EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CN0237

Kawża C-237/20: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (Il-Pajjizi l-Baxxi) fil-5 ta’ Ġunju 2020 – Federatie Nederlandse Vakbeweging vs Heiploeg Seafood International BV, Heitrans International BV

OJ C 297, 7.9.2020, p. 25–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 297/25


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (Il-Pajjizi l-Baxxi) fil-5 ta’ Ġunju 2020 – Federatie Nederlandse Vakbeweging vs Heiploeg Seafood International BV, Heitrans International BV

(Kawża C-237/20)

(2020/C 297/34)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hoge Raad der Nederlanden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Federatie Nederlandse Vakbeweging

Konvenuti: Heiploeg Seafood International BV, Heitrans International BV

Domandi preliminari

1.

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23/KE (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni li “proċedimenti ta’ falliment jew […] proċedimenti analogi ta’ falliment [huma] istitwiti bl-iskop tal-likwidazzjoni ta’ l-assi ta’ min qed jagħmel it-trasferiment” hija ssodisfatta, jekk

i)

il-falliment tal-persuna li qed tagħmel it-trasferiment ikun inevitabbli u din il-persuna tkun, għaldaqstant, effettivament insolventi,

ii)

skont id-dritt Olandiż, l-għan tal-proċedura ta’ falliment huwa li jinkiseb l-ogħla rendiment possibbli għall-kredituri kollha flimkien permezz tal-likwidazzjoni tal-assi tad-debitur, u

iii)

f’hekk imsejjaħ “pre-pack” qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment, jitħejja t-trasferiment (ta’ parti) mill-impriża, trasferiment li jiġi eżegwit biss wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment, fid-dawl tal-fatt li

iv)

il-kuratur prospettiv maħtur mir-rechtbank (qorti) għandu jkun iggwidat, qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment, mill-interessi tal-kredituri kollha flimkien kif ukoll minn interessi kollettivi bħall-importanza li jinżamm l-impjieg u l-imħallef superviżorju prospettiv maħtur ukoll mir-rechtbank (qorti) għandu jara li dan iseħħ,

v)

l-għan tal-pre-pack huwa li jippermetti, fil-proċedura sussegwenti ta’ falliment, mod ta’ likwidazzjoni li fil-kuntest tiegħu (parti mill-)impriża avvjata (going concern) li tagħmel parti mill-assi tal-persuna li qed tagħmel it-trasferiment tinbiegħ b’tali mod li jinkiseb l-ogħla rendiment possibbli għall-kredituri kollha flimkien u b’mod li jinżamm l-impjieg, sa fejn huwa possibbli, u

vi)

il-mod kif tiġi organizzata l-proċedura jiggarantixxi li dan l-għan ikun effettivament dak li jservi ta’ gwida?

2.

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni li “proċedimenti ta’ falliment jew […] proċedimenti analogi ta’ falliment […]huma taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti” hija ssodisfatta, jekk it-trasferiment (ta’ parti) mill-impriża jitħejja f’pre-pack qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment u jiġi eżegwit wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment, u

i)

[dawn il-preparattivi] jiġu osservati, qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment, minn kuratur prospettiv u minn imħallef superviżorju prospettiv, maħtura mir-rechtbank (qorti) iżda li ma għandhom l-ebda kompetenza legali,

ii)

skont id-dritt Olandiż, il-kuratur prospettiv għandu jkun iggwidat, qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment, mill-interessi tal-kredituri kollha flimkien kif ukoll minn interessi kollettivi oħra, bħaż-żamma tal-impjieg, u l-imħallef superviżorju prospettiv għandu jara li dan iseħħ,

iii)

il-kompiti tal-kuratur prospettiv u tal-imħallef superviżorju prospettiv ma humiex differenti minn dawk tal-kuratur u tal-imħallef superviżorju fil-falliment,

iv)

il-ftehim li abbażi tiegħu l-impriża tiġi ttrasferita u li jkun tħejja matul il-pre-pack jiġi konkluż u eżegwit biss wara d-dikjarazzjoni tal-falliment,

v)

ir-rechtbank (qorti) tista’, mad-dikjarazzjoni tal-falliment, taħtar persuni oħra minbarra l-kuratur prospettiv jew l-imħallef superviżorju prospettiv bħala kuratur jew imħallef superviżorju, u

vi)

l-istess rekwiżiti ta’ oġġettività u ta’ indipendenza jgħoddu għall-kuratur u għall-imħallef superviżorju bħal dawk li jgħoddu għal kuratur u għal imħallef superviżorju f’falliment li ma jkunx ippreċedut minn pre-pack u, indipendentement minn kemm ikunu involuti qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment, huma marbuta, abbażi tal-missjoni legali tagħhom, li jiddeċiedu jekk it-trasferiment (ta’ parti) mill-impriża mħejji qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment ikunx fl-interess tal-kredituri kollha flimkien u, jekk huma jirrispondu fin-negattiv għal din id-domanda, huma għandhom jiddeċiedu li dan it-trasferiment ma huwiex ser isir, filwaqt li huma jibqgħu kompetenti sabiex jiddeċiedu għal raġunijiet oħra, pereżempju minħabba li interessi kollettivi oħra, bħall-importanza tal-impjieg, imorru kontra dan it-trasferiment, li t-trasferiment (ta’ parti) mill-impriża mħejji qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment ma huwiex ser isir?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98).


Top