistenza ta’ avukat.

16.

Wara li l-persuni akkużati kienu tqiegħdu taħt akkuża, il-prosekutur pubbliku ma kkunsidrax li kien neċessarju li jisma’ x-xhieda fil-preżenza tal-persuni akkużati jew tar-rappreżentanti tagħhom, minkejja li kien jaf li kienu nħarġu ordnijiet ta’ deportazzjoni kontra erbgħa minnhom, u b’hekk għamilha improbabbli li dawk ix-xhieda setgħu jattendu l-proċess tal-persuni akkużati.

17.

Fil‑21 ta’ Lulju 2017, il-prosekutur pubbliku sema’ x-xhieda MM u RB għat-tieni darba. MM instema’ mill-ġdid fit‑22 ta’ Novembru 2017. Dan is-smigħ ma sarx quddiem imħallef, u l-persuni akkużati u r-rappreżentanti tagħhom kienu assenti.

18.

Fit‑18 ta’ Jannar 2018, SS, u fit‑30 ta’ April 2018, DD, espressament talbu permess sabiex jisimgħu lil MM. Il-prosekutur pubbliku ma rrispondiex għal dawk it-talbiet ( 7 ).

19.

Konsegwentement għall-preżenza illegali tagħhom fil-Bulgarija u parallellament mal-proċeduri kriminali, ix-xhieda MM, RB, HN u PR sfaw is-suġġett ta’ proċeduri amministrattivi u nżammu f’kenn għall-migranti. Qabel ma nħelsu minn kustodja, huma kienu nnotifikati b’ordnijiet ta’ deportazzjoni. KH, li kien daħal fil-pajjiż fil‑25 ta’ Mejju 2017, ħallieh fid‑29 ta’ Mejju 2017 mingħajr ma kienu nbdew proċeduri amministrattivi kontrih.

20.

Fid‑19 ta’ Ġunju 2020 l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Speċjalizzat ippreżenta fil-qorti tar-rinviju att ta’ akkuża fir-rigward tal-persuni akkużati. L-attentati tal-qorti tar-rinviju sabiex issib u tħarrek lix-xhieda sabiex tismagħhom fil-preżenza tal-persuni akkużati jew tar-rappreżentanti tagħhom ma rnexxewx minħabba li ma kienx magħruf il-post ta’ residenza tagħhom (bħal fil-każ ta’ RB, HN u PR), jew minħabba li huma kienu ġew espulsi mill-Bulgarija (bħal fil-każ ta’ MM), jew minħabba li huma kienu telqu volontarjament mill-pajjiż (bħal fil-każ ta’ KH). Il-qorti tar-rinviju b’dan ikkonkludiet li ma kienx hemm possibbiltà li hija tisma’ lix-xhieda personalment, fil-preżenza tal-persuni akkużati jew tar-rappreżentanti tagħhom, u biex dawn tal-aħħar jagħmlu mistoqsijiet lil dawn ix-xhieda.

21.

Fis-seduta tad‑9 ta’ April 2021 il-prosekutur pubbliku talab li, skont l-Artikolu 281(1) tan-NPK, id-dikjarazzjonijiet li x-xhieda kienu għamlu quddiem l-imħallef fl-istadju ta’ qabel il-proċess tal-proċeduri kriminali jinqraw fil-proċess tal-persuni akkużati ( 8 ). B’dak il-mezz, id-dikjarazzjonijiet isiru jagħmlu parti mill-provi li abbażi tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tasal sabiex tiddeċiedi dwar l-akkużi prodotti kontra l-persuni akkużati. Il-persuni akkużati opponew għal din it-talba għar-raġuni li dan kien ser iċaħħadhom mid-dritt tagħhom għal smigħ xieraq skont it-tifsira tal-Artikolu 6 tal-KEDB.

22.

Il-qorti tar-rinviju tispjega li d-dikjarazzjonijiet ta’ dawk ix-xhieda jipprovdu l-bażi tal-atti ta’ akkuża u huma kruċjali għall-evalwazzjoni tal-ħtija tal-persuni akkużati. Madankollu, hija għandha dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-proċedura stabbilita bl-Artikolu 281(1) tan-NPK, moqri flimkien mal-Artikolu 223 tagħha, li permezz tagħha, fl-assenza ta’ xhud għall-proċess ta’ persuna akkużata, xhieda li hija tkun tat quddiem imħallef fl-istadju ta’ qabel il-proċess ta’ proċeduri kriminali fl-assenza tal-persuna akkużata jew tar-rappreżentanti tagħha tkun tista’ tinqara fi proċess mingħajr dawn tal-aħħar ma kien ikollhom kwalunkwe opportunità jagħmlu mistoqsijiet lil dak ix-xhud.

23.

Il-qorti tar-rinviju tosserva li, fil-proċess ta’ reat, qorti kriminali tista’ tistrieħ fuq dikjarazzjonijiet ta’ xhieda magħmula fil-preżenza ta’ persuna akkużata jew tar-rappreżentanti tagħha. F’konformità mal-Artikolu 281(1) u (3) tan-NPK, meta l-qorti tal-proċess taqra dikjarazzjonijiet magħmula minn xhud fl-istadju ta’ qabel il-proċess, dawk id-dikjarazzjonijiet isiru parti mill-provi fil-proċess tal-kawża u jkollhom l-istess valur probatorju daqslikieku x-xhud kien preżenti għall-proċess u kien wieġeb il-mistoqsijiet magħmula mill-partijiet. Il-qorti tar-rinviju tispjega li, meta hemm riskju li xhud ma jkunx jista’ jidher quddiem il-qorti tal-proċess, huwa jista’ jinstema’ fl-istadju ta’ qabel il-proċess quddiem imħallef, li r-rwol tiegħu huwa li jidderieġi s-smigħ billi jiżgura l-legalità formali tiegħu. Ladarba persuna taħt suspett tkun ġiet akkużata formalment, hija għandha tiġi informata dwar dan is-smigħ u offruta l-opportunità li tipparteċipa fih. Sabiex jiġi evitat dan l-obbligu legali, madankollu, l-awtoritajiet investigattivi sikwit jisimgħu xhieda fil-perijodu ta’ 24 siegħa bejn l-arrest tal-persuna taħt suspett u l-akkuża formali tagħha ( 9 ). Dan kien il-każ hawnhekk ( 10 ).

