EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CC0132
Opinion of Advocate General Richard de la Tour delivered on 8 September 2022.#BE v Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság.#Request for a preliminary ruling from the Fővárosi Törvényszék.#Reference for a preliminary ruling – Protection of natural persons with regard to the processing of personal data – Regulation (EU) 2016/679 – Articles 77 to 79 – Remedies – Parallel exercise – Relationship – Procedural autonomy – Effectiveness of the protection rules established by that regulation – Consistent and homogeneous application of those rules throughout the European Union – Article 47 of the Charter of Fundamental Rights of the European Union.#Case C-132/21.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2022.
BE vs Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikoli 77 sa 79 – Rimedji ġudizzjarji – Eżerċizzju parallel – Rabta – Awtonomija proċedurali – Effettività tar-regoli ta’ protezzjoni stabbiliti minn dan ir-regolament – Applikazzjoni koerenti u omoġenja ta’ dawn ir-regoli fl-Unjoni Ewropea kollha – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Kawża C-132/21.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2022.
BE vs Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikoli 77 sa 79 – Rimedji ġudizzjarji – Eżerċizzju parallel – Rabta – Awtonomija proċedurali – Effettività tar-regoli ta’ protezzjoni stabbiliti minn dan ir-regolament – Applikazzjoni koerenti u omoġenja ta’ dawn ir-regoli fl-Unjoni Ewropea kollha – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Kawża C-132/21.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:661
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fit‑8 ta’ Settembru 2022 ( 1 )
Kawża C‑132/21
BE
vs
Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság,
fil-preżenza ta’
Budapesti Elektromos Művek Zrt.
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (il‑Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikoli 77 sa 79 – Ilment quddiem awtorità superviżorja – Rimedji ġudizzjarji – Relazzjoni bejn ir-rimedji – Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri”
I. Introduzzjoni
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 51(1), tal-Artikolu 52(1), tal-Artikolu 77(1), u tal-Artikolu 79(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) ( 2 ). |
2. |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn BE u n-Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (l-Awtorità Nazzjonali Responsabbli għall-Protezzjoni tad-Data u l-Libertà tal-Informazzjoni, l-Ungerija, iktar ’il quddiem l-“awtorità superviżorja”) dwar iċ-ċaħda tat-talba ta’ BE li jiġu kkomunikati lilu siltiet mir-reġistrazzjoni awdjo ta’ laqgħa ġenerali tal-azzjonisti li huwa kien ipparteċipa fiha. |
3. |
Il-GDPR huwa intiż li jiżgura l-applikazzjoni effettiva tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali, billi jipprevedi sistema ta’ rimedji li tippermetti lil suġġett tad-data jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja, rikors ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni meħuda minn din l-awtorità u rikors ġudizzjarju kontra kontrollur jew proċessur, jekk dan is-suġġett tad-data jqis li d-drittijiet mogħtija lilu minn dan ir-regolament inkisru minħabba li twettaq ipproċessar tad-data personali tiegħu bi ksur tal-imsemmi regolament. |
4. |
Il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) tixtieq tikseb mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja kjarifiki dwar ir-relazzjoni bejn dawn ir-rimedji ġudizzjarji u, b’mod iktar preċiż, dwar il-modi kif jiġi evitat li jingħataw deċiżjonijiet kontradittorji dwar l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet protetti mill-GDPR fi Stat Membru. |
5. |
Il-qofol ta’ din il-kwistjoni huwa importanti, sa fejn ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea li jiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija mill-GDPR kif ukoll li jiggarantixxi livell ta’ protezzjoni għoli u koerenti ta’ dawn id-drittijiet ma tidhirx li hija kompatibbli mal-eżistenza ta’ deċiżjonijiet kontradittorji fi Stat Membru, li toħloq inċertezza legali. |
6. |
F’dawn il-konklużjonijiet, ser nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ li l-Artikolu 78(1) tal-GDPR, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 3 ), għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ eżerċizzju minn suġġett tad-data tar-rimedji previsti fl-Artikolu 77(1) u fl-Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament, il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ awtorità superviżorja ma hijiex marbuta bid-deċiżjoni adottata minn qorti li quddiema tressqet il-kawża abbażi ta’ din l-aħħar dispożizzjoni dwar jekk inkisrux jew le d-drittijiet ta’ dak is-suġġett tad-data li jirriżultaw mill-imsemmi regolament. |
7. |
Minn din il-perspettiva, ser nesponi r-raġunijiet li għalihom l-Artikolu 77(1) u l-Artikolu 79(1) tal-GDPR għandhom, fil-fehma tiegħi, jiġu interpretati fis-sens li r-rimedji li jipprevedu jistgħu jiġu eżerċitati b’mod parallel, mingħajr ma l-ebda wieħed minnhom jibbenefika minn prijorità fil-konfront tal-ieħor abbażi ta’ dan ir-regolament. |
