EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CO0685

Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-16 ta’ Ġunju 2021.
Eleanor Sharpston vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Il-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri.
Appell – Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea għall-membri tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jaħtru tliet imħallfin u avukat ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Tmiem tal-mandat ta’ Avukat Ġenerali – Rikors għal annullament.
Kawża C-685/20 P.

Digital reports (Court Reports - general - 'Information on unpublished decisions' section) ;

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:485

 DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

16 ta’ Ġunju 2021 ( *1 )

“Appell – Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea għall-membri tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jaħtru tliet imħallfin u avukat ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Tmiem tal-mandat ta’ Avukat Ġenerali – Rikors għal annullament”

Fil-Kawża C‑685/20 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis‑16 ta’ Diċembru 2020

Eleanor Sharpston, residenti f’Schoenfels (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn N. Forwood, BL, J. Robb, barrister, kif ukoll minn J. Flynn u H. Mercer, QC,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea,

Ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri,

konvenuti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.–C. Bonichot (Relatur), President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader, M. Safjan u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

Permezz tal-appell tagħha, Eleanor Sharpston titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Sharpston vs Il‑Kunsill u Ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri (T‑550/20, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-digriet appellat, EU:T:2020:475) li permezz tiegħu din ċaħdet it-talba tagħha intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni (UE) 2020/1251 tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tat‑2 ta’ Settembru 2020 li taħtar tliet Imħallfin u Avukat Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU 2020, L 292, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), sa fejn din tikkonċerna l-ħatra ta’ Athanasios Rantos fil-pożizzjoni ta’ Avukat Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-perijodu mis‑7 ta’ Settembru 2020 sas‑6 ta’ Ottubru 2021.

Il-kuntest ġuridiku

2

Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-ħruġ”), approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat‑30 ta’ Jannar 2020 (ĠU 2020, L 29, p. 1) daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Frar 2020, jistabbilixxi, fit-tmien paragrafu tal-preambolu tiegħu:

“FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li huwa fl-interess kemm tal-Unjoni kif ukoll tar-Renju Unit li jiġi stabbilit perjodu ta’ tranżizzjoni jew ta’ implimentazzjoni li matulu – minkejja l-konsegwenzi kollha tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fl-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, b’mod partikolari, it-tmiem, fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, tal-mandati kollha tal-membri tal-istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-Unjoni nominati, maħtura jew eletti fir-rigward tas-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni – id-dritt tal-Unjoni, inklużi l-ftehimiet internazzjonali, jenħtieġ li jkunu applikabbli għar-Renju Unit u fih, u, bħala regola ġenerali, bl-istess effett fir-rigward tal-Istati Membri, sabiex jiġi evitat tħarbit fil-perjodu li matulu se jiġu nnegozjati l-ftehim(iet) dwar ir-relazzjonijiet futuri”.

3

L-Artikolu 19(2) TUE jipprevedi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun komposta minn imħallef għal kull Stat Membru u li tkun assistita minn avukati ġenerali.

4

Skont l-Artikolu 252 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun assistita minn tmien avukati ġenerali u, fuq talba tiegħu, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jaġixxi unanimament, jista’ jżid in-numru.

5

Skont id-dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 252 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar in-numru ta’ avukati ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Lisbona, il-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri ddikjarat li, fil-każ fejn, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja titlob li n-numru ta’ avukati ġenerali jiżdied bi tlieta, jiġifieri ħdax minflok tmienja, ir-Repubblika tal-Polonja, kif diġà huwa l-każ għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju ta’ Spanja u r-Renju Unit, għandu jkollha avukat ġenerali permanenti u ma tipparteċipax aktar fis-sistema ta’ rotazzjoni, li tkun tinkludi ħames avukati ġenerali minflok tlieta.