24.

Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, id-dritt tal-persuna akkużata li tkun preżenti għall-proċess tagħha skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 jimplika l-eżerċizzju tad-drittijiet legali kollha tagħha fil-kuntest ta’ dak il-proċess għall-fini tad-difiża tagħha, inkluż id-dritt li l-persuna akkużata tagħmel mistoqsijiet lix-xhieda tal-prosekuzzjoni. L-imħallef tal-proċess jista’ b’hekk jistrieħ biss fuq provi riċevuti fil-preżenza tal-persuni akkużati jew tar-rappreżentanti tagħhom. Hawnhekk, għalkemm il-persuni akkużati huma preżenti għall-proċess tagħhom, fir-realtà huma jattendu għall-qari tad-dikjarazzjonijiet magħmula mix-xhieda tal-prosekuzzjoni, mingħajr ma jkollhom kwalunkwe opportunità jagħmlu mistoqsijiet lil dawn ix-xhieda. B’riferiment għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-persuni akkużati huma fl-istess pożizzjoni bħallikieku l-prosekutur pubbliku kien sema’ lil dawn ix-xhieda fis-seduta fl-assenza tal-persuni akkużati jew tar-rappreżentanti tagħhom.

25.

Il-qorti tar-rinviju ulterjorment tosserva li, meta l-prosekutur pubbliku jiġbor provi fil-kors ta’ proċedura interlokutorja, bħal dik ipprovduta bl-Artikolu 223 tan-NPK, mingħajr il-parteċipazzjoni tad-difiża, u juża dawn il-provi sabiex jistabbilixxi l-ħtija ta’ persuni akkużati fil-proċess tagħhom, huwa jipprova l-kawża b’mod li jipprekludi kwalunkwe possibbiltà għall-persuni akkużati jew għar-rappreżentanti tagħhom li jagħmlu mistoqsijiet lil dawn ix-xhieda. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-obbligu impost fuq il-prosekutur pubbliku bl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2016/343 li l-ħtija tal-persuna akkużata tiġi pprovata huwiex issodisfatt korrettament f’tali ċirkustanzi. Tistaqsi wkoll jekk id-dritt għal smigħ xieraq iggarantit bit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jeżiġix li l-persuni akkużati jiġu pprovduti b’mezzi legali effettivi sabiex jiddefendu ruħhom kontra provi inkriminanti miġjuba mill-prosekuzzjoni, partikolarment l-opportunità li jagħmlu mistoqsijiet lix-xhieda tal-prosekuzzjoni. Il-qorti tar-rinviju, għalhekk, tfittex li taċċerta jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2016/343 għandux jiġi interpretat flimkien mal-Artikolu 8(1) tagħha.

26.

Il-qorti tar-rinviju ma tikkunsidrax li l-qari, fil-proċess tal-persuni akkużati, ta’ xhieda mogħtija minn xhud fl-istadju ta’ qabel il-proċess tal-proċeduri mingħajr ma l-persuni akkużati kellhom opportunità jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom stess lix-xhud, huwa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni fiċ-ċirkustanzi kollha. Filwaqt li din il-proċedura tikser id-dritt li l-persuna akkużata tkun preżenti waqt il-proċess, hija tista’ tkun neċessarja jekk ikun oġġettivament impossibbli li tiġi żgurata l-preżenza ta’ xhud waqt proċess, il-prosekutur pubbliku jaġixxi in bona fide u hemm miżuri eżistenti għal kontrobilanċ.

27.

Hawnhekk il-prosekuzzjoni kienet taf li x-xhieda kienu ser jitneħħew mill-Bulgarija u li, għalhekk, kien ser ikun diffiċli, jekk mhux impossibbli, għalihom li jattendu l-proċess. Għalhekk, hija kienet taf li x-xhieda mogħtija mix-xhieda quddiem imħallef fl-istadju ta’ qabel il-proċess, bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-prosekutur pubbliku u fl-assenza tal-persuni akkużati u tar-rappreżentanti tagħhom, kienet ser tinqara fil-proċess u li kien ser ikollha l-istess valur probatorju daqslikieku l-persuni akkużati jew ir-rappreżentanti tagħhom kienu preżenti għal dan is-smigħ fl-istadju ta’ qabel il-proċess ( 11 ). Barra minn dan, id-dritt nazzjonali ma jipprovdi l-ebda rimedju jekk il-prosekutur pubbliku ma jagħmel xejn jew jirrifjuta li jagħti lill-persuni akkużati opportunità jagħmlu mistoqsijiet lix-xhieda li huwa jkun biħsiebu jistrieħ fuq id-dikjarazzjonijiet tagħhom.

