EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0726

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-24 ta’ Marzu 2022.
CT u Ferme de la Sarte SPRL vs Région wallonne.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d'État (il-Belġju).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika Agrikola Komuni (PAK) – Finanzjament mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) – Regolament (UE) Nru 1305/2013 – Artikolu 17(1)(b) – Għajnuna għall-investiment li tikkonċerna l-ipproċessar, il‑kummerċjalizzazzjoni u/jew l-iżvilupp ta’ prodotti agrikoli li jaqgħu taħt l-Anness I TFUE – Kunċett ta’ ‘prodotti agrikoli’ – Kunċetti ta’ ‘siġar ħajjin’ u ta’ ‘pjanti oħrajn, basal, għeruq u bħalhom – Lawn f’rombli għall-installazzjoni ta’ soqfa ħodor.
Kawża C-726/20.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:212

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

24 ta’ Marzu 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika Agrikola Komuni (PAK) – Finanzjament mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) – Regolament (UE) Nru 1305/2013 – Artikolu 17(1)(b) – Għajnuna għall-investiment li tikkonċerna l-ipproċessar, il‑kummerċjalizzazzjoni u/jew l-iżvilupp ta’ prodotti agrikoli li jaqgħu taħt l-Anness I TFUE – Kunċett ta’ ‘prodotti agrikoli’ – Kunċetti ta’ ‘siġar ħajjin’ u ta’ ‘pjanti oħrajn, basal, għeruq u bħalhom – Lawn f’rombli għall-installazzjoni ta’ soqfa ħodor”

Fil-Kawża C‑726/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Diċembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Diċembru 2020, fil-proċedura

CT,

Ferme de la Sarte SPRL

vs

Région wallonne,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Jääskinen, President tal-Awla, M. Safjan u N. Piçarra (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal CT u Ferme de la Sarte SPRL, minn A. Grégoire,

għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet u M. Van Regemorter, kif ukoll minn P. Cottin, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Dawes u M. Kaduczak, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU 2013, L 347, p. 487, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2017 (ĠU 2017, L 350, p. 15) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1305/2013”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn CT u Ferme de la Sarte SPRL minn naħa u r-Région wallonne (ir-Reġjun tal-Wallone, il-Belġju) min-naħa l-oħra, dwar iċ-ċaħda, minn dan tal-aħħar, ta’ għajnuna għall-istabbiliment u ta’ żewġ talbiet għal għajnuna għall-investiment imressqa minn Ferme de la Sarte.

Il‑kuntest ġuridiku

Ir‑Regolament Nru 1305/2013

3

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1305/2013, intitolat “Objettivi”, jistipula:

“Fi ħdan il-qafas ġenerali tal-[Politika Agrikola Komuni (PAK)], l-appoġġ għal żvilupp rurali, inkluż għal attivitajiet fis-settur tal-ikel u dak mhux tal-ikel u fil-forestrija, għandu jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi li ġejjin:

[…]

b)

l-iżgurar tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-azzjoni favur il-klima;

[…]”

4

Taħt it-titolu “Investimenti f’assi fiżiċi”, l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, inkluż fil-Kapitolu I tat-Titolu III dwar il-miżuri ta’ sostenn għall-iżvilupp rurali, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-appoġġ taħt din il-miżura għandu jkopri investimenti tanġibbli u/jew intanġibbli li:

[…]

b)

jikkonċernaw l-ipproċessar, il-kummerċjalizzazzjoni u/jew l-iżvilupp ta’ prodotti agrikoli koperti mill-Anness I tat-TFUE jew il-qoton, minbarra l-prodotti tas-sajd; ir-rendiment tal-proċess ta’ produzzjoni jista’ jkun prodott mhux kopert minn dak l-Anness; fejn l-appoġġ jingħata fil-forma ta’ strumenti finanzjarji, il-prodott inizjali jista’ jkun ukoll prodott mhux kopert minn dak l-Anness I bil-kondizzjoni li l-investiment jikkontribwixxi għal waħda jew aktar mill-prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali

[…]”

In‑NM

5

Il-Kapitolu 6 tal-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382) (iktar ’il quddiem in-“NM”), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1925 tat‑12 ta’ Ottubru 2017 (ĠU 2017, L 282, p. 1), li tapplika ratione temporis għat-tilwima fil-kawża prinċipali, bit-titolu “Siġar ħajjin u pjanti oħrajn; basal, għeruq u bħalhom” u jinkludi n-nota 1 li hija fformulata kif ġej:

“Suġġett għat-tieni parti tal-intestatura 0601, dan il-kapitolu jkopri biss siġar ħajjin u oġġetti (inklużi xitel veġetali) ta’ tip li komunement issibhom fornuti minn ġenniena tal-imxietel jew mingħand tal-fjuri għat-tħawwil jew għal użu ornamentali […]”

6

L-intestatura 0602 ta’ dan il-Kapitolu 6 tkopri “Pjanti oħrajn ħajjin (inklużi l-għeruq tagħhom), biċċiet u żabriet; spawn għall-faqqiegħ”.

