EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TJ0296

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tat-18 ta’ Mejju 2022 (Estratti).
Amer Foz vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi – Żball ta’ evalwazzjoni – Proporzjonalità – Dritt għall-proprjetà – Dritt għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika – Użu ħażin ta’ poter – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal smigħ xieraq – Determinazzjoni tal-kriterji ta’ inklużjoni.
Kawża T-296/20.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2022:298

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

18 ta’ Mejju 2022 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi – Żball ta’ evalwazzjoni – Proporzjonalità – Dritt għall-proprjetà – Dritt għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika – Użu ħażin ta’ poter – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal smigħ xieraq – Determinazzjoni tal-kriterji ta’ inklużjoni”

Fil-Kawża T‑296/20,

Amer Foz, residenti f’Dubai (L-Emirati Għarab Magħquda), irrappreżentat minn L. Cloquet, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn T. Haas u M. Bishop, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni, President, L. Madise u J. Martín y Pérez de Nanclares (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: M. Zwozdziak-Carbonne, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:

–        ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Mejju 2020,

–        l-ewwel nota ta’ adattament ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ Awwissu 2020,

–        ir-risposta flimkien mal-osservazzjonijiet dwar l-ewwel nota ta’ adattament ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Ottubru 2020,

–        ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Novembru 2020,

–        il-kontroreplika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑3 ta’ Frar 2021,

–        it-tieni nota ta’ adattament ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Awwissu 2021,

–        l-osservazzjonijiet fuq it-tieni nota ta’ adattament ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Settembru 2021,

wara s-seduta tat‑2 ta’ Diċembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

1        Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrent, Amer Foz, jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/212 tas‑17 ta’ Frar 2020 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2020, L 43 I, p. 6), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/211 tas‑17 ta’ Frar 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2020, L 43 I, p. 1), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/719 tat‑28 ta’ Mejju 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2020, L 168, p. 66), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/716 tat‑28 ta’ Mejju 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2020, L 168, p. 1), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/855 tas‑27 ta’ Mejju 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2021, L 188, p. 90), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/848 tas‑27 ta’ Mejju 2021 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2021, L 188, p. 18), inkwantu dawn l-atti jinkludu u jżommu ismu fil-listi annessi ma’ dawn l-atti.

 Ilfatti li wasslu għallkawża u lfatti sussegwenti għallpreżentata tar-rikors

[omissis]

12      Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2020/212 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/211 (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, l-“atti inizjali”), isem ir-rikorrent ġie miżjud fil-linja 291 tal-lista li tinsab fit-Taqsima A tal-Anness I (Persuni) tad-Deċiżjoni 2013/255 u miżjud fil-linja 291 tal-lista li tinsab fit-Taqsima A tal-Anness II (Persuni) tar-Regolament Nru 36/2012 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“listi inkwistjoni”).

13      Minn naħa, l-“informazzjoni ta’ identifikazzjoni” inkluża fil-listi inkwistjoni ssemmi li r-rikorrent huwa ta’ sess maskili, għandu, b’mod partikolari, in-nazzjonalità Sirjana u twieled fil‑11 ta’ Marzu 1976. Barra minn hekk, il-kariga tiegħu hija deskritta bħala “Maniġer Ġenerali ta’ ASM International General Trading, LLC”. Fl-aħħar, “Samer Foz […]; Aman Holding [(Aman Dimashq JSC)]” u “ASM International General Trading LLC” jissemmew fihom taħt “[q]raba/soċji kummerċjali/entitajiet jew sħab/konnessjonijiet” tar-rikorrent.

14      Min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni huma fformulati kif ġej:

“Negozjant ewlieni b’interessi u attivitajiet personali u familjari f’diversi setturi tal-ekonomija Sirjana, inkluż permezz ta’ Aman Holding (qabel magħruf bħala l-Aman Group). Permezz ta’ Aman Holding, huwa jibbenefika finanzjarjament mill-aċċess għal opportunitajiet kummerċjali u jappoġġa lir-reġim ta’ Assad, inkluż permezz tal-involviment fl-iżvilupp ta’ Marota City li huwa appoġġat mir-reġim. Mill‑2012 ’l hawn, kien ukoll Maniġer Ġenerali ta’ ASM International [General] Trading LLC.

