EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0058

Kawża T-58/20: Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Frar 2020 – NetCologne vs Il-Kummissjoni

OJ C 95, 23.3.2020, p. 41–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 95/41


Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Frar 2020 – NetCologne vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-58/20)

(2020/C 95/50)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: NetCologne Gesellschaft für Telekommunikation mbH (Köln, il-Ġermanja) (rappreżentanti: M. Geppert, P. Schmitz u J. Schulze zur Wiesche, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni C(2019) 5187 final tat-18 ta’ Lulju 2019, li permezz tagħha l-Kummissjoni ddikjarat il-konċentrazzjoni fil-Każ M.8864 – Vodafone/Certain Liberty Global Assets kompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi segwenti.

1.

L-ewwel motiv: billi nnegat l-eżistenza ta’ ostakolu sinjifikattiv għall-eżerċizzju ta’ kompetizzjoni effettiva fis-“suq għall-provvista bl-imnut ta’ servizzi ta’ trażmissjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni lil klijenti li jgħixu f’unitajiet ta’ abitazzjoni multipli”, il-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha u kisret l-obbligu ta’ diliġenza tagħha għal dak li jirrrigwarda:

is-suppożizzjoni li tgħid li l-partijiet fil-konċentrazzjoni ma humiex kompetituri diretti,

is-suppożizzjoni li tgħid li l-partijiet fil-konċentrazzjoni ma humiex kompetituri potenzjali, u

l-effetti negattivi li l-konċentrazzjoini ser ikollha fuq il-kompetituri.

2.

It-tieni motiv: billi nnegat l-eżistenza ta’ ostakolu sinjifikattiv għall-eżerċizzju ta’ kompetizzjoni effettiva fis-“suq għall-provvista bl-imnut ta’ servizzi ta’ trażmissjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni lil klijenti li jgħixu f’unitajiet ta’ abitazzjoni waħda”, il-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha u kisret l-obbligu ta’ diliġenza tagħha għal dak li jirrrigwarda s-suppożizzjoni li tgħid li l-partijiet fil-konċentrazzjoni la huma kompetituri potenzjali u lanqas diretti.

3.

It-tielet motiv: fil-kuntest tad-definizzjoni tas-suq u tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq il-kompetizzjoni tal-offerti “multiple-play”, b’mod partikolari pakketti ta’ konverġenza bejn telefonija fissa u mobbli (“pakketti FMC”), il-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u kisret l-Artikoli 2 u 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

4.

Ir-raba’ motiv: meta evalwat u żammet l-impenn ta’ provvista bl-ingrossa ta’ aċċess għal broadband bil-kejbil, il-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, kisret l-Artikoli 2 u 8 tar-Regolament Nru 139/2004, kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha u kisret l-obbligu ta’ diliġenza tagħha.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).


Top