EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0229

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati fil-31 ta’ Marzu 2022.
Port de Bruxelles u Région de Bruxelles-Capitale vs Infrabel SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour d'appel de Bruxelles.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Netwerk trans-Ewropew tat-trasport – Regolament (UE) Nru 1315/2013 – Artikolu 15(1) – Infrastruttura tat-trasport permezz ta’ passaġġi fuq l-ilma intern – Portijiet interni – Obbligu ta’ Stat Membru li jiżgura l-konnessjoni bejn il-portijiet interni u l-infrastruttura ta’ trasport bit-triq u ta’ trasport ferrovjarju – Tneħħija tal-konnessjoni ma wieħed minn dawn iż-żewġ tipi ta’ infrastruttura ta’ trasport – Kundizzjonijiet.
Kawża C-229/21.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:247

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fil‑31 ta’ Marzu 2022 ( 1 )

Kawża C‑229/21

Port de Bruxelles SA,

Région de Bruxelles-Capitale

vs

Infrabel SA,

fil-preżenza ta’

Région de Bruxelles-Capitale,

Port de Bruxelles,

Lineas SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour d’appel de Bruxelles (Il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport – Linji gwida tal-Unjoni Ewropea għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport – Netwerk ewlieni – Infrastruttura tat-trasport permezz ta’ passaġġi fuq l-ilma intern – Obbligu ta’ Stat Membru li jiżgura l-konnessjoni bejn il-portijiet interni u l-infrastruttura tat-toroq u dik ferrovjarja”

I. Introduzzjoni

1.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE ( 2 ).

2.

Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-proċedura mibdija mill-kumpannija Port de Bruxelles SA għall-finijiet taż-żamma tal-uniku linja ferrovjarja ta’ aċċess mill-port ta’ Brussell għan-netwerk ferrovjarju Belġjan.

3.

Ser nesponi r-raġunijiet li għalihom jiena tal-opinjoni li, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1315/2013, l-Istati Membri għandhom jastjenu milli jneħħu waħda mill-infrastruttura tat-toroq jew dik ferrovjarja li magħha diġà hemm konnessjoni ma’ port intern, speċjalment jekk din tagħmel parti min-netwerk ewlieni li jikkomponi n-netwerk trans-Ewropew tat-trasport, suġġett għal ċerti riżervi operattivi li għandhom jiġu evalwati mill-qorti nazzjonali.

II. Il‑kuntest ġuridiku

4.

Il-premessi 7, 8 u 13 tar-Regolament Nru 1315/2013 jiddikjaraw dan li ġej:

“(7)

Fil-parti l-kbira tiegħu, in-netwerk trans-Ewropew tat-trasport jikkonsisti f’infrastruttura eżistenti. Sabiex jintlaħqu b’mod sħiħ l-objettivi tal-politika l-ġdida għan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport, għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti uniformi dwar l-infrastruttura f’Regolament sabiex l-infrastruttura tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport tikkonforma magħhom.

(8)

In-netwerk trans-Ewropew tat-trasport għandu jiġi żviluppat permezz tal-ħolqien ta’ infrastruttura ġdida tat-trasport, permezz tar-riabilitazzjoni u t-titjib tal-infrastruttura eżistenti u permezz ta’ miżuri li jippromwovu l-użu effiċjenti tiegħu mil-lat ta’ riżorsi. F’każijiet speċifiċi, minħabba n-nuqqas ta’ manutenzjoni regolari fl-imgħoddi, hija neċessarja r-riabilitazzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja. Ir-riabilitazzjoni hija proċess li jwassal għall-kisba tal-parametri tal-kostruzzjoni oriġinali ta’ faċilitajiet infrastrutturali ferrovjarji eżistenti kkumbinat mat-titjib fit-tul tal-kwalità tagħha meta mqabbla mal-istat attwali tiegħu f’konformità mal-applikazzjoni tar-rekwiżiti u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

[…]

(13)

In-netwerk ewlieni għandu jiġi identifikat u għandhom jittieħdu miżuri adatti għall-iżvilupp tiegħu sal‑2030 bħala prijorità fil-qafas ipprovdut min-netwerk komprensiv. In-netwerk ewlieni għandu jikkostitwixxi s-sinsla tal-iżvilupp ta’ netwerk tat-trasport multimodali sostenibbli u għandu jistimula l-iżvilupp tan-netwerk komprensiv kollu. Permezz tiegħu, l-azzjoni tal-Unjoni għandha tkun tista’ tikkonċentra fuq dawk il-komponenti tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport bl-ogħla valur miżjud Ewropew, b’mod partikolari sezzjonijiet transkonfinali, konnessjonijiet nieqsa, punti ta’ konnessjoni multimodali u punti ewlenin ta’ konġestjoni, li jservu l-objettiv stabbilit fil-White Paper [tal-Kummissjoni Ewropea, intitolata ‘Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti’ ( 3 )] li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gass serra mit-trasport b’60 % taħt il-livelli tas-snin 1990 sal‑2050.

[…]”

5.

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett”, jipprevedi:

“1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi linji gwida għall-iżvilupp ta’ netwerk trans-Ewropew tat-trasport magħmul minn struttura b’żewġ livelli, li tikkonsisti min-netwerk komprensiv u min-netwerk ewlieni, fejn dan tal-aħħar jiġi stabbilit fuq il-bażi tan-netwerk komprensiv.

“2.   Dan ir-Regolament jidentifika proġetti ta’ interess komuni u jispeċifika r-rekwiżiti li għandhom ikunu kkonformati għall-ġestjoni tal-infrastruttura tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport.

[…]”

6.

L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Objettivi tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport”, jipprovdi:

“In-netwerk trans-Ewropew tat-trasport għandu jsaħħaħ il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali tal-Unjoni u jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ żona unika ta’ trasport Ewropew li tkun effiċjenti u sostenibbli, li żżid il-benefiċċji għall-utenti tagħha u tappoġġa t-tkabbir inklussiv. Huwa għandu juri valur miżjud Ewropew billi jikkontribbwixxi għall-objettivi mniżżla fl-erba’ kategoriji li ġejjin:

[…]

(b) effiċjenza permezz ta’:

[…]

(iii)

l-aħjar integrazzjoni u interkonnessjoni tal-mezzi kollha tat-trasport;

[…]

(v)

użu effiċjenti ta’ infrastruttura ġdida u eżistenti;

[…]

(c) sostenibbiltà permezz ta’:

[…]

(ii)

kontribut għall-objettivi ta’ emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet serra, trasport nadif u b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, sigurtà tal-karburant, tnaqqis ta’ kostijiet esterni u protezzjoni ambjentali;

(iii)

promozzjoni ta’ trasport b’karbonju baxx bil-għan li jintlaħaq it-tnaqqis sinifikanti tal-emissjonijiet CO2 sal‑2050, f’konformità mal-miri rilevanti tal-Unjoni ta’ tnaqqis ta’ CO2;

[…]”

7.

L-Artikolu 5 tal-istess regolament, intitolat “Netwerk b’użu effiċjenti ta’ riżorsi”, jiddikjara:

“1.   In-netwerk trans-Ewropew tat-trasport għandu jkun ippjanat, żviluppat u operat b’użu effiċjenti mil-lat ta’ riżorsi, permezz ta’:

(a)

l-iżvilupp, it-titjib u l-manutenzjoni tal-infrastruttura tat-trasport eżistenti;

(b)

it-titjib tal-integrazzjoni u l-interkonnessjoni tal-infrastruttura;

[…]”

8.