Huwa assoċjat ukoll ma’ ħuh Samer Foz, li ġie ddeżinjat mill-[Unjoni Ewropea] minn Jannar 2019 bħala negozjant ewlieni li jopera fis-Sirja u li jappoġġa jew jibbenefika mir-reġim.”

[omissis]

18      Fit‑28 ta’ Mejju 2020, il-Kunsill adotta, minn naħa, id-Deċiżjoni 2020/719, li estendiet l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2013/255 sal‑1 ta’ Ġunju 2021, u, min-naħa l-oħra, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/716 (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, l-“atti ta’ żamma tal‑2020”). Isem ir-rikorrent inżamm fil-linja 291 tal-listi inkwistjoni abbażi ta’ raġunijiet identiċi għal dawk li jinsabu fl-atti inizjali (iktar ’il quddiem ir-“raġunijiet tal‑2020”).

[omissis]

23      Fis‑27 ta’ Mejju 2021, il-Kunsill adotta, minn naħa, id-Deċiżjoni 2021/855, li estendiet l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2013/255 sal‑1 ta’ Ġunju 2022, u, min-naħa l-oħra, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/848 (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, l-“atti ta’ żamma tal‑2021”). Isem ir-rikorrent inżamm fil-linja 291 tal-listi inkwistjoni. Il-Kunsill iġġustifika l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrent billi semmew raġunijiet differenti minn dawk imsemmija fl-atti inizjali u fl-atti ta’ żamma tal‑2020 (iktar ’il quddiem ir-“raġunijiet tal‑2021”).

24      Fir-rigward, minn naħa, tal-“informazzjoni ta’ identifikazzjoni” inkluża fil-listi inkwistjoni, l-atti ta’ żamma tal‑2021 jirriproduċu l-informazzjoni indikata fil-punt 13 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, il-funzjonijiet tar-rikorrent issa huma deskritti bħala “Fundatur ta’ District 6 Company; Sieħeb fundatur ta’ Easy life Company” ir-referenza għal “ASM International General Trading, LLC” tneħħiet u żdiedet dik ta’ “Viċi President ta’ Asas Steel Company” taħt “[q]raba/soċji kummerċjali/entitajiet jew sħab/konnessjonijietġenituri/assoċjati/entitajiet” tar-rikorrent.

25      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-raġunijiet tal‑2021, dawn huma fformulati kif ġej:

“Negozjant prominenti b’interessi tan-negozju personali u tal-familja u attivitajiet f’diversi setturi tal-ekonomija Sirjana. Huwa jibbenefika finanzjarjament mill-aċċess għal opportunitajiet kummerċjali u jappoġġa r-reġim Sirjan. Bejn l‑2012 u l‑2019, kien Maniġer Ġenerali ta’ ASM International [General] Trading LLC.

Huwa assoċjat ukoll ma’ ħuh Samer Foz, li ilu ddeżinjat mill-Kunsill minn Jannar 2019 bħala negozjant ewlieni li jopera fis-Sirja u li jappoġġa jew jibbenefika mir-reġim. Flimkien ma’ ħuh, huwa jimplimenta għadd ta’ proġetti kummerċjali, b’mod partikolari fiż-żona ta’ Adra al-Ummaliyya (subborgi ta’ Damasku[, is-Sirja]). Dawn il-proġetti jinkludu fabbrika li timmanifattura kejbils u aċċessorji tal-kejbils kif ukoll proġett għall-produzzjoni tal-elettriku bl-użu tal-enerġija solari. Huma kienu involuti wkoll f’diversi attivitajiet mal-[Istat Iżlamiku fl-Iraq u fil-Lvant (ISIL),] (Da’esh) f’isem ir-reġim ta’ [Bashar Al-]Assad, inkluż il-forniment ta’ armi u munizzjon bi skambju għal qamħ u żejt.”

[omissis]

 Talbiet talpartijiet

28      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-atti inizjali, l-atti ta’ żamma tal‑2020 u l-atti ta’ żamma tal‑2021 (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, l-“atti kkontestati”) safejn dawn jikkonċernawh;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

29      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż;

–        sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tannulla l-atti kkontestati sa fejn jirrigwardaw lir-rikorrent, tordna ż-żamma tal-effetti tad-Deċiżjonijiet 2020/719 u 2021/855 sa fejn dawn jikkonċernawh sakemm l-annullament parzjali tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2020/716 u 2021/848 jidħol fis-seħħ.

