EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TJ0451

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla Estiża) tal-24 ta’ Mejju 2023.
Meta Platforms Ireland Ltd, li kienet Facebook Ireland Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kompetizzjoni – Suq tad-data – Proċedura amministrattiva – Artikolu 18(3) u Artikolu 24(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Talba għal informazzjoni – Kamra virtwali tad-data – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ċertezza legali – Drittijiet tad-difiża – Neċessità tal-informazzjoni mitluba – Abbuż ta’ poter – Dritt għar-rispett tal-ħajja privata – Proporzjonalità – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Sigriet professjonali.
Kawża T-451/20.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2023:276

 SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il‑Ħames Awla Estiża)

24 ta’ Mejju 2023 ( *1 )

“Kompetizzjoni – Suq tad-data – Proċedura amministrattiva – Artikolu 18(3) u Artikolu 24(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Talba għal informazzjoni – Kamra virtwali tad-data – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ċertezza legali – Drittijiet tad-difiża – Neċessità tal-informazzjoni mitluba – Abbuż ta’ poter – Dritt għar-rispett tal-ħajja privata – Proporzjonalità – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Sigriet professjonali”

Fil-Kawża T‑451/20,

Meta Platforms Ireland Ltd, li kienet Facebook Ireland Ltd, stabbilita f’Dublin (l-Irlanda), irrappreżentata minn D. Jowell, KC, D. Bailey, barrister, J. Aitken, D. Das, S. Malhi, R. Haria, M. Quayle, solicitors, u T. Oeyen, avukat,

rikorrenti

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Conte, C. Urraca Caviedes u C. Sjödin, bħala aġenti,

konvenuta

sostnuta minn

Ir‑Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn S. Costanzo, bħala aġent,

intervenjenti

IL-QORTI ĠENERALI (Il‑Ħames Awla Estiża),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn S. Papasavvas, President, D. Spielmann (Relatur), R. Mastroianni, M. Brkan u I. Gâlea, Imħallfin,

Reġistratur: I. Kurme, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑1 ta’ Ġunju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Meta Platforms Ireland Ltd, li kienet Facebook Ireland Ltd, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 3011 final tal‑4 ta’ Mejju 2020 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18(3) u tal-Artikolu 24(1)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (Każ AT.40628 – Prattiki ta’ Facebook relatati mad-data) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inizjali”), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 9231 final tal‑11 ta’ Diċembru 2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ emenda”) (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“deċiżjoni kkontestata”).

I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

2

Fit‑13 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni Ewropea bagħtet lir-rikorrenti talba għal informazzjoni permezz ta’ deċiżjoni adottata taħt l-Artikolu 18(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205). Din it-talba għal informazzjoni kienet tinkludi iktar minn 100 mistoqsija individwali, dwar aspetti differenti tal-attivitajiet u tal-offerta ta’ prodotti tar-rikorrenti.

3

Ir-rikorrenti wieġbet għal din it-talba għal informazzjoni fi tliet stadji, fit‑23 ta’ April, fil‑21 ta’ Mejju u fit‑18 ta’ Ġunju 2019. Id-dokumenti prodotti ġew identifikati permezz ta’ tfittxija inizjali mwettqa permezz tal-użu ta’ termini ta’ tfittxija magħżula mir-rikorrenti u permezz ta’ verifika tar-rilevanza mwettqa mill-ġuristi esterni tagħha, ikkwalifikati sabiex jeżerċitaw fl-Unjoni Ewropea.

4

Fit‑30 ta’ Awwissu 2019, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni abbażi tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003. It-talba għal informazzjoni kienet tinkludi 83 mistoqsija individwali dwar Facebook Marketplace, in-networks soċjali u l-fornituri ta’ reklami żgħar online.

5

Ir-rikorrenti wieġbet għal din it-talba għal informazzjoni fi tliet stadji, fit‑30 ta’ Settembru, fl‑10 ta’ Ottubru u fil‑5 ta’ Novembru 2019.

6

Fil‑11 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni adottat it-tieni deċiżjoni taħt l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003. Il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti tipprovdi, b’mod partikolari, ċertu numru ta’ dokumenti interni li jissodisfaw ċerti kriterji kumulattivi. Essenzjalment, id-dokumenti mitluba kienu dawk ippreparati minn ċerti depożitarji (custodians) f’isimhom jew irċevuti minn dawn tal-aħħar, iddatati l‑1 ta’ Jannar 2013 sad-data ta’ din id-deċiżjoni u li jinkludu ċerti termini ta’ tfittxija. B’mod partikolari, żewġ settijiet differenti ta’ termini ta’ tfittxija kellhom jiġu applikati għal żewġ settijiet ta’ depożitarji differenti. Għal sett wieħed ta’ depożitarji, it-termini ta’ tfittxija li kellhom jintużaw kienu dawk li r-rikorrenti stess kienet għażlet u użat fuq inizjattiva tagħha stess sabiex tfittex u tidentifika dokumenti interni li għandhom jiġu ppreżentati bi tweġiba għad-deċiżjoni tat‑13 ta’ Marzu 2019. Għat-tieni sensiela ta’ depożitarji, it-termini ta’ tfittxija li kellhom jintużaw kienu ġew ippreparati mill-Kummissjoni fuq il-bażi, minn naħa, tad-dokumenti tar-rikorrenti u tat-tweġibiet mogħtija wara d-deċiżjoni tat‑13 ta’ Marzu 2019 u, min-naħa l-oħra, ta’ ċerti dokumenti interni tar-rikorrenti ppubblikati fil‑5 ta’ Diċembru 2018 mid-Digital, Culture, Media and Sport Committee (il-Kumitat Numeriku, Kulturali, tal-Midja u Sportiv tal-Parlament tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, iktar ’il quddiem il-“Kumitat DCMS”).

7

Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Novembru 2019, ir-rikorrenti espremiet it-tħassib tagħha dwar in-neċessità, il-proporzjonalità u l-motivazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-deċiżjoni tal‑11 ta’ Novembru 2019. Seħħew serje ta’ skambji bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni bil-għan li jiġu rfinati t-termini ta’ tfittxija u li jitnaqqas in-numru ta’ dokumenti identifikati.

8

Fis‑17 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti verżjoni rriveduta tat-termini ta’ tfittxija.

9

Fit‑22 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li tadotta deċiżjoni ġdida li tinkludi termini ta’ tfittxija emendati.

10

Fl‑4 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni inizjali. Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, ir-rikorrenti kellha tipprovdi lill-Kummissjoni l-informazzjoni speċifikata fl-Annessi I.A, I.B u I.C tal-imsemmija deċiżjoni sa mhux iktar tard mill‑15 ta’ Ġunju 2020. L-Artikolu 2 kien jipprevedi multa potenzjali ta’ kuljum ta’ EUR 8 miljun fil-każ ta’ nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni kompleta u eżatta mitluba taħt l-Artikolu 1.

11

Fl-istess jum, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni bagħat lir-rikorrenti ittra li tipproponi proċedura separata għall-produzzjoni ta’ dokumenti li, skont ir-rikorrenti, kien fihom biss informazzjoni personali, totalment estranja għall-attivitajiet kummerċjali tagħha. Dawn id-dokumenti kellhom jiġu inklużi fil-fajl biss wara li jkunu ġew eżaminati f’kamra virtwali tad-data.

12

F’sensiela ta’ skambji, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ddiskutew modalitajiet possibbli ta’ użu tal-kamra virtwali tad-data.

13

Permezz ta’ ittra tat‑12 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni aċċettat li testendi sas‑27 ta’ Lulju 2020 t-terminu mogħti lir-rikorrenti sabiex twieġeb għat-talba għal informazzjoni inkluża fid-deċiżjoni inizjali.

II. It‑talbiet tal‑partijiet

14

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Lulju 2020, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

15

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

sussidjarjament tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż u tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tbati l-ispejjeż tagħha.

16

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara inammissibbli l-kap ta’ talbiet tar-rikorrenti intiż għall-annullament parzjali tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan ma jipprevedix l-istabbiliment ta’ garanziji preċiżi u suffiċjenti li jippermettu li jitħarsu d-drittijiet tal-persuni kkonċernati mill-produzzjoni ta’ dokumenti irrilevanti ta’ natura personali jew privata;

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

17

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li r-rikors jiġi miċħud u li r-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

III. Fatti li seħħew wara l‑preżentata tar‑rikors

A. Proċeduri għal miżuri provviżorji

18

Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Lulju 2020, ir-rikorrenti ressqet talba għal miżuri provviżorji.

19

Permezz ta’ digriet tal‑24 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland vs Il‑Kummissjoni (T‑451/20 R, mhux ippubblikat), adottat abbażi tal-Artikolu 157(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-President tal-Qorti Ġenerali ordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni inizjali sad-data tad-digriet li jtemm il-proċeduri għal miżuri provviżorji.

20

Permezz ta’ digriet tad‑29 ta’ Ottubru 2020, Facebook Ireland vs Il‑Kummissjoni (T‑451/20 R, mhux ippubblikat, EU:T:2020:515), il-President tal-Qorti Ġenerali annulla d-digriet imsemmi fil-punt 19 iktar ’il fuq, irriżerva l-ispejjeż, ordna s-sussegwenti u ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji f’dak li jirrigwarda l-kumplament:

“(1) L-eżekuzzjoni tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni [inizjali] għandha tiġi sospiża sa fejn l-obbligu li huwa fformulat fih jirrigwarda dokumenti li ma humiex relatati mal-attivitajiet kummerċjali tar-[rikorrenti] u li jinkludu data personali sensittiva, u sa fejn il-proċedura msemmija fil-punt 2 ma ġietx implimentata.

(2) [Ir-rikorrenti] għandha tidentifika d-dokumenti li jkunu jinkludu d-data msemmija fil-punt 1 u dawn għandhom jiġu trażmessi lill-Kummissjoni fuq mezz elettroniku separat. Dawn id-dokumenti għandhom sussegwentement jitqiegħdu f’kamra virtwali tad-data li għandha tkun aċċessibbli biss għal numru kemm jista’ jkun limitat possibbli ta’ membri tat-tim inkarigat mill-investigazzjoni, fil-preżenza (virtwali jew fiżika) ta’ numru ekwivalenti ta’ avukati ta[r-rikorrenti]. Il-membri tat-tim inkarigat mill-investigazzjoni għandhom jeżaminaw u jagħżlu d-dokumenti inkwistjoni, filwaqt li jagħtu lill-avukati ta[r-rikorrenti] l-possibbiltà li jikkummentaw dwarhom qabel ma jinkludu d-dokumenti meqjusa bħala rilevanti fil-fajl. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil dwar il-klassifikazzjoni ta’ dokument, l-avukati ta[r-rikorrenti] għandu jkollhom id-dritt li jispjegaw ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ qbil tagħhom. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil persistenti, [ir-rikorrenti] tkun tista’ titlob arbitraġġ lid-Direttur responsabbli għall-Informazzjoni, il-Komunikazzjoni u l-Midja fi ħdan id-Direttorat Ġenerali ‘Kompetizzjoni’ tal-Kummissjoni”.

B. Adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ emenda u adattament tar‑rikors

21

Fil‑11 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni ta’ emenda, li tipprevedi proċedura separata għall-produzzjoni ta’ dokumenti mhux relatati mal-attivitajiet kummerċjali tar-rikorrenti u li jinkludu data personali sensittiva.

22

Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Frar 2021, ir-rikorrenti, abbażi tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura, adattat ir-rikors sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ emenda.

C. Talbiet għal trattament kunfidenzjali u għall-ommissjoni ta’ ċerta data fir-rigward tal-pubbliku u intervent

23

Fil‑15 ta’ Lulju 2020, fis‑7 ta’ Mejju u fl‑10 ta’ Settembru 2021, ir-rikorrenti talbet, skont l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura, l-ommissjoni ta’ ċerta data fir-rigward tal-pubbliku.

24

Permezz ta’ ittri tat‑30 ta’ Ottubru u tas‑27 ta’ Novembru 2020 kif ukoll tat‑8 ta’ Frar u tal‑14 ta’ Mejju 2021, ir-rikorrenti talbet, skont l-Artikolu 144(2) tar-Regoli tal-Proċedura, it-trattament kunfidenzjali ta’ ċerta data fir-rigward tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

25

Permezz ta’ digriet tal‑21 ta’ Diċembru 2020, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tintervjeni fil-kawża u laqgħa t-talbiet għal trattament kunfidenzjali tar-rikorrenti fir-rigward tagħha.

IV. Id‑dritt

26

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq nuqqas ta’ ċarezza tas-suġġett tal-investigazzjoni, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 18(1) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, it-tielet wieħed, fuq ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

A. Fuq l‑ammissibbiltà tal‑kap ta’ talbiet relatat mal‑assenza ta’ stabbiliment ta’ garanziji preċiżi u suffiċjenti

27

Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tal-kap ta’ talbiet tar-rikorrenti intiż għall-annullament parzjali tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan ma jipprevedix l-istabbiliment ta’ garanziji preċiżi u suffiċjenti li jippermettu li jitħarsu d-drittijiet tal-persuni kkonċernati mill-produzzjoni ta’ dokumenti irrilevanti ta’ natura personali jew privata. Hija ssostni li dan il-kap ta’ talbiet ma kienx inkluż fir-rikors li jikkontesta d-deċiżjoni inizjali u li ebda motivazzjoni ma kienet ipprovduta fin-nota ta’ adattament sabiex tiġi spjegata ż-żieda tiegħu. Għalhekk, in-nota ta’ adattament ma tispjegax kif dan il-kap ta’ talbiet addizzjonali huwa ġġustifikat mill-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ emenda u għaliex dan ma setax jiġi diġà fformulat fir-rikors li jikkontesta d-deċiżjoni inizjali.

28

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li t-talbiet tal-partijiet huma bħala prinċipju kkaratterizzati mill-immutabbiltà tagħhom. L-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura, dwar l-adattament tar-rikors promotur, jikkostitwixxi kodifikazzjoni ta’ ġurisprudenza li kienet diġà teżisti dwar l-eċċezzjonijiet li jista’ jkun hemm għal dan il-prinċipju ta’ immutabbiltà (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, HX vs Il‑Kunsill, C‑423/16 P, EU:C:2017:848, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Skont l-Artikolu 86(1) tar-Regoli tal-Proċedura, meta att, li jkun qiegħed jintalab l-annullament tiegħu, jiġi ssostitwit jew emendat b’att ieħor li jkollu l-istess suġġett, ir-rikorrent jista’, qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tagħti deċiżjoni mingħajr fażi orali tal-proċedura, jadatta r-rikors sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-element il-ġdid.

30

Sabiex rikorrent ikun jista’ jadatta t-talbiet inizjali tiegħu fil-mori tal-kawża, jeħtieġ, fi kwalunkwe każ, li, b’dan il-mod, huwa ma jbiddilx in-natura tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2012, Insula vs Il‑Kummissjoni, T‑246/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:287, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

F’dan il-każ, ċertament, il-kap ta’ talbiet tar-rikorrenti intiż għall-annullament parzjali tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dan ma jipprevedix l-istabbiliment ta’ garanziji preċiżi u suffiċjenti li jippermettu li jitħarsu d-drittijiet tal-persuni kkonċernati mill-produzzjoni ta’ dokumenti irrilevanti ta’ natura personali jew privata, ma huwiex inkluż, bħala tali, fir-rikors promotur u huwa espliċitament inkluż biss fin-nota ta’ adattament.

32

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma tikkontestax li n-nota ta’ adattament tosserva wkoll il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura, kif interpretat skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 30 iktar ’il fuq.

33

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dan il-kap tat-talbiet, sa fejn dan huwa intiż għall-annullament parzjali tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu ma jipprevedix l-istabbiliment ta’ garanziji preċiżi u suffiċjenti, jaqa’ taħt il-kap tat-talbiet intiż għall-annullament tal-Artikolu 1 ippreżentat sussidjarjament fir-rikors.

34

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura ma jeħtieġx lir-rikorrenti tispjega speċifikament ir-raġunijiet li għalihom, minn naħa, hija ddeċidiet li tifformula kap ta’ talbiet li ma kienx inkluż, bħala tali, fir-rikors u, min-naħa l-oħra, hija ma setgħetx tifformula dan il-kap ta’ talbiet fir-rikors promotur, intiż kontra d-deċiżjoni inizjali.

35

Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni intiża li tikkontesta l-ammissibbiltà tal-kap ta’ talbiet tar-rikorrenti mfakkar fil-punt 27 iktar ’il fuq għandha tiġi miċħuda.

B. Fuq il‑mertu

1.   Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ ċarezza tas‑suġġett tal‑investigazzjoni

36

Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali, l-obbligu ta’ motivazzjoni ġenerali impost fuqha bis-saħħa tal-Artikolu 296 TFUE, l-obbligu ta’ motivazzjoni speċjali impost fuqha bis-saħħa tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll id-drittijiet tad-difiża tagħha u d-dritt tagħha għal amministrazzjoni tajba, billi ma ddefinixxietx f’termini suffiċjentement ċari u koerenti s-suġġett u l-portata tal-investigazzjoni tagħha.

a)   Fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni

37

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti lill-qorti kompetenti twettaq l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minnu jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi rilevanti kollha ta’ fatt u dritt, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax r-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il‑Kummissjoni, C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni, għandu jitfakkar li l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jiddefinixxi l-elementi essenzjali tagħha. Din id-dispożizzjoni tipprevedi dan li ġej:

“Fejn il-Kummissjoni tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża biex tiffornixxi informazzjoni b’deċiżjoni, hi ħa tiddikjara il-bażi legali u ir-raguni għat-talba, tispeċifika liema inofrmazzjoni hi rikjesta u twaħħal il-limitu ta’ ħin li fiħ irrid jiġi provduta. Hi ħa tindika ukoll il-pieni previsti mil-Artikolu 23 u tindika jew timponi il-pieni previsti mil-Artikolu 24. Hi ħa tindika ukoll id-dritt ta’ reviżjoni tad-deċiżjoni mil-Qorti tal-Ġustizzja”.