7

Is-subintestatura 06029050 tkopri l-“pjanti l-oħrajn ta’ barra”. Skont in-Noti ta’ spjega għan-NM (ĠU 2015, C 76, p. 1), adottati abbażi tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2658/87, “[d]an is-subtitlu jinkludi wkoll rombli ta’ turf u kaxex ta’ turf għal lôns”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8

Sabiex jintegra l-azjenda agrikola tal-familja, CT akkwista 25.20 % tal-ishma ta’ Ferme de la Sarte, qabel ma nħatar amministratur tagħha. Fit‑23 ta’ Frar 2018, huwa kkonkluda ftehim dwar it-trasferiment tal-azjenda ma’ missieru bil-għan li jiżviluppa l-produzzjoni ta’ lawn f’rombli għall-installazzjoni ta’ soqfa ħodor.

9

Fil-21 ta’ Marzu 2018, Ferme de la Sarte ressqet quddiem ir-Région wallonne (ir-Reġjun tal-Wallonne) talba għal għajnuna għall-istabbiliment għat-trasferiment ta’ azjenda eżistenti u żewġ talbiet għal għajnuna għall-investiment li jikkonċernaw, rispettivament, il-kostruzzjoni ta’ maħżen, sabiex jinġabar temporanjament il-ħsad tal-lawn f’rombli, u x-xiri ta’ ħassad ċilindriku.

10

Peress li dawn it-tliet talbiet ġew miċħuda, permezz tad-deċiżjonijiet tal-20 u tat-28 ta’ Ġunju 2018, CT u Ferme de la Sarte ippreżentaw, fil‑31 ta’ Lulju 2018, appell kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem l-Organisme payeur de Wallonie (Korp tal-Ħlas fil-Wallonie).

11

Permezz ta’ deċiżjonijiet tas‑26 u tat‑30 ta’ Novembru 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), id-direttur ta’ dan il-korp ċaħad dan l-appell, peress li qies li l-għajnuna mitluba ma kinitx intiża għat-trasferiment ta’ azjenda agrikola, iżda għall-iżvilupp, fi ħdanha, ta’ attività sekondarja, jiġifieri l-produzzjoni ta’ lawn jew ta’ soqfa ħodor, li ma taqax taħt il-qasam agrikolu.

12

Fir-rigward, b’mod partikolari, taż-żewġ talbiet għal għajnuna għall-investiment, peress li, skont il-preċiżazzjonijiet ipprovduti minn Ferme de la Sarte, dawn kienu jirrigwardaw biss il-produzzjoni ta’ lawn, dawn ma jistgħux jitqiesu li huma relatati ma’ attività agrikola, fid-dawl b’mod partikolari tal-fatt li tali prodott ma huwiex imsemmi fl-Anness I tat-Trattat FUE. Għaldaqstant, it-talbiet inkwistjoni ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1305/2013, kif implimentat mir-Région wallonne (ir-Reġjun tal-Wallonne).

13

Fil‑25 ta’ Jannar 2019, CT u Ferme de la Sarte adixxew lill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) b’rikors għal annullament kontra d-deċiżjonijiet kontenzjużi, billi sostnew li l-lawn jikkostitwixxi prodott agrikolu li jaqa’ taħt l-Anness I tat-Trattat FUE. Huma jqisu li dawn id-deċiżjonijiet jinterpretaw b’mod restrittiv l-Artikolu 38 TFUE, billi jillimitaw il-kunċett ta’ “prodotti agrikoli” fih għal dak li jaqa’ taħt is-settur alimentari, meta s-“siġar ħajjin u pjanti oħrajn; basal, għeruq u bħalhom” imsemmija fil-Kapitolu 6 tal-imsemmi anness, li jirreferi għalih l-Artikolu 38 TFUE, ma jaqgħux taħt dan is-settur. Issa, il-lawn huwa pjanta ħajja li teħtieġ xogħol ortikolu u li tista’ tintuża bħala ornament.

14

Ir-Région wallonne (ir-Reġjun tal-Wollonne) jippreċiża li, skont l-informazzjoni li tinsab fuq is-sit internet uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea, il-Kapitolu 6 tal-Anness I tat-Trattat FUE jinkludi biss “siġar ħajjin u oġġetti ta’ tip li komunement issibhom fornuti minn ġenniena tal-imxietel jew mingħand tal-fjuri għat-tħawwil jew għal użu ornamentali”, bl-esklużjoni għaldaqstant tal-lawn.

15

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-motiv determinanti tad-deċiżjonijiet kontenzjużi huwa bbażat fuq interpretazzjoni li tgħid li l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1305/2013 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-produzzjoni ta’ lawn jew ta’ soqfa ħodor. Issa, peress li t-talbiet għal għajnuna inkwistjoni jaqgħu taħt il-PAK, huwa importanti, skont din il-qorti, li jiġi evitat li tiġi żviluppata ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ “prodotti agrikoli” li tista’ ma tkunx konformi mad-dritt tal-Unjoni.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 17 tar-[Regolament Nru 1305/2013] għandu jkun interpretat bħala li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-produzzjoni ta’ lawns jew soqfa ħodor?”