30      Il-formulazzjoni tat-tielet kap tat-talbiet tal-Kunsill esposta fil-punt 29 iktar ’il fuq, li tirrettifika żball tal-pinna li jinsab fl-osservazzjonijiet tal-Kunsill fuq it-tieni nota ta’ adattament, ġiet aċċettata minn din tal-aħħar waqt is-seduta, u ttieħdet nota ta’ dan fil-proċess verbali tas-seduta.

 Fiddritt

[omissis]

 Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

[omissis]

79      Essenzjalment, l-ewwel, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill stess ammetta li ma huwiex negozjant “li jopera fis-Sirja”, fis-sens tal-Artikolu 27(2)(a) u tal-Artikolu 28(2)(a) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836. It-tieni, huwa jikkontesta li huwa “negozjant ewlieni b’interessi u attivitajiet personali u familjari f’diversi setturi tal-ekonomija Sirjana”. It-tielet, huwa jafferma li ma jistax jiġi kkunsidrat bħala negozjant “ewlieni”. Ir-raba’, huwa jallega li ma huwiex marbut mar-reġim ta’ Bashar Al‑Assad, li ma jeżerċita ebda influwenza fuq dan ir-reġim u ma huwiex assoċjat ma’ riskju ta’ evitar tas-sanzjonijiet li jikkonċernaw ir-reġim. Il-ħames, huwa jsostni li ma għadux involut f’ASM International General Trading peress li din il-kumpannija ġiet stralċjata u xolta. Is-sitt, huwa jqis li ma huwiex marbut ma’ jew ma huwiex involut f’kumpanniji stabbiliti fis-Sirja, u lanqas ma huwa involut f’Aman Holding JSC. Is-seba’, fuq livell professjonali, huwa jsostni li ma huwiex assoċjat ma’ Samer Foz. It-tmien, huwa jindika li l-fatt li huwa marbut ma’ Samer Foz ma jikkontestax l-assenza totali ta’ rabta bejnu u r-reġim ta’ Bashar Al‑Assad, peress li Samer Foz stess bl-ebda mod ma huwa marbut mal-imsemmi reġim u jikkontesta l-inklużjoni ta’ ismu stess fil-listi inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali. Id-disa’, huwa jallega li ma kienx involut fil-proġett Marota City, b’mod li huwa ma setax jiżviluppa artijiet esproprjati li jappartjenu lil persuni spostati minħabba l-kunflitt fis-Sirja, fatt li pprekludihom milli jerġgħu lura d-dar tagħhom. L-għaxar, l-imsemmi proġett ma huwiex sostnut mir-reġim Sirjan.

80      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

 Fuq id-determinazzjoni tal-elementi tar-raġunijiet għall-inklużjoni li huma marbuta ma’ kull wieħed mill-kriterji ta’ inklużjoni

81      Kif issemma fil-punt 46 iktar ’il fuq, mir-raġunijiet tal‑2020 u tal‑2021 għandu jiġi dedott li isem ir-rikorrent ġie inkluż u miżmum fil-listi inkwistjoni fid-dawl ta’ tliet kriterji, jiġifieri dak tan-negozjant ta’ influwenza li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja, dak tal-assoċjazzjoni mar-reġim Sirjan u dak tar-rabta ma’ persuna jew entità suġġetti għall-miżuri restrittivi. Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tal-applikazzjoni f’dan il-każ ta’ dawn il-kriterji, hemm lok li jiġu ddeterminati, minn qabel, l-elementi fattwali tar-raġunijiet ta’ inklużjoni li jaqgħu taħt kull wieħed mill-kriterji.