8. |
Ser nissupplimenta din ir-risposta billi nippreċiża li, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar ir-relazzjoni bejn ir-rimedji previsti fl-Artikoli 77 sa 79 tal-GDPR, huma l-Istati Membri, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali u fid-dawl kemm tal-għan li jiġi ggarantit livell ta’ protezzjoni għoli u koerenti tad-drittijiet mogħtija minn dan ir-regolament kif ukoll tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, stabbilit mill-Artikolu 47 tal-Karta, li għandhom jistabbilixxu fil-livell nazzjonali l-mekkaniżmi li jirregolaw ir-relazzjoni bejn dawn ir-rimedji neċessarji sabiex jiġi evitat li jkun hemm deċiżjonijiet kontradittorji dwar l-istess ipproċessar ta’ data personali fl-istess Stat Membru. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Il-GDPR
9. |
L-Artikolu 51(1) tal-GDPR jipprovdi: “Kull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika indipendenti waħda jew aktar ikunu responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi b’rabta mal-ipproċessar u biex jiġi ffaċilitat il-fluss liberu ta’ data personali fl-Unjoni (‘awtorità superviżorja’).” |
10. |
Skont l-Artikolu 52(1) tal-GDPR: “Kull awtorità superviżorja għandha taġixxi b’indipendenza sħiħa fit-twettiq tal-kompiti tagħha u fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha f’konformità ma’ dan ir-Regolament.” |
11. |
L-Artikolu 58(4) tal-GDPR jipprovdi: “L-eżerċizzju tas-setgħat ikkonferiti lill-awtorità superviżorja skont dan l-Artikolu għandu jkun soġġett għal salvagwardji xierqa, inklużi r-rimedju ġudizzjarju effettiv u l-proċess ġust, stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni u l-liġijiet tal-Istati Membri f’konformità mal-Karta.” |
12. |
L-Artikolu 77 tal-GDPR, intitolat “Dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja”, huwa fformulat kif ġej: “1. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju ieħor, kull suġġett tad-data għandu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja, b’mod partikolari fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu, il-post tax-xogħol tiegħu jew il-post tal-ksur allegat, jekk is-suġġett tad-data jqis li l-ipproċessar ta’ data personali dwaru jikser dan ir-Regolament. 2. L-awtorità superviżorja li magħha jkun sar l-ilment għandha tinforma lill-ilmentatur dwar il-progress u l-eżitu tal-ilment inkluża l-possibbiltà ta’ rimedju ġudizzjarju skont l-Artikolu 78.” |
13. |
L-Artikolu 78 tal-GDPR huwa intitolat “Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra awtorità superviżorja”. Skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu: “Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor, kull persuna fiżika jew ġuridika għandu jkollha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni legalment vinkolanti ta’ awtorità superviżorja li tikkonċernaha.” |
14. |
L-Artikolu 79 tal-GDPR huwa intitolat “Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra kontrollur jew proċessur”. Il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jaqra kif ġej: “Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju disponibbli, inkluż id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja skont l-Artikolu 77, kull suġġett tad-data għandu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn jikkunsidra li nkisru d-drittijiet tiegħu taħt dan ir-Regolament b’riżultat tal-ipproċessar tad-data personali tiegħu b’nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament.” |
B. Id-dritt Ungeriż
15. |
L-Artikolu 22 tal-információs önrendelkezési jogról és az információszabadságról szóló 2011. évi CXII. törvény (il-Liġi Nru CXII tal‑2011 dwar l-awtodeterminazzjoni fir-rigward tal-informazzjoni u l-libertà tal-informazzjoni, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Informazzjoni”) ( 4 ), tas‑26 ta’ Lulju 2011, jipprevedi: “Fl-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu, is-suġġett tad-data jista’, skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI:
|
16. |
L-Artikolu 23 tal-Liġi dwar l-Informazzjoni jipprovdi: “(1) Is-suġġett tad-data jista’ jibda proċedura ġudizzjarja kontra l-kontrollur jew il-proċessur fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar li jaqgħu taħt l-attivitajiet tiegħu, jekk iqis li l-kontrollur jew il-proċessur li jaġixxi f’isem il-kontrollur jew fuq l-istruzzjonijiet tiegħu jkun ipproċessa d-data personali tiegħu bi ksur tal-obbligi dwar l-ipproċessar tad-data personali previsti minn jew skont il-liġi, jew minn att vinkolanti tal-Unjoni […] […] (4) Tista’ tieħu sehem ukoll fil-proċedura ġudizzjarja persuna li, barra minn hekk, ma għandhiex locus standi in judicio. [L-awtorità superviżorja] tista’ tintervjeni fil-proċedura ġudizzjarja insostenn tat-talbiet tal-suġġett tad-data. (5) Jekk il-qorti tilqa’ r-rikors, hija tikkonstata l-eżistenza tal-ksur, tordna lill-kontrollur jew lill-proċessur
u, jekk ikun meħtieġ, tiddeċiedi fl-istess okkażjoni dwar it-talbiet għal kumpens għad-danni materjali u għad-danni mhux materjali.” |
III. Il-fatti tal-kawża u d-domandi preliminari
17. |