28.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“Huwa konformi mal-Artikolu 8(1), kif ukoll mal-Artikolu 6(1), moqri flimkien mal-premessi 33 u 34 tad-Direttiva 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali u l-Artikolu 47(2) tal-Karta, li leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li d-dritt tal-persuna suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali, li tkun preżenti waqt il-proċess, ikun irrispettat u l-prosekutur ikun issodisfa b’mod korrett l-obbligu tiegħu li jipprova l-ħtija tal-persuna akkużata jekk, fil-fażi ġudizzjarja tal-proċeduri kriminali, meta minħabba raġunijiet oġġettivi x-xhieda ma jkunux jistgħu jiġu interrogati, jiddaħħlu fil-proċess id-dikjarazzjonijiet magħmula minn dawn ix-xhieda waqt il-fażi preliminari tal-proċeduri kriminali (meta dawn ix-xhieda jkunu ġew interrogati biss mill-prosekuzzjoni u mingħajr il-parteċipazzjoni tad-difiża, iżda quddiem qorti, u meta l-prosekuzzjoni tkun setgħet, sa mill-fażi preliminari, tiggarantixxi lid-difiża l-possibbiltà li tipparteċipa għall-imsemmi interrogatorju iżda din ma tkunx għamlet dan)?”

29.

DD, IP u l-Kummissjoni Ewropea ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub.

IV. Analiżi ġuridika

A.   Ir‑rilevanza tal‑Artikolu 6 tal-KEDB u tal‑Artikoli 47 u 48 tal‑Karta

30.

Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li s-sitwazzjoni li tqajjem dubji f’dan il-każ tista’ tkun konsistenti mad-dritt tal-Unjoni jekk jiġu ssodisfatti ċerti rekwiżiti stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) ( 12 ). B’mod partikolari, hija tinnota s-sentenza tal-Qorti EDB fil-kawża Gani vs Spanja ( 13 ), fejn dik il-qorti eżaminat, b’riferiment għall-Artikolu 6(1) u (3)(d) tal-KEDB, il-possibbiltà li qorti taċċetta bħala prova d-dikjarazzjonijiet li x-xhud uniku tal-prosekuzzjoni kien għamel matul l-istadju ta’ qabel il-proċess tal-proċeduri, f’ċirkustanzi fejn il-persuna akkużata u l-avukat difensur tagħha ma setgħux jisimgħuha waqt il-proċess tiegħu minħabba li kienet tbati minn stress posttrawmatiku.

31.

Għandi żewġ osservazzjonijiet x’nagħmel f’dan ir-rigward.

32.

L-ewwel, il-qorti tar-rinviju hija korretta li tislet mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB sabiex tinterpreta d-Direttiva 2016/343 ( 14 ).

33.

Il-premessa 47 tad-Direttiva 2016/343 tgħid li hija ssostni d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali rrikonoxxuti mill-Karta u mill-KEDB, inkluż id-dritt għal smigħ xieraq, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-drittijiet tad-difiża. Mill-premessa 48 tad-Direttiva 2016/343 isegwi li l-livell ta’ protezzjoni pprovdut mill-Istati Membri qatt ma għandu jkun inqas mill-istandards previsti mill-Karta jew mill-KEDB, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti EDB. Ir-rekwiżit li jiġu sostnuti standards minimi huwa konness mill-qrib mal-għanijiet li jsaħħu l-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta’ xulxin u li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet kriminali ( 15 ).

34.

Il-premessa 33 tad-Direttiva 2016/343 tiddikjara li d-dritt li l-persuni akkużati jkunu preżenti waqt il-proċess tagħhom huwa bbażat fuq id-dritt għal smigħ xieraq, stabbilit fl-Artikolu 6 tal-KEDB, fit-tieni u fit-tielet paragrafi tal-Artikolu 47, u fl-Artikolu 48 tal-Karta. Skont l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta ( 16 ), it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi mal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, u l-Artikolu 48 tal-Karta huwa l-istess bħall-Artikolu 6(2) u (3) tal-KEDB ( 17 ). Isegwi li d-dritt li kull persuna akkużata b’reat kriminali tisma’, jew li jinstemgħu f’isimha, xhieda msejħa sabiex jixhdu kontriha, stabbilit fl-Artikolu 6(3)(d) tal-KEDB, jagħmel parti mid-drittijiet tad-difiża ggarantiti bl-Artikolu 48(2) tal-Karta. Dawn jeżiġu li l-individwu kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li effettivament jagħmel magħrufa l-fehmiet tiegħu dwar l-akkużi miġjuba kontrih ( 18 ), u huma, b’mod iktar ġenerali, aspett speċifiku tad-dritt għal smigħ xieraq iggarantit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta ( 19 ).

35.

It-tieni, dawn l-osservazzjonijiet iwassluni sabiex nikkonkludi li, addizzjonalment mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li l-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment dirett għalih, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-Artikolu 48(2) tal-Karta sabiex tingħata risposta utli għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ( 20 ).

B.   Id‑domanda magħmula

36.

Il-kawża prinċipali taqa’ fl-ambitu tad-Direttiva 2016/343, minħabba li, kif huwa ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju, tikkonċerna persuni akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali li allegatament wettqu reati kriminali fejn għad ma hemmx deċiżjoni finali dwar ħtijiethom ( 21 ).

37.