82      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li ma jistax jiġi eskluż li, għal persuna speċifika, ir-raġunijiet għal inklużjoni jikkoinċidu sa ċertu punt, fis-sens li persuna tista’ tiġi kklassifikata bħala negozjant, jew negozjanta, li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja u jitqies bħala li jibbenefika, fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu, mir-reġim Sirjan jew bħala li jappoġġjah permezz ta’ dawn l-istess attivitajiet. Dan jirriżulta preċiżament mill-fatt li, kif huwa stabbilit fil-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2015/1836, ir-rabtiet mill-qrib mar-reġim Sirjan u l-appoġġ lilu mogħti minn din il-kategorija ta’ persuni huma waħda mir-raġunijiet għalfejn il-Kunsill iddeċieda li joħloq din il-kategorija. Xorta waħda jibqa’ l-fatt li dawn huma, anki f’dan il-każ, kriterji differenti (sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2020, Kaddour vs Il‑Kunsill, T‑510/18, EU:T:2020:436, punt 77).

83      Meta l-Kunsill jiddeċiedi li jinkludi l-isem ta’ persuna minħabba l-kwalità tagħha ta’ negozjant, jew negozjanta, ewlieni li jopera fis-Sirja, huwa ma huwiex obbligat jippreċiża, fir-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ din il-persuna, li hija tibbenefika jew tappoġġja lir-reġim Sirjan. Jekk huwa jagħmel dan, huwa wkoll biħsiebu japplika l-kriterju previst fl-Artikolu 27(1) u fl-Artikolu 28(1) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836. Din l-interpretazzjoni hija l-iktar waħda li tiggarantixxi l-effett utli ta’ kull wieħed mill-paragrafi tal-Artikolu 28 tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni 2015/1836, u li tippermetti lill-persuni inklużi li jiddeterminaw bi preċiżjoni abbażi ta’ liema kriterji isimhom ġie inkluż jew miżmum fil-listi inkwistjoni (sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2020, Kaddour vs Il‑Kunsill, T‑510/18, EU:T:2020:436, punt 79).

84      Il-konstatazzjoni stabbilita fil-punt 82 iktar ’il fuq tapplika, b’analoġija, għall-kriterju tar-rabta ma’ persuna jew entità suġġetti għall-miżuri restrittivi. Fil-fatt, persuna tista’ tiġi kklassifikata bħala negozjant, jew negozjanta, ta’ influwenza li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja u jitqies li huwa marbut, b’mod partikolari b’rabtiet kummerċjali, ma’ persuna oħra suġġetta għall-miżuri restrittivi permezz ta’ dawn l-istess attivitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Kaddour vs Il‑Kunsill, T‑461/16, EU:T:2018:316, punt 127). Bl-istess mod, din il-persuna tista’ tkun marbuta mar-reġim Sirjan filwaqt li tkun marbuta, għall-istess raġunijiet, ma’ persuna suġġetta għall-miżuri restrittivi.

[omissis]

 Fuq irrabta tarrikorrent ma’ persuna jew entità suġġetti għall-miżuri restrittivi

–       Fuq ilportata tal-kriterju ta’ inklużjoni

113    Mir-raġunijiet tal‑2020 u tal‑2021, imfakkra fil-punti 14 u 25 iktar ’il fuq, jirriżulta, essenzjalment, li isem ir-rikorrent ġie inkluż u nżamm fil-listi inkwistjoni minħabba, b’mod partikolari, l-interessi kummerċjali familjari tiegħu u l-assoċjazzjoni tiegħu ma’ ħuh, Samer Foz, li jidher fl-imsemmija listi minn Jannar 2019.

114    Fl-ewwel lok, skont ir-rikorrent, ħuh, Samer Foz, jikkontesta l-inklużjoni u ż-żamma ta’ ismu fil-listi inkwistjoni fil-kuntest tar-rikors irreġistrat bin-numru tal-Kawża T‑258/19. Barra minn hekk, Samer Foz ippreżenta rikors, irreġistrat taħt in-numru tal-Kawża T‑481/21, intiż għall-annullament tal-atti ta’ żamma tal‑2021 sa fejn jikkonċernawh.