Wara li assista għal-laqgħa ġenerali tas‑26 ta’ April 2019 tal-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li tagħha huwa azzjonist, BE talabha tikkomunikalu r-reġistrazzjoni awdjo li saret matul din il-laqgħa. |
18. |
Il-kumpannija b’responsabbiltà limitata, bħala l-kontrollur ta’ din id-data, qiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ BE biss is-siltiet tar-reġistrazzjoni li jirriproduċu l-interventi tiegħu, filwaqt li eskludiet dawk tal-parteċipanti l-oħra. |
19. |
BE, li xtaq ikollu siltiet li jirriproduċu r-risposti tal-parteċipanti għad-domandi li kien għamel matul il-laqgħa ġenerali tas‑26 ta’ April 2019, talab lill-awtorità superviżorja tikkonstata l-aġir tal-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata bħala illegali kif ukoll tordna lil din tal-aħħar tibgħatlu dawk is-siltiet. L-awtorità superviżorja ċaħdet din it-talba bid-deċiżjoni tad‑29 ta’ Novembru 2019. |
20. |
Wara din iċ-ċaħda, BE ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja quddiem il-qorti tar-rinviju, fuq il-bażi tal-Artikolu 78(1) tal-GDPR, intiż għall-bidla, prinċipalment, jew għall-annullament, sussidjarjament, tal-imsemmija deċiżjoni. |
21. |
Fl-istess żmien tal-azzjoni mressqa quddiem l-awtorità superviżorja, BE ppreżenta rikors quddiem qorti ċivili kontra l-kontrollur, skont l-Artikolu 79(1) tal-GDPR. |
22. |
Filwaqt li r-rikors kien għadu pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Fövárosi Ítélötábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) laqgħet ir-rikors ta’ BE ppreżentat fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, billi kkonstatat li l-kontrollur kien kiser id-dritt ta’ aċċess ta’ BE għad-data personali tiegħu billi ma poġġiex għad-dispożizzjoni tiegħu, minkejja t-talba li għamillu, il-partijiet tar-reġistrazzjoni awdjo li kien fihom ir-risposti għad-domandi tiegħu ( 5 ). Din is-sentenza mogħtija minn qorti ċivili tat-tieni istanza saret definittiva. |
23. |
Fil-kuntest tar-rikors tiegħu quddiem il-qorti tar-rinviju, BE jitlob li tittieħed inkunsiderazzjoni l-konklużjoni li waslet għaliha din il-qorti ċivili fis-sentenza tagħha. |
24. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk jistgħux jinsiltu lezzjonijiet mid-dritt tal-Unjoni fir-rigward tar-relazzjoni bejn il-kompetenzi rispettivi, minn naħa, tal-awtorità superviżorja li quddiemha jitressaq ilment, skont l-Artikolu 77(1) tal-GDPR, u tal-qorti amministrattiva li għandha ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 78(1) ta’ dak ir-regolament, sabiex tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjonijiet meħuda minn dik l-awtorità, u, min-naħa l-oħra, tal-qorti ċivili li għandha ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 79(1) tal-imsemmi regolament, sabiex tiddeċiedi dwar rikors ippreżentat minn suġġett tad-data li jqis li d-drittijiet tiegħu li jirriżultaw minn dan l-istess regolament inkisru. |
25. |
Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-eżerċizzju parallel tar-rimedji previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet jista’ jwassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet kuntrarji fir-rigward ta’ fatti identiċi. |
26. |
Tali sitwazzjoni tista’, skont din il-qorti, twassal għal riskju ta’ inċertezza legali. Il-qorti tar-rinviju tosserva, f’dan ir-rigward, li, skont ir-regoli tal-proċedura nazzjonali, id-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja ma hijiex vinkolanti fuq il-qorti ċivili. Għalhekk ma huwiex eskluż li din tal-aħħar tista’, fuq il-bażi tal-istess fatti, tagħti deċiżjoni kuntrarja għal dik tal-awtorità superviżorja. |
27. |
Il-qorti tar-rinviju tindika li, f’dan il-każ, f’konformità mar-regoli tal-proċedura nazzjonali, il-kundizzjonijiet li taħthom tista’ tintervjeni l-awtorità superviżorja quddiem il-qorti ċivili ma kinux issodisfatti. Barra minn hekk, skont dawn ir-regoli, is-sentenza ta’ qorti ċivili ma hijiex vinkolanti fuq il-qorti amministrattiva fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja li din għandha twettaq, f’konformità mal-Artikolu 78(1) tal-GDPR. |
28. |
Sa fejn l-awtorità superviżorja u l-qorti ċivili li ddeċidiet fl-aħħar istanza adottaw pożizzjonijiet kuntrarji dwar l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk hemmx elementi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni li jippermettu li tinħoloq relazzjoni bejn ir-rimedji li jiġu eżerċitati b’mod parallel. Hija ssemmi, b’analoġija, ir-regoli li jeżistu fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni ( 6 ). |
29. |
Din il-qorti tirrileva wkoll li, b’differenza miċ-ċirkustanzi li taw lok għas-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár ( 7 ), il-leġiżlazzjoni Ungeriża ma timponix l-eżawriment tal-possibbiltajiet ta’ rimedji amministrattivi bħala kundizzjoni preliminari għat-tressiq ta’ kawża quddiem qorti. |
30. |
Madankollu, id-dritt għal rimedju effettiv kif ukoll l-għan li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet mogħtija mill-GDPR jimplikaw li trid tiġi żgurata l-koerenza fl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Sabiex jintlaħaq dan ir-riżultat, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat liema mir-rimedji li jistgħu jiġu eżerċitati b’mod parallel jeħtieġ li jingħata prijorità. |