6

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (2013/336/UE) tal‑25 ta’ Ġunju 2013 li żżid l-għadd ta’ Avukati Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2013, L 179, p. 92), in-numru ta’ avukati ġenerali żdied minn tmienja għal ħdax.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

7

Matul is-sena 2005, fuq proposta tal-Gvern tar-Renju Unit, ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri nnominaw lil Sharpston sabiex teżerċita l-funzjonijiet ta’ Avukat Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-tul tal-mandat tal-predeċessur tagħha li kien għad fadal, jiġifieri sas‑6 ta’ Ottubru 2009. Matul is-sena 2009, wara proposta ġdida tal-istess gvern, ir-rikorrenti nħatret bħala Avukat Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja għal mandat ġdid ta’ sitt snin, għall-perijodu mis‑7 ta’ Ottubru 2009 sas‑6 ta’ Ottubru 2015. Fl-aħħar nett, skont id-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/578 tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal‑1 ta’ April 2015 li taħtar Imħallfin u Avukati Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU 2015, L 96, p. 11), ir-rikorrenti nħatret sabiex teżerċita l-funzjonijiet ta’ Avukat Ġenerali għall-perijodu mis‑7 ta’ Ottubru 2015 sas‑6 ta’ Ottubru 2021.

8

Fid‑29 ta’ Jannar 2020, il-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri adottat id-dikjarazzjoni dwar il-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fuq l-avukati ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja li fiha fakkret li, peress li r-Renju Unit kien beda l-proċedura prevista fl-Artikolu 50 TUE sabiex joħroġ mill-Unjoni, it-Trattati ma jibqgħux applikabbli għal dan l-Istat Membru mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-ħruġ. Hija fakkret ukoll li, għalhekk, il-mandati tal-membri tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni li ġew innominati, maħtura jew eletti fid-dawl tal-appartenenza tar-Renju Unit mal-Unjoni kellhom jintemmu fid-data tal-ħruġ. Hija indikat li minn dan kien jirriżulta li l-pożizzjoni permanenti tal-Avukat Ġenerali li kienet assenjata lir-Renju Unit permezz tad-dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 252 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar in-numru ta’ avukati ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Lisbona kienet ser tiġi integrata fis-sistema ta’ rotazzjoni tal-Istati Membri għall-ħatra tal-Avukati Ġenerali. Hija nnotat li, skont l-ordni protokollari, l-Istat Membru li jmiss huwa r-Repubblika Ellenika. Hija qablet li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li fihom kellha ssir din il-ħatra u għall-finijiet tal-osservanza tar-regola tat-tiġdid parzjali tal-membri tal-Qorti tal-Ġustizzja kull tliet snin u dik tat-tul ta’ sitt snin tal-mandati tagħhom, kif jinsabu fl-Artikolu 253 TFUE, il-mandat tal-Avukat Ġenerali propost mir-Repubblika Ellenika għall-pożizzjoni ta’ Avukat Ġenerali li sar vakanti kellu jintemm fid-data tat-tiġdid parzjali suċċessiv tal-membri tal-Qorti tal-Ġustizzja, fis‑6 ta’ Ottubru 2021.

9

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, is-suċċessur tal-appellanti, A. Rantos, inħatar fil-pożizzjoni ta’ Avukat Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-perijodu mis‑7 ta’ Settembru 2020 sas‑6 ta’ Ottubru 2021.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

10

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl‑4 ta’ Settembru 2020, l-appellanti talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċerna l-ħatra ta’ A. Rantos għall-pożizzjoni ta’ Avukat Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-perijodu mis‑7 ta’ Settembru 2020 sas‑6 ta’ Ottubru 2021.

11

Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, l-appellanti ressqet talba għal miżuri provviżorji intiża sabiex l-eżekuzzjoni u l-effetti sussegwenti kollha tad-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn din tikkonċerna l-imsemmija ħatra, jiġu sospiżi.

12

Permezz ta’ digriet tal‑4 ta’ Settembru 2020, Sharpston vs Il‑Kunsill u Ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri Membri (T‑550/20 R, mhux ippubblikat, EU:T:2020:416), l-Imħallef għal miżuri provviżorji tal-Qorti Ġenerali laqa’ provviżorjament it-talba għal miżuri provviżorji, sal-adozzjoni tad-digriet li jtemm il-proċeduri għal miżuri provviżorji, u l-ispejjeż ġew irriżervati.

13

Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Settembru 2020, il-Kunsill u r-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri ppreżentaw, kull wieħed minnhom, appell kontra dan id-digriet tal-imħallef għal miżuri provviżorji tal-Qorti Ġenerali.