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tfittex li tiddefinixxi mill-ġdid l-ambitu tar-rinviju billi tissottometti li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju sostanzjalment tqajjem kwistjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ provi. Jeżisti obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw, fl-evalwazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet magħmula minn persuni taħt suspett jew persuni akkużati, jew ta’ provi miksuba bi ksur tad-dritt li wieħed jibqa’ sieket jew tad-dritt li wieħed ma jinkriminax lilu nnifsu, ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża u li l-proċeduri huma ġusti. Madankollu, dan l-obbligu huwa espress bħala li huwa “[m]ingħajr preġudizzju għar-regoli u s-sistemi nazzjonali dwar l-ammissibbiltà tal-evidenza” ( 22 )

38.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, għall-inqas sa fejn tfittex li tinterpreta l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u mal-Artikolu 48(2) tal-Karta, ma tqajjimx kwistjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ provi. Minflok, hija tinsisti espressament dwar id-dritt li persuni akkużati jkunu preżenti għall-proċess tagħhom, f’kuntest fejn il-qorti tar-rinviju tkun tixtieq taf il-kamp ta’ applikazzjoni preċiż u l-kontenut ta’ dan id-dritt u l-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minnu għall-ġestjoni tal-proċess tal-persuni akkużati. Partikolarment, hija tixtieq tkun taf jekk dan id-dritt jingħatax effett sħiħ f’ċirkustanzi fejn persuni akkużati jistgħu jattendu għall-proċess tagħhom sabiex jisimgħu dikjarazzjonijiet, magħmula minn xhieda tal-prosekuzzjoni fl-istadju ta’ qabel il-proċess tal-proċeduri fl-assenza tagħhom u tar-rappreżentanti tagħhom, li jinqraw sabiex jiġu rreġistrati, mingħajr ma jitħallew jagħmlu mistoqsijiet lil dawn ix-xhieda minħabba l-assenza ta’ dawn tal-aħħar. Fi kliem ieħor, id-dritt ta’ attendenza għal proċess, kif iggarantit bid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, neċessarjament jinkludi d-dritt li l-persuna akkużata jew ir-rappreżentanti tagħha jipparteċipaw f’dak il-proċess billi jagħmlu mistoqsijiet lix-xhieda tal-prosekuzzjoni?

39.

Sussidjarjament, il-Kummissjoni tikkontendi li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 ma japplikax f’ċirkustanzi bħal dawk żvelati fid-deċiżjoni tar-rinviju.

40.

Il-Kummissjoni l-ewwel tissottometti li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 japplika biss għall-fażi ġudizzjarja ta’ proċeduri kriminali. Għalhekk, hija ma tikkontrollax il-ġbir tal-provi fl-istadju ta’ qabel il-proċess, inkluża kwalunkwe kwistjoni dwar jekk il-persuni akkużati u/jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhomx id-dritt ikunu preżenti matul is-smigħ ta’ xhud f’dak l-istadju.

41.

Ma iniex persważ b’dan l-argument. Kif tenfasizza d-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju titlob gwida dwar il-legalità tal-applikazzjoni tal-Artikolu 281(1) tan-NPK fil-proċess tal-persuni akkużati, mhux dwar il-ġestjoni tal-proċeduri kriminali fl-istadju ta’ qabel il-proċess.

42.

It-tieni, il-Kummissjoni targumenta li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 jikkonsisti fid-dritt li persuna akkużata tkun preżenti għall-proċess tagħha. Ma jinkludix id-dritt li l-persuni akkużati jew ir-rappreżentanti tagħhom jagħmlu mistoqsijiet lix-xhieda.

43.

Għalkemm la l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 u lanqas kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma jsemmu d-dritt li persuna akkużata tisma’ xhieda tal-prosekuzzjoni, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tad-dritt li l-persuni akkużati jkunu preżenti għall-proċess tagħhom hija li titnaqqas ir-rwol tagħhom għal dak ta’ sempliċi spettaturi. Din l-interpretazzjoni ċċaħħad l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 minn kwalunkwe sustanza u tirrendi d-dritt li l-persuni akkużati jattendu għall-proċess tagħhom ineffettiv, jekk mhux mingħajr tifsira. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra korrettament li, kieku din l-interpretazzjoni kellha tipprevali, il-persuni akkużati kienu jkunu fl-istess pożizzjoni daqslikieku l-prosekutur pubbliku kien sema’ lil dawn ix-xhieda fil-proċess fl-assenza tal-persuni akkużati jew tar-rappreżentanti tagħhom.

44.

Fi kwalunkwe każ, huwa ċar mill-ġurisprudenza kemm tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll tal-Qorti EDB li d-dritt li l-persuni akkużati jagħmlu mistoqsijiet lix-xhieda msejħa mill-prosekuzzjoni matul proċess dwar akkużi kriminali jagħmel parti mill-essenza tad-dritt li persuna tkun preżenti għall-proċess tagħha.

45.

B’riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti EDB f’sentenza li fiha hija interpretat l-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva 2016/343, il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet li “[i]ż-żamma ta’ seduta pubblika tikkostitwixxi prinċipju fundamentali stabbilit fl-Artikolu 6 tal-KEDB[, li] għandu importanza partikolari fil-qasam kriminali, […] fejn parti fil-kawża tista’ leġittimament teżiġi ‘li tinstema’’ kif ukoll li tibbenefika b’mod partikolari mill-possibbiltà li tesponi oralment l-eċċezzjonijiet tad-difiża tagħha, li tisma’ d-depożizzjonijiet tal-prosekuzzjoni, li teżamina u tagħmel kontroeżami tax-xhieda” ( 23 ).

46.