115    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali f’din il-kawża jista’ jirrigwarda biss il-fondatezza tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni u għalhekk ma jistax jikkontesta l-legalità tad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kunsill inkluda l-isem ta’ ħuh, Samer Foz, fl-imsemmija listi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Barqawi vs Il‑Kunsill, T‑303/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:328, punt 42). F’dan il-każ, dan tal-aħħar ġie inkluż u miżmum f’dawn il-listi permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/87 tal‑21 ta’ Jannar 2019 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2019, L 18 I, p. 13), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/806 tas‑17 ta’ Mejju 2019 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2019, L 132, p. 36, rettifika fil-ĠU 2019, L 234, p. 31), u tad-Deċiżjonijiet 2020/719 u 2021/855 kif ukoll tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/85 tal‑21 ta’ Jannar 2019 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2019, L 18 I, p. 4) u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/798 tas‑17 ta’ Mejju 2019 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2019, L 132, p. 1). B’mod partikolari, huwa ġie inkluż minħabba l-istatus tiegħu ta’ negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja u minħabba l-assoċjazzjoni tiegħu mar-reġim Sirjan.

116    Fi kwalunkwe każ, minn naħa, mis-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2021, Foz vs Il‑Kunsill (T‑258/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:820, punt 154), jirriżulta li, fir-rigward tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2019/87, tad-Deċiżjonijiet 2019/806 u 2020/719 u tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2019/85, 2019/798 u 2020/716, Samer Foz ma stabbilixxiex quddiem il-Qorti Ġenerali li dawn l-atti, li jinkludu u li jżommu ismu fil-listi inkwistjoni, kellhom jiġu annullati. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-atti ta’ żamma tal‑2021, skont ġurisprudenza stabbilita, il-preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni timplika li dawn jipproduċu effetti legali sakemm ma jiġux irtirati, annullati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi wara rinviju għal deċiżjoni preliminari jew eċċezzjoni ta’ illegalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, l-effetti tal-atti ta’ żamma tal‑2021 fir-rigward ta’ Samer Foz ma ġewx sospiżi wara talba għal miżuri provviżorji. Għaldaqstant, l-atti kollha li permezz tagħhom l-isem ta’ Samer Foz ġie inkluż u miżmum fuq l-imsemmija listi jkomplu jipproduċu effetti legali.

117    Fit-tieni lok, b’risposta għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent isostni li, sabiex jistabbilixxi l-assoċjazzjoni tiegħu ma’ Samer Foz fis-sens tal-kriterju tar-rabta ma’ persuna suġġetta għall-miżuri restrittivi, assoċjazzjoni kummerċjali biss għandha tinżamm, bl-esklużjoni ta’ rabtiet ta’ bejn l-aħwa. Barra minn hekk, huwa jindika li l-assoċjazzjoni ma’ Samer Foz ma tikkostitwixxix wieħed mill-kriterji ta’ inklużjoni previsti fl-Artikolu 28(2)(a) sa (g) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, peress li l-isem ta’ Samer Foz jew ta’ kull membru ieħor tal-familja Foz ma jinsabx fih. Il-Kunsill isostni li mill-fajl tiegħu jirriżulta li r-rikorrent u Samer Foz huma marbuta mill-qrib fuq livell professjonali.

118    F’dan ir-rigward, ir-raġunijiet għall-inklużjoni tal‑2020 u tal‑2021 li permezz tagħhom il-Kunsill qies li kienet teżisti rabta bejn ir-rikorrent u ħuh, Samer Foz, ma humiex limitati esklużivament għar-rabtiet familjari tagħhom, iżda jirrigwardaw ukoll ir-rabtiet kummerċjali tagħhom. Barra minn hekk, il-Kunsill ma jsostnix li l-appartenenza għall-familja Foz hija kriterju ta’ inklużjoni awtonomu, bid-differenza tal-appartenenza għall-familji Al‑Assad jew Makhlouf, li jikkostitwixxi kriterju awtonomu, previst bħala tali mill-Artikolu 27(2)(b) u mill-Artikolu 28(2)(b) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, riprodotti, fir-rigward tal-iffriżar ta’ fondi, fl-Artikolu 15(1)(b) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat permezz tad-Deċiżjoni 2015/1828. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-eżami tal-kriterju tar-rabta ma’ persuna jew ma’ entità koperti mill-miżuri restrittivi, l-eżistenza ta’ din ir-rabta ta’ bejn l-aħwa għandha tiġi eżaminata bħala element fattwali.

119    Wara li dan ġie ppreċiżat, issa għandu jiġi vverifikat jekk il-provi kollha prodotti mill-Kunsill jissodisfawx l-oneru tal-prova impost fuqu, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 73 iktar ’il fuq, u jikkostitwixxux għalhekk sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti sabiex isostnu r-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni.

