EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CN0244

Kawża C-244/20: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (Spanja) fit-8 ta’ Ġunju 2020 – F.C.I. vs Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS)

OJ C 320, 28.9.2020, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 320/6


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (Spanja) fit-8 ta’ Ġunju 2020 – F.C.I. vs Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS)

(Kawża C-244/20)

(2020/C 320/08)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Superior de Justicia de Cataluña

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: F.C.I.

Konvenut: Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS)

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 79/7 tad-19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (1), li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva l-benefiċċji tas-superstiti u l-benefiċċji tal-familja għandu jiġi ddikjarat invalidu – jew meqjus bħala tali – minħabba li jmur kontra prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea bħal dak tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, sanċit bħala valur fundamentali tal-Unjoni Ewropea kemm fl-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fl-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u bħala dritt fundamentali fl-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fil-ġurisprudenza storika u stabbilita ferm tal-Qorti tal-Ġustizzja?

2)

L-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmat f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (li hija r-riżultat tas-sentenza tat-Tribunal Constitucional [il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja] Nru 40/2014, tal-11 ta’ Marzu 2014, tal-ġurisprudenza nazzjonali li interpretatha u tar-riforma leġiżlattiva li implimentatha), li – fil-prattika u minħabba interpretazzjoni ġeneralment żbaljata tar-rekwiżit ta’ formalizzazzjoni u n-nuqqas ta’ perijodu ta’ adattament sabiex ikun hemm konformità magħha – irrendiet inizjalment impossibbli u suċċessivament eċċessivament diffiċli l-aċċess għall-pensjoni tar-romol li tirriżulta minn relazzjoni ta’ konkubinaġġ irregolata mill-Kodiċi Ċivili ta’ Catalunya?

3)

Prinċipju tant fundamentali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea bħal ma huwa dak tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, rikonoxxut bħala valur fundamentali fl-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, rikonoxxuta bħala dritt fundamentali fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-bniedem, għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (li hija r-riżultat tas-sentenza tat-Tribunal Constitucional [il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja] Nru 40/2014, tal-11 ta’ Marzu 2014, tal-ġurisprudenza nazzjonali li interpretatha u tar-riforma leġiżlattiva li implimentatha), li – fil-prattika u minħabba interpretazzjoni ġeneralment żbaljata tar-rekwiżit ta’ formalizzazzjoni u n-nuqqas ta’ perijodu ta’ adattament sabiex ikun hemm konformità magħha – irrendiet inizjalment impossibbli u suċċessivament eċċessivament diffiċli l-aċċess għall-pensjoni tar-romol li tirriżulta minn relazzjoni ta’ konkubinaġġ irregolata mill-Kodiċi Ċivili ta’ Catalunya, bi preġudizzju għal perċentwali ħafna ogħla ta’ nisa milli ta’ rġiel?

4)

Il-projbizzjoni tal-użu tat-“twelid” jew, alternattivament, tal-“appartenenza għal minorità nazzjonali”, bħala kawżi jew “raġunijiet” ta’ diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-bniedem, għandha tiġi interpretata bħala li tipprekludi miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (li hija r-riżultat tas-sentenza tat-Tribunal Constitucional [il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja] Nru 40/2014, tal-11 ta’ Marzu 2014, tal-ġurisprudenza nazzjonali li interpretatha u tar-riforma leġiżlattiva li implimentatha), li – fil-prattika u minħabba interpretazzjoni ġeneralment żbaljata tar-rekwiżit ta’ formalizzazzjoni u n-nuqqas ta’ perijodu ta’ adattament sabiex ikun hemm konformità magħha – irrendiet inizjalment impossibbli u suċċessivament eċċessivament diffiċli l-aċċess għall-pensjoni tar-romol li tirriżulta minn relazzjoni ta’ konkubinaġġ irregolata mill-Kodiċi Ċivili ta’ Catalunya?


(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215).


Top