14

Permezz ta’ digrieti tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Settembru 2020, Il‑Kunsill vs Sharpston (C‑423/20 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2020:700), u tal‑10 ta’ Settembru 2020, Ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri vs Sharpston (C‑424/20 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2020:705), id-digriet tal‑4 ta’ Settembru 2020, Sharpston vs Il‑Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri (T‑550/20 R, mhux ippubblikat, EU:T:2020:416), ġie annullat u t-talbiet għal miżuri provviżorji ġew miċħuda fl-intier tagħhom.

15

Essenzjalment, permezz tad-digrieti tal‑10 ta’ Settembru 2020 Il‑Kunsill vs Sharpston (C‑423/20 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2020:700) u tal‑10 ta’ Settembru 2020, Ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri vs Sharpston (C‑424/20 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2020:705), il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris sabiex is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u l-miżuri provviżorji l-oħra mitluba mill-appellanti jkunu jistgħu jingħataw mill-imħallef għal miżuri provviżorji ma kinitx issodisfatta, sa fejn l-azzjoni prinċipali kellha titqies, prima facie, bħala manifestament inammissibbli billi kienet diretta kontra l-Kunsill, għalkemm dan tal-aħħar ma kienx l-awtur tad-deċiżjoni kkontestata, u f’dan ir-rigward li kienet diretta kontra r-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li, filwaqt li jaġixxu fil-kapaċità tagħhom bħala rappreżentanti tal-gvern tagħhom u b’hekk jeżerċitaw b’mod kollettiv il-kompetenzi tal-Istati Membri, ma kinux suġġetti għall-istħarriġ tal-legalità eżerċitata mill-qorti tal-Unjoni. Permezz ta’ dawn id-digrieti, il-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja, għaldaqstant, iddeċidiet li, billi laqa’ t-talba għal miżuri provviżorji, anki jekk provviżorjament, l-imħallef għal miżuri provviżorji tal-Qorti Ġenerali kien wettaq żball ta’ liġi. Permezz tal-imsemmija digrieti, il-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-aħħar nett, ċaħdet it-talbiet għal miżuri provviżorji mressqa mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali.

16

Fid-digriet appellat, wara li kkonstatat, fil-punt 31 tiegħu, li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx ġiet adottata mill-Kunsill, iżda mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala manifestament inammissibbli, fil-punt 32 tagħha, ir-rikors ippreżentat quddiemha sa fejn kien indirizzat kontra l-Kunsill.

17

F’dak li jirrigwarda t-talbiet imressqa kontra r-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punti 33 u 34 tad-digriet appellat, li hija għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 263 TFUE biss fir-rigward tar-rikorsi ppreżentati kontra l-atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni u li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-atti adottati mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jaġixxu mhux bħala membri tal-Kunsill jew bħala membri tal-Kunsill Ewropew, iżda fil-kapaċità tagħhom bħala rappreżentanti tal-gvern, u b’hekk jeżerċitaw kollettivament il-kompetenzi tal-Istati Membri, ma humiex suġġetti għall-istħarriġ tal-legalità eżerċitata mill-imħallef tal-Unjoni.

18

Il-Qorti Ġenerali rreferiet ukoll, fil-punti 35 u 36 tad-digriet appellat, għad-digriet tal-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Settembru 2020, Ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri vs Sharpston (C‑424/20 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2020:705), sabiex tfakkar, minn naħa, li l-att li jaħtar l-imħallfin u l-avukati ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 253(1) TFUE, huwa adottat bi ftehim komuni bejn il-Gvernijiet tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, li rikors huwa manifestament inammissibbli, sa fejn huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni li toħroġ mhux minn istituzzjoni, korp jew aġenzija tal-Unjoni, iżda minn rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jeżerċitaw il-kompetenzi ta’ dawn tal-aħħar.

19

Fil-punt 37 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-appellanti talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna l-ħatra ta’ A. Rantos fil-pożizzjoni ta’ Avukat Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-perijodu mis‑7 ta’ Settembru 2020 sas‑6 ta’ Ottubru 2021.

20

Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 38 tad-digriet appellat, li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 34 sa 36 tiegħu, jirriżulta li l-atti adottati mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri ma humiex suġġetti għall-istħarriġ tal-legalità eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni.