Fi ħdan it-Taqsima 1 tal-Kapitolu II, intitolat “In-netwerk komprensiv”, tar-Regolament Nru 1315/2013, l-Artikolu 13 tiegħu, intitolat “Prijoritajiet għall-iżvilupp tal-infrastruttura ferrovjarja”, jipprovdi:

“Fil-promozzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni relatati mal-infrastruttura ferrovjarja u b’żieda mal-prijoritajiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 10, għandha tingħata prijorità lill-aspetti li ġejjin:

[…]

(f)

fejn adatt, il-konnessjoni tal-infrastruttura tat-trasport ferrovjarju mal-infrastruttura ta’ port ta’ passaġġ fuq l-ilma intern.

[…]”

9.

It-Taqsima 2 ta’ dan il-kapitolu, dwar l-“Infrastruttura tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni”, jinkludi l-Artikoli 14 sa 16. L-Artikolu 14, li huwa intitolat “Komponenti tal-infrastruttura”, jiddikjara, fil-paragrafu 1(e), li l-infrastruttura tal-passaġġi fuq l-ilma interni tinkludi, b’mod partikolari, il-portijiet interni inkluża l-infrastruttura meħtieġa għall-operazzjonijiet tat-trasport fiż-żona tal-port.

10.

L-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Rekwiżiti għall-infrastruttura tat-trasport”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-portijiet interni jkunu konnessi mal-infrastruttura tat-toroq jew dik ferrovjarja.”

11.

L-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament, intitolat “Prijoritajiet għall-iżvilupp tal-infrastruttura tal-passaġġi fuq l-ilma interni” jispeċifika:

“Fil-promozzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni relatati mal-infrastrutturi tal-passaġġi fuq l-ilma interni u b’żieda mal-prijoritajiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 10, għandha tingħata prijorità lill-dawn li ġejjin:

[…]

(d)

il-konnessjoni tal-infrastruttura tal-portijiet interni mal-infrastruttura tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija u dik tat-trasport bit-triq;

[…]”

12.

Il-Kapitolu III tal-istess regolament, intitolat “In-netwerk ewlieni”, jinkludi l-Artikolu 38, dwar l-“Identifikazzjoni tan-netwerk ewlieni”, li jipprovdi:

“1.   In-netwerk ewlieni, kif jidher fuq il-mapep li jinsabu fl-Anness I, għandu jikkonsisti minn dawk il-partijiet tan-netwerk komprensiv li huma tal-ogħla importanza mil-lat strateġiku sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport, u għandu jirrifletti d-domanda tat-traffiku li qed tevolvi u l-ħtieġa għal trasport multimodali. Dan għandu b’mod partikolari jikkontribwixxi kemm għall-ġestjoni tajba tal-mobbiltà li dejjem qiegħda tiżdied u għall-iżgurar ta’ standard għoli ta’ sikurezza kif ukoll tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ sistema tat-trasport b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju.

2.   In-netwerk ewlieni għandu jkun interkonness permezz ta’ nodi u jipprevedi konnessjonijiet bejn l-Istati Membri u man-netwerks tal-infrastruttura tat-trasport tal-pajjiżi tal-viċinat.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1(4) u l-Artikolu 41(2) u (3), l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adatti biex in-netwerk ewlieni jiġi żviluppat sabiex jikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu sal‑31 ta’ Diċembru 2030.

Skont l-Artikolu 54, l-implimentazzjoni tan-netwerk ewlieni għandha tiġi evalwata mill-Kummissjoni sal‑31 ta’ Diċembru 2023.”

13.

L-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1315/2013, intitolat “Rekwiżiti tal-infrastruttura”, jiddikjara fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-infrastruttura tan-netwerk ewlieni għandha tissodisfa r-rekwiżiti kollha stipulati fil-Kapitolu II […]”

14.

L-Artikolu 40, dwar l-“[Iż]vilupp tan-netwerk ewlieni”, ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“L-infrastruttura tat-trasport inkluża fin-netwerk ewlieni għandha tiġi żviluppata skont id-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Kapitolu II”.

15.

L-Artikolu 41, intitolat “Nodi tan-netwerk ewlieni”, tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   In-nodi tan-netwerk ewlieni huma stabbiliti fl-Anness II u jinkludu:

(a)

nodi urbani, inklużi l-portijiet u l-ajruporti tagħhom;

(b)

portijiet marittimi u portijiet tal-passaġġi fuq l-ilma interni;

[…]

2.   Il-portijiet marittimi tan-netwerk ewlieni indikati fil-Parti 2 tal-Anness II għandhom ikunu konnessi mal-infrastruttura tat-trasport bil-ferrovija u dak bit-triq u, fejn possibbli, tal-passaġġi fuq l-ilma interni tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u, sal‑31 ta’ Diċembru 2030, minbarra f’każijiet fejn ikun hemm restrizzjonijiet fiżiċi li jipprojbixxu din il-konnessjoni.

[…]”

III. Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

16.

Port de Bruxelles hija persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku, responsabbli għall-ġestjoni, l-operat u l-iżvilupp tal-kanal, tal-port ta’ Brussell (il-Belġju), tal-avamport, tal-installazzjonijiet tal-port u tad-dipendenzi tagħhom fir-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale (il-Belġju).

17.

Infrabel SA hija impriża pubblika ekonomika Belġjana. Hija topera n-netwerk ferrovjarju Belġjan u hija proprjetarja tal-linji ferrovjarji u tal-assi neċessarji jew utli għal dan l-operat.

18.

Il-FIF-FSI (il-Fond ta’ Infrastruttura Ferrovjarja) ( 4 ) hija kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt privat responsabbli għall-ġestjoni u l-iżvilupp tal-artijiet u ta’ attivitajiet kummerċjali oħra fil-qasam tal-iżvilupp, għax-xiri u għall-bejgħ, għall-ġestjoni kif ukoll għall-finanzjament tal-proprjetà immobbli. Il-kapital kollu tagħha huwa indirettament miżmum mill-Istat Belġjan.

19.

Żewġ digrieti irjali, tal‑14 ta’ Ġunju 2004 ( 5 ) u tat‑30 ta’ Diċembru 2004 ( 6 ), jobbligaw lil Infrabel biex, sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2020, tipproċedi għad-dekummissjonar tal-faċilitajiet ferrovjarji li jinsabu fis-sit ta’ Schaerbeek-Formation fi Brussell (il-Belġju) u sabiex tirripristina dan is-sit bil-għan li dan jiġi rritornat lill-FIF b’mod ħieles minn kull okkupazzjoni. Fost l-installazzjonijiet li għandhom jiġu żmantellati tibqa’ l-unika konnessjoni ferrovjarja tal-installazzjonijiet portwali tal-port ta’ Bruxelles man-netwerk ferrovjarju Belġjan.

20.