B’mod simili, f’kawża li kienet tinvolvi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proċeduri kriminali immedjati, li bihom qorti jenħtiġilha tkun taf direttament u immedjatament dwar il-kawża quddiemha ( 24 ), il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet li persuni li jeżerċitaw ir-responsabbiltà li jiddeċiedu dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna akkużata għandhom, bħala prinċipju, ikunu jistgħu jisimgħu xhieda personalment u li jevalwaw il-kredibbiltà tagħhom; li l-evalwazzjoni tal-kredibbiltà ta’ xhud hija kompitu kumpless li normalment ma jistax jitwettaq permezz ta’ sempliċi qari tal-kliem irreġistrat tiegħu, u li “wieħed mill-elementi importanti ta’ proċess kriminali ta’ natura xierqa huwa l-possibbiltà li l-akkużat jikkonfronta lix-xhieda fil-preżenza tal-Imħallef li fl-aħħar jiddeċiedi” ( 25 ).

47.

F’diversi okkażjonijiet il-Qorti EDB kellha l-opportunità tinterpreta d-dritt li persuni akkużati b’reat kriminali jisimgħu, jew li jinstemgħu f’isimhom, xhieda msejħa sabiex jagħtu provi kontrihom, kif stabbilit fl-Artikolu 6(3)(d) tal-KEDB, li huwa aspett speċifiku tad-dritt ta’ smigħ xieraq irrikonoxxut fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB ( 26 ). B’riferiment għal dawn id-dispożizzjonijiet, il-Qorti EDB teżamina jekk humiex ġusti proċeduri kriminali, meta eżaminati fl-intier tagħhom, inkluż il-mod li bih jinġabru l-provi ( 27 ).

48.

Skont il-Qorti EDB, l-Artikolu 6(1) u (3)(d) tal-KEDB normalment jeżiġu li, qabel ma jkunu jistgħu jiġu kkundannati l-persuni akkużati b’reat kriminali, għandhom jiġu prodotti l-provi kollha kontrihom fil-preżenza tagħhom fi smigħ pubbliku għall-fini li jiġi ffaċilitat argument avversarju. L-użu bħala prova ta’ dikjarazzjonijiet miksuba fl-istadju tal-investigazzjoni ma huwiex fih innifsu inkonsistenti ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, dejjem sakemm ikunu rrispettati d-drittijiet tad-difiża, li, bħala regola, jeżiġu li l-persuna akkużata tingħata opportunità adegwata u xierqa sabiex tikkontesta u tagħmel mistoqsijiet lil xhud kontriha ( 28 ).

49.

Il-Qorti EDB tevalwa l-kompatibbiltà mal-Artikolu 6(1) u (3)(d) tal-KEDB ta’ proċeduri kriminali li matulhom dikjarazzjonijiet magħmula minn xhud li ma kienx preżenti u mistoqsi fil-proċess jintużaw bħala provi b’riferiment għal test fi tliet stadji ( 29 ).

50.

L-ewwel, għandu jkun hemm raġuni tajba sabiex ix-xhud tal-prosekuzzjoni ma jidhirx għall-proċess, bħal mewt, stat ta’ saħħa, biża’ li jixhed, jew li jkun impossibbli li huwa jinstab ( 30 ).

51.

It-tieni, kundanna li hija esklużivament, jew sa grad deċiżiv, ibbażata fuq dikjarazzjonijiet magħmula minn persuna li l-persuna akkużata ma kellhiex opportunità tisma’ jew li din tinstema’ f’isimha, kemm jekk huwiex fil-kors tal-investigazzjoni jew tal-proċess, tirrestrinġi d-drittijiet tad-difiża b’tali mod li tirrendi dak il-proċess inkompatibbli mal-garanziji pprovduti mill-Artikolu 6 tal-KEDB ( 31 ).

52.

It-tielet, il-Qorti EDB tiddetermina jekk kienx hemm fatturi suffiċjenti ta’ kontrobilanċ, inklużi salvagwardji proċedurali b’saħħithom, sabiex jikkumpensaw għall-iżvantaġġi kkawżati għad-difiża bħala riżultat tad-dikjarazzjonijiet ammessi li ma kinux eżaminati ta’ xhud assenti sabiex jiġi żgurat li l-proċess, iġġudikat fl-intier tiegħu, huwa ġust ( 32 ). Il-Qorti EDB teżamina l-elementi segwenti f’dak il-kuntest: l-approċċ tal-qorti tal-proċess għall-provi mhux eżaminati tax-xhud assenti ( 33 ), id-disponibbiltà u l-qawwa ta’ provi korroborattivi fil-proċess ( 34 ), u l-miżuri proċedurali meħuda bħala kumpens għall-assenza ta’ opportunità ta’ kontroeżami tax-xhud direttament fil-proċess ( 35 ).

53.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li d-domanda magħmula għandu jkollha risposta fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu8(1) tad-Direttiva 2016/343.

54.

Kif tispjega l-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 281(1) tan-NPK, moqri flimkien mal-Artikolu 223 tiegħu, jippermetti lil qorti li jkollha akkużi kriminali quddiemha, meta xhud ma jistax, għal raġunijiet tajba, ikun preżenti għall-proċess, tieħu inkunsiderazzjoni, sabiex tiddetermina l-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna akkużata, id-dikjarazzjonijiet magħmula minn dak ix-xhud li nstema’ quddiem imħallef mill-prosekuzzjoni fl-istadju ta’ qabel il-proċess tal-proċeduri, bil-patt li jekk il-persuna akkużata ma tkunx ġiet akkużata formalment fiż-żmien li jsir dak is-smigħ hija ma tkunx tista’ tipparteċipa fih.

55.