120    F’dan ir-rigward, mir-raġunijiet tal‑2020 u tal‑2021 jirriżulta li l-Kunsill ikkunsidra li r-rikorrent kien marbut ma’ ħuh, Samer Foz, minħabba l-attivitajiet tagħhom fi ħdan Aman Holding u ASM International General Trading. Barra minn hekk, fir-rigward tar-raġunijiet tal‑2021, isem ir-rikorrent inżamm ukoll fil-listi inkwistjoni minħabba l-eżistenza ta’ rabtiet ta’ negozju f’ċertu numru ta’ proġetti kummerċjali u f’diversi attivitajiet mal-ISIL imwettqa f’isem ir-reġim Sirjan. Għaldaqstant, huwa neċessarju li jiġi eżaminat kull wieħed minn dawn l-elementi.

[omissis]

–       Konklużjonijiet dwar ir-rabta ma’ persuna suġġetta għall-miżuri restrittivi

165    Fl-ewwel lok, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrent u ħuh, Samer Foz, għandhom rabtiet fil-kuntest tar-relazzjonijiet ta’ negozju. Qabel kollox, fid-data tal-adozzjoni tal-atti inizjali, il-Kunsill wera li r-rikorrent u Samer Foz kellhom rabtiet kummerċjali permezz tal-impriża tal-familja Aman Holding u ta’ ASM International General Trading. Sussegwentement, fir-rigward tal-atti ta’ żamma tal‑2020, il-Kunsill wera li ż-żewġ aħwa kellhom rabtiet kummerċjali permezz tal-imsemmija impriża tal-familja. Fl-aħħar, fir-rigward tal-atti ta’ żamma tal‑2021, il-Kunsill wera li r-rikorrent u ħuh kellhom rabtiet ta’ negozju, peress li dawn kienu jwettqu attivitajiet mal-ISIL f’isem ir-reġim Sirjan.

166    L-eżistenza ta’ rabtiet ta’ negozju bejn ir-rikorrent u ħuh, Samer Foz, tikkonkretizza ruħha wkoll permezz ta’ ftehim fil-ġestjoni tal-portafolli ta’ azzjonijiet tagħhom. Fil-fatt, l-ewwel, mill-ittra tat‑22 ta’ Novembru 2020 u miċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, li tattesta t-tqassim mill-ġdid tal-azzjonisti ta’ Aman Holding, prodotti mir-rikorrent, jirriżulta li huwa u Samer Foz it-tnejn ittrasferew l-ishma tagħhom f’Aman Holding matul l-istess perijodu (jiġifieri bejn it‑22 ta’ Novembru 2020 u t‑3 ta’ Diċembru 2020). F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrent li t-trasferiment tal-azzjonijiet tiegħu qabel perijodu ta’ 3 snin kien ikun illegali skont l-Artikolu 96(1) tal-liġi Sirjana ta’ “prevenzjoni tal-bejgħ ta’ azzjonijiet” ma huwiex sostnut suffiċjentement minn provi. Dan l-argument huwa wkoll infondat, peress li, minkejja l-volontà allegata tar-rikorrent li jissepara malajr mill-azzjonijiet tiegħu, huwa juri li ffirma l-kuntratt ta’ bejgħ tat‑2 ta’ April 2020 biss iktar minn xahar u tliet ġimgħat wara t-tmiem tat-terminu previst mill-Artikolu 96(1) tal-imsemmija liġi. Fi kwalunkwe każ, din iċ-ċirkustanza bl-ebda mod ma tnaqqas il-fatt li t-trasferiment tal-azzjonijiet miżmuma mir-rikorrent u min Samer Foz seħħ f’intervall ta’ żmien qasir ħafna. It-tieni, id-deċiżjoni tal-istralċar ta’ ASM International General Trading tixhed l-eżistenza ta’ ċerta forma ta’ konsultazzjoni, kif isostni l-Kunsill. F’dan ir-rigward, mill-provi prodotti mir-rikorrent jirriżulta li d-deċiżjoni ttieħdet fis‑26 ta’ Marzu 2019 mill-azzjonisti li jifformaw il-laqgħa straordinarja ta’ din il-kumpannija, fosthom Samer Foz u r-rikorrent, b’reazzjoni għall-inklużjoni tal-isem ta’ Samer Foz fil-listi inkwistjoni, f’Jannar 2019.