Fit‑12 ta’ Ottubru 2018, Port de Bruxelles ippreżenta kawża kontra Infrabel quddiem it-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju), biex din tal-aħħar tiġi pprojbita “milli twettaq kull att kuntrarju għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1315/2013 ‘TEN‑T’, inkluż li tipproċedi għad-dekummissjonar tal-bini u tal-installazzjonijiet imsemmija minn dan ir-regolament […] u b’mod partikolari s-servizz ferrovjarju taż-żona tal-avamport ta’ Brussell tal-port ta’ Brussell bi tluq min-netwerk (ta’ Infrabel)”.

21.

Fit‑30 ta’ Ottubru 2018, Infrabel ħarrket lil FIF f’intervent forzat. Ir-Renju tal-Belġju intervjena volontarjament fil-proċedura fit‑13 ta’ Novembru 2018, sabiex is-sentenza li għandha tingħata tiġi invokata kontrih. Ir-Région de Bruxelles-Capitale u Lineas SA intervjenew ukoll fil-proċedura iktar tard, insostenn ta’ Port de Bruxelles.

22.

Fl‑14 ta’ Marzu 2019, Port de Bruxelles talab lit-tribunal de première instance francophone de Bruxelles, bħala miżura provviżorja, biex tipprojbixxi lil Infrabel, fl-istennija ta’ sentenza definittiva fuq il-mertu tal-kawża, milli twaqqaf is-servizz u tiżmantella l-linja C, inkluża l-linja ferrovjarja unika ta’ aċċess tal-port, kif ukoll li tordnalha żżomm dan is-servizz fi stat perfett ta’ funzjonament u li tipproċedi bil-manutenzjoni tiegħu skont l-arti u s-sengħa.

23.

Fil-każ li din it-talba tintlaqa’, Infrabel talbet lil din il-qorti, b’mod partikolari, li tipprojbixxi lill-FIF milli titlobha kumpens sakemm tingħata s-sentenza fuq il-mertu.

24.

Permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2019, it-tribunal de première instance francophone de Bruxelles iddikjarat ruħha “mingħajr ġurisdizzjoni” biex tieħu konjizzjoni tal-azzjoni ta’ Port de Bruxelles, ħlief sa fejn hija kellha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuq servitù. Hija ċaħdet it-talba għal miżuri provviżorji ta’ Port de Bruxelles minħabba li l-impenn meħud minn Infrabel fil-ftehim konkluż mal-FIF fil‑5 ta’ Novembru 2019, li jestendi sat‑30 ta’ Ġunju 2021 it-terminu għad-dekummissjonar tal-installazzjonijiet ferrovjarji inkwistjoni, kien biżżejjed biex jirregola provviżorjament is-sitwazzjoni tal-partijiet. Il-Port de Bruxelles u r-Région de Bruxelles-Capitale appellaw minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, li kkonstatat lil l-FIF u r-Renju tal-Belġju kellhom jinħelsu minn kull responsabbiltà.

25.

Din il-qorti tistaqsi dwar id-dritt għal Port de Bruxelles li jinvoka, quddiem il-qrati Belġjani, dritt suġġettiv li jirriżulta mill-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1315/2013. Hija tesponi li, skont Port de Bruxelles, din id-dispożizzjoni timponi obbligu pożittiv, dak li tiġi stabbilita sistema fejn l-infrastrutturi huma interkonnessi u li fir-rigward tagħha l-awtoritajiet pubbliċi għandhom setgħa diskrezzjonali, kif ukoll obbligu negattiv, dak li ma jsirx aġir b’mod kuntrarju għall-għanijiet ta’ dan ir-regolament u għalhekk, b’mod konkret li ma tiġix ippreġudikata l-integrità tal-infrastrutturi eżistenti.

26.

Infrabel issostni l-opinjoni kuntrarja għar-raġuni li, skont il-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni, b’mod partikolari fil-verżjoni Franċiża tagħha, il-portijiet interni għandhom ikunu konnessi, jew ma’ infrastruttura tat-toroq, jew ma’ infrastruttura ferrovjarja peress li din il-verżjoni tuża l-konġunzjoni “jew”.

27.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-verżjoni bil-lingwa Olandiża tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1315/2013 tuża l-konġunzjoni “u” u mhux “jew”. Minn dan hija tiddeduċi li l-interpretazzjoni litterali ta’ din id-dispożizzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi ddeterminat is-sens eżatt tagħha.

28.

Skont din il-qorti, l-imsemmija dispożizzjoni tista’ tingħata żewġ interpretazzjonijiet opposti. Fil-fatt, mill-Artikolu 3(n) u mill-Artikolu 28(1) ta’ dan ir-regolament jista’ jiġi dedott li konnessjoni waħda biss ta’ mezz ta’ trasport, bħal port intern, ma’ mezz ieħor ta’ trasport hija biżżejjed u li, f’dan il-każ, Port de Bruxelles għandu jagħmel użu mill-konnessjoni bit-triq tal-infrastrutturi portwali tiegħu.

29.

Madankollu, interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament tista’ tiġi sostnuta, peress li, minn naħa, dan l-istrument jirriżulta mill-impenji tal-Kummissjoni li jinsabu fil-white paper tagħha, li għaliha jagħmel riferiment. Minn dan jirriżulta li l-għanijiet tal-istess regolament huma ta’ żewġ tipi, jiġifieri li jsaħħu l-kompetittività tat-trasport u jnaqqsu minn tal-inqas 60 %, sal‑2050, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li ġejjin mit-trasport. Min-naħa l-oħra, tali interpretazzjoni tista’ tkun ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5, 10, 16 u 34 tar-Regolament Nru 1315/2013 kif ukoll fuq il-linji gwida esposti fil-premessi 7 u 8 tiegħu.

30.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Meta port intern – li jifforma parti min-network ċentrali [netwerk ewlieni] – ikun diġà konness mal-infrastruttura tat-toroq u man-network ferrovjarju, l-Artikolu 15 tar-Regolament [Nru 1315/2013], moqri waħdu jew flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra tar-regolament, jimponi l-obbligu ta’ żamma u ta’ manteniment ta’ dawn iż-żewġ rotot jew l-obbligu li ma titneħħiex waħda minnhom, anki jekk minħabba sempliċi nuqqas ta’ manteniment?”

31.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju talbet l-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba li, sabiex tiżgura l-effettività tar-risposta mistennija mill-Qorti tal-Ġustizzja, hija pprojbixxiet lil Infrabel milli tiżmantella l-installazzjonijiet ferrovjarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali sakemm tingħata deċiżjoni ġdida dwar il-kawża, wara li tirċievi r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari magħmula. Madankollu, mill‑1 ta’ Lulju 2021, bħala prinċipju Infrabel hija marbuta tħallas kumpens lill-FIF għad-dewmien fid-dekummissjonar tal-imsemmija installazzjonijiet.

32.

Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad din it-talba għal proċedura mħaffa, permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Mejju 2021, u ddeċieda li l-informazzjoni trażmessa mill-qorti tar-rinviju kienet tiġġustifika trattament prijoritarju tal-kawża, taħt l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

33.

Port de Bruxelles, Infrabel, ir-Région de Bruxelles-Capitale, il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn il-partijiet, bl-eċċezzjoni tar-Région de Bruxelles-Capitale, issottomettew l-osservazzjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta li nżammet fid‑19 ta’ Jannar 2022.

IV. Analiżi

34.