39

Dan l-obbligu ta’ motivazzjoni speċifika jikkostitwixxi rekwiżit fundamentali bil-għan mhux biss li tintwera n-natura ġġustifikata tat-talba għal informazzjoni iżda wkoll sabiex l-impriżi kkonċernati jkunu jistgħu jifhmu l-portata tad-dmir ta’ kollaborazzjoni tagħhom filwaqt li fl-istess ħin jitħarsu d-drittijiet tad-difiża tagħhom (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il‑Kummissjoni, C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Fir-rigward tal-obbligu li jiġi indikat l-“għan tat-talba”, dan ifisser li l-Kummissjoni għandha tindika s-suġġett tal-investigazzjoni tagħha fit-talba tagħha, u għandha għalhekk tidentifika l-ksur allegat tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il‑Kummissjoni, C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu tikkomunika lid-destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni l-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar l-allegat ksur u lanqas li tagħmel analiżi legali preċiża ta’ dan il-ksur, bil-kundizzjoni li hija tindika b’mod ċar il-fatti preżunti li hija jkollha l-intenzjoni tivverifika (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il‑Kummissjoni, C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Tali obbligu jista’ jiġi spjegat, b’mod partikolari, mill-fatt li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u mill-premessa 23 ta’ dan tal-aħħar, sabiex twettaq id-doveri assenjati lilha minn dan ir-regolament, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ sempliċi talba jew permezz ta’ deċiżjoni, titlob lill-impriżi u lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jipprovdu “l-informazzjoni kollha neċessarja” (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il‑Kummissjoni, C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 22).

43

Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ titlob biss informazzjoni li tista’ tippermettilha tivverifika l-preżunzjonijiet ta’ ksur li jiġġustifikaw it-twettiq tal-investigazzjoni u li huma indikati fit-talba għal informazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il‑Kummissjoni, C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 23, u tat‑28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il‑Kummissjoni, T‑446/05, EU:T:2010:165, punt 333 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Issa, peress li n-neċessità tal-informazzjoni għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-għan imsemmi fit-talba għal informazzjoni, dan il-għan għandu jiġi indikat bi preċiżjoni suffiċjenti inkella jkun impossibbli li jiġi ddeterminat jekk l-informazzjoni hijiex neċessarja u l-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista’ twettaq l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il‑Kummissjoni, C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

B’hekk, in-natura suffiċjentement motivata jew le tad-deċiżjoni li tkun qiegħda tiġi kkontestata tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk il-preżunzjonijiet ta’ ksur li l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tinvestiga humiex ippreċiżati b’ċarezza suffiċjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il‑Kummissjoni, C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 25).

46

Fl-evalwazzjoni tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-istadju tal-investigazzjoni li fih tali deċiżjoni tiġi adottata u l-fatt jekk il-Kummissjoni kellhiex diġà jew le ċerta informazzjoni dwar l-allegat ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il‑Kummissjoni, C‑247/14 P, EU:C:2015:694, punt 50).

47

F’dan il-każ, mit-titolu stess tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 18(3) u tal-Artikolu 24(1)(d) tar-Regolament Nru 1/2003.

48

Fil-premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni semmiet li hija kienet qed tinvestiga l-aġir tal-grupp Facebook fir-rigward, minn naħa, tal-użu tiegħu ta’ data u, min-naħa l-oħra, tal-pjattaforma ta’ network soċjali ta’ Facebook fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

49

Fil-premessa 3 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni affermat dan li ġej:

“Il-Kummissjoni qiegħda tikkonċentra l-investigazzjoni tagħha fuq l-użu minn Facebook ta’ data, kif juru ċerti dokumenti interni ta’ Facebook ippubblikati fil‑5 ta’ Diċembru 2018 u fit‑18 ta’ Frar 2019 mill-[Kumitat DCMS]. Id-dokumenti interni ta’ Facebook imsemmija iktar ’il fuq imorru lura għas-snin 2012 sa 2015. Uħud minn dawn id-dokumenti jidhru li huma relatati ma’ diskussjonijiet interni ta’ Facebook, mal-istrateġiji kummerċjali jew ma’ aġir li jirrigwarda l-aċċess għad-data ta’ Facebook, l-aċċess għall-funzjonalitajiet ta’ Facebook u strateġiji ta’ monetizzazzjoni tad-data, inklużi possibbiltajiet li terzi jingħataw aċċess għad-data jew għall-funzjonalitajiet ta’ Facebook bi skambju għal tipi differenti ta’ kunsiderazzjoni u taħt diversi kundizzjonijiet. Dokumenti oħra jidhru li juru l-użu minn Facebook tal-applikazzjoni Onavo sabiex tinkiseb data ta’ valur kummerċjali dwar is-servizzi kompetituri” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

50

B’hekk, il-Kummissjoni indikat li hija kienet qiegħda tiffoka l-investigazzjoni tagħha fuq l-użu ta’ data mir-rikorrenti, enfasizzat minn ċerti dokumenti interni ta’ din tal-aħħar, magħmula pubbliċi mill-Kumitat DCMS, u li hija ddeskriviet fil-qosor il-kontenut tagħhom. Hija indikat ukoll li dokumenti oħra kienu jidhru li juru l-użu mir-rikorrenti tal-applikazzjoni Onavo sabiex tinkiseb data b’valur kummerċjali fuq is-servizzi kompetituri.

51

Fil-premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet dan li ġej:

“Abbażi ta’ dawn id-dokumenti, jidher li Facebook kellu jew irrikorra (i) għal ftehimiet dwar qsim ta’ data taħt kundizzjonijiet, li jżidu l-fluss ta’ data bejn Facebook u terzi, u b’hekk tissaħħaħ is-setgħa fis-suq ta’ Facebook f’suq possibbli tad-data jew jinħolqu ostakoli għad-dħul permezz tal-akkumulazzjoni ta’ data; (ii) għal prattiki li jirrigwardaw l-użu tal-prodotti Facebook (inklużi, b’mod partikolari, l-applikazzjoni Onavo, l-applikazzjoni Facebook Research u l-Facebook Business Tools) sabiex tinkiseb data ta’ valur kummerċjali fuq is-servizzi kompetituri, u b’hekk jiġu esklużi kompetituri potenzjali u jinħolqu ostakoli għad-dħul fi swieq possibbli ta’ servizzi relatati ma’ network soċjali u/jew ta’ servizzi diġitali oħra, u (iii) għal prattiki potenzjalment diskriminatorji li jillimitaw l-aċċess għad-data, għall-funzjonalitajiet u għall-interfaċċi ta’ programmazzjoni ta’ applikazzjonijiet (API) ta’ Facebook jew għal għodod oħra skont il-klassifikazzjoni possibbli ta’ terzi bħala kompetituri, u b’hekk jiġu esklużi kompetituri potenzjali u jinħolqu ostakoli għad-dħul fi swieq possibbli ta’ servizzi relatati ma’ network soċjali u/jew ta’ servizzi diġitali oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

52

Fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat dan li ġej:

“Il-Kummissjoni tqis ukoll, abbażi ta’ informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku, li jista’ kien hemm istanzi fejn Facebook imblokka riferimenti għall-applikazzjonijiet jew għas-siti [internet] kompetituri fil-Facebook Suite, u b’hekk jiġu esklużi kompetituri potenzjali u jinħolqu ostakoli għad-dħul fi swieq possibbli ta’ servizzi relatati ma’ network soċjali u/jew ta’ servizzi diġitali oħra. Barra minn hekk, filwaqt li tibbaża ruħha fuq informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku, il-Kummissjoni tqis li l-pjan imħabbar minn Facebook li jiġu inklużi d-diversi pjattaformi ta’ komunikazzjoni tiegħu (jiġifieri WhatsApp, Instagram u Facebook Messenger) jista’ jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu bħala fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni għall-konsumaturi, bir-riżultat tal-esklużjoni ta’ kompetituri potenzjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

53

Fil-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset dan li ġej:

“Jekk l-eżistenza ta’ tali aġir tiġi kkonfermata, dan jista’ jikkostitwixxi ksur wieħed jew iktar tal-Artikoli 101 u/jew 102 [TFUE] u tal-Artikoli 53 u/jew 54 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

54

Fl-ewwel lok għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-natura ambigwa tas-suġġett tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

1) Fuq id‑determinazzjoni tas‑suġġett tal‑investigazzjoni tal‑Kummissjoni

55

Ir-rikorrenti essenzjalment tqis li d-deċiżjoni kkontestata hija motivata b’mod ambigwu sa fejn il-premessi 1 sa 3 ta’ din id-deċiżjoni jagħtu x’jinftiehem li s-suġġett tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni jinkludi kull prattika li tinvolvi użu ta’ data, filwaqt li l-premessi 4 u 5 ta’ din id-deċiżjoni jinkludu eżempji mhux eżawrjenti ta’ użu ta’ data u ta’ prattiki li fihom il-Kummissjoni tissuspetta li r-rikorrenti setgħet kienet involuta. Hija żżid li d-deċiżjoni kkontestata ma tiddeskrivi ebda ksur identifikabbli tad-dritt tal-kompetizzjoni u li din id-deċiżjoni tidher li tawtorizza lill-Kummissjoni twettaq awditu ġenerali u illimitat tal-attivitajiet kollha tagħha. Għaldaqstant, l-investigazzjoni tal-Kummissjoni hija simili għal “sajda għal informazzjoni” u r-rikorrenti ma hijiex f’pożizzjoni li tkun taf il-portata tad-drittijiet u tal-obbligi tagħha u l-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni li tevalwa jekk it-talba għal informazzjoni inkwistjoni hijiex iġġustifikata u jekk l-informazzjoni mitluba hijiex neċessarja.

56

Il-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti

57

Għandu jiġi rrilevat, hekk kif tagħmel il-Kummissjoni, li l-premessi 1 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata għandhom għan essenzjalment introduttiv. Għalhekk, il-premessa 1 tidentifika l-entitajiet ikkonċernati mill-investigazzjoni, jiġifieri Facebook Inc. u l-kumpanniji kollha tal-grupp tagħha, inkluż b’mod partikolari WhatsApp Inc., Instagram LLC, Facebook Israel Ltd u Onavo Inc., kif ukoll il-qasam li taħtu jaqa’ l-aġir li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni, jiġifieri l-użu ta’ data, is-servizzi li huma s-suġġett tal-investigazzjoni, jiġifieri l-pjattaforma ta’ network soċjali ta’ Facebook, kif ukoll il-portata ġeografika eżaminata, jiġifieri ż-ŻEE.

58

Fir-rigward tal-premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fiha identifikat id-dokumenti li abbażi tagħhom hija kienet iddeċidiet li tiftaħ l-investigazzjoni tagħha dwar l-użu ta’ data mir-rikorrenti.

59

Fil-premessi 4 u 5 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni elenkat il-prattiki li fir-rigward tagħhom hija kellha suspetti fir-rigward tar-rikorrenti, abbażi tad-dokumenti identifikati fil-premessa 3 ta’ din id-deċiżjoni, u li fir-rigward tagħhom hija kellha l-intenzjoni tinvestiga.

60

Fil-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li “tali aġir” jista’ jikkostitwixxi ksur wieħed jew iktar tal-Artikoli 101 u 102 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 53 u 54 tal-Ftehim ŻEE. B’dan il-mod, hija neċessarjament irreferiet għall-prattiki identifikati fil-premessi 4 u 5 ta’ din id-deċiżjoni.

61

F’dan ir-rigward, għandu jitqies li, hekk kif issostni l-Kummissjoni stess, il-prattiki elenkati fil-premessi 4 u 5 tad-deċiżjoni kkontestata huma elenkati b’mod limitattiv. Permezz ta’ din il-lista, il-Kummissjoni indikat b’mod ċar is-suspetti li hija kellha l-intenzjoni tivverifika, identifikat il-ksur allegat tar-regoli tal-kompetizzjoni u, b’dan il-mod, iddelimitat is-suġġett tal-investigazzjoni tagħha, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 40 u 41 iktar ’il fuq.

62

Konsegwentement, tali motivazzjoni kienet tissodisfa l-obbligu li jiġi indikat l-għan tat-talba għal informazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003.

63

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjonijiet l-oħra invokati mir-rikorrenti, li jissuġġerixxu li l-prattiki msemmija fil-premessi 4 u 5 tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jitqiesu bħala “eżempji mhux eżawrjenti” jew “prattiki iktar speċifiċi” ta’ użu ta’ data, iwasslu sabiex is-suġġett tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni jiġi interpretat b’mod eżaġeratament estensiv, inkompatibbli mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 40 u 41 iktar ’il fuq.

64

Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li test ta’ dritt sekondarju tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, f’sens li jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2007, Schutzverband der Spirituosen‑Industrie, C‑457/05, EU:C:2007:576, punt 22; tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 174; u tal‑25 ta’ Novembru 2009, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑376/07, EU:T:2009:467, punt 22).

65

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti tiżbalja meta ssostni li s-suġġett tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni huwa ambigwu, inkwantu dan jestendi għal kull prattika li timplika l-użu ta’ data min-naħa tagħha.

2) Fuq il‑deskrizzjoni tal-aġir ikkontestat

66

Ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk jitqies li s-suġġett tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni kellu jinftiehem bħala strettament limitat għall-prattiki elenkati fil-premessi 4 u 5 tad-deċiżjoni kkontestata, din id-deċiżjoni ma tiddeskrivix b’mod suffiċjentement preċiż ċerti elementi essenzjali tal-ksur issuspettat mill-Kummissjoni.

67

L-ewwel, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ppreċiżatx, fid-deċiżjoni kkontestata, l-attivitajiet jew il-prodotti li setgħu jkunu kkonċernati mill-ftehimiet ta’ qsim ta’ data msemmija fil-premessa 4(i) ta’ din id-deċiżjoni, u lanqas il-prattiki diskriminatorji li jillimitaw l-aċċess għad-data, għall-funzjonalitajiet u għall-interfaċċi ta’ programmazzjoni tal-applikazzjonijiet tagħha jew għal għodod oħra, imsemmija fil-premessa 4(iii) tal-imsemmija deċiżjoni. It-tieni, il-Kummissjoni ma identifikatx il-kompetitur jew il-kompetituri li setgħu ġew leżi mill-prattiki diskriminatorji msemmija fil-premessa 4(ii) tad-deċiżjoni kkontestata, mill-imblokkar issuspettat tar-riferimenti għal reklamar jew għal siti internet ta’ kompetituri u mill-pjan provviżorju ta’ integrazzjoni tal-pjattaformi ta’ komunikazzjoni differenti tagħha, imsemmija fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata. It-tielet, ir-riferimenti magħmula fil-premessi 4 u 5 ta’ din id-deċiżjoni għall-esklużjoni ta’ kompetituri potenzjali u għall-ħolqien ta’ ostakoli għad-dħul tant huma ġenerali li ma jiddeterminawx in-natura tal-aġir li huwa s-suġġett tas-suspetti tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, fl-assenza ta’ identifikazzjoni tat-tip jew tal-oriġini tal-esklużjoni jew tal-ostakoli allegati, ma huwiex possibbli li ssir distinzjoni bejn esklużjoni antikompetittiva u kompetizzjoni fuq il-mertu li jwasslu għall-esklużjoni ta’ kompetituri inqas effikaċi.

68

Skont ir-rikorrenti dawn l-impreċiżjonijiet jirrendu impossibbli li jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni setgħetx raġonevolment tassumi li wħud mid-dokumenti msemmija fid-deċiżjoni kkontestata jgħinuha tikkonferma r-realtà tal-prattiki msemmija fil-premessi 4 u 5 ta’ din id-deċiżjoni. Ir-rikorrenti tirreferi, bħala eżempju, għal tliet dokumenti li l-produzzjoni tagħhom hija mitluba mill-Kummissjoni kif ukoll għal termini ta’ tfittxija msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, minkejja li l-kontenut ta’ dawn id-dokumenti huwa irrilevanti sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza tal-prattiki msemmija fil-premessi 4 u 5 tal-imsemmija deċiżjoni u minkejja li t-termini inkwistjoni ma għandhom ebda rabta plawżibbli mal-imsemmija prattiki. Ir-rikorrenti lanqas ma hija f’pożizzjoni li tgħarraf b’mod utli l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni u għandha, essenzjalment, taqta dak li qegħda tiġi akkużata bih.

69

Il-Kumissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

70

Għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u tal-istadju tal-investigazzjoni li fih ġiet adottata din id-deċiżjoni, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hijiex konformi mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 37 sa 46 iktar ’il fuq.

71

Fil-premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ddeskriviet il-prattiki li fir-rigward tagħhom hija kellha suspetti fir-rigward tar-rikorrenti, kif ukoll il-prodotti jew is-servizzi tar-rikorrenti kkonċernati, jekk ikun il-każ, minn dawn il-prattiki. L-ewwel, hija semmiet ftehimiet ta’ qsim ta’ data li jsaħħu s-setgħa fis-suq tar-rikorrenti f’suq possibbli tad-data jew li joħolqu ostakoli għad-dħul f’tali suq, it-tieni, prattiki relatati mal-użu tagħha tal-prodotti Onavo, Facebook Research u Facebook Business Tools, sabiex tinkiseb data b’valur kummerċjali fuq is-servizzi kompetituri u, it-tielet, prattiki potenzjalment diskriminatorji li jillimitaw l-aċċess tal-kompetituri għad-data, għall-funzjonalitajiet u għall-interfaċċi ta’ programmazzjoni tal-applikazzjonijiet tagħha. Fir-rigward tal-aħħar żewġ tipi ta’ prattiki, hija ppreċiżat li dawn jista’ jkollhom l-effett li jeskludu kompetituri potenzjali jew li joħolqu ostakoli għad-dħul fi swieq possibbli għal servizzi relatati ma’ network soċjali u ma’ servizzi diġitali oħra.

72

Fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni semmiet li seta’ kien hemm każijiet fejn ir-rikorrenti kienet imblokkat, f’uħud mill-applikazzjonijiet tagħha, riferimenti għall-applikazzjonijiet jew għas-siti internet ta’ kompetituri, u b’hekk teskludi kompetituri potenzjali u toħloq ostakoli għad-dħul f’eventwali swieq ta’ servizzi relatati ma’ network soċjali u ma’ servizzi diġitali oħra. Il-Kummissjoni żiedet li l-pjan tar-rikorrenti li tintegra l-pjattaformi ta’ komunikazzjoni differenti tagħha, jiġifieri WhatsApp, Instagram u Facebook Messenger, jista’ jsaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni għall-konsumaturi, billi jwassal għall-esklużjoni ta’ kompetituri potenzjali.