167    Fl-aħħar, fl-atti tiegħu, ir-rikorrent ma jsostnix li waqaf ir-relazzjonijiet tiegħu ma’ Samer Foz jew li tbiegħed minnu. Konsegwentement, ir-rabtiet bejn ir-rikorrent u ħuh jippersistu.

168    Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li l-provi annessi mar-rikors juru li huwa ma huwiex marbut mar-reġim, jew li ma jeżerċita ebda influwenza fuq dan, u li ma huwiex assoċjat ma’ riskju ta’ evitar.

[omissis]

173    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 27(3) u l-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni 2015/1836, il-persuni, entitajiet jew organi li jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji msemmija fl-Artikolu 27(2) u fl-Artikolu 28(2) tal-imsemmija deċiżjoni ma humiex inklużi jew miżmuma fil-listi ta’ persuni u entitajiet li jinsabu fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/255 jekk ikun hemm biżżejjed informazzjoni li tindika, b’mod partikolari, li huma ma humiex assoċjati ma’ riskju reali ta’ evitar. Din il-kundizzjoni ġiet riprodotta, f’dak li jirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi, fl-Artikolu 15(1b) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat permezz tar-Regolament 2015/1828.

174    F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-persuni assoċjati mal-persuni li jipprovdu appoġġ lill-gvern inkwistjoni, għandu jiġi osservat li, meta l-fondi ta’ dawn tal-aħħar jiġu ffriżati, ikun hemm riskju sinjifikattiv li huma jeżerċitaw pressjoni fuq il-persuni li huma assoċjati magħhom sabiex jevitaw l-effett tal-miżuri li jikkonċernawhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2021, Sharif vs Il‑Kunsill, T‑540/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:220, punt 159, u, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2015, NIOC et vs Il‑Kunsill, T‑577/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:596, punt 139).

175    F’dan il-każ, ħu r-rikorrent, Samer Foz, li huwa inkluż fil-listi inkwistjoni, jokkupa pożizzjoni privileġġata fl-ekonomija Sirjana. F’dan is-sens, l-informazzjoni li tirriżulta mis-siti internet tal-Atlantic Council u The Syria Report tindika li huwa wieħed min-negozjanti l-iktar b’saħħithom fis-Sirja. Dan huwa deskritt bħala r-“Rami Makhlouf il-ġdid” mis-siti internet tal-Brookings Institution u The Syria Report. Barra minn hekk, l-artiklu li jirriżulta mis-sit internet The Times iżid li l-impriżi ta’ Samer Foz ikomplu joperaw minkejja s-sanzjonijiet Ewropej ta’ ffriżar ta’ fondi li ġew imposti fuqu f’Jannar 2019.

176    Fid-dawl tal-pożizzjoni privileġġata ta’ Samer Foz fl-ekonomija Sirjana u l-influwenza tiegħu, ir-rabtiet ta’ negozju preżenti jew tal-passat eżistenti bejn ir-rikorrent u Samer Foz, minħabba l-fatt li huma aħwa, l-importanza tal-impriża tal-familja li fiha huma kellhom ishma u okkupaw postijiet ta’ responsabbiltà kif ukoll l-impossibbiltà li tiġi evitata konsultazzjoni possibbli bejn ir-rikorrent u Samer Foz sabiex jittrasferixxu l-ishma tagħhom f’Aman Holding u jxolju u jistralċaw lil ASM International General Trading, huwa raġonevoli li wieħed jifhem li r-rikorrent huwa assoċjat ma’ riskju reali ta’ evitar tal-miżuri restrittivi.

177    Konsegwentement, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jitqies li r-raġuni għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni minħabba r-rabta tiegħu ma’ persuna suġġetta għall-miżuri restrittivi hija suffiċjentement sostnuta, b’tali mod li, fid-dawl ta’ dan il-kriterju, l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni hija fondata.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Amer Foz huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Gervasoni

Madise

Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑18 ta’ Mejju 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Qed jiġu rriprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.

Top