Id-domanda preliminari hija intiża, essenzjalment, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1315/2013 jipprekludix, meta port intern, bħall-port ta’ Brussell, ikollu konnessjoni ferrovjarja u konnessjoni bit-triq, it-tneħħija ta’ waħda minnhom.

35.

Ir-Regolament Nru 1315/2013 jiddefinixxi l-istrateġija fit-tul dwar l-iżvilupp ta’ netwerk trans-Ewropew ta’ trasport sħiħ ( 7 ), li jiġbor flimkien l-infrastrutturi għat-trasport ferrovjarju, marittimu, tal-ajru u multimodali ( 8 ) kif ukoll ir-rotot u l-passaġġi fuq l-ilma interni ( 9 ). Dan in-netwerk jinkludi żewġ komponenti, jiġifieri in-netwerk komprensiv u n-netwerk ewlieni ( 10 ). L-għan tal-imsemmi regolament huwa li jitlesta n-netwerk ewlieni sal‑2030 ( 11 ), filwaqt li, għan-netwerk komprensiv, it-terminu huwa stabbilit għall‑2050 ( 12 ).

36.

Kif ġie speċifikat fl-Anness II tar-Regolament Nru 1315/2013, u konformement mal-Artikolu 41(1) tiegħu, il-port intern ta’ Brussell huwa nodu tan-netwerk ewlieni ( 13 ). Għal dan l-għan, dan il-port jifforma parti min-netwerk komprensiv ( 14 ) li huwa tal-ogħla importanza strateġika sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ żvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport ( 15 ).

37.

Bħala infrastruttura ta’ passaġġi fuq l-ilma intern li jagħmlu parti min-netwerk ewlieni ( 16 ), il-port ta’ Brussell huwa suġġett għar-rekwiżiti ddefiniti għan-netwerk komprensiv mill-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament ( 17 ), speċjalment fit-Taqsima 2 tiegħu, fosthom dawk iddikjarati fl-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament.

38.

Il-Qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li l-effett dirett tagħha huwa diskuss minn Infrabel, f’sitwazzjoni fejn infrastrutturi eżistenti huma rregolati minn dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-2004.

39.

Konsegwentement, nippreċiża, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1315/2013, li ma hemmx dubju li dan ma jirregolax biss proġetti ta’ żvilupp ta’ infrastrutturi ġodda, iżda li japplika għal infrastrutturi eżistenti ( 18 ). Ma tħabbret ebda restrizzjoni fir-rigward tal-użu tagħhom jew tan-neċessità tar-riabilitazzjoni tagħhom jew ukoll li jiġu mmodernizzati.

40.

Fir-rigward tal-applikazzjoni ratione temporis ta’ dan ir-regolament, li ma jinkludix dispożizzjonijiet tranżitorji partikolari, jista’ jiġi rrilevat, skont il-prinċipju ddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni ta’ regoli sostantivi ( 19 ), li, għalkemm is-sitwazzjoni legali ta’ Port de Bruxelles fil-konfront ta’ Infrabel hija rregolata bid-Digrieti Irjali adottati fl‑2004, l-effetti tagħhom ma ġewx eżawriti ( 20 ). Konsegwentement, l-imsemmi regolament huwa applikabbli f’dan il-każ ( 21 ).

41.

Fir-rigward tal-effett dirett tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1315/2013, kif iddefinit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 22 ), jiena tal-fehma, kuntrarjament għal Infrabel, li din id-dispożizzjoni ma tħallix, fir-rigward tal-konnessjoni bejn il-portijiet interni u l-infrastruttura tat-toroq jew dik ferrovjarja, marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri, jew titlob min-naħa tagħhom l-adozzjoni ta’ miżuri supplimentari ta’ implimentazzjoni ( 23 ).

42.

Infakkar li Infrabel issostni li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni, peress li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1315/2013 jipprevedi li huma “għandhom jiżguraw” li l-portijiet ikunu konnessi ma’ infrastruttura tat-toroq jew dik ferrovjarja. Dan il-kliem ma għandux in-natura imperattiva ta’ dispożizzjoni redatta bil-kliem: il-portijiet interni għandhom ikunu konnessi. Din l-analiżi hija kkorroborata mill-fatt li l-assenza ta’ eżekuzzjoni ta’ tali obbligu jwassal biss għall-obbligu li dan jiġi rrapportat lill-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 1315/2013. Barra minn hekk, il-kliem tal-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, invokat minn Port de Bruxelles, jirrileva n-natura programmatika tal-imsemmi regolament. Fl-aħħar nett, Port de Bruxelles ma jistax jinvoka “effett ta’ irreversibbiltà” tal-istess regolament, abbażi tal-Artikolu 5 tiegħu, li joħloq l-obbligu li tinzamm l-infrastruttura ta’ aċċess eżistenti. L-Istati Membri huma għalhekk liberi li jiżmantellaw konnessjoni eżistenti u li jistabbilixxu konnessjoni ġdida mingħajr restrizzjonijiet rigward it-termini, il-finanzjament u l-karatteristiċi tal-konnessjoni, li huma stabbiliti mir-Regolament Nru 1315/2013.

43.

Nispeċifika li, sa fejn naf jien, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx dwar l-effett dirett ta’ dispożizzjoni ta’ regolament li tinkludi din l-espressjoni: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw”. Jiena tal-fehma li hija ma għandhiex il-portata li tagħtiha Infrabel, peress li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni invokati quddiem il-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1315/2013, jagħmlu parti minn sistema li tinkwadra l-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport billi jistabbilixxu r-regoli ta’ implimentazzjoni ta’ dan in-netwerk kif ukoll ir-rekwiżiti fil-qasam tal-interoperabbiltà tal-infrastruttura tat-trasport.

44.

Issa, huwa f’dan il-kuntest li l-leġiżlatur stabbilixxa fl-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, f’termini ċari u preċiżi biżżejjed, obbligu għall-Istati Membri li jipprevedu jew li jżommu konnessjoni bejn il-portijiet interni u infrastrutturi oħra ta’ trasport bl-art. Barra minn hekk, fir-rigward tan-netwerk ewlieni, huwa previst b’mod speċifiku li ssir evalwazzjoni f’terminu eqreb ( 24 ). Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, b’effett tal-Artikolu 5 tal-istess regolament, kull miżura kellha tittieħed, sa mid-dħul fis-seħħ tiegħu, sabiex infrastruttura eżistenti ssir kompatibbli mar-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1315/2013. Barra minn hekk, kieku kellu jiġi aċċettat li l-Istati Membri ma kellhomx l-obbligu li jaġixxu fuq l-infrastrutturi eżistenti, allura dan ir-regolament ikun imċaħħad mill-effett utli tiegħu.

45.

Min-naħa l-oħra, tqum il-kwistjoni dwar jekk dan l-obbligu jirrigwardax waħda biss minn dawn l-infrastrutturi, jiġifieri bit-triq u ferrovjarja, jew it-tnejn.

46.

F’dan ir-rigward, id-dubju li għandha l-qorti tar-rinviju dwar il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni joriġina mid-differenzi eżistenti bejn ċerti verżjonijiet lingwistiċi. Fil-fatt, fil-verżjonijiet bil-lingwa Bulgara u Olandiża biss, l-obbligu ta’ konnessjoni bejn il-portijiet interni jirrigwarda ż-żewġ tipi ta’ infrastruttura ( 25 ).