21

Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 39 tal-imsemmi digriet, li r-rikors kellu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-appellanti

22

Permezz tal-appell tagħha, E. Sharpston titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-digriet appellat, tordna lill-partijiet l-oħra fil-proċedura sabiex jirrispondu għall-kwistjoni dwar jekk għandux jitqies li l-mandat tagħha ntemm mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, fil‑31 ta’ Jannar 2020 f’nofsillejl, skont l-Artikolu 50(3) TUE, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, ħlief jekk l-istat tal-proċedura jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, u tikkundanna lill-Kunsill kif ukoll lir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

23

Skont l-Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun, kompletament jew parzjalment, manifestament inammissibbli jew manifestament infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi li tiċħad dan l-appell, kompletament jew parzjalment, permezz ta’ digriet motivat.

24

F’din il-kawża, hemm lok li jiġi applikat dan l-artikolu.

25

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka ħames aggravji.

Fuq l-ewwel sat-tielet u l-ħames aggravju

L-argumenti tal-appellanti

26

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 263 TFUE meta ddeċidiet, fil-punti 33 u 39 tad-digriet appellat, li r-rikors kien inammissibbli minħabba li ma kienx dirett kontra att adottat minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni.

27

Hija ssostni li jirriżulta mhux biss mill-formulazzjoni tal-Artikolu 263 TFUE, fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti tiegħu, iżda wkoll mill-oriġini u mill-għan ta’ dan l-artikolu kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi artikolu għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, kemm fir-rigward tal-atti li huwa jsemmi kif ukoll fir-rigward tal-awturi tagħhom.

28

Hija ssostni li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 263 TFUE l-atti adottati mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri barra mill-kuntest ġuridiku tal-Unjoni, dan ma jistax japplika wkoll għal dawk, bħad-deċiżjoni kontenzjuża, adottati mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jaġixxu fil-kuntest tal-kompetenzi mogħtija, jew kif mogħtija, mit-Trattat u li għandhom effetti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

29

Hija ssostni li, fil-punti 34, 36 u 38 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali, għalhekk, wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-atti kollha adottati mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri f’kapaċità differenti minn dik ta’ membri tal-Kunsill jew tal-Kunsill Ewropew ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju skont l-Artikolu 263 TFUE u li hija kellha żżomm il-kompetenza tagħha sabiex tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn temmet qabel iż-żmien il-mandat tagħha bħala Avukat Ġenerali.

30

Fil-kuntest ta’ rimarki finali, ir-rikorrenti żżid li mill-punti 91 sa 98 tas-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kunsill et vs K. Chrysostomides & Co. et (C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028), jirriżulta li l-impossibbiltà li jiġi mistħarreġ ftehim politiku skont l-Artikolu 263 TFUE tippresupponi l-eżistenza ta’ rimedji alternattivi kontra l-atti ta’ implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim, sabiex jiġi evitat li l-individwi jiġu mċaħħda mid-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Issa, tali rikorsi alternattivi ma jeżistux f’dan il-każ.

31

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat naqset milli tiddistingwi, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kompetenza tagħha, id-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jaħtru Avukat Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja mid-deċiżjoni preċedenti dwar il-pożizzjoni vakanti hekk mimlija.

32

Hija ssostni li, għalkemm, b’mod ġenerali, il-kwistjoni dwar jekk il-pożizzjoni ta’ membru tal-Qorti tal-Ġustizzja hijiex vakanti ma tqumx, ma jistax jiġi eskluż li hija tippreżenta ruħha f’ċerti każijiet. F’dan ir-rigward, hija tqis li att tal-Istati Membri li jikkonstata b’mod illegali l-pożizzjoni vakanti ta’ tali pożizzjoni, u, fuq din il-bażi, ser iwassal għall-ħatra ta’ Avukat Ġenerali ġdid, għandu jkun jista’ jiġi mistħarreġ mill-qrati tal-Unjoni.