Fuq id-domanda preliminari

17

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk tal-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 1305/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “prodotti agrikoli koperti mill-Anness I [tat-Trattat FUE]” inkluż ikopri l-lawn f’rombli, b’tali mod li l-investimenti tanġibbli li jikkonċernawhom jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna abbażi tal-miżura ta’ għajnuna għall-iżvilupp rurali msemmija f’din id-dispożizzjoni.

18

Mill-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 1305/2013 jirriżulta li l-għajnuna abbażi tal-miżura “Investimenti f’assi fiżiċi” tkopri l-investimenti tanġibbli u/jew intanġibbli li “jikkonċernaw l-ipproċessar, il-kummerċjalizzazzjoni u/jew l-iżvilupp tal-prodotti agrikoli koperti mill-Anness I [tat-Trattat FUE] jew il-qoton, minbarra l-prodotti tas-sajd”.

19

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 38(1) TFUE jiddefinixxi, f’termini ġenerali, il-kunċett ta’ “prodotti agrikoli” bħala li jinkludi l-prodotti tal-art, tat-trobbija tal-annimali u tas-sajd, kif ukoll il-prodotti tal-ewwel ipproċessar li huma konnessi direttament ma’ dawn il-prodotti. Il-prodotti agrikoli, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huma elenkati fil-lista li hija s-suġġett tal-Anness I tat-Trattat FUE, li għaliha jirreferi l-Artikolu 38(3) ta’ dan it-trattat.

20

L-Anness I tat-Trattat FUE jinkludi l-Kapitolu 6, intitolat “Siġar ħajjin u pjanti oħra, basal, għeruq u oħrajn simili”. Peress li dan il-kapitolu, li jirreferi għall-istess prodotti bħall-Kapitolu 6 tan-NM, ma jinkludix spjegazzjonijiet dwar dawn il-kunċetti, jaqbel li jsir riferiment, għall-interpretazzjoni tagħhom, għall-interpretazzjonijiet miksuba u għall-metodi ta’ interpretazzjoni stabbiliti f’dak li jikkonċerna n-NM (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 1999, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑164/97 u C‑165/97, EU:C:1999:99, punt 18 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

21

In-NM tinkludi, fil-Kapitolu 6 tagħha, intitolat “Siġar ħajjin u pjanti oħrajn; basal, għeruq u bħalhom”, intestatura 0602, imsejħa “pjanti oħrajn ħajjin (inklużi l-għeruq tagħhom), biċċiet u żabriet; spawn għall-faqqiegħ”, b’subintestatura 06029050, imsejħa “pjanti oħrajn ta’ barra”. Skont in-Nota 1 dwar dan il-kapitolu, din l-intestatura u din is-subintestatura jinkludu l-prodotti normalment ipprovduti mill-ġenniena tal-imxietel jew mingħand tal-fjuri għat-tħawwil jew għal użu ornamentali.

22

Skont in-noti ta’ spjega tan-NM dwar is-subintestatura tariffarja 06029050, din tkopri, fost oħrajn, ir-rombli u l-kaxxi ta’ turf użati għal-lawn. Għalkemm dawn in-noti ta’ spjega ma humiex vinkolanti, huma jikkostitwixxu madankollu strument importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tan-NM u jipprovdu elementi validi għall-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2021, Samohýl group, C‑941/19, EU:C:2021:192, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Minn dan jirriżulta li l-lawn f’rombli jista’ jaqa’ taħt il-Kapitolu 6 tal-Anness I tat-Trattat FUE u, għaldaqstant, taħt il-kunċett ta’ “prodotti agrikoli”, fis-sens tal-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 1305/2013.

24

Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-għanijiet tar-Regolament Nru 1305/2013. Fil-fatt, sa fejn il-produzzjoni ta’ lawn għall-finijiet tal-installazzjoni tiegħu fuq bjut tal-bini tikkontribwixxi għall-għan imsemmi fl-Artikolu 4(b) ta’ dan ir-regolament, li jikkonsisti f’li tiġi ggarantita l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-implementazzjoni ta’ miżuri intiżi sabiex jippreżervaw il-klima, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti agrikoli” fis-sens li tkopri l-lawn f’rombli u li, għaldaqstant, l-investimenti li jikkonċernawh jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna skont l-Artikolu 17(1)(b) tal-imsemmi regolament hija konformi ma’ dan il-għan.

25

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 1305/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “prodotti agrikoli koperti mill-Anness I [tat-Trattat FUE]” inkluż fih ikopri il-pjanti użati għall-installazzjoni ta’ soqfa ħodor, bħal-lawn f’rombli, b’tali mod li l-investimenti tanġibbli li jikkonċernawhom jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna abbażi tal-miżura ta’ għajnuna għall-iżvilupp rurali msemmija f’din id-dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

26

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “prodotti agrikoli koperti mill-Anness I [tat-Trattat FUE]” inkluż fih ikopri il-pjanti użati għall-installazzjoni ta’ soqfa ħodor, bħal-lawn f’rombli, b’tali mod li l-investimenti tanġibbli li jikkonċernawhom jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna abbażi tal-miżura ta’ għajnuna għall-iżvilupp rurali msemmija f’din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top