47.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata prijorità meta mqabbel mal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ( 26 ).

48.

Nosserva, mill-qari tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1315/2013 fl-intier tagħhom, li l-leġiżlatur Ewropew uża l-konġunzjoni “jew” fl-artikoli li jiddefinixxu r-rekwiżiti (l-Artikoli 12, 15 u 22 ta’ dan ir-regolament), filwaqt li l-konġunzjoni “u” tintuża fl-artikoli li jistabbilixxu prijoritajiet ta’ żvilupp, jiġifieri l-Artikolu 16(d) u l-Artikolu 41 tal-imsemmi regolament ( 27 ).

49.

Konsegwentement, jiena ma naqbilx mal-opinjoni tal-Gvern Belġjan, ta’ Port de Bruxelles u ta’ Région Bruxelles-Capitale li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1315/2013 jipprevedi obbligu għall-Istati Membri ( 28 ) li jiżguraw konnessjoni bejn il-portijiet interni ma’ żewġ tipi ta’ infrastruttura, jiġifieri bit-triq u ferrovijarja.

50.

Min-naħa l-oħra, nirrileva l-assenza ta’ preċiżjoni fl-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament dwar l-infrastruttura eżistenti. Issa, fil-fehma tiegħi, għandha ssir distinzjoni bejn il-ħolqien ta’ konnessjonijiet u ż-żamma tagħhom, speċjalment meta l-Istat Membru jkun diġà għażel organizzazzjoni multimodali.

51.

Jidhirli li tali interpretazzjoni tista’ tiġi dedotta mill-elementi tal-kuntest ibbażati fuq l-artikoli tar-Regolament Nru 1315/2013 li jiddefinixxu prijoritajiet għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport, u b’mod partikolari l-infrastruttura tal-passaġġi fuq l-ilma intern. Peress li l-prijorità tingħata għall-“konnessjoni tal-infrastruttura tal-portijiet interni mal-infrastruttura tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija u dik tat-trasport bit-triq” ( 29 ), it-tneħħija ta’ waħda minnhom, minħabba l-formulazzjoni differenti tal-Artikolu 15(1) tal-istess regolament, ma tagħmilx sens.

52.

B’mod iktar ġenerali, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1315/2013, fis-sens li l-konnessjoni ma’ diversi infrastrutturi tat-trasport diġà eżistenti ma għandhiex titneħħa, hija ġġustifikata, fid-dawl tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn dan ir-regolament, mill-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport strutturat sabiex dan jiġi ottimizzat.

53.

Fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament huma ddikjarati l-għanijiet li għalihom jikkontribwixxi dan in-netwerk, sa fejn dan jippromwovi l-ħolqien ta’ żona Ewropea unika tat-trasport li tkun effiċjenti u sostenibbli.

54.

L-ewwel, fir-rigward tal-għan ta’ effikaċja, dan jintlaħaq b’mod partikolari permezz tal-integrazzjoni u l-interkonnessjoni ottimali tal-mezzi kollha tat-trasport ( 30 ) kif ukoll permezz tal-“użu […] ta’ infrastruttura ġdida u eżistenti” ( 31 ).

55.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1315/2013 jiddefinixxi l-mezzi sabiex jiġu użati bl-aħjar mod ir-riżorsi fil-kuntest tal-ġestjoni tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport, billi jibbaża ruħu fuq l-infrastruttura eżistenti ( 32 ) u billi jottimizza l-interkonnessjoni tal-istrutturi ( 33 ).

56.

Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-disinn tan-netwerk ewlieni u tal-komponenti tiegħu fi ħdan in-netwerk trans-Ewropew tat-trasport.

57.

Fil-fatt, hemm lok li jitfakkar li dan in-netwerk ewlieni huwa ddefinit bħala “[li] jikkonsisti f’dawk il-partijiet tan-netwerk komprensiv li huma tal-ogħla importanza strateġika għall-ilħuq tal-għanijiet għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport” ( 34 ). Huwa speċifikat fl-Artikolu 41 ta’ dan ir-regolament li dan in-netwerk ewlieni huwa kkostitwit b’mod partikolari minn nodi urbani ( 35 ), inklużi b’mod partikolari l-portijiet u l-ajruporti kif ukoll il-partijiet marittimi u l-portijiet interni.

58.

Issa, in-nodu urban jippreżenta interess partikolari fl-analiżi tad-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament Nru 1315/2013 sa fejn, minn naħa, huwa kkaratterizzat mis-sitwazzjoni tiegħu f’żona li fiha infrastruttura ta’ trasport tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport huma konnessi ma’ partijiet oħra ta’ din l-infrastruttura u mal-infrastruttura tat-traffiku reġjonali u lokali ( 36 ).

59.

Min-naħa l-oħra, l-għan li dawn in-nodi jingħaqdu, sa fejn huwa possibbli bl-għajnuna ta’ konnessjonijiet multimodali, sakemm ikunu ekonomikament vijabbli, sostenibbli fuq il-livell tal-ambjent u li jistgħu jitwettqu sal‑2030, huwa speċifikat fil-premessa 41 tar-Regolament Nru 1315/2013.

60.

Għaldaqstant, jista’ jinsilet argument ieħor mill-għanijiet li jikkonċernaw dawn il-konnessjonijiet multimodali ( 37 ). Fil-fatt, sabiex jippermettu t-trasport multimodali ta’ passiġġieri u tal-merkanzija, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, konformement mal-Artikolu 28(1) ta’ dan ir-regolament, li jiġu konnessi żewġ modi ta’ trasport jew iktar ( 38 ), jiġifieri t-terminals tal-merkanzija, l-istazzjonijiet tal-passiġġieri, il-portijiet interni, l-ajruporti u l-portijiet marittimi.

61.

L-aħħar element utli għall-interpretazzjoni tal-portata tal-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament jidhirli li jista’ jinsilet mill-eżistenza ta’ kuriduri tan-netwerk ewlieni, fir-rigward ta’ infrastruttura li tifforma dan in-netwerk. Fil-fatt, il-Kapitolu IV tal-istess regolament, intitolat “Implimentazzjoni tan-netwerk ewlieni permezz ta’ kurituri tan-netwerk ewlieni”, jinkludi l-Artikolu 43(2) li jipprovdi li “[l]-kurituri tan-netwerk ewlieni għandhom ikunu multimodali u miftuħa għall-inklużjoni tal-mezzi kollha ta’ trasport kopert f’dan ir-Regolament. Dawn jaqsmu tal-anqas żewġ fruntieri u jinvolvu, jekk possibbli, tal-anqas tliet mezzi ta’ trasport, inkluż, fejn xieraq, awtostradi tal-baħar.”

62.

Fil-fehma tiegħi, minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li, għalkemm l-obbligi tal-Istati Membri huma dawk iddefiniti fir-Regolament Nru 1315/2013 għan-netwerk komprensiv, u b’mod partikolari mill-Artikolu 15, il-livell għoli ta’ rekwiżiti sabiex jiġi ssodisfatt l-għan ta’ effikaċja ( 39 ), meħtieġ għal infrastruttura ta’ trasport, jiddependi mill-fatt li din hija komponent tan-netwerk ewlieni ( 40 ). L-importanza ta’ dan in-netwerk fi ħdan in-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u l-implimentazzjoni eventwali tiegħu permezz tal-kuriduri għandhom għalhekk jittieħdu inkunsiderazzjoni.