31. |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li hija taqbel mal-opinjoni tal-awtorità superviżorja meta din issostni li l-kompetenza prevista fl-Artikolu 51(1) tal-GDPR kif ukoll il-kompiti u s-setgħat previsti rispettivament fl-Artikolu 57(1)(a) u (f) u fl-Artikolu 58(2)(b) u (c) ta’ dak ir-regolament jagħtu lil dik l-awtorità kompetenza prijoritarja sabiex teżamina u tikkontrolla l-konformità mal-obbligi stabbiliti mill-imsemmi regolament. Għalhekk, hija tipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta interpretazzjoni fis-sens li, meta tkun għaddejja jew tkun ġiet konkluża proċedura quddiem l-awtorità superviżorja għall-istess ksur, hija d-deċiżjoni ta’ dik l-awtorità – kif ukoll dik tal-qorti amministrattiva li tistħarreġ il-legalità ta’ dik id-deċiżjoni – li għandha tingħata prijorità għas-soluzzjoni tal-kwistjoni tal-eżistenza tal-ksur tar-regoli previsti mill-GDPR. Konsegwentement, il-konstatazzjonijiet magħmula mill-qrati ċivili, li jaġixxu skont l-Artikolu 79 tal-GDPR, ma humiex vinkolanti fil-proċeduri mressqa skont l-Artikoli 77 u 78 ta’ dak ir-regolament. |
32. |
Jekk, għall-kuntrarju, is-supremazija tal-kompetenza tal-awtorità superviżorja li tikkonstata ksur tad-drittijiet mogħtija mill-GDPR ma tiġix irrikonoxxuta, il-qorti tar-rinviju tqis li, fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, jeħtieġ li hija tqis ruħha hija marbuta bil-konklużjonijiet tas-sentenza finali tal-qorti ċivili, mingħajr ma tistħarreġ hija stess il-legalità tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-awtorità superviżorja fid-deċiżjoni tagħha fir-rigward tal-eżistenza ta’ tali ksur. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li dan iwassal sabiex il-kompetenza prevista mill-Artikolu 78 ta’ dan ir-regolament titneżża’ mis-sustanza tagħha. |
33. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
34. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn BE, mill-awtorità superviżorja, mill-Gvern Ungeriż, mill-Gvern Ċek, mill-Gvern Taljan u mill-Gvern Pollakk kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Saret seduta fil‑11 ta’ Mejju 2022, fil-preżenza tal-awtorità superviżorja, tal-Gvern Ungeriż u l-Gvern Pollakk kif ukoll tal-Kummissjoni. |
IV. Analiżi
35. |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi dwar il-kawża li jkollha quddiemha u, minn din il-perspettiva, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fejn meħtieġ, li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew magħmula lilha ( 8 ). |
36. |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li l-qorti tar-rinviju fformulat domanda billi għamlet riferiment biss għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli sabiex tiddeċiedi dwar il-kawża li jkollha quddiemha, kemm jekk hija għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk le. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża ( 9 ). |
37. |
Nirrileva li l-qorti tar-rinviju attwalment għandha quddiemha rikors kontra deċiżjoni tal-awtorità superviżorja li ċaħdet l-ilment ta’ BE, li jikkorrispondi għar-rimedju msemmi fl-Artikolu 78(1) tal-GDPR. |
38. |
Sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar dan ir-rikors, din il-qorti tixtieq tikseb mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja preċiżazzjonijiet dwar ir-rabta bejn, minn naħa, l-ilment imressaq quddiem awtorità superviżorja skont l-Artikolu 77(1) ta’ dak ir-regolament u, min-naħa l-oħra, ir-rimedji previsti fl-Artikolu 78(1) u fl-Artikolu 79(1) tal-imsemmi regolament. |
39. |
B’mod konkret, fl-istadju fejn jinsabu l-proċeduri nazzjonali, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf il-marġni ta’ manuvra li għandha fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja li trid twettaq, skont l-Artikolu 78(1) tal-GDPR, fid-dawl tal-fatt li qorti ċivili, adita skont l-Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament, tat deċiżjoni kuntrarja għal dik li fiha din l-awtorità tat deċiżjoni wara li tressaq ilment quddiemha, skont l-Artikolu 77(1) tal-imsemmi regolament. |
40. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-fehma tiegħi, għandu jitqies li, permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk l-Artikolu 78(1) tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ eżerċizzju minn suġġett tad-data tar-rimedji previsti fl-Artikolu 77(1) u fl-Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament, il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ awtorità superviżorja hija marbuta bil-pożizzjoni adottata minn qorti li quddiema tressqet il-kawża abbażi ta’ din l-aħħar dispożizzjoni dwar jekk inkisrux jew le d-drittijiet ta’ dak is-suġġett tad-data li jirriżultaw mill-imsemmi regolament. |
41. |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, mill-perspettiva tal-qorti tar-rinviju, ir-risposta għal din id-domanda għandha tiddetermina jekk, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja li hija trid twettaq, din il-qorti għandhiex tqis, meta r-rimedji previsti fl-Artikolu 77(1) u fl-Artikolu 79(1) tal-GDPR ikunu ġew eżerċitati b’mod parallel, xi prijorità possibbli li l-ewwel rimedju jista’ jkollu fuq it-tieni wieħed f’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet protetti minn dak ir-regolament. |