Sa fejn, fil-prattika, dawk id-dispożizzjonijiet ma jħallux lill-persuni akkużati jew lill-avukati tagħhom jagħmlu mistoqsijiet lix-xhieda tal-prosekuzzjoni fil-proċess, huma jistgħu jiksru d-dritt li dawk il-persuni jkunu preżenti għall-proċess tagħhom kif iggarantit bl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343, kif ukoll id-dritt għal smigħ xieraq u d-drittijiet tad-difiża stabbiliti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u fl-Artikolu 48(2) tal-Karta, rispettivament.

56.

Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex obbligata ssegwi t-test fi tliet stadji mfassal mill-Qorti EDB, hija tipprovdi kuntest kunċettwali utli li b’riferiment għalih il-kompatibbiltà ta’ proċeduri, bħal dawk deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju, tista’ tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 u tad-drittijiet stabbiliti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u fl-Artikolu 48(2) tal-Karta.

57.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali li l-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għaliha tidher li tissodisfa r-rekwiżit tal-ewwel stadju ta’ dak it-test, minħabba li l-provi tax-xhud tal-prosekuzzjoni għandhom jiġu ammessi biss meta jkun hemm raġuni tajba għall-assenza tiegħu mill-proċess. Jekk il-prosekuzzjoni tistax iġġib raġuni tajba għall-assenza tax-xhieda fiċ-ċirkustanzi tal-proċeduri pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju hija kwistjoni li din tal-aħħar għandha tiddeċiedi.

58.

L-applikazzjoni tat-tieni stadju tat-test stabbilit mill-Qorti EDB hija wkoll kwistjoni li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi fid-dawl tal-fatti mqiegħda quddiemha. Jekk hija tikkonstata li l-provi tax-xhieda assenti huma deċiżivi sabiex tiddetermina l-ħtija tal-persuni akkużati, isegwi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li l-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għaliha tirrestrinġi d-dritt li dawk il-persuni jiddefendu lilhom innifishom b’mod inkompatibbli mal-garanziji pprovduti bl-Artikolu 6 tal-KEDB.

59.

Fir-rigward tat-tielet stadju ta’ dak it-test, l-informazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tendenza tiżvela li hemm fatturi insuffiċjenti ta’ kontrobilanċ sabiex jikkumpensaw għall-iżvantaġġi kkawżati għall-persuni akkużati minħabba l-ammissjoni tal-provi ta’ xhieda li ma nstemgħux tali li jistgħu ma jiżgurawx li l-proċess, iġġudikat fl-intier tiegħu, huwa ġust. Skont il-qorti tar-rinviju, id-dikjarazzjonijiet ta’ xhieda magħmula quddiem imħallef skont l-Artikolu 223 tan-NPK u moqrija skont l-Artikolu 281(1) tan-NPK għandhom l-istess valur probatorju daqslikieku x-xhieda kienu preżenti għall-proċess u wieġbu għall-mistoqsijiet kemm tal-prosekuzzjoni kif ukoll tad-difiża. B’mod partikolari, il-prosekuzzjoni ma hijiex obbligata, wara li tkun interrogat xhud quddiem imħallef, skont l-Artikolu 223 tan-NPK, mingħajr ma tkun ipparteċipat id-difiża, terġa’ tinterroga lil dak ix-xhud, fil-preżenza tad-difiża, fl-istadju ta’ qabel il-proċess ( 36 ). Lanqas id-difiża ma jkollha l-ebda possibbiltà tikkontesta rifjut tal-prosekuzzjoni li tintlaqa’ talba sabiex isiru mistoqsijiet lix-xhieda fl-istadju ta’ qabel il-proċess jew li d-difiża teżiġi li l-prosekuzzjoni twieġeb għal talba għal dak il-fini.

60.

Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2016/343, li d-domanda għal deċiżjoni preliminari wkoll tagħmel riferiment għalih, din id-dispożizzjoni hija waħda minn ħames artikoli tal-Kapitolu 2 tagħha, li tindirizza l-preżunzjoni tal-innoċenza. Kif tagħmilha ċara l-premessa 22 tad-direttiva, din id-dispożizzjoni teżiġi li l-Istati Membri jiżguraw li l-oneru tal-prova li tistabbilixxi l-ħtija ta’ persuni taħt suspett u ta’ persuni akkużati hija fuq il-prosekuzzjoni.

61.

Għalhekk, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2016/343 iservi sabiex jalloka l-oneru tal-prova fi proċessi kriminali. Kuntrarju għal dak li tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni ma teżiġix li, sabiex tiġi stabbilita l-ħtija tal-persuni akkużati, il-prosekuzzjoni tista’ tressaq biss tali prova li hija tkun setgħet kisbet f’konformità mal-liġi, inkluż l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343. Is-suġġett tad-Direttiva 2016/343, kif iddefinit mill-Artikolu 1 tagħha, ma għandux l-għan li jirregola kwistjonijiet ta’ din ix-xorta bi kwalunkwe mod.

62.

Għalhekk, jiena tal-fehma li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2016/343 ma hijiex rilevanti għall-fatti ta’ dan il-każ u li, għalhekk, ma hemmx il-ħtieġa li tingħata risposta għat-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex tiġi interpretata din id-dispożizzjoni.