63.

It-tieni, kif jipprevedi l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament ( 41 ), is-sostenibbiltà hija għan ieħor li għalih jikkontribwixxi dan in-netwerk trans-Ewropew, permezz tat-twettiq u tal-promozzjoni ta’ sistemi ta’ trasport b’emissjonijiet baxxi ta’ dijossidu tal-karbonju, konformement mal-għanijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent ( 42 ).

64.

Issa, f’dak li jirrigwarda l-merkanzija, ġie rrakkommdat fil-White Paper ( 43 ), għall-vjaġġi twal, li jintużaw soluzzjonijiet multimodali bbażati fuq in-navigazzjoni marittima u tax-xmajjar kif ukoll fuq il-ferrovija. Għall-ispedizzjonijiet tal-merkanzija għal żmien qasir u medju, ġew imħeġġa soluzzjonijiet oħra ta’ trasport minbarra bit-trakk, jiġifieri bil-ferrovija u bil-passaġġi fuq l-ilma interni. Bl-istess mod, fir-rigward tal-iżvilupp tal-portijiet marittimi, ġie kkunsidrat li l-passaġġi fuq l-ilma interni li l-potenzjal tagħhom ma kienx totalment użat kellu jkollhom rwol dejjem jikber, b’mod partikolari sabiex jittrasportaw merkanzija lejn l-art u sabiex jiġu konnessi l-ibħra tal-Ewropa ( 44 ).

65.

Barra minn hekk, b’estensjoni tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Belġjan ( 45 ), huwa rilevanti li jiġi enfasizzat li l-għan li jiġu promossi modi ta’ trasport sostenibbli u t-trasferiment modali b’mod partikolari lejn il-linji tal-ferrovija u l-passaġġi fuq l-ilma interni għadu jrid jintlaħaq fil-kuntest tal-aċċelerazzjoni tat-twettiq tan-netwerk ewlieni. F’dan ir-rigward, nirreferi għall-evalwazzjoni tar-Regolament Nru 1315/2013 dwar il-linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport ( 46 ) u għall-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport, li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1153 u r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 ( 47 ). Ninnota, barra minn hekk, li l-premessa 11 ta’ dan l-abbozz, li tinsab fil-fażi ta’ qari quddiem il-Parlament, tirreferi għad-Direttiva 2021/1187.

66.

Konsegwentement, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta, mingħajr ma huwa neċessarju li wieħed jibbaża ruħu fuq il-prinċipju ta’ standstill jew “effett ta’ irreversibbiltà” kif invokat minn Port de Bruxelles ( 48 ), li d-dekummissjonar ta’ linja ferrovjarja li toħloq konnessjoni bejn port intern u n-netwerk ewlieni mal-infrastrutturi ferrovjarji, li tissodisfa wkoll il-kundizzjonijiet ta’ sostenibbiltà fil-qasam tal-ambjent, ma jistax ikun konformi, bħala prinċipju tiegħu, mar-rekwiżiti tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1315/2013.

67.

F’dan il-każ, għandu għalhekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-port ta’ Brussell jagħmel parti min-netwerk ewlieni tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport bħala port intern ( 49 ), li Brussell tagħmel parti minn żewġ kuriduri tan-netwerk ewlieni u tliet partijiet magħżula minn qabel, u li dan huwa każ li tiġi żmantellata l-unika linja ferrovjarja li toħloq konnessjoni bejn dan il-port u l-infrastruttura ta’ trasport ferrovjarju, li tissodisfa, bħala prinċipju, l-għanijiet ta’ effikaċja u ta’ sostenibbiltà.

68.

Madankollu, l-ispeċifikazzjonijiet ta’ Infrabel dwar l-aħħar użu fix-xahar ta’ Diċembru 2018 tal-konnessjoni ferrovjarja u tal-istat tagħha, li minħabba fihom hija kellha titwaqqaf mill‑1 ta’ Jannar 2021, kif ukoll l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni jiġġustifikaw, fil-fehma tiegħi, li jiġu previsti limiti konkreti fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ żamma tal-infrastruttura eżistenti, mingħajr madankollu ma jintesew l-obbligu inkundizzjonat li dawn jinżammu wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1315/2013 ( 50 ) u l-għan li tiġi promossa l-integrazzjoni tal-passaġġi fuq l-ilma intern fis-sistema ta’ trasport ( 51 ), imsemmi f’dan tal-aħħar.

69.

F’dan ir-rigward, riżervi dwar l-istat tal-infrastruttura tat-trasport, il-vijabbiltà ekonomika tagħha jew is-sostenibbiltà tagħha fuq il-livell tal-ambjent jistgħu jiġu ddikjarati fil-linja ta’ dawk li ġew espressi mil-leġiżlatur Ewropew fil-premessa 41 ta’ dan ir-regolament.

70.

Fil-fehma tiegħi, hija biss il-qorti nazzjonali li tista’ tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi u tal-kuntest li fih il-proġett inkwistjoni ġie deċiż, il-konformità tiegħu mal-imsemmi regolament, li huwa intiż li jippromwovi u jiżviluppa netwerk trans-Ewropew tat-trasport, billi jieħu inkunsiderazzjoni b’mod iktar partikolari l-fatt li dan il-proġett għandu jitwettaq fi ħdan in-netwerk ewlieni.

71.

Madankollu, sa fejn, f’dan il-każ, il-ġustifikazzjoni tad-dekummissjonar tal-linja ferrovjarja inkwistjoni invokata quddiem il-qorti nazzjonali hija ż-żieda tal-valur tal-bejgħ tal-artijiet tas-sit Schaerbeek-Formation, nemmen li huwa utli li nispeċifika li din il-ġustifikazzjoni ma għandhiex x’taqsam mal-għanijiet tar-Regolament Nru 1315/2013, li jimponu li tinżamm multimodalità tal-mezzi ta’ trasport ta’ merkanzija b’mod partikolari.

72.

Fil-fehma tiegħi, iż-żamma tal-konnessjoni ferrovjarja eżistenti għandha tkun is-suġġett ta’ analiżi soċjoekonomika ( 52 ), li tistrieħ fuq bilanċ bejn il-vantaġġi li hija tippreżenta u l-ispejjeż tar-riabilitazzjoni tagħha u, jekk ikun il-każ, tas-sostituzzjoni tagħha, mingħajr kunsiderazzjoni tal-valur tal-artijiet bi jew mingħajr servitù.

73.

Konsegwentement, jiena tal-opinjoni li d-dekummissjonar ta’ linja ferrovjarja li toħloq konnessjoni bejn port intern u infrastrutturi tat-trasport ferrovjarju jmur kontra l-obbligi stabbiliti għall-Istati Membri fir-Regolament Nru 1315/2013, sakemm tali proġett ma jkunx iġġustifikat fid-dawl tar-riżultati ta’ analiżi li tieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż tiegħu kif ukoll il-vantaġġi soċjali, ekonomiċi, klimatiċi u ambjentali tiegħu, fatt li għandu jiġi evalwat mill-awtorità nazzjonali kompetenti.