42. |
Sabiex tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni tagħha kif ukoll l-istruttura u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha ( 10 ). |
43. |
Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikoli 77 sa 79 tal-GDPR, nosserva li mill-paragrafu 1 tagħhom jirriżulta, minn naħa, li d-dritt li jitressaq ilment huwa “[m]ingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju ieħor” u, min-naħa l-oħra, li d-dritt li jiġi ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni ta’ awtorità superviżorja jew kontra kontrollur huwa “[m]ingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju disponibbli”. |
44. |
Għaldaqstant, mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li r-rimedji li jipprevedu jistgħu jiġu eżerċitati b’mod parallel. Barra minn hekk, ma hija stabbilita l-ebda regola dwar ir-relazzjoni bejn dawn ir-rimedji mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-imsemmija dispożizzjonijiet. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, ma jistax jiġi dedott mill-GDPR li teżisti prijorità għal xi rimedju ġudizzjarju meta mqabbel ma’ oħrajn sabiex jiġi kkonstatat ksur tad-drittijiet protetti minn dan ir-regolament. |
45. |
B’mod partikolari, għalkemm huwa minnu li, kif jirriżulta b’mod iktar speċifiku mill-Artikolu 51(1) tal-GDPR, l-awtoritajiet superviżorji huma responsabbli li jissorveljaw l-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, b’mod partikolari sabiex jipproteġu d-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament ma tindika li dawn l-awtoritajiet għandhom ġurisdizzjoni prijoritarja fuq qorti sabiex jikkonstataw il-ksur ta’ dawn id-drittijiet. |
46. |
Il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk xtaq iqiegħed għad-dispożizzjoni tas-suġġetti tad-data sistema kompleta ta’ rimedji, li fiha d-dritt għal rikors ġudizzjarju u l-possibbiltà li jiġi eżerċitat rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju jeżistu b’mod konġunt u awtonomu, mingħajr ma l-ebda wieħed ikun sussidjarju meta mqabbel mal-ieħor. Dawn is-suġġetti tad-data jistgħu għalhekk ifittxu protezzjoni ġuridika billi jressqu, b’mod partikolari, ilment quddiem awtorità superviżorja, imbagħad billi jikkontestaw, jekk ikun meħtieġ, id-deċiżjoni meħuda minn dik l-awtorità quddiem qorti, u/jew billi jeżerċitaw b’mod dirett rimedju ġudizzjarju kontra kontrollur jew proċessur. Għalkemm l-awtorità superviżorja u l-qorti jew il-qrati li quddiemhom titressaq il-kawża jistgħu jaslu għal evalwazzjonijiet legali differenti fir-rigward tal-eżistenza ta’ ksur tar-regoli previsti mill-GDPR, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma implimentax il-mekkaniżmi xierqa sabiex ineħħu dan ir-riskju, peress li ma ddefinixxiex ir-regoli dwar ir-relazzjoni bejn ir-rimedji previsti fl-Artikoli 77 sa 79 ta’ dan ir-regolament. |
47. |
F’dan ir-rigward, mill-istruttura tal-imsemmi regolament jirriżulta li, għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jipprevedi regoli dwar ir-relazzjoni, minn naħa, bejn l-ilmenti mressqa quddiem awtoritajiet superviżorji li jinsabu fi Stati Membri differenti u, min-naħa l-oħra, rikorsi ppreżentati quddiem qrati li jinsabu fi Stati Membri differenti, dan il-leġiżlatur ma xtaqx jipprevedi tali regoli fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-rimedji fl-istess Stat Membru. |
48. |
Nirrileva, f’dan ir-rigward, li l-GDPR jistabbilixxi, fil-Kapitolu VII tiegħu, intitolat “Kooperazzjoni u konsistenza”, mekkaniżmi ta’ assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet superviżorji ta’ Stati Membri differenti, intiżi sabiex jiżguraw il-koerenza tad-deċiżjonijiet meħuda minn dawk l-awtoritajiet. Barra minn hekk, l-Artikolu 81 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Sospensjoni ta’ proċedimenti”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li, “[f]ejn proċedimenti li jikkonċernaw l-istess suġġett fir-rigward tal-ipproċessar tal-istess kontrollur jew proċessur ikunu pendenti f’qorti fi Stat Membru ieħor, kwalunkwe qorti kompetenti, ħlief il-qorti invokata l-ewwel, tista’ tissospendi l-proċedimenti tagħha”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 81(3) tal-imsemmi regolament, “[f]ejn dawk il-proċedimenti jkunu pendenti quddiem qrati tal-prim’istanza, kwalunkwe qorti, ħlief il-qorti invokata l-ewwel tista’ wkoll, mal-applikazzjoni ta’ wieħed mill-partijiet, iċċedi l-ġurisdizzjoni jekk il-qorti invokata l-ewwel ikollha ġurisdizzjoni fuq l-azzjonijiet inkwistjoni u l-liġi tagħha tippermetti l-konsolidazzjoni tagħhom”. |
49. |
Ninnota li tali possibbiltà ta’ sospensjoni jew ta’ ċediment tal-ġurisdizzjoni ma hijiex prevista meta lment quddiem awtorità superviżorja u rimedji ġudizzjarji jiġu ppreżentati fl-istess Stat Membru fir-rigward tal-istess ipproċessar ta’ data personali. |
50. |
Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni mogħtija minn awtorità superviżorja li trid twettaq skont l-Artikolu 78(1) tal-GDPR, qorti nazzjonali ma hijiex obbligata, skont dan ir-regolament, li tirrikonoxxi la l-kompetenza prijoritarja ta’ din l-awtorità jew ta’ qorti li quddiemha titressaq kawża skont l-Artikolu 79(1) tal-imsemmi regolament, u lanqas is-supremazija tal-evalwazzjoni mwettqa minn dik l-awtorità jew minn dik il-qorti fir-rigward tal-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet mogħtija mill-istess regolament. |
51. |
Fil-fehma tiegħi, soluzzjoni kuntrarja tmur kontra d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv li għandu jgawdi minnu suġġett tad-data li jikkontesta d-deċiżjoni adottata minn awtorità superviżorja. |
52. |
Fil-fatt, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 78(1) tal-GDPR jirriżulta li din id-dispożizzjoni tagħti lil kull persuna fiżika jew ġuridika “d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni legalment vinkolanti ta’ awtorità superviżorja li tikkonċernaha”. Din id-dispożizzjoni tirrifletti l-Artikolu 58(4) tal-istess regolament, li minnu jirriżulta li l-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lill-awtorità superviżorja għandu jkun suġġett għal salvagwardji bħad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv ( 11 ). Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 47 tal-Karta huwa rifless, fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali, fil-possibbiltà, prevista mill-Artikolu 78(1) tal-GDPR, ta’ kull persuna fiżika jew ġuridika għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni legalment vinkolanti ta’ awtorità superviżorja li tikkonċernaha ( 12 ). |
53. |
Dan id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv jimplika li l-qorti li quddiemha jiġi ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni ta’ awtorità superviżorja, ibbażat fuq l-Artikolu 78(1) tal-GDPR, għandha, kif tindika l-premessa 143 ta’ dan ir-regolament, “[tħaddem] [i]l-ġurisdizzjoni sħiħa li għandha tinkludi ġurisdizzjoni biex jiġu eżaminati l-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti għat-tilwim li jitressaq quddiemh[a]”. Dan iwassal għall-konsegwenza, fil-fehma tiegħi, li din il-qorti trid tkun libera li tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni suġġetta għall-istħarriġ tagħha u, sabiex tagħmel dan, hija ma tridx tkun marbuta mill-evalwazzjoni li tkun għamlet qabilha qorti li quddiemha titressaq kawża fondata fuq l-Artikolu 79(1) tal-GDPR fir-rigward tal-eżistenza jew le ta’ ksur tar-regoli previsti minn dan ir-regolament. |
54. |
Għalhekk, għalkemm il-qorti li quddiemha titressaq kawża skont l-Artikolu 78(1) tal-GDPR sabiex tistħarreġ il-legalità ta’ deċiżjoni adottata minn awtorità superviżorja trid tgawdi libertà sħiħa fl-evalwazzjoni sabiex tikkonstata l-eżistenza jew le ta’ ksur tar-regoli stabbiliti f’dan ir-regolament, fl-opinjoni tiegħi, dan ma huwiex minħabba allegata prijorità tal-awtorità superviżorja, u sussegwentement, jekk ikun il-każ, ta’ din il-qorti sabiex twettaq din il-konstatazzjoni, iżda pjuttost minħabba d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, li jimplika li l-imsemmija qorti għandha tkun f’pożizzjoni li tistħarreġ b’mod liberu l-legalità tad-deċiżjoni meħuda minn dik l-awtorità. |
55. |
Fir-rigward tal-għanijiet segwiti mill-GDPR, nirrileva li l-għażla magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni li jħalli lis-suġġetti tad-data l-possibbiltà li jeżerċitaw b’mod parallel ir-rimedji ġudizzjarji previsti fl-Artikoli 77 sa 79 ta’ dan ir-regolament hija konsistenti mal-għan tal-imsemmi regolament li jikkonsisti f’li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet mogħtija mill-istess regolament. |
56. |
F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(2) tal-GDPR, moqri flimkien mal-premessi 10, 11 u 13 ta’ dan ir-regolament, dan ir-regolament jimponi fuq l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni kif ukoll fuq l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-kompitu li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 16 TFUE u fl-Artikolu 8 tal-Karta ( 13 ). |
57. |
Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, kif turi din il-kawża, il-possibbiltà offruta mill-GDPR li jiġu ppreżentati rikorsi paralleli fir-rigward tal-istess ipproċessar ta’ data personali tista’ toħloq inkonvenjent, jiġifieri l-inċertezza legali li tista’ tinħoloq minn deċiżjonijiet kuntrarji fl-istess Stat Membru. Issa, kif indikajt iktar ’il fuq, għalkemm ir-riskju ta’ deċiżjonijiet kuntrarji bejn l-awtoritajiet superviżorji jew il-qrati ta’ Stati Membri differenti ġie antiċipat mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan ir-regolament, dan ma huwiex il-każ meta tali deċiżjonijiet jiġu adottati fl-istess Stat Membru. |
58. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, kull Stat Membru għandu jimplimenta l-għodod proċedurali li jippermettu li jiġi evitat, sa fejn huwa possibbli, li jiġu adottati deċiżjonijiet kuntrarji fir-rigward tal-istess ipproċessar ta’ data personali. |
59. |