33

L-appellanti ssostni li għalhekk għandhom ikunu biss il-qrati tal-Unjoni li jiddeċiedu fuq is-suġġett u tirreferi b’mod partikolari għall-Artikolu 19 TUE u għall-Artikoli 4 u 6 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

34

L-appellanti żżid li l-validità tal-atti tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri previsti mit-Trattat FUE tista’ barra minn hekk tiġi kkontestata, tal-inqas indirettament, permezz ta’ rimedji proċedurali oħra minbarra r-rikors għal annullament, kif ammetta l-Kunsill f’isem il-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma quddiem il-Qorti Ġenerali, u li minn dan għandu jiġi dedott li rikors dirett kontra dawn l-atti għandu jkun ukoll possibbli.

35

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat, fil-punti 34, 36 u 38 tad-digriet appellat, li l-atti tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, ikunu xi jkunu, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors skont l-Artikolu 263 TFUE.

36

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat, fil-punti 34, 37 u 38 tad-digriet appellat, il-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 1993, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑181/91 u C‑248/91, EU:C:1993:271).

37

Hija ssostni li minn din is-sentenza ma jirriżultax li l-atti kollha tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jaġixxu flimkien huma eżenti mill-istħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest tal-Artikolu 263 TFUE, iżda l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet biss f’dik is-sentenza fuq l-atti adottati mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri barra mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

38

B’hekk, il-kwistjoni dwar jekk il-qrati tal-Unjoni għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jistħarrġu l-legalità ta’ att, bħad-deċiżjoni kontenzjuża, adottat mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri bis-saħħa tal-kompetenzi mogħtija, jew hekk kif mogħtija, mit-Trattati u li għandu effetti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ma ġietx deċiża fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u għandha tirċievi risposta pożittiva.

39

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali rreferiet b’mod żbaljat, fil-punti 34 u 38 tad-digriet appellat, għas-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 1993, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑181/91 u C‑248/91, EU:C:1993:271), u b’mod partikolari fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, sabiex tibbaża l-analiżi tagħha u kellha minn tal-inqas tirreferi għal siltiet oħra tagħha, bħall-punt 13 tagħha, li minnhom jirriżulta li l-atti li jipproduċu effetti legali fuq terzi fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom ikunu suġġetti għall-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni.

40

Permezz tal-ħames aggravju tagħha, l-appellanti ssostni, sussidjarjament, li l-Qorti Ġenerali naqset ukoll b’mod żbaljat, fil-punti 31 u 32 tad-digriet appellat, milli tirrispondi għall-argument tagħha li jgħid li, għalkemm ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri ma jistgħux ikunu konvenuti f’rikors ippreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE, huwa l-Kunsill li għandu jkun hekk bħala alter ego ta’ dawn ir-rappreżentanti jew bħala istituzzjoni tal-Unjoni li hija l-iktar marbuta magħhom, minħabba l-implikazzjoni kontenzjuża tagħha fl-adozzjoni u fil-promulgazzjoni tagħha fl-adozzjoni.

41

Hija tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq in-neċessità li jiġi mistħarreġ l-eventwali ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-Istati Membri jekk dan ma jistax ikun konvenut f’tali istanza u tikkunsidra li, għalkemm il-Kunsill ma huwiex l-awtur tal-att ikkontestat, huwa għandu madankollu jkun jista’ jinżamm responsabbli quddiem il-qrati tal-Unjoni.

42

Hija ssostni li d-dispożizzjonijiet tat-Trattati dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jelenkawx b’mod eżawrjenti l-konvenuti u tirreferi b’analoġija għall-Artikoli 268 u 340 TFUE.

43

Hija tirrileva li għandu jiġi ddeterminat jekk il-konstatazzjoni tal-pożizzjoni vakanti li hija kienet tokkupa preċedentement, li hija r-riżultat tad-deċiżjoni kontenzjuża, hijiex tal-Kunsill, tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri jew tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja hija, fi kwalunkwe każ, l-unika li għandha l-awtorità li tiddeċiedi dwar dan is-suġġett.

44

Hija żżid li l-Kunsill, permezz tas-servizz legali tiegħu, kellu rwol attiv, waħdu, jew flimkien mar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tat-tmiem antiċipat tal-mandat tiegħu u li għalhekk huwa koawtur tad-difett li jivvizzja d-deċiżjoni kontenzjuża.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

45

Permezz tal-ewwel sat-tielet u l-ħames aggravju tagħha, li għandhom jiġu analizzati flimkien, l-appellanti ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet bħala manifestament inammissibbli t-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata minħabba li din ġiet adottata mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jaġixxu bħala tali u mhux mill-Kunsill.