V. Konklużjoni

74.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju) bil-mod li ġej:

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE, moqri flimkien mal-Artikoli 4, 5 u l-Artikolu 16(d) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżura nazzjonali li tordna d-dekummissjonar ta’ konnessjoni ferrovjarja f’port intern jekk din ma tkunx iġġustifikata mir-riżultati ta’ analiżi soċjoekonomika, fatt li għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-għanijiet speċifiċi tal-imsemmi regolament mill-awtorità nazzjonali kompetenti.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2013, L 348, p. 1.

( 3 ) Tat‑28 ta’ Marzu 2011, COM(2011) 144 final/2. Din il-verżjoni bil-Franċiż tannulla u tissostitwixxi d-dokument COM (2011) 144 final, tat‑28 ta’ Marzu 2011. Iktar il quddiem il- “white paper”.

( 4 ) Iktar ’il quddiem il-“FIF”.

( 5 ) Moniteur belge tal‑14 ta’ Ġunju 2004, p. 51971.

( 6 ) Moniteur belge tat‑30 ta’ Diċembru 2004, p. 87338.

( 7 ) Dan ir-regolament ġie adottat abbażi tal-Artikolu 172 TFUE. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2015 (C‑121/14, EU:C:2015:749, punti 44 sa 46). Kif huwa ddikjarat fl-Artikolu 59 tal-imsemmi regolament, u speċifikat fil-premessa 1 tiegħu, huwa jissostitwixxi d-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Lulju 2010 fuq linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew (ĠU 2010, L 204. p. 1), li kienet fasslet mill-ġdid il-linji gwida adottati bid-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Lulju 1996 fuq linji gwida tal-Komunità għall-iżvilupp tan-network tat-trasport trans-Ewropew (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 364).

( 8 ) It-trasport multimodali huwa ddefinit fl-Artikolu 3(n) tal-istess regolament bħala t-trasport tal-passiġġieri jew tal-merkanzija, jew it-tnejn, bl-għajnuna ta’ żewġ modi ta’ trasport jew iktar.

( 9 ) Ara l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1315/2013.

( 10 ) Ara l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament.

( 11 ) Ara, f’dan is-sens, l-Artikolu 38(3) tal-istess regolament.

( 12 ) Ara l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1315/2013.

( 13 ) Skont l-istess testi, Brussell huwa nodu urban tan-netwerk ewlieni.

( 14 ) Ara l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-Regolament.

( 15 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 38(1) tal-imsemmi regolament.

( 16 ) Ara, f’dan is-sens, l-Artikolu 6(2) u (3) kif ukoll l-Artikolu 14(1)(e) tar-Regolament Nru 1315/2013.

( 17 ) Ara l-Artikolu 6(2), l-Artikolu 39(2) u l-Artikolu 40 tal-imsemmi regolament.

( 18 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 7 u 8, l-Artikolu 5(1) kif ukoll l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1315/2013. Ara, għal tfakkira ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2015, Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑121/14, EU:C:2015:749, punti 5152). F’dan il-każ, nirrileva li l-qorti tar-rinviju ma tiddubitax li l-linja ferrovjarja inkwistjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala eżistenti.

( 19 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Jumbocarry Trading (C‑39/20, EU:C:2021:435, punti 2829, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Is-sitwazzjoni inkwistjoni, ċertament, toriġina fil-kuntest tal-liġi l-antika (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 in fine ta’ dawn il-konklużjonijiet), iżda l-kawża tirrigwarda operazzjonijiet ta’ dekummissjonar li għadhom iridu jitwettqu. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Județul Neamț u Județul Bacău (C‑260/14 u C‑261/14, EU:C:2016:360, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fl-ipoteżi fejn is-sitwazzjoni ġuridika inkwistjoni tirriżulta b’mod definittiv qabel id-dħul fis-seħħ tal-istess regolament, jiena tal-opinjoni li mill-kliem, mill-għan u mill-istruttura tiegħu jirriżulta li effett immedjat għandu jiġi attribwit lilha għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 41 u 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 21 ) Ara, f’sitwazzjoni analoga fil-qasam tal-ambjent, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-Kawża Stadt Papenburg (C‑226/08, EU:C:2009:440, punti 52, 60, 6469), kif ukoll is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2010, Stadt Papenburg (C‑226/08, EU:C:2010:10, punt 50).

( 22 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2021, Facebook Ireland et (C‑645/19, EU:C:2021:483, punt 110).

( 23 ) L-eżami tal-ħidma leġiżlattiva fir-rigward tal-għażla li jitfassal regolament u mhux direttiva jikkorrobora din l-analiżi. Ara, bħala paragun, dispożizzjonijiet ġodda fis-seħħ jew futuri esposti fil-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 24 ) Ara l-Artikolu 38(3) u l-Artikolu 54 tal-imsemmi regolament.

( 25 ) Il-kelma “и” hija użata fil-verżjoni bil-lingwa Bulgara u, fil-verżjoni bil-lingwa Olandiża, tintuża l-kelma “en”. Ara, għal eżempju ieħor ta’ diverġenza, il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1315/2013.

( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799, punti 43, 4446, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Ara, fl-istess sens, l-Artikolu 13(f) tal-istess regolament.

( 28 ) Bl-eċċezzjoni tar-Repubblika ta’ Ċipru u tar-Repubblika ta’ Malta, billi ma teżisti ebda sistema ferrovjarja fit-territorju tagħhom (ara l-Artikolu 57 ta’ dan ir-regolament).

( 29 ) Artikolu 16(d) ta’ dan ir-regolament. Korsiv miżjud minni. Ara wkoll l-Artikolu 10(1)(b) tal-imsemmi regolament, li jipprovdi li waqt l-iżvilupp tan-netwerk komprensiv, għandha tingħata prijorità ġenerali lill-miżuri neċessarji sabiex tiġi żgurata integrazzjoni ottimali tal-mezzi ta’ trasport u l-interoperabbiltà bejniethom.

( 30 ) Ara l-Artikolu 4(b)(iii) tar-Regolament Nru 1315/2013.

( 31 ) L-Artikolu 4(b)(v) ta’ dan ir-regolament.

( 32 ) Ara l-Artikolu 5(1)(a) ta’ dan ir-regolament.

( 33 ) Ara l-Artikolu 5(1)(b) tal-imsemmi regolament.

( 34 ) Artikolu 6(3) u Artikolu 38(1) u (3) tar-Regolament Nru 1315/2013. Korsiv miżjud minni.

( 35 ) Dawn huma b’mod partikolari l-kapitali tal-Istati Membri.

( 36 ) Ara, ukoll, l-Artikolu 30(a) u (b) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom l-għan li jiżguraw, sa fejn huwa possibbli, fil-kuntest tal-iżvilupp tan-netwerk komprensiv ta’ nodi urbani, l-interkonnessjoni bejn l-infrastruttura ferrovjarja, tat-triq, tal-ajru u, jekk ikun il-każ, ta’ navigazzjoni interna u marittima tan-netwerk komprensiv, għat-trasport tal-passiġġieri, kif ukoll l-interkonnessjoni bejn l-infrastruttura ferrovjarja, tat-triq u, jekk ikun il-każ, ta’ navigazzjoni interna, tal-ajru u marittima tan-netwerk komprensiv tat-trasport ta’ merkanzija.