Infakkar, f’dan ir-rigward, li, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kwistjoni, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola r-regoli ta’ proċedura tar-rimedji previsti fl-Artikoli 77 sa 79 tal-GDPR, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn ir-regoli ma jkunux, fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, inqas favorevoli milli jkunu f’sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (il-prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ir-regoli ma jagħmlux impossibbli jew eċċessivament diffiċli fil-prattika l-eżerċizzju tagħhom (il-prinċipju ta’ effettività) ( 14 ). |
60. |
F’dan il-kuntest u skont ġurisprudenza stabbilita sewwa, huma l-qrati tal-Istati Membri, skont il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, li għandhom jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-individwi jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, bl-Artikolu 19(1) TUE jimponi, barra minn hekk, fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni ( 15 ). |
61. |
Konsegwentement, meta jiddefinixxu r-regoli ta’ proċedura tar-rimedji ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija mill-GDPR, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu r-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 16 ). |
62. |
Il-karatteristiċi tar-rikorsi ġudizzjarji previsti minn dan ir-regolament għandhom għalhekk jiġu ddeterminati f’konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta. |
63. |
Issa, protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma tikkonsistix biss, fil-fehma tiegħi, fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tas-suġġetti tad-data tar-rimedji ġudizzjarji neċessarji għall-protezzjoni tad-drittijiet li huma jisiltu mill-GDPR. Fil-każ ta’ koeżistenza ta’ diversi rimedji li jistgħu jiġu eżerċitati b’mod parallel, għandha tiġi ggarantita wkoll iċ-ċertezza legali tal-protezzjoni ġudizzjarja miksuba. Sa fejn deċiżjonijiet kuntrarji dwar l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli previsti minn dan ir-regolament ma humiex ta’ natura li jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-suġġetti tad-data, huwa importanti li l-Istati Membri jimplimentaw il-miżuri neċessarji sabiex tali deċiżjonijiet kontradittorji jiġu evitati. |
64. |
Jekk ma jiġux stabbiliti mill-Istati Membri mekkaniżmi proċedurali li jippermettu li tinħoloq relazzjoni bejn id-diversi rimedji ġudizzjarji, l-għanijiet tal-GDPR, li jikkonsistu f’li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva għas-suġġetti tad-data kif ukoll livell għoli u koerenti ta’ protezzjoni tad-drittijiet mogħtija minn dan ir-regolament, jistgħu ma jintlaħqux kompletament. |
65. |
F’dan ir-rigward, mill-premessa 10 tal-GDPR jirriżulta li dan huwa intiż b’mod partikolari sabiex jiżgura applikazzjoni koerenti u omoġenja tar-regoli għall-protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fl-Unjoni kollha u sabiex ineħħi l-ostakoli għall-flussi ta’ data personali fi ħdan l-Unjoni ( 17 ). |
66. |
Issa, dan ir-rekwiżit ta’ applikazzjoni koerenti u omoġenja tar-regoli previsti mill-GDPR jista’ jiġi kompromess jekk id-differenzi fil-livelli ta’ protezzjoni bejn l-Istati Membri, li dan ir-regolament huwa intiż li jelimina, jitħallew jeżistu fl-istess Stat Membru. L-imsemmi rekwiżit għalhekk irid jinftiehem mhux biss fil-livell interstatali, iżda wkoll fir-rigward tad-deċiżjonijiet meħuda f’kull Stat Membru. |
67. |
Kull Stat Membru, konsegwentement, għandu jiżgura li l-eżistenza ta’ rimedji li jistgħu jiġu eżerċitati b’mod parallel mis-suġġetti tad-data ma tippreġudikax l-effettività tal-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija lilhom mill-GDPR. Huma l-Istati Membri li għandhom jagħżlu liema mekkaniżmi proċedurali jidhrilhom li huma l-iktar adatti sabiex jippermettu li tinħoloq relazzjoni bejn ir-rimedji previsti fl-Artikoli 77 sa 79 ta’ dan ir-regolament. |
68. |
Bħala eżempju, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li s-suġġetti tad-data jkunu marbuta li jeżawrixxu r-rimedji amministrattivi kollha qabel ma jibdew proċedura ġudizzjarja ( 18 ). |
69. |
L-Istati Membri jistgħu jipprevedu wkoll il-possibbiltà jew l-obbligu għal qorti li quddiemha jiġi ppreżentat rikors skont l-Artikolu 79(1) tal-GDPR filwaqt li tkun għaddejja proċedura ta’ lment skont l-Artikolu 77(1) ta’ dak ir-regolament jew rimedju ġudizzjarju skont l-Artikolu 78(1) tal-imsemmi regolament, li tissospendi l-proċedura pendenti quddiemha u ma tagħtix deċiżjoni qabel ma tittieħed deċiżjoni f’xi waħda minn dawn il-proċeduri. |
70. |
Nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dritt ta’ aċċess għal qorti ma huwiex dritt assolut u li, għalhekk, jista’ jinvolvi restrizzjonijiet proporzjonati li jsegwu għan leġittimu u ma jippreġudikawx il-proprja sustanza ta’ dak id-dritt ( 19 ). Is-sospensjoni ta’ proċedura, f’dan ir-rigward, tista’ tikkostitwixxi soluzzjoni sabiex jiġi evitat li jiġu adottati deċiżjonijiet kuntrarji li jistgħu jippreġudikaw iċ-ċertezza legali ( 20 ). |
V. Konklużjoni
71. |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU 2016, L 119, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”.