V. Konklużjoni

63.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda magħmula għal deċiżjoni preliminari mis-Spetsializiran nakazatele sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) kif ġej:

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li d-dritt ta’ persuna akkużata li tkun preżenti fil-proċeduri huwa ssalvagwardjat hija inkompatibbli mal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u mal-Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jekk ix-xhieda mogħtija fl-istadju ta’ qabel il-proċess tal-proċeduri minn xhieda li ma jistgħux jinstemgħu għal raġunijiet oġġettivi tiġi introdotta fil-fażi ġudizzjarja tal-proċeduri kriminali, sabiex b’hekk dawk ix-xhieda jkunu ġew interrogati unikament mill-prosekuzzjoni u mingħajr il-parteċipazzjoni tad-difiża, iżda quddiem imħallef, u l-prosekuzzjoni tkun setgħet ipprovdiet lid-difiża bl-opportunità li tipparteċipa f’dak is-smigħ fl-istadju ta’ qabel il-proċess, iżda ma tkunx għamlet hekk.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Ara d-digriet tal‑25 ta’ Marzu 2022, IP et (L-istabbiliment tal-eżattezza tal-fatti fil-kawża prinċipali) (C‑609/21, mhux ippubblikat, EU:C:2022:232); Kawża C‑347/21, DD (Smigħ mill-ġdid ta’ xhud) (ĠU 2021, C 338, p. 12); Kawża C‑349/21, HYA et (Raġunament għal awtorizzazzjonijiet għal interċezzjoni telefonika) (ĠU 2021, C 338, p. 13); u Kawża C‑269/22, I.P. et.

( 3 ) ĠU 2016, L 65, p. 1.

( 4 ) DV Nru 86 tat‑28 ta’ Ottubru 2005.

( 5 ) Mit‑15.05 sal‑15.50.

( 6 ) Bejn is‑17.40 u t‑20.20.

( 7 ) Fl-osservazzjonijiet tiegħu, DD isostni li huwa talab permess mingħand il-prosekutur pubbliku sabiex jisma’ lil MM u lil RB u li dawk it-talbiet kienu rrifjutati espressament.

( 8 ) Ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 9 ) F’konformità mal-Artikolu 72(1) taż-Zakon za Ministerstvoto na vatreshnite raboti (il-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern) (DV Nru 53 tas‑27 ta’ Ġunju 2014), moqri flimkien mal-Artikolu 73 tagħha, persuna taħt suspett li tkun wettqet offiża tista’ tinżamm għal massimu ta’ 24 siegħa. Is-soltu huwa fi tmiem ta’ dan il-perijodu li persuna taħt suspett tiġi akkużata formalment.

( 10 ) Ara l-każ ta’ KH, punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 11 ) Il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont id-dritt nazzjonali, id-dikjarazzjonijiet ta’ xhud li jkun ġie interrogat – kemm jekk huwiex quddiem imħallef jew le – bil-parteċipazzjoni tal-prosekuzzjoni u tad-difiża, u d-dikjarazzjonijiet ta’ xhud li jkun ġie interrogat bil-parteċipazzjoni tal-prosekuzzjoni biss iżda quddiem imħallef, għandhom l-istess valur probatorju.

( 12 ) Ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 13 ) Qorti EDB, 19 ta’ Frar 2013 (CE:ECHR:2013:0219JUD006180008, punti 39 u 41). Id-deċiżjoni tar-rinviju tiċċita espressament l-Artikolu 6(3)(d) tal-KEDB u sentenzi tal-Qorti EDB li jinterpretaw din id-dispożizzjoni.

( 14 ) Ara, bl-istess mod, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Sofiyska rayonna prokuratura et (Proċess ta’ persuna akkużata mneħħija mit-territorju) (C‑420/20, EU:C:2022:157, punt 51). B’mod simili, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Prokuratura Rejonowa Łódź-Bałuty (C‑338/20, EU:C:2021:683, punt 82), l-Avukat Ġenerali Bobek osserva li “[i]l-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-opportunità tipproduċi organu ta’ ġurisprudenza dwar id-dritt għal smigħ xieraq li huwa estensiv u ddettaljat daqs dak żviluppat mill-[Qorti EDB]” u li, “[m]adankollu, fid-deċiżjonijiet tagħha mogħtija sal-lum, il-Qorti tal-Ġustizzja frekwentement u espressament iċċitat is-sentenzi tal-[Qorti EDB] rigward l-Artikolu 6(3) KEDB u ‘inkorporat’ il-prinċipji li joriġinaw minnhom fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni”.

( 15 ) Premessa 10 tad-Direttiva 2016/343.

( 16 ) ĠU 2007, C 303, p. 17.

( 17 ) Barra minn dan, l-Artikolu 52(3) tal-Karta jgħid li, safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet huma l-istess bħal dawk stabbiliti mill-KEDB. L-ispjegazzjonijiet relatati ma’ din id-dispożizzjoni jindikaw li t-tifsira u l-ambitu tad-drittijiet hekk iggarantiti huma ddeterminati mill-KEDB u mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB li jinterpretawh (ara wkoll is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Toma u Biroul Executorului Judecătoresc Horațiu-Vasile Cruduleci, C‑205/15, EU:C:2016:499, punt 41).

( 18 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Sofiyska rayonna prokuratura et (Proċess ta’ persuna akkużata mneħħija mit-territorju) (C‑420/20, EU:C:2022:157, punt 54).

( 19 ) Għalhekk, fis-sentenza tagħha tad‑19 ta’ Frar 2013 fil-kawża Gani vs Spanja, il-Qorti EDB iddeċidiet li “L-Artikolu 6(3)(d) tal-[KEDB] huwa aspett speċifiku tad-dritt għal smigħ xieraq iggarantit mill-Artikolu 6(1) li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fi kwalunkwe evalwazzjoni ta’ kemm ikunu ġusti l-proċeduri” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (CE:ECHR:2013:0219JUD006180008, punt 36). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Gambino u Hyka (C‑38/18, EU:C:2019:208, punt 92).