46

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 263 TFUE jirriżulta li l-atti adottati mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li jaġixxu mhux bħala membri tal-Kunsill, iżda bħala rappreżentanti tal-Gvern tagħhom, u li jeżerċitaw b’mod kollettiv il-kompetenzi tal-Istati Membri, ma humiex suġġetti għall-istħarriġ tal-legalità eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 1993, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑181/91 u C‑248/91, EU:C:1993:271, punt 12).

47

Il-kriterju rilevanti hekk adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teskludi l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ azzjoni ġudizzjarja diretta kontra tali atti huwa għalhekk dak dwar l-awtur tagħhom, indipendentement mill-effetti legali vinkolanti tagħhom.

48

L-argumenti invokati mill-appellanti fil-kuntest tal-ewwel u l-ħames motiv tagħha, li jgħidu li għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ l-awturi tal-atti li għalihom jirreferi l-Artikolu 263 TFUE, jiġifieri l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni, sabiex jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni fis-sens ta’ dan l-artikolu, jew, tal-inqas, li r-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali jiġi assimilat ma’ rikors ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Kunsill, fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, minħabba l-involviment tiegħu fl-adozzjoni u t-tixrid tad-deċiżjoni kkontestata, ma jistax b’hekk jinżamm mingħajr ma jikser il-kliem ċar ta’ dan l-artikolu.

49

Jidher ċar li tali interpretazzjoni tmur ukoll kontra r-rieda tal-awturi tat-Trattati, li jirrifletti l-Artikolu 263 TFUE, li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa limitat biss għall-atti tad-dritt tal-Unjoni adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni, li jiġu esklużi mill-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja l-atti li għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri, bħad-deċiżjonijiet ta’ ħatra tal-membri tal-qrati tal-Unjoni.

50

Kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti fil-kuntest tat-tielet aggravju tagħha, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li huwa wkoll irrilevanti li r-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri aġixxew fil-kuntest tat-Trattati jew ta’ sorsi legali oħra, bħad-dritt internazzjonali.

51

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball meta fakkret, fil-punt 34 tad-digriet appellat, li mill-Artikolu 263 TFUE jirriżulta li l-atti adottati mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li ma jaġixxux fil-kwalità tagħhom ta’ membri tal-Kunsill jew ta’ membri tal-Kunsill Ewropew, iżda fil-kwalità tagħhom ta’ rappreżentanti tal-Gvern tagħhom, u li jeżerċitaw kollettivament il-kompetenzi tal-Istati Membri, ma humiex suġġetti għall-istħarriġ tal-legalità eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni.

52

Fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li, sa fejn il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni ma kellux l-effett li jtemm il-mandat tagħha bħala Avukat Ġenerali, l-imħallfin tal-Unjoni għandhom iżommu l-kompetenza tagħhom sabiex jevalwaw il-legalità tad-deċiżjoni dwar il-ħatra ta’ Avukat Ġenerali ġdid.

53

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, peress li t-Trattati ma baqgħux japplikaw għar-Renju Unit fid-data tal-ħruġ tiegħu, fl‑1 ta’ Frar 2020, skont l-Artikolu 50(3) TUE, dan l-Istat ma għadux, minn din id-data, Stat Membru. Minn dan jirriżulta, hekk kif jistabbilixxi t-tmien paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim dwar il-ħruġ, li l-mandati pendenti tal-membri tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni li ġew innominati, maħtura jew eletti fid-dawl tal-appartenenza tar-Renju Unit għall-Unjoni ġew awtomatikament fi tmiemhom f’din id-data (ara, f’dan ir-rigward, id-digriet tal-lum, Sharpston vs Il‑Kunsill u Il-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, C‑684/20 P, punt 49).