( 3 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.
( 4 ) Magyar Közlöny 2011. évi 88. száma.
( 5 ) L-awtorità ta’ superviżjoni madankollu indikat waqt is-seduta li, sa fejn BE kien kiseb il-minuti tal-laqgħa, il-qorti ċivili kienet qieset li l-ksur tad-dritt ta’ aċċess ma kienx ta’ livell suffiċjenti sabiex ikun iġġustifikat l-għoti ta’ kumpens.
( 6 ) Din il-qorti tirrileva, f’dan ir-rigward, li, skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 349, p. 1), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni misjub b’deċiżjoni finali ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jiġi meqjus li hu stabbilit b’mod inkontestabbli għall-finijiet ta’ azzjoni għal kumpens għad-danni.
( 7 ) C‑73/16, iktar ’il quddiem is-sentenza Puškár, EU:C:2017:725.
( 8 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Terminu ta’ preskrizzjoni) (C‑219/20, EU:C:2022:89, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 9 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Terminu ta’ preskrizzjoni) (C‑219/20, EU:C:2022:89, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 10 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Meta Platforms Ireland (C‑319/20, EU:C:2022:322, punt 62).
( 11 ) Ara wkoll il-premessa 141 tal-imsemmi regolament, li tipprevedi li “[k]ull suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja unika, b’mod partikolari fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu, u jkollu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv f’konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta jekk is-suġġett tad-data jqis li jkun hemm ksur tad-drittijiet tiegħu skont dan ir-Regolament jew fejn l-awtorità superviżorja ma tiħux azzjoni b’rabta ma’ ilment, tirrifjuta jew tiċħad l-ilment parzjalment jew kompletament jew ma tiħux azzjoni fejn tali azzjoni tkun meħtieġa għall-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data […]”
( 12 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2021, Facebook Ireland et (C‑645/19, EU:C:2021:483, punt 69).
( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2021, Facebook Ireland et (C‑645/19, EU:C:2021:483, punt 45).
( 14 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, Skeyes (C‑353/20, EU:C:2022:423, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 15 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Puškár (punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 16 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Puškár (punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 17 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 2021, Facebook Ireland et (C‑645/19, EU:C:2021:483, punt 64), tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ Penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 83), u tat‑28 ta’ April 2022, Meta Platforms Ireland (C‑319/20, EU:C:2022:322, punt 52). Ir-rekwiżit ta’ koerenza fil-livell tal-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija mill-GDPR huwa espress fi premessi oħra ta’ dan ir-regolament, bħall-premessi 7, 9, 13, 123, 129, 133 u 135. Ara wkoll, dwar ir-rabta bejn livell għoli u livell koerenti ta’ protezzjoni tad-drittijiet mogħtija mill-GDPR, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Facebook Ireland et (C‑645/19, EU:C:2021:5, punti 95 sa 97).
( 18 ) Ara s-sentenza Puškár, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-obbligu tal-eżawriment tar-rimedji amministrattivi disponibbli huwa intiż sabiex inaqqas mill-qrati l-kawżi li jistgħu jinstemgħu direttament quddiem l-awtorità amministrattiva kkonċernata kif ukoll sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri ġudizzjarji fir-rigward tal-kawżi li fihom ġiet ippreżentata azzjoni ġudizzjarja minkejja l-fatt li diġà ġie ppreżentat ilment. L-imsemmi obbligu jsegwi, konsegwentement, għanijiet ta’ interessi ġenerali leġittimi” (punt 67).
( 19 ) Ara, f’dan ir-rigward, fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, SC Cridar Cons (C‑582/20, EU:C:2022:114, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 20 ) Ara, f’dan ir-rigward, fil-qasam tal-VAT, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, SC Cridar Cons (C‑582/20, EU:C:2022:114, punt 38).