( 20 ) Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-proċedura stabbilita bl-Artikolu 267 TFUE, li jipprovdi għall-kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija din tal-aħħar li għandha tipprovdi lill-qorti tar-rinviju b’risposta li tkun utli għaliha sabiex tiddetermina l-kawża quddiemha, tali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ssib li jkun neċessarju li hija tikkunsidra dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għalihom il-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment (sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Banco de Portugal et, C‑504/19, EU:C:2021:335, punt 30). Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha l-Kummissjoni tissottometti li d-dritt ta’ persuna akkużata li tipparteċipa fis-smigħ ta’ xhud huwa, bħala prinċipju, protett bit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u bl-Artikolu 48(2) tal-Karta.

( 21 ) L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2016/343 jipprovdi li hija tapplika għal persuni fiżiċi li jkunu persuni taħt suspett jew akkużati fi proċeduri kriminali, fl-istadji kollha ta’ dawk il-proċeduri kriminali, mill-mument meta persuna hija taħt suspett jew akkużata li wettqet reat kriminali, jew reat kriminali allegat, sa meta d-deċiżjoni dwar id-determinazzjoni finali dwar jekk dik il-persuna wettqitx dan ir-reat kriminali tkun saret definittiva.

( 22 ) Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2016/343.

( 23 ) Sentenza tat‑13 ta’ Frar 2020, Spetsializirana prokuratura (Seduta fl-assenza tal-persuna akkużata) (C‑688/18, EU:C:2020:94, punt 36).

( 24 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Gambino u Hyka (C‑38/18, EU:C:2019:208, punt 44).

( 25 ) Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Gambino u Hyka (C‑38/18, EU:C:2019:628, punti 4243).

( 26 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 27 ) Qorti EDB, 19 ta’ Frar 2013, Gani vs Spanja (CE:ECHR:2013:0219JUD006180008, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata), u 15 ta’ Diċembru 2015, Schatschaschwili vs Il-Ġermanja (CE:ECHR:2015:1215JUD000915410, punti 100 u 101, u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 28 ) Qorti EDB, 19 ta’ Frar 2013, Gani vs Spanja (CE:ECHR:2013:0219JUD006180008, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata), u 15 ta’ Diċembru 2015, Schatschaschwili vs Il-Ġermanja (CE:ECHR:2015:1215JUD000915410, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 29 ) Qorti EDB, 15 ta’ Diċembru 2015, Schatschaschwili vs Il-Ġermanja (CE:ECHR:2015:1215JUD000915410, punt 107). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Gambino u Hyka, iddeċidiet li “sabiex jiġi ddeterminat jekk l-użu bħala prova tal-proċess verbal tal-għoti tax-xhieda ta’ vittma huwiex possibbli, l-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk is-smigħ tagħha jistax ikun ta’ natura determinanti għall-finijiet tal-kundanna tal-persuna akkużata u jiżguraw, permezz ta’ garanziji proċedurali suffiċjenti, li l-amministrazzjoni tal-provi fil-kuntest tal-proċeduri kriminali ma tippreġudikax in-natura xierqa ta’ dawn il-proċeduri, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, u lanqas id-drittijiet tad-difiża, fis-sens tal-Artikolu 48(2) tagħha” (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, C‑38/18, EU:C:2019:628, punt 55).

( 30 ) Qorti EDB, 15 ta’ Diċembru 2011, Al-Khawaja u Tahery vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2011:1215JUD002676605, punti 119 u 120), u 15 ta’ Diċembru 2015, Schatschaschwili vs Il-Ġermanja (CE:ECHR:2015:1215JUD000915410, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Qorti EDB, 19 ta’ Frar 2013, Gani vs Spanja (CE:ECHR:2013:0219JUD006180008, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 ) Ibid., punti 41 u 42, u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 33 ) Il-Qorti EDB teżamina, inter alia, jekk l-approċċ tal-qorti tal-proċess għall-prova mhux ivverifikata tax-xhud assenti kienx wieħed kawt, jekk il-qorti wrietx li kienet taf li d-dikjarazzjonijiet tax-xhud assenti kinux ta’ piż inqas, u jekk hija pprovdietx motivazzjoni ddettaljata dwar għaliex hija kkunsidrat dik il-prova bħala kredibbli, fid-dawl tal-provi disponibbli l-oħra (Qorti EDB, 15 ta’ Diċembru 2015, Schatschaschwili vs Il-Ġermanja, CE:ECHR:2015:1215JUD000915410, punt 126).

( 34 ) Ibid., punt 128.

( 35 ) Skont il-Qorti EDB, salvagwardja importanti hija li tkun ingħatat opportunità lill-persuni akkużati jew lill-avukat tagħhom li jagħmlu domandi lix-xhud matul l-istadju tal-investigazzjoni. Hija ddeċidiet f’dan ir-rigward li “meta l-awtoritajiet investigattivi [ikunu] diġà tal-fehma fl-istadju tal-investigazzjoni li xhud ma jinstemax fil-proċess, [huwa] essenzjali li d-difiża tingħata opportunità li tagħmel domandi lill-vittma matul l-investigazzjoni preliminari” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Qorti EDB, 15 ta’ Diċembru 2015, Schatschaschwili vs Il-Ġermanja, CE:ECHR:2015:1215JUD000915410, punt 130).

( 36 ) Ħlief meta s-smigħ mill-ġdid iseħħ quddiem imħallef skont l-Artikolu 223 tan-NPK fi żmien meta l-persuna taħt suspett tkun ġiet akkużata formalment. Jidher hawnhekk li ma hemmx obbligu li jsir tali smigħ mill-ġdid.

Top