73

Għandu jitqies li l-kontenut tal-premessi 4 u 5 tad-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxi deskrizzjoni ċara u inekwivoka tas-suġġett jew tal-effett tal-prattiki li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni għandha suspetti fir-rigward tar-rikorrenti, kif ukoll tal-prodotti jew tas-servizzi tar-rikorrenti possibbilment ikkonċernati minn dawn il-prattiki. Tali informazzjoni tippermetti wkoll li jiġu ddeterminati bi grad suffiċjentement preċiż il-prodotti li huma suġġett tal-investigazzjoni u s-suspetti ta’ ksur li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

74

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li huwa veru li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata madwar sena wara l-ewwel deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni, adottata fit‑13 ta’ Marzu 2019, u wara skambji mar-rikorrenti, imfakkra fil-punti 3 sa 9 iktar ’il fuq, li fil-kuntest tagħhom ir-rikorrenti pprovdiet lill-Kummissjoni ċerta informazzjoni għall-finijiet tal-investigazzjoni tagħha. Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fil-kuntest tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari tal-proċedura amministrattiva taħt ir-Regolament Nru 1/2003, li hija intiża li tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor l-elementi kollha rilevanti li jikkonfermaw jew le l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u tieħu pożizzjoni inizjali fuq id-direzzjoni kif ukoll fuq is-segwitu tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi għandu jitqies li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tippermetti, minn naħa, lir-rikorrenti tivverifika jekk l-informazzjoni mitluba hijiex neċessarja għall-finijiet tal-investigazzjoni u, min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni twettaq l-istħarriġ tagħha. Minn dan għandu jiġi dedott li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement motivata.

76

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti msemmija fil-punt 67 iktar ’il fuq.

77

Fil-fatt, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 41 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kienet meħtieġa tindika b’mod ċar fid-deċiżjoni kkontestata s-suspetti li hija kellha l-intenzjoni tivverifika, iżda mhux li tikkomunika lir-rikorrenti l-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar l-allegat ksur, u lanqas li tagħmel analiżi legali preċiża ta’ dan il-ksur.

78

Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Kummissjoni f’dan il-każ ma kienx jeżiġi, fl-istadju li fih ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, riferiment iktar preċiż għall-attivitajiet u għall-prodotti tar-rikorrenti li jistgħu jkunu kkonċernati mill-prattiki msemmija fil-premessa 4(i) sa (iii) tad-deċiżjoni kkontestata, identifikazzjoni iktar preċiża tal-kompetituri potenzjali leżi mill-prattiki msemmija fil-premessa 4(ii) u fil-premessa 5 ta’ din id-deċiżjoni, u lanqas preċiżazzjonijiet supplimentari fir-rigward tal-esklużjoni ta’ kompetituri potenzjali u tal-ħolqien ta’ ostakoli għad-dħul.

79

Barra minn hekk, fil-premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddefinixxiet il-portata ġeografika tal-investigazzjoni tagħha, jiġifieri ż-ŻEE, u l-portata ratione materiae tagħha, jiġifieri l-użu ta’ data mir-rikorrenti kif ukoll il-pjattaforma ta’ network soċjali tagħha. Hekk kif ġustament issostni l-Kummissjoni, is-sempliċi fatt li l-investigazzjoni tirrigwarda numru ta’ attivitajiet u li l-portata ġeografika ta’ din l-investigazzjoni hija estiża ma jistax, bħala tali, jitqies bħala indikazzjoni ta’ motivazzjoni vaga.

80

Konsegwentement, għandu jitqies li l-allegati impreċiżjonijiet ikkritikati mir-rikorrenti la kienu ta’ natura li jippreġudikaw il-komprensjoni tagħha tal-għan u tas-suġġett tal-investigazzjoni kif ukoll tas-suspetti ta’ ksur li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tinvestiga, u lanqas kienu ta’ natura li jippreġudikaw il-possibbiltà għall-Qorti Ġenerali li twettaq l-istħarriġ tagħha.

81

Fl-aħħar, fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq eżempji ta’ dokumenti u termini ta’ tfittxija, imsemmija mir-rikorrenti, li allegatament ma humiex rilevanti sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza tal-prattiki msemmija fil-premessi 4 u 5 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn huma intiżi, fir-realtà, li jikkontestaw in-neċessità għall-investigazzjoni ta’ dawn id-dokumenti u termini ta’ tfittxija. Issa, argumenti intiżi li jikkontestaw in-neċessità tal-informazzjoni mitluba jaqgħu taħt il-legalità sostantiva tad-deċiżjoni kkontestata u ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ April 2019, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑371/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:232, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, dawn l-argumenti ser jiġu eżaminati fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv.

82

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti tinvoka ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, hekk kif previst mill-Artikolu 296 TFUE u mill-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, f’dak li jirrigwarda s-suġġett tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni u d-deskrizzjoni tal-prattiki li hija għandha l-intenzjoni li tivverifika l-eżistenza tagħhom fil-kuntest tal-investigazzjoni tagħha.

b)   Fuq ksur tal‑prinċipju ta’ ċertezza legali, tad‑drittijiet tad‑difiża u tad‑dritt għal amministrazzjoni tajba

83

Fir-rigward tal-ilmenti bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tressaq ebda argument indipendenti insostenn tagħhom, distint minn dawk imressqa insostenn tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Għaldaqstant, dawn l-ilmenti għandhom jiġu miċħuda.

84

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

2.   Fuq ir‑raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda d‑definizzjoni tat‑termini ta’ tfittxija msemmija fid‑deċiżjoni kkontestata u l‑ipproċessar tad‑dokumenti mhux rilevanti għall‑investigazzjoni

85

Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda, minn naħa, id-definizzjoni tat-termini ta’ tfittxija msemmija fid-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, l-ipproċessar tad-dokumenti mhux rilevanti għall-investigazzjoni tagħha u prodotti skont id-deċiżjoni kkontestata.

a)   Fuq in‑natura adatta tat‑termini ta’ tfittxija

86

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tispjega kif u għaliex hija kienet qieset li t-termini ta’ tfittxija li hija kienet talbet l-applikazzjoni tagħhom kienu jidentifikaw biss dokumenti rilevanti għall-investigazzjoni tagħha, li jippermettulha tiddetermina jekk il-ksur li hija kienet tissuspetta kienx twettaq.

87

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

88

Hekk kif jirriżulta mill-punti 57 sa 82 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement motivata f’dak li jirrigwarda s-suġġett tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni, id-deskrizzjoni tal-prattiki li hija kellha l-intenzjoni tivverifika l-eżistenza tagħhom fil-kuntest tal-investigazzjoni tagħha u n-neċessità tal-informazzjoni mitluba.

89

Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet u tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 37 sa 46 iktar ’il fuq, li jiddefinixxu l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni, dan l-obbligu ma jestendix sal-impożizzjoni fuq il-Kummissjoni tal-obbligu li tipprovdi fir-rigward ta’ kull informazzjoni mitluba jew, bħal f’dan il-każ, ta’ kull terminu ta’ tfittxija li l-applikazzjoni tiegħu hija mitluba, motivazzjoni speċifika tar-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tqis li din l-informazzjoni jew dan it-terminu ta’ tfittxija, minn naħa, huma neċessarji għall-investigazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, jinkludu jew jidentifikaw biss informazzjoni rilevanti għal din l-investigazzjoni.

90

L-impożizzjoni ta’ tali motivazzjoni fuq il-Kummissjoni tkun teċċedi wkoll l-obbligi, stabbiliti fil-punti 110 sa 114 iktar ’il quddiem, imposti fuqha fid-dawl tal-prinċipju ta’ neċessità. B’mod partikolari, ir-rekwiżit ta’ korrelazzjoni bejn it-talba għal informazzjoni u l-ksur issuspettat ikun ssodisfatt jekk il-Kummissjoni tkun tista’ raġonevolment tippreżupponi, fid-data tat-talba, li din l-informazzjoni tista’ tgħinha tiddetermina l-eżistenza ta’ dan il-ksur. Ebda ċertezza ma tista’ tiġi meħtieġa mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

91

Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-punt 37 iktar ’il fuq, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha.

92

F’dan ir-rigward, hekk kif tfakkar fil-punt 74 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fil-kuntest tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari tal-proċedura amministrattiva taħt ir-Regolament Nru 1/2003, li hija intiża li tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor l-elementi rilevanti kollha li jikkonfermaw jew le l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u tieħu pożizzjoni inizjali fuq id-direzzjoni kif ukoll fuq is-segwitu tal-proċedura.

93

B’mod partikolari, talba għal informazzjoni bħad-deċiżjoni kkontestata hija intiża biss li tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni neċessarji sabiex tivverifika r-realtà u l-portata ta’ sitwazzjoni speċifika ta’ fatt u ta’ dritt (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il‑Kummissjoni, C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 37).

94

Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata wara skambji bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni li fil-kuntest tagħhom, b’mod partikolari, ir-rikorrenti identifikat hija stess ċerti termini ta’ tfittxija li jistgħu jkunu rilevanti sabiex tipprovdi lill-Kummissjoni l-informazzjoni li din tal-aħħar xtaqet tikseb. B’hekk, b’mod partikolari, l-Anness I.C tad-deċiżjoni kkontestata jindika ċerti termini ta’ tfittxija bħala li ġew identifikati mir-rikorrenti bi tweġiba għat-talba għal informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni fit‑13 ta’ Marzu 2019. Barra minn hekk, mill-premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirrigwarda d-deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni tal‑11 ta’ Novembru 2019, sussegwentement irtirata mill-Kummissjoni, jirriżulta li l-Kummissjoni kienet ħejjiet il-lista tat-termini ta’ tfittxija li hija kienet talbet l-applikazzjoni tagħhom abbażi tat-tweġiba mogħtija mir-rikorrenti għat-talba għal informazzjoni tat‑13 ta’ Marzu 2019 u abbażi ta’ dokumenti interni tar-rikorrenti ppubblikati mill-Kumitat DCMS. Issa, huwa paċifiku li t-termini ta’ tfittxija li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata jinsabu wkoll fid-deċiżjoni tal‑11 ta’ Novembru 2019.

95

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka b’mod utli ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda n-natura adatta tat-termini ta’ tfittxija li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata.

b)   Fuq l‑ipproċessar tad‑dokumenti mhux rilevanti

96

Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma mmotivatx fid-deċiżjoni inizjali r-rifjut tagħha li tawtorizza verifika tar-rilevanza tad-dokumenti identifikati wara l-applikazzjoni tat-termini ta’ tfittxija. B’mod partikolari, l-ewwel, il-Kummissjoni ma spjegatx għalfejn ir-rikorrenti ma setgħetx tkun awtorizzata tirrifjuta li tipproduċi ċerti dokumenti, anki jekk l-avukati tagħha indipendenti u awtorizzati sabiex jeżerċitaw fl-Unjoni kienu ddeċidew li dawn id-dokumenti kienu manifestament irrilevanti. It-tieni, hija ma spjegatx għaliex id-dokumenti li jinkludu informazzjoni kunfidenzjali li taqa’ taħt komunikazzjonijiet bejn avukat u l-klijent tiegħu ma jiġux trażmessi lilha, filwaqt li jistgħu jiġu trażmessi lilha dokumenti li jkun fihom data personali. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, peress li d-deċiżjoni inizjali kienet teħtieġ li tiġi pprovduta informazzjoni li tinkludi data personali, il-Kummissjoni kellha tipprovdi garanziji adegwati u suffiċjenti sabiex din l-informazzjoni tiġi protetta. Issa, il-Kummissjoni ma mmotivatx ir-rifjut tagħha li tagħti tali garanziji.

97

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

98

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni inizjali jipprevedi li r-rikorrenti għandha tipprovdi lill-Kummissjoni d-dokumenti msemmija fl-Annessi I.A, I.B u I.C ta’ din id-deċiżjoni. Permezz tal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni ta’ temenda, il-Kummissjoni adottat proċedura partikolari fir-rigward tad-dokumenti li kellhom jiġu prodotti mir-rikorrenti taħt id-deċiżjoni kkontestata, iżda li ma kellhomx rabta mal-attivitajiet kummerċjali tagħha u li kien fihom data personali sensittiva.

99

Barra minn hekk, fit‑8 ta’ Frar 2021, ir-rikorrenti adattat ir-rikors, abbażi tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ emenda. Għaldaqstant, u fid-dawl tal-kapijiet ta’ talbiet imfakkra fil-punt 15 iktar ’il fuq, ir-rikors tar-rikorrenti għandu bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni inizjali, kif emendata bid-deċiżjoni ta’ temenda.

100

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiddeċiedi fuq il-legalità tad-deċiżjoni inizjali mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-emendi li jirriżultaw mid-deċiżjoni ta’ emenda.

101

Issa, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika jkun ammissibbli biss sa fejn din il-persuna jkollha interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jeħtieġ li l-annullament ta’ dan l-att ikun jista’, fih innifsu, ikollu konsegwenzi legali u li r-rikors jista’ għalhekk, permezz tal-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 55). B’analoġija, l-istess japplika għall-interess li jiġi invokat motiv (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2017, Canadian Solar Emea et vs Il‑Kunsill, T‑162/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:124, punt 68).

102

F’dan il-każ, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ emenda, ir-rikorrenti ma pprovdietx lill-Kummissjoni dokumenti li kienu jaqgħu taħt il-proċedura tal-kamra virtwali tad-data deċiża f’din id-deċiżjoni.

103

Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tkun tista’, jekk ikun il-każ, tislet ebda benefiċċju mill-annullament eventwali tad-deċiżjoni inizjali abbażi ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-assenza ta’ riferiment f’din id-deċiżjoni, minn naħa, għar-raġunijiet li jeskludu l-possibbiltà li hija tirrifjuta li tikkomunika ċerti dokumenti u, min-naħa l-oħra, għar-raġunijiet għall-assenza ta’ stabbiliment ta’ garanziji speċifiċi, bħal proċedura li tistabbilixxi kamra virtwali tad-data, sabiex tiġi mħarsa l-ħajja privata ta’ ċerti persuni fiżiċi.

104

Minn dan isegwi li hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud bħala inammissibbli.

105

Peress li l-ebda argument imressaq mir-rikorrenti insostenn tar-raba’ motiv tagħha ma huwa fondat, hemm lok li dan il-motiv jiġi miċħud.

3.   Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 18 tar‑Regolament Nru 1/2003, fuq ksur tad‑drittijiet tad‑difiża u fuq abbuż ta’ poter

106

Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 minħabba li, billi tobbligaha tipproduċi diversi dokumenti irrilevanti għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni, din id-deċiżjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ neċessità, tikser id-drittijiet tad-difiża tagħha u tikkostitwixxi użu ħażin tal-poteri mogħtija lilha mill-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 bil-għan illegali li tinkiseb informazzjoni irrilevanti għall-ksur potenzjali deskritt fid-deċiżjoni kkontestata.

107

It-tieni motiv jinqasam fi tliet partijiet.

a)   Fuq l‑ewwel parti tat‑tieni motiv, ibbażata fuq ksur tal‑Artikolu 18(1) u (3) tar‑Regolament Nru 1/2003

108

Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ neċessità stabbilit fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003. Hija ssostni li l-applikazzjoni tat-termini ta’ tfittxija msemmija fid-deċiżjoni kkontestata twassal inevitabbilment għall-identifikazzjoni ta’ numru kbir ta’ dokumenti irrilevanti għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni, minħabba, minn naħa, iż-żmien twil tal-perijodu li fir-rigward tiegħu t-tfittxija hija mitluba u, min-naħa l-oħra, il-fatt li t-termini ta’ tfittxija inkwistjoni huma kliem jew espressjonijiet komuni ħafna, jew saħansitra parti mill-lingwaġġ ta’ kuljum. Tali termini ta’ tfittxija jistgħu għalhekk jintużaw f’kuntest li ma huwiex relatat mal-prattiki li huma s-suġġett tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Ir-rikorrenti tallega wkoll li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ neċessità billi talbet il-produzzjoni ta’ diversi dokumenti mingħajr ma stabbilixxiet garanziji tal-inqas ekwivalenti għal dawk mogħtija lill-impriżi fil-kuntest tal-ispezzjonijiet imwettqa taħt l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003.

109

Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tal-argumenti tar-rikorrenti diretti kontra ċerti termini ta’ tfittxija li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, minħabba li, peress li tqajmu għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika, dawn huma tardivi u minħabba li, barra minn hekk, dawn jinsabu biss f’anness tar-replika.

110

Skont il-premessa 23 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni għandu jkollha fl-Unjoni kollha s-setgħa li teħtieġ l-informazzjoni li tkun neċessarja, sabiex tidentifika l-ftehimiet, id-deċiżjonijiet u l-prattiki miftehma pprojbiti mill-Artikolu 101 TFUE kif ukoll sabiex tidentifika kull abbuż minn pożizzjoni dominanti pprojbit mill-Artikolu 102 TFUE

111

Barra minn hekk, mill-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li, sabiex twettaq il-kompiti assenjati lilha minn dan ir-regolament, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ sempliċi talba jew permezz ta’ deċiżjoni, titlob lill-impriżi u lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jipprovdu “l-informazzjoni kollha neċessarja”.

112

Hekk kif tfakkar fil-punt 43 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tista’ titlob biss informazzjoni li tista’ tippermettilha tivverifika l-preżunzjonijiet ta’ ksur li jiġġustifikaw it-twettiq tal-investigazzjoni u li huma indikati fit-talba għal informazzjoni.

113

Fid-dawl tas-setgħa ta’ investigazzjoni wiesgħa mogħtija lill-Kummissjoni mir-Regolament Nru 1/2003, hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa jekk informazzjoni hijiex neċessarja sabiex hija tkun tista’ tidentifika ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Anki jekk hija diġà jkollha indizji, jew saħansitra provi dwar l-eżistenza ta’ ksur, il-Kummissjoni tista’ leġittimament tqis li jkun neċessarju li titlob informazzjoni addizzjonali li tippermettilha tiddefinixxi aħjar il-portata tal-ksur, tiddetermina t-tul tiegħu jew tidentifika ċ-ċirku tal-impriżi involuti (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑466/19 P, EU:C:2021:76, punt 69).