( 37 ) Fil-premessa 13 tar-Regolament Nru 1315/2013 huwa ppreċiżat li n-netwerk ewlieni jikkostitwixxi “s-sinsla tal-iżvilupp ta’ netwerk tat-trasport multimodali sostenibbli”. Ara wkoll il-premessa 40 ta’ dan ir-regolament, li tipprovdi li n-netwerk ewlieni “[g]ħandu jkun multimodali, jiġifieri għandu jinkludi l-mezzi kollha tat-trasport u l-konnessjonijiet tagħhom kif ukoll sistemi rilevanti tal-ġestjoni tat-traffiku u l-informazzjoni”.

( 38 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet għal riferiment għad-definizzjoni tal-espressjoni “trasport multimodali”.

( 39 ) Ara l-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 40 ) Ara, ukoll f’dan is-sens, id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar il-metodoloġija tal-ippjanar għal network trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) li jakkumpanja d-dokument Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp ta’ network trans-Ewropew tat-Trasport, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 2021/1153 u r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 (SWD(2021)/471 final/2), p. 4 u 5.

( 41 ) Ara l-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 42 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(c)(ii) u (iii) tal-imsemmi regolament u, fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, il-premessa 13. Ara, fl-istess sens, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni intitolata “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” tal‑11 ta’ Diċembru 2019 (COM(2019) 640 final), li tqiegħed l-azzjoni għall-klima fil-qalba tal-prijoritajiet tagħha, billi tistabbilixxi għan ta’ newtralità klimatika tal-Unjoni sas-sena 2050, kif ukoll għan ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ mill-inqas 55 % minn issa sal‑2030, meta mqabbel mal-livelli tal‑1990 (punt 2.1.1). Dawn l-għanijiet jinsabu wkoll fir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU 2021, L 243, p. 1). Fil-qasam tat-trasport, il-Patt Ekoloġiku Ewropew jitlob tnaqqis ta’ 90 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport, biex l-Unjoni ssir ekonomija newtrali għall-klima minn issa sal‑2050, filwaqt li jaħdem favur ambizzjoni ta’ tniġġis żero. Ara, f’dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni intitolata “Perkors għal Pjaneta b’Saħħitha għal Kulħadd – Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: ‘Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija’”, tat‑12 ta’ Mejju 2021 (COM (2021) 400 final).

( 43 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-White Paper, punti 22 u 24 (taħt il-paragrafu 2.2 intitolat “Netwerk tal-qalba effiċjenti għall-ivjaġġar u t-trasport multimodali bejn l-ibliet”).

( 44 ) Ara, f’dan is-sens, il-White Paper, punt 27. Ara wkoll l-Artikolu 13(f) u l-Artikolu 41(2) tar-Regolament Nru 1315/2013. Fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni intitolata “Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur”, tad‑9 ta’ Diċembru 2020, (COM(2020) 789 final), huwa stmat li s-sehem tas-suq tat-traffiku ferrovjarju tal-merkanzija ser jiżdied b’50 % minn issa sal‑2030 u jirdoppja minn issa sal‑2050 u li t-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni u t-trasport marittimu fuq distanza qasira għandhom jiżdiedu b’25 % minn issa sal‑2030 u b’50 % minn issa sal‑2050 (punt 44 u t-tabella taħt il-punt 45).

( 45 ) Id-dokumenti ċċitati mill-Gvern Belġjan ippreċedew l-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2021/1187 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Lulju 2021 dwar ir-razzjonalizzazzjoni ta’ miżuri li jmexxu ’l quddiem it-twettiq tan-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) (ĠU 2021, L 258, p. 1). Hija ilha tapplika mid‑9 ta’ Awwissu 2021 u għandha tidħol fis-seħħ fl-Istati Membri sa mhux iktar tard mill‑10 ta’ Awwissu 2023. Din id-direttiva tkopri l-punti li ġejjin: il-partijiet magħżula minn qabel tal-konnessjonijiet transkonfinali u tal-konnessjonijiet nieqsa fil-kuriduri tan-netwerk ewlieni tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport, kif elenkati fl-Anness I u l-proġetti fuq il-kuriduri tan-netwerk ewlieni li jaqbżu EUR 300 miljun. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, sabiex fih jinkludu l-proġetti kollha li jirrigwardaw dan in-netwerk ewlieni, jew li jirrigwardaw ukoll in-netwerk komprensiv. F’dan il-każ, l-Istat għandu jinnotifika dan lill-Kummissjoni.

( 46 ) Ara, f’dan ir-rigward, id-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni, tas‑26 ta’ Mejju 2021 (SWD(2021) 117 final), p. 28, fir-rigward tan-neċessità li jiġu intensifikati l-isforzi sabiex jintlaħqu l-għanijiet strateġiċi l-ġodda, p. 87 u 94, dwar it-titjib tal-kwalità tal-infrastrutturi, kif ukoll p. 9 u 94, fir-rigward tal-adattament tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport għal trasporti iktar ekoloġiċi.

( 47 ) COM(2021) 812 final, tal‑14 ta’ Diċembru 2021 (traduzzjoni libera). Ara, b’mod partikolari, l-abbozzi tal-Artikolu 20(1)(e), tal-Artikolu 21(1)(a) u tal-Artikolu 22(1) u (2). Waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-Kummissjoni speċifikat li, fil-kuntest ta’ dan il-proġett, l-għan ta’ multimodalità, inkwistjoni f’din il-kawża, isir għan saħansitra iktar importanti u li l-port ta’ Brussell għandu jinżamm bħala nodu urban importanti u bħala nodu tan-netwerk ewlieni.

( 48 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu Port de Bruxelles ma jipprevedix klawżola ta’ standstill iżda jiċċita Versweyvelt, A.-S., “Het standstill-beginsel inzake leefmilieu in de rechtspraak van het Grondwettelijk Hof”, Milieu- en Energierecht (MER), die Keure, Bruges, 2015, p. 3. Skont l-awtur, il-fatt li ċ-ċittadini tal-Unjoni ma jistgħux jisiltu drittijiet individwali mill-Artikolu 37 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma jipprekludihomx milli jisiltu obbligu ta’ standstill li jimplika li kull ċittadin jista’ jikkontesta politika Ewropea partikolari jekk dik din ikollha effetti negattivi fuq l-ambjent.

( 49 ) Ara l-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 50 ) Li jiġi aċċettat li nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi ta’ manutenzjoni tal-infrastrutturi tat-trasport jista’ jiġġustifika t-tneħħija tagħhom imur kontra l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament u jiffavorixxi tali prattiki. Ara, barra minn hekk, il-premessa 8 tal-imsemmi regolament, li tirrakkomanda r-riabilitazzjoni tal-infrastrutturi fil-każ ta’ nuqqas ta’ manutenzjoni regolari. Ara, ukoll, il-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 51 ) Ara l-punt 5 tal-Anness I tal-White Paper.

( 52 ) Ara, għall-proġetti ta’ interess komuni, il-metodu ta’ evalwazzjoni tal-vijabbiltà ekonomika rrakkomandata fl-Artikolu 7(2)(c) tar-Regolament Nru 1315/2013, u l-premessa 22 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll tfakkira ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fis-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2015Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑121/14, EU:C:2015:749, punt 48).

Top