54

Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax titqies li tinkludi deċiżjoni li għandha effetti legali li jikkawżaw preġudizzju lill-appellanti sa fejn hija ddeċidiet dwar it-tmiem antiċipat tal-mandat tagħha bħala Avukat Ġenerali, u lanqas bħala li hija bbażata fuq tali deċiżjoni li ttieħdet mill-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri fid-dikjarazzjoni tagħhom tad‑29 ta’ Jannar 2020 (ara, f’dan ir-rigward, id-digriet tal-lum, Sharpston vs Il‑Kunsill u Il-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, C‑684/20 P, punt 48).

55

Barra minn hekk, l-analiżi tar-rikorrenti ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi aċċettata, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma tistax titqies li ġiet adottata minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 263 TFUE.

56

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ma kkunsidratx lilha nnifisha kompetenti sabiex tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

57

Minn dan isegwi li l-ewwel sat-tielet u l-ħames aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala manifestament infondati.

Fuq ir-raba’ aggravju

L-argumenti tal-appellanti

58

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li, fil-punti 32, 35 u 36 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, tat valur ta’ preċedent għad-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Settembru 2020, Ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri Membri vs Sharpston (C‑424/20 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2020:705), filwaqt li tali digriet ma setax jippreġudika l-mertu ta’ din il-kawża.

59

Barra minn hekk, dan id-digriet ġie adottat bi ksur tar-regoli proċedurali, b’mod partikolari għaliex l-appellanti ma nstemgħetx minkejja li l-ebda urġenza ma ġiet ikkonstatata, iżda wkoll għaliex l-argumenti invokati mir-rappreżentanti tal-Istati Membri kellhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli minħabba li kienu invokati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

60

Fl-aħħar nett, l-appellanti ssostni li, billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali stess kisret il-prinċipju audi alteram partem billi ma ppermettitilhiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rilevanza tal-punt 12 tas-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 1993, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑181/91 u C‑248/91, EU:C:1993:271), imsemmi fil-punt 34 tad-digriet appellat, u tad-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2020, Ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri vs Sharpston (C‑424/20 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2020:705), imsemmi fil-punti 35 u 36 tad-digriet appellat. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali “estendiet” u “tawlet” b’mod inġustifikat mhux biss l-effett ġuridiku, iżda wkoll id-difetti proċedurali ta’ dan id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

61

F’dak li jirrigwarda l-argumenti dwar l-iżball li allegatament wettqet il-Qorti Ġenerali, fil-punti 35 u 36 tad-digriet appellat, dwar il-portata tad-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2020, Ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri vs Sharpston (C‑424/20 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2020:705), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali, fi kwalunkwe każ, ma wettqet ebda żball meta fakkret, minn naħa, fl-imsemmi punt 35, li att li jirrigwarda l-ħatra ta’ mħallfin u ta’ avukati ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja jiġi adottat, konformement mal-Artikolu 253 TFUE, bi ftehim komuni bejn il-Gvernijiet tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, fl-imsemmi punt 36, li rikors mressaq skont l-Artikolu 263 TFUE kontra tali att hija manifestament inammissibbli billi tfittex l-annullament ta’ deċiżjoni mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jeżerċitaw il-kompetenzi ta’ dawk l-Istati. Minn dan isegwi li tali argumenti huma manifestament ineffettivi.

62

L-argumenti dwar il-ksur proċedurali li allegatament twettaq meta ġie adottat dan id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja huma, barra minn hekk, manifestament inammissibbli peress li dan ma huwiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors.

63

Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda wkoll bħala manifestament infondati l-allegazzjonijiet tal-appellanti dwar il-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-prinċipju ta’ kontradittorju.

64

Konsegwentement, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat.

65

Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, peress li ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha ma ntlaqa’, hemm lok li dan l-appell jiġi miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat.

66

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tintlaqa’ l-miżura istruttorja mitluba mill-appellanti.

Fuq l-ispejjeż

67

Skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fid-digriet li jagħlaq l-istanza.

68

Peress li dan id-digriet ġie adottat qabel ma l-appell ġie nnotifikat lill-partijiet l-oħra fil-proċedura u, konsegwentement, qabel ma dawn setgħu jsostnu l-ispejjeż, għandu jiġi deċiż li l-appellanti tbati l-ispejjeż tagħha stess.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tordna:

 

1)

L-appell għandu jiġi miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat.

 

2)

Eleanor Sharpston għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top