114

F’dak li jirrigwarda l-istħarriġ imwettaq mill-qorti tal-Unjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-neċessità ta’ informazzjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li din in-neċessità għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-għan imsemmi fit-talba għal informazzjoni, jiġifieri s-suspetti ta’ ksur li l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tivverifika. Ir-rekwiżit ta’ korrelazzjoni bejn it-talba għal informazzjoni u l-ksur issuspettat ikun issodisfatt jekk il-Kummissjoni tkun tista’ raġonevolment tippreżupponi, fid-data tat-talba, li din l-informazzjoni tkun tista’ tgħinha tiddetermina l-eżistenza ta’ dan il-ksur (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑466/19 P, EU:C:2021:76, punt 70).

115

F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet li r-rikorrenti kellha tipprovdilha l-informazzjoni msemmija fl-Annessi I.A, I.B u I.C ta’ din id-deċiżjoni. L-Anness I.A jinkludi definizzjonijiet tal-kunċetti rilevanti kif ukoll istruzzjonijiet, b’mod partikolari tekniċi, li għandhom jiġu osservati għall-produzzjoni tad-dokumenti mitluba. L-Anness I.B jinkludi struzzjonijiet dwar il-preżentazzjoni. L-Anness I.C jinkludi t-termini ta’ tfittxija li għandhom jiġu applikati mir-rikorrenti fost id-dokumenti interni tagħha kif ukoll spjegazzjonijiet f’dan ir-rigward. Id-dokumenti mitluba mill-Kummissjoni huma dawk li jissodisfaw dawn it-termini ta’ tfittxija u li ġew ippreparati minn ċerti depożitarji (custodians), f’isimhom, jew irċevuti minn dawn tal-aħħar. Dawn id-depożitarji huma tlieta, jiġifieri [kunfidenzjali] ( 1 ).

1) Fuq il‑portata tal‑argumenti tar‑rikorrenti u l‑identifikazzjoni tat‑termini ta’ tfittxija kkontestati

116

Insostenn tal-argument tagħha li l-applikazzjoni tat-termini ta’ tfittxija previsti fid-deċiżjoni kkontestata tkun tagħti lok għal riżultati li jkunu jinkludu numru kbir ta’ dokumenti mhux rilevanti, ir-rikorrenti tidentifika b’mod partikolari ċerti termini ta’ tfittxija msemmija fl-Anness I.C tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li ssostni li dawn għandhom jinftiehmu bħala eżempji mhux eżawrjenti, intiżi li juru l-argumenti tagħha. Hija żżid li kien ikun irraġonevoli, jekk mhux impossibbli, li kull terminu ta’ tfittxija jiġi kopert separatament.

117

Għandu jitfakkar li s-sempliċi fatt li l-Qorti Ġenerali tqis motiv invokat mir-rikorrent insostenn tar-rikors tiegħu għal annullament bħala fondat, ma jippermettilhiex tannulla awtomatikament l-att ikkontestat fit-totalità tiegħu. Fil-fatt, annullament totali ma jistax jiġi aċċettat meta jkun jidher b’mod ċar li dan il-motiv, li jirrigwarda biss aspett speċifiku tal-att ikkontestat, jista’ jwassal biss għal annullament parzjali (sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Département du Loiret, C‑295/07 P, EU:C:2008:707, punt 104).

118

F’dan ir-rigward, l-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni jkun possibbli biss jekk l-elementi li l-annullament tagħhom ikun qiegħed jiġi mitlub ikunu jistgħu jinfirdu mill-bqija tal-att. Dan ir-rekwiżit ta’ separabbiltà ma jkunx issodisfatt meta l-annullament parzjali ta’ att ikollu bħala effett li jbiddel is-sustanza tiegħu. Fir-rigward tal-verifika tan-natura separabbli tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, din tkun teħtieġ l-eżami tal-portata tal-imsemmija dispożizzjonijiet, sabiex ikun jista’ jiġi evalwat jekk l-annullament tagħhom ibiddilx l-ispirtu u s-sustanza tad-deċiżjoni li tkun qiegħda tiġi kkontestata (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑425/13, EU:C:2015:483, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

119

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jissuġġetta lir-rikorrenti għall-obbligu, skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, li tipproduċi d-dokumenti msemmija fl-annessi ta’ din id-deċiżjoni, jiġifieri dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni fid-databases tagħha tat-termini ta’ tfittxija previsti fl-imsemmija annessi u li ġew ippreparati minn ċerti depożitarji, f’isimhom, jew irċevuti minn dawn tal-aħħar matul ċertu perijodu.

120

F’dan ir-rigward, għandu jitqies li evalwazzjoni globali tal-osservanza tal-prinċipju ta’ neċessità mill-Kummissjoni ma hijiex adatta, anki jekk tkun possibbli. Fil-fatt, il-fatt li ċerti termini ta’ tfittxija jistgħu jkunu, hekk kif issostni r-rikorrenti, vagi wisq, fis-sens li, billi eżiġiet il-produzzjoni tad-dokumenti kollha li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dawn it-termini ta’ tfittxija, il-Kummissjoni injorat il-prinċipju ta’ neċessità, ma għandu ebda effett fuq il-fatt li termini oħra ta’ tfittxija jistgħu jkunu suffiċjentement preċiżi jew iffokati sabiex jippermettu li tiġi kkonstatata l-korrelazzjoni meħtieġa skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 114 iktar ’il fuq.

121

Minn dan isegwi li, jekk il-Qorti Ġenerali kellha tqis li ċerti termini ta’ tfittxija kienu ddefiniti b’mod vag wisq, b’tali mod li dawn huma inklużi fid-deċiżjoni kkontestata bi ksur tal-prinċipju ta’ neċessità, hija għandha tannulla din id-deċiżjoni biss sa fejn din tobbliga lir-rikorrenti tipproduċi d-dokumenti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-termini ta’ tfittxija inkwistjoni.

122

Tali annullament parzjali ma jkollu ebda effett fuq l-obbligu tar-rikorrenti, skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipproduċi d-dokumenti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-termini l-oħra ta’ tfittxija, adottati skont il-prinċipju ta’ neċessità. B’dan il-mod, tali annullament parzjali ma jkollux l-effett la li jbiddel l-ispirtu u lanqas li jbiddel is-sustanza tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 118 iktar ’il fuq.

123

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ legalità li għandha tiġi kkonfutata mill-partijiet li jkunu qegħdin jitolbu l-annullament tagħhom, billi jipproduċu l-elementi probatorji li jistgħu jqiegħdu f’dubju l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-istituzzjoni konvenuta (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1999, Salomon vs Il‑Kummissjoni, T‑123/97, EU:T:1999:245, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

124

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huma biss it-termini ta’ tfittxija speċifikament ikkontestati mir-rikorrenti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ tal-osservanza tal-prinċipju ta’ neċessità mill-Qorti Ġenerali. It-termini l-oħra ta’ tfittxija għandhom jitqiesu bħala li ġew iddefiniti b’mod konformi ma’ dan il-prinċipju.

125

Ir-rikorrenti identifikat ċerti termini ta’ tfittxija fir-rikors, u oħrajn biss fl-istadju tar-replika, uħud fil-korp ta’ din ir-replika, u oħrajn f’anness tagħha.

126

Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tal-argumenti tar-rikorrenti diretti kontra t-termini ta’ tfittxija msemmija għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika, minħabba li dawn huma tardivi u jinsabu biss f’anness tagħha.

127

Mill-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat fil-mori tal-kawża sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq elementi ta’ fatt u ta’ liġi li joħorġu matul il-proċedura.

128

Il-kunċett ta’ “motiv” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ġie interpretat b’mod estensiv, li jkopri wkoll ilmenti (sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2018, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑459/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:857, punt 25) u anki sempliċi “argumenti” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, Silver Plastics u Johannes Reifenhäuser vs Il‑Kummissjoni, T‑582/15, mhux ippubblikata, EU:T:2019:497, punt 198).

129

F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li r-riferiment, fl-istadju tar-replika, għal termini ġodda ta’ tfittxija huwa sempliċement intiż li jsostni argumenti diġà esposti fir-rikors u mhux li jinvalida argumenti jew provi kuntrarji li ġew prodotti mill-Kummissjoni fl-istadju tar-risposta. Madankollu, fid-dawl tal-motivi stabbiliti fil-punti 120 u 121 iktar ’il fuq, għandu jitqies li, b’dan il-mod, ir-rikorrenti żviluppat argument ġdid dirett kontra elementi, minn naħa, li hija ma kinitx espressament ikkontestat fir-rikors, anki jekk hija setgħet tagħmel dan, u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni ma invokatx fir-risposta.

130

Barra minn hekk, fir-rigward tat-termini ta’ tfittxija inkwistjoni li ma jinsabux fil-korp tar-replika nnifisha iżda jinsabu biss f’anness tagħha, għandu jitfakkar li l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2002, Joynson vs Il‑Kummissjoni, T‑231/99, EU:T:2002:84, punt 154).

131

Konsegwentement, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq termini ta’ tfittxija invokati għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

2) Fuq il‑fondatezza tal‑argumenti diretti kontra t‑termini ta’ tfittxija msemmija fir‑rikors

132

L-ewwel, ir-rikorrenti ssostni li l-espressjonijiet “big question” (domanda kbira), “for free” (mingħajr ħlas), “not good for us” (sfavorevoli għalina) u “shut* down” (għalaq) jistgħu, min-natura tagħhom, jintużaw fil-lingwaġġ ta’ kuljum fir-rigward ta’ suġġetti li, fi kwalunkwe każ, ma jkunux relatati mal-aġir jew mal-prattiki li jaqgħu taħt l-investigazzjoni tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, tali termini ta’ tfittxija huma manifestament vagi u ġenerali wisq u jikkontribwixxu għal “sajda għal informazzjoni” fuq skala kbira. Hija żżid li l-applikazzjoni ta’ dawn it-termini ġenerali għad-dokumenti li jirrigwardaw [kunfidenzjali] personalitajiet pubbliċi [kunfidenzjali] iżżid il-probabbiltà li jinkisbu riżultati irrilevanti. Fil-fatt, dawn jassumu r-responsabbiltà u s-superviżjoni fir-rigward tal-aspetti kollha tal-attivitajiet kummerċjali tar-rikorrenti, inklużi l-attivitajiet li bil-kemm għandhom rabta, jew saħansitra ebda waħda, mal-fatti koperti mill-investigazzjoni, bħar-riżorsi umani, l-organizzazzjoni finanzjarja u r-responsabbiltà soċjali tal-impriża, jew ukoll l-involviment tagħhom fi proġetti personali u f’attivitajiet filantropiċi tagħhom stess. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tiċċita ċerti eżempji ta’ dokumenti, li hija tqis bħala irrilevanti, identifikati permezz tal-applikazzjoni ta’ ċerti termini ta’ tfittxija.

133

Il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjonijiet relatati mat-termini ta’ tfittxija “big question”, “for free”, “not good for us” u “shut* down”.

134

Fir-rigward tat-terminu ta’ tfittxija “big question”, il-Kummissjoni ssostni, ġustament u mingħajr kontestazzjoni minn naħa tar-rikorrenti, li din l-espressjoni tidher f’posta elettronika mibgħuta minn [kunfidenzjali], lil żewġ kollegi, b’kopja lil [kunfidenzjali]. F’din il-posta elettronika, [kunfidenzjali] ta istruzzjoni sabiex ċerti operaturi jiġu rrifjutati l-aċċess għall-interfaċċi ta’ programmazzjoni ta’ applikazzjonijiet (API) tar-rikorrenti. Din il-posta elettronika kienet tirreferi għal deċiżjoni strateġika li kellha tittieħed f’dan ir-rigward bħala l-“big question”. Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi, mingħajr kontestazzjoni minn naħa tar-rikorrenti, li l-kliem “big question” seta’ jidher jew fi tweġibiet għal din il-posta elettronika, jew f’posta elettronika ta’ segwitu li tirreferi għall-“mistoqsija l-kbira” inkwistjoni miktuba mill-persuni msemmija iktar ’il fuq, jew f’posta elettronika oħra li tkun toriġina mill-istess persuni u li tkun tirreferi għal eventwali deċiżjonijiet strateġiċi antikompetittivi simili.

135

Issa, hekk kif jirriżulta mill-premessa 4(iii) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tinvestiga l-eżistenza ta’ prattiki potenzjalment diskriminatorji li jillimitaw l-aċċess għad-data, għall-funzjonalitajiet u għall-API ta’ Facebook jew għal għodod oħra skont il-klassifikazzjoni possibbli ta’ terzi bħala kompetituri, u b’hekk jiġu esklużi kompetituri potenzjali u jinħolqu ostakoli għad-dħul f’eventwali swieq ta’ servizzi relatati ma’ network soċjali u ma’ servizzi diġitali oħra.

136

Ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-Kummissjoni kien imissha llimitat it-talba tagħha għall-posta elettronika li tirreferi għal din il-posta elettronika inizjali jew li kellha rabta ma’ din tal-aħħar, jew illimitat b’mod sinjifikattiv it-talba tagħha permezz ta’ mezzi oħra, pereżempju billi tiddefinixxi perijodi ħafna iqsar jew billi tiffoka biss fuq il-komunikazzjonijiet bejn persuni partikolari. Hija lanqas ma tista’ tallega li l-applikazzjoni ta’ dan it-terminu għad-dokumenti kollha ppreparati jew irċevuti minn tliet depożitarji fuq perijodu ta’ seba’ snin kienet tikkostitwixxi “sajda għal informazzjoni” fuq skala kbira.

137

Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li t-terminu ta’ tfittxija “big question” huwa intiż li jiġi applikat għal żewġ depożitarji biss, jiġifieri [kunfidenzjali], u li l-perijodu kopert mit-talba relatata ma’ dan it-terminu ta’ tfittxija huwa l-istess bħall-perijodu kopert mill-investigazzjoni nnifisha.

138

Għaldaqstant u fid-dawl taċ-ċirkustanzi mfakkra fil-punt 134 iktar ’il fuq, mhux ikkontestati mir-rikorrenti, il-Kummissjoni, billi talbitha tipproduċi d-dokumenti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-terminu ta’ tfittxija “big question” minkejja l-fatt li din l-espressjoni tista’ tintuża fil-lingwaġġ ta’ kuljum, setgħet raġonevolment tassumi, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, li din l-informazzjoni kienet ta’ natura li tgħinha tiddetermina l-eżistenza tal-aġir imsemmi fil-premessa 4(iii) ta’ din id-deċiżjoni, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 114 iktar ’il fuq.

139

Fir-rigward tat-terminu ta’ tfittxija “for free”, il-Kummissjoni ssostni, ġustament u mingħajr kontestazzjoni minn naħa tar-rikorrenti, li din l-espressjoni tinsab f’posta elettronika ppubblikata mill-Kumitat DCMS, li kienet tirreferi għal strateġiji kummerċjali tar-rikorrenti fil-qasam tal-monetizzazzjoni tad-data, b’mod partikolari diversi possibbiltajiet ta’ għoti lil żviluppaturi terzi ta’ applikazzjonijiet ta’ aċċess għal API u għal data dwar l-utenti tagħha. Hija lanqas ma tikkontesta li l-awtur tal-posta elettronika kien iddiskuta l-kwistjoni dwar jekk l-aċċess kellux jingħata mingħajr ħlas jew bi ħlas, bil-kundizzjoni ta’ infiq relatat ma’ reklamar jew inkambju għal reċiproċità totali tad-data u tal-API, li permezz tagħha l-API u d-data tar-rikorrenti jitqiegħdu mingħajr ħlas għad-dispożizzjoni ta’ applikazzjonijiet terzi li joperaw fuq il-pjattaforma Facebook permezz ta’ API, inkambju għall-qsim tad-data tal-utenti tagħhom mar-rikorrenti. Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi, mingħajr kontestazzjoni minn naħa tar-rikorrenti, li t-terminu ta’ tfittxija “for free” jippermetti li jiġu identifikati dokumenti li jirreferu għal ftehimiet kundizzjonali eventwali ta’ qsim ta’ data li jistgħu jżidu l-fluss ta’ data bejn ir-rikorrenti u terzi, u b’hekk tissaħħaħ b’dan il-mod is-setgħa tagħha fis-suq jew jinħolqu ostakoli għad-dħul permezz tal-akkumulazzjoni ta’ data. Issa, hekk kif jirriżulta mill-premessa 4(i) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni trid preċiżament tinvestiga l-eżistenza ta’ tali ftehimiet.

140

Ir-rikorrenti tressaq ukoll, fir-rigward ta’ dan it-terminu ta’ tfittxija, l-argumenti li jinsabu fil-punt 136 iktar ’il fuq. Għandu jitqies, għal raġunijiet simili għal dawk li jinsabu fil-punti 137 u 138 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni setgħet raġonevolment tassumi, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, li din l-informazzjoni kienet ta’ natura li tgħinha tiddetermina l-eżistenza tal-aġir imsemmi fil-premessa 4(i) ta’ din id-deċiżjoni, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 114 iktar ’il fuq.

141

Fir-rigward tat-terminu ta’ tfittxija “shut* down”, il-Kummissjoni ssostni, mingħajr kontestazzjoni minn naħa tar-rikorrenti, li din l-espressjoni ntużat, minn naħa, fid-dokumenti interni tar-rikorrenti ppubblikati mill-Kumitat DCMS, fil-kuntest ta’ adozzjoni eventwali minnha ta’ strateġija ta’ restrizzjoni tal-aċċess għad-data tagħha għat-terzi pperċepiti bħala kompetituri, u, min-naħa l-oħra, f’posta elettronika li fiha [kunfidenzjali] kien approva r-restrizzjonijiet tal-aċċess għall-API mill-applikazzjoni Vine.

142

Il-Kummissjoni żżid, mingħajr kontestazzjoni minn naħa tar-rikorrenti, li t-terminu ta’ tfittxija “shut* down” jirreferi għall-adozzjoni possibbli mir-rikorrenti ta’ strateġija ta’ restrizzjoni tal-aċċess għad-data tagħha għat-terzi pperċepiti bħala kompetituri, imsemmija fil-premessa 4(iii) tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, dan it-terminu ta’ riċerka jippermetti li jiġu identifikati dokumenti li jirreferu għal tali prattiki potenzjalment antikompetittivi, peress li dan probabbilment kien ikun intuża sabiex isir riferiment għar-restrizzjoni tal-aċċess għad-data tar-rikorrenti lil kompetituri oħra.

143

Ir-rikorrenti tressaq ukoll, fir-rigward ta’ dan it-terminu ta’ tfittxija, l-argumenti li jinsabu fil-punt 136 iktar ’il fuq. Għandu jitqies, għal raġunijiet simili għal dawk li jinsabu fil-punti 137 u 138 iktar ’il fuq, apparti l-fatt li t-terminu ta’ tfittxija “shut* down” kien ġie applikat għal tliet depożitarji, li l-Kummissjoni setgħet raġonevolment tassumi, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, li din l-informazzjoni kienet ta’ natura li tgħinha tiddetermina l-eżistenza tal-aġir imsemmi fil-premessa 4(iii) ta’ din id-deċiżjoni, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 114 iktar ’il fuq.

144

Fir-rigward tat-terminu ta’ tfittxija “not good for us”, ir-rikorrenti ma tikkontestax li din l-espressjoni tidher f’posta elettronika mibgħuta lil [kunfidenzjali] fid‑19 ta’ Novembru 2012, ippubblikata mill-Kumitat DCMS fl‑2018, li kienet tirrigwarda l-possibbiltà li żviluppaturi joħolqu applikazzjonijiet li jużaw data dwar utenti ta’ Facebook u l-ħbieb tagħhom, mingħajr ma jipprovdu data lura lir-rikorrenti. F’din il-posta elettronika, [kunfidenzjali] irrefera għal diversi modi li bihom ir-rikorrenti setgħet tikseb data mingħand terzi inkambju għad-data tagħha stess.

145

Il-Kummissjoni żżid, mingħajr kontestazzjoni minn naħa tar-rikorrenti, li l-espressjoni “not good for us” tidher, fid-dawl tal-posta elettronika inkwistjoni, li tikkonċerna ftehimiet eventwali, imsemmija fil-premessa 4(i) tad-deċiżjoni kkontestata, ta’ qsim ta’ data kundizzjonali li tista’ żżid il-fluss ta’ data bejn ir-rikorrenti u terzi, u b’hekk tissaħħaħ is-setgħa fis-suq ta’ din tal-aħħar jew jinħolqu ostakoli għad-dħul permezz tal-akkumulazzjoni ta’ data. Hija żżid ukoll li din l-espressjoni tista’ tidher ukoll fi tweġibiet għal din il-posta elettronika, f’posta elettronika ta’ segwitu fuq il-kwistjoni dwar jekk prattiki oħra tal-iżviluppaturi jistgħux ukoll “ma jkunux tajbin [għar-rikorrenti]”, skont [kunfidenzjali], jew f’posta elettronika oħra ta’ dan tal-aħħar li tqajjem l-istess kwistjoni dwar prattiki simili adottati minn żviluppaturi oħra.

146

Ir-rikorrenti tressaq ukoll, fir-rigward ta’ dan it-terminu ta’ tfittxija, l-argumenti li jinsabu fil-punt 136 iktar ’il fuq. Għandu jitqies, għal raġunijiet simili għal dawk li jinsabu fil-punti 137 u 138 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni setgħet raġonevolment tassumi, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, li din l-informazzjoni kienet ta’ natura li tgħinha tiddetermina l-eżistenza tal-aġir imsemmi fil-premessa 4(i) ta’ din id-deċiżjoni, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 114 iktar ’il fuq.

147

Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma stabbilixxietx ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ neċessità f’dak li jirrigwarda t-termini ta’ tfittxija “big question”, “for free”, “not good for us” u “shut* down”.

148

Barra minn hekk, fid-dawl tal-osservanza mill-Kummissjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha, hekk kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel motiv iktar ’il fuq, huwa wkoll b’mod żbaljat li r-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma spjegatx kif l-użu ta’ ċerti termini ta’ tfittxija kien konformi mal-prinċipju ta’ neċessità.

149

It-tieni, fir-rigward tat-termini ta’ tfittxija “compet* + shar*”, “compet* + partner*”, “compet* + strateg*”, “line + strateg*” u “line + block*”, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti tikkontesta l-legalità tagħhom minħabba n-numru, li hija tqis bħala għoli ħafna, ta’ dokumenti identifikati mill-applikazzjoni ta’ dawn it-termini fid-databases interni tagħha. Fir-rigward tat-termini “[kunfidenzjali] + shar*”, “[kunfidenzjali] + shar*”, “[kunfidenzjali] + shar*”, “[kunfidenzjali] + shar*”, “[kunfidenzjali] + shar*”, “duplicat* + (limit & data)”, “duplicat* + block*” u “duplicat* + remov*”, ir-rikorrenti ssostni li l-applikazzjoni tagħhom tidentifika dokumenti li hija tqis bħala irrilevanti għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Dawn iż-żewġ ċirkustanzi juru l-assenza ta’ konformità ta’ dawn it-termini kollha ta’ tfittxija mal-prinċipju ta’ neċessità.

150

Issa, hekk kif issostni l-Kummissjoni, dawn l-argumenti ma jippermettux li tiġi kkontestata n-natura adatta jew neċessarja tat-termini inkwistjoni għall-investigazzjoni tagħha. Fil-fatt, min-natura tat-talba għal informazzjoni kontenzjuża jirriżulta li l-portata tagħha tikkonkretizza ruħha biss wara l-applikazzjoni tat-termini ta’ tfittxija fid-databases tar-rikorrenti sabiex jiġu identifikati d-dokumenti li jikkorrispondu għal dawn l-istess termini. Il-metodu intiż li jiġu applikati termini ta’ tfittxija jirrendi inevitabbli l-identifikazzjoni ta’ dokumenti li finalment ikunu jirriżultaw irrilevanti għall-investigazzjoni. Għalhekk, is-sempliċi fatt li l-applikazzjoni ta’ termini ta’ tfittxija tagħti lok għall-identifikazzjoni ta’ diversi dokumenti, li wħud minnhom sussegwentement jirriżultaw li jkunu irrilevanti għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni ma huwiex biżżejjed, waħdu, sabiex jitqies, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 113 u 114 iktar ’il fuq, li t-termini ta’ tfittxija inkwistjoni ma għandhom ebda rabta mal-ksur issuspettat mill-Kummissjoni. Dan lanqas ma huwa biżżejjed sabiex jiġi eskluż li l-Kummissjoni setgħet raġonevolment tassumi, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, li l-applikazzjoni ta’ dawn it-termini ta’ tfittxija kienet ta’ natura li tgħinha tiddetermina l-eżistenza u l-portata ta’ dan il-ksur, it-tul tiegħu jew iċ-ċirku tal-impriżi involuti.

151

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li terminu ta’ tfittxija li jinsab fid-deċiżjoni kkontestata ma kienx konformi mal-prinċipju ta’ neċessità li jirriżulta mill-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1/2003, hekk kif interpretat mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 110 sa 114 iktar ’il fuq.

152

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ neċessità sa fejn hija talbet il-produzzjoni ta’ dokumenti mingħajr ma stabbilixxiet garanziji tal-inqas ekwivalenti għal dawk mogħtija lill-impriżi fil-kuntest tal-ispezzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, għandu jiġi rrilevat li hija l-Qorti Ġenerali, adita b’rikors għal annullament kontra deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni, bħad-deċiżjoni kkontestata, li għandha tistħarreġ, fil-limiti tal-motivi invokati quddiemha, jekk tali deċiżjoni tosservax id-drittijiet li l-impriża kkonċernata tislet mill-kuntest ġuridiku applikabbli għal tali deċiżjoni. Għall-kuntrarju, ma huwiex għall-Qorti Ġenerali li tistħarreġ il-legalità ta’ tali deċiżjoni b’paragun mal-kuntest ġuridiku applikabbli għal deċiżjonijiet adottati fuq bażijiet legali differenti, bħal deċiżjonijiet ta’ spezzjoni.

153

Madankollu, għandu jitfakkar li l-impriżi destinatarji ta’ talba għal informazzjoni jibbenefikaw minn garanziji adegwati.

154

B’mod partikolari, fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni, tali impriża tista’ tidentifika d-dokumenti mitluba mill-Kummissjoni u teżaminahom bl-għajnuna tal-avukati tagħha qabel ma tikkomunikahom lill-Kummissjoni. Għaldaqstant, hija għandha l-possibbiltà li tirrifjuta li tikkomunika dokumenti koperti mill-kunfidenzjalità bejn avukat u l-klijent tiegħu. Barra minn hekk, hija tista’ tressaq quddiem il-Kummissjoni talba motivata intiża għar-ritorn lura ta’ dokumenti irrilevanti. Tali possibbiltà hija espliċitament irrikonoxxuta fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aħjar prattiċi għat-tmexxija tal-proċedimenti li jikkonċernaw l-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE (ĠU 2011, C 308, p. 6). Il-Kummissjoni għandha l-obbligu li teżamina tali talba u, jekk ikun il-każ, tirritorna d-dokument irrilevanti.

155

Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda

b)   Fuq it‑tieni parti tat‑tieni motiv, ibbażata fuq ksur tad‑drittijiet tad‑difiża

156

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-drittijiet tad-difiża tagħha, hekk kif protetti mill-Artikolu 41(2) u mill-Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), sa fejn din timponilha tipproduċi dokumenti li, minn naħa, huma inutli għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, jirrigwardaw attivitajiet li ma humiex imsemmija f’din id-deċiżjoni, bħar-realtà virtwali jew miżjuda. Hija żżid li l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata ma jippermettilhiex tkun taf jekk iċ-ċentri ta’ data li hija timmaniġġja u jekk uħud mill-prodotti ġodda tagħha, bħas-servizz ta’ sejħiet bil-vidjo fi grupp “Messenger Rooms”, jaqgħux taħt il-kamp ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Bl-istess mod, il-ksur allegat investigat mill-Kummissjoni ma huwiex magħruf minnha jew ma ġiex identifikat b’mod ċar. Għal dawn ir-raġunijiet, ma huwiex possibbli għaliha li tipprepara d-difiża tagħha b’mod effettiv matul il-fażi kontradittorja tal-proċedura u li tieħu l-miżuri li hija tkun tista’ tqis utli għal dan il-għan, bħat-tfittxija u ż-żamma ta’ provi jew ta’ xhieda li tiskaġuna.

157

Il-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

158

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża fit-tmexxija ta’ proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati tal-Unjoni għandhom jiżguraw l-osservanza tiegħu (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni (C‑534/07 P, EU:C:2009:505, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

159

Għandu jitfakkar li l-proċedura amministrattiva taħt ir-Regolament Nru 1/2003, li tiżvolġi quddiem il-Kummissjoni, tinqasam f’żewġ fażijiet distinti u suċċessivi, fejn kull waħda minnhom għandha loġika interna proprja tagħha, jiġifieri fażi ta’ investigazzjoni preliminari, minn naħa, u fażi kontradittorja, min-naħa l-oħra. Il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, li matulha l-Kummissjoni tuża s-setgħat ta’ investigazzjoni previsti mir-Regolament Nru 1/2003, u li testendi sad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija intiża li tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor l-elementi rilevanti kollha li jikkonfermaw jew le l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u tieħu pożizzjoni inizjali fuq id-direzzjoni tal-proċedura kif ukoll fuq is-segwitu tagħha. Għall-kuntrarju, il-fażi kontradittorja li testendi mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, għandha tippermetti lill-Kummissjoni tiddeċiedi b’mod definittiv fuq l-allegat ksur (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2014, Cementos Portland Valderrivas vs Il‑Kummissjoni, T‑296/11, EU:T:2014:121, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

160

Minn naħa, f’dak li jirrigwarda l-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, din għandha bħala punt ta’ tluq id-data li fiha l-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilha mill-Artikoli 18 u 20 tar-Regolament Nru 1/2003, tadotta miżuri li jkunu jimplikaw l-allegazzjoni ta’ twettiq ta’ ksur u li jkollhom riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi ssuspettati. Min-naħa l-oħra, huwa biss fil-bidu tal-fażi amministrattiva kontradittorja li l-impriża kkonċernata tkun informata, permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bl-elementi essenzjali kollha li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha f’dan l-istadju tal-proċedura, u li din l-impriża jkollha dritt ta’ aċċess għall-fajl sabiex jiġi ggarantit l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Għalhekk, huwa biss wara li tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li l-impriża kkonċernata tkun tista’ tibbaża ruħha bis-sħiħ fuq id-drittijiet tad-difiża tagħha. Fil-fatt, li kieku dawn id-drittijiet kienu estiżi għall-fażi ta’ qabel in-notifikazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-effettività tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni tkun kompromessa, peress li l-impriża kkonċernata tkun, diġà matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, f’pożizzjoni li tidentifika l-informazzjoni li hija magħrufa mill-Kummissjoni u, għalhekk, dik li tkun għadha tista’ tinħeba minnha (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2014, Cementos Portland Valderrivas vs Il‑Kummissjoni, T‑296/11, EU:T:2014:121, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

161

Madankollu, il-miżuri istruttorji adottati mill-Kummissjoni matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, b’mod partikolari l-miżuri ta’ investigazzjoni u t-talbiet għal informazzjoni, jimplikaw min-natura tagħhom l-allegazzjoni ta’ ksur u jista’ jkollhom riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi ssuspettati. Għalhekk huwa importanti li jiġi evitat li d-drittijiet tad-difiża jkunu jistgħu jiġu kompromessi b’mod irrimedjabbli matul din il-fażi tal-proċedura amministrattiva peress li l-miżuri istruttorji adottati jistgħu jkunu ta’ natura deċiżiva għall-istabbiliment tal-provi tan-natura illegali tal-aġir ta’ impriżi li jkun jista’ jimplika r‑responsabbiltà tagħhom (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2014, Cementos Portland Valderrivas vs Il‑Kummissjoni, T‑296/11, EU:T:2014:121, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, 46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 15).

162

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest tal-fażi preliminari tal-investigazzjoni tagħha dwar l-użu ta’ data mir-rikorrenti u qabel l-adozzjoni ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 161 iktar ’il fuq, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti stabbilixxietx li d-drittijiet tad-difiża tagħha kienu ġew kompromessi b’mod irrimedjabbli minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

163

L-ewwel, l-argumenti li permezz tagħhom ir-rikorrenti tinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha minħabba li kellha, skont id-deċiżjoni kkontestata, tipproduċi dokumenti inutli għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni, huma bbażati fuq il-premessa li din id-deċiżjoni ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju ta’ neċessità msemmi fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1/2003. Għaldaqstant dawn għandhom jiġu miċħuda minħabba ċ-ċaħda tal-ewwel parti ta’ dan l-ilment.

164

It-tieni, għandu jiġi kkonstatat li, billi tallega insostenn ta’ din il-parti li ma hijiex f’pożizzjoni li tidentifika l-prattiki li fihom il-Kummissjoni tissuspetta li hija setgħet kienet involuta u lanqas jekk uħud mill-attivitajiet tagħha u wħud mill-prodotti tagħha jaqgħux taħt il-kamp tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti tikkontesta fir-realtà ċ-ċarezza tad-delimitazzjoni tas-suġġett tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni u l-osservanza minn din tal-aħħar tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha.

165

Issa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 82 iktar ’il fuq, li minnhom jirriżulta li l-Kummissjoni osservat l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha f’dak li jirrigwarda s-suġġett tal-investigazzjoni u d-deskrizzjoni tal-prattiki li hija kellha l-intenzjoni tivverifika l-eżistenza tagħhom fil-kuntest tal-investigazzjoni tagħha, dawn l-allegazzjonijiet għandhom jiġu miċħuda.

166

Fir-rigward tal-mistoqsijiet tar-rikorrenti dwar jekk ċerti oqsma ta’ attività tagħha jew uħud mill-prodotti tagħha humiex inklużi fis-suġġett tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni, huwa mfakkar fil-punt 41 iktar ’il fuq li l-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu tikkomunika lid-destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni l-informazzjoni kollha li hija jkollha fir-rigward ta’ allegat ksur u li din lanqas ma tista’ tiġi meħtieġa tindika, fl-istadju tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, minbarra l-preżunzjonijiet ta’ ksur li hija jkollha l-intenzjoni tivverifika, l-indizji, jiġifieri l-elementi li jwassluha tqis l-ipoteżi ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE. Fil-fatt, tali obbligu jkun jikkomprometti l-bilanċ li l-ġurisprudenza tistabbilixxi bejn iż-żamma tal-effettività tal-investigazzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2014, Cementos Portland Valderrivas vs Il‑Kummissjoni, T‑296/11, EU:T:2014:121, punt 37).

167

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ssostni li l-allegati inċertezzi fir-rigward tal-aġir li bih hija akkużata pprekludewha milli tieħu l-miżuri li hija kienet tqis utli għad-difiża tagħha u għaldaqstant milli tipprepara d-difiża tagħha fl-istadju tal-fażi kontradittorja tal-proċedura amministrattiva, mingħajr madankollu ma tistabbilixxi li l-imsemmija inċertezzi kkawżaw ksur irrimedjabbli tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

168

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni kkontestata, li tifforma parti mill-fażi ta’ investigazzjoni preliminari tal-proċedura amministrattiva prevista mir-Regolament Nru 1/2003, għandha titqies bħala li ġiet adottata b’osservanza tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

169

Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

c)   Fuq it‑tielet parti tat‑tieni motiv, ibbażata fuq abbuż ta’ poter

170

Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni abbużat mis-setgħat ta’ investigazzjoni tagħha u li fir-realtà wettqet investigazzjoni ġenerali u mingħajr limitu fuq l-attivitajiet kollha tagħha kif ukoll fuq dik tal-ogħla diriġenti tagħha, jew saħansitra “sajda għal informazzjoni”, billi pprovat, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, tiddetermina jekk ir-rikorrenti kinitx involuta fi prattiki antikompetittivi oħra jew wettqitx ksur ieħor, inkluż lil hinn mill-kamp tad-dritt tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-prattiki koperti mill-investigazzjoni tal-Kummissjoni huma fformulati b’mod vag fid-deċiżjoni kkontestata u li la s-swieq u l-attivitajiet ikkonċernati, la l-kompetituri potenzjali li setgħu ġew leżi, u lanqas id-differenza bejn esklużjoni antikompetittiva u esklużjoni fuq il-merti ma huma speċifikati fiha.

171

Il-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

172

Għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti invokati insostenn ta’ din il-parti huma intiżi, għal darba oħra, li jikkontestaw l-osservanza mill-Kummissjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. B’hekk, l-argument relatat man-natura vaga tal-prattiki li huma s-suġġett tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni u dak dwar l-assenza ta’ identifikazzjoni tal-kompetituri allegatament leżi mill-prattiki li huma s-suġġett tal-investigazzjoni diġà ġew miċħuda bħala infondati fil-kuntest tal-ewwel ilment tal-ewwel motiv. Fir-rigward tal-argumenti relatati mal-fatt li l-attivitajiet tar-rikorrenti u s-swieq ikkonċernati mill-investigazzjoni ma humiex speċifikati biżżejjed fid-deċiżjoni kkontestata, l-istess bħad-differenza magħmula bejn esklużjoni antikompetittiva u esklużjoni fuq il-merti, dawn ma humiex, fid-dawl, minn naħa, tal-istadju tal-proċedura li fih ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata u tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 160 iktar ’il fuq u, min-naħa l-oħra, tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni impost fuq il-Kummissjoni, imfakkra fil-punti 38 sa 46 iktar ’il fuq, ta’ natura li jiġi stabbilit abbuż, mill-Kummissjoni, tas-setgħat ta’ investigazzjoni.

173

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, li t-tieni motiv kollu kemm hu għandu jiġi miċħud.

4.   Fuq it‑tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad‑dritt għar‑rispett tal‑ħajja privata, tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità u tad‑dritt għal amministrazzjoni tajba

174

Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, billi teżiġi l-produzzjoni ta’ diversi dokumenti privati u irrilevanti, id-deċiżjoni kkontestata tikser id-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta u fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), il-prinċipju ta’ proporzjonalità u d-dritt għal amministrazzjoni tajba.

175

Il-motiv jinqasam fi tliet partijiet.

a)   Fuq l‑ewwel parti tat‑tielet motiv, ibbażata fuq ksur tad‑dritt għar‑rispett tal‑ħajja privata

176

Ir-rikorrenti tinvoka ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tagħha, ta’ dik ta’ membri tal-persunal tagħha u ta’ persuni oħra, kif protett mill-Artikolu 7 tal-Karta u mill-Artikolu 8 tal-KEDB.

177

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi ndħil mhux iġġustifikat fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-KEDB. Fil-fatt, l-ewwel, mill-argumenti esposti insostenn ta’ kull wieħed mill-motivi tar-rikors jirriżulta li dan l-indħil ma huwiex previst mil-liġi, jiġifieri l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003. It-tieni, id-deċiżjoni kkontestata ma tfittix għan leġittimu, sa fejn fiha l-Kummissjoni titlob il-produzzjoni ta’ informazzjoni li hija ma setgħetx raġonevolment tassumi li kienet ser tgħinha tiddetermina r-realtà tal-prattiki ssuspettati. It-tielet, din id-deċiżjoni ma tissodisfax il-prinċipju ta’ neċessità meħtieġ mill-Artikolu 8 tal-KEDB.

178

Il-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

179

Skont l-Artikolu 7 tal-Karta, kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha.

180

Skont l-Artikolu 8(1) tal-KEDB, kull persuna għandha dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-korrispondenza tagħha.

181

L-Artikolu 7 tal-Karta, dwar id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, jinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-Artikolu 8(1) tal-KEDB. Għaldaqstant, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, l-Artikolu 7 tal-Karta għandu jingħata l-istess tifsira u l-istess portata bħal dawk mogħtija lill-Artikolu 8(1) tal-KEDB, hekk kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 70).

182

L-Artikolu 52(1) tal-Karta jipprevedi li kull limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti mill-imsemmija Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tosserva l-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet. Barra minn hekk, filwaqt li jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità, jista’ jkun hemm limitazzjonijiet biss jekk dawn ikunu neċessarji u jkunu jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor.

183

Għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni kkontestata tosservax l-Artikolu 7 tal-Karta u, għal dan il-għan, tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta.

1) Fuq l‑eżistenza ta’ bażi legali tal‑indħil fil‑ħajja privata

184

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi ndħil illegali fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, għall-motivi sussegwenti. L-ewwel, mill-argumenti esposti insostenn ta’ kull wieħed mill-motivi tar-rikors jirriżulta li dan l-indħil ma huwiex previst mil-liġi, jiġifieri l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003. It-tieni, it-trażmissjoni lill-Kummissjoni tad-dokumenti kollha li jissodisfaw it-termini ta’ tfittxija inklużi fid-deċiżjoni kkontestata tinvolvi l-komunikazzjoni ta’ data personali relatata mad-depożitarji msemmija f’din id-deċiżjoni, ma’ membri oħra tal-persunal tar-rikorrenti kif ukoll ma’ ħbieb jew membri tal-familja tagħhom (iktar ’il quddiem id- “data personali kontenzjuża”). It-tielet, ir-rikorrenti ssostni li hija ma tistax tiġi obbligata tikkomunika lill-Kummissjoni informazzjoni irrilevanti għall-finijiet tal-investigazzjoni. Hija ssostni li, kieku dan kien il-każ, hija tkun tikser l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127. p. 2), billi tipproċessa b’mod illegali data personali, għaliex dan ma jkunx neċessarju għall-osservanza ta’ obbligu legali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

185

Skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, il-limitazzjoni tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata għandu qabel kollox ikun previst mil-liġi. Għaldaqstant il-miżura inkwistjoni għandu jkollha bażi legali (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2013, Trabelsi et vs Il‑Kunsill, T‑187/11, EU:T:2013:273, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

186

Dan huwa l-każ hawnhekk. Id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, li jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa titlob, permezz ta’ deċiżjoni, lill-impriżi u lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jipprovdu informazzjoni.

187

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali sa fejn din timplika min-naħa tagħha ipproċessar illegali ta’ data personali, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2016/679.

188

Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39), japplika, skont l-Artikolu 2(1) tiegħu, għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-istituzzjonijiet u mill-korpi kollha tal-Unjoni, filwaqt li r-Regolament Nru 2016/679 japplika għal kull persuna fiżika jew ġuridika oħra, bl-eċċezzjoni tal-każijiet previsti fl-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament.

189

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2016/679 jipprevedi:

“L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

[…]

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur […]”

190

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jissuġġetta lir-rikorrenti għall-obbligu, skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, li tipproduċi d-dokumenti msemmija fl-annessi ta’ din id-deċiżjoni. Għaldaqstant, din id-deċiżjoni tikkostitwixxi obbligu legali fis-sens tal-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament 2016/679.

191

L-argumenti l-oħra mqajma mir-rikorrenti fil-punt 127 tar-rikors huma fformulati b’mod globali u mingħajr distinzjoni u għalhekk ma humiex konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura.

192

Fl-aħħar, l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament 2018/1725 jipprovdi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu legalment jipproċessaw data personali meta dan “ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċitar ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-istituzzjoni jew lill-korp tal-Unjoni”.

193

F’dan ir-rigward, l-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni permezz tar-Regolament Nru 1/2003 jikkontribwixxi għaż-żamma tas-sistema ta’ kompetizzjoni mixtieqa mit-Trattati, li l-osservanza tagħha hija imperattiva għall-impriżi (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2018, České dráhy vs Il‑Kummissjoni, T‑621/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:367, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

194

Peress li r-Regolament Nru 1/2003 jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta deċiżjonijiet ta’ talbiet għal informazzjoni, ir-rikorrenti ma tistax issostni li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi ndħil mhux previst mil-liġi, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

2) Fuq it‑tfittxija ta’ għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill‑Unjoni

195

Fir-rigward tal-kundizzjoni li, filwaqt li jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità, jista’ jkun hemm limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dritt biss jekk dawn ikunu jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor, ir-rikorrenti tikkontesta li d-deċiżjoni kkontestata tissodisfa tali għanijiet. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-Kummissjoni teżiġi l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni li hija ma tistax raġonevolment tassumi li ser tgħinha tistabbilixxi r-realtà tal-prattiki investigati minnha.

196

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 huma intiżi li jippermettulha twettaq il-kompitu, mogħti lilha mit-Trattati, li tiżgura l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-suq intern. Dawn ir-regoli għandhom il-funzjoni li tiġi evitata distorzjoni tal-kompetizzjoni għad-detriment tal-interess ġenerali, tal-impriżi individwali u tal-konsumaturi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2018, České dráhy vs Il‑Kummissjoni, T‑621/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:367, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

197

Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi manifestazzjoni tal-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mir-Regolament Nru 1/2003, li, kif ġie rrilevat fil-punt 193 iktar ’il fuq, jikkontribwixxi għaż-żamma tas-sistema ta’ kompetizzjoni mixtieqa mit-Trattati, li l-osservanza tagħha hija imperattiva għall-impriżi.

198

Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata tissodisfa għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni.

3) Fuq l‑osservanza tal‑kontenut essenzjali tad‑dritt għar‑rispett tal‑ħajja privata

199

Ir-rikorrenti ma ssostnix li d-deċiżjoni kkontestata tippreġudika l-kontenut essenzjali tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Karta.

4) Fuq in‑natura proporzjonali tal‑indħil fil‑ħajja privata

200

Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-limitazzjonijiet li jistgħu jiġu imposti minn atti tad-dritt tal-Unjoni fuq drittijiet u libertajiet stabbiliti fil-Karta ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa adatt u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija jew sabiex tintlaħaq il-ħtieġa tal-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor, bil-premessa li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri adatti, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva u l-iżvantaġġi kkawżati minnha ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara s-sentenza tas‑26 ta’ April 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑401/19, EU:C:2022:297, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

201

Għalhekk, sabiex tiġi eżaminata n-natura proporzjonata tal-indħil fil-ħajja privata kkawżat mid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi vverifikat jekk dan l-indħil huwiex adatt u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-Unjoni qabel ma jiġi eżaminat l-ibbilanċjar tal-interessi.

i) Fuq in‑natura adatta tal‑indħil

202

F’dan il-każ, fid-dawl tal-punti 110, 196 u 197 iktar ’il fuq, għandu jitqies li talba għal informazzjoni bħad-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi miżura adatta sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-Kummissjoni.

ii) Fuq in‑natura neċessarja tal‑indħil

203

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali li hija tfittex, ir-rikorrenti tressaq diversi argumenti.

– Fuq il‑livell ta’ protezzjoni insuffiċjenti tal‑proċedura tal‑kamra virtwali tad‑data

204

Ir-rikorrenti ssostni li l-proċedura tal-kamra virtwali tad-data adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ emenda ma tippermettix li jiġi protett b’mod suffiċjenti d-dritt tagħha u dak tal-persuni kkonċernati għar-rispett tal-ħajja privata tagħhom. F’dan ir-rigward, minn naħa, hija ssostni li l-imsemmija proċedura tippermetti lill-aġenti tal-Kummissjoni jwettqu eżami sommarju tad-data personali kontenzjuża, bi ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tal-persuni kkonċernati, u li din tista’ tikkawża dannu serju fir-rigward tagħhom. Min-naħa l-oħra, din il-proċedura ma għandhiex effett fir-rigward tal-obbligu, kuntrarju għad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ta’ dawn il-persuni, ta’ komunikazzjoni lill-Kummissjoni ta’ data bħad-data personali kontenzjuża, li hija irrilevanti għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Ir-rikorrenti tiddefendi f’dan ir-rigward l-eżistenza ta’ approċċ proporzjonat ta’ natura li tiġi rrimedjata l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri oħra jew ta’ miżuri addizzjonali.

205

Għandu jitfakkar li, wara l-adozzjoni tad-digriet tad‑29 ta’ Ottubru 2020, Facebook Ireland vs Il‑Kummissjoni (T‑451/20 R, mhux ippubblikat, EU:T:2020:515), il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni ta’ emenda fil‑11 ta’ Diċembru 2020. Skont din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni adottat proċedura separata fir-rigward tad-dokumenti li kellhom jiġu prodotti mir-rikorrenti abbażi ta’ din id-deċiżjoni kkontestata, iżda li, prima facie, ma kellhomx rabta mal-attivitajiet kummerċjali tagħha u li kienu jinkludu data personali sensittiva (iktar ’il quddiem id-“dokumenti protetti”).

206

L-Artikolu 3 tad-deċiżjoni ta’ emenda jipprevedi l-inklużjoni, fl-Anness I.A tad-deċiżjoni kkontestata, tal-punt 9(o) u (p), ifformulat kif ġej:

“9   

(o)

Id-dokumenti protetti għandhom jiġu trażmessi lill-Kummissjoni fuq mezz elettroniku separat. Dawn id-dokumenti għandhom sussegwentement jitqiegħdu f’kamra virtwali tad-data li għandha tkun aċċessibbli biss għal numru kemm jista’ jkun limitat possibbli ta’ membri tat-tim inkarigat mill-investigazzjoni, fil-preżenza (virtwali jew fiżika) ta’ numru ekwivalenti ta’ avukati ta’ Facebook. Il-membri tat-tim inkarigat mill-investigazzjoni għandhom jeżaminaw u jagħżlu d-dokumenti inkwistjoni, filwaqt li jagħtu lill-avukati ta’ Facebook il-possibbiltà li jikkummentaw dwarhom qabel ma jinkludu d-dokumenti meqjusa bħala rilevanti fil-fajl. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil dwar il-klassifikazzjoni ta’ dokument, l-avukati ta’ Facebook għandu jkollhom id-dritt li jispjegaw ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ qbil tagħhom. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil persistenti, Facebook tkun tista’ titlob arbitraġġ lid-Direttur responsabbli għall-Informazzjoni, il-Komunikazzjoni u l-Midja fi ħdan id-Direttorat Ġenerali ‘Kompetizzjoni’ tal-Kummissjoni;

9   

(p)

Id-dokumenti protetti jistgħu jiġu trażmessi lill-Kummissjoni f’forma redatta, billi jitneħħew l-ismijiet tal-persuni kkonċernati u kull informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tagħhom. Fuq talba tal-Kummissjoni, iġġustifikata mill-bżonnijiet tal-investigazzjoni, id-dokumenti protetti li jkunu ġew trażmessi f’forma redatta għandhom jiġu trażmessi lilha fil-verżjoni sħiħa u mhux redatta tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

207

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament 2016/679, ir-rikorrenti tkun qiegħda twettaq ipproċessar legali ta’ data personali meta tittrażmetti lill-Kummissjoni dokumenti li jkunu jinkludu tali data mitluba bis-saħħa tad-deċiżjoni kkontestata.

208

Barra minn hekk, hekk kif tfakkar fil-punt 192 iktar ’il fuq, skont l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament 2018/1725, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu legalment jipproċessaw data personali meta dan ikun neċessarju għat-twettiq ta’ kompitu ta’ interess pubbliku jew li jaqa’ taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika mogħtija lil dawn l-istituzzjonijiet.

209

Barra minn hekk, ir-rikorrenti allegat, mingħajr kontestazzjoni minn naħa tal-Kummissjoni, li ċerti dokumenti identifikati wara l-applikazzjoni tat-termini ta’ tfittxija inklużi fid-deċiżjoni kkontestata, u li għalhekk kellhom jiġu prodotti b’applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, kienu jinkludu data personali sensittiva.

210

Tali data tista’ taqa taħt dik prevista fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament 2016/679 u fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament 2018/1725.

211

L-Artikolu 9(1) u (2)(g) tar-Regolament 2016/679 u l-Artikolu 10(1) u (2)(g) tar-Regolament 2018/1725, jipprevedu, f’termini identiċi, dan li ġej:

“1.   L-ipproċessar ta’ data personali, li jiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija fi trade union, u l-ipproċessar ta’ data ġenetika, data bijometrika sabiex tidentifika b’mod uniku persuna fiżika, data dwar is-saħħa jew data dwar il-ħajja sesswali u l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika għandu jkun ipprojbit.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika jekk japplika wieħed minn dawn li ġejjin:

[…]

(g)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ interess pubbliku sostanzjali, fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni, li jkun proporzjonat mal-għan segwit, jirrispetta l-essenza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u jipprevedi miżuri xierqa u speċifiċi sabiex jissalvagwardja d-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data […]”.

212

L-Artikolu 9(2)(g) tar-Regolament 2016/679 u l-Artikolu 10(2)(g) tar-Regolament 2018/1725 jissuġġettaw għalhekk għal tliet kundizzjonijiet il-possibbiltà ta’ pproċessar tad-data personali prevista fl-Artikolu 9(1) u fl-Artikolu 10(1) ta’ dawn ir-regolamenti rispettivament.. L-ewwel, l-ipproċessar għandu jkun ifittex interess pubbliku sinjifikanti, ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni. It-tieni, l-ipproċessar għandu jkun neċessarju għat-twettiq ta’ dan l-interess pubbliku. It-tielet id-dritt tal-Unjoni għandu proporzjonat mal-għan imfittex, jirrispetta l-essenza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u jipprevedi miżuri adatti u speċifiċi għas-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali u tal-interessi tas-suġġett tad-data.

213

Ir-rikorrenti ma tinvokax ksur tal-kundizzjonijiet previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ma hijiex meħtieġa tistħarreġ il-konformità tad-deċiżjoni kkontestata ma’ dawn id-dispożizzjonijiet. Madankollu, l-imsemmija dispożizzjonijiet huma rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk id-deċiżjoni kkontestata tissodisfax it-tielet kundizzjoni minn dawk previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, jiġifieri jekk din id-deċiżjoni teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali li hija tfittex.

214

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, fil-punt 202 iktar ’il fuq tfakkar li talba għal informazzjoni bħad-deċiżjoni kkontestata kienet tikkostitwixxi miżura adatta sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-Kummissjoni.

215

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, mill-eżami tal-ewwel parti tat-tieni motiv jirriżulta li l-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod suffiċjenti, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 114 iktar ’il fuq, il-korrelazzjoni meħtieġa bejn l-informazzjoni mitluba fid-deċiżjoni kkontestata u l-ksur issuspettat u msemmi f’din id-deċiżjoni. Għaldaqstant, l-ipproċessar ta’ data personali li d-deċiżjoni kkontestata timplika huwa neċessarju għat-twettiq tal-interess pubbliku sinjifikanti mfittex.

216

Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni, għandu jitfakkar li l-Artikolu 5 tar-Regolament 2018/1725 jiddelimita s-setgħa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jipproċessaw data personali, billi b’mod partikolari jipprevedi, fil-paragrafu (1)(a) tiegħu, li tali pproċessar għandu jkun permess meta dan ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu ta’ interess pubbliku jew li jaqa’ taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika mogħtija lil din l-istituzzjoni. Barra minn hekk, mill-punt 74 iktar ’il fuq jirriżulta li, wara skambji mar-rikorrenti, il-Kummissjoni rtirat talba għal informazzjoni preċedenti u adottat id-deċiżjoni kkontestata, li tinkludi numru mnaqqas ta’ termini ta’ tfittxija u tikkonċerna numru iżgħar ta’ depożitarji, sabiex jitnaqqas in-numru ta’ riżultati miksuba u sabiex tiġi limitata l-produzzjoni ta’ dokumenti interni identifikati. Dan kellu l-effett li jitnaqqas in-numru ta’ dokumenti li jinkludu data personali, jiġifieri dokumenti protetti, fis-sens tad-deċiżjoni ta’ emenda, li r-rikorrenti kienet obbligata tipproduċi. Fl-aħħar, hekk kif jirriżulta mill-premessa 3 ta’ din l-aħħar deċiżjoni, l-għan tal-proċedura tal-kamra virtwali tad-data huwa li jiġu inklużi fil-fajl biss id-dokumenti protetti li fir-rigward tagħhom ikun ġie stabbilit, wara eżami f’tali kamra, li dawn huma effettivament rilevanti għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ssostnix li d-deċiżjoni kkontestata tippreġudika l-kontenut essenzjali tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Karta.

217

Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-punt 9(o) u (p) tal-Anness I.A tad-deċiżjoni kkontestata, id-dokumenti protetti għandhom jiġu trażmessi lill-Kummissjoni b’mod separat mid-dokumenti l-oħra mitluba, fuq mezz elettroniku separat. Minn barra dan, il-kamra virtwali tad-data li fiha dawn id-dokumenti sussegwentement jitqiegħdu tkun aċċessibbli biss għal numru kemm jista’ jkun limitat possibbli ta’ membri tat-tim inkarigat mill-investigazzjoni, fil-preżenza virtwali jew fiżika ta’ numru ekwivalenti ta’ avukati tar-rikorrenti. L-avukati tar-rikorrenti għandhom ukoll il-possibbiltà li jikkummentaw fuq id-dokumenti meqjusa bħala rilevanti mill-membri tat-tim responsabbli mill-investigazzjoni qabel ma huma jinkluduwhom fil-fajl. B’mod addizzjonali, il-punt 9(o) tal-Anness I.A tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil dwar il-klassifikazzjoni ta’ dokument, l-avukati tar-rikorrenti jkollhom id-dritt jispjegaw ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ qbil tagħhom, li, jekk jippersisti, jagħti d-dritt lir-rikorrenti li titlob arbitraġġ lid-Direttur responsabbli għall-Informazzjoni, il-Komunikazzjoni u l-Midja fi ħdan id-DĠ tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni. Il-punt 9(p) tal-Anness 1.A tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi wkoll li d-dokumenti protetti jistgħu jiġu trażmessi lill-Kummissjoni f’forma redatta billi jitneħħew l-ismijiet tal-persuni kkonċernati u kull informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tagħhom u li huwa fuq talba tal-Kummissjoni biss, iġġustifikata mill-bżonnijiet tal-investigazzjoni, li d-dokumenti protetti li jkunu ġew trażmessi f’forma redatta għandhom jiġu trażmessi lilha fil-verżjoni sħiħa u mhux redatta tagħhom.

218

Għaldaqstant, il-miżuri previsti fil-punt 9(o) u (p) tal-Anness I.A tad-deċiżjoni kkontestata ma jeċċedux dak li huwa neċessarju għall-finijiet tal-għanijiet imfittxija mid-deċiżjoni kkontestata u l-iżvantaġġi tagħhom ma humiex sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 200 iktar ’il fuq.

219

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tipprevedi l-proċedura tal-kamra virtwali tad-data, ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali li hija tfittex, jiġifieri li tikkontribwixxi għaż-żamma tas-sistema ta’ kompetizzjoni mixtieqa mit-Trattati, li l-osservanza tagħha hija imperattiva għall-impriżi.

220

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti intiżi li jiġi identifikat approċċ iktar proporzjonat li seta’ ġie adottat fid-deċiżjoni kkontestata, permezz ta’ miżuri differenti jew ta’ miżuri addizzjonali. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kien imissha ppermettiet lill-avukati tagħha jivverifikaw ir-rilevanza għall-investigazzjoni tad-dokumenti mitluba minnha u jidentifikaw u jiddeskrivu, f’dokument ipprovdut lilha, id-dokumenti li fihom data personali sensittiva, mingħajr ma jiġu trażmessi dawn id-dokumenti nfushom. Il-Kummissjoni setgħet ukoll, jew saħansitra kellha, tikseb il-kunsens tal-persuni kkonċernati qabel il-komunikazzjoni tad-dokumenti inkwistjoni.

221

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-intervent tal-avukati tar-rikorrenti sabiex tiġi evalwata r-rilevanza tad-dokumenti mitluba, minn naħa, huwa mfakkar fil-punt 113 iktar ’il fuq li hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa jekk informazzjoni hijiex neċessarja sabiex hija tkun tista’ tidentifika ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, hekk kif ġustament isostnu l-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jekk l-impriża suġġetta għall-investigazzjoni, jew l-avukati tagħha, setgħu huma stess jiddeterminaw liema dokumenti kienu, fil-fehma tagħhom, rilevanti għall-investigazzjoni tagħha, dan ikun jippreġudika b’mod serju s-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni, bir-riskju li d-dokumenti li jistgħu jkunu rilevanti jiġu esklużi u qatt ma jiġu ppreżentati lilha, u dan fl-assenza ta’ kull possibbiltà ta’ verifika.

222

Fir-rigward tal-kisba tal-kunsens tas-suġġetti tad-data għat-trażmissjoni lill-Kummissjoni tad-dokumenti protetti, minn naħa, hekk kif imfakkar fil-punti 189 u 190 iktar ’il fuq, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2016/679 jipprevedi li l-ipproċessar ta’ data personali jkun legali meta mill-inqas waħda mis-sitt kundizzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu tkun issodisfatta. Issa, l-ipproċessar tad-data personali involut fil-produzzjoni tad-dokumenti mitluba mill-Kummissjoni huwa leġittimu sa fejn dan huwa neċessarju għall-osservanza ta’ obbligu legali li għalih hija suġġetta r-rikorrenti, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament 2016/679. Konsegwentement, il-kunsens tal-persuni li d-data personali tagħhom hija pproċessata ma huwiex meħtieġ taħt l-Artikolu 6(1)(a) tal-imsemmi regolament. Min-naħa l-oħra, tali kunsens ma huwiex, taħt l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament 2018/1725, kundizzjoni għall-legalità tal-ipproċessar ta’ data mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-twettiq ta’ kompitu ta’ interess pubbliku jew li jaqa’ taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika mogħtija lilha, fatt li huwa l-każ fir-rigward ta’ investigazzjoni bbażata fuq ir-Regolament Nru 1/2003.

223

Konsegwentement, ir-rikorrenti, permezz tal-argumenti tagħha, ma tidentifikax miżuri inqas vinkolanti li l-Kummissjoni kien imissha adottat. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

– Fuq l‑esklużjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ dokumenti mill‑proċedura tal‑kamra virtwali tad‑data

224

Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma inkludietx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura tal-kamra virtwali tad-data d-dokumenti li kienu marbuta mal-attivitajiet kummerċjali tagħha u li kien fihom ukoll data personali sensittiva. Dan il-fatt imur kontra l-prinċipju li r-rispett tal-ħajja privata japplika wkoll fir-rigward tal-korrispondenza mibgħuta minn post tax-xogħol u fil-kuntest ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali. Ir-rikorrenti tidentifika tmien dokumenti li jistgħu jaqgħu taħt din il-kategorija.

225

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u ssostni li hija ddefinixxiet u ddelimitat il-proċedura tal-kamra virtwali tad-data b’mod konformi mad-dispożittiv tad-digriet tad‑29 ta’ Ottubru 2020, Facebook Ireland vs Il‑Kummissjoni (T‑451/20 R, mhux ippubblikat, EU:T:2020:515).

226

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-kwistjoni dwar jekk dokument li jinkludi data personali sensittiva għandux jew le rabta mal-attivitajiet kummerċjali tar-rikorrenti, b’tali mod li għandu jew le li jiġi pproċessat skont il-proċedura tal-kamra virtwali tad-data, hija konkretament evalwata fl-ewwel lok mir-rikorrenti. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li tivverifika l-evalwazzjoni tar-rikorrenti f’dan ir-rigward qabel ma tikkonsulta d-dokument inkwistjoni, kemm jekk fil-kuntest tal-proċedura tal-kamra virtwali tad-data kif ukoll jekk barra minnu. Hija tista’ biss tissanzjona ulterjorment in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi tar-rikorrenti.

227

Skont ir-rikorrenti, wieħed mid-dokumenti inkwistjoni jinkludi opinjonijiet politiċi personali [kunfidenzjali], flimkien ma’ informazzjoni dwar l-attivitajiet kummerċjali tagħha. Għandu jiġi kkonstatat li dan id-dokument huwa posta elettronika li fiha membru tal-persunal tar-rikorrenti [kunfidenzjali] jindika li attenda għal kolazzjon ta’ filgħodu organizzat minn [kunfidenzjali] u fiha huwa jesprimi l-appoġġ tiegħu [kunfidenzjali] fid-dawl ta’ elezzjoni futura. Madankollu, ir-rikorrenti ma identifikatx l-informazzjoni relatata mal-attivitajiet kummerċjali tagħha li dan id-dokument jinkludi u tali informazzjoni ma tirriżultax minn dan id-dokument. Minn dan id-dokument lanqas ma jirriżulta li l-awtur kien jipparteċipa fl-avveniment inkwistjoni fil-kapaċità tiegħu ta’ membru tal-persunal [kunfidenzjali] tar-rikorrenti. Għaldaqstant, ma huwiex stabbilit li dan id-dokument jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura tal-kamra virtwali tad-data.

228

Fir-rigward tad-dokumenti l-oħra invokati mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat dan li ġej.

229

Fost dawn id-dokumenti, ir-rikorrenti tidentifika erbgħa li jirrigwardaw ir-riżorsi umani tagħha, b’mod partikolari evalwazzjonijiet, mard jew ilmenti, u li jinkludu skambji allegatament personali ħafna bejn [kunfidenzjali] dwar il-ħbieb u l-familja tagħhom, flimkien ma’ informazzjoni dwar l-attivitajiet kummerċjali tagħha.

230

L-ewwel dokument huwa posta elettronika mibgħuta minn [kunfidenzjali] lil kollegi, li fiha huwa jiddeskrivi problemi parentali marbuta ma’ wliedu adoloxxenti u li tinkludi aneddot personali mingħand persuna oħra relatat mal-istess problema. Ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li din il-posta elettronika kienet tinkludi data li taqa’ taħt dik prevista fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament 2016/679 u fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament 2018/1725.

231

L-istess japplika għat-tieni dokument, li jikkonsisti f’evalwazzjoni, minn membru tal-persunal tar-rikorrenti, tal-livell ta’ prestazzjoni tiegħu stess. Fil-fatt, l-unika informazzjoni personali invokata mir-rikorrenti hija x-xewqa espressa mis-suġġett tad-data li jivvjaġġa iktar kif ukoll l-espressjoni tal-perspettiva, minn natura tagħha suġġettiva, ta’ dan is-suġġett tad-data fuq il-ħajja privata ta’ persuna oħra, u dan mingħajr riferiment għal data jew għal fatti preċiżi.

232

Bl-istess mod, fit-tielet dokument, li huwa skambju ta’ posta elettronika [kunfidenzjali], persuna tqis li impjegat ieħor għandu jesprimi b’iktar saħħa l-fehmiet tiegħu dwar kwistjoni ta’ natura professjonali marbuta mal-attivitajiet tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti ma urietx li dan id-dokument kien jinkludi data li taqa’ taħt dik prevista fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament 2016/679 u fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament 2018/1725.

233

Fl-aħħar, ir-rikorrenti lanqas ma identifikat tali data fir-raba’ dokument, li huwa l-curriculum vitae ta’ kandidat għal impjieg magħha.

234

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq żewġ dokumenti li jirrigwardaw l-attivitajiet tagħha u dawk imwettqa minn [kunfidenzjali] fuq kwistjonijiet politiċi mhux relatati mas-suġġett tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

235

L-ewwel dokument huwa skambju ta’ posta elettronika bejn membri tal-persunal tar-rikorrenti [kunfidenzjali] sabiex jiġu diskussi, b’mod partikolari, kwistjonijiet ta’ natura kummerċjali relatati ma’ attivitajiet ekonomiċi fi Stat partikolari. Madankollu, f’dan l-iskambju r-rikorrenti ma identifikatx data li taqa’ taħt dik prevista fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament 2016/679 u fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament 2018/1725.

236

Ir-rikorrenti lanqas ma identifikat tali data fit-tieni dokument, imħejji minn [kunfidenzjali], li jistabbilixxi l-attivitajiet ta’ din tal-aħħar fir-rigward ta’ kwistjonijiet politiċi mhux relatati mas-suġġett tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

237

Ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq l-aħħar dokument, li jirreferi għal diskussjonijiet bejn ir-rappreżentanti tagħha u politiċi dwar kwistjonijiet bħalma huma l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-prevenzjoni tal-kriminalità. Għandu jiġi kkonstatat li dan id-dokument huwa, hekk kif tallega r-rikorrenti, posta elettronika interna li tinkludi sunt ta’ diskussjoni madwar mejda, li fiha pparteċipaw uħud mir-rappreżentanti tagħha, iddedikata għall-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal. Din il-posta elettronika kienet tinkludi stqarrija uffiċjali ta’ organizzazzjoni li tipparteċipa f’din il-ġlieda kif ukoll estratti minn stqarrijiet ta’ korpi governattivi wkoll involuti f’din il-ġlieda. Ir-rikorrenti ma stabbilixxietx l-eżistenza, f’din il-posta elettronika, ta’ data prevista fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament 2016/679 u fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament 2018/1725.

238

Fl-aħħar, mis-sempliċi adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ emenda r-rikorrenti ma tistax tiddeduċi li l-produzzjoni ta’ dokumenti li jinkludu data personali li ma kinux ġew eżaminati fil-kuntest tal-proċedura tal-kamra virtwali tad-data kienet tikser id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tagħha u ta’ dik tas-suġġetti tad-data.

239

Minn dan isegwi li l-ilmenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

– Fuq l‑ammont sproporzjonat ta’ xogħol impost mill‑kamra virtwali tad‑data

240

Ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tat-terminu sabiex tipproduċi d-dokumenti inkwistjoni, il-proċedura tal-kamra virtwali tad-data timponi fuqha ammont sproporzjonat ta’ xogħol meta mqabbel mal-bżonnijiet tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Fil-fatt, il-bżonnijiet ta’ din il-proċedura jkunu jwasslu sabiex ikollha tirrediga madwar [kunfidenzjali] dokumenti, li jistgħu jkunu irrilevanti, mid-data personali kontenzjuża inkluża fihom.

241

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

242

Għandu jiġi rrilevat li l-punt 9(p) tal-Anness I.A tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi li “[i]d-dokumenti protetti jistgħu jiġu trażmessi lill-Kummissjoni f’forma redatta, billi jitneħħew l-ismijiet tas-suġġetti tad-data u kull informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tagħhom”.

243

Minn dan isegwi li r-redazzjoni tal-ismijiet tas-suġġetti tad-data hija possibbiltà offruta lir-rikorrenti, iżda ma hijiex imposta fuqha, b’tali mod li hija tista’ ma tagħmilhiex. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax issostni b’mod utli li d-deċiżjoni kkontestata timponi fuqha ammont ta’ xogħol sproporzjonat f’dan ir-rigward.

244

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma wriet ebda illegalità li tivvizzja l-proċedura tal-kamra virtwali tad-data prevista fil-punt9(o) u (p) tal-Anness I.A tad-deċiżjoni kkontestata.

iii) Fuq l‑assenza ta’ bbilanċjar bejn il‑bżonnijiet tal‑investigazzjoni u l‑protezzjoni tad‑drittijiet tar‑rikorrenti

245

Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma bbilanċjatx in-neċessità li tinġabar informazzjoni għall-bżonnijiet tal-investigazzjoni tagħha man-neċessità li jiġi protett id-dritt tagħha għar-rispett tal-ħajja privata u dak tas-suġġetti tad-data. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, tali bbilanċjar kien imissu wassal lill-Kummissjoni sabiex ma teżiġix il-produzzjoni tad-dokumenti kollha li jikkorrispondu għall-applikazzjoni tat-termini ta’ tfittxija msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, minkejja li hija kienet uriet lill-Kummissjoni li numru ta’ dokumenti kienu irrilevanti għall-investigazzjoni tagħha.

246

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

247

F’dan il-każ, mill-premessi 17 sa 26 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, wara d-deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni tal‑11 ta’ Novembru 2019 u bi tweġiba għal talba tar-rikorrenti tal‑20 ta’ Novembru 2019 intiża sabiex il-Kummissjoni tirrevedi n-numru ta’ termini ta’ tfittxija u ta’ depożitarji msemmija f’din it-talba għal informazzjoni, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ddiskutew, b’mod partikolari, dwar id-delimitazzjoni tal-informazzjoni mitluba. B’hekk, fis‑6 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti tikkomunikalha n-numru ta’ riżultati għal kull terminu ta’ tfittxija applikat u għal kull depożitarju, sabiex hija tkun tista’ tivverifika jekk kienx hemm lok li jiġu emendati t-termini ta’ tfittxija jew il-lista tad-depożitarji. Issa, hekk kif jirriżulta mill-premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li kien xieraq li temenda d-deċiżjoni tal‑11 ta’ Novembru 2019, b’mod partikolari sabiex jitnaqqsu n-numru ta’ termini ta’ tfittxija, il-lista tad-depożitarji u n-numru ta’ riżultati sussegwenti u sabiex tiġi limitata l-produzzjoni ta’ dokumenti interni.

248

Għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqqset b’mod sinjifikattiv in-numru ta’ termini ta’ tfittxija li hija kienet talbet l-applikazzjoni tagħhom kif ukoll in-numru ta’ depożitarji kkonċernati, fejn dan in-numru naqas minn 58 fid-deċiżjoni tal‑11 ta’ Novembru 2019 għal 3, numru li r-rikorrenti tikklassifika hija stess bħala “żgħir”, fid-deċiżjoni kkontestata. Dan it-tnaqqis, mhux ikkontestat mir-rikorrenti, neċessarjament kellu bħala konsegwenza li jitnaqqas in-numru ta’ dokumenti li kellhom, jekk ikun il-każ, jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni. It-tnaqqis tan-numru ta’ depożitarji u n-numru tagħhom finalment imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxu indizji ta’ bbilanċjar mill-Kummissjoni bejn il-bżonnijiet tal-investigazzjoni tagħha u d-drittijiet tar-rikorrenti u tal-persuni li d-data personali tagħhom tista’ tkun tidher fl-informazzjoni mitluba abbażi tad-deċiżjoni kkontestata.

249

Barra minn hekk, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni, imfakkra fil-punti 43 u 112 sa 114 iktar ’il fuq, fir-rigward tal-informazzjoni li hija tista’ titlob li tiġi prodotta permezz ta’ talba, il-fatt li dokumenti jistgħu finalment jirriżultaw irrilevanti għall-investigazzjoni ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita n-natura sproporzjonata jew mhux iġġustifikata ta’ talba għal informazzjoni, u lanqas assenza ta’ bbilanċjar bejn il-bżonnijiet tal-investigazzjoni u d-drittijiet tar-rikorrenti u tal-persuni li d-data personali tagħhom tkun tista’ tidher fl-informazzjoni mitluba skont id-deċiżjoni kkontestata.

250

Fl-aħħar, sa fejn ir-rikorrenti tinvoka s-sentenza tal-Qorti EDB tat‑2 ta’ April 2015, Vinci Construction u GTM Génie Civil et Services vs Franza (CE:ECHR:2015:0402JUD006362910), huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dik il-kawża kienet tikkonċerna l-possibbiltà li jintalab stħarriġ effettiv tal-osservanza tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukat u l-klijent tiegħu waqt operazzjonijiet ta’ spezzjoni. Issa, f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata ma tipprevedix il-produzzjoni lill-Kummissjoni tal-kontenut tal-komunikazzjonijiet bejn ir-rikorrenti, jew kwalunkwe persuna oħra, u l-avukati tagħha.

251

Għaldaqstant, għandu jitqies li r-rikorrenti ma wrietx li d-deċiżjoni kkontestata kienet tirriżulta minn nuqqas ta’ bbilanċjar bejn il-bżonnijiet tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni u l-protezzjoni tad-dritt tagħha għar-rispett tal-ħajja privata tagħha u dak tas-suġġetti tad-data.

5) Fuq in‑natura inadegwata jew insuffiċjenti tas‑sigriet professjonali

252

Ir-rikorrenti ssostni li s-sigriet professjonali impost fuq l-aġenti tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 339 TFUE u l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1/2003, minn naħa, ma jagħtihomx dritt ta’ aċċess illimitat għad-data personali kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, ma joffrix, fih innifsu, garanziji suffiċjenti li jippermettu li tiġi protetta b’mod effettiv il-ħajja privata tas-suġġetti tad-data u d-data personali tagħhom.

253

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li dokumenti mhux rilevanti għall-investigazzjoni jistgħu jintużaw għal finijiet illeġittimi, bħalma huma t-twessiegħ tal-kuntest tal-investigazzjoni attwali jew il-ftuħ ta’ investigazzjoni oħra, jew saħansitra jistgħu jiġu jixxerdu lil hinn miċ-ċirku ristrett tal-aġenti tal-Kummissjoni inkarigati mill-investigazzjoni. Dawn id-dokumenti jistgħu jiġu trażmessi lil terzi bi tweġiba għal talbiet eventwali ta’ aċċess għall-fajl jew jistgħu jsiru awtomatikament komunikabbli lil qrati. Ir-rikorrenti tista’ wkoll tiġi obbligata tittrażmetti dawn id-dokumenti lill-persuni li jkunu ressqu proċeduri legali kontriha quddiem il-qrati tal-Istati Uniti tal-Amerika. Id-data personali kontenzjuża tista’ għalhekk tiġi trażmessa lil diversi persuni li ma humiex parti mill-Kummissjoni, bi ksur tad-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata tas-suġġetti tad-data.

254

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

255

Għandu jitfakkar li l-uffiċjali u l-aġenti tal-Kummissjoni huma suġġetti għal obbligi stretti ta’ sigriet professjonali skont l-Artikolu 339 TFUE u l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1/2003. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprojbixxu lill-uffiċjali tal-Kummissjoni milli jiżvelaw informazzjoni koperta mis-sigriet professjonali miksuba bi tweġiba għal talba għal informazzjoni jew milli jużawha għal finijiet differenti minn dawk li għalihom din tkun inkisbet. Barra minn hekk, l-uffiċjali u l-aġenti tal-Kummissjoni huma marbuta bl-Artikolu 17 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, li jipprojbixxilhom, inkluż wara t-tmiem tal-funzjonijiet tagħhom, “kull żvelar mhux awtorizzat ta’ l-informazzjoni riċevuta waqt il-qadi ta’ dmirijiet[hom], sakemm dik l-informazzjoni mhux diġà magħmula pubblika jew hija aċċessibbli għall-pubbliku.”

256

La l-Artikolu 339 TFUE u lanqas l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1/2003 ma jindikaw espliċitament liema informazzjoni, minbarra s-sigriet tan-negozju, hija koperta bis-sigriet professjonali. Issa, mill-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jistax jiġi dedott li dan ikun il-każ fir-rigward tal-informazzjoni kollha miġbura b’applikazzjoni tal-imsemmi regolament, bl-eċċezzjoni ta’ dik li l-pubblikazzjoni tagħha hija obbligatorja bis-saħħa tal-Artikolu 30 tagħha. Fil-fatt, bħall-Artikolu 339 TFUE, l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1/2003, li jikkompleta u jimplimenta din id-dispożizzjoni tad-dritt primarju fil-qasam tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi, jipprekludi biss l-iżvelar ta’ informazzjoni li, min-natura tagħha, tkun koperta bis-sigriet professjonali (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2015, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, T‑345/12, EU:T:2015:50, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

257

Is-sigriet professjonali jinkludi, minbarra s-sigriet tan-negozju, l-informazzjoni li tkun magħrufa biss minn numru limitat ta’ persuni u li l-iżvelar tagħha jista’ jikkawża dannu serju lill-persuna li tkun ipprovdietha jew lil terzi. Fl-aħħar, huwa neċessarju li l-interessi li jistgħu jiġu leżi permezz tal-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni jkunu oġġettivament jixirqilhom protezzjoni (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, Pilkington Group vs Il‑Kummissjoni, T‑462/12, EU:T:2015:508, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

258

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument tar-rikorrenti li s-sigriet professjonali impost fuq l-aġenti tal-Kummissjoni ma jagħtihomx dritt ta’ aċċess illimitat għad-data personali kontenzjuża, huwa mfakkar fil-punt 192 iktar ’il fuq li, skont l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament 2018/1725, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu legalment jipproċessaw data personali meta dan ikun neċessarju għat-twettiq ta’ kompitu ta’ interess pubbliku jew li jaqa’ taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika mogħtija lill-istituzzjoni jew lill-korp tal-Unjoni.

259

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argument li l-obbligi fil-qasam tas-sigriet professjonali ma jikkostitwixxux garanziji suffiċjenti ta’ protezzjoni effettiva tal-ħajja privata tas-suġġetti tad-data u tad-data personali tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li dan ma huwiex sostnut u li xejn ma jippermetti li jiġi preżunt, a priori, li l-Kummissjoni ser tonqos milli tiżgura, fil-mument opportun, l-osservanza tal-obbligi tagħha u ta’ dawk tal-aġenti tagħha skont l-Artikolu 339 TFUE, l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 17 tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 1991, SEP vs Il‑Kummissjoni, T‑39/90, EU:T:1991:71, punt 58).

260

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-argument ibbażat fuq riskju ta’ użu tad-dokumenti miġbura għal finijiet allegatament illeġittimi, bħalma huma t-twessiegħ tal-kuntest tal-investigazzjoni attwali jew il-ftuħ ta’ investigazzjoni oħra, hemm lok li jitfakkru ż-żewġ prinċipji li ġejjin. Minn naħa, l-obbligi imposti fuq l-aġenti tal-Kummissjoni bis-saħħa tal-Artikolu 339 TFUE u l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1/2003 jipprekludu l-użu tal-informazzjoni miġbura bi tweġiba għal talba għal informazzjoni għal finijiet differenti minn dawk li għalihom din tkun inkisbet. Min-naħa l-oħra, talba għal informazzjoni hija intiża li tippermetti lill-Kummissjoni tikseb l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni neċessarja sabiex tivverifika r-realtà u l-portata ta’ sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt speċifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il‑Kummissjoni, C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 37), bla ħsara għall-possibbiltà għall-Kummissjoni li tiżviluppa l-portata tal-investigazzjoni tagħha wara l-informazzjoni miġbura.

261

Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkonfermat, fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni adottata wara dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li kien inerenti għall-proċedura amministrattiva ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat li l-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li tibgħat talbiet għal informazzjoni addizzjonali wara li tintbagħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bil-għan, jekk ikun il-każ, li jiġu rtirati ċertu lmenti jew li jiżdiedu oħrajn ġodda magħha (sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑191/98 u T‑212/98 sa T‑214/98, EU:T:2003:245, punt 121, u tad‑9 ta’ April 2019, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑371/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:232, punt 76).

262

Fid-dawl tad-diviżjoni f’żewġ fażijiet distinti u suċċessivi tal-proċedura amministrattiva taħt ir-Regolament Nru 1/2003, imfakkra fil-punt 159 iktar ’il fuq, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti japplikaw iktar u iktar fir-rigward tal-adozzjoni, bħal f’dan il-każ, ta’ deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, qabel l-adozzjoni ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-fażi preliminari hija intiża li tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor l-elementi kollha rilevanti li jikkonfermaw jew le l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u tieħu l-ewwel pożizzjoni fuq id-direzzjoni kif ukoll fuq is-segwitu tal-proċedura.

263

Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka b’mod utli allegat riskju li ċerti dokumenti prodotti bi tweġiba għad-deċiżjoni kkontestata jintużaw mill-Kummissjoni sabiex twessa’ l-portata tal-investigazzjoni attwali jew sabiex tiftaħ investigazzjoni oħra.

264

Fir-rigward, fir-raba’ lok, tal-argumenti tar-rikorrenti li dokumenti mhux rilevanti għall-investigazzjoni jew li jinkludu data bħad-data personali kontenzjuża jistgħu jixxerdu b’mod iktar wiesa’ barra mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti jirrigwardaw sitwazzjonijiet ipotetiċi, bħal talbiet eventwali għal aċċess għall-fajl minn terzi u l-komunikazzjoni allegatament awtomatika ta’ dokumenti lil qrati, u li dawn ma humiex sostnuti.

265

Mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 200 sa 264 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li d-deċiżjoni kkontestata kienet tikkostitwixxi ndħil mhux iġġustifikat fil-ħajja privata tagħha jew f’dik ta’ membri tal-persunal tagħha jew ta’ persuni oħra. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

b)   Fuq it‑tieni parti tat‑tielet motiv, ibbażata fuq ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità

266

Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Hija ssostni li l-ksur ta’ dan il-prinċipju jirriżulta, l-ewwel, mill-obbligu impost fuqha li tipproduċi, fil-kuntest tal-kamra virtwali tad-data, dokumenti li jinkludu data personali sensittiva, it-tieni, mill-obbligu li tipproduċi, fl-istess kuntest, dokumenti li jinkludu kemm data ta’ natura kummerċjali kif ukoll data personali, it-tielet, mill-eżistenza ta’ metodi li jipproteġu aħjar il-ħajja privata tal-persuni minn dak tal-kamra virtwali tad-data sabiex tiġi evalwata r-rilevanza tad-dokumenti protetti u, ir-raba’, mill-inadegwatezza u mill-ineffettività tal-possibbiltà ta’ anonimizzazzjoni tad-dokumenti inkwistjoni.

267

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

268

Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li l-atti tal-istituzzjonijiet ma għandhomx jeċċedu l-limiti ta’ dak li jkun adatt u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, filwaqt li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (ara, f’dan is-ssens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, EU:C:1990:391, punt 13, u tal‑14 ta’ Lulju 2005, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑180/00, EU:C:2005:451, punt 103).

269

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li t-talbiet għal informazzjoni indirizzati mill-Kummissjoni lil impriża għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità u li l-obbligu impost fuq impriża li tipprovdi informazzjoni ma għandux jirrappreżenta għaliha piż sproporzjonat meta mqabbel man-neċessitajiet tal-investigazzjoni (sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1991, SEP vs Il‑Kummissjoni, T‑39/90, EU:T:1991:71, punt 51; tal‑14 ta’ Marzu 2014, Cementos Portland Valderrivas vs Il‑Kummissjoni, T‑296/11, EU:T:2014:121, punt 86; u tad‑9 ta’ April 2019, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑371/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:232, punti 120121).

270

F’dan il-każ, minn naħa, ir-rikorrenti invokat in-natura manifestament sproporzjonata tal-ammont ta’ xogħol involut mit-tweġiba għad-deċiżjoni kkontestata biss b’rabta mar-redazzjoni tad-dokumenti li għalihom kienet tapplika l-proċedura tal-kamra virtwali tad-data. Issa, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 243 iktar ’il fuq, ir-redazzjoni tal-ismijiet tas-suġġetti tad-data hija possibbiltà offruta lir-rikorrenti, iżda ma hijiex imposta fuqha, b’tali mod li hija tista ma tirrikorrix għaliha u li hija ma hijiex iġġustifikata tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità f’dan ir-rigward. Fir-rigward tal-allegata inadegwatezza tal-anonimizzazzjoni minħabba n-numru żgħir ta’ depożitarji kkonċernati, fatt li jirrendi faċli l-identifikazzjoni tagħhom f’dokument partikolari, għandu jitfakkar li n-numru żgħir ta’ depożitarji kkonċernati jikkostitwixxi indizju tal-osservanza tal-prinċipju ta’ neċessità tal-informazzjoni mitluba, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1/2003, u tal-ibbilanċjar bejn il-bżonnijiet tal-investigazzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tar-rikorrenti.

271

Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tinvoka l-possibbiltà, li tista’ tikkostitwixxi alternattiva għall-kamra virtwali tad-data prevista fid-deċiżjoni kkontestata, li tidentifika u tiddeskrivi, f’dokument li jiġi trażmess lill-Kummissjoni, id-dokumenti li fihom data personali sensittiva, mingħajr ma tittrażmetti dawn id-dokumenti stess. Fil-fehma tagħha, din il-prattika tkun tippermetti li jiġi evitat, l-ewwel, li l-aġenti tal-Kummissjoni jkollhom aċċess għad-data personali inkwistjoni billi jikkonsultaw id-dokumenti fil-kamra virtwali tad-data u, it-tieni, li jkollha tirrediga dawn id-dokumenti mid-data personali sensittiva li dawn ikun fihom qabel ma tittrażmettihom lill-Kummissjoni.

272

Issa, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 219 iktar ’il fuq, il-proċedura tal-kamra virtwali tad-data stabbilita f’dan il-każ ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali li hija tfittex, fid-dawl tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tar-rikorrenti u tas-suġġetti tad-data, hekk kif protett mill-Artikolu 7 tal-Karta.

273

Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-punt 238 iktar ’il fuq, il-produzzjoni ta’ dokumenti li jinkludu data personali li ma ġewx eżaminati fil-kuntest tal-proċedura tal-kamra virtwali tad-data ma tikkostitwixxix ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tar-rikorrenti u tas-suġġetti tad-data.

274

Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxietx ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, b’mod li t-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda

c)   Fuq it‑tielet parti tat‑tielet motiv, ibbażata fuq ksur tad‑dritt għal amministrazzjoni tajba

275

Ir-rikorrenti ssostni li l-assenza ta’ verifika tar-rilevanza tad-dokumenti mitluba skont id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi ksur manifest tad-dritt tagħha għal amministrazzjoni tajba. F’dan ir-rigward, hija tfakkar li d-deċiżjoni kkontestata timponilha tikkomunika lill-Kummissjoni numru ta’ dokumenti irrilevanti għall-investigazzjoni tagħha jew li fihom data personali, uħud minnha sensittiva.

276

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

277

Għandu jitfakkar li l-premessa 37 tar-Regolament Nru 1/2003 tippreċiża li dan ir-regolament “jirrispetta id-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji magħrufin b’mod partikolari mil-[Karta]” u li dan “għandu jiġi interpretat u applikat b’rispett ghal dawk id-drittijiet u il-prinċipji”.

278

L-Artikolu 41 tal-Karta, li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE, għandha l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati, bit-titolu “Id-dritt għal amministrazzjoni tajba”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[k]ull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni”.

279

Skont il-ġurisprudenza dwar il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fost il-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hemm, b’mod partikolari, l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’attenzjoni u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14, u tat‑30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, EU:T:2003:245, punt 404).

280

Għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti fit-tweġiba tagħha għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, l-argumenti mressqa insostenn ta’ din il-parti jikkoinċidu fis-sustanza tagħhom ma’ dawk imressqa insostenn tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, li huma stess jikkoinċidu parzjalment ma’ dawk invokati insostenn tat-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ neċessità, u tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv.

281

Peress li dawn l-argumenti kollha diġà ġew miċħuda, għandu jitqies li r-rikorrenti ma wrietx li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet eżami diliġenti u imparzjali tal-każ inkwistjoni. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata bi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

282

Għalhekk, it-tielet parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda, u, għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

283

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

V. Fuq l‑ispejjeż

284

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

285

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li jintervjenu f’kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għalhekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il‑Ħames Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Meta Platforms Ireland Ltd hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

 

3)

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

 

Papasavvas

Spielmann

Mastroianni

Brkan

Gâlea

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑24 ta’ Mejju 2023.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( 1 ) data kunfidenzjali